Kawża C‑713/22

LivaNova plc

vs

Ministero dell’Economia e delle Finanze et

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte suprema di cassazione)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad‑29 ta’ Lulju 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kumpanniji – Diviżjonijiet ta’ kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata – Direttiva 82/891/KEE – Artikolu 3(3)(b) – Diviżjoni permezz tal-formazzjoni ta’ kumpanniji ġodda – Kunċett ta’ ‘parti mill-passiv [mhux] allokata bl-abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni’ – Responsabbiltà in solidum ta’ dawn il-kumpanniji ġodda għall-passiv li jirriżulta minn aġir tal-kumpannija diviża li seħħ qabel din id-diviżjoni”

Libertà ta’ stabbiliment – Kumpanniji – Sistema ta’ diviżjonijiet ta’ kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata – Direttiva 82/891 – Diviżjoni permezz tal-formazzjoni ta’ kumpanniji ġodda – Abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni – Parti mill-passiv – Kunċett – Parti ta’ natura indeterminata, bħalma huma l-ispejjeż ta’ tindif u ta’ danni ambjentali li jkunu ġew ikkonstatati, evalwati jew ikkonsolidati wara d-diviżjoni kkonċernata – Inklużjoni – Kundizzjoni – Parti li tirriżulta minn aġir tal-kumpannija diviża li seħħ qabel id-diviżjoni

(Direttiva tal-Kunsill 82/891, Artikolu 3(3)(b))

(ara l-punti 62, 64, 67 sa 69, 72 sa 75, u d-dispożittiv)

Sunt

Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-kundizzjonijiet li taħthom hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal domanda preliminari li tqum fil-kuntest ta’ sitwazzjoni purament interna u ppreċiżat, fil-kuntest tas-Sitt Direttiva 82/891 ( 1 ), il-portata tar-responsabbiltà in solidum tal-kumpanniji reċipjenti ta’ operazzjoni ta’ diviżjoni fir-rigward tad-djun li jirriżultaw minn danni kkawżati mill-kumpannija diviża mhux iddeterminati fil-mument ta’ din l-operazzjoni.

Fit‑13 ta’ Mejju 2003, SNIA SpA wettqet operazzjoni ta’ diviżjoni li permezz tagħha ttrasferixxiet parti mill-assi tagħha, jiġifieri l-ishma kollha li hija kellha fis-settur bijomediku, lil kumpannija fformata ġdida, Sorin SpA, li sussegwentement saret LivaNova plc.

Wara din l-operazzjoni ta’ diviżjoni, l-awtoritajiet pubbliċi ressqu talbiet għal danni fir-rigward ta’ SNIA għad-danni ambjentali li hija allegatament kienet ikkawżat fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha fis-settur tal-prodotti kimiċi. SNIA kif ukoll dawn l-awtoritajiet talbu li LivaNova tiġi kkundannata in solidum għad-djun kollha li rriżultaw mill-ispejjeż ta’ tindif u mid-danni ambjentali li r-responsabbiltà għalihom kienet imputabbli lil SNIA qabel id-diviżjoni.

SNIA ġiet irrikonoxxuta bħala responsabbli għal dawn id-danni mill-qrati Taljani. Madankollu, sa fejn il-fatti li taw lok għal din ir-responsabbiltà seħħew qabel it‑13 ta’ Mejju 2003, id-data li fiha twettqet l-operazzjoni ta’ diviżjoni, ir-responsabbiltà in solidum ta’ LivaNova kienet limitata għall-assi ttrasferiti, skont il-leġiżlazzjoni Taljana ( 2 ), minħabba li d-djun li jirriżultaw mill-ispejjeż ta’ tindif u mid-danni ambjentali kienu jikkostitwixxu parti mill-passiv ta’ SNIA magħrufa, iżda li l-allokazzjoni tagħha ma setgħetx tiġi dedotta mill-abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni kkonċernat.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk LivaNova setgħetx titqies li kienet responsabbli in solidum għall-ispejjeż ta’ tindif u għad-danni ambjentali kkawżati minn SNIA, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), adita bil-kawża minn LivaNova, staqsiet dwar il-portata tal-kunċett ta’ “parti mill-passiv [mhux] allokata bl-abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni”, imsemmi fl-Artikolu 3(3)(b) tas-Sitt Direttiva, li ġie traspost fil-leġiżlazzjoni Taljana permezz tal-kunċett ta’ “parti mill-passiv li l-allokazzjoni tagħha ma tistax tiġi dedotta mill-abbozz ta’ kundizzjonijiet [tad-diviżjoni]”.

B’mod partikolari, hija staqsiet jekk dan l-ewwel kunċett jistax ikopri partijiet ta’ natura indeterminata tal-passiv mhux allokata fl-abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni, bħalma huma l-ispejjeż ta’ tindif u ta’ danni ambjentali li ġew ikkonstatati, evalwati jew ikkonsolidati wara d-diviżjoni kkonċernata, li jirriżultaw mill-aġir tal-kumpannija diviża li seħħ qabel l-operazzjoni ta’ diviżjoni jew ta’ aġir sussegwenti għal din l-operazzjoni li huwa, huwa stess, l-iżvilupp ta’ aġir preċedenti tal-imsemmija kumpannija diviża.

