SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
17 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) – Regolament (KE) Nru 1083/2006 – Artikolu 60 – Prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba – Artikolu 80 – Dritt tal-benefiċjarji li jirċievu l-ħlasijiet malajr kemm jista’ jkun u fl-intier tagħhom – Dritt li wieħed jitħallas l-interessi minħabba ħlas tardiv – Prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza – Xoljiment ta’ kuntratt ta’ finanzjament taħt il-FEŻR minħabba irregolaritajiet fl-eżekuzzjoni tiegħu – Annullament ta’ dan ix-xoljiment – Korrezzjoni tal-irregolaritajiet – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Direttiva 2011/7/UE – Kamp ta’ applikazzjoni”
Fil-Kawża C‑701/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Diċembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Novembru 2022, fil-proċedura
SC AA SRL
vs
Ministerul Fondurilor Europene,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tat-Tieni Awla, li qiegħda taġixxi bħala Presidenta tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tielet Awla, N. Jääskinen, M. Gavalec u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Ministerul Fondurilor Europene, minn M. I. Boloş, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Rumen, minn E. Gane u O.‑C. Ichim, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Portugiż, minn H. Almeida, P. Barros da Costa, H. Oliveira u A. Pimenta, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Ehrbar, G. Gattinara u T. Isacu de Groot, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Marzu 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba msemmi fl-Artikolu 60 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal‑11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 25, rettifiki fil-ĠU 2008, L 301, p. 40; fil-ĠU 2007, L 164, p. 36, fil-ĠU 2007, L 145, p. 38; fil-ĠU 2006, L 239, p. 248), moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, kif ukoll tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011, L 48, p. 1). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SC AA SRL (iktar ’il quddiem “AA”) u l-Ministerul Fondurilor Europene (il-Ministeru għall-Fondi Ewropej) (iktar ’il quddiem il-“MFE”) dwar il-ħlas ta’ interessi moratorji minn AA minħabba l-ħlas tardiv, mill-MFE, ta’ nfiq eliġibbli taħt kuntratt ta’ finanzjament konkluż bejn dawn iż-żewġ partijiet (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ finanzjament”), skont programm ikkofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR). |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Ir‑Regolament (KE) Nru 1080/2006
|
3 |
L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 1), jipprevedi: “L-infiq li ġej ma għandux ikun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FEŻR:
[...]” |
Ir‑Regolament Nru 1083/2006
|
4 |
Ir-Regolament Nru 1083/2006, li tħassar bir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320), jibqa’ japplika ratione temporis għall-kawża prinċipali, kien jiddefinixxi, fil-punt 7 tal-Artikolu 2 tiegħu, il-kunċett ta’ “irregolarità” bħala “kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku li għandu, jew li kieku jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea billi tiġi addebitata nefqa mhux ġustifikata lill-baġit ġenerali”. |
|
5 |
L-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1083/2006, intitolat “Il-funzjonijiet ta’ l-awtorità ta’ ġestjoni”, kien ifformulat kif ġej: “L-awtorità ta’ ġestjoni għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni u l-implementazzjoni tal-programm operattiv skond il-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba u b’mod partikolari sabiex:
[...]” |
|
6 |
L-Artikolu 80 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-interezza tal-ħlasijiet lill-benefiċjarji”, kien jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw ruħhom li l-korpi responsabbli sabiex jagħmlu l-ħlasijiet jiżguraw li l-benefiċjarji jirċievu l-ammont totali tal-kontribuzzjoni pubblika mill-aktar fis possibbli, u kollu kemm hu. L-ebda ammont m’għandu jitnaqqas jew jinżamm u l-ebda spiża speċifika jew spiża oħra b’effett ekwivalenti m’għandha tiġi imposta li tkun tnaqqas dawn l-ammonti għall-benefiċjarji.” |
|
7 |
L-Artikolu 98(1) u (2) tal-imsemmi regolament, intitolat “Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri”, kien jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom l-ewwel jerfgħu r-responsabbiltà sabiex jinvestigaw irregolaritajiet, waqt li jaġixxu fuq il-provi ta’ kull bidla maġġuri li tolqot in-natura ta’ jew il-kondizzjonijiet għall-implementazzjoni jew il-kontroll ta’ operazzjonijiet jew programmi operattivi u jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa. 2. L-Istat Membru għandu jagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa rigward l-irregolaritajiet individwali jew sistemiċi li jiġu individwati fl-operazzjonijiet jew fil-programmi operattivi. Il-korrezzjonijiet li jsiru minn Stat Membru għandhom jikkonsistu f’kanċellament tal-kontribuzzjoni pubblika kollha jew parti minnha mill-programm operattiv.. L-Istat Membru għandu jieħu kont tan-natura u l-gravità ta’ l-irregolaritajiet u t-telf finanzjarju għall-Fond. [...]” |
Ir‑Regolament (UE, Euratom) 2018/1046
|
8 |
Il-punt 59 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36), jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ġestjoni finanzjarja tajba” bħala “l-implimentazzjoni tal-baġit f’konformità mal-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività”. |
Id‑Direttiva 2011/7
|
9 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/7, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi: “1. L-għan ta’ din id-Direttiva hu l-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament kif suppost tas-suq intern, biex b’hekk titrawwem il-kompetittività tal-intrapriżi u, b’mod partikulari, tal-[impriżi żgħar u medji (SMEs)]. 2. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali. [...]” |
|
10 |
Il-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet kummerċjali”, għall-finijiet ta’ din tal-aħħar, bħala “transazzjonijiet bejn l-intrapriżi jew bejn l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi li jwasslu għall-forniment ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi għar-remunerazzjoni”. |
Id‑dritt Rumen
Il‑Kodiċi Ċivili
|
11 |
Skont l-Artikolu 1535 tal-legea nr. 287/2009 privind Codul civil al României (il-Liġi Nru 287/2009 dwar il-Kodiċi Ċivili Rumen) tas‑17 ta’ Lulju 2009 (Monitorul Oficial al României, Taqsima I, Nru 511 tal‑24 ta’ Lulju 2009), fil-verżjoni tagħha li tapplika għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), intitolat “Interessi moratorji fil-każ ta’ obbligi pekunjarji”: “(1) Meta somma flus ma titħallasx fl-iskadenza, il-kreditur għandu dritt għal interessi moratorji mid-data tal-iskadenza sad-data tal-ħlas, bir-rata miftiehma mill-partijiet jew, fin-nuqqas ta’ dan, bir-rata legali, mingħajr ma jkollu għalfejn jipprova xi dannu. F’dan il-każ, id-debitur ma għandux dritt jipprova li d-dannu mġarrab mill-kreditur minħabba l-ħlas tardiv huwa inqas. [...] (3) Jekk ir-rata ta’ interessi moratorji dovuti ma tkunx ogħla mir-rata legali, il-kreditur għandu d-dritt, flimkien mal-interessi bir-rata legali, għad-danni għall-kumpens sħiħ tad-dannu mġarrab”. |
Id‑DG Nru 13/2011
|
12 |
L-Artikolu 1 tal-Ordonanța Guvernului nr. 13 din 24 august 2011 privind docénda legală remuneratorie și penalizatoare pentru obligații bănești, precum și pentru reglementarea unor măsuri financiar fiscale în domeniul bancar (id-Digriet tal-Gvern Nru 13 dwar l-Interessi Legali Remuneratorji u ta’ Penalità fir-Rigward tal-Obbligi Pekunjarji u li Jirrigwarda Miżuri Finanzjarji u Fiskali fil-Qasam Bankarju) tal‑24 ta’ Awwissu 2011 (Monitorul Oficial al României, Taqsima I, Nru 607 tad‑29 ta’ Awwissu 2011, iktar ’il quddiem id-“DG Nru 13/2011”) jipprovdi: “(1) Il-partijiet huma liberi li jistabbilixxu, permezz ta’ ftehim, rata ta’ interessi kemm għall-ħlas lura ta’ kreditu ta’ somma flus kif ukoll għal ħlas tardiv ta’ obbligu pekunjarju. [...] (3) L-interessi dovuti mid-debitur tal-obbligu pekunjarju għal nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu inkwistjoni fl-iskadenza jissejħu interessi ta’ penalità. [...]” |
|
13 |
Skont l-Artikolu 10 tad-DG Nru 13/2011, “[i]d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1535 u tal-Artikoli 1538 sa 1543 [tal-Kodiċi Ċivili] […] huma applikabbli għall-interessi ta’ penalità”. |
Id‑DUG Nru 66/2011
|
14 |
L-Artikolu 42(1) u (2) tal-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 66/2011 privind prevenirea, constatarea și sancționarea neregulilor apărute în obținerea și utilizarea fondurilor europene și/sau a fondurilor publice naționale aferente acestora (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 66/2011 dwar il-Prevenzjoni, il-Konstatazzjoni u s-Sanzjoni ta’ Irregolaritajiet fil-Ksib u fl-Użu tal-Fondi Ewropej u/jew ta’ Fondi Pubbliċi Nazzjonali Relatati) tad‑29 ta’ Ġunju 2011 (Monitorul Oficial al României, Taqsima I, Nru 461, tat‑30 ta’ Ġunju 2011, iktar ’il quddiem id-“DUG Nru 66/2011”), kien jipprovdi, fil-verżjoni tiegħu li tapplika għat-tilwima fil-kawża prinċipali: “(1) Il-krediti baġitarji li jirriżultaw minn irregolaritajiet huma dovuti mal-iskadenza tat-terminu għall-ħlas stabbilit fit-titolu tad-dejn jew fi żmien 30 jum mid-data tal-komunikazzjoni ta’ dan l-imsemmi titolu. (2) Meta d-debitur ma jissodisfax l-obbligi previsti fit-titolu ta’ dejn fit-terminu stabbilit, huwa għandu jħallas l-interessi kkalkolati billi japplika r-rata ta’ interessi dovuta għall-bilanċ tal-ammont espress f’[leu Rumen (RON)] tal-kreditu baġitarju, mill-ewwel jum wara l-iskadenza tat-terminu għall-ħlas stabbilit skont il-paragrafu 1 sad-data tal-estinzjoni tad-dejn, sakemm ir-regoli tal-Unjoni Ewropea jew tad-donatur pubbliku internazzjonali ma jipprovdux mod ieħor.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
