Kawżi magħquda C‑771/22 u C‑45/23

Bundesarbeitskammer

vs

HDI Global SE

u

A,
B,
C,
D

vs

MS Amlin Insurance SE

(talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bezirksgericht für Handelssachen Wien u min-Nederlandstalige Ondernemingsrechtbank Brussel)

Sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja (It‑Tieni Awla) tad‑29 ta’ Lulju 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva (UE) 2015/2302 – Pakketti tal-ivvjaġġar u servizzi tal-ivvjaġġar marbuta – Artikolu 12 – Dritt ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar – Dritt għar-rimbors sħiħ tal-pagamenti li jkunu saru għall-pakkett tal-ivvjaġġar – Ċirkustanzi straordinarji u inevitabbli – Pandemija tal-COVID‑19 – Artikolu 17 – Insolvenza tal-organizzatur tat-tours – Garanzija għar-rimbors ta’ kull pagament li jkun sar – Livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”

Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Pakketti tal-ivvjaġġar u servizzi tal-ivvjaġġar marbuta – Direttiva 2015/2302 – Xoljiment ta’ kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar – Protezzjoni kontra r-riskju ta’ insolvenza jew ta’ falliment tal-organizzatur – Garanzija għar-rimbors ta’ kull pagament li jkun sar taħt l-imsemmi kuntratt – Kunċett – Xoljiment tal-kuntratt minħabba ċirkustanzi straordinarji u inevitabbli, liema xoljiment ikun seħħ qabel l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2015/2302, Artikoli 12(2) u 17(1))

(ara l-punti 56 sa 64, 67, 68, 71, 74, 75, 81 sa 91, u d-dispożittiv)

Sunt

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari ( 1 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-portata tal-garanzija mogħtija lill-vjaġġaturi fil-każ tal-insolvenza ta’ organizzatur tal-vjaġġi kollox kompriż ( 2 ) u rrilevat li din tapplika għal vjaġġatur li jkun xolja l-kuntratt ta’ vjaġġi kollox kompriż tiegħu minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali ( 3 ), bħalma kienet il-pandemija tal-COVID‑19, meta l-organizzatur tat-tours ikun sar insolventi wara dan ix-xoljiment u meta dan il-vjaġġatur ma jkunx ġie rrimborsat b’mod sħiħ il-pagamenti li jkunu saru għall-pakkett tal-ivvjaġġar qabel tkun seħħet din l-insolvenza.

Iż-żewġ tilwimiet inkwistjoni kienu jinvolvu, minn naħa, korp li l-attività tiegħu tinkludi, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-konsumaturi u li konsumatur ittrasferixxielu d-dritt tiegħu għar-rimbors tal-prezz tal-vjaġġ kollox kompriż tiegħu li huwa kien ħallas lil organizzatur tal-vjaġġi kollox kompriż (Kawża C‑771/22), u l-vjaġġaturi li kkonkludew kuntratti ta’ vjaġġi kollox kompriż ma’ organizzatur tat-tours (C‑45/23) u, min-naħa l-oħra, kumpanniji ta’ assigurazzjoni li jassiguraw lil dawn l-organizzaturi tat-tours fil-każ ta’ insolvenza. Dawn il-kumpanniji tal-aħħar irrifjutaw li jirrimborsaw lil dawn il-konsumaturi l-prezz imħallas taħt il-kuntratti konklużi, li kienu ġew xolti minħabba l-pandemija tal-COVID‑19, billi, fil-fehma tagħhom, kien biss ir-riskju ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-pakkett tal-ivvjaġġar minħabba l-insolvenza tal-organizzaturi li kien kopert mill-assigurazzjoni.

