23.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/21


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy w Słupsku (il-Polonja) fid-19 ta’ Settembru 2022 – M.S., J.W. u M.P.

(Kawża C-603/22)

(2023/C 24/30)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Rejonowy w Słupsku

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: M.S., J.W., M.P., Prokurator Rejonowy w Słupsku, D.G.- kuratur maħtur għal M.B. i B.B.

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 6(1), (2), (3)(a) u (7) kif ukoll l-Artikolu 18, moqrija flimkien mal-premessi 25, 26 u 27 tad-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali (1), għandhom jiġu interpretati fis-sens li, mill-mument meta persuna taħt l-età ta’ 18-il sena ssuspettata li ħadet sehem fi ksur tiġi mixlija, l-awtoritajiet responsabbli mill-proċedura huma obbligati li jiżguraw li l-wild jibbenefika mid-dritt li jiġi assistit minn avukat ex officio meta ma jkollux avukat tal-għażla tiegħu (billi l-wild jew il-persuna li għandha r-responsabbiltà tal-ġenituri ma jkunux żguraw tali assistenza minn rajhom) u li jiżguraw li l-avukat difensur jipparteċipa fl-atti tal-fażi ta’ qabel il-proċess bħall-interrogazzjoni tal-minuri inkwantu suspettat, u fis-sens li jipprekud[u] li l-minuri jiġi interrogat fl-assenza ta’ avukat difensur?

2)

L-Artikolu 6(6) u (8), moqri flimkien mal-premessi 16, 30, 31 u 32 tad-Direttiva 2016/800 għandu jiġi interpretat fis-sens li f’ebda każ ma tista’ ssir deroga għall-assistenza ta’ avukat difensur mingħajr dewmien żejjed fil-kawżi li jikkonċernaw ksur punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà u li deroga temporanja għall-applikazzjoni tad-dritt għall-assistenza ta’ avukat difensur, fis-sens tal-Artikolu 6(8) tad-Direttiva, hija possibbli biss fil-kuntest tal-fażi ta’ qabel il-proċess u unikament fiċ-ċirkustanzi elenkati strettament fl-Artikolu 6(8)(a) u (b), liema ċirkustanzi għandhom jissemmew espliċitament fid-deċiżjoni, li bħala prinċipju tista’ tiġi kkontestata, li ssir l-interrogazzjoni fl-assenza ta’ avukat?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal mill-inqas waħda mid-domandi 1 u 2, id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali bħal:

a)

it-tieni sentenza tal-Artikolu 301 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, li jipprevedi li huwa biss fuq it-talba tiegħu li s-suspettat jiġi interrogat fil-preżenza tal-avukat difensur maħtur, u li l-assenza tal-avukat difensur għall-interrogazzjoni tas-suspettat ma tipprekludix l-interrogazzjoni?

b)

l-Artikolu 79(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, li jipprevedi li, fil-każ ta’ persuna taħt l-età ta’18-il sena (il-punt 1 tal-Artikolu 79(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), il-preżenza tal-avukat difensur hija obbligatorja biss waqt is-seduta kif ukoll waqt is-sessjonijiet li fihom il-persuna akkużata hija obbligata li tipparteċipa, jiġifieri fl-istadju tal-proċess?

4)

Id-dispożizzjonijiet indikati fid-domandi 1 u 2 kif ukoll il-prinċipju ta’ supremazija u l-prinċipju ta’ effett dirett tad-direttivi għandhom jiġu interpretati fis-sens li jagħtu s-setgħa (jew anki jobbligaw) lill-qorti nazzjonali adita b’kawża kriminali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/800 u lil kwalunkwe awtorità tal-Istat li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mad-Direttiva, bħal dawk imsemmija fid-domanda 3, u, b’konsegwenza – b’kunsiderazzjoni tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni – li tissostitwixxi r-regola nazzjonali bir-regoli tad-Direttiva preċedentement imsemmija li għandhom effett dirett?

5)

L-Artikolu 6(1), (2), (3) u (7) u l-Artikolu 18, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(1) u (2), flimkien mal-premesssi 11, 25 u 26 tad-Direttiva 2016/800 flimkien mal-Artikolu 13 u mal-premessa 50 tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (2), għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istat Membru jiggarantixxi assistenza legali ex officio għas-suspettati jew għall-persuni akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali li kienu tfal fil-mument meta nbdiet il-proċedura iżda li sussegwentement laħqu l-eta ta’ 18-il sena, u li din l-assistenza għandha natura obbligatorja sal-għeluq definittiv tal-proċedura?

6)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 5, konsegwentement id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-punt 1 tal-Artikolu 79(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, li jipprevedi li, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, il-persuna akkużata għandha tiġi difiża unikament sakemm tagħlaq l-età ta’ 18-il sena?

