SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
15 ta’ Lulju 2025 ( *1 )
“Appell – Politika ekonomika u monetarja – Direttiva 2014/59/UE – Irkupru u riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Artikoli 27 sa 29 – Miżuri ta’ intervent bikri – Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Mekkaniżmu superviżorju uniku – Artikolu 4(3) – Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li bank jitqiegħed taħt amministrazzjoni temporanja – Rikors għal annullament ippreżentat minn azzjonist – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Persuna fiżika direttament u individwalment ikkonċernata minn att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea – Tneħħija tat-tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja – Persistenza tal-interess ġuridiku – Applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt nazzjonali mill-BĊE – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali”
Fil-Kawżi magħquda C‑777/22 P u C‑789/22 P,
li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fil‑21 u fit‑22 ta’ Diċembru 2022,
Il‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentata inizjalment minn C. Hernández Saseta u A. Pizzolla, bħala aġenti, assistiti minn M. Lamandini, avvocato, sussegwentement minn C. Hernández Saseta, M. Ioannidis, A. Pizzolla u C. Zilioli, bħala aġenti, assistiti minn M. Lamandini, avvocato,
appellant fil-Kawża C‑777/22 P,
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn V. Di Bucci, A. Nijenhuis u D. Triantafyllou, bħala aġenti, sussegwentement minn P. A Messina, A. Nijenhuis u D. Triantafyllou, bħala aġenti, u fl-aħħar minn P. A. Messina u D. Triantafyllou, bħala aġenti,
appellanti fil-Kawża C‑789/22 P,
sostnuti minn:
Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata inizjalment minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato, sussegwentement minn S. Fiorentino, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,
intervenjenti fl-appell,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Francesca Corneli, residenti f’Velletri (l-Italja), irrappreżentata inizjalment minn L. Boggio u F. Ferraro, avvocati, sussegwentement minn L. Boggio, F. Ferraro u C. E. Tuo, avvocati,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, T. von Danwitz, Viċi President, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen u D. Gratsias (Relatur), Presidenti ta’ Awla, E. Regan, I. Ziemele, J. Passer u Z. Csehi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑25 ta’ Ġunju 2024,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Novembru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Kummissjoni Ewropea jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑12 ta’ Ottubru 2022, Corneli vs BĊE (T‑502/19, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2022:627), li permezz tagħha din laqgħet parzjalment ir-rikors ippreżentat minn Francesca Corneli, billi annullat id-Deċiżjoni tal-BĊE ECB‑SSM‑2019‑ITCAR‑11 tal‑1 ta’ Jannar 2019, li tqiegħed lil Banca Carige SpA taħt amministrazzjoni temporanja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja”) kif ukoll id-Deċiżjoni tal-BĊE ECB‑SSM‑2019‑ITCAR‑13 tad‑29 ta’ Marzu 2019, li testendi sat‑30 ta’ Settembru 2019 it-tul tat-tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ estensjoni” u, flimkien mad-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja, id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.
|
2 |
Il-“mekkaniżmu superviżorju uniku” (MSU) huwa, għall-finijiet tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), iddefinit fil-punt 9 tal-Artikolu 2 tiegħu bħala “is-sistema ta’ superviżjoni finanzjarja komposta mill-BĊE u mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti kif deskritt fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament”. |
|
3 |
L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jiddisponi: “1. Fil-qafas tal-Artikolu 6, il-BĊE għandu, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, ikun esklussivament kompetenti biex iwettaq, għal finijiet superviżorji prudenzjali, il-kompiti li ġejjin b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti: […]
[…]
2. Għal istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stat Membru mhux parteċipanti, li jistabbilixxu fergħa jew li jipprovdu servizzi transkonfinali fi Stat Membru parteċipanti, il-BĊE għandu jwettaq, fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1, il-kompiti li għalihom l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali huma kompetenti skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni. 3. Għall-fini tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, u bl-objettiv li jiġu żgurati standards għoljin ta’ superviżjoni, il-BĊE għandu japplika l-liġi rilevanti kollha tal-Unjoni, u fejn din il-liġi tal-Unjoni hija magħmula minn Direttivi, il-leġislazjzoni nazzjonali li tittrasponi dawk id-Direttivi. Fejn il-liġi rilevanti tal-Unjoni tkun magħmula minn Regolamenti u fejn attwalment dawk ir-Regolamenti jagħtu opzjonijiet lill-Istati Membri, il-BĊE għandu japplika wkoll il-leġislazzjoni nazzjonali waqt li jeżerċita dawk l-opzjonijiet. […]” |
|
4 |
L-Artikolu 9(1) u (2), tal-imsemmi regolament jipprevedi: “1. Għall-fini esklussiv tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu bl-Artikoli 4(1), 4(2) u 5(2), il-BĊE għandu jitqies, kif adatt, bħala l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nominata fl-Istati Membri parteċipanti kif stabbiliti mill-atti rilevanti tad-dritt tal-Unjoni. Għall-istess fini esklussiv, il-BĊE għandu jkollu s-setgħat u l-obbligi kollha li jinsabu f’dan ir-Regolament. Huwa għandu jkollu wkoll is-setgħat u l-obbligi kollha li l-awtoritajiet kompetenti u nominata għandu jkollhom skont id-dritt rilevanti tal-Unjoni, sakemm ma jkunx previst mod ieħor b’dan ir-Regolament. B’mod partikolari, il-BĊE għandu jkollu s-setgħat elenkati fit-Taqsimiet 1 u 2 ta’ dan il-Kapitolu. […] 2. Il-BĊE għandu jeżerċita s-setgħat imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu skont l-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3). Fl-eżerċizzju tas-setgħat superviżorji u investigatorji rispettivi tagħhom, il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jikkooperaw mill-qrib.” |
Id‑Direttiva 2014/59/UE
|
5 |
Il-punt 21 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), jiddefinixxi “awtorità kompetenti” għall-finijiet ta’ din id-direttiva, bħala li jirreferi b’mod partikolari għall-BĊE “fir-rigward ta’ kompiti speċifiċi konferiti lilu bir-Regolament [Nru 1024/2013]”. |
|
6 |
L-Artikolu 27 tad-Direttiva 2014/59, intitolat “Miżuri ta’ intervent bikri”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fejn istituzzjoni [ta’ kreditu jew impriża ta’ investiment] tikser jew tikser jew, minħabba fost l-oħrajn kondizzjoni finanzjarja li qed tmur lura rapidament, inklużi sitwazzjoni ta’ likwidità li sejra lura, żieda fil-livell ta’ ingranaġġ, self mingħajr prestazzjoni jew konċentrazzjoni ta’ skoperturi, kif ivvalutat abbażi ta’ sett ta’ skattaturi, li jistgħu jinkludu r-rekwiżiti ta’ fondi proprji tal-istituzzjoni b’żieda ta’ 1,5 punti perċentwali, aktarx li fil-futur qrib tikser ir-rekwiżiti [tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6, fil-ĠU 2017, L 20, p. 2 u fil-ĠU 2023, L 92, p. 29)], [tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1 u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95)], [tat-Titolu II tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU 2014, L 173, p. 349, rettifiki fil-ĠU 2016, L 188, p. 28, fil-ĠU 2016, L 273, p. 35, fil-ĠU 2017, L 64, p. 116 u fil-ĠU 2021, L 410, p. 201)] jew [tal-Artikoli 3 sa 7, 14 sa 17, u 24, 25 u 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2014, L 173, p. 84, rettifiki fil-ĠU 2015, L 270, p. 4, fil-ĠU 2016, L 187, p. 30 u fil-ĠU 2017, L 278, p. 54)], l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom […] tal-anqas il-miżuri li ġejjin: […]” |
|
7 |
L-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tneħħija tal-maniġment superjuri u l-korp maniġerjali”, jiddisponi: “Fejn ikun hemm deterjorament sinifikanti fis-sitwazzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni jew fejn ikun hemm ksur serju tal-liġi jew ta’ regolamenti jew l-atti amministrattivi tal-istituzzjoni jew irregolaritajiet amministrattivi serji, u l-miżuri l-oħra meħuda skont l-Artikolu 27 mhumiex biżżejjed biex jibdlu dak id-deterjorament, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jitolbu t-tneħħija tal-maniġment superjuri jew tal-korp maniġerjali tal-istituzzjoni fl-intier tagħhom jew fir-rigward ta’ individwi. Il-ħatra tal-maniġment superjuri l-ġdid jew tal-korp maniġerjali għandha ssir skont id-dritt nazzjonali u tal-Unjoni u tkun suġġetta għall-approvazzjoni jew il-kunsens tal-awtorità kompetenti.” |
|
8 |
L-Artikolu 29 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Amministratur temporanju”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Meta t-tibdil tal-maniġment superjuri jew tal-korp maniġerjali kif imsemmi fl-Artikolu 28 jitqies li mhuwiex biżżejjed skont l-awtorità kompetenti biex titranġa s-sitwazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jaħtru amministratur temporanju wieħed jew aktar għall-istituzzjoni. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, abbażi ta’ x’inhu proporzjonat fiċ-ċirkostanzi, jaħtru kwalunkwe amministratur temporanju biex jissostitwixxi lill-korp ta’ mmaniġġar tal-istituzzjoni b’mod temporanju jew biex jaħdem temporanjament mal-korp ta’ mmaniġġar tal-istituzzjoni u l-awtorità kompetenti għandha tispeċifika d-deċiżjoni tagħha fil-mument tal-ħatra. Jekk l-awtorità kompetenti taħtar amministratur temporanju biex jaħdem mal-korp ta’ mmaniġġar tal-istituzzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tispeċifika ulterjorment fil-mument tal-ħatra r-rwol, id-dmirijiet u s-setgħat tal-amministratur temporanju u kwalunkwe rekwiżit għall-bord ta’ mmaniġġar tal-istituzzjoni li jikkonsulta mal-amministratur temporanju jew li jikseb il-kunsens tiegħu qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet jew azzjonijiet speċifiċi. L-awtorità kompetenti għandha tintalab tippubblika l-ħatra ta’ kwalunkwe amministratur temporanju ħlief fejn l-amministratur temporanju m’għandux is-setgħa li jirrappreżenta lill-istituzzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li kwalunkwe amministratur temporanju jkollu l-kwalifiki, l-abbiltà u l-għarfien meħtieġa sabiex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu jew tagħha u li jkun liberu minn kwalunkwe kunflitt ta’ interess.” |
Id-dritt Taljan
|
9 |
L-Artikolu 69 octiesdecies tad-decreto legislativo n. 385 – Testo unico delle leggi in materia bancaria e creditizia (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 385 li Jistabbilixxi Test Uniku tal-Liġi dwar il-Banek u l-Kreditu), tal‑1 ta’ Settembru 1993 (GURI Nru 230, tat‑30 ta’ Settembru 1993, Suppliment Ordinarju Nru 92), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għal din il-kawża (iktar ’il quddiem it-“Test Uniku dwar il-Banek”), li jittrasponi l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2014/59 fl-ordinament ġuridiku Taljan, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Il-Bank tal-Italja jista’ jieħu l-miżuri li ġejjin fir-rigward ta’ bank jew tal-kumpannija omm ta’ grupp bankarju: […]
|
|
10 |
L-Artikolu 70 tat-Test Uniku dwar il-Banek, intitolat “Amministratur temporanju”, jittrasponi l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2014/59 fl-ordinament ġuridiku Taljan u jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Il-Bank tal-Italja jista’ jordna x-xoljiment tal-korpi li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll tal-banek fil-każ ta’ ksur jew irregolarità msemmija fl-Artikolu 69 octiesdecis (1)(b), jew jekk ikun hemm telf patrimonjali serju, jew meta x-xoljiment jintalab b’rikors motivat mill-korpi amministrattivi jew mil-laqgħa ġenerali straordinarja.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
11 |
Fil-punti 2 sa 19 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali esponiet il-fatti li wasslu għall-kawża u l-fatti sussegwenti għall-preżentata tar-rikors quddiemha. Dawn jistgħu, għall-finijiet ta’ dawn il-kawżi magħquda, jinġabru fil-qosor kif ġej. |
