SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

29 ta’ Lulju 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kumpanniji – Diviżjonijiet ta’ kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata – Sitt Direttiva 82/891/KEE – Artikolu 3(3)(b) – Diviżjoni permezz tal-formazzjoni ta’ kumpanniji ġodda – Kunċett ta’ ‘parti mill-passiv [mhux] allokata bl-abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni’ – Responsabbiltà in solidum ta’ dawn il-kumpanniji ġodda għall-passiv li jirriżulta minn aġir tal-kumpannija diviża li seħħ qabel din id-diviżjoni”

Fil-Kawża C‑713/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Novembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Novembru 2022, fil-proċedura

LivaNova plc

vs

Ministero dell’Economia e delle Finanze,

Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare,

Presidenza del Consiglio dei ministri,

fil-preżenza ta’:

SNIA SpA, taħt sistema ta’ amministrazzjoni straordinarja,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, E. Regan, T. von Danwitz, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.-C. Bonichot, P. G. Xuereb (Relatur), I. Jarukaitis, A. Kumin, M. L. Arastey Sahún u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal LivaNova plc, minn A. Auricchio, B. Nascimbene, G. C. Rizza, R. Sacchi, C. Santoro, M. Siragusa, D. Vecchi u R. Zaccà, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Di Leo, P. Gentili u F. Vignoli, avvocati dello Stato,

għall-Gvern Elleniku, minn V. Baroutas u K. Boskovits, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u E. Samoilova, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, L. Malferrari u P. A Messina, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3)(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE tas‑17 ta’ Diċembru 1982 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(ġ) tat-Trattat dwar id-diviżjoni ta’ kumpanniji b’responsabbilta pubblika limitata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 50).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn LivaNova plc u l-ministero dell’ Economia e delle Finanze (il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, l-Italja), il-ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare (il-Ministeru għall-Ambjent u għall-Protezzjoni tat-Territorju u tal-Baħar, l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“Ministeru għall-Ambjent”) u l-Presidenza del Consiglio dei ministri (il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri, l-Italja) dwar il-konstatazzjoni tar-responsabbiltà in solidum ta’ LivaNova għad-djun li jirriżultaw mill-ispejjeż ta’ tindif u ta’ danni ambjentali kkawżati minn SNIA SpA, riżultanti minn aġir li seħħ qabel u wara d-diviżjoni ta’ din il-kumpannija tal-aħħar, li minnha Sorin SpA, li saret LivaNova inħolqot.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Il‑Tielet Direttiva 78/855/KEE

3

It-Tielet Direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE tad-9 ta’ Ottubru 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(ġ) tat-Trattat [KEE] dwar l-għaqda ta’ kumpanniji b’responsabbiltà pubblika limitata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 42), tħassret bid-Direttiva 2011/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-mergers ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata (ĠU 2011, L 110, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 14, p. 17) mill-1 ta’ Lulju 2011.

4

L-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva 78/855, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”, kien jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-miżuri ta’ koordinazzjoni stabbiliti f’din id-Direttiva m’għandhomx japplikaw għal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrigwardaw it-tipi ta’ kumpanniji li ġejjin:

[…]

Italja

la società per azioni;

[…]”

Is‑Sitt Direttiva 82/891/KEE

5

Is-Sitt Direttiva 82/891 tħassret bid-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU 2017, L 169, p. 46) mill‑20 ta’ Lulju 2017. Il-fatti tal-kawża prinċipali seħħew qabel din id-data tal-aħħar.

6

Il-ħames premessa tas-Sitt Direttiva 82/891 kienet tipprevedi:

“[…] l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-membri u terzi tirrikjedi li l-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’ jaqsmu ma’ diviżjonijiet ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata jkunu kordinati meta l-Istati Membri jippermettu tali operazzjonijiet”.

7

It-tmien sal-ħdax-il premessa ta’ din is-Sitt Direttiva huma fformulati kif ġej:

“[…] kredituri, flimkien ma’ detenturi ta’ obbligazzjonijiet, u persuni li għandom pretensjonijiet oħra fuq il-kumpanniji involuti f’diviżjoni, għandhom jkunu protetti sabiex id-diviżjoni ma’ tolqotx l-interessi tagħhom b’mod negattiv;

[…] r-rekwiżiti dwar żvelar [tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE tad‑9 ta’ Marzu 1968 dwar il-kordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 3) għandhom jiġu estiżi biex jinkludu diviżjonijiet biex terzi jibqgħu jkunu adegwatament infurmati;

[…] l-miżuri ta’ protezzjoni mogħtija lil membri u terzi dwar diviżjonijiet għandhom jkunu estiżi biex ikopru xi prattiċi legali li f’aspetti importanti jixbħu lil diviżjoni, biex wieħed ma jkunx jista’ jaħrab mill-obbligu li jagħti din il-protezzjoni;

[…] biex tkun żgurata ċertezza fil-liġi fejn għandhom x’jaqsmu r-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji involuti fid-diviżjoni, bejniethom u terzi, u bejn il-membri, il-każijiet fejn jista’ jirriżulta annullament għandhom ikunu limitati billi ssir disposizzjoni li tgħid li difetti jkunu rimedjati b’kull meta possibbli u billi jkun ristrett il-perjodu li fih il-proċeduri ta’ annullament jistgħu ikunu mibdija”.

8

L-Artikolu 1 tas-Sitt Direttiva 82/891 kien jipprovdi:

“1.   Meta l-Istati Membri jippermettu lill-kumpanniji msemmijin f’Artikolu 1(1) ta[t-Tielet Direttiva 78/855] li jaqgħu taħt il-liġijiet tagħhom li jwettqu operazzjonijiet ta’ diviżjoni permezz ta’ akkwist kif imfisser f’ Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva, għandhom jissuġġettaw dawk l-operazzjonijiet għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu I ta’ din id-Direttiva.

2.   Meta l-Istati Membri jippermettu lill-kumpanniji msemmijin f’paragrafu 1 li jwettqu operazzjonijiet ta’ diviżjoni permezz tal-formazzjoni ta’ kumpanniji ġodda kif imfisser f’Artikolu 21, għandhom jissuġġettaw dawk l-operazzjonijiet għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu II ta’ din id-Direttiva.

[…]”

9

L-Artikoli 2 sa 20 tas-Sitt Direttiva 82/891 jinsabu taħt il-Kapitolu I ta’ din tal-aħħar, intitolat “Diviżjoni permezz ta’ akkwist”.

