19.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 359/29


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) fl-10 ta’ Ġunju 2022 – Google Ireland Limited, Tik Tok Technology Limited, Meta Platforms Ireland Limited vs Kommunikationsbehörde Austria (Komm Austria)

(Kawża C-376/22)

(2022/C 359/33)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Google Ireland Limited, Tik Tok Technology Limited, Meta Platforms Ireland Limited.

Konvenut: Kommunikationsbehörde Austria (Komm Austria).

Domandi preliminari

1.

L-Artikolu 3(4)(a)(ii) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “miżuri meħuda kontra servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni” jista’ jinkludi miżuri leġiżlattivi li jikkonċernaw kategorija ta’ servizzi partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni deskritta b’termini ġenerali (bħalma huma l-“pjattaformi ta’ komunikazzjoni”), jew l-eżistenza ta’ tali miżuri timplika t-teħid ta’ deċiżjoni każ b’każ (pereżempju fir-rigward ta’ pjattaforma ta’ komunikazzjoni identifikata b’isimha)?

2.

L-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ urġenza, il-fatt li tali miżuri ma jiġux innotifikati (a posteriori) “fl-iqsar żmien possibbli” lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun stabbilit il-fornitur tas-servizz, kif tipprevedi din id-dispożizzjoni, jimplika, mal-iskadenza ta’ terminu suffiċjenti sabiex titwettaq din in-notifika (a posteriori), in-nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ dawn il-miżuri għal servizz partikolari?

3.

L-Artikolu 28a(1) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (2), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) fid-dawl ta’ realtajiet tas-suq li qed jinbidlu (3), jipprekludi l-applikazzjoni ta’ miżuri, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, li la jikkonċernaw il-programmi u lanqas il-videos maħluqa mill-utenti pprovduti fuq pjattaforma għall-kondiviżjoni ta’ videos?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399.

(2)  ĠU 2010, L 95, p. 1, rettifika fil-ĠU 2010, L 263, p. 15.

(3)  ĠU 2018, L 303, p. 69.