16.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 15/24


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) fit-22 ta’ Settembru 2022 – FN

(Kawża C-609/22)

(2023/C 15/26)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellant: FN

Awtorità li kontriha ġie ppreżentat l-appell: Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (BFA)

Domandi preliminari

1)

L-akkumulazzjoni ta’ miżuri meħuda, sostnuti jew permessi fi Stat min-naħa ta’ attur li huwa de facto awtorità governattiva u li jikkonsistu, b’mod partikolari, fil-fatt li n-nisa

ma jitħallewx jipparteċipaw f’pożizzjonijiet politiċi u fi proċessi politiċi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet;

ma jingħataw ebda rimedji legali sabiex jiksbu protezzjoni kontra vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u kontra l-vjolenza domestika;

jinsabu, b’mod ġenerali, f’riskju ta’ żwieġ sfurzat f’sitwazzjoni fejn, minkejja li ġew ipprojbiti mill-attur li huwa de facto awtorità governattiva, in-nisa ma jgawdux minn protezzjoni effettiva kontra żwieġ sfurzat u tali żwiġijiet xi drabi jitwettqu bil-parteċipazzjoni ta’ atturi li huma de facto awtorità governattiva bl-għarfien tal-fatt li huma żwiġijiet sfurzati;

ma jistgħux jaqilgħu l-għajxien tagħhom bħala impjegati jew jitħallew jagħmlu dan b’mod limitat biss, prinċipalment fid-dar tagħhom;

għandhom diffikultajiet f’termini ta’ aċċess għal faċilitajiet tal-kura tas-saħħa;

huma mċaħħda kompletament jew sostanzjalment minn aċċess għal edukazzjoni (pereżempju minħabba li l-bniet huma permessi edukazzjoni fi skola primarja biss);

ma humiex permessi li jkunu jew li jiċċaqilqu fil-pubbliku mingħajr ma jkunu akkumpanjati minn raġel (li jrid ikun membru partikolari tal-familja) jew, l-iktar l-iktar, jitħallew jagħmlu dan biss kemm-il darba ma jitbegħdux iktar minn ċerta distanza minn darhom;

huma obbligati jgħattu kompletament il-persuna tagħhom u jgħattu wiċċhom b’velu meta jkunu fil-pubbliku;

ma jistgħux jieħdu sehem f’attivitajiet sportivi,

fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (1), għandhom jitqiesu li huma serji biżżejjed sabiex jaffettwaw mara b’mod simili kif imsemmi fl-Artikolu 9(1)(a) ta’ din id-direttiva?

2)

Għall-finijiet tal-għoti tal-istatus ta’ ażil, huwa biżżejjed li mara tkun affettwata minn dawn il-miżuri fil-pajjiż ta’ oriġini minħabba s-sempliċi raġuni li hija mara, jew huwa meħtieġ li s-sitwazzjoni individwali ta’ mara tiġi evalwata sabiex jiġi ddeterminat jekk hijiex affettwata minn dawn il-miżuri, meqjusa fl-intier tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva 2011/95?


(1)  ĠU 2011, L 337, p. 9.