10

L-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva kien jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, ‘diviżjoni permezz ta’ xiri’ għandha tfisser l-operazzjoni li biha, wara li tkun xolta mingħajr ma’ tkun likwidata, kumpannija tittrasferixxi lill-aktar minn kumpannija waħda l-attiv u l-passiv kollu tagħha bi bdil ma’ l-allokazzjoni lill-azzjonisti tal-kumpannija li qed tiġi diviża ta’ ishma fil-kumpanniji li qed jirċievu kontribuzzjonijiet b’riżultat tad-diviżjoni (minn hawn ’il quddiem imsemmijin bħala ‘kumpanniji reċipjenti’) u possibilment pagament fi flus li ma jeċċedix l-10 % tal-valur nominali ta’ l-ishma allokati jew, meta m’għandhomx valur nominali, tal-valur ekwivalenti tal-parità kontabbli tagħhom.

[…]”

11

L-Artikolu 3 tal-imsemmija Sitt Direttiva kien jipprovdi:

“1.   Il-korpi amministrattivi jew ta’ tmexxija tal-kumpanniji involuti f’diviżjoni għandhom iħejju abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni bil-miktub.

2.   Abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni għandu jispeċifika għall-inqas:

[…]

(h)

id-deskrizzjoni preċiża u l-allokazzjoni ta’ l-attiv u l-passiv li għandhom jiġu trasferiti lil kull waħda mill-kumpanniji reċipjenti;

(i)

l-allokazzjoni lill-azzjonisti tal-kumpannija li qed tiġi diviża ta’ ishma fil-kumpanniji reċipjenti u l-kriterju li fuqu ġew ibbażati dawn l-allokazzjonijiet.

3.   

(a)

Meta xi parti mill-attiv ma tkunx allokata bl-abbozz ta’ kundizzjonijiet tad-diviżjoni u meta l-interpretazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet ma tagħmilx possibbli deċiżjoni fuq l-allokazzjoni tagħha, dik il-parti mill-attiv jew il-konsiderazzjoni dwarha għandha tkun allokata lill-kumpanniji reċipjenti kollha proporzjonatament għas-sehem ta’ l-attiv nett allokat lill kull waħda minn dawk il-kumpanniji skond l-abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni.

(b)

Meta xi parti mill-passiv ma tkunx allokata bl-abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni u meta l-interpretazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet ma tagħmilx possibbli deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tagħha, kull waħda mill-kumpanniji reċipjenti għandha tkun responsabbli flimkien u separatament. Stati Membri jistgħu jiddisponu li din ir-responsabbiltà flimkien u separatament tkun limitata għall-attiv nett allokat lil kull kumpannija.”

12

L-Artikolu 12 tas-Sitt Direttiva kien redatt kif ġej:

“1.   Il-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandhom jiddisponu għal sistema adegwata ta’ protezzjoni ta’ l-interessi tal-kredituri tal-kumpanniji involuti f’ diviżjoni li l-pretensjonijiet tagħhom kienu saru qabel il-pubblikazzjoni ta’ l-abbozz tal-kundizzjonijiet tad-diviżjoni u li kienu għadhom ma’ għalqux fil-ħin ta’ din il-pubblikazzjoni.

2.   Għal dak il-għan, il-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandhom ta’ l-anqas jiddisponu li dawn il-kredituri jkollhom il-jedd li jiksbu protezzjoni adegwata meta l-qagħda finanzjarja tal-kumpannija li qed tiġi diviża u dik tal-kumpannija li lilha ser tkun trasferita l-obbligazzjoni skond l-abbozz tal-kundizzjonijiet tad-diviżjoni jagħmlu din il-protezzjoni neċessarja u meta dawk il-kredituri ma għandhomx diġà din il-protezzjoni.

3.   Sa fejn kreditur tal-kumpannija li lilha ġiet trasferita l-obligazzjoni skond l-abbozz tal-kundizzjonijiet tad-diviżjoni ma jkunx ħa sodisfazzjon, il-kumpanniji reċipjenti għandhom ikunu responsabbli flimkien u separatament għal dik l-obbligazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw dak il-passiv għall-assi netti allokati lil kull waħda minn dawk il-kumpanniji barra dik li lilha l-obbligazzjoni ġiet trasferita. Madankollu, m’għandhomx għalfejn japplikaw dan il-paragrafu meta l-operazzjoni tad-diviżjoni hi suġġetta għas-sorveljanza ta’ awtorità ġudizzjarja skond l-Artikolu 23 u maġġoranza numerika li tirrappreżenta tlett kwarti fil-valur tal-kreditutri jew kull klassi ta’ kredituri tal-kumpannija li qed tiġi diviża ikunu qablu li ma japplikawx it-tali passiv flimkien jew separatament f’laqgħa miżmuma skond l-Artikolu 23(1)(c).

[…]”

13

Skont l-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva 82/891:

“Id-detenturi ta’ titoli, barra ishma, li għandhom magħhom drittijiet speċjali, għandhom jingħataw drittijiet fil-kumpanniji reċipjenti kontra liema dawn it-titoli jistgħu jiġu invokati skond l-abbozz tal-kundizzjonijiet ta’ diviżjoni, ta’ l-anqas ekwivalenti għad-drittijiet li kellhom fil-kumpannija li qed tiġi diviża, sakemm it-tibdil ta’ dawk id-drittijiet ikun ġie approvat f’laqgħa tad-detenturi ta’ dawk it-titoli, jekk laqgħa bħal din ikun hemm disposizzjoni għaliha fil-liġijiet nazzjonali, jew mid-detenturi ta’ dawk it-titoli individwalment, jew sakemm id-detenturi jkollhom il-jedd għax-xiri mill-ġdid tat-titoli tagħhom.”

14

L-Artikolu 17(1) tas-Sitt Direttiva kien jipprevedi:

“Diviżjoni għandu jkollha l-konsegwenzi li ġejjin ipso jure u simultanjament:

(a)

it-trasferiment, kemm dak ta’ bejn il-kumpannija li qed tiġi diviża u l-kumpanniji reċipjenti u kemm dak li jirrigwarda terzi, lil kull waħda mill-kumpanniji reċipjenti ta’ l-attiv u l-passiv kollu tal-kumpannija li qed tiġi diviża; dan it-trasferiment għandu jseħħ billi l-attiv u l-passiv jiġu diviżi skond l-allokazzjoni preskritta fl-abbozz tal-kundizzjonijiet ta’ diviżjoni jew fl-Artikolu 3(3);

(b)

l-azzjonisti tal-kumpannija li qed tiġi diviża isiru azzjonisti ta’ waħda jew aktar mill-kumpanniji reċipjenti skond l-allokazzjoni preskritta fl-abbozz tal-kundizzjonijiet ta’ diviżjoni;

(c)

il-kumpannija li qed tiġi diviża ma tibqax teżisti.”

