23.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/20


Appell ippreżentat fis-16 ta’ Settembru 2022 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fis-6 ta’ Lulju 2022 fil-Kawża T-408/21, HB vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-597/22 P)

(2023/C 24/29)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Baquero Cruz, J. Estrada de Solà u B. Araujo Arce, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: HB (rappreżentant: L. Levi, avocate)

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tas-6 ta’ Lulju 2022, fil-Kawża T-408/21, HB vs Il-Kummissjoni, sa fejn tannulla d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(2021) 3339 final, tal-5 ta’ Mejju 2021, u C(2021) 3340 final, tal-5 ta’ Mejju 2021;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu fir-rigward tar-rikors għal annullament;

tikkundanna lil HB għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka aggravju uniku għal annullament ibbażat fuq żball ta’ liġi.

Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li d-Deċiżjonijiet C(2019) 7318 final u C(2019) 7319 kienu ta’ natura kuntrattwali.

B’konsegwenza, il-klassifikazzjoni żbaljata tan-natura kuntrattwali ta’ dawn iż-żewġ djun tfisser, skont il-ġurisprudenza ADR (C-584/17), l-annullament żbaljat tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(2021) 3339 final, tal-5 ta’ Mejju 2021, u C(2021) 3340 final, tal-5 ta’ Mejju 2021, suġġett ta’ dan ir-rikors.