1.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 294/13


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy – Śródmieścia w Warszawie (il-Polonja) fil-25 ta’ Frar 2022 – AM, PM vs mBank S.A.

(Kawża C-139/22)

(2022/C 294/18)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Rejonowy dla Warszawy – Śródmieścia w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: AM, PM

Konvenut: mBank S.A.

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 3(1), l-Artikolu 7(1) u (2) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (1), kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li sabiex klawżola kuntrattwali li ma ġietx individwalment miftiehma titqies li hija klawżola kuntrattwali inġusta hija suffiċjenti l-konstatazzjoni li l-kontenut ta’ din il-klawżola kuntrattwali tikkorrispondi għall-kontenut ta’ dispożizzjoni ta’ kuntratt standard imniżżel fir-reġistru ta’ klawżoli illeċiti?

2)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni ġudizzjarja ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li skontha klawżola kuntrattwali inġusta titlef in-natura inġusta tagħha jekk il-konsumatur ikun jista’ jiddeċiedi li jeżigwixxi l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-kuntratt fuq il-bażi ta’ klawżola kuntrattwali oħra li hija ġusta?

3)

L-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li bejjiegħ jew fornitur għandu obbligu li jinforma lil kull konsumatur dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-kuntratt u dwar ir-riskji marbuta mal-kuntratt anki jekk konsumatur speċifiku jkollu għarfien xieraq fil-qasam speċifiku?

4)

L-Artikolu 3(1), l-Artikolu 6 u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ fejn numru ta’ konsumaturi jikkonkludu l-istess kuntratt ma’ bejjiegħ jew fornitur wieħed, jista’ jitqies li dawn l-istess klawżoli kuntrattwali huma inġusti fil-konfront tal-ewwel konsumatur filwaqt li huma ġusti fil-konfront tat-tieni konsumatur, u, jekk dan ikun il-każ, il-konsegwenza ta’ dan tista’ tkun li l-kuntratt jirriżulta li jkun invalidu fil-konfront tal-ewwel konsumatur filwaqt li jkun validu fil-konfront tat-tieni konsumatur li għalhekk jintrabat bl-obbligi kollha li jirriżultaw minnu?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.