15

Taħt il-Kapitolu II tal-imsemmija Sitt Direttiva, intitolat “Divizjoni permezz tal-formazzjoni ta’ kumpanniji ġodda”, l-Artikolu 21(1) tagħha jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, ‘diviżjoni permezz tal-formazzjoni ta’ kumpanniji ġodda’ tfisser l-operazzjoni li biha, wara li tkun xolta mingħajr ma’ tkun likwidata, kumpannija tittrasferixxi lill-aktar minn kumpannija waħda li tkun għada kemm ġiet iffurmata l-attiv u l-passiv kollu tagħha bħala bdil ma’ l-allokazzjoni lill-azzjonisti tal-kumpannija li qed tiġi diviża ta’ ishma fil-kumpanniji reċipjenti, u possibilment pagament fi flus li ma jeċċedix l-10 % tal-valur nominali ta’ l-ishma allokati jew, meta dan m’ għandhomx valur nominali, tal-valur tal-parità kontabbli tagħhom.”

16

Skont l-Artikolu 22(1) tal-imsemmija Sitt Direttiva, li jinsab ukoll taħt il-Kapitolu II ta’ din tal-aħħar:

“L-Artikoli 3, 4, 5 u 7, 8(1) u (2) u 9 sa 19 ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw, bla ħsara għall-Artikoli 11 u 12 tad-Direttiva 68/151/KEE, għal diviżjoni permezz tal-formazzjoni ta’ kumpanniji ġodda. Għal dan l-iskop, l-espressjoni ‘kumpanniji involuti f’ diviżjoni’ għandha tirreferixxi għall-kumpannija li qed tiġi diviża u l-espressjoni ‘kumpanniji reċipjenti’ għandha tirreferixxi għal kull waħda minn dawn il-kumpanniji ġodda.”

17

L-Artikolu 25 tas-Sitt Direttiva 82/891, li jinsab taħt il-Kapitolu IV ta’ din tal-aħħar, intitolat “Operazzjonijiet oħra meqjusa bħala diviżjonijiet”, jipprovdi:

“Meta l-liġijiet ta’ Stat Membru jippermettu waħda mill-operazzjonijiet speċifikati f’Artikolu 1 bla ma l-kumpannija li qed tiġi diviża tieqaf milli teżisti, il-Kapitoli I, II u III għandhom japplikaw, ħlief l-Artikolu 17(1)(c).”

Id‑dritt Taljan

18

L-Artikolu 2506 tal-Codice civile (il-Kodiċi Ċivili), intitolat “Forom ta’ diviżjoni”, jipprovdi:

“Fil-kuntest ta’ diviżjoni, kumpannija talloka l-assi tagħha kollha lil diversi kumpanniji preeżistenti jew iffurmati ġodda, jew parti mill-assi tagħha, f’dan il-każ anki lil kumpannija waħda, u l-azzjonijiet jew ishma korrispondenti lill-azzjonisti tagħha.

[…]

Il-kumpannija diviża tista’, fil-kuntest tad-diviżjoni, jew tgħaddi għax-xoljiment tagħha mingħajr likwidazzjoni, jew inkella tkompli bl-attività tagħha.

[…]”

19

L-Artikolu 2506-bis ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Abbozz ta’ Kundizzjonijiet ta’ Diviżjoni”, jipprovdi:

“Il-korp amministrattiv tal-kumpanniji li jipparteċipaw fid-diviżjoni għandu jfassal abbozz li għandu jinkludi l-informazzjoni indikata fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2501-ter, kif ukoll id-deskrizzjoni eżatta tal-parti tal-assi li għandhom jitqassmu bejn kull waħda mill-kumpanniji reċipjenti u l-kumpens possibbli f’dan il-każ.

Jekk l-allokazzjoni ta’ parti mill-attiv ma tkunx tista’ tiġi dedotta mill-abbozz, din il-parti, fil-każ fejn l-assi kollha tal-kumpannija diviża jitqassmu, għandha tinqassam bejn il-kumpanniji reċipjenti proporzjonalment għall-parti tal-assi netti allokata lil kull waħda minnhom, kif ivvalutata għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-relazzjoni ta’ skambju; jekk it-tqassim tal-assi tal-kumpannija huwa biss parzjali, dan l-element jibqa’ fl-assi tal-kumpannija diviża.

Għall-parti mill-passiv li t-tqassim tiegħu ma jistax jiġi dedott mill-abbozz, il-kumpanniji reċipjenti, fl-ewwel każ, u l-kumpannija diviża u l-kumpanniji reċipjenti, fit-tieni każ, huma responsabbli in solidum. Ir-responsabbiltà in solidum hija limitata għall-valur reali tal-assi netti allokati lil kull kumpannija reċipjenti.

L-abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni għandu jindika l-kriterji għat-tqassim tal-azzjonijiet jew tal-ishma tal-kumpanniji reċipjenti. Meta l-abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni jipprevedi attribuzzjoni tal-ishma lis-soċji li ma tkunx proporzjonali għas-sehem inizjali tagħhom, huwa għandu jipprovdi għad-dritt, għas-soċji li ma japprovawx id-diviżjoni, li jakkwistaw l-ishma tagħhom għal korrispettiv speċifiku, skont il-kriterji previsti għall-irtirar, u jindika dawk li huwa impost fuqhom l-obbligu ta’ akkwist.”

20

L-Artikolu 2506-quater ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Effetti tad-Diviżjoni”, jipprovdi, fl-aħħar paragrafu tiegħu:

“Fil-limiti tal-assi netti allokati lilha jew li hija żżomm, kull kumpannija hija responsabbli in solidum għad-djun tal-kumpannija diviża mhux issodisfatti mill-kumpannija li lilha jkunu ġew ittrasferiti.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

21

Fit‑13 ta’ Mejju 2003, SNIA wettqet operazzjoni ta’ diviżjoni, skont id-dritt Taljan, b’effett mit‑2 ta’ Jannar 2004, li permezz tagħha hija ttrasferixxiet parti mill-assi tagħha, jiġifieri l-ishma kollha li hija kellha fis-settur bijomediku, lil kumpannija fformata ġdida, Sorin.