15 |
Fit‑22 ta’ April 2015, il-MFE, l-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm operattiv settorjali tal-FEŻR “Stimulu għall-kompetittività ekonomika 2007‑2013”, u AA, kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita skont id-dritt Rumen, ikkonkludew, taħt dan il-programm, il-kuntratt ta’ finanzjament, għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-proġett intitolat “Xiri ta’ tagħmir għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-kumpannija AA”. |
|
16 |
Għal dan il-għan, il-MFE ntrabat li jagħti lil AA finanzjament fl-ammont massimu ta’ 3334 257.20 lei Rumen (RON) (madwar EUR 671000). AA ntrabtet li tikkofinanzja dan il-proġett, minn naħa, permezz ta’ kontribuzzjoni għall-infiq eliġibbli taħt dan tal-aħħar fl-istess ammont u, min-naħa l-oħra, permezz ta’ kontribuzzjoni ta’ RON 2385 556.64 (madwar EUR 479780), inkluża t-taxxa fuq il-valur miżjud, għall-infiq mhux eliġibbli taħt l-imsemmi proġett. Sabiex tkopri l-kofinanzjament ta’ dan l-infiq eliġibbli, AA, skont il-kuntratt ta’ finanzjament, daħlet f’kuntratt ta’ kreditu ma’ istituzzjoni bankarja għal somma totali ta’ RON 3334 257.20 (madwar EUR 671000). |
|
17 |
Fit‑22 ta’ Settembru 2015, wara li tlesta l-istess proġett, AA ressqet talba quddiem il-MFE għar-rimbors ta’ din is-somma, li tikkorrispondi għall-imsemmi infiq eliġibbli, liema talba hija ssupplimentat b’ittri datati t‑2 u t‑22 ta’ Ottubru 2015. Sussegwentement, AA adixxiet lill-Curtea de Appel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż sabiex, l-ewwel nett, MFE jiġi ordnat jadotta deċiżjoni li tilqa’ l-imsemmija talba, it-tieni nett, dan il-ministeru jiġi kkundannat jirrimborsa l-ammont tal-istess infiq eliġibbli, it-tielet nett, l-imsemmi ministeru jiġi kkundannat iħallas interessi moratorji fuq dan l-ammont b’effett mid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, u, r-raba’ nett, u sussidjarjament, l-istess ministeru jiġi kkundannat jagħti kumpens għad-dannu materjali mġarrab. |
|
18 |
Fid‑29 ta’ Awwissu 2016, il-MFE xolja l-kuntratt ta’ finanzjament abbażi tan-nuqqas ta’ osservanza, minn AA, tal-obbligu stipulat f’dan il-kuntratt li tiġi ppubblikata sejħa għal offerti jew avviż ta’ kuntratt. |
|
19 |
Fis‑27 ta’ April 2017, AA adixxiet lill-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj) bit-tieni rikors kontra l-MFE, intiż sabiex jiġi annullat l-att ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ finanzjament. Permezz ta’ sentenza li saret definittiva fl‑10 ta’ Marzu 2021, dik il-qorti laqgħet dan ir-rikors, minħabba li, minkejja n-nuqqas ta’ osservanza, minn AA, tal-obbligu ta’ trasparenza fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt ta’ finanzjament, ix-xoljiment ta’ dan tal-aħħar kien sproporzjonat. Fil-fehma tal-imsemmija qorti, il-MFE kellu, fid-dawl tan-natura mhux serja tal-irregolaritajiet ikkonstatati, japplika miżuri inqas severi, bħalma huma l-korrezzjonijiet finanzjarji. |
|
20 |
Wara l-ħlas sħiħ, mill-MFE, tal-ammont tal-infiq eliġibbli abbażi tal-kontribuzzjoni tal-FEŻR, jiġifieri s-somma ta’ RON 3320 502.41 (madwar EUR 667370), mingħajr ma ġiet applikata ebda korrezzjoni finanzjarja, il-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tar-rikors imsemmi fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, tibqa’ adita biss bil-kapijiet tat-talba relatati mal-ħlas, minn naħa, tal-interessi moratorji fuq dan l-ammont u, min-naħa l-oħra, tal-kumpens għad-dannu materjali mġarrab. F’dan ir-rigward, AA ssostni li, minħabba li s-somom dovuti mill-MFE ma tħallsux, hija kienet imġiegħla tħallas, bejn il-maturità inizjali tal-kreditu u l-preżentata ta’ dan ir-rikors, is-somma totali ta’ RON 23 225.46 (madwar EUR 4671) bħala interessi sax-xahar ta’ April 2016. |
|
