Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
18 ta’ Jannar 2024 (*)
“Appell – Sentenza li hija s-suġġett ta’ rikors għal oppożizzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali – Inammissibbiltà”
Fil-Kawża C‑785/22 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis‑27 ta’ Diċembru 2022,
Eulex Kosovo, stabbilita fi Pristina (il-Kosovo), irrappreżentata minn L.-G. Wigemark, bħala aġent, assistit minn E. Raoult, avocate,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
SC, irrappreżentata minn A. Kunst, Rechtsanwältin,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, J.-C. Bonichot (Relatur), S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tal-appell tagħha, Eulex Kosovo titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑19 ta’ Ottubru 2022, SC vs Eulex Kosovo (T‑242/17 RENV, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:637), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet fil-kontumaċja, ikkundannat lil Eulex Kosovo tikkumpensa d-danni materjali u morali kkawżati lil SC.
Il‑kuntest ġuridiku
L‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑Unjoni Ewropea
2 L-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprevedi:
“Jista’ jiġi ppreżentat appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fi żmien xahrejn li jiddekorru min-notifika tad-deċiżjoni appellata, mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jikkonkludu l-proċediment kif ukoll mid-deċiżjonijiet tagħha li jaqtgħu parzjalment kwistjonijiet fil-mertu, jew li jikkonkludu kwistjoni ta’ proċedura dwar eċċezzjoni ta’ inkompetenza jew ta’ inammissibbiltà.
[…]”
Ir‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti Ġenerali
3 L-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, intitolat “Terminu għal raġuni ta’ distanza”, jipprevedi:
“It-termini proċedurali għandhom jiżdiedu b’terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.”
4 Skont l-Artikolu 123 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, intitolat “Sentenzi fil-kontumaċja”:
“1. Meta l-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-konvenut, regolarment intimat, ma jkunx irrisponda għar-rikors fil-forma u fit-terminu previsti fl-Artikolu 81, bla ħsara għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut [tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea], ir-rikorrent jista’, f’terminu ffissat mill-President, jitlob lill-Qorti Ġenerali tilqa’ t-talbiet tiegħu.
2. Il-konvenut kontumaċi ma jintervjenix fil-proċedura fil-kontumaċja u ebda att proċedurali ma jiġi nnotifikat lilu, ħlief għad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza.
3. Fis-sentenza fil-kontumaċja, il-Qorti Ġenerali għandha tilqa’ t-talbiet tar-rikorrent, sakemm manifestament ma jkollhiex kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni tar rikors jew sakemm dan ir-rikors ma jkunx manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt.
4. Sentenza fil-kontumaċja hija eżekuttiva. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tista’ tissospendi l-eżekuzzjoni tagħha sakemm tiddeċiedi dwar l-oppożizzjoni mressqa skont l-Artikolu 166 u tista’ anki tissuġġetta l-eżekuzzjoni tagħha għal depożitu ta’ garanzija li l-ammont u l-modalitajiet tagħha għandhom jiġu stabbiliti fid-dawl taċ-ċirkustanzi. Din il-garanzija għandha tiġi rrilaxxata jekk ma titressaqx oppożizzjoni jew fil-każ li din l-oppożizzjoni tiġi miċħuda.”
5 L-Artikolu 166 ta’ dawn ir-Regoli tal-proċedura, intitolat “Oppożizzjoni għal sentenza fil-kontumaċja”, jipprevedi:
“1. Skont l-Artikolu 41 tal-Istatut [tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea], is-sentenza mogħtija fil-kontumaċja tista’ tkun suġġetta għal oppożizzjoni.
2. L-oppożizzjoni għandha ssir mill-konvenut kontumaċi f’terminu ta’ xahar li jiddekorri min-notifika tas-sentenza fil-kontumaċja. L-oppożizzjoni għandha tiġi ppreżentata skont il-formalitajiet indikati fl-Artikoli 76 u 78.
3. Wara n-notifika tal-oppożizzjoni, il-President għandu jiffissa terminu sabiex il-parti l-oħra tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
4. Il-proċedura għandha titkompla skont id-dispożizzjonijiet, skont il-każ, tat-Titolu III jew tat-Titolu IV.
5. Il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi permezz ta’ sentenza li ma tistax tkun suġġetta għal oppożizzjoni.