22

Il-Ministeru għall-Ambjent ressaq talbiet għal danni, fir-rigward ta’ SNIA, għad-danni ambjentali li din tal-aħħar allegatament ikkawżat, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha fis-settur tal-prodotti kimiċi, imwettqa permezz tas-sussidjarji tagħha, Caffaro u Caffaro Chimica, fuq tliet siti industrijali li jinsabu fi Brescia (l-Italja), f’Torviscosa (l-Italja) u f’Colleferro (l-Italja), rispettivament.

23

SNIA, li tqiegħdet taħt amministrazzjoni straordinarja fl‑2010, ressqet lil Sorin, kif ukoll lill-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, lill-Ministeru għall-Ambjent u lill-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri, quddiem it-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano, l-Italja), sabiex Sorin tiġi ddikjarata responsabbli in solidum, inkluż fir-rigward ta’ dawn l-amministrazzjonijiet pubbliċi, għad-djun kollha li jirriżultaw mill-ispejjeż ta’ tindif u mid-danni ambjentali, li r-responsabbiltà tagħhom hija allegatament imputabbli lil SNIA qabel id-diviżjoni.

24

L-amministrazzjonijiet pubbliċi konvenuti, min-naħa tagħhom, talbu l-kundanna ta’ Sorin, in solidum ma’ SNIA.

25

Fl‑2015, Sorin saret LivaNova.

26

Fl‑1 ta’ April 2016, it-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano) ċaħdet it-talbiet kollha mressqa mill-amministrazzjonijiet pubbliċi konvenuti. Dawn l-amministrazzjonijiet appellaw mis-sentenza ta’ din il-qorti.

27

Permezz ta’ sentenza mhux definittiva tal‑5 ta’ Marzu 2019, il-Corte d’appello di Milano (il-Qorti tal-Appell ta’ Milano, l-Italja) irrikonoxxiet l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-attivitajiet eżerċitati minn SNIA u s-sussidjarji tagħha, minn naħa, u t-tniġġis tal-artijiet ikkonċernati, min-naħa l-oħra. Sussegwentement hija kkonstatat li, bħala proprjetarja ta’ dawn l-artijiet u tal-installazzjonijiet korrispondenti, amministratur dirett u kumpannija omm tal-impriżi li kienu joperaw fl-imsemmija artijiet, SNIA kienet responsabbli għal attività intensa ta’ sfruttament tal-ambjent li kompliet, fit-tliet siti industrijali kkonċernati, matul kważi seklu, b’konsegwenzi serji ħafna fil-qasam tat-tniġġis. Hekk kif jirriżulta mis-sentenza ta’ din il-qorti, SNIA rrikonoxxiet ir-responsabbiltà tagħha għal dawn il-fatti.

28

Il-fatti li taw lok għar-responsabbiltà ta’ SNIA kienu seħħew kronoloġikament qabel it‑13 ta’ Mejju 2003, data li fiha twettqet l-operazzjoni ta’ diviżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-Corte d’appello di Milano (il-Qorti tal-Appell ta’ Milano) għalhekk irrikonoxxiet ir-responsabbiltà in solidum ta’ LivaNova, limitata għall-assi ttrasferiti, konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 2506-bis tal-Kodiċi Ċivili, minħabba li d-djun li jirriżultaw mill-ispejjeż ta’ tindif u mid-danni ambjentali kienu jikkostitwixxu parti mill-passiv ta’ SNIA, parti magħrufa iżda li l-attribuzzjoni tagħha ma setgħetx tiġi dedotta mill-abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni kkonċernat.

29

Il-Corte d’appello di Milano (il-Qorti tal-Appell ta’ Milano), barra minn hekk, ordnat it-tkomplija tal-proċedura sabiex jiġi ddeterminat, permezz ta’ perizja, l-ambitu eżatt tat-tniġġis fit-tliet siti industrijali kkonċernati, il-miżuri ta’ rijabilitazzjoni tal-ambjent neċessarji u l-ammont eżatt tal-ispejjeż ta’ tindif u tad-danni ambjentali korrispondenti.

30

Permezz ta’ sentenza definittiva tat‑12 ta’ Novembru 2021, il-Corte d’appello di Milano (il-Qorti tal-Appell ta’ Milano) ikkundannat, b’applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 2506-bis tal-Kodiċi Ċivili, lil LivaNova, fil-limitu tal-attiv ittrasferiti, sabiex tirrimborsa l-ispejjeż ta’ tindif u ta’ danni ambjentali kkawżati mill-attivitajiet tas-sussidjarji ta’ SNIA fit-tliet siti industrijali kkonċernati, li jammontaw għal total ta’ EUR 453 587 327.48.

31

LivaNova appellat fil-kassazzjoni minn din is-sentenza definittiva quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju.

32

Permezz tat-tieni aggravju tagħha ta’ kassazzjoni, li l-eżami tiegħu mill-qorti tar-rinviju wassal għal din id-domanda preliminari, LivaNova tikkritika lill-Corte d’appello di Milano (il-Qorti tal-Appell ta’ Milano) li ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-differenza bejn il-kunċett ta’ “parti mill-passiv”, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 2506-bis tal-Kodiċi Ċivili, u dak ta’ “djun”, fis-sens tal-Artikolu 2506‑quater tal-Kodiċi Ċivili, li huwa intiż li jittrasponi l-Artikolu 12(3) tas-Sitt Direttiva 82/891. Skont LivaNova, id-distinzjoni bejn dawn il-kunċetti kellha twassal lil din il-qorti sabiex fil-kunċett ta’ “djun” tinkludi biss il-passiv ta’ natura u ta’ eżistenza ċerta, b’maturità u ammont determinat, u mhux il-“provvedimenti” għal riskji u l-“impenji”, peress li dawn tal-aħħar, li jikkostitwixxu “parti mill-passiv”, kienu rilevanti biss għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2506-bis tal-Kodiċi Ċivili. LivaNova żżid tgħid li l-imsemmija qorti imputatilha, b’mod żbaljat, danni kkawżati minn aġir, permezz ta’ att jew ta’ ommissjoni, li seħħew wara d-diviżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bi ksur tal-limitu ratione temporis stabbilit mil-leġiżlazzjoni f’dak li jirrigwarda l-“parti mill-passiv” jew id-“djun” li kienu diġà jeżistu fil-mument tad-diviżjoni kkonċernata.

