Kawża C‑697/22 P

Koiviston Auto Helsinki Oy, li kienet Helsingin Bussiliikenne Oy

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tad‑29 ta’ Lulju 2024

“Appell – Għajnuna mill-Istat – SA.33846 (2015/C) (ex 2014/NN) (ex 2011/CP) – Element rilevanti sussegwenti għall-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Identifikazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna – Obbligu li tiġi ppubblikata deċiżjoni ta’ ftuħ li temenda – Dritt tal-benefiċjarju tal-għajnuna li jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu – Formalità essenzjali – Inkompatibbiltà mas-suq intern – Irkupru tal-għajnuna ordnata mill-Kummissjoni Ewropea – Ammont li għandu jiġi rkuprat – Kompetenza tal-Istat Membru kkonċernat”

  1. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Proċedura amministrattiva – Obbligu tal-Kummissjoni li tintima lill-persuni interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom – Formalità essenzjali – Portata – Obbligu tal-Kummissjoni li tiġbor fil-qosor il-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Impriża benefiċjarja tal-għajnuna identifikata fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali li sussegwentement ġiet akkwistata minn kumpannija oħra – Deċiżjoni finali li testendi l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna għall-kumpannija akkwirenti minħabba l-kontinwità ekonomika – Obbligu għall-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni ta’ rettifika jew ta’ estensjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali li tħabbar din l-estensjoni tal-obbligu ta’ rkupru

    (Artikolu 108(2) TFUE; Regolament tal-Kunsill 2015/1589, Artikolu 6(1))

    (ara l-punti 45 sa 56, 60 u 61)

  2. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Irkupru ta’ għajnuna illegali – Stabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

    (Artikolu 108 TFUE)

    (ara l-punti 79 u 80)

  3. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Irkupru ta’ għajