7.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 424/20


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija) fit-13 ta’ Lulju 2022 – Agentsia “Patna infrastruktura” vs Rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa “Transport” 2007-2013 i direktor na direktsia “Koordinatsia na programi i proekti” v Ministerstvo na transporta

(Kawża C-471/22)

(2022/C 424/26)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad Sofia-grad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Agentsia “Patna infrastruktura

Konvenuti: Rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa “Transport” 2007-2013 i direktor na direktsia “Koordinatsia na programi i proekti” v Ministerstvo na transporta

Domandi preliminari

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C (2021) [5739] tas-27 ta’ Lulju 2021, li tannulla parti mill-kontribuzzjoni magħmula mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-Programm Operazzjonali “Trasport 2007-2013” taħt l-għan ta’ “Konverġenza” fil-Bulgarija fir-rigward tal-entrata CCI2007BG161P0004 hija valida fid-dawl tar-rekwiżiti dwar il-ġustifikazzjoni, il-motivazzjoni, in-natura eżawrjenti u n-natura mhux unilaterali tal-verifika mwettqa konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u fid-dawl tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba fis-sens tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

2)

L-Artikolu 100 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea jkunu legali, il-Kummissjoni ma għandhiex tistabbilixxi, tanalizza u tikklassifika l-fatti legalment sinjifikattivi kollha għall-proċedura, iżda għandha sempliċement tifforma l-konklużjonijiet tagħha abbażi biss tal-komunikazzjoni u tal-iskambju tal-pożizzjonijiet u, rispettivament tan-notifiki, mal-Istat Membru?

3)

F’sitwazzjoni bħal dik ineżami f’din il-kawża, fejn hemm involut att adottat mill-Kummissjoni Ewropea li daħal fis-seħħ u li jiddetermina l-korrezzjoni finanzjarja ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ irregolarità kkonstatata fl-infiq tar-riżorsi tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ tliet proċeduri separati għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-korpi nazzjonali kompetenti għandhom jimplimentaw proċeduri indipendenti sabiex tiġi stabbilita irregolarità bil-għan li tiġi applikata korrezzjoni finanzjarja legali konformement mal-Artikolu 98 tar-Regolament Nru 1083/2006?

4)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda preċedenti, għandu jitqies li d-dritt tal-individwi għall-parteċipazzjoni fil-proċedura għad-determinazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja mill-Istati Membri huwa rrispettat konformement mad-dritt għal amministrazzjoni tajba fis-sens tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?

5)

F’sitwazzjoni bħal dik ineżami f’din il-kawża, fejn hemm involut att adottat mill-Kummissjoni Ewropea li daħal fis-seħħ u li jiddetermina l-korrezzjoni finanzjarja ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ irregolarità kkonstatata fl-infiq tar-riżorsi tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ tliet proċeduri separati għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali, meta tkun adita b’rikors kontra att ta’ korp nazzjonali kompetenti li jiddetermina l-korrezzjoni finanzjarja fil-kuntest ta’ waħda minn dawn il-proċeduri ta’ għoti, hija marbuta minn dak li jkun ġie stabbilit u kkonstatat mill-Kummissjoni, jew l-imsemmija dispożizzjoni legali tirrikjedi li l-qorti għandha, fil-kuntest ta’ proċess ġudizzjarju sħiħ u permezz tal-miżuri kollha permessi mil-liġi, tistabbilixxi u tinvestiga l-fatti legalment sinjifikattivi u ċ-ċirkustanzi tat-tilwima meta tagħti deċiżjoni legali vinkolanti?

6)

Fil-każ li r-risposta għad-domanda preċedenti tkun fis-sens li l-qorti nazzjonali hija marbuta mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, inkluż fir-rigward tal-konstatazzjonijiet fattwali magħmulha fih, jista’ jitqies li d-dritt għal rimedji ġudizzjarji effettivi u għal smigħ xieraq tal-persuni kkonċernati mill-korrezzjoni finanzjarja imposta huwa żgurat konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?


(1)  ĠU 2006, L 210, p. 25, rettifiki fil-ĠU 2006, L 239, p. 248, fil-ĠU 2007, L 145, p. 38, fil-ĠU 2007, L 164, p. 36, u fil-ĠU 2008, L 301, p. 40.