21.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 441/9


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italia) fid-19 ta’ Awwissu 2022 – Autorità di Regolazione per Energia Reti e Ambiente (ARERA) vs Fallimento Esperia SpA, Gestore dei Servizi Energetici SpA – GSE

(Kawża C-558/22)

(2022/C 441/13)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Autorità di Regolazione per Energia Reti e Ambiente (ARERA)

Konvenuti: Fallimento Esperia SpA, Gestore dei Servizi Energetici SpA – GSE

Domanda preliminari:

Id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

l-Artikolu 18 TFUE, sa fejn jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattati;

l-Artikoli 28 u 30 TFUE, sa fejn jipprevedu t-tneħħija tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni u miżuri li għandhom effett ekwivalenti;

l-Artikolu 110 TFUE, sa fejn jipprojbixxi taxxi fuq l-importazzjonijiet ogħla minn dawk applikati direttament jew indirettament għall-prodotti nazzjonali simili;

l-Artikolu 34 TFUE, sa fejn jipprojbixxi l-adozzjoni ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni;

l-Artikoli 107 u 108 TFUE, sa fejn jipprojbixxu l-implimentazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat mhux innotifikata lill-Kummissjoni u inkompatibbli mas-suq intern;

id-Direttiva 2009/28/KE (1), sa fejn għandha l-għan li tippromwovi l-kummerċ intra-Komunitarju tal-elettriku ekoloġiku, li tiffavorixxi barra minn hekk il-promozzjoni tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ Stati Membri individwali,

jipprekludu liġi nazzjonali bħal dik deskritta iktar 'il fuq li timponi piż finanzjarju fuq l-importaturi tal-elettriku ekoloġiku li ma huwiex applikabbli għall-produtturi nazzjonali tal-istess prodott?


(1)  Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16).