|
12 |
Banca Carige hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fl-Italja, ikkwotata fil-Borża u suġġetta għas-sorveljanza prudenzjali diretta tal-BĊE sa mill‑2014. Hija akkumulat telf ta’ iktar minn EUR 1.6 biljun bejn Diċembru 2014 u l‑1 ta’ Jannar 2019. F. Corneli kienet azzjonista minoritarja ta’ Banca Carige. Mal-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, hija kellha 200000 azzjoni ordinarju li jikkorrispondu għal 0.000361 % tal-kapital azzjonarju tal-bank. |
|
13 |
Peress li Banca Carige ma osservatx, fl‑1 ta’ Jannar 2018, ir-rekwiżiti minimi dwar il-proporzjon ta’ fondi proprji, hija bdiet, matul is-sena 2018, diversi tentattivi sabiex tirrimedja din is-sitwazzjoni. Madankollu, dawn it-tentattivi ma rnexxewx. Wara l-oppożizzjoni għal żieda fil-kapital permezz ta’ skambju ta’ bonds subordinati kontra azzjonijiet ġodda, minn azzjonisti li kellhom 70 % tal-kapital ta’ Banca Carige waqt laqgħa ġenerali straordinarja tagħha li nżammet fit‑22 ta’ Diċembru 2018, seba’ membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ Banca Carige, fosthom il-President, il-Viċi President u d-Direttur Ġenerali, irriżenjaw, b’effett immedjat, fit‑23 ta’ Diċembru 2018 u fit‑2 ta’ Jannar 2019. Dawn ir-riżenji wasslu għat-tneħħija tal-Bord tad-Diretturi, skont l-istatuti ta’ Banca Carige u d-dispożizzjoni applikabbli tad-dritt Taljan. Konformement ma’ dawn l-istatuti, l-erba’ membri tal-Bord tad-Diretturi li ma rriżenjawx baqgħu fil-kariga sabiex jiżguraw l-amministrazzjoni kurrenti ta’ Banca Carige. |
|
14 |
Fl‑1 ta’ Jannar 2019, il-BĊE adotta d-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja, li kellha bħala konsegwenza, l-ewwel, ix-xoljiment tal-Bord tad-Diretturi ta’ Banca Carige u s-sostituzzjoni tal-ex membri b’tliet amministraturi temporanji, it-tieni, ix-xoljiment tal-Kumitat ta’ Superviżjoni ta’ Banca Carige kif ukoll is-sostituzzjoni tal-ex membri ta’ dan il-kumitat bi tliet persuni oħra u, it-tielet, l-attribuzzjoni lill-korpi l-ġodda tal-missjoni li tikkonsisti fit-teħid tal-miżuri neċessarji sabiex jiġi ggarantit li Banca Carige tikkonforma ruħha mill-ġdid mar-rekwiżiti ta’ kapital b’mod sostenibbli. |
|
15 |
Fid‑29 ta’ Marzu 2019, il-BĊE adotta d-deċiżjoni ta’ estensjoni. |
|
16 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Settembru 2019, il-BĊE estenda sal‑31 ta’ Diċembru 2019 it-tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja ta’ Banca Carige. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2019, huwa estenda dan mill-ġdid, sal‑31 ta’ Jannar 2020, sabiex jippermetti l-finalizzazzjoni tal-operazzjoni ta’ tisħiħ tal-fondi proprji ta’ Banca Carige. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
17 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Lulju 2019, F. Corneli ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja kif ukoll “ta’ kull att konsekuttiv jew sussegwenti”, inkluż, b’mod partikolari, id-deċiżjoni ta’ estensjoni kif ukoll id-deċiżjonijiet ulterjuri, li jestendu mill-ġdid it-tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja ta’ Banca Carige. |
|
18 |
Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Ottubru 2019, il-BĊE qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, li ngħaqdet mal-mertu permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali tad‑29 ta’ April 2020. |
|
19 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-BĊE. |
|
20 |
Fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, fil-punti 22 sa 28 tas-sentenza appellata, eżaminat jekk it-talba għall-annullament tad-diversi deċiżjonijiet tal-BĊE msemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza kinitx f’kull punt konformi mar-rekwiżiti formali stabbiliti mill-Artikoli 76 u 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u jekk l-atti li ntalab l-annullament tagħhom kinux jeżistu u kinux jikkawżaw preġudizzju lil F. Corneli. Fi tmiem dan l-eżami, hija qieset, fil-punt 29 tas-sentenza appellata, li r-rikors ta’ F. Corneli kien ammissibbli sa fejn kien dirett kontra d-deċiżjonijiet kontenzjużi, iżda ma kienx ammissibbli fir-rigward ta’ “kull att konsekuttiv jew sussegwenti”, inklużi d-deċiżjonijiet adottati mill-BĊE wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors u li jestendu mill-ġdid it-tqegħid ta’ Banca Carige taħt amministrazzjoni temporanja. |
|
21 |
Sussegwentement, meta ddeċidiet dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BĊE, sostnuta mill-Kummissjoni, ibbażata fuq l-assenza ta’ locus standi ta’ F. Corneli, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 33 sa 54 tas-sentenza appellata, indirizzat, fl-ewwel lok, il-kwistjoni dwar jekk F. Corneli kinitx direttament ikkonċernata mid-deċiżjonijiet kontenzjużi. |
|
22 |
Kif jirriżulta mill-punti 34 u 35 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li r-relazzjoni ġuridika bejn Banca Carige u l-azzjonisti tagħha, li fosthom kien hemm F. Corneli, kienet inbidlet, mingħajr intervent ta’ xi att intermedjarju, permezz tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, li kienu jbiddlu huma stess id-drittijiet li F. Corneli kellha sabiex tipparteċipa, bħala azzjonista, fl-amministrazzjoni ta’ Banca Carige konformement mar-regoli applikabbli. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali qieset li dawn id-deċiżjonijiet kienu jippreġudikaw id-drittijiet ta’ F. Corneli li teleġġi, bħala azzjonista, il-korpi ta’ tmexxija u ta’ sorveljanza ta’ Banca Carige, li ssejjaħ il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti kif ukoll li tistabbilixxi l-aġenda u li biddlet il-kundizzjonijiet li fihom ir-responsabbiltà tal-korpi ta’ tmexxija u ta’ sorveljanza setgħet tiġi stabbilita mill-azzjonisti, bħal F. Corneli. |
|
23 |
Wara li ċaħdet l-argumenti tal-BĊE u tal-Kummissjoni fis-sens kuntrarju, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu jikkonċernaw direttament lil F. Corneli. |
|
24 |
Fit-tieni lok, fil-punti 55 sa 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjoni dwar jekk F. Corneli kinitx individwalment ikkonċernata mid-deċiżjonijiet kontenzjużi. Kif jirriżulta mill-punti 58 sa 64 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li l-kriterji stabbiliti mis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17), kienu ssodisfatti fir-rigward ta’ F. Corneli, peress li, minn naħa, din tal-aħħar kienet identifikabbli, fil-kwalità tagħha ta’ azzjonista ta’ Banca Carige, fil-mument meta ttieħdu d-deċiżjonijiet kontenzjużi, għaliex, fid-data tal-adozzjoni rispettiva tagħhom, il-lista tal-azzjonisti li kienu ser jiġu affettwati minn dawn id-deċiżjonijiet kienet iddeterminata, a fortiori fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja li kienet ġiet adottata fil-jum meta l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kienu magħluqa, b’tali mod li l-azzjonijiet ma kinux negozjabbli dakinhar. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-azzjonisti ta’ Banca Carige, fosthom F. Corneli, kienu ġew affettwati personalment bl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, fi kwalità li kienet tikkaratterizzahom fiha nnifisha, jiġifieri, dik ta’ detenturi ta’ azzjonijiet fil-kapital ta’ Banca Carige li kienu ser jiġu preklużi, permezz ta’ dawn id-deċiżjonijiet, milli jeżerċitaw ċerti drittijiet marbuta ma’ dawn l-azzjonijiet. |
|
25 |
Il-Qorti Ġenerali rrilevat, b’mod partikolari, fil-punt 63 tas-sentenza appellata li F. Corneli kienet fost dawk l-azzjonisti li kienu vvotaw kontra l-proposta li kienet ġiet ippreżentata fil-laqgħa ġenerali tat‑22 ta’ Diċembru 2018, liema vot, għalkemm kien jesprimi biss talba għal posponiment, wassal għar-riżenja ta’ membri tal-Bord tad-Diretturi, u sussegwentement għax-xoljiment ta’ dan tal-aħħar, u Banca Carige kienet għalhekk tqiegħdet fis-sitwazzjoni li, fil-kuntest li kienet taf bih, wasslet, kif tindika d-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja, għall-intervent tal-BĊE, bis-sospensjoni tal-funzjonijiet tal-laqgħa ġenerali u għalhekk għall-possibbiltà, tal-azzjonisti, li jinfluwenzaw bil-vot tagħhom l-istrateġija kellha tiġi segwita minn Banca Carige. |
|
26 |
Wara li ċaħdet l-oġġezzjonijiet tal-BĊE u tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li F. Corneli kienet individwalment ikkonċernata mid-deċiżjonijiet kontenzjużi u, għaldaqstant, li hija kienet tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal-locus standi. |
|
27 |
Fit-tielet lok, fil-punti 77 sa 82 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BĊE, ibbażata fuq l-assenza ta’ interess ġuridiku ta’ F. Corneli. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 81 ta’ dik is-sentenza, li, sabiex tiġġustifika r-rikors tagħha, F. Corneli enfasizzat l-effett tad-deċiżjonijiet kontenzjużi fuq id-drittijiet li hija kellha personalment, fil-kwalità tagħha ta’ azzjonista ta’ Banca Carige, b’mod partikolari dak li ssejjaħ laqgħa ġenerali sabiex tipproponi l-preżentata ta’ rikors jew ukoll id-dritt li żżid punt f’dan is-sens mal-aġenda ta’ tali laqgħa. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, li, jekk id-deċiżjonijiet kontenzjużi jiġu annullati, l-effett fuq is-sitwazzjoni tal-azzjonisti ma jkunx identiku għal dak li jipproduċi annullament tagħhom fuq is-sitwazzjoni ta’ Banca Carige u li, għaldaqstant, filwaqt li taġixxi abbażi tal-effett prodott minn dawn id-deċiżjonijiet fuq id-drittijiet tagħha stess, F. Corneli setgħet tinvoka interess distint li titlob l-annullament tal-imsemmija deċiżjonijiet, li ma kienx konfuż ma’ dak ta’ Banca Carige. |
|
28 |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikors kien ammissibbli u eżaminatu fuq il-mertu. Insostenn tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, F. Corneli ppreżentat seba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tar-regoli dwar il-proporzjonalità, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dritt għal smigħ, it-tielet wieħed, fuq il-ħatra, bħala amministraturi temporanji, ta’ persuni li preċedentement eżerċitaw funzjonijiet importanti fit-tmexxija u fl-amministrazzjoni ta’ Banca Carige, ir-raba’ wieħed, fuq żball ta’ liġi mwettaq fid-determinazzjoni tal-bażi legali użata għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, il-ħames wieħed, minħabba l-fatt li l-BĊE kien ipprova jsolvi problemi ta’ governanza billi ħatar persuni li kienu ħolquhom, is-sitt wieħed, fuq il-ksur, minn naħa, tar-regoli dwar id-drittijiet tal-azzjonist u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipji fundamentali dwar il-protezzjoni tal-proprjetà u tat-tfaddil, il-libertà tal-inizjattiva ekonomika privata kif ukoll l-awtodeterminazzjoni taċ-ċittadin fl-għażliet personali tiegħu u, is-seba’ wieħed, tan-natura inadegwata tal-amministrazzjoni temporanja sabiex tissolva l-problema kkonstatata. |
|
29 |
Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li teżamina, fl-ewwel lok, ir-raba’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, ibbażat fuq żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-bażi legali użata għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi. Kif jirriżulta mill-punt 86 tas-sentenza appellata, F. Corneli sostniet, permezz ta’ dan il-motiv, li l-BĊE kien wettaq żball ta’ liġi meta bbaża d-deċiżjonijiet kontenzjużi fuq l-Artikolu 70(1) tat-Test Uniku dwar il-Banek, filwaqt li din id-dispożizzjoni ma kinitx tirrigwarda s-sitwazzjoni invokata sabiex tiġġustifika t-tqegħid ta’ Banca Carige taħt amministrazzjoni temporanja, jiġifieri “deterjorament sinjifikattiv” tas-sitwazzjoni ta’ din tal-aħħar. |
|
30 |
F’dan ir-rigward, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn analiżi komparattiva tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 69 octiesdecies (1)(b) u tal-Artikolu 70 tat-Test Uniku dwar il-Banek li t-tieni waħda minnhom ma kinitx tipprevedi x-xoljiment tal-korpi amministrattivi jew ta’ kontroll tal-banek u l-istabbiliment ta’ amministrazzjoni temporanja fil-każ ta’ deterjorament partikolarment sinjifikattiv tas-sitwazzjoni tal-bank jew tal-grupp bankarju kkonċernat. |
|
31 |
Għalhekk, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 100 ta’ dik is-sentenza, li l-BĊE kien kiser l-Artikolu 70 tat-Test Uniku dwar il-Banek billi bbaża ruħu, filwaqt li din il-kundizzjoni ma kinitx prevista minn din id-dispożizzjoni, fuq id-deterjorament sinjifikattiv tas-sitwazzjoni ta’ Banca Carige sabiex jiddikjara x-xoljiment tal-korpi amministrattivi jew ta’ kontroll tagħha, jistabbilixxi amministrazzjoni temporanja u jżomm din l-amministrazzjoni fis-seħħ matul il-perijodu msemmi fid-deċiżjoni ta’ estensjoni. |
|
32 |
Għar-raġunijiet esposti fil-punti 102 sa 108 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument imressaq mill-BĊE u mill-Kummissjoni li, peress li t-tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja kien previst fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 2014/59, l-Artikolu 70 tat-Test Uniku dwar il-Banek kellu jinqara fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, li huwa kellu bħala missjoni li jittrasponi fid-dritt Taljan. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punti 106 u 107 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali ma setax iservi bħala bażi għal interpretazzjoni li tmur kontra t-termini użati fid-dispożizzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva. Issa, skont il-Qorti Ġenerali, dan ikun ir-riżultat miksub jekk dan il-metodu ta’ interpretazzjoni jintuża fil-kawża li kellha quddiemha. |
|
33 |
Barra minn hekk, fil-punti 111 sa 113 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument, imressaq waqt is-seduta quddiemha mill-BĊE u mill-Kummissjoni, li jgħid li, meta l-BĊE jintervjeni bħala awtorità kompetenti skont il-leġiżlazzjoni bankarja, huwa għandu japplika, minbarra d-dritt nazzjonali, ir-regoli kollha tad-dritt tal-Unjoni, inkluża dik, li tinsab fid-Direttiva 2014/59, li tipprevedi t-tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja fil-każ ta’ deterjorament sinjifikattiv tas-sitwazzjoni tal-istituzzjoni kkunsidrata. |
|
34 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, li mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013 jirriżulta li, meta d-dritt tal-Unjoni rilevanti għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lill-BĊE jinkludi direttivi, huwa d-dritt nazzjonali li jittrasponi dawn id-direttivi li għandhom jiġu applikati. Skont il-Qorti Ġenerali, din id-dispożizzjoni ma tistax tinqara bħala li tinkludi żewġ sorsi distinti ta’ obbligi, jiġifieri d-dritt tal-Unjoni kollu, inklużi d-direttivi, li magħhom għandu jiżdied id-dritt nazzjonali li jittrasponihom. Il-Qorti Ġenerali qieset li tali interpretazzjoni tippreżupponi li l-portata tad-dispożizzjonijiet nazzjonali hija differenti minn dik tad-direttivi li huma suppost jittrasponu fid-dritt intern u li, f’tali każ, iż-żewġ tipi ta’ regoli jorbtu lill-BĊE bħala sorsi normattivi distinti, li jmur kontra l-Artikolu 288 TFUE. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li direttiva ma tistax, minnha nnifisha, toħloq obbligi għal individwu u għalhekk ma tistax tiġi invokata bħala tali fir-rigward tiegħu. |
|
35 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 113 tas-sentenza appellata, li l-iżball imwettaq mill-BĊE fl-applikazzjoni tal-Artikolu 70 tat-Test Uniku dwar il-Banek ma jistax jiġi rrimedjat permezz ta’ interpretazzjoni libera tat-testi li tippermetti li jerġgħu jinbnew il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet maħsuba b’mod distint fid-Direttiva 2014/59 u fid-dritt nazzjonali. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali laqgħet il-motiv tar-rikors ibbażat fuq żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-bażi legali użata għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi u annullat dawn tal-aħħar, mingħajr ma eżaminat il-motivi l-oħra mqajma minn F. Corneli. |
It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
36 |
Permezz tal-appell tiegħu fil-Kawża C‑777/22 P, il-BĊE jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
37 |
Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑789/22 P, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
38 |
Fir-risposta tagħha, F. Corneli titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
39 |
Fir-risposta tagħha fil-Kawża C‑777/22 P, il-Kummissjoni tindika li ssostni kompletament it-talbiet tal-BĊE u titlob li dawn jintlaqgħu. |
|
40 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ Frar 2023, il-Kawżi C‑777/22 P u C‑789/22 P ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza. |
|
41 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ April 2023, ir-Repubblika Taljan ġiet ammessa, fuq talba tagħha stess, tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-BĊE u tal-Kummissjoni fil-Kawżi C‑777/22 P u C‑789/22 P. |
|
42 |
Fin-nota ta’ intervent tagħha, ir-Repubblika Taljana titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appelli tal-BĊE u tal-Kummissjoni u, għaldaqstant, tiddikjara inammissibbli jew, sussidjarjament, tiċħad fil-mertu r-rikors għal annullament ippreżentat minn F. Corneli. |
|
43 |
Konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-BĊE u r-Repubblika Taljana talbu, rispettivament fit‑3 u fis‑6 ta’ Novembru 2023, li dawn il-kawżi magħquda jiġu mibgħuta lill-Awla Manja, u l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet nota ta’ dan fis‑7 ta’ Mejju 2024. |
Fuq l-appelli
|
44 |
Insostenn tal-appell tiegħu fil-Kawża C‑777/22 P, il-BĊE jinvoka żewġ aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq l-iżnaturament tal-fatti mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-allegati drittijiet li F. Corneli tista’ tinvoka bħala azzjonista ta’ Banca Carige u, it-tieni wieħed, fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 70 tat-Test Uniku dwar il-Banek. |
|
45 |
Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tinvoka, insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑789/22 P, ħames aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li d-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu jikkonċernaw direttament u individwalment lil F. Corneli, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u tal-projbizzjoni li jitqajjem ex officio motiv ta’ annullament ibbażat fuq il-legalità fil-mertu tal-att ikkontestat, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 70(1) tat-Test Uniku dwar il-Banek, ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li l-Artikolu 70(1) tat-Test Uniku dwar il-Banek ma setax jiġi interpretat b’mod konformi mal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2014/59 u, il-ħames wieħed, fuq il-ksur kemm tat-tieni u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li l-BĊE ma setax jibbaża ruħu fuq dispożizzjonijiet tad-direttivi li jipproduċu effett dirett u kellu japplika l-leġiżlazzjoni nazzjonali kuntrarja għal direttivi. |
|
46 |
Fin-nota ta’ intervent tagħha, ir-Repubblika Taljana tindika li ssostni l-aggravji kollha mressqa mill-BĊE u mill-Kummissjoni, bl-eċċezzjoni tal-ħames aggravju ta’ din tal-aħħar, li dwaru hija ma tiħux pożizzjoni. |
Fuq l-ewwel aggravju tal-BĊE u fuq l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni
L-argumenti tal-partijiet
|
47 |
Permezz tal-ewwel aggravji tagħhom, il-BĊE u l-Kummissjoni, sostnuti mir-Repubblika Taljana, jikkontestaw il-motivi tas-sentenza appellata li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li F. Corneli kellha locus standi, minħabba li d-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu jikkonċernawha b’mod dirett u individwali, u li hija kellha wkoll l-interess ġuridiku meħtieġ, b’tali mod li r-rikors tagħha kien ammissibbli. Dawn l-aggravji huma maqsuma f’erba’ partijiet għall-BĊE u fi tliet partijiet għall-Kummissjoni. |
|
48 |
L-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel aggravju tal-BĊE u l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-Kummissjoni jirrigwardaw il-punti 34 u 35 tas-sentenza appellata, li abbażi tagħhom il-Qorti Ġenerali qieset li d-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu jikkonċernaw direttament lil F. Corneli, peress li l-effetti prodotti minnhom fuq kumpannija u fuq il-korpi tagħha ekwivalenti għal effetti prodotti fuq is-sitwazzjoni ta’ kull azzjonist ta’ din il-kumpannija, inklużi dawk li, bħal F. Corneli, għandhom perċentwali minima tal-kapital. F’dan ir-rigward, il-BĊE jikkritika lill-Qorti Ġenerali, permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tiegħu, li żnaturat il-fatti. Barra minn hekk, il-BĊE, permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tiegħu, u l-Kummissjoni, permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tiegħu, isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. |
|
49 |
Dawn l-istituzzjonijiet jenfasizzaw li d-drittijiet elenkati fil-punt 34 tas-sentenza appellata ma jappartjenux, b’mod individwali, lil kull azzjonist u jqisu li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt Taljan u tal-istatuti ta’ Banca Carige. Minn dawn id-dispożizzjonijiet u statuti jirriżulta, l-ewwel nett, li d-dritt li jiġu ppreżentati listi għall-elezzjoni tal-membri tal-Bord tad-Diretturi u tal-Kumitat ta’ Superviżjoni huwa rriżervat għall-azzjonisti li għandhom mill-inqas 1 % tal-azzjonijiet ordinarji, it-tieni nett, li d-dritt li jeleġġu l-membri ta’ dawn il-korpi jappartjeni għal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti, it-tielet nett, li d-dritt li jsejħu l-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti u li jiffissaw l-aġenda tagħha jista’ jiġi eżerċitat biss minn grupp ta’ azzjonisti li jirrappreżentaw 5 % tal-kapital azzjonarju tal-kumpannija u, ir-raba’ nett, li l-azzjoni għad-danni kontra d-diretturi ta’ kumpannija tista’ tiġi eżerċitata biss mil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti jew minn grupp ta’ azzjonisti li jirrappreżentaw 2.5 % tal-kapital azzjonarju. |
|
50 |
Il-BĊE jsostni, barra minn hekk, li din it-tilwima tippreżenta analoġija mal-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tas‑7 ta’ Lulju 2020, Albert et vs L‑Ungerija (CE:ECHR:2020:0707JUD000529414), li permezz tagħha, skont il-BĊE, din il-qorti qieset li l-effetti tal-atti inkwistjoni f’din il-kawża ma kinux jikkonċernaw direttament lir-rikorrenti fl-imsemmija kawża, azzjonisti ta’ żewġ banek, iżda lil dawn il-banek stess, peress li l-azzjonisti tagħhom ġarrbu biss effetti indiretti u anċillari. |
|
51 |
Permezz, rispettivament, tat-tielet u tat-tieni parti tal-ewwel aggravji tagħhom, il-BĊE u l-Kummissjoni, sostnuti mir-Repubblika Taljana, jikkritikaw il-punti 58, 61 sa 63, 74 u 75 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjonijiet kontenzjużi kinux jikkonċernaw lil F. Corneli b’mod individwali. |
|
52 |
F’dan ir-rigward, huma jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li injorat il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 56 tas-sentenza appellata. Is-sempliċi possibbiltà li jiġu identifikati l-azzjonisti ta’ Banca Carige fl‑1 ta’ Jannar 2019, filwaqt li s-swieq kienu magħluqa, ma timplikax li d-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja, adottata fl-istess jum, kienet tikkonċerna individwalment lil dawn l-azzjonisti. L-istess japplika fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ estensjoni, li ma ġietx adottata fi btala pubblika, kif irrikonoxxiet il-Qorti Ġenerali stess. It-tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja kien jikkonċerna lil Banca Carige, destinatarja tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, kif ukoll lid-diretturi tagħha u mhux lill-azzjonisti tagħha. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma spjegatx għal liema raġuni l-vot negattiv maħruġ minn F. Corneli fir-rigward ta’ mozzjoni għal riżoluzzjoni ppreżentata fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti kellu l-konsegwenza li jindividwalizza lil din il-persuna b’mod analogu għal dak tad-destinatarji tad-deċiżjonijiet kontenzjużi. |
|
53 |
Barra minn hekk, il-motivi esposti fil-punti 74 u 75 tas-sentenza appellata ma jippermettux li jitqies li F. Corneli kienet tagħmel parti minn “grupp magħluq”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 71 ta’ dik is-sentenza. Is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873), imsemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 74 tas-sentenza appellata, hija irrilevanti, peress li d-deċiżjonijiet kontenzjużi ma humiex atti regolatorji. |
|
54 |
B’mod iktar ġenerali, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-“gruppi magħluqa” ġiet żviluppata fil-kuntest partikolari ta’ kawżi li fihom atti tal-Unjoni li għandhom portata ġenerali kienu jikkonċernaw biss, fir-realtà, numru żgħir ta’ operaturi, b’tali mod li dawn kienu immedjatament identifikabbli. Għall-kuntrarju, madwar 35000 azzjonist ta’ Banca Carige ma jistgħux raġonevolment jitqiesu li jikkostitwixxu tali grupp ristrett ta’ operaturi ekonomiċi. Barra minn hekk, din il-ġurisprudenza ma tapplikax meta l-persuni kkonċernati minn att ikunu identifikabbli abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att ikkonċernat innifsu. Issa, dan huwa l-każ ta’ F. Corneli u ta’ kull azzjonist ieħor ta’ Banca Carige. |
|
55 |
Permezz, rispettivament, tar-raba’ u tat-tielet parti tal-ewwel aggravji tagħhom, il-BĊE u l-Kummissjoni, sostnuti mir-Repubblika Taljana, isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, sa fejn ikkunsidrat li F. Corneli kellha l-interess ġuridiku meħtieġ sabiex tippreżenta rikors għal annullament kontra d-deċiżjonijiet kontenzjużi. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet biss eċċezzjonalment tali interess lill-azzjonisti ta’ kumpannija destinatarja ta’ att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, jiġifieri meta tali att kellu wkoll bħala konsegwenza emenda tal-istatuti tal-kumpannija kkonċernata jew jipproduċi effetti diretti importanti, ta’ natura ta’ konfiska, bi ħsara għall-azzjonisti. L-istabbiliment ta’ struttura tranżitorja ta’ governanza ta’ bank ma jikkostitwixxix każ eċċezzjonali bħal dan. |
|
56 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma wrietx li d-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu ta’ natura li jippreġudikaw l-interessi ta’ F. Corneli. Minn naħa, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tat, b’mod żbaljat, lil kull azzjonist drittijiet li jappartjenu lil minoranzi kklassifikati bħala azzjonisti. Min-naħa l-oħra, fil-punt 82 ta’ dik is-sentenza, hija tafferma li jeżistu differenzi bejn l-effetti prodotti rispettivament fuq Banca Carige u fuq l-azzjonisti tagħha permezz ta’ annullament eventwali tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, mingħajr, madankollu, ma tidentifika dawn id-differenzi. Il-Kummissjoni żżid li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina, jekk ikun meħtieġ ex officio, jekk kienx għad hemm interess ġuridiku eventwali ta’ F. Corneli wara t-tmiem tal-perijodu ta’ amministrazzjoni temporanja ta’ Banca Carige. |
|
57 |
F. Corneli tikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel aggravju tal-BĊE, minħabba li dan tal-aħħar ma speċifikax jekk huwa invokax żball ta’ liġi jew żnaturament tal-fatti. Fi kwalunkwe każ, F. Corneli tqis li kemm l-ewwel aggravju tal-BĊE kif ukoll l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
58 |
Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel aggravju tal-BĊE, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż il-punti kkritikati tas-sentenza li tagħha jkun qiegħed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, Il‑Kunsill vs Hamas, C‑833/19 P, EU:C:2021:950, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
59 |
F’dan il-każ, l-ewwel aggravju tal-BĊE jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, b’tali mod li huwa ammissibbli, fatt li ma jistax jiġi kkontestat, kuntrarjament għal dak li ssostni, essenzjalment, F. Corneli, il-fatt li l-BĊE jikkritika lill-Qorti Ġenerali, kemm bi żball ta’ liġi kif ukoll bi żnaturament tal-fatti. |
|
60 |
Fir-rigward tal-eżami tal-mertu tal-ewwel aggravji tal-BĊE u tal-Kummissjoni, għandu jitfakkar li l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att li tiegħu hija ma hijiex id-destinatarja hija suġġetta għall-kundizzjoni li jiġi rrikonoxxut il-locus standi tagħha, li jirriżulta f’żewġ każijiet. Minn naħa, tali rikors jista’ jitressaq sakemm dan l-att jinteressa lil persuna direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni jekk dan ikun jikkonċernaha direttament (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 59). |
|
61 |
Peress li dawn il-kawżi ma jikkorrispondux għat-tieni każ, għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali kkunsidratx, ġustament, li d-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu jikkonċernaw lil F. Corneli direttament u individwalment. |
|
62 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dawn id-deċiżjonijiet kinux jikkonċernaw direttament lil F. Corneli, minn ġurisprudenza stabbilita, imfakkra wkoll mill-Qorti Ġenerali fil-punt 33 tas-sentenza appellata, jirriżulta li l-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors, kif prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u, min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, peress li din l-implimentazzjoni hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et, C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punt 103 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
63 |
F’dan il-każ, fil-punt 34 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu jippreġudikaw id-drittijiet tal-azzjonisti ta’ Banca Carige, fosthom F. Corneli. Minn naħa, skont il-Qorti Ġenerali, dawn id-deċiżjonijiet kienu jippreġudikaw id-dritt ta’ dawn l-azzjonisti li jeleġġu l-korpi ta’ tmexxija u ta’ sorveljanza ta’ dan il-bank, kif ukoll id-dritt tagħhom li jsejħu l-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti u li jistabbilixxu l-aġenda tiegħu. Min-naħa l-oħra, huma affettwaw il-kundizzjonijiet li fihom ir-responsabbiltà tal-korpi ta’ tmexxija u ta’ sorveljanza ta’ Banca Carige setgħet tiġi stabbilita mill-azzjonisti tagħha, peress li azzjonijiet ta’ natura ċivili setgħu jinbdew kontra d-diretturi temporanji maħtura mill-BĊE biss fil-każ ta’ frodi jew ta’ nuqqas serju u biss bl-awtorizzazzjoni tal-BĊE, filwaqt li r-rikorsi għad-danni kontra membri tal-korpi xolti ta’ Banca Carige jew kontra d-direttur ġenerali tagħha setgħu jiġu mressqa biss mid-diretturi temporanji, li kien iċaħħad il-laqgħa tal-azzjonisti jew l-azzjonisti li, flimkien, kellhom ċertu proporzjon tal-kapital azzjonarju mid-dritt li jippreżentaw tali rikors. |
|
64 |
Abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 35 tas-sentenza appellata, li r-relazzjoni ġuridika bejn Banca Carige u l-azzjonisti tagħha, fosthom F. Corneli, kienet inbidlet, mingħajr intervent ta’ xi att intermedjarju, mid-deċiżjonijiet kontenzjużi, li kienu jikkonċernaw, konsegwentement, direttament lil F. Corneli. |
|
65 |
Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom ibbażati fuq żball ta’ liġi li jivvizzja l-punti 34 u 35 tas-sentenza appellata, il-BĊE u l-Kummissjoni jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dritt li tiġi ppreżentata lista ta’ kandidati għall-elezzjoni tal-membri tal-Bord tad-Diretturi u tal-Kumitat ta’ Superviżjoni ta’ Banca Carige, id-dritt li tissejjaħ il-laqgħa ġenerali ta’ dan il-bank u d-dritt li titressaq azzjoni għad-danni kontra l-membri tal-korpi ta’ tmexxija u ta’ sorveljanza tal-imsemmi bank setgħu jiġu eżerċitati biss minn azzjonisti li kellhom, individwalment jew kollettivament, proporzjon tal-kapital ta’ Banca Carige ogħla minn dak miżmum minn F. Corneli. |
|
66 |
Issa, sa mit-tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja ta’ Banca Carige u sakemm din is-sitwazzjoni kompliet, F. Corneli ġiet imċaħħda, tal-inqas, mill-possibbiltà li teżerċita d-dritt li hija kellha, bħala azzjonista ta’ dan il-bank, li tassoċja ruħha ma’ azzjonisti oħra tiegħu sabiex teżerċita kollettivament wieħed jew l-ieħor mid-drittijiet imsemmija fil-punt preċedenti. Dan huwa effett fuq is-sitwazzjoni legali ta’ F. Corneli li jirriżulta direttament mill-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, li ma jħallu, f’dan ir-rigward, ebda marġni ta’ diskrezzjoni lid-destinatarju tagħhom, b’tali mod li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 ta’ din is-sentenza kienu ssodisfatti, kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali. |
|
67 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-BĊE bbażata fuq l-iżnaturament mill-Qorti Ġenerali tad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt Taljan jew tal-istatuti ta’ Banca Carige, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Il‑Kummissjoni vs CK Telecoms UK Investments, C‑376/20 P, EU:C:2023:561, punt 142 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
68 |
F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li jsostni l-BĊE, mis-sentenza appellata ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li F. Corneli setgħet, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt Taljan jew tal-istatuti tal-bank, teżerċita waħedha wieħed jew l-ieħor mid-drittijiet elenkati fil-punt 34 tas-sentenza appellata. Għall-kuntrarju, bi tweġiba għal argument imressaq quddiemha mill-BĊE u mill-Kummissjoni, ibbażat fuq il-fatt li d-drittijiet allegatament affettwati mid-deċiżjonijiet kontenzjużi ma kinux jappartjenu, b’mod individwali, lil kull azzjonist tal-kumpannija kkonċernata, iżda lil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tagħha, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 44 u 45 tas-sentenza appellata, li dan l-argument kien jinjora, tal-inqas, id-dritt tal-vot li jippermetti lil kull azzjonist jipparteċipa, b’mod individwali, fl-elezzjoni tal-membri msejħa sabiex jipparteċipaw fil-korpi ta’ tmexxija u ta’ sorveljanza ta’ Banca Carige, dritt li kellu jkun is-suġġett ta’ protezzjoni ġudizzjarja u li ma setax jiġi eżerċitat iktar wara t-tqegħid ta’ Banca Carige taħt amministrazzjoni temporanja. |
|
69 |
Il-motivazzjoni tas-sentenza appellata, kif miġbura fil-qosor fil-punt preċedenti, turi li l-Qorti Ġenerali tabilħaqq ikkunsidrat il-fatt li ċerti deċiżjonijiet imsemmija fil-punt 34 tas-sentenza appellata setgħu, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt Taljan jew tal-istatuti tal-bank, jiġu adottati biss kollettivament, mil-laqgħa ġenerali ta’ Banca Carige jew minn azzjonisti tagħha li kellhom ċertu proporzjon tal-kapital azzjonarju tagħha. Madankollu, il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment u ġustament, li dan il-fatt ma kienx jippermetti li jitqies li d-deċiżjonijiet kontenzjużi ma kinux jikkonċernaw direttament azzjonist partikolari, bħal F. Corneli. |
|
70 |
Fl-aħħar nett, it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tas‑7 ta’ Lulju 2020, Albert et vs L‑Ungerija (CE:ECHR:2020:0707JUD000529414), invokata mill-BĊE, ma jistax jikkontesta l-konstatazzjoni li d-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu jikkonċernaw b’mod dirett lil F. Corneli. |
|
71 |
Fil-fatt, sabiex tikkunsidra li r-rikorrenti fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, li kienu azzjonisti ta’ żewġ banek ta’ tfaddil Ungeriżi, ma setgħux jippretendu l-kwalità ta’ “vittma”, fis-sens tal-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ibbażat ruħha fuq id-distinzjoni stabbilita fil-ġurisprudenza tagħha bejn il-miżuri li jaffettwaw l-interessi ta’ kumpannija u dawk li jippreġudikaw id-drittijiet marbuta mal-kwalità ta’ azzjonist ta’ dik il-kumpannija. |
|
72 |
Billi ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’dik il-kawża kienet taqa’ taħt l-ewwel kategorija ta’ miżuri, dik il-qorti applikat il-prinċipju ġenerali li jirriżulta mill-ġurisprudenza tagħha u li tfakkar fil-punt 124 tal-imsemmija sentenza, li jipprovdi li l-azzjonisti ta’ kumpannija ma jistgħux jinvokaw il-kwalità ta’ “vittma”, fis-sens imsemmi iktar ’il fuq, ta’ atti jew ta’ miżuri li jaffettwaw il-kumpannija tagħhom. F’dan ir-rigward, hija rrilevat b’mod partikolari, essenzjalment, fil-punt 151 tal-istess sentenza, li dik il-leġiżlazzjoni ma kellhiex l-effett li tipprekludi, anki jekk temporanjament biss, lill-azzjonisti taż-żewġ banek ikkonċernati milli jeżerċitaw id-drittijiet li huma kellhom fil-kwalità tagħhom stess. |
|