21 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, jekk fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, kif previst fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1083/2006, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, jippermettix li jiġi applikat għal kuntratt ta’ finanzjament bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari, l-Artikolu 1535 tal-Kodiċi Ċivili u l-Artikoli 1 u 10 tad-DG Nru 13/2011, li jipprevedu l-ħlas ta’ interessi moratorji b’eżekuzzjoni ta’ obbligu pekunjarju, jew li jiġi applikat, b’analoġija, l-Artikolu 42 tad-DUG Nru 66/2011, li, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Fondi Ewropej jew tal-Fondi pubbliċi nazzjonali relatati magħhom, jirregola l-irtirar ta’ vantaġġ finanzjarju li jkun tħallas indebitament u ma jipprevedix il-ħlas ta’ interessi moratorji mill-benefiċjarju ta’ dan il-vantaġġ, ħlief fil-każ fejn il-ħlas lura ma jkunx sar f’terminu ta’ tletin jum. |
|
22 |
It-tieni nett, dik il-qorti tistaqsi jekk, f’sitwazzjoni fejn benefiċjarju jkun wettaq irregolaritajiet fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ finanzjament bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija tistax, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn l-irregolaritajiet, tillimita l-ammont tal-interessi moratorji, kemm‑il darba jitqiesu dovuti mill-awtorità ta’ ġestjoni, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-irregolaritajiet, u dan minkejja li din l-awtorità ma tkun applikat ebda korrezzjoni finanzjarja fir-rigward ta’ dan il-benefiċjarju. |
|
23 |
It-tielet nett, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk kuntratt ta’ finanzjament bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/7 u, għaldaqstant, jekk din tal-aħħar tippermettix li tiġi applikata għal dan il-kuntratt ir-rata ta’ interessi li hija tipprevedi fil-każ ta’ ħlas tardiv tal-infiq eliġibbli. |
|
24 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq it‑talba għal applikazzjoni tal‑proċedura mħaffa għal deċiżjoni preliminari
|
25 |
Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja li din il-kawża tinqata’ skont il-proċedura mħaffa, prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li t-tilwima fil-kawża prinċipali ilha pendenti quddiem il-qrati nazzjonali mit‑18 ta’ April 2016. |
|
26 |
Dan l-Artikolu 105(1) jipprevedi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, meta n-natura tal-kawża tkun teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura mħaffa. |
|
27 |
L-applikazzjoni ta’ din il-proċedura tiddependi, fuq kollox, miċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-kawża prinċipali, li għandhom jistabbilixxu l-urġenza straordinarja li jiġu deċiżi d-domandi magħmula (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Frar 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Aspettattivi reċiproċi fil-każ ta’ trasferiment), C‑392/22, EU:C:2024:195, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
F’dan ir-rigward, il-punt 37 tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1), jippreċiża li, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi malajr jekk għandhiex tiġi implimentata l-proċedura mħaffa, it-talba għandha tfisser bi preċiżjoni ċ-ċirkustanzi ta’ liġi u ta’ fatt li jistabbilixxu l-urġenza u, b’mod partikolari, ir-riskji involuti jekk ir-rinviju jsegwi l-proċedura ordinarja. |
|
29 |
F’dan il-każ, ebda informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju ma hija ta’ natura li tistabbilixxi li din tal-aħħar hija marbuta li tiddeċiedi f’terminu ddeterminat u lanqas li l-azzjoni ġudizzjarja li AA ilha li ressqet quddiemha mit‑18 ta’ April 2016 kienet ittrattata b’urġenza. Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li dik il-qorti ddeċidiet li tibgħat lill-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Diċembru 2021, ġiet ippreżentata fil‑15 ta’ Novembru 2022 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2024, C (Amministraturi u stralċjarji ġudizzjarji), C‑696/22, EU:C:2024:499, punti 42 u 43). |
|
30 |
Barra minn hekk, la l-interess tal-partijiet fil-kawża, hu kemm hu importanti u leġittimu, sabiex tiġi ddeterminata, mill-iktar fis possibbli, il-portata tad-drittijiet mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni, u lanqas in-natura ekonomikament u soċjalment sensittiva tat-tilwima fil-kawża prinċipali ma jimplikaw madankollu n-neċessità li din “tiġi ttrattata f’qasir żmien”, fis-sens tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Curtea de Apel Alba Iulia et, C‑301/21, EU:C:2022:811, punt 39). |
|
31 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl‑20 ta’ Diċembru 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li ma jilqax it-talba għal applikazzjoni tal-proċedura mħaffa għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel u t‑tielet domanda
|
32 |