Il-qrati tar-rinviju staqsew lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-garanzija li għandha tingħata lil vjaġġatur fil-każ ta’ insolvenza tal-organizzatur tal-vjaġġi kollox kompriż, prevista fl-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-vjaġġi kollox kompriż. B’mod partikolari, huma staqsew jekk din il-garanzija tkoprix ir-rimborsi li dan il-vjaġġatur ikollu dritt għalihom meta jxolji l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż tiegħu minħabba ċirkustanzi straordinarji u inevitabbli, bħalma kienet il-pandemija tal-COVID‑19, qabel ma l-organizzatur tat-tours jiġi ddikjarat insolventi.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

Qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li s-sens tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva dwar il-vjaġġi kollox kompriż ma jirriżultax b’mod ċar minn kliemu u li għalhekk kellhom jiġu eżaminati l-kuntest tiegħu, l-għanijiet ta’ din id-direttiva, kif ukoll, jekk ikun hemm bżonn, l-oriġini ta’ din tal-aħħar.

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kuntest ta’ dan l-artikolu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fid-dawl tal-kliem “meta l-eżekuzzjoni tal-pakkett hija affettwata mill-insolvenza tal-organizzatur” u “servizzi tal-ivvjaġġar li għadhom ma ġewx eżegwiti”, li jinsab fl-Artikolu 17(4) u (5) ta’ din l-istess direttiva, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jsostnu interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) tal-imsemmija direttiva fis-sens li l-kunċett ta’ “servizzi kkonċernati” jkopri biss is-servizzi tal-ivvjaġġar. B’hekk, il-garanzija prevista f’dan l-artikolu tal-aħħar tapplika biss meta tkun teżisti rabta kawżali bejn in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ dawn is-servizzi u l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours.

Madankollu, l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva dwar il-vjaġġi kollox kompriż jipprevedi li din il-garanzija għandha tkun effettiva u tkopri l-ispejjeż raġonevolment prevedibbli. Dik il-garanzija għandha, b’mod partikolari, tkopri l-ammonti tal-pagamenti li jkunu saru mill-vjaġġaturi jew f’isimhom, kif ukoll l-ispejjeż stmati ta’ ripatrijazzjoni fil-każ ta’ insolvenza tal-organizzatur tat-tours.

Issa, kull rimbors ta’ ħlas li l-organizzatur tat-tours għandu jagħmel wara li l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż ikun ġie xolt minnu stess jew mill-vjaġġatur huwa ammont prevedibbli ta’ ħlas li jista’ jkun affettwat mill-insolvenza tal-organizzatur tat-tours.

Fid-dawl tal-premess, l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva dwar il-vjaġġi kollox kompriż jista’ jiffavorixxi interpretazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu li l-garanzija prevista minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar tapplika għal kull rimbors dovut mill-organizzatur tat-tours lill-vjaġġatur meta l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż ikun ġie xolt, f’xi wieħed mill-każijiet previsti f’din id-direttiva, qabel ma tkun seħħet l-insolvenza ta’ dan l-organizzatur.

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-għan tal-imsemmija direttiva, hija tfittex li taddatta għall-iżviluppi tas-suq il-portata tal-protezzjoni mogħtija lill-vjaġġaturi mid-Direttiva 90/314 ( 4 ), kif ukoll li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi ( 5 ). Issa, li kellu wieħed jinterpreta l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva dwar il-vjaġġi kollox kompriż fis-sens li jeskludi mill-garanzija kontra l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours ir-rimborsi dovuti lill-vjaġġaturi wara xoljiment li jkun seħħ qabel ma tkun seħħet din l-insolvenza, jiġri li titnaqqas il-protezzjoni ta’ dawn tal-aħħar meta mqabbla ma’ dik li kienet tagħtihom id-Direttiva 90/314.

Fid-dawl tal-premess, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-kliem tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva dwar il-vjaġġi kollox kompriż jista’ jiġi interpretat kemm f’sens li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-krediti ta’ rimbors li jkunu nħolqu wara x-xoljiment tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż li jkun seħħ, f’xi wieħed mill-każijiet previsti f’din-direttiva, qabel l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours, kif ukoll f’sens li jinkludi dawn il-krediti fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Issa, meta l-kliem tad-dritt idderivat tal-Unjoni jkun jista’ jiġi interpretat b’iktar minn mod wieħed, tingħata preferenza lil dik l-interpretazzjoni li tagħmel id-dispożizzjoni kkonċernata konformi mad-dritt primarju, inkluż mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Sabiex tiġi evalwata l-osservanza ta’ dan il-prinċipju, l-evalwazzjoni tan-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet għandha ssir fid-dawl tal-għan imfittex mill-att inkwistjoni.