33

Sabiex tiddeċiedi dwar dan l-aggravju, il-qorti tar-rinviju tqis li għandha tiġi vverifikata l-kompatibbiltà, mad-dritt tal-Unjoni, tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “parti mill-passiv li l-allokazzjoni tiegħu ma tistax tiġi dedotta mill-abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni”, imsemmi fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 2506-bis tal-Kodiċi Ċivili, imwettqa mill-Corte d’appello di Milano (il-Qorti tal-Appell ta’ Milano).

34

Il-qorti tar-rinviju tindika li din ir-responsabbiltà tirrigwarda l-konsegwenzi dannużi ta’ “delitt permanenti”, li jista’ jaggrava ruħu fiż-żmien u li, min-natura tiegħu stess, jaħrab “mil-linji ta’ demarkazzjoni stretti li jsegwu r-riżultat ta’ operazzjoni tad-dritt tal-kumpanniji”. Hija tippreċiża li, wara d-diviżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-livelli ta’ tniġġis tas-siti industrijali ta’ Torviscosa u ta’ Colleferro ma żdidux, iżda li dawk tas-sit industrijali ta’ Brescia żdiedu u li din iż-żieda tippreżenta rabta kawżali mal-aġir ta’ SNIA, qabel din id-diviżjoni.

35

Fid-dawl tad-dritt nazzjonali, l-element determinanti, f’dan il-każ, huwa li l-qorti li ddeċidiet fuq il-mertu, il-Corte d’appello di Milano (il-Qorti tal-Appell ta’ Milano), ikkonstatat ir-responsabbiltà ta’ SNIA minħabba li l-fatt li kkawża d-danni ambjentali kkonċernati kien seħħ qabel. Din il-preċedenza allegatament tippermetti li tiġi kkonstatata l-eżistenza minn qabel ta’ dejn għall-finijiet tal-istabbiliment tar-responsabbiltà in solidum għall-“delitt permanenti” korrispondenti.

36

Il-qorti tar-rinviju żżid tgħid li, fil-fehma tagħha, l-espressjoni “parti mill-passiv”, imsemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 2506-bis tal-Kodiċi Ċivili, ma timplika ebda karatteristika kwalitattiva predeterminata. Din il-parti tista’ għalhekk tikkonsisti fi djun u anki fi djun indipendenti mill-assi li huma diviżi. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-għan tas-Sitt Direttiva 82/891 li huwa l-protezzjoni tal-kredituri, hekk kif jirriżulta mis-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, I.G.I. (C‑394/18, EU:C:2020:56, punti 4451).

37

Il-qorti tar-rinviju tqis li huwa, madankollu, neċessarju li ssir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “parti mill-passiv li l-allokazzjoni tagħha ma tistax tiġi dedotta mill-abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni”, li jinsab fl-Artikolu 2506-bis tal-Kodiċi Ċivili, għandha tkun kompatibbli ma’ dik tal-kunċett korrispondenti ta’ “parti mill-passiv [mhux] allokata bl-abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni”, imsemmi fl-Artikolu 3(3)(b) tas-Sitt Direttiva 82/891.

38

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 3[(3)(b)] tas-[Sitt Direttiva 82/891], li tapplika wkoll (Artikolu 22) għad-diviżjoni permezz tal-formazzjoni ta’ kumpanniji ġodda, sa fejn jipprovdi li (a) ‘[m]eta xi parti mill-passiv ma tkunx allokata bl-abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni u meta l-interpretazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet ma tagħmilx possibbli deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tagħha, kull waħda mill-kumpanniji reċipjenti għandha tkun responsabbli flimkien u separatament [in solidum]’ u (b) ‘Stati Membri jistgħu jiddisponu li din ir-responsabbiltà flimkien u separatament [in solidum] tkun limitata għall-attiv nett allokat lil kull kumpannija’, jipprekludi interpretazzjoni tar-regola tad-dritt nazzjonali li tinsab fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 2506[a] tal-Kodiċi Ċivili li tfisser ir-responsabbiltà in solidum tal-kumpannija diviża bħala ‘parti mill-passiv’ mhux attribwit fl-abbozz ta’ kundizzjonijiet, minbarra r-responsabbiltajiet ta’ natura diġà ddeterminata, anki (i) dawk identifikabbli fil-konsegwenzi dannużi, maħluqa wara d-diviżjoni, ta’ aġir (b’azzjoni jew b’nuqqas ta’ azzjoni) li seħħ qabel id-diviżjoni stess jew (ii) ta’ aġir ulterjuri, li huma l-konsegwenza tad-diviżjoni, li għandu n-natura ta’ delitt permanenti, li jiġġenera danni ambjentali, li l-effetti tagħhom, fil-mument tad-diviżjoni, ma jkunux determinabbli b’mod sħiħ?”

Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

39

Skont l-Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva 82/891, għandha titqies bħala diviżjoni permezz tal-formazzjoni ta’ kumpanniji ġodda, l-operazzjoni li biha, wara x-xoljiment mingħajr likwidazzjoni, kumpannija tittrasferixxi l-assi kollha tagħha lil diversi kumpanniji fformati ġodda. Madankollu, SNIA ma ttrasferixxietx l-assi kollha tagħha lil diversi kumpanniji, iżda biss parti mill-assi tagħha lil kumpannija li ġiet ifformata, Sorin, li saret LivaNova.

40

Konsegwentement, l-operazzjoni ta’ diviżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax direttament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sitt Direttiva 82/891.