Permezz tal-ewwel u t-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, imsemmi fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1083/2006, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, jipprekludix il-ħlas ta’ interessi moratorji minħabba l-ħlas tardiv, mill-awtorità ta’ ġestjoni, ta’ somom ta’ flus li jikkorrispondu għal infiq eliġibbli taħt il-FEŻR u, fil-każ ta’ risposta negattiva, jipprekludix li l-ħlas ta’ dawn l-interessi jiġi eskluż skont dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jimponu l-ħlas ta’ interessi moratorji biss b’effett mill-iskadenza tat-terminu għall-ħlas lura tas-somma li tkun tħallset indebitament. |
|
33 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 317 TFUE, il-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit tal-Unjoni bil-kooperazzjoni tal-Istati Membri, konformement, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, li l-punt 59 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2018/1046 jiddefinixxi bħala l-implimentazzjoni tal-baġit skont il-prinċipji ta’ ekonomija, ta’ effiċjenza u ta’ effikaċja. Konsegwentement, il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jeżiġi li l-fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej jintużaw mill-Istati Membri skont il-prinċipji u r-rekwiżiti legali li fuqhom tissejjes il-leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni. |
|
34 |
Skont l-Artikolu 60(a) tar-Regolament Nru 1083/2006, hija l-awtorità ta’ ġestjoni li għandha tara, skont il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, li l-operazzjonijiet jingħażlu għal finanzjament skont il-kriterji applikabbli għall-programm operattiv ikkonċernat u li jkunu konformi, matul il-perijodu kollu tal-eżekuzzjoni tagħhom, mar-regoli tal-Unjoni u mar-regoli nazzjonali applikabbli. |
|
35 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1080/2006 jipprevedi li l-interessi fuq dejn li jkunu tħallsu mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ma humiex eliġibbli għall-kontribuzzjoni mill-FEŻR. |
|
36 |
Minn dan jirriżulta li l-ħlas ta’ interessi moratorji minħabba l-ħlas tardiv, mill-awtorità ta’ ġestjoni, ta’ somom ta’ flus li jikkorrispondu għal infiq eliġibbli, b’mod partikolari, taħt il-FEŻR, ma jqegħedx f’perikolu l-għan ta’ ġestjoni finanzjarja tajba li jfittex li jilħaq ir-Regolament Nru 1083/2006. Fil-fatt, peress li tali interessi moratorji ma jistgħux jiġu addebitati għall-baġit tal-Unjoni, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jibqgħu protetti. |
|
37 |
Fit-tieni lok, skont ġurisprudenza stabbilita sew, kull persuna kkonċernata li awtorità nazzjonali tkun imponiet fuqha l-ħlas ta’ taxxa, ta’ dazju, ta’ imposta jew ta’ ħlas ieħor bi ksur tad-dritt tal-Unjoni għandha d-dritt, bis-saħħa ta’ dan tal-aħħar, li tikseb mingħand din l-awtorità mhux biss ir-rimbors tas-somma flus li din tal-aħħar tkun irċeviet indebitament, iżda wkoll il-ħlas ta’ interessi sabiex tiġi kkumpensata l-indisponibbiltà ta’ din is-somma flus (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Telekom, C‑221/22 P, EU:C:2024:488, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Konsegwentement, meta jkunu nġabru, minn awtorità nazzjonali, somom ta’ flus bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, dawn għandhom jitħallsu lura u dan il-ħlas lura għandu jiżdied bl-interessi li jkopru l-perijodu kollu mid-data tal-ħlas ta’ dawn is-somom ta’ flus sad-data tal-ħlas lura tagħhom, liema ħlas lura bl-interessi jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Telekom, C‑221/22 P, EU:C:2024:488, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-prinċipju japplika fil-każ fejn is-somom ta’ flus inkwistjoni jkunu jikkorrispondu għal ħlasijiet lura għall-esportazzjoni (export refunds) li, wara li l-awtoritajiet ikkonċernati jkunu rrifjutaw milli jagħtu dawn il-ħlasijiet lura lil persuna kkonċernata bi ksur ta’ dan id-dritt, dawn il-ħlasijiet lura jingħatawlha tard (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Gräfendorfer Geflügel‑ und Tiefkühlfeinkost Produktions et, C‑415/20, C‑419/20 u C‑427/20, EU:C:2022:306, punt 59). Issa, din is-sitwazzjoni hija paragunabbli ma’ dik tal-benefiċjarju ta’ finanzjament mill-FEŻR li jkun ġie mċaħħad, matul perijodu ta’ żmien partikolari, minn somom ta’ flus li jikkorrispondu għal infiq eliġibbli li għalihom huwa kien ikun intitolat minħabba d-dewmien fil-ħlas ta’ dawn is-somom bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. |
|
40 |
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 1083/2006 jobbliga, l-ewwel nett, lill-Istati Membri jaraw li l-awtoritajiet ta’ ġestjoni jiżguraw li l-benefiċjarji jirċievu l-ammont totali tal-kontribuzzjoni pubblika fl-iqsar żmien possibbli u fl-intier tiegħu. It-tieni nett, dan l-artikolu jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jnaqqsu mill-ammonti mogħtija lill-benefiċjarji jew milli jżommu minn dawn l-ammonti, kif ukoll milli jimponu kwalunkwe ħlas speċifiku ieħor jew ħlas ieħor b’effett ekwivalenti li jnaqqas dawn l-ammonti għall-benefiċjarji. |