7)

Id-dispożizzjonijiet indikati fid-domanda 5 kif ukoll il-prinċipju ta’ supremazija u l-prinċipju ta’ effett dirett tad-direttivi għandhom jiġu interpretati fis-sens li jagħtu s-setgħa (jew anki jobbligaw) qorti nazzjonali adita b’kawża kriminali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/800 u lil kwalunkwe awtorità tal-Istat li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mad-Direttiva, bħal dawk imsemmija fid-domanda 5, u, li tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 79(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, billi tinterpretahom konformement mad-Direttiva (interpretazzjoni konformi), jiġifieri li żżomm il-ħatra ex officio ta’ avukat difensur għall-persuna akkużata li kienet taħt l-età ta’ 18-il sena fil-mument li ġiet mixlija iżda li sussegwentement, matul il-proċedura, għalqet l-età ta’ 18-il sena u li fir-rigward tagħha l-proċedura kriminali tkun għadha pendenti, sal-għeluq definittiv tal-proċedura, fejn huwa mifhum li dan huwa neċessarju b’kunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi li jipprekludu d-difiża, jew, b’kunsiderazzjoni tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, li tiġi ssostitwita r-regola nazzjonali bir-regoli tad-Direttiva preċedentement imsemmija li għandhom effett dirett?

8)

L-Artikolu 4(1) sa (3), moqri flimkien mal-premessi 18, 19 u 22 tad-Direttiva 2016/800, u l-Artikolu 3(2), moqri flimkien mal-premessi 19 u 26 tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (3) għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-pulizija), sa mhux iktar tard qabel l-ewwel interrogazzjoni uffiċjali tal-persuna ssuspettata, mill-pulizija jew minn awtorità kompetenti oħra, għandhom mingħajr dewmien jinfurmaw lil din il-persuna kif ukoll, simultanjament, lill-persuna li għandha r-responsabbiltà tal-ġenituri, dwar id-drittijiet li huma essenzjali sabiex tiġi ggarantita proċedura xierqa, u stadji tal-proċedura, inkluż, b’mod partikolari, tal-obbligu li jinħatar avukat difensur għal persuna suspettata minuri u tal-konsegwenzi tal-assenza ta’ għażla ta’ avukat għal persuna akkużata minuri (ħatra ta’ avukat ex officio), filwaqt li huwa ppreċiżat, fir-rigward tas-suspettati li huma tfal, li din l-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata f’lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli adattat għall-età tal-minuri?

9)

L-Artikolu 7(1) u (2), moqri flimkien mal-premessa 31 tad-Direttiva (UE) 2016//343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (4), flimkien mal-Artikolu 3(1)(e) u (2) tad-Direttiva 2012/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru responsabbli minn proċedura kriminali li tinvolvi suspettat/persuna akkużata li hija wild huma obbligati li jinformaw lill-wild suspettat bid-dritt tiegħu li jibqa’ sieket u bid-dritt tiegħu li ma jinkriminax ruħu, b’mod li jinftiehem u li jkun adattat għall-età tiegħu?

10)

Fid-dawl tal-Artikolu 4(1) sa (3), moqri flimkien mal-premessi 18, 19 u 22 tad-Direttiva 2016/800 u tal-Artikolu 3(2) flimkien mal-premessi 19 u 26 tad-Direttiva 2012/13 [għandha tiġi adottata l-interpretazzjoni li] ma jiġux issodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq meta dokument ta’ informazzjoni ta’ natura ġenerali jingħata ftit qabel l-interrogazzjoni ta’ suspettat minuri, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tad-drittjijiet speċifiċi li jirriżultaw mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/800, fejn dan id-dokument ta’ informazzjoni jingħata unikament lis-suspettat, mingħajr assistenza ta’ avukat difensur, filwaqt li tiġi eskluża l-persuna li għandha r-responsabbiltà tal-ġenituri u f’sitwazzjoni fejn tali dokument ta’ informazzjoni jkun redatt f’lingwaġġ mhux adattat għall-età tas-suspettat?

11)

L-Artikoli 18 u 19, moqrija flimkien mal-premessa 26 tad-Direttiva 2016/800 u l-Artikolu 12(2) moqri flimkien mal-premessa 50 tad-Direttiva 2013/48 flimkien mal-Artikolu 7(1) u (2), moqri flimkien mal-Artikolu 10(2), flimkien mal-premessa 44 tad-Direttiva 2016/343, kif ukoll il-prinċipju ta’ smigħ xieraq għandhom jiġu interpretati fis-sens li – fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ suspettat matul interrogazzjoni tal-pulizija li ssir mingħajr ma dan kellu aċċess għal avukat u mingħajr ma kien ġie informat b’mod xieraq bid-drittijiet tiegħu, mingħajr ma l-persuna li għandha r-responsabbiltà tal-ġenituri kienet ġiet informat bid-drittijiet u bl-aspetti ġenerali tal-iżvolġiment tal-proċedura li l-wild għandu d-dritt li jibbenefika minnha bis-saħħa tal-Artikolu 4 tad-Direttiva – dawn id-dispożizzjonijiet jobbligaw (jew jagħtu s-setgħa) lill-qorti nazzjonali adita b’kawża kriminali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi ċċitati iktar ’il fuq u lil kull awtorità tal-Istat, li tagħmel mezz li s-suspettati/persuni akkużati jitqiegħdu fl-istess sitwazzjoni bħal dik li fiha kienu jsibu ruħhom kieku n-nuqqasijiet inkwistjoni ma kinux seħħew, u b’konsegwenza li ma tiħux inkunsiderazzjoni din il-prova, b’mod partikolari meta l-informazzjoni inkriminanti miksuba matul din l-interrogazzjoni tintuża sabiex il-persuna kkonċernata tiġi kkundannata?