73 |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet, li jirrigwardaw il-kriterji li jippermettu li tiġi invokata l-kwalità ta’ “vittma” fis-sens tal-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, huma irrilevanti sabiex jiġi evalwat jekk, f’dan il-każ, F. Corneli hijiex direttament ikkonċernata mid-deċiżjonijiet kontenzjużi. |
|
74 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjonijiet kontenzjużi kinux jikkonċernaw lil F. Corneli b’mod individwali, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 56 tas-sentenza appellata, hija ġurisprudenza stabbilita li l-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jallegaw li huma kkonċernati individwalment, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, biss jekk l-att li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu jippreġudikahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak ta’ destinatarju. (ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario, C‑779/21 P u C‑799/21 P, EU:C:2024:835, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
75 |
Ċertament, il-possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi ftit jew wisq preċiżjoni, in-numru jew anki l-identità tal-persuni li għalihom tapplika miżura bl-ebda mod ma timplika li dawn il-persuni għandhom jitqiesu li huma kkonċernati individwalment minn din il-miżura peress li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ liġi jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 157 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
76 |
Madankollu, meta att jaffettwa grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew setgħu jiġu identifikati fid-data meta ttieħed dan l-att u abbażi ta’ kriterji speċifiċi għall-membri ta’ dan il-grupp, dawn il-persuni għandhom jitqiesu li huma individwalment ikkonċernati mill-imsemmi att (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 158 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
77 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 56 sa 59 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li F. Corneli kienet individwalment ikkonċernata mid-deċiżjonijiet kontenzjużi peress li, fil-kwalità tagħha ta’ azzjonista ta’ Banca Carige, kienu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet fir-rigward tagħha. Minn naħa, hija kienet tagħmel parti minn grupp li l-membri tiegħu kienu identifikati jew identifikabbli fil-mument meta d-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu ġew adottati u, min-naħa l-oħra, din l-identifikazzjoni setgħet tkun ibbażata fuq kriterji speċifiċi għall-membri ta’ dan il-grupp, jiġifieri l-fatt li żżomm azzjonijiet fil-kapital ta’ dan il-bank u li ssib ruħha prekluża, permezz ta’ dawn id-deċiżjonijiet, milli teżerċita ċerti drittijiet marbuta ma’ dawn l-azzjonijiet. |
|
78 |
Fir-rigward ta’ din it-tieni kundizzjoni, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li F. Corneli kellha, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, drittijiet miksuba marbuta mal-azzjonijiet tagħha li kienu ġew ippreġudikati matul il-perijodu li matulu d-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu applikabbli. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali rreferiet, fil-punt 62 ta’ dik is-sentenza, għas-sospensjoni tal-funzjonijiet tal-laqgħa ġenerali ta’ Banca Carige li, bħala l-ewwel effett prodott mid-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja, ċaħdet lill-azzjonisti ta’ dan il-bank mill-possibbiltà li jsostnu l-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tal-proposti li madankollu kienu jikkonċernawhom. |
|
79 |
Dawn il-motivi tas-sentenza appellata jikkostitwixxu applikazzjoni korretta tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata fil-punti 74 sa 76 ta’ din is-sentenza, u għalhekk ma humiex ivvizzjati bi żball ta’ liġi. L-argumenti tal-BĊE u tal-Kummissjoni li jikkritikaw dawn il-motivi ma humiex ta’ natura li jinvalidaw din il-konklużjoni. |
|
80 |
L-ewwel nett, għalkemm huwa minnu li l-Qorti Ġenerali semmiet, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, il-fatt li d-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja kienet ġiet adottata fl‑1 ta’ Jannar, jiġifieri ġurnata meta, peress li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kienu magħluqa, l-azzjonijiet miżmuma mill-azzjonisti ta’ Banca Carige fil-kapital tagħha ma setgħux jiġu nnegozjati, hija ma bbażatx ruħha fuq dan il-fatt biss sabiex tqis li F. Corneli kienet individwalment ikkonċernata mid-deċiżjonijiet kontenzjużi, kif jixhed il-fatt li hija qieset li F. Corneli kienet ukoll individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni ta’ estensjoni, li, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fl-istess punt tas-sentenza appellata, ma kinitx ġiet adottata fi btala pubblika. |
|
81 |
Fi kliem ieħor, il-punt 58 tas-sentenza appellata ma jistax jinqara fis-sens li l-Qorti Ġenerali mmotivat il-kunsiderazzjoni li tgħid li F. Corneli kienet individwalment ikkonċernata, b’mod partikolari, mid-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja minħabba li din kienet ġiet adottata fi btala pubblika. Dan għandu jinftiehem bħala intiż sempliċement sabiex jenfasizza, b’mod superfluwu, il-fatt li, minħabba l-għeluq tal-Borża dakinhar, l-azzjonisti ta’ Banca Carige, ikkonċernati individwalment minn din id-deċiżjoni, kienu iktar faċilment identifikabbli. |
|
82 |
Bl-istess mod, il-punt 63 tas-sentenza appellata ma jistax jinqara fis-sens li huwa abbażi tal-kunsiderazzjoni li F. Corneli kienet fost l-azzjonisti ta’ Banca Carige li vvotaw b’mod negattiv waqt il-laqgħa ġenerali tat‑22 ta’ Diċembru 2018 li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li din kienet individwalment ikkonċernata mid-deċiżjonijiet kontenzjużi, speċjalment peress li, f’dan il-punt 63, hija ppreċiżat li dan il-vot “kien jesprimi biss talba għal posponiment”. Permezz ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali riedet pjuttost tenfasizza l-importanza li kellha, għal F. Corneli, id-dritt li tipparteċipa fil-laqgħa ġenerali ta’ Banca Carige, dritt li hija ma setgħetx teżerċita sakemm id-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu fis-seħħ. |
|
83 |
It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-BĊE u l-Kummissjoni, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, dwar il-gruppi ta’ persuni identifikati jew identifikabbli skont kriterji speċifiċi għall-membri tal-grupp ikkonċernat, tapplika f’dan il-każ. Il-fatt, invokat mill-BĊE u mill-Kummissjoni, li Banca Carige kellha madwar 35000 azzjonist li kollha kienu individwalment ikkonċernati mid-deċiżjonijiet kontenzjużi huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti. L-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza tiddependi biss mill-possibbiltà li jiġu identifikati l-persuni li att jaffettwa skont kriterji speċifiċi għal dawn il-persuni, u mhux min-numru, ftit jew wisq kbir, tal-persuni identifikati. |
|
84 |
Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, invokata mill-BĊE u mill-Kummissjoni, ma tikkonċernax każ bħal dak inkwistjoni f’dawn il-kawżi. Fil-fatt, din il-ġurisprudenza tikkonċerna sitwazzjonijiet fejn l-applikazzjoni ta’ miżura titwettaq bis-saħħa ta’ sitwazzjoni ta’ liġi jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni, b’tali mod li hija tkopri, mid-definizzjoni tagħha stess, atti ta’ portata ġenerali, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tagħha, u mhux atti individwali, bħad-deċiżjonijiet kontenzjużi. |
|
85 |
It-tielet nett, fir-rigward tal-ilmenti diretti kontra l-punti 74 u 75 tas-sentenza appellata, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 77 sa 79 ta’ din is-sentenza, il-motivi esposti fil-punti 56 sa 62 tas-sentenza appellata juru b’mod suffiċjenti fid-dritt li F. Corneli kienet individwalment ikkonċernata mid-deċiżjonijiet kontenzjużi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn l-ilmenti, anki jekk huma fondati, ma jistgħux iwasslu għall-annullament tas-sentenza appellata u għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi, peress li huma diretti kontra motivi superfluwi ta’ dik is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2011, Anheuser-Busch vs Budějovický Budvar,C‑96/09 P, EU:C:2011:189, punt 211 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
86 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-interess ġuridiku ta’ F. Corneli, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, kull rikors għal annullament ippreżentat, skont l-Artikolu 263 TFUE, minn persuna fiżika jew ġuridika għandu jkun ibbażat fuq interess ġuridiku tagħha. L-eżistenza ta’ tali interess tippreżupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’, fih innifsu, jipprovdi benefiċċju lil din il-persuna (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, D & A Pharma vs EMA, C‑136/22 P, EU:C:2023:572, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
87 |
F’dan il-każ, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, sabiex tiġġustifika interess ġuridiku kontra d-deċiżjonijiet kontenzjużi, F. Corneli kienet invokat l-effett ta’ dawn id-deċiżjonijiet fuq id-drittijiet li hija kellha personalment, fil-kwalità tagħha ta’ azzjonista ta’ Banca Carige, b’mod partikolari dak li ssejjaħ laqgħa ġenerali sabiex tipproponi l-preżentata ta’ rikors jew ukoll id-dritt li żżid punt f’dan is-sens mal-aġenda ta’ tali laqgħa. |
|
88 |
Minn dan, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, li ma setax jitqies li, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, l-effett ta’ dan fuq is-sitwazzjoni tal-azzjonisti jkun identiku għal dak prodott fuq is-sitwazzjoni ta’ Banca Carige u li, konsegwentement, ir-rekwiżit, fir-rigward ta’ azzjonist, ta’ interess ġuridiku distint minn dak tal-kumpannija li tagħha jkollu azzjonijiet kien issodisfatt f’dan il-każ. |
|
89 |
Dawn il-motivi tas-sentenza appellata jiġġustifikaw b’mod suffiċjenti fid-dritt l-eżistenza tal-interess ġuridiku meħtieġ sabiex tiġi ġġustifikata l-preżentata, minn F. Corneli, ta’ rikors għal annullament, skont l-Artikolu 263 TFUE, kontra d-deċiżjonijiet kontenzjużi, sakemm dawn kienu fis-seħħ. |
|
90 |
Ir-riferiment, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, għad-dritt “li ssejjaħ laqgħa ġenerali” jew “li żżid punt” mal-aġenda ta’ tali laqgħa ma jfissirx, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-BĊE u l-Kummissjoni, li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet lil F. Corneli drittijiet li ma kinux previsti mill-istatuti ta’ Banca Carige jew mid-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt Taljan. Dan ir-riferiment għandu jinqara flimkien mal-motivi tas-sentenza appellata li skonthom id-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu jikkonċernaw direttament lil F. Corneli. Meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, l-imsemmi riferiment jista’ biss jinftiehem fis-sens li l-Qorti Ġenerali qieset, ġustament, li F. Corneli kellha interess ġuridiku kontra d-deċiżjonijiet kontenzjużi, peress li, fil-każ ta’ annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet, it-tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja ta’ Banca Carige jintemm u F. Corneli tirkupra d-dritt tagħha li tassoċja ruħha ma’ azzjonisti oħra ta’ dan il-bank sabiex, b’mod partikolari, tkun f’pożizzjoni li ssejjaħ laqgħa ġenerali jew li żżid punt mal-aġenda ta’ din tal-aħħar. |
|
91 |
Fir-rigward tal-punt 82 tas-sentenza appellata, dan jikkostitwixxi s-segwitu loġiku u l-konferma tal-punt 81 tagħha, kif jixhed il-fatt li dan jibda bil-kelma “għalhekk”. |
|
92 |
Fir-raba’ lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-Qorti Ġenerali naqset milli tivverifika ex officio jekk l-interess ġuridiku ta’ F. Corneli kienx kompla wara t-tmiem tal-perijodu ta’ amministrazzjoni temporanja ta’ Banca Carige. |
|
93 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, jeżisti fl-istadju tal-preżentata tiegħu taħt piena ta’ inammissibbiltà u jissussisti, l-istess bħas-suġġett tar-rikors, sal-għoti tad-deċiżjoni ġudizzjarja, u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, li jippreżupponi li r-rikors jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 42, u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 26). |
|
94 |
