19.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 359/27


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Polonja) fit-8 ta’ Ġunju 2022 – G sp. z o.o. vs W S.A.

(Kawża C-371/22)

(2022/C 359/30)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Okręgowy w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellant: G sp. z o.o.

Appellat: W S.A.

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (1), li jeżiġi li l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-konsumatur tal-enerġija (impriża żgħira) fil-każ ta’ bidla fil-fornitur tal-enerġija jseħħ konformement mal-prinċipju li jiggarantixxi lill-klijenti eliġibbli l-possibbiltà effettiva li jbiddlu faċilment lill-fornitur, u li jeżiġi li din il-bidla sseħħ b’mod mhux diskriminatorju, fir-rigward ta’ spejjeż, investiment jew żmien, għandu jiġi interpretat b’mod tali li jipprekludi l-possibbiltà li tiġi imposta penalità kuntrattwali fuq il-konsumatur tal-enerġija minħabba xoljiment ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ enerġija konkluż għal żmien determinat fil-każ li l-konsumatur ikollu l-intenzjoni li jbiddel il-fornitur tal-enerġija, u dan mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont tad-dannu mġarrab (Artikoli 483(1) u 484(1) u (2) tal-ustawa z dnia 23 kwietnia 1964 r. kodeks cywilny (il-Liġi tat-23 ta’ April 1964 li jintroduċi l-Kodiċi Ċivili)) kif ukoll mingħajr ma l-ustawa prawo energetyczne (Artikolu 4j(3a) tal-ustawa z dnia 10 kwietnia 1997 r. prawo energetyczne (il-Liġi tal-10 ta’ April 1997 dwar l-Enerġija) tkun tiddetermina xi tip ta’ kriterju għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ dawn l-ispejjeż u liema tnaqqis għandu jiġu applikat għalihom?

2)

L-Artikolu 3(5) u (7) tad-Direttiva 2009/72, li jeżiġi li l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-konsumatur tal-enerġija (impriża żgħira) fil-każ ta’ bidla fil-fornitur tal-enerġija jseħħ b’mod mhux diskriminatorju fir-rigward ta’ spejjeż, investiment jew żmien, kif ukoll konformement mal-prinċipju li jiggarantixxi lill-klijenti eliġibbli l-possibbiltà effettiva li jbiddlu faċilment lill-fornitur, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali li, fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ forniment tal-enerġija qabel l-iskadenza tat-terminu tiegħu konkluż mal-fornitur għal żmien determinat, tippermetti l-ġbir mingħand il-konsumaturi (impriżi żgħar) ta’ spejjeż li de facto jikkorrispondu għall-prezz tal-enerġija mhux użata sat-tmiem [inizjali] tal-kuntratt konformament mal-prinċipju ta’ “take or pay”?


(1)  ĠU 2009, L 211, p. 55.