10.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 389/8


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja) fis-27 ta’ Lulju 2022 – Agenzia delle Dogane e dei Monopoli vs Girelli Alcool Srl

(Kawża C-509/22)

(2022/C 389/10)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte suprema di cassazione

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Agenzia delle Dogane e dei Monopoli

Konvenut: Girelli Alcool Srl

Domandi preliminari

1)

Fl-ewwel lok, il-kunċett ta’ każ fortuwitu bħala l-kawża ta’ telf li jseħħ taħt-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118/KE (1), għandu jiġi interpretat jew le, bħall-każ ta’ forza maġġuri, fis-sens li ċirkustanzi indipendenti mir-rieda tal-magazzinier awtorizzat, mhux normali u imprevedibbli, u li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata minnu, b’tali mod li kwalunkwe possibbiltà ta’ kontroll tiegħu hija oġġettivament eskluża?

2)

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-esklużjoni mir-responsabbiltà fil-każ ta’ każ fortuwitu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, u skont il-każ, b’liema mod, id-diliġenza wżata fit-teħid tal-prekawzjonijiet neċessarji sabiex jiġi evitat il-fatt dannuż?

3)

Sussidjarjament, fir-rigward tal-ewwel żewġ domandi, dispożizzjoni bħall-Artikolu 4(1) tad-decreto legislativo 26 ottobre 1995 n. 504 (id-Digriet Leġiżlattiv tas-26 ta’ Ottubru 1995, Nru 504), li tassimila l-każ fortuwitu u l-każ ta’ forza maġġuri, għan-nuqqas mhux serju (tal-persuna kkonċernata stess jew ta’ terzi), hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118, li ma jipprevedix każijiet oħra, b’mod partikolari fir-rigward tan-“nuqqas” tal-awtur tal-fatt jew tal-persuna kkonċernata?

4)

Fl-aħħar nett, il-frażi “b’konsegwenza ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru”, li tinsab ukoll fl-Artikolu 7(4) imsemmi iktar ’il fuq, tista’ tinftiehem li tikkostitwixxi possibbiltà għall-Istat Membru sabiex jistabbilixxi kategorija ġenerali addizzjonali (in-nuqqas żgħir) li tista’ taffettwa d-definizzjoni tar-rilaxx għall-konsum fil-każ ta’ qerda jew ta’ telf tal-prodott jew tali possibbiltà għandha tiġi eskluża, peress li tali frażi għandha tinftiehem, għall-kuntrarju, fis-sens li tirreferi għal sitwazzjonijiet speċifiċi awtorizzati fuq bażi ta’ każ b’każ jew, fi kwalunkwe każ, f’kategoriji ta’ każijiet iddefiniti minn qabel skont kriterji oġġettivi?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12).