Bħala prinċipju, parti żżomm l-interess tagħha li tippreżenta rikors għal annullament meta dan tal-aħħar jista’ jikkostitwixxi l-bażi ta’ eventwali rikors għad-danni. Il-possibbiltà ta’ rikors għad-danni hija biżżejjed sabiex jiġi stabbilit tali interess ġuridiku, sakemm dan ma jkunx ipotetiku (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, BPC Lux 2 et vs Il‑Kummissjoni, C‑544/17 P, EU:C:2018:880, punti 42 u 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
95 |
L-interess ġuridiku jista’ jirriżulta minn kwalunkwe azzjoni quddiem il-qrati nazzjonali li fil-kuntest tagħha l-eventwali annullament tal-att ikkontestat quddiem il-qorti tal-Unjoni jista’ jikseb vantaġġ għar-rikorrent (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, BPC Lux 2 et vs Il‑Kummissjoni, C‑544/17 P, EU:C:2018:880, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
96 |
Huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova tal-interess ġuridiku tiegħu, li jikkostitwixxi l-kundizzjoni essenzjali u fundamentali għal kull rimedju ġudizzjarju. B’mod partikolari, sabiex rikors għall-annullament ta’ att, ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika, ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li r-rikorrent jiġġustifika b’mod rilevanti l-interess li jirrappreżenta għalih l-annullament ta’ dan l-att (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, BPC Lux 2 et vs Il‑Kummissjoni, C‑544/17 P, EU:C:2018:880, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
97 |
F’dan il-każ, mill-punti 1 u 17 tas-sentenza appellata jirriżulta li d-deċiżjonijiet kontenzjużi waqfu jipproduċu l-effetti tagħhom fit‑30 ta’ Settembru 2019. |
|
98 |
Ċertament, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 94 u 95 ta’ din is-sentenza, dan il-fatt ma jfissirx neċessarjament li l-interess ġuridiku ta’ F. Corneli u, għaldaqstant, is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali kienu spiċċaw fil-mori tal-kawża. Madankollu, hija l-Qorti Ġenerali, qabel ma tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża mressqa quddiemha, li kellha tivverifika, jekk ikun hemm bżonn ex officio, li dan ma kienx il-każ. Billi naqset milli tagħmel dan, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. |
|
99 |
Madankollu, dan l-iżball ta’ liġi waħdu ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata. |
|
100 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 94 sa 96 ta’ din is-sentenza, F. Corneli żżomm l-interess tagħha li titlob l-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi jekk tali annullament seta’ jikkostitwixxi l-bażi ta’ eventwali rikors għad-danni. |
|
101 |
Issa, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub li saritilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, F. Corneli, essenzjalment, ikkonfermat li hija kienet tqis li ġarrbet dannu minħabba d-deċiżjonijiet meħuda mill-amministraturi temporanji ta’ Banca Carige, maħtura mill-BĊE, dannu li għalih hija kellha l-intenzjoni li tikseb kumpens. Skont F. Corneli, dawn id-deċiżjonijiet ikkawżaw it-tnaqqis tas-sehem tagħha fil-kapital ta’ Banca Carige u, fl-aħħar mill-aħħar, il-bejgħ obbligatorju tal-azzjonijiet li hija kellha, wara offerta pubblika ta’ xiri obbligatorja, imnedija minn BPR Banca SpA, li kienet akkwistat sehem maġġoritarju fil-kapital ta’ Banca Carige. |
|
102 |
Mit-tweġiba ta’ F. Corneli jirriżulta wkoll li hija tipprevedi l-preżentata ta’ rikorsi għad-danni kemm quddiem il-Qorti Ġenerali, kontra l-BĊE, kif ukoll quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti, kontra l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi l-oħra involuti, wara d-deċiżjonijiet kontenzjużi, fl-amministrazzjoni temporanja ta’ Banca Carige, u sussegwentement fil-bejgħ tagħha. |
|
103 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-BĊE kkonferma li l-amministraturi temporanji ta’ Banca Carige effettivament ħadu, matul il-mandat tagħhom, sensiela ta’ deċiżjonijiet importanti, b’mod partikolari l-iffirmar, fid‑9 ta’ Awwissu 2019, ma’ diversi atturi, ta’ ftehim qafas vinkolanti dwar ir-rikapitalizzazzjoni ta’ Banca Carige, peress li dan l-att ġie approvat, fl‑20 ta’ Settembru 2019, minn laqgħa ġenerali straordinarja tal-azzjonisti ta’ Banca Carige, imsejħa mill-imsemmija amministraturi temporanji. |
|
104 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies, bħalma għamlet l-Avukata Ġenerali fil-punti 77 u 78 tal-konklużjonijiet tagħha, li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 94 ta’ din is-sentenza, l-interess ġuridiku ta’ F. Corneli kontra d-deċiżjonijiet kontenzjużi ma jistax jitqies li huwa purament ipotetiku, anki wara li jkun intemm il-perijodu ta’ amministrazzjoni temporanja ta’ Banca Carige u F. Corneli kienet biegħet l-azzjonijiet tagħha. |
|
105 |
Għaldaqstant, minkejja li l-effetti tad-deċiżjonijiet kontenzjużi u l-amministrazzjoni temporanja ta’ Banca Carige ntemmu fil-mori tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, l-interess ta’ F. Corneli li tikseb l-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet madankollu ma spiċċax. |
|
106 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel aggravji rispettivi tal-BĊE u tal-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. |
Fuq it-tieni aggravju tal-Kummissjoni
L-argumenti tal-partijiet
|
107 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta mill-BĊE u mir-Repubblika Taljana, issostni li kien għall-ewwel darba fir-replika tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali li F. Corneli allegat li, konformement mal-Artikolu 70 tat-Test Uniku dwar il-Banek, il-BĊE ma setax jordna t-tqegħid ta’ istituzzjoni bankarja taħt amministrazzjoni temporanja fil-każ ta’ deterjorament sinjifikattiv tas-sitwazzjoni tagħha. Fil-fatt, fil-punt 67 tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, F. Corneli sostniet eżattament il-kuntrarju, billi interpretat l-Artikolu 70 tat-Test Uniku dwar il-Banek bl-istess mod bħall-BĊE. |
|
108 |
Skont il-Kummissjoni, l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 70 tat-Test Uniku dwar il-Banek ma kinitx teħtieġ l-għarfien tat-test sħiħ tad-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja, li għaliha F. Corneli kellha aċċess biss wara l-preżentata tar-rikors tagħha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li F. Corneli qajmet, għall-ewwel darba fir-replika tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, motiv ġdid, li ma kienx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt imqajma matul il-proċedura. Billi naqset milli tiċħad dan il-motiv ġdid bħala inammissibbli, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. |
|
109 |
F. Corneli ssostni li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
110 |
Mill-Artikolu 84(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-motivi esposti għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli u li ma humiex ibbażati fuq punti ta’ liġi jew ta’ fatt imqajma matul il-proċedura. Madankollu, motiv jew argument li jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement fir-rikors promotur ma jistax jiġi ddikjarat inammissibbli minħabba tardività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2024, Kočner vs Europol, C‑755/21 P, EU:C:2024:202, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
111 |
F’dan il-każ, u mingħajr ma dan ġie kkontestat mill-Kummissjoni fl-istadju tal-appell tagħha, mir-rikors fl-ewwel istanza jirriżulta li, insostenn tar-rikors tagħha, F. Corneli invokat, b’mod partikolari, motiv ibbażat fuq il-ksur, mill-BĊE, tal-Artikolu 70(1) tat-Test Uniku dwar il-Banek. |
|
112 |
Ċertament, kif issostni l-Kummissjoni, hija għall-ewwel darba fir-replika tagħha fl-ewwel istanza li F. Corneli sostniet li din l-aħħar dispożizzjoni ma kinitx tippermetti t-tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja ta’ bank f’każ ta’ deterjorament sinjifikattiv tas-sitwazzjoni tagħha. |
|
113 |
Madankollu, F. Corneli ma tistax tiġi kkritikata li invokat, fl-istadju ta’ din ir-replika, motiv ġdid, sa fejn l-imsemmi argument kien jikkostitwixxi amplifikazzjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 110 ta’ din is-sentenza, tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 70(1) tat-Test Uniku dwar il-Banek, invokat fir-rikors promotur tagħha. Fil-fatt, għalkemm, fir-rikors tagħha, hija sostniet b’mod partikolari li ebda deterjorament partikolarment sinjifikattiv tas-sitwazzjoni ta’ Banca Carige ma kien intwera, hija ppreċiżat, fir-replika tagħha, li din id-dispożizzjoni ma kinitx tippermetti li bank jitqiegħed taħt amministrazzjoni temporanja f’tali sitwazzjoni. Issa, b’dan il-mod, F. Corneli sempliċement ikkompletat l-argument tagħha intiż sabiex juri li, kif kienet diġà allegat f’dan ir-rikors, il-BĊE kien adotta d-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja bi ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. |
|
114 |
Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk F. Corneli kinitx, jew le, f’pożizzjoni li tressaq b’mod utli l-imsemmi argument mingħajr ma jkollha aċċess għat-test sħiħ tad-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja, peress li hija kienet kisbet dan id-dokument biss wara l-preżentata tar-rikors tagħha, hija irrilevanti. |
|
115 |
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li kisret l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, billi naqset milli tiċħad ex officio bħala inammissibbli, minħabba tardività, l-argument ta’ F. Corneli msemmi fil-punt 112 ta’ din is-sentenza. Konsegwentement, it-tieni aggravju tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it-tieni aggravju tal-BĊE kif ukoll fuq it-tielet u r-raba’ aggravju tal-Kummissjoni
L-argumenti tal-partijiet
|
116 |
Il-BĊE, permezz tat-tieni aggravju tiegħu, u l-Kummissjoni, permezz tat-tielet aggravju tagħha, isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-BĊE kien kiser l-Artikolu 70 tat-Test Uniku dwar il-Banek meta adotta d-deċiżjonijiet kontenzjużi. |
|
117 |
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-frażi għandha tinqara “fil-każ ta’ ksur jew irregolarità msemmija fl-Artikolu 69 octiesdecies (1)(b) [tat-Test Uniku dwar il-Banek]”, li tinsab fl-Artikolu 70(1) ta’ dan it-test, fis-sens li tkopri mhux biss il-“ksur serju tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew statutorji” kif ukoll l-“irregolaritajiet serji fil-kuntest tal-amministrazzjoni”, iżda wkoll id-“deterjorament tas-sitwazzjoni tal-bank jew tal-grupp bankarju […] partikolarment sinjifikattiv”, imsemmija wkoll fl-Artikolu 69octiesdecies (1)(b) tat-Test Uniku dwar il-Banek. |
|
118 |
Fit-tieni lok, il-BĊE u l-Kummissjoni jsostnu li interpretazzjoni kuntestwali u sistematika tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni timmilita wkoll fis-sens li r-riferiment għall-Artikolu 69 octiesdecies (1)(b) tat-Test Uniku dwar il-Banek, magħmul fl-Artikolu 70(1) ta’ dan it-test, ikopri wkoll il-każ ta’ deterjorament partikolarment sinjifikattiv tas-sitwazzjoni tal-bank ikkonċernat. Fil-fatt, teżisti sekwenza loġika bejn it-“tneħħija”, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, u x-“xoljiment”, fis-sens tat-tieni waħda, tal-korpi amministrattivi jew ta’ kontroll ta’ bank. Għaldaqstant, ikun irraġonevoli li jitqies li, fil-każ ta’ deterjorament partikolarment sinjifikattiv tas-sitwazzjoni ta’ bank, il-leġiżlatur Taljan kellu l-intenzjoni li jawtorizza biss l-ewwel miżura u mhux it-tieni waħda. |
|
119 |
Fit-tielet lok, il-BĊE u l-Kummissjoni jqisu li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 70(1) tat-Test Uniku dwar il-Banek li huma jiddefendu hija kkonfermata mill-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll mix-xogħol preparatorju relatat magħha. Din l-interpretazzjoni tikkorrispondi, barra minn hekk, mal-għan imfittex mil-leġiżlatur Taljan kif ukoll man-neċessità li tiġi osservata l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana. Fil-fatt, l-Artikolu 70(1) tat-Test Uniku dwar il-Banek jirriżulta minn emenda introdotta permezz ta’ digriet leġiżlattiv tas‑16 ta’ Novembru 2015, adottat mill-Gvern Taljan abbażi ta’ delega mogħtija mill-Parlament Taljan, sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni tad-direttivi tal-Unjoni. Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) jirriżulta li, fl-eżerċizzju ta’ din id-delega, dan il-gvern huwa obbligat josserva skrupolożament id-dritt kollu tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-BĊE u l-Kummissjoni jenfasizzaw li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 70 tat-Test Uniku dwar il-Banek li huma jiddefendu hija kkonfermata wkoll mill-ġurisprudenza tal-qrati Taljani. |