6. L-oriġinal ta’ din is-sentenza għandu jiġi anness mal-oriġinal tas-sentenza filkontumaċja. Fil-marġni tal-oriġinal tas-sentenza fil-kontumaċja għandu jsir notament dwar is-sentenza mogħtija wara oppożizzjoni.”
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u s‑sentenza appellata
6 Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 2 sa 17 tas-sentenza appellata. Huma jistgħu jitqassru kif ġej.
7 SC okkupat il-funzjoni ta’ prosekutur fil-missjoni “Stat tad-dritt” Eulex Kosovo, immexxija mill-Unjoni Ewropea fil-Kosovo, bl-istatus ta’ persunal bil-kuntratt internazzjonali abbażi ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat, matul il-perijodu mill‑4 ta’ Jannar 2014 sal‑14 ta’ Novembru 2016.
8 F’April 2014, il-persuna kkonċernata kienet is-suġġett ta’ rapport ta’ evalwazzjoni sfavorevoli min-naħa tas-superjur dirett tagħha, li kontrih ressqet ilment, fejn ikkontestat l-evalwazzjonijiet li kienu jinsabu fih u rrilevat irregolaritajiet fil-proċedura ta’ evalwazzjoni.
9 Fit‑12 ta’ Awwissu 2014, il-kap tal-missjoni Eulex Kosovo adotta deċiżjoni ta’ annullament ta’ dan ir-rapport minħabba n-nuqqas ta’ osservanza mis-superjur dirett ta’ SC ta’ diversi rekwiżiti formali.
10 Matul is-sajf tal‑2014, SC ipparteċipat f’kompetizzjoni interna organizzata minn Eulex Kosovo għar-reklutaġġ ta’ prosekuturi, li ma għaddietx minnha, kif informaha b’dan is-superjur dirett tagħha fid‑19 ta’ Awwissu 2014. SC ikkontestat dan ir-riżultat, billi sostniet li l-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla kienet irregolari, peress li tnejn mill-membri tiegħu kienu tal-istess nazzjonalità, iżda wkoll minħabba li l-preżenza tas-superjur dirett tagħha kienet ta’ natura li tqajjem dubji dwar l-imparzjalità tal-proċedura.
11 Peress li qies li l-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla tiegħu kienet irregolari, il-kap tal-missjoni Eulex Kosovo ddeċieda li jannulla r-riżultati ta’ din il-kompetizzjoni.
12 Matul l‑2014, Eulex Kosovo talbet diversi drabi lil SC sabiex tissottometti ruħha għal eżami tas-sewqan, li ma għaddietx minnu tliet darbiet. Matul dan il-perijodu, SC bagħtet lill-missjoni dikjarazzjonijiet li juru li hija kienet tbati minn diżabbiltà fuq l-id tal-lemin.
13 Fl‑2016, SC ipparteċipat f’kompetizzjoni interna ġdida għar-reklutaġġ ta’ prosekuturi, organizzata wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tnaqqis ta’ pożizzjonijiet tal-missjoni, peress li huma biss il-persuni li kisbu riżultati suffiċjenti f’din il-kompetizzjoni li setgħu jkollhom il-kuntratt tagħhom imġedded. Fit‑30 ta’ Settembru 2016, SC ġiet informata li ma kinitx għaddiet mill-kompetizzjoni interna u bil-fatt li l-kuntratt tagħha għaldaqstant ma kienx ser jiġġedded. Il-persuna kkonċernata ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni, fejn sostniet li l-president tal-Bord tal-Għażla, f’dan il-każ is-superjur dirett tagħha, kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ “kunflitt ta’ interessi”, li jirrendi l-proċedura tal-kompetizzjoni irregolari. Il-kap tal-missjoni ċaħad dan l-ilment, kif ukoll it-talba għal arbitraġġ imressqa sussegwentement minn SC.
14 Fil‑25 ta’ April 2017, SC ippreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, abbażi tal-Artikoli 272 u 340 TFUE, li permezz tiegħu hija talbet, essenzjalment, l-annullament tar-riżultati tal-kompetizzjoni interna tal‑2016 u tad-deċiżjoni li ma jiġġeddidx il-kuntratt tagħha, kif ukoll il-kumpens għad-danni materjali u morali li hija qieset li ġarrbet minħabba n-nuqqasijiet ta’ Eulex Kosovo tal-obbligi kuntrattwali tagħha.
