11.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 266/8


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal da Relação de Lisboa (il-Portugall) fis-17 ta’ Marzu 2022 – Super Bock Bebidas SA, AN, BQ vs Autoridade da Concorrência

(Kawża C-211/22)

(2022/C 266/11)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal da Relação de Lisboa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Super Bock Bebidas SA, AN, BQ

Konvenut: Autoridade da Concorrência

Domandi preliminari

1)

L-iffissar vertikali tal-prezzijiet minimi huwa, fih innifsu, ksur minħabba l-għan, li ma jirrikjedix analiżi minn qabel tal-livell suffiċjenti ta’ noċività tal-akkordju?

2)

It-turija tal-element ta’ “akkordju” tal-ksur minħabba l-iffissar (taċitu) ta’ prezzijiet minimi għad-distributuri timplika t-turija konkreta li d-distributuri segwew, fil-prattika, il-prezzijiet iffissati, b’mod speċifiku, permezz ta’ prova diretta?

3)

Huma elementi suffiċjenti biex jiġi kkunsidrat li kien jeżisti ksur minħabba l-iffissar (taċitu) ta’ prezzijiet minimi lid-distributur i) il-komunikazzjoni ta’ tabelli bl-indikazzjoni ta’ prezzijiet minimi u ta’ marġnijiet ta’ distribuzzjoni ii) it-talba ta’ prezzijiet tal-bejgħ għad-distributuri iii) is-sottomissjoni ta’ lmenti mid-distributuri – meta jkunu qiesu li l-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid imposti lilhom ma kinux kompetittivi jew meta jkun vverifikaw li d-distributuri kompetituri ma kinux allinjati – iv) l-eżistenza ta’ mekkaniżmi ta’ monitorizzazzjoni ta’ prezzijiet (medji minimi) u v) miżuri ta’ ritaljazzjoni (mingħajr turija tal-applikazzjoni konkreta tagħhom)?

4)

Fid-dawl tal-Artikolu 101(1)(a) TFUE, tal-Artikolu 4(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal-20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma (1) u tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-restrizzjonijiet vertikali u tal-ġurisprudenza tal-Unjoni, jista’ jiġi preżunt li l-akkordju bejn il-fornitur u d-distributuri, ta’ ffissar (vertikali) ta’ prezzijiet minimi u ta’ kundizzjonijiet kummerċjali oħra applikabbli għall-bejgħ mill-ġdid jirrappreżenta livell suffiċjenti ta’ noċività għall-kompetizzjoni, bla ħsara għall-analiżi ta’ effetti ekonomiċi pożittivi eventwali li jirriżultaw mill-imsemmija prattika, skont l-Artikolu 101(3) TFUE?

5)

Deċiżjoni ġudizzjarja li tqis li ġiet ikkonstatata l-eżistenza tal-element ta’ natura oġġettiva ta’ “akkordju” bejn fornitur u distributuri bbażat:

i)

fuq l-iffissar u l-impożizzjoni, mill-ewwel lit-tieni, b’mod regolari, iġġeneralizzat u mingħajr ebda bidliet matul il-perijodu tal-prattika, tal-kundizzjonijiet kummerċjali li dawn għandhom jissodisfaw meta jbigħu mill-ġdid il-prodotti li jixtru mingħand il-fornitur, b’mod speċifiku l-prezzijiet li jitolbu lill-klijenti tagħhom, prinċipalment f’termini ta’ prezzijiet minimi jew ta’ prezzijiet minimi medji;

ii)

fuq it-trażmissjoni tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid imposti b’mod orali jew bil-miktub (permezz ta’ messaġġi bil-posta elettronika);

iii)

fuq in-nuqqas ta’ kapaċità tad-distributuri li jiddeterminaw huma stess l-iffissar tal-prezzijiet tagħhom ta’ bejgħ mill-ġdid;

iv)

fuq il-prattika abitwali u ġeneralizzata (permezz ta’ konverżazzjoni telefonika jew fiżika) fejn il-kollaboraturi tal-fornitur jiġbdu l-attenzjoni lid-distributuri biex josservaw il-prezzijiet indikati;