|
120 |
Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, billi eskludiet, fil-punti 105 sa 107 tas-sentenza appellata, kull possibbiltà li l-Artikolu 70(1) tat-Test Uniku dwar il-Banek jiġi interpretat b’mod konformi mal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2014/59. Skont il-Kummissjoni, ir-riferiment, fil-punt 105 ta’ dik is-sentenza, għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali huwa “diskutibbli fuq livell semantiku”, peress li l-espressjoni “contra legem” ma hijiex applikabbli meta tkun kwistjoni li tiġi interpretata l-portata ta’ riferiment magħmul minn dispożizzjoni għal dispożizzjoni oħra, bħalma huwa l-każ tal-Artikolu 70 tat-Test Uniku dwar il-Banek, li jirreferi għall-Artikolu 69 octiesdecies (1)(b) ta’ dan it-test. |
|
121 |
Il-Kummissjoni ssostni li, sabiex jiġi evalwat jekk l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali għandhiex natura contra legem, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interpretazzjoni letterali tad-dispożizzjoni kkonċernata, iżda wkoll il-kriterji l-oħra ta’ interpretazzjoni, kif ukoll id-dritt nazzjonali kollu kemm hu. Issa, skont il-Kummissjoni, ma hemm l-ebda dubju li, abbażi tar-regoli ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti fid-dritt Taljan, l-Artikolu 70 tat-Test Uniku dwar il-Banek jista’ jiġi interpretat b’mod konformi mad-Direttiva 2014/59. |
|
122 |
Ir-Repubblika Taljana ssostni l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Taljan difiża mill-BĊE u mill-Kummissjoni. Fil-fehma tagħha, il-kunċett ta’ “telf patrimonjali serju”, fis-sens tal-Artikolu 70(1) tat-Test Uniku dwar il-Banek, jikkostitwixxi wieħed mit-tipi ta’ “deterjorament partikolarment sinjifikattiv tas-sitwazzjoni ta’ bank”, fis-sens tal-Artikolu 69 octiesdecies (1) ta’ dan it-test, b’tali mod li l-BĊE kellu d-dritt jirreferi, fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, għat-tieni kunċett, iktar ġenerali, iktar milli għall-ewwel wieħed. |
|
123 |
F. Corneli ssostni li dawn l-aggravji għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, peress li l-BĊE u l-Kummissjoni jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet applikazzjoni allegatament żbaljata mhux tad-dritt tal-Unjoni, iżda tad-dritt Taljan. Issa, fl-istadju tal-appell, l-istħarriġ, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali adottata mill-Qorti Ġenerali huwa limitat għall-verifika li din tal-aħħar ma żnaturatx dan id-dritt, fatt li ma huwiex sostnut f’dan il-każ. |
|
124 |
Fir-rigward tal-mertu, F. Corneli tikkontesta l-interpretazzjoni tal-Artikolu 70(1) tat-Test Uniku dwar il-Banek sostnuta mill-BĊE u mill-Kummissjoni. Hija tqis li, konformement mar-regoli ta’ interpretazzjoni tad-dritt Taljan, għandha tingħata prijorità lill-interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni. Hija żżid li l-interpretazzjoni difiża mill-BĊE u mill-Kummissjoni ma hijiex ikkonfermata mill-ġurisprudenza Taljana. |
|
125 |
F. Corneli tqis, barra minn hekk, li d-Direttiva 2014/59 ġiet trasposta b’mod korrett fid-dritt Taljan. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, din id-direttiva tistabbilixxi klassifikazzjoni tal-miżuri ta’ intervent tal-awtorità kompetenti fit-tmexxija ta’ bank, li jipprevedu t-tneħħija tat-tmexxija ġenerali jew tal-korp ta’ tmexxija ta’ istituzzjoni bankarja f’sitwazzjonijiet inqas serji minn dawk li fihom il-ħatra ta’ direttur temporanju wieħed jew iktar tkun iġġustifikata. L-argument tal-BĊE u tal-Kummissjoni jmur kontra l-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 29(1) tal-imsemmija direttiva, li jistabbilixxi distinzjoni bejn is-sitwazzjonijiet li jiġġustifikaw it-tneħħija tat-tmexxija ġenerali jew tal-korp ta’ tmexxija ta’ istituzzjoni bankarja u dawk li jiġġustifikaw il-ħatra ta’ amministratur temporanju wieħed jew iktar. |
|
126 |
F. Corneli żżid li d-Direttiva 2014/59 twettaq biss armonizzazzjoni minima u tosserva li l-Kummissjoni, li ġiet innotifikata bid-dispożizzjonijiet tad-dritt Taljan li jittrasponu din id-direttiva, ma bdietx proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Taljana, li kien ikun il-każ li kieku din it-traspożizzjoni ma saritx b’mod korrett. Li kieku dan kien il-każ, F. Corneli tqis li din iċ-ċirkustanza ma tistax tiġġustifika interpretazzjoni tal-Artikolu 70 tat-Test Uniku dwar il-Banek li tmur kontra l-formulazzjoni tiegħu. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
127 |
Il-BĊE, permezz tat-tieni aggravju tiegħu, kif ukoll il-Kummissjoni, permezz tat-tielet u tar-raba’ aggravju tagħha, isostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat, fil-punti 107 u 108 tas-sentenza appellata, li l-BĊE kien, sabiex japplika f’dan il-każ l-Artikolu 70(1) tat-Test Uniku dwar il-Banek, wettaq interpretazzjoni contra legem ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali u, għaldaqstant, kiser il-limitu previst mid-dritt tal-Unjoni għall-obbligu li l-imsemmija dispożizzjoni tiġi interpretata b’mod konformi mal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2014/59. |
|
128 |
Fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ dawn l-aggravji, għandu jitfakkar li l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq appell minn deċiżjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali hija ddefinita mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE. Din tindika li l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ liġi u għandu jaqa’ “skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti previsti fl-Istatut”. F’lista enumerata tar-raġunijiet li jistgħu jiġu invokati f’dan il-kuntest, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jippreċiża li l-appell jista’ jkun ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali (sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI,C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 46). |
|
129 |
Issa, il-kwistjoni, imqajma permezz tal-imsemmija aggravji, dwar jekk il-Qorti Ġenerali kisritx id-dritt tal-Unjoni meta qieset li l-BĊE kien eċċeda l-limiti tal-obbligu, impost fuqu bis-saħħa ta’ dan id-dritt, li jwettaq interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali, twassal sabiex tintalab mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti Ġenerali. Din għalhekk hija kwistjoni ta’ dritt li hija suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. |
|
130 |
Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni F. Corneli, dawn l-istess aggravji huma ammissibbli. |
|
131 |
Fir-rigward tal-mertu, mill-punt 2 tas-sentenza appellata jirriżulta li Banca Carige kienet suġġetta għas-sorveljanza prudenzjali diretta tal-BĊE. Din tal-aħħar, meta adottat id-deċiżjonijiet kontenzjużi, ibbażat ruħha, kif jikkonferma l-punt 111 tas-sentenza appellata, fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013. |
|
132 |
Konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament, għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti fdati lilu minn dan tal-aħħar, li fosthom hemm is-sorveljanza prudenzjali ta’ ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-BĊE għandu japplika d-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tad-dritt tal-Unjoni u, meta dan ikun jinkludi direttivi, id-dritt nazzjonali li jittrasponi dawn id-direttivi. Skont it-tieni sentenza ta’ dan l-Artikolu 4(3), fejn il-liġi rilevanti tal-Unjoni tkun magħmula minn regolamenti u fejn attwalment dawk ir-regolamenti jagħtu opzjonijiet lill-Istati Membri, il-BĊE għandu japplika wkoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali waqt li jeżerċita dawk l-opzjonijiet. |
|
133 |
Għalhekk, minn qari flimkien tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013 jirriżulta li l-applikazzjoni, mill-BĊE, tad-dritt nazzjonali hija intiża li tosserva l-għażliet magħmula mil-leġiżlatur nazzjonali fil-kuntest stabbilit mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, kemm jekk dawn jinsabu f’regolamenti jew f’direttivi. |
|
134 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, billi japplikaw id-dritt intern tagħhom għas-sitwazzjoni ta’ bank li ma jaqax taħt is-sorveljanza prudenzjali diretta tal-BĊE, l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta’ Stat Membru inkarigati li japplikaw, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu li jiżguraw l-effett sħiħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, HUMDA, C‑397/21, EU:C:2022:790, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
135 |
B’mod partikolari, meta d-dritt tal-Unjoni applikabbli jkun jinkludi direttivi, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jimplika, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 103 tas-sentenza appellata, ir-rekwiżit li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat sa fejn ikun possibbli billi jittieħdu inkunsiderazzjoni t-test u l-għan ta’ dawn id-direttivi, sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark, C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
136 |
Bl-istess mod, il-BĊE huwa obbligat, meta, konformement mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1024/2013, japplika għal bank li jaqa’, bħal Banca Carige, taħt is-sorveljanza prudenzjali diretta tiegħu, leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi direttiva, li jwettaq interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni li jibbaża ruħu fuqha li tkun konformi ma’ din id-direttiva. |
|
137 |
Kif enfasizzat hija stess fil-punt 103 tas-sentenza appellata, meta hija jkollha, bħal f’dan il-każ, tapplika d-dritt nazzjonali, il-Qorti Ġenerali għandha l-istess obbligu ta’ interpretazzjoni konformi ta’ dan id-dritt, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-direttiva li hija intiża tittrasponi. |
|
138 |
Kif fakkret ukoll il-Qorti Ġenerali fil-punt 105 tas-sentenza appellata, l-obbligu tal-qorti li tieħu inkunsiderazzjoni l-kontenut ta’ direttiva meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt intern huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari dawk ta’ ċertezza legali kif ukoll ta’ nuqqas ta’ retroattività, u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2005, Pupino, C‑105/03, EU:C:2005:386, punti 44 u 47, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et, C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punt 222 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
139 |
Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 132 sa 138 ta’ din is-sentenza kif ukoll tan-neċessità li tiġi osservata s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni u r-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tiegħu, fil-kuntest tal-eżerċizzju, mill-BĊE, tal-kompetenzi mogħtija lilu mir-Regolament Nru 1024/2013, li l-kunċett ta’ “interpretazzjoni contra legem” għandu jinftiehem. |
|
140 |
Barra minn hekk, għandu jiġi preżunt li, meta dispożizzjonijiet interni jkunu ġew introdotti speċifikament sabiex tiġi trasposta direttiva, l-Istat Membru kkonċernat kellu l-intenzjoni li jeżegwixxi b’mod sħiħ l-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
141 |
Konsegwentement, il-projbizzjoni, li tirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 138 ta’ din is-sentenza, ta’ interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali tkopri biss l-ipoteżi li fiha d-dritt nazzjonali ma jistax jiġi applikat b’tali mod li jwassal għal riżultat kompatibbli ma’ dak previst mid-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
142 |
F’dan il-każ, mill-punti 107 u 108 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, qieset li l-BĊE kien kiser il-limitu, stabbilit mid-dritt tal-Unjoni, ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 70(1) tat-Test Uniku dwar il-Banek konformi mal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2014/59, billi wettaq interpretazzjoni contra legem tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni. |