F’dan il-każ, id-Direttiva dwar il-vjaġġi kollox kompriż għandha l-għan li tilħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva jikkontribwixxi sabiex jintlaħaq dan l-għan billi jfittex li jipproteġi lill-vjaġġatur mir-riskju finanzjarju li ġġib magħha l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours. Għalhekk, fid-dawl ta’ dan l-għan, il-punt ta’ riferiment sabiex tiġi pparagunata s-sitwazzjoni tal-vjaġġatur li, wara li jkun ħallas il-prezz tal-vjaġġ kollox inkluż tiegħu jew parti minnu, ikun xolja l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż tiegħu, iżda ma jkunx ġie rrimborsat minħabba li l-organizzatur tat-tours ikun sar insolventi wara dan ix-xoljiment, u dik tal-vjaġġatur li l-vjaġġ tiegħu ma jkunx ġie eżegwit u li ma jkunx ġie rrimborsat minħabba l-insolvenza ta’ dan l-organizzatur, għandu jkun ir-riskju ta’ telf finanzjarju li jġorr il-vjaġġatur ikkonċernat. Konsegwentement, is-sitwazzjoni ta’ dawn iż-żewġ vjaġġaturi hija paragunabbli. Fil-fatt, fiż-żewġ każijiet, il-vjaġġatur huwa espost għar-riskju finanzjarju li, minħabba l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours, ma jkunx jista’ jikseb rimbors tas-somom li huwa jkun ħallas lil dan l-organizzatur.

Għaldaqstant, skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kemm il-vjaġġatur li l-vjaġġ kollox kompriż tiegħu ma jkunx jista’ jiġi eżegwit minħabba l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours, kif ukoll il-vjaġġatur li jkun xolja l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż tiegħu ( 6 ) għandhom jibbenefikaw mill-garanzija kontra l-insolvenza tal-organizzatur tat-tours fir-rigward tar-rimborsi dovuti lilhom, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata differenza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ vjaġġaturi. F’dan il-każ, ebda fattur ma deher li seta’ jiġġustifika differenza fit-trattament bejn dawn il-kategoriji ta’ vjaġġaturi.


( 1 ) Mill-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna għall-Kwistjonijiet Kummerċjali, l-Awstrija) fil-Kawża C‑771/22 u min-Nederlandstalige Ondernemingsrechtbank Brussel (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju) fil-Kawża C‑45/23.

( 2 ) Kif prevista fl-Artikolu 17 tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU 2015, L 326, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-vjaġġi kollox kompriż”).
Skont din id-dispożizzjoni: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzaturi stabbiliti fit-territorju tagħhom jipprovdu sigurtà għar-rifużjoni tal-pagamenti kollha magħmula minn jew f’isem vjaġġaturi sa fejn is-servizzi rilevanti ma jitwettqux bħala konsegwenza tal-insolvenza ta’ tali organizzatur. Jekk it-trasport tal-passiġġieri huwa inkluż fil-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar, l-organizzaturi għandhom jipprovdu wkoll is-sigurtà għar-ripatrijazzjoni tal-vjaġġaturi. Tista’ tiġi offruta il-kontinwazzjoni tal-pakkett.
[…]
2. Is-sigurtà msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun effettiva u għandha tkopri l-ispejjeż li huma raġonevolment prevedibbli. Din għandha tkopri l-ammonti ta’ pagamenti li jsiru minn jew f’isem il-vjaġġaturi fir-rigward tal-pakketti, filwaqt li jitqies it-tul tal-perjodu bejn il-pagamenti parzjali u l-pagamenti finali u t-tlestija tal-pakketti, kif ukoll l-ispiża stmata għar-ripatrijazzjonijiet fil-każ tal-insolvenza tal-organizzatur.”

( 3 ) Skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva dwar il-vjaġġi kollox kompriż.

( 4 ) Direttiva tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 132).

( 5 ) Kif meħtieġ mill-Artikolu 169 TFUE.

( 6 ) B’mod partikolari, skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2015/2302.