|
41 |
Mill-premess jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-benefiċjarju ta’ kontribuzzjoni pubblika mill-FEŻR ikun ġie indebitament imċaħħad minn somma flus li kienet dovuta lilu, dan il-benefiċjarju għandu dritt għall-ħlas ta’ interessi moratorji mid-data li fiha l-awtorità ta’ ġestjoni kellha tħallas lill-benefiċjarju din is-somma, u, minflok ma ħallset din is-somma, xoljiet il-kuntratt ta’ finanzjament, liema xoljiment ġie sussegwentement annullat, b’effett ex tunc, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li saret definittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ April 2022, Gräfendorfer Geflügel‑ und Tiefkühlfeinkost Produktions et, C‑415/20, C‑419/20 u C‑427/20, EU:C:2022:306, punt 75, u tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Telekom, C‑221/22 P, EU:C:2024:488, punt 61). |
|
42 |
Kif tfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, dan id-dritt għall-ħlas tal-interessi għandu l-għan li jikkumpensa l-indisponibbiltà tas-somma flus li l-benefiċjarju kkonċernat ikun ġie indebitament imċaħħad minnha. Dan il-kumpens jista’ jsir, skont il-każ, b’osservanza tar-regoli previsti fil-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni jew, fin-nuqqas ta’ tali leġiżlazzjoni, b’osservanza ta’ dawk li japplikaw taħt id-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Gräfendorfer Geflügel‑ und Tiefkühlfeinkost Produktions et, C‑415/20, C‑419/20 u C‑427/20, EU:C:2022:306, punti 70 u 71). |
|
43 |
F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprevedu l-ħlas ta’ interessi moratorji f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha tiddetermina, kemm abbażi tal-għan kif ukoll tal-elementi essenzjali tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-interessi moratorji li hija ssemmi fit-talba għal deċiżjoni preliminari, dawk li l-applikazzjoni tagħhom tkun aħjar sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-prinċipju ġenerali ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu, imfakkar fil-punti 37 sa 39 ta’ din is-sentenza. Ir-regoli proċedurali li jirregolaw ir-rikorsi intiżi sabiex jinkiseb il-ħlas ta’ interessi la għandhom ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet simili fid-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom ikunu strutturati b’mod li jagħmlu impossibbli fil-prattika jew diffiċli ħafna l-eżerċizzju tad-dritt għal dan il-ħlas iggarantit mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1976, Rewe‑Zentralfinanz u Rewe‑Zentral, 33/76, EU:C:1976:188, punt 6; tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punti 26 u 27, kif ukoll tat‑28 ta’ April 2022, Gräfendorfer Geflügel‑ und Tiefkühlfeinkost Produktions et, C‑415/20, C‑419/20 u C‑427/20, EU:C:2022:306, punt 74). |
|
44 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk huwiex rilevanti, abbażi tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, li jiġi applikat, f’dan il-każ, l-Artikolu 42 tad-DUG Nru 66/2011, għandu jiġi rrilevat, fid-dawl tal-informazzjoni fit-talba għal deċiżjoni preliminari, li dan l-artikolu jirregola l-irtirar ta’ vantaġġ finanzjarju li jkun tħallas indebitament minħabba irregolaritajiet fil-ksib u fl-użu tal-Fondi Ewropej jew tal-Fondi pubbliċi nazzjonali relatati magħhom. |
|
45 |
Issa, kif proprju fakkret il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub li hija ppreżentat f’din il-kawża, il-fatt li jiġi invokat il-prinċipju ta’ ekwivalenza jippreżupponi li r-regola inkwistjoni tapplika mingħajr distinzjoni għall-azzjonijiet ibbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk ibbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali li jkollhom petitum u causa petendi simili. Konsegwentement, regola nazzjonali intiża li tissanzjona biss ksur tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tikkostitwixxi l-bażi xierqa tal-paragun sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dan il-prinċipju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 1998, Levez, C‑326/96, EU:C:1998:577, punti 41 u 48, u tas‑16 ta’ Mejju 2000, Preston et, C‑78/98, EU:C:2000:247, punti 52 u 55). |
|
46 |
Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-Artikolu 42 tad-DUG Nru 66/2011 jipprevedi l-ħlas ta’ interessi fil-każ fejn il-ħlas lura tal-vantaġġ finanzjarju ma jsirx fit-terminu legali ta’ 30 jum li jibdew jiddekorru mill-mument li fih jiġi kkomunikat it-titolu ta’ dejn. F’ċirkustanzi bħal dawn, bla ħsara tal-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jkun ta’ ħsara għad-drittijiet tal-benefiċjarju kkonċernat għar-rimbors tas-somom ta’ flus li jikkorrispondu għal infiq eliġibbli u għall-ħlas ta’ interessi ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu twassal sabiex ma jittiħidx inkunsiderazzjoni dan il-perijodu ta’ 30 jum bħala perijodu rilevanti għall-kalkolu tal-interessi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Gräfendorfer Geflügel‑ und Tiefkühlfeinkost Produktions et, C‑415/20, C‑419/20 u C‑427/20, EU:C:2022:306, punti 75 u 76). |
|
47 |
Fid-dawl tar-raġunijiet premessi, ir-risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba msemmi fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1083/2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix il-ħlas ta’ interessi moratorji minħabba l-ħlas tardiv, mill-awtorità ta’ ġestjoni, ta’ somom ta’ flus li jikkorrispondu għal infiq eliġibbli taħt il-FEŻR. Mill-banda l-oħra, il-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi interpretat, fid-dawl tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 1083/2006, fis-sens li jipprekludi li l-ħlas ta’ dawn l-interessi jiġi eskluż skont dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jimponu l-ħlas ta’ interessi moratorji biss mill-mument li fih jiskadi t-terminu għall-ħlas lura ta’ somma li tkun tħallset indebitament. |
Fuq it‑tieni domanda
|
48 |
Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jitqies li, permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tal-punt 7 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 98(1) u (2) tar-Regolament Nru 1083/2006, moqrija flimkien, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li qorti nazzjonali tnaqqas, minħabba “irregolaritajiet”, fis-sens ta’ dan il-punt 7 tal-Artikolu 2, identifikati waqt l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ finanzjament, l-ammont tal-interessi moratorji dovuti lill-benefiċjarju ta’ finanzjament mill-FEŻR minħabba ħlas tardiv, mill-awtorità ta’ ġestjoni, tal-infiq eliġibbli taħt dan il-finanzjament, fil-każ fejn din l-awtorità ta’ ġestjoni ma tkun applikat ebda korrezzjoni finanzjarja f’dan ir-rigward. |
|
49 |
Fl-ewwel lok, il-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1083/2006 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “irregolarità” bħala kull ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta minn att jew ommissjoni ta’ operatur ekonomiku li għandhom, jew li jista’ jkollhom, l-effett li jkunu ta’ ħsara għall-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni billi tiġi addebitata nefqa indebita għal dan il-baġit ġenerali. Mill-kliem stess tal-punt 7 tal-Artikolu 2 jirriżulta li huwa biss ksur li “għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett” li jkun ta’ ħsara għall-imsemmi baġit ġenerali tal-Unjoni li jista’ jiġi kklassifikat bħala “irregolarità”. |
|
50 |
Fit-tieni lok, mill-Artikolu 98(1) u (2) tar-Regolament Nru 1083/2006 jirriżulta li huma l-Istati Membri li għandhom jinvestigaw l-irregolaritajiet, individwali u sistematiċi, kif ukoll li japplikaw korrezzjonijiet finanzjarji b’rabta mal-irregolaritajiet identifikati fl-operazzjonijiet jew fil-programmi operattivi. Dawn il-korrezzjonijiet jikkonsistu fl-annullament totali jew parzjali tal-kontribuzzjoni pubblika għall-programm operattiv, b’applikazzjoni ta’ kriterji relatati man-natura tal-irregolaritajiet, mal-gravità tagħhom, kif ukoll mat-telf finanzjarju għall-Fond ikkonċernat kaġun ta’ dan. Dawn il-kriterji huma espressjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, ANAS, C‑545/21, EU:C:2023:451, punti 42 u 43). |
|
51 |
Dan ifisser li l-Artikolu 98(1) u (2) tar-Regolament Nru 1083/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ “irregolarità”, kif iddefinita fil-punt 7 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, jobbliga lill-Istati Membri, sabiex tiġi ddeterminata l-korrezzjoni finanzjarja applikabbli, iwettqu evalwazzjoni każ b’każ b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-imsemmija kriterji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, ANAS,C‑545/21, EU:C:2023:451, punt 49). |
|
52 |
Fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, id-dmir tal-Istati Membri, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, li jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, jorbot lill-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inkluż, fi ħwejjeġ li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tagħhom, lill-awtoritajiet ġudizzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2000, Engelbrecht, C‑262/97, EU:C:2000:492, punt 38, u tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Elektrorazpredelenie Yug, C‑31/18, EU:C:2019:868, punt 60). |