|
143 |
Għaldaqstant, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina jekk, permezz ta’ dawn il-motivi, il-Qorti Ġenerali kisritx id-dritt tal-Unjoni, kif isostnu l-BĊE, permezz tat-tieni aggravju tiegħu, u l-Kummissjoni, permezz tat-tielet u tar-raba’ aggravju tagħha. |
|
144 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2014/59 jipprevedi l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jeżiġu t-tneħħija, f’daqqa jew individwalment, tal-amministrazzjoni ġenerali jew tal-korp ta’ tmexxija ta’ istituzzjoni bankarja, b’mod partikolari jekk is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ din l-istituzzjoni “tiddeterjora b’mod sinifikanti”. |
|
145 |
L-Artikolu 29(1) ta’ din id-direttiva jiddisponi:, min-naħa tiegħu, li jekk is-sostituzzjoni tat-tmexxija ġenerali jew tal-korp ta’ tmexxija msemmija fl-Artikolu 28 tagħha titqies insuffiċjenti mill-awtorità kompetenti sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li din l-awtorità tkun tista’ taħtar amministratur temporanju wieħed jew iktar għall-istituzzjoni. |
|
146 |
Għalhekk, minn qari flimkien ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta s-sitwazzjoni ta’ istituzzjoni bankarja tiddeterjora b’mod sinjifikattiv, l-awtorità kompetenti tkun tista’ b’mod partikolari, skont din is-sitwazzjoni, jew tillimita ruħha li teżiġi t-tneħħija, f’daqqa jew individwalment, tat-tmexxija ġenerali jew tal-korp ta’ tmexxija, jew taħtar ukoll amministratur temporanju wieħed jew iktar. |
|
147 |
Mill-ewwel u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament Nru 1024/2013 jirriżulta li, għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu, b’mod partikolari, mill-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, il-BĊE għandu jitqies li huwa l-“awtorità kompetenti”, li għandu s-setgħat kollha li jaqgħu fuq tali awtoritajiet bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, u li huwa għandu jeżerċita dawn is-setgħat konformement mal-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament. |
|
148 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-argument ta’ F. Corneli bbażat, essenzjalment, fuq in-neċessità li tiġi prevista, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, “klassifikazzjoni” tal-miżuri ta’ intervent tal-awtorità kompetenti fl-amministrazzjoni ta’ istituzzjoni bankarja, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema ta’ miżuri ta’ intervent prevista fl-Artikoli 27 sa 29 tad-Direttiva 2014/59 tosserva dan il-prinċipju. |
|
149 |
Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-miżura amministrattiva temporanja prevista fl-Artikolu 29(1) ta’ din id-direttiva, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li din il-miżura tista’ tiġi adottata biss wara li l-miżura inqas restrittiva prevista fl-Artikolu 28 tal-imsemmija direttiva, jiġifieri s-sostituzzjoni tat-tmexxija ġenerali jew tal-korp ta’ tmexxija tal-istituzzjoni bankarja kkonċernata, tkun tqieset insuffiċjenti fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar. |
|
150 |
Mill-punti 144 sa 149 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, bit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/59 fl-ordinament ġuridiku intern tiegħu, il-leġiżlatur nazzjonali għandu jipprevedi l-possibbiltà, għall-awtorità kompetenti, li tistabbilixxi amministrazzjoni temporanja ta’ istituzzjoni bankarja, b’mod partikolari fil-każ ta’ deterjorament sinjifikattiv tas-sitwazzjoni ta’ din l-istituzzjoni. |
|
151 |
Għaldaqstant, konformement mal-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punti 134 u 135 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiġu interpretati b’mod li jintlaħaq dan ir-riżultat. |
|
152 |
F’dan il-każ, ċertament, kif jirriżulta mill-punti 92 sa 95 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 69 octiesdecies (1)(b) tat-Test Uniku dwar il-Banek, dwar it-“tneħħija”, jiġifieri t-tneħħija tal-korpi amministrattivi jew ta’ kontroll ta’ bank, minn naħa, u l-Artikolu 70(1) ta’ dan it-test, dwar l-amministrazzjoni temporanja ta’ bank, min-naħa l-oħra, jipprevedu kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni fformulati f’termini parzjalment differenti. |
|
153 |
B’mod partikolari, għalkemm id-deterjorament partikolarment sinjifikattiv tas-sitwazzjoni ta’ bank jinsab fost il-kundizzjonijiet alternattivi li jiġġustifikaw it-tneħħija tal-korpi amministrattivi jew ta’ kontroll ta’ bank, previsti fl-Artikolu 69 octiesdecies (1)(b) tat-Test Uniku dwar il-Banek, dan ma jinsabx, f’dawn it-termini, fost il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 70(1) ta’ dan it-test, dwar l-amministrazzjoni temporanja ta’ bank. |
|
154 |
Madankollu, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 107 u 108 tas-sentenza appellata, minn dan is-sempliċi fatt ma jistax jiġi dedott li interpretazzjoni tal-Artikolu 70(1) tat-Test Uniku dwar il-Banek konformi mal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2014/59, fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika fil-każ ta’ deterjorament sinjifikattiv tas-sitwazzjoni ta’ bank, tkun madankollu ta’ natura contra legem, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 138 u 141 ta’ din is-sentenza. |
|
155 |
Fil-fatt, tali interpretazzjoni ma tiksirx l-imsemmija dispożizzjoni, peress li, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali stess fil-punt 93 tas-sentenza appellata, fost il-kundizzjonijiet alternattivi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-istess dispożizzjoni, hemm dik marbuta mal-fatt li “ikun mistenni telf patrimonjali serju” ta’ bank. |
|
156 |
Issa, il-kunċett ta’ “deterjorament sinjifikattiv” tas-sitwazzjoni ta’ bank, rilevanti fil-kuntest tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2014/59, u dak ta’ stennija ta’ “telf patrimonjali serju”, li jinsab fl-Artikolu 70(1) tat-Test Uniku dwar il-Banek, jikkostitwixxu kunċetti legali fformulati f’termini ġenerali u simili. |
|
157 |
Fil-fatt, deterjorament tas-sitwazzjoni ta’ bank jimplika neċessarjament l-eventwalità, fil-futur qrib, ta’ telf patrimonjali tiegħu, li, jekk id-deterjorament ikun “sinjifikattiv”, jista’ jiġi kklassifikat bħala “serju”. Jekk għall-kuntrarju ikun jista’ jiġi mistenni li bank iġarrab telf patrimonjali serju, dan jista’ jfisser biss li s-sitwazzjoni ta’ dan il-bank qed tesperjenza deterjorament li jista’ jiġi kklassifikat bħala “sinjifikattiv”. |
|
158 |
Minn dan isegwi li, billi qieset, essenzjalment, fil-punti 107 u 108 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 70(1) tat-Test Uniku dwar il-Banek ma jistax, fid-dritt Taljan, iservi bħala bażi għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ tqegħid taħt amministrazzjoni temporanja ta’ bank ikkonfrontat b’deterjorament sinjifikattiv tas-sitwazzjoni tiegħu, mingħajr ma tiġi miksura l-projbizzjoni ta’ interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 138 u 141 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. |
|
159 |
Konsegwentement, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati la l-ilmenti l-oħra fformulati mill-BĊE insostenn tat-tieni aggravju tiegħu, la dawk imressqa mill-Kummissjoni insostenn tat-tielet u tar-raba’ aggravju tagħha, u lanqas il-ħames aggravju ta’ din tal-aħħar, l-appelli għandhom jintlaqgħu u s-sentenza appellata għandha tiġi annullata. |
Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali
|
160 |
Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ jew taqta’ l-kawża definittivament hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tista’ tibgħatha lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha. |
|
161 |
F’dan il-każ, il-kawża hija fi stat li tiġi deċiża, f’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza, imqajma mill-BĊE, sostnuta mill-Kummissjoni, u, min-naħa l-oħra, ir-raba’ motiv ta’ dan ir-rikors, sa fejn huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-bażi legali użata għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi. |
|
162 |
F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza mqajma mill-BĊE, ibbażata fuq il-fatt li F. Corneli ma hijiex direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjonijiet kontenzjużi u ma għandhiex l-interess meħtieġ sabiex titlob l-annullament ta’ dawn tal-aħħar, għandhom jiġu kkunsidrati, għall-istess raġunijiet bħal dawk sostnuti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 33 sa 83 tas-sentenza appellata, kif ukoll għar-raġunijiet li jinsabu fil-punti 62 sa 105 ta’ din is-sentenza, li permezz tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet bħala infondati l-ewwel aggravji rispettivi tal-BĊE u tal-Kummissjoni, li l-persuna kkonċernata hija kkonċernata direttament u individwalment, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, mid-deċiżjonijiet kontenzjużi u li hija għandha interess ġuridiku kontra dawn id-deċiżjonijiet. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda. |
|
163 |
Fit-tieni lok, permezz tar-raba’ motiv tar-rikors tagħha, F. Corneli ssostni, b’mod partikolari, li l-BĊE wettaq żball ta’ liġi meta bbaża d-deċiżjonijiet kontenzjużi fuq l-Artikolu 70(1) tat-Test Uniku dwar il-Banek, filwaqt li din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax is-sitwazzjoni invokata sabiex tiġġustifika t-tqegħid ta’ Banca Carige taħt amministrazzjoni temporanja, jiġifieri d-“deterjorament sinjifikattiv” tas-sitwazzjoni ta’ dan il-bank. |
|
164 |
F’dan ir-rigward, mill-punti 144 sa 158 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 70(1) tat-Test Uniku dwar il-Banek għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni konformi mal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2014/59. |
|
165 |
Minn naħa, id-“deterjorament sinjifikattiv” tas-sitwazzjoni ta’ bank ċertament ma huwiex, f’dawn it-termini, fost il-kundizzjonijiet alternattivi msemmija fl-Artikolu 70(1) tat-Test Uniku dwar il-Banek bħala li jistgħu jiġġustifikaw l-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
166 |
Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punti 157 u 158 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “deterjorament sinjifikattiv” tas-sitwazzjoni ta’ bank huwa qrib il-kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 70(1) tat-Test Uniku dwar il-Banek, jiġifieri li “ikun hemm telf patrimonjali serju”. |
|
167 |
Min-naħa l-oħra, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Artikolu 70(1) tat-Test Uniku dwar il-Banek jagħmel parti minn numru ta’ dispożizzjonijiet intiżi sabiex jippermettu l-irkupru ta’ banek f’diffikultà. |
|
168 |
Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-Artikolu 70(1) tat-Test Uniku dwar il-Banek jirriżulta minn emenda tal-leġiżlazzjoni Taljana bis-saħħa ta’ digriet leġiżlattiv adottat bl-għan espress li tiġi trasposta d-Direttiva 2014/59 fid-dritt Taljan. |
|
169 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Artikolu 70(1) tat-Test Uniku dwar il-Banek għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni dwar il-fatt li wieħed jista’ jistenna li l-bank ikkonċernat iġarrab telf patrimonjali serju hija ssodisfatta fil-każ ta’ deterjorament sinjifikattiv tas-sitwazzjoni tiegħu u, għaldaqstant, tiġġustifika t-tqegħid ta’ dan il-bank taħt amministrazzjoni temporanja. |
|
170 |
Minn dan isegwi li l-BĊE ma wettaqx żball ta’ liġi meta bbaża ruħu, sabiex jadotta d-deċiżjonijiet kontenzjużi, fuq l-Artikolu 70(1) tat-Test Uniku dwar il-Banek u li, għaldaqstant, ir-raba’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, sa fejn huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-bażi legali użata għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
171 |
Għall-kumplament, it-tilwima ma hijiex fi stat li tiġi deċiża, peress li l-motivi u l-argumenti l-oħrajn invokati minn F. Corneli insostenn tar-rikors tagħha ma ġewx eżaminati mill-Qorti Ġenerali. |
|
172 |
Konsegwentement, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar dawn il-motivi. |
Fuq l-ispejjeż
|
173 |
Peress li l-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż relatati ma’ dawn l-appelli għandhom jiġu rriżervati. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.