41

Skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi, b’mod preliminari, dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati kif ukoll tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita permezz ta’ dan l-artikolu, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ kull kawża, tevalwa kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha u kemm ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, meħtieġa tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, I.G.I., C‑394/18, EU:C:2020:56, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

B’applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet fejn il-fatti fil-kawża prinċipali jkunu jinsabu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda fejn l-imsemmija dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt jkunu saru applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali minħabba riferiment minn dan tal-aħħar għall-kontenut tagħhom. F’dawn il-każijiet, anki jekk il-fatti fil-kawża prinċipali ma jaqgħux direttament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet jkunu saru applikabbli permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li kienet tikkonforma ruħha, għas-soluzzjonijiet għal sitwazzjonijiet purament interni, ma’ dawk adottati mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, I.G.I., C‑394/18, EU:C:2020:56, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Fil-fatt meta leġiżlazzjoni nazzjonali tikkonforma ruħha, għas-soluzzjonijiet li toffri għal sitwazzjonijiet purament interni, mas-soluzzjonijiet adottati fid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, sabiex jiġi evitat li jkun hemm diskriminazzjonijiet kontra residenti nazzjonali jew eventwali distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, jeżisti interess ċert tal-Unjoni Ewropea li, sabiex jiġu evitati diverġenzi fl-interpretazzjonijiet futuri, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti meħuda mid-dritt tal-Unjoni jingħataw interpretazzjoni uniformi, indipendentement miċ-ċirkustanzi li fihom huma għandhom japplikaw. Għaldaqstant, interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet purament interni hija ġġustifikata minħabba li dawn ikunu saru applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat, sabiex jiġi żgurat trattament identiku għas-sitwazzjonijiet interni u għas-sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, I.G.I., C‑394/18, EU:C:2020:56, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun adita b’kawża minn qorti nazzjonali fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li ma taqax direttament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija ma tistax, mingħajr indikazzjoni tal-qorti tar-rinviju minbarra l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija applikabbli bla distinzjoni għal sitwazzjonijiet irregolati mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kkonċernati u għal sitwazzjonijiet purament interni, tqis li t-talba għal interpretazzjoni preliminari li tirrigwarda d-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt hija neċessarja għaliha għas-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiemha (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, I.G.I., C‑394/18, EU:C:2020:56, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

L-elementi konkreti li jippermettu li jiġi stabbilit li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni saru applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali b’mod dirett u mhux ikkundizzjonat, bil-ħsieb li jiġi żgurat trattament identiku għas-sitwazzjonijiet interni u għas-sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni, għandhom jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, I.G.I., C‑394/18, EU:C:2020:56, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Għal dan l-għan, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tindika, skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif, minkejja n-natura purament interna tagħha, il-kawża pendenti quddiemha għandha element ta’ rabta mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirrendi l-interpretazzjoni preliminari mitluba neċessarja għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża. Dawn ir-rekwiżiti huma, barra minn hekk, riflessi fir-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1) (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, I.G.I., C‑394/18, EU:C:2020:56, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata il-ġurisprudenza ċċitata).

47

Fil-każ ineżami, il-qorti tar-rinviju, li hija l-unika qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, speċifikat li t-tielet paragrafu tal-Artikoli 2506-bis tal-Kodiċi Ċivili, li l-applikazzjoni tiegħu hija s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, tittrasponi, fid-dritt nazzjonali, l-Artikolu 3(3)(b) tas-Sitt Direttiva 82/891.

48

Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tenfasizza wkoll l-ekwivalenza, essenzjalment, tal-formulazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

49

Għaldaqstant, billi ttraspona s-Sitt Direttiva 82/891 b’dan il-mod, il-leġiżlatur Taljan iddeċieda li japplika l-Artikolu 3(3)(b) tas-Sitt Direttiva b’mod dirett u mhux ikkundizzjonat ukoll għall-operazzjonijiet li bihom kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata tattribwixxi parti biss mill-assi tagħha lil kumpannija oħra.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qrati tar-rinviju.

Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

51

Il-Gvern Awstrijak għandu dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari għar-raġuni li l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod utli għad-domanda magħmula lilha ma jirriżultawx mingħajr ambigwità mid-deċiżjoni tar-rinviju. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju la esponiet il-fatti b’mod ċar u lanqas irriproduċiet il-kuntest ġuridiku nazzjonali rilevanti, b’mod partikolari l-Artikolu 2506-bis tal-Kodiċi Ċivili. Hija lanqas ma tippreċiża r-raġunijiet li għalihom hija tqis li interpretazzjoni tas-Sitt Direttiva 82/891 hija neċessarja.

52

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkunu tressqu quddiemhom (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, Castorama Polska u Knor, C‑628/21, EU:C:2023:342, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53

Huwa importanti li jitfakkar li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, kemm-il darba d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi. Minn dan isegwi li domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, fejn il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, Castorama Polska u Knor, C‑628/21, EU:C:2023:342, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Minn ġurisprudenza stabbilita, li hija issa riflessa wkoll fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, jirriżulta wkoll n-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u regolatorju tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Id-deċiżjoni tar-rinviju għandha, barra minn dan, tindika r-raġunijiet preċiżi li jkunu wasslu lill-qorti nazzjonali biex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u biex tikkunsidra neċessarju li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, Castorama Polska u Knor, C‑628/21, EU:C:2023:342, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55

Fil-każ ineżami, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Awstrijak, it-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi espożizzjoni tas-suġġett tal-kawża prinċipali u tal-fatti rilevanti kif ukoll il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, fosthom dak tal-Artikolu 2506-bis tal-Kodiċi Ċivili.

56

Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3)(b) tas-Sitt Direttiva 82/891 u sabiex tqis neċessarju li tagħmel domanda preliminari f’dan ir-rigward lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, minn din id-deċiżjoni jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis neċessarju li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li l-kunċett ta’ “parti mill-passiv li l-allokazzjoni tagħha ma tistax tiġi dedotta mill-abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni”, li jinsab fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 2506-bis tal-Kodiċi Ċivili u li għandu jiġi interpretat sabiex jiġi ddeterminat jekk LivaNova tistax titqies li hija responsabbli in solidum għall-ispejjeż ta’ tindif u għad-danni ambjentali kkawżati minn SNIA, għandux jiġi interpretat bl-istess mod bħall-kunċett korrispondenti ta’ “parti mill-passiv [mhux] allokat fl-abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni”, imsemmi fl-Artikolu 3(3)(b) tas-Sitt Direttiva 82/891, li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 2506-bis tal-Kodiċi Ċivili jittrasponi.

57

Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id‑domanda preliminari

58

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(3)(b) tas-Sitt Direttiva 82/891 għandux jiġi interpretat fis-sens li regola ta’ responsabbiltà in solidum tal-kumpanniji reċipjenti stabbilita minn din id-dispożizzjoni tapplika mhux biss għall-elementi ta’ natura determinata tal-passiv mhux allokati f’abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni, iżda wkoll għal dawk ta’ natura indeterminata, bħall-ispejjeż ta’ tindif u ta’ danni ambjentali li jkunu ġew ikkonstatati, evalwati jew ikkonsolidati wara d-diviżjoni kkonċernata, li jirriżultaw minn aġir tal-kumpannija diviża li jkun seħħ qabel l-operazzjoni ta’ diviżjoni jew ta’ aġir sussegwenti għal din l-operazzjoni li huwa stess l-iżvilupp ta’ aġir preċedenti ta’ din il-kumpannija diviża.