15 Permezz ta’ att separat, tal‑24 ta’ Awwissu 2017, Eulex Kosovo qajmet kontra dan ir-rikors eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u ta’ inammissibbiltà abbażi tal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
16 Permezz ta’ digriet tad‑19 ta’ Settembru 2018, SC vs Eulex Kosovo (T‑242/17, EU:T:2018:586), il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma eżaminat l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni u ta’ inammissibbiltà mqajma minn Eulex Kosovo, ċaħdet, skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti, minħabba li dan kien parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt.
17 Permezz tas-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Ġunju 2020, SC vs Eulex Kosovo (C‑730/18 P, EU:C:2020:505), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-digriet tad‑19 ta’ Settembru 2018 imsemmi fil-punt preċedenti minħabba li l-Qorti Ġenerali kienet iddeskriviet b’mod inkomplet il-kuntest ġuridiku li jirregola l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-kompetizzjoni interna tal‑2016, li kien wassalha sabiex ma tiħux inkunsiderazzjoni regoli li jirregolaw il-modalitajiet ta’ organizzazzjoni ta’ din il-kompetizzjoni, u bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.
18 Wara li bagħtet il-kawża lura, Eulex Kosovo, permezz ta’ att separat tat‑30 ta’ Ottubru 2020, tenniet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li hija kienet qajmet inizjalment. Min-naħa l-oħra ma ppreżentatx risposta fit-terminu li kien ingħatalha sabiex jagħmel dan. Fl‑24 ta’ Settembru 2021, il-Qorti Ġenerali stiednet lil SC tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tkomplija tal-proċedura. Fit‑12 ta’ Novembru 2021, SC talbet lill-Qorti Ġenerali tilqa’ t-talbiet tagħha, skont l-Artikolu 123 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.
19 Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, wara li, skont l-Artikolu 123(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, eżaminat jekk hija kinitx manifestament mingħajr ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors jew jekk dan ir-rikors kienx manifestament inammissibbli jew manifestament għalkollox infondat fid-dritt, iddeċidiet li l-motivi ta’ SC ma kinux manifestament għalkollox infondati fid-dritt u kkundannat lil Eulex Kosovo tikkumpensa d-danni materjali u morali allegati minn SC.
20 Fit‑28 ta’ Novembru 2022, Eulex Kosovo ressqet oppożizzjoni kontra din is-sentenza abbażi tal-Artikolu 166 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
21 Sussegwentement, fis‑27 ta’ Diċembru 2022, Eulex Kosovo ppreżentat dan l-appell.
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet
22 Permezz tal-appell tiegħu, Eurlex Kosovo titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:
– tannulla s-sentenza appellata;
– tiċħad it-talba ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali fl-intier tagħha, u
– tikkundanna lil SC għall-ispejjeż relatati mal-proċeduri rreġistrati bin-numri T‑242/17, C‑730/18 u T‑242/17 RENV, inklużi dawk relatati ma’ dan l-appell.
23 SC titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:
– tikkonferma s-sentenza appellata;
– tilqa’ r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali; u konsegwentement, tiċħad l-appell;
– tikkundanna lil Eulex Kosovo għall-ispejjeż tal-proċedura tal-appell fil-Kawża C‑785/22 P u tal-proċeduri l-oħra kollha quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, inklużi dawk fil-Kawżi C‑785/22 P-R, T‑242/17, C‑730/18 P, T‑242/17 RENV u T‑242/17 RENV-OP.
24 Permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Jannar 2023, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li ma kienx hemm lok li tintlaqa’ t-talba għas-sospensjoni tal-proċedura ta’ appell sakemm tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors ta’ oppożizzjoni ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali.
25 Permezz ta’ digriet tat‑28 ta’ Marzu 2023 (C‑785/22 P-R, EU:C:2023:262), il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji mressqa minn Eulex Kosovo, intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dan l-appell, minħabba li l-kundizzjoni ta’ urġenza ma kinitx issodisfatta.
26 Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ April 2023, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li t-talba għal proċedura mħaffa mressqa minn Eulex Kosovo kellha tiġi miċħuda minħabba li, peress li ma tressqitx fi żmien utli, din kienet tikser ir-rekwiżiti tal-Artikolu 133(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, u rrileva li l-applikazzjoni ex officio tal-proċedura mħaffa ma kellhiex interess f’dan l-istadju peress li kien diġà sar l-ewwel skambju ta’ noti. Madankollu, huwa ddeċieda li l-kawża ser tiġi ttrattata bi prijorità, skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Fuq l‑ammissibbiltà tal‑appell
27 SC tqis prinċipalment li l-appell huwa inammissibbli, minħabba r-rikors għal oppożizzjoni ppreżentat minn Eulex Kosovo kontra s-sentenza appellata, attwalment pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, Eulex Kosovo sempliċement tirriproduċi fl-appell tagħha l-aggravji u l-argumenti ppreżentati fir-rikors tagħha tagħha għal oppożizzjoni.
28 Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiġi ppreżentat biss kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jikkonkludu l-proċeduri, kif ukoll kontra deċiżjonijiet li jiddeċiedu parzjalment tilwima fil-mertu jew li jikkonkludu kwistjoni ta’ proċedura dwar eċċezzjoni ta’ inkompetenza jew ta’ inammissibbiltà. L-appell għandu jiġi ppreżentat fi żmien xahrejn min-notifika tad-deċiżjoni appellata.
29 Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-appell huwa ammissibbli biss kontra deċiżjoni definittiva, li fir-rigward tagħha ebda rimedju ġudizzjarju ieħor ma jibqa’ disponibbli.
30 Skont l-Artikolu 166 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-konvenut jista’ jippreżenta oppożizzjoni kontra s-sentenzi mogħtija fil-kontumaċja. Dan l-appell għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri min-notifika tas-sentenza mogħtija fil-kontumaċja, u s-sentenza mogħtija fuq oppożizzjoni ma tistax hija stess tkun is-suġġett ta’ rikors għal oppożizzjoni.
31 Peress li l-eżerċizzju ta’ tali rikors għandu l-effett li jiftaħ mill-ġdid l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, is-sentenza mogħtija fil-kontumaċja li kontriha ġie ppreżentat rikors għal oppożizzjoni ma tistax titqies li kkonkudiet il-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
32 Minn dan isegwi li l-appell ippreżentat kontra sentenza mogħtija fil-kontumaċja li hija s-suġġett ta’ rikors għal oppożizzjoni huwa inammissibbli.
33 Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li għalkemm l-appell ippreżentat qabel l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 166 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali sabiex titressaq oppożizzjoni huwa inammissibbli peress li ma kienx dirett, fid-data tal-preżentata tiegħu, kontra deċiżjoni li kkonkludiet il-proċedura quddiem din il-qorti, dan l-appell jista’ jiġi rregolarizzat bl-iskadenza ta’ dan it-terminu jekk dan ir-rimedju ma jkunx ġie eżerċitat. Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ meta jkun ġie ppreżentat rikors għal oppożizzjoni.
34 F’dan il-każ, permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li Eulex Kosovo, konvenuta fl-ewwel istanza, kellha titqies li hija kontumaċi minħabba li ma pproduċietx risposta. Meta ddeċidiet abbażi tal-Artikolu 123 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, hija kkunsidrat li l-motivi ta’ SC ma kinux manifestament infondati għalkollox fid-dritt u kkundannat lil Eulex Kosovo, fil-kontumaċja, tikkumpensa d-danni materjali u morali allegati minn SC. Mill-proċess jirriżulta li, qabel l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 166 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Eulex Kosovo ressqet, quddiem din il-qorti, oppożizzjoni kontra s-sentenza appellata.
35 Peress li Eulex Kosovo teżerċita r-rimedju ġudizzjarju għal oppożizzjoni li pprovoka l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, dan l-appell huwa inammissibbli, peress li ma huwiex dirett kontra deċiżjoni li tikkonkludi l-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
36 Huma l-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, jekk jaħsbu li huma fondati, li jappellaw mis-sentenza mogħtija fuq oppożizzjoni fit-terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri min-notifika ta’ din is-sentenza.
37 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-aggravji mqajma minn Eulex Kosovo.
Fuq l‑ispejjeż
38 Konformement mal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li SC talbet li Eulex Kosovo tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet fir-rigward tat-talbiet tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, sa fejn dawn jikkonċernaw il-proċedura tal-appell biss.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-appell huwa miċħud.
2) Eulex Kosovo hija kkundannata għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura tal-appell.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.