v)

fl-osservanza ġeneralizzata, mid-distributuri, tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid iffissati mill-fornitur (bl-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil speċifiku) u fil-konstatazzjoni li l-aġir tad-distributuri fis-suq ikun jikkorrispondi b’mod ġenerali għat-termini indikati mill-fornitur;

vi)

fuq iċ-ċirkustanza li, sabiex ma jispiċċawx f’sitwazzjoni ta’ inosservanza, ħafna drabi jkunu d-distributuri nnifishom li jitolbu indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid lill-fornitur;

vii)

fuq il-verifika tal-fatt li ta’ spiss id-distributuri jilmentaw lill-fornitur dwar il-prezzijiet li għandhom jintalbu, minflok ma jitolbu prezzijiet oħra sempliċement;

viii)

fuq l-iffissar, mill-fornitur, ta’ marġnijiet ta’ distribuzzjoni (imnaqqsa) u fuq il-fatt li d-distributuri jassumu li dawn il-marġnijiet jikkorrispondu għal-livell ta’ remunerazzjoni tan-negozju tagħhom;

ix)

fuq il-konstatazzjoni tal-fatt li, permezz tal-impożizzjoni ta’ marġnijiet żgħar, il-fornitur impona prezz minimu ta’ bejgħ mill-ġdid bir-riżultat li l-marġnijiet tad-distributuri huma fin-negattiv;

x)

fuq politika ta’ tnaqqis tal-prezzijiet mogħtija mill-fornitur lid-distributuri fuq il-bażi tal-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid li jkunu pprattikaw b’mod effettiv – fejn il-prezz minimu li jkun ġie ffissat minn qabel mill-fornitur huwa l-limitu ta’ adattamenti biż-żieda fil-prezzijiet li huwa wettaq fir-rigward tal-bejgħ lill-klijenti finali;

xi)

fuq il-ħtieġa li d-distributuri – attenti, f’ħafna mill-każijiet, għall-marġni ta’ distribuzzjoni fin-negattiv – josservaw il-livelli tal-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid imposti mill-fornitur, fejn il-prattika ta’ prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid inferjuri seħħet biss f’sitwazzjonijiet speċifiċi ħafna u permezz ta’ talba mid-distributuri lill-fornitur għal tnaqqis ġdid fuq il-bejgħ lill-klijenti finali;

xii)

fuq l-iffissar, mill-fornitur, u l-osservanza, mid-distributuri, ta’ tnaqqis massimu li għandu jiġi applikat lill-klijenti rispettivi, li jagħtu lok għal prezz minimu ta’ bejgħ mill-ġdid taħt piena ta’ marġni ta’ distribuzzjoni fin-negattiv;

xiii)

fuq l-approċċ dirett tal-fornitur mal-klijenti tad-distributuri u fuq l-iffissar tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ mill-ġdid imposti sussegwentement għal dan;

xiv)

fuq l-intervent tal-fornitur, permezz ta’ inizzjattiva tad-distributuri, fis-sens li huwa dan li jiddeċiedi li jiġi applikat tnaqqis kummerċjali partikolari jew li jinnegozja l-kundizzjonijiet kummerċjali ta’ bejgħ mill-ġdid; u

xv)

fuq it-talba mid-distributuri ta’ awtorizzazzjoni, mingħand il-fornitur, għat-twettiq ta’ ċertu negozju taħt kundizzjonijiet speċifiċi sabiex tiġi żgurata l-marġni ta’ distribuzzjoni tiegħu,

hija kompatibbli mal-Artikolu 101(1)(a) TFUE u mal-ġurisprudenza tal-Unjoni Ewropea?

6)

Akkordju ta’ ffissar ta’ prezzijiet minimi ta’ bejgħ mill-ġdid, bil-karatteristiċi indikati u li jkopru kważi t-territorju nazzjonali kollu, jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri?


(1)  ĠU 2010, L 102, p. 1.