59

Mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3)(b) ta’ din is-Sitt Direttiva, li huwa applikabbli għal diviżjoni permezz tal-formazzjoni ta’ kumpanniji ġodda skont l-Artikolu 22(1) tal-imsemmija Sitt Direttiva, jirriżulta li, meta parti mill-passiv ma tkunx allokata bl-abbozz ta kundizzjonijiet ta’ diviżjoni kkonċernat u l-interpretazzjoni tiegħu ma tippermettix li jiġi deċiż it-tqassim tagħha, kull waħda mill-kumpanniji reċipjenti tkun responsabbli in solidum. Mit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3)(b) tal-istess Sitt Direttiva jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li din ir-responsabbiltà in solidum tkun limitata għall-attiv nett allokat lil kull benefiċjarju.

60

Il-kunċett ta’ “parti mill-passiv”, imsemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3)(b) tas-Sitt Direttiva 82/891 ma huwiex iddefinit minn din id-direttiva. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tinkludi ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri għal dak li jirrigwarda tali definizzjoni.

61

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmilx riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-sens u tal-portata tagħha għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi stabbilita skont is-sens abitwali ta’ dan il-kliem fil-lingwa kurrenti, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih huwa użat u l-għanijiet intiżi mil-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, KRI, C‑323/22, EU:C:2023:641, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Fl-ewwel lok, fis-sens abitwali tagħha, il-kelma “passiv” tirreferi għad-djun kollu li huwa ta’ piż fuq persuna ġuridika jew fiżika. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “parti mill-passiv”, li jinsab fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3)(b) tas-Sitt Direttiva 82/891, huwa intiż, f’sens wiesa’, sabiex ikopri kull dejn tal-kumpannija diviża, kemm jekk ikun ċert jew mhux ċert, iddeterminat jew indeterminat, ikun x’ikun l-oriġini u n-natura tiegħu.

63

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3)(b) tas-Sitt Direttiva 82/891, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3(2)(h) ta’ din id-direttiva, abbozz ta’ diviżjoni għandu jsemmi, b’mod partikolari, id-deskrizzjoni u t-tqassim preċiżi tal-parti tal-attiv u tal-passiv li għandha tiġi ttrasferita lil kull waħda mill-kumpanniji reċipjenti.

64

Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “parti mill-passiv”, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3)(b) tas-Sitt Direttiva 82/891, jeżiġi li d-dejn ikkonċernat. bħala prinċipju, jiġi akkwistat. Fil-fatt, peress li abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni għandu jsemmi d-deskrizzjoni u t-tqassim preċiżi tal-parti mill-passiv li għandha tiġi ttrasferita, din il-parti tal-passiv għandha tkun inħolqot, qabel id-diviżjoni kkonċernata. Fil-każ ta’ spejjeż ta’ tindif u ta’ danni ambjentali, dan ir-rekwiżit jimplika għalhekk li l-ksur jew il-fatt li kkawża dawn id-danni jkunu seħħew qabel id-diviżjoni, iżda mhux li, f’din id-data, l-imsemmija danni jkunu ġew ikkonstatati, evalwati jew anki li jkunu ġew ikkonsolidati.

65

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għanijiet tas-Sitt Direttiva 82/891, għandu jitfakkar li l-ħames premessa ta’ din is-Sitt Direttiva ssemmi, fost dawn l-għanijiet, il-protezzjoni tal-interessi tal-membri u ta’ terzi. Barra minn hekk, mit-tmien premessa tal-imsemmija Sitt Direttiva jirriżulta li din hija intiża wkoll għall-protezzjoni tal-kredituri u tad-detenturi ta’ titoli oħra u tippreċiża li dawn għandhom jiġu protetti sabiex it-twettiq tad-diviżjoni kkonċernata ma jippreġudikahomx. Mill-ħdax-il premessa tas-Sitt Direttiva jirriżulta li hija intiża li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fir-relazzjonijiet kemm bejn il-kumpanniji li jipparteċipaw fid-diviżjoni kif ukoll bejn dawn u t-terzi kif ukoll bejn l-azzjonisti u dawn il-kumpanniji.

66

Issa, il-kunċett ta’ “terzi” użat b’mod partikolari fil-ħames u fil-ħdax-il premessa tas-Sitt Direttiva 82/891 huwa usa’ minn dak, użat fit-tmien premessa tal-imsemmija Sitt Direttiva, ta’ “kredituri, flimkien ma’ detenturi ta’ obbligazzjonijiet, u persuni li għandhom pretensjonijiet oħra fuq il-kumpanniji involuti f’diviżjoni”, billi dawn il-kredituri u detenturi ta’ titoli oħra huma suġġetti għal ċerti miżuri ta’ protezzjoni speċifiċi previsti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 12 u 13 tal-imsemmija Sitt Direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Modelo Continente Hipermercados, C‑343/13, EU:C:2015:146, punt 31).

67

Għalhekk, għandhom jitqiesu bħala terzi, li l-interessi tagħhom jaqgħu taħt l-għan ta’ protezzjoni tas-Sitt Direttiva 82/891, il-persuni li, fid-data tad-diviżjoni kkonċernata ma jkunux għandhom ikklassifikati bħala kredituri jew bħala detenturi ta’ titoli oħra, iżda li jistgħu jiġu kklassifikati b’dan il-mod wara din id-diviżjoni minħabba sitwazzjonijiet li jkunu nħolqu qabel tali diviżjoni, bħal pereżempju t-twettiq ta’ ksur tad-dritt tal-ambjent li jiġi kkonstatat permezz ta’ deċiżjoni biss wara l-imsemmija diviżjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Modelo Continente Hipermercados, C‑343/13, EU:C:2015:146, punt 32).