|
53 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk tnaqqis fl-interessi moratorji dovuti lill-benefiċjarju tal-finanzjament, skont il-prinċipju ġenerali ta’ rkupru ta’ ħlas indebitu, imfakkar fil-punti 37 sa 39 ta’ din is-sentenza, ikunx, fil-preżenza ta’ “irregolaritajiet” fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1083/2006, konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ippreċiżat fl-Artikolu 98(1) u (2) ta’ dan ir-regolament. |
|
54 |
Fid-dawl tar-raġunijiet premessi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tal-Artikolu 98(1) u (2) tar-Regolament Nru 1083/2006, moqrija flimkien, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li qorti nazzjonali tnaqqas, minħabba “irregolaritajiet”, fis-sens ta’ dan il-punt 7 tal-Artikolu 2, identifikati waqt l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ finanzjament u skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-ammont tal-interessi moratorji dovuti lill-benefiċjarju ta’ finanzjament mill-FEŻR minħabba ħlas tardiv, mill-awtorità ta’ ġestjoni, tal-infiq eliġibbli taħt dan il-finanzjament, fil-każ fejn din l-awtorità ta’ ġestjoni ma tkun applikat ebda korrezzjoni finanzjarja f’dan ir-rigward. |
Fuq ir‑raba’ domanda
|
55 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2011/7 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tapplika għal kuntratt ta’ finanzjament konkluż bejn awtorità ta’ ġestjoni ta’ Stat Membru u impriża li l-għan tagħha jkun il-kofinanzjament mill-FEŻR ta’ proġett ta’ xiri minn din l-impriża ta’ tagħmir mingħand terz. |
|
56 |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2011/7, din tal-aħħar għandha l-għan li tiġġieled kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, billi ittejjeb, b’dan il-mod, il-kompetittività tal-impriżi u, b’mod partikolari, tas-SMEs. L-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi li din tapplika għal kull ħlas magħmul bħala korrispettiv fi tranżazzjonijiet kummerċjali. |
|
57 |
Il-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet kummerċjali” huwa ddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva bħala “transazzjonijiet bejn l-intrapriżi jew bejn l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi li jwasslu għall-forniment ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi għar-remunerazzjoni”. |
|
58 |
Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi għalhekk żewġ kundizzjonijiet sabiex tranżazzjoni taqa’ taħt dan il-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet kummerċjali”. L-ewwel nett, din it-tranżazzjoni għandha ssir jew bejn impriżi, jew inkella bejn impriżi u l-awtoritajiet pubbliċi u, it-tieni nett, għandha twassal għall-kunsinna ta’ merkanzija jew għall-provvista ta’ servizzi bi ħlas (sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, RL (Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tardiv), C‑199/19, EU:C:2020:548, punt 24, kif ukoll tat‑13 ta’ Jannar 2022, New Media Development & Hotel Services, C‑327/20, EU:C:2022:23, punt 32). |
|
59 |
Huwa minnu li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/7 huwa ddefinit b’mod wiesa’ ħafna u jista’ jkopri tranżazzjoni kummerċjali li l-finanzjament tagħha jkun żgurat kompletament jew parzjalment minn riżorsi li ġejjin minn Fondi strutturali u mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2019, KROL, C‑722/18, EU:C:2019:1028, punt 32). Xorta jibqa’ l-fatt, però, li, sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet kummerċjali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, tranżazzjoni għandha effettivament twassal għal kunsinna ta’ merkanziji jew għal provvista ta’ servizzi, anki jekk din ma tkunx intiża li twettaq tali kunsinna jew tali provvista (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Techbau, C‑299/19, EU:C:2020:937, punt 44). |
|
60 |
F’dan il-każ, sa fejn il-kuntratt ta’ finanzjament, li jkollu bħala għan il-kofinanzjament, mill-FEŻR, ta’ proġett ta’ xiri ta’ tagħmir mingħand terz, ma jinvolvix il-kunsinna ta’ oġġett jew il-provvista ta’ servizz, minn AA, lill-awtorità ta’ ġestjoni kkonċernata, dan il-kuntratt huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/7. |
|
61 |
Fid-dawl tar-raġunijiet premessi, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li d-Direttiva 2011/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma tapplikax għal kuntratt ta’ finanzjament konkluż bejn awtorità ta’ ġestjoni ta’ Stat Membru u impriża li għandha bħala għan il-kofinanzjament, mill-FEŻR, ta’ proġett ta’ xiri minn din l-impriża ta’ tagħmir mingħand terz. |
Fuq l‑ispejjeż
|
62 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.