14.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 432/10


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fil-11 ta’ Awwissu 2022 – SB vs Agrárminiszter

(Kawża C-538/22)

(2022/C 432/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék.

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: SB

Konvenut: Agrárminiszter.

Domandi preliminari

1)

Il-prattika ta’ Stat Membru li skontha, meta, skont il-kriterju stabbilit mill-Istat Membru għad-dritt għal għajnuna, ir-rata ta’ twelid milħuqa fir-rigward tan-numru ta’ annimali ddikjarati tkun inqas minn dik meħtieġa u ddeterminata għall-annimali ddikjarati, it-talba għall-ħlas tal-għajnuna assoċjata mal-produzzjoni għall-baqar li jreddgħu għandha tiġi miċħuda kompletament, anki meta r-rata ta’ twelid meħtieġa tintlaħaq fi ħdan grupp iżgħar tal-annimali ddikjarati, peress li perċentwali ta’ twelid inqas minn dik meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tirriżulta f’li ebda wieħed mill-annimali ddikjarati ma jkun ammess, hija konformi mal-Artikolu 30(3) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (1), fid-dawl tal-premessi 28 u 31, tal-punti 16 u 18 tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 31(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda preliminari preċedenti, fil-każ inkwistjoni, meta l-perċentwali ta’ twelid milħuqa tkun inqas minn dik meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti ta’ gradazzjoni u ta’ proporzjonalità stabbiliti fil-premessi 28 u 31 tar-regolament iċċitat u tal-artikoli tad-dritt tal-Unjoni ċċitati fl-ewwel domanda preliminari, in-numru ta’ annimali ammessi fis-sens tal-punt 18 tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 30(3) tal-imsemmi regolament għandu jiġi ddeterminat:

(a)

billi jiġu kklassifikati bħala annimali ammessi biss dawk li jkunu welldu, jew

(b)

billi jiġu kklassifikati bħala annimali ammessi dawk li, fost l-annimali ddikjarati, jifformaw il-grupp li fih tkun intlaħqet ir-rata ta’ twelid stipulata fil-leġiżlazzjoni nazzjonali?

3)

Fid-dawl tal-Artikolu 30(3) u tal-Artikolu 31(1) u (2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 640/2014 u tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità stabbilit fil-premessa 31 tiegħu, l-Artikolu 31(3) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi ddeterminata l-bażi tas-sanzjoni, għandu jiġi stabbilit jew il-proporzjon bejn l-annimali mhux konformi u dawk konformi, jew il-proporzjon bejn l-annimali ddikjarati u dawk konformi, u, barra minn hekk, il-kwozjent hekk miksub għandu jiġi mmultiplikat ukoll b’100 sabiex tiġi kkalkolata l-perċentwali?

(1)  ĠU 2014, L 181, p. 48.