12)

Id-dispożizzjonijiet indikati fid-domanda 11, kif ukoll il-prinċipju ta’ prijorità u l-prinċipju ta’ effett dirett, għandhom bħala konsegwenza li jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq il-qorti nazzjonali adita b’kawża kriminali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi ċċitati iktar ’il fuq u lil kull awtorità oħra tal-Istat li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li huma inkompatibbli ma’ dawn id-direttivi, bħall-Artikolu 168a tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, li jipprevedi li prova ma tistax tiġi kklassifikata bħala inammissibbli unikament minħabba li tkun inkisbet bi ksur tar-regoli proċedurali jew permezz ta’ rimedji ta’ delitt imsemmija fl-Artikolu 1(1) tal-Kodiċi Kriminali, sakemm din il-prova ma tkunx inkisbet, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-obbligi professjonali tiegħu minn uffiċjal pubbliku, wara omiċidju, daqqiet u korrimenti volontarji jew ċaħda tal-libertà?

13)

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2016/800, moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-prosekutur, bħala korp li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, jiżgura l-osservanza tal-Istat tad-dritt, li huwa fl-istess ħin responsabbli mill-proċedura ta’ qabel il-proċess, għandu l-obbligu li jiżgura, matul din il-fażi ta’ qabel il-proċess, protezzjoni ġudizzjarja effettiva għal dak li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva ċċitata iktar ’il fuq u li, fil-kuntest tal-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiggarantixxi l-indipendenza tiegħu u l-imparzjalità tiegħu?

14)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal waħda mid-domandi tal-punti 1 sa 4, 5 sa 8, 9 sa 12, b’mod partikolari fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 13, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva), moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari mal-prinċipju tal-osservanza tal-Istat tad-dritt kif interpretat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2021, Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie u Tribunalul Bihor, Kawżi magħquda C-357/19, C-379/19, C-547/19, C-811/19 u C-840/19, EU:C:2021:1034), kif ukoll il-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif interpretat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C-64/16, EU:C:2018:117) għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn il-prinċipji, b’kunsiderazzjoni tal-possibbiltà ta’ pressjonijiet indiretti eżerċitati fuq l-Imħallfin u fuq il-possibbiltà għall-Prosekutur Ġenerali li jagħti istruzzjonijiet vinkolanti f’dan ir-rigward lill-prosekuturi ta’ grad inferjuri, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li minnha jirriżulta li l-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa dipendenti minn korp eżekuttiv, jiġifieri l-Ministru għall-Ġustizzja, kif ukoll dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrestrinġu l-indipendenza tal-qorti u dik tal-prosekutur fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari:

a)

l-Artikolu 130(1) tal-ustawa z dnia 27 lipca 2001 roku o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi tas-27 ta’ Lulju 2001 dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni), li jippermetti lill-Ministru għall-Ġustizzja – mill-fatt tal-obbligu tal-prosekutur li jindika sitwazzjoni li fiha qorti tiddeċiedi billi tapplika d-dritt tal-Unjoni – li jordna s-sospensjoni immedjata tal-funzjonijiet tal-Imħallef sal-adozzjoni ta’ riżoluzzjoni tal-qorti dixxiplinari, għal tul massimu ta’ xahar, meta, b’kunsiderazzjoni tan-natura tal-att imwettaq mill-Imħallef, li kkonsista li japplika direttament id-dritt tal-Unjoni, il-Ministru għall-Ġustizzja jqis li l-awtorità tal-qorti jew l-interessi essenzjali tas-servizz jeżiġu dan?

b)

l-Artikolu 1(2), il-punti 1 u 3 tal-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 7(1) sa (6) u (8) kif ukoll l-Artikolu 13(1) u (2) tal-ustawa z dnia 28 stycznia 2016 roku Prawo o prokuraturze (il-Liġi tat-28 ta’ Jannar 2016 dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur), minn fejn jirriżulta, abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien, li l-Ministru għall-Ġustizzja, li huwa fl-istess ħin il-Prosekutur Ġenerali u l-ogħla grad tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, jista’ jadotta istruzzjonijiet vinkolanti għall-prosekuturi ta’ grad inferjuri, inkluż sabiex jillimita jew jostakola l-applikazzjoni diretta tad-dritt tal-Unjoni?


(1)  ĠU 2016, L 132, p. 1.

(2)  ĠU 2013, L 294, p. 1.

(3)  ĠU 2012, L 142, p. 1.

(4)  ĠU 2016, L 65, p. 1.