68

Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “terzi”, fis-sens tas-Sitt Direttiva 82/891, issaħħaħ dik tal-kunċett ta’ “parti mill-passiv”, imsemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3)(b) ta’ din is-Sitt Direttiva, fis-sens li jkopri wkoll il-passiv ta’ natura indeterminata, bħall-ispejjeż ta’ tindif u ta’ danni ambjentali li jkunu ġew ikkonstatati, evalwati jew ikkonsolidati wara d-diviżjoni kkonċernata, iżda li jirriżultaw minn aġir preċedenti għal din id-diviżjoni.

69

Jekk tali interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “parti mill-passiv”, imsemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3)(b) tas-Sitt Direttiva 82/891, ma tiġix aċċettata, diviżjoni tista’ tikkostitwixxi mezz sabiex impriża tevita l-konsegwenzi tal-ksur li hija tkun wettqet, għad-detriment tal-Istat Membru kkonċernat jew ta’ partijiet ikkonċernati potenzjali oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Modelo Continente Hipermercados, C‑343/13, EU:C:2015:146, punt 33). Fil-fatt, għal dan il-għan, ikun biżżejjed li din l-impriża tipproċedi għal operazzjoni ta’ diviżjoni qabel ma jkunu ġew evalwati l-ispejjeż ta’ tindif u tad-danni ambjentali li jirriżultaw minn aġir preċedenti għal din id-diviżjoni. Issa, mill-premessi msemmija fil-punt 65 ta’ din is-sentenza jirriżulta wkoll li s-Sitt Direttiva 82/891 hija intiża preċiżament sabiex tevita li impriża taħrab mill-obbligi tagħha fil-konfront tal-partijiet ikkonċernati tagħha, bħas-soċji tagħha, l-azzjonisti tagħha, il-kredituri tagħha jew ukoll it-terzi kkonċernati bħala riżultat tad-diviżjoni ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li taqa’ taħt il-kontroll tagħha.

70

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li din l-interpretazzjoni ma tagħtix lil terzi protezzjoni eċċessiva għad-detriment tal-kumpanniji li jkunu għadhom kif ġew ifformati peress li t-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3)(b) tas-Sitt Direttiva 82/891 tippermetti lill-Istati Membri jillimitaw ir-responsabbiltà in solidum ta’ dawn tal-aħħar għall-ammont tal-attiv li ġie allokat lilhom fl-abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni kkonċernat.

71

Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “parti mill-passiv”, imsemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3)(b) tas-Sitt Direttiva 82/891 hija konformi mal-Artikolu 11 TFUE, peress li hija intiża sabiex tevita li l-impriża, li hija responsabbli għall-attività li tniġġes, tkun tista’ tevita l-obbligi tagħha fil-konfront tal-partijiet ikkonċernati tagħha b’riżultat tad-diviżjoni ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li taqa’ taħt il-kontroll tagħha.

72

Minn dak li ntqal jirriżulta li l-kunċett ta’ “parti mill-passiv”, imsemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3)(b) ta’ din is-Sitt Direttiva 82/891 jkopri mhux biss il-passiv ta’ natura determinata iżda wkoll dak ta’ natura indeterminata, bħall-ispejjeż ta’ tindif u ta’ danni ambjentali li jkunu ġew ikkonstatati, evalwati jew ikkonsolidati wara d-diviżjoni kkonċernata, iżda li jirriżultaw minn aġir preċedenti għal din id-diviżjoni.

73

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-aġir sussegwenti għall-operazzjoni ta’ diviżjoni li huwa l-iżvilupp tal-aġir tal-kumpannija diviża qabel din l-operazzjoni, mill-punt 64 tas-sentenza preżenti jirriżulta li l-kunċett ta’ “parti mill-passiv”, fis-sens tal-Artikolu 3(3)(b) tas-Sitt Direttiva 82/891, ikopri biss l-ispejjeż ta’ tindif u ta’ danni ambjentali li jirriżultaw mill-aġir tal-kumpannija diviża diġà kkawżati fid-data ta’ din id-diviżjoni.

74

Is-sitt Direttiva 82/891 tipprovdi biss għal sistema minima ta’ protezzjoni tal-interessi ta’ terzi, imsemmija fil-punt 7 tas-sentenza preżenti, għall-parti mill-passiv li tirriżulta minn aġir preċedenti għad-diviżjoni kkonċernata (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, I.G.I., (C‑394/18, EU:C:2020:56, punti 6774). Il-kwistjoni dwar jekk aġir sussegwenti għal din id-diviżjoni, iżda li huwa l-iżvilupp ta’ aġir preċedenti tal-kumpannija diviża, jistax jiġi imputat lil din il-kumpannija, bil-konsegwenza li l-obbligu li jiġu kkumpensati d-danni hekk ikkawżati, bħalma hija l-parti mill-passiv, jista’ jiġi ttrasferit lill-kumpanniji reċipjenti skont il-modalitajiet iddefiniti mis-Sitt Direttiva 82/891, għandha għalhekk tiġi ddeterminata abbażi tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Túrkevei Tejtermelő Kft., C‑129/16, EU:C:2017:547, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(3)(b) tas-Sitt Direttiva 82/891 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regola tar-responsabbiltà in solidum tal-kumpanniji reċipjenti stabbilita minn din id-dispożizzjoni tapplika mhux biss għall-parti ta’ natura ddeterminata mill-passiv mhux allokata f’abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni, iżda wkoll għal dik ta’ natura indeterminata, bħall-ispejjeż ta’ tindif u tad-danni ambjentali li jkunu ġew ikkonstatati, evalwati jew ikkonsolidati wara d-diviżjoni kkonċernata, sa fejn dawn jirriżultaw minn aġir tal-kumpannija diviża qabel l-operazzjoni ta’ diviżjoni.

Fuq l‑ispejjeż

76

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(3)(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE tas‑17 ta’ Diċembru 1982 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar id-diviżjoni ta’ kumpanniji b’responsabbilta pubblika limitata,

 

għandu jiġi interpretata fis-sens li:

 

r-regola tar-responsabbiltà in solidum tal-kumpanniji reċipjenti stabbilita f’din id-dispożizzjoni tapplika mhux biss għall-parti ta’ natura ddeterminata mill-passiv mhux allokata f’abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ diviżjoni, iżda wkoll għal dik ta’ natura indeterminata, bħall-ispejjeż ta’ tindif u tad-danni ambjentali li jkunu ġew ikkonstatati, evalwati jew ikkonsolidati wara d-diviżjoni kkonċernata, sa fejn dawn jirriżultaw minn aġir tal-kumpannija diviża qabel l-operazzjoni ta’ diviżjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.