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li r-responsabbiltà in solidum tal-kumpanniji reċipjenti stabbilita fl-Artikolu 3(3)(b) tas-Sitt Direttiva tapplika għal tali parti mill-passiv, sakemm din tirriżulta mill-aġir tal-kumpannija diviża li seħħ qabel l-operazzjoni ta’ diviżjoni.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-operazzjoni ta’ diviżjoni fil-każ ineżami ma taqax direttament fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sitt Direttiva, peress li SNIA ttrasferixxiet biss parti mill-assi tagħha lil Sorin, li saret LivaNova, u mhux l-assi kollha tagħha kif jipprevedi l-Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “diviżjoni permezz tal-formazzjoni ta’ kumpanniji ġodda”.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet fejn il-fatti fil-kawża prinċipali jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni diretta tad-dritt tal-Unjoni sakemm id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom tkun intalbet l-interpretazzjoni preliminari jkunu saru applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat, sabiex jiġi żgurat trattament identiku għas-sitwazzjonijiet interni u għas-sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni, u bil-kundizzjoni madankollu li l-qorti tar-rinviju tindika r-rabta bejn it-tilwima pendenti quddiemha u dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ( 3 ).

Issa, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju enfasizzat li l-formulazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni, applikabbli għall-kawża prinċipali, hija, essenzjalment, ekwivalenti għal dik tal-Artikolu 3(3)(b) tas-Sitt Direttiva, li hija tittrasponi fid-dritt nazzjonali. Għaldaqstant, billi ttraspona s-Sitt Direttiva b’dan il-mod, il-leġiżlatur Taljan iddeċieda għaldaqstant li japplika l-Artikolu 3(3)(b) tas-Sitt Direttiva b’mod dirett u mhux ikkundizzjonat ukoll għall-operazzjonijiet li bihom kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata tkun allokat parti waħda biss mill-assi tagħha lil kumpannija oħra.

Sussegwentement, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “parti mill-passiv”, imsemmi fl-Artikolu 3(3)(b) tas-Sitt Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat, fl-ewwel lok, li dan huwa intiż, f’sens wiesa’, sabiex ikopri kull dejn tal-kumpannija diviża, kemm jekk ikun ċert jew inċert, iddeterminat jew indeterminat, u jkunu liema jkunu l-oriġini u n-natura tiegħu.

Fit-tieni lok, peress li, skont is-Sitt Direttiva, abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni għandu jsemmi d-deskrizzjoni u t-tqassim preċiżi tal-parti mill-passiv li għandha tiġi ttrasferita, din il-parti tal-passiv għandha tkun inħolqot, bħala prinċipju, qabel id-diviżjoni kkonċernata. Fil-każ ta’ spejjeż ta’ tindif u ta’ danni ambjentali, dan ir-rekwiżit jimplika għalhekk li l-ksur jew il-fatt li jkun ikkawża dawn id-danni jkunu seħħew qabel id-diviżjoni, iżda mhux li, f’din id-data, l-imsemmija danni jkunu ġew ikkonstatati, evalwati jew anki li jkunu ġew ikkonsolidati.

Fit-tielet lok, wieħed mill-għanijiet tas-Sitt Direttiva huwa b’mod partikolari l-protezzjoni ta’ terzi. Il-kunċett ta’ “terzi” huwa usa’ minn dak ta’ “kredituri, flimkien ma’ detenturi ta’ obbligazzjonijiet, u persuni li għandhom pretensjonijiet oħra fuq il-kumpanniji involuti f’diviżjoni”. Għaldaqstant, fost terzi jinsabu persuni li, fid-data tad-diviżjoni kkonċernata, kienu għadhom ma humiex ikklassifikati bħala kredituri jew detenturi ta’ titoli oħra, iżda li setgħu jiġu kklassifikati b’dan il-mod wara din id-diviżjoni minħabba sitwazzjonijiet li nħolqu qabel din id-diviżjoni, bħalma huwa t-twettiq ta’ ksur tad-dritt tal-ambjent, iżda li jkunu ġew ikkonstatati biss wara l-imsemmija diviżjoni.

Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “terzi” issaħħaħ dik tal-kunċett ta’ “parti mill-passiv”, fis-sens li jkopri wkoll il-passiv ta’ natura indeterminata, iżda li jirriżulta minn aġir preċedenti għad-diviżjoni.

Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “parti mill-passiv”, imsemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3)(b) tas-Sitt Direttiva, ikopri mhux biss il-passiv ta’ natura determinata, iżda wkoll dak ta’ natura indeterminata, bħall-ispejjeż ta’ tindif u tad-danni ambjentali li jkunu ġew ikkonstatati, evalwati jew ikkonsolidati wara d-diviżjoni kkonċernata, iżda li jirriżultaw minn aġir li jkun seħħ qabel din id-diviżjoni.

Min-naħa l-oħra, is-Sitt Direttiva tipprovdi biss għal sistema minima ta’ protezzjoni tal-interessi ta’ terzi, għall-parti mill-passiv li tirriżulta biss mill-aġir preċedenti għad-diviżjoni kkonċernata. Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk aġir sussegwenti għal din id-diviżjoni, iżda li jkun l-iżvilupp tal-aġir preċedenti tal-kumpannija diviża, jistax jiġi imputat lil din il-kumpannija, bil-konsegwenza li l-obbligu li jiġu kkumpensati d-danni hekk ikkawżati, bħala parti mill-passiv, jiġi ttrasferit lill-kumpanniji reċipjenti skont il-modalitajiet iddefiniti mis-Sitt Direttiva, għandha tiġi ddeterminata abbażi tad-dritt nazzjonali.


( 1 ) Sitt Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE tas‑17 ta’ Diċembru 1982 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(ġ) tat-Trattat dwar id-diviżjoni ta’ kumpanniji b’responsabbilta pubblika limitata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 50, iktar ’il quddiem is-“Sitt Diretttiva”).

( 2 ) It-tielet paragrafu tal-Artikolu 2506 bis tal-Codice civile (il-Kodiċi Ċivili).

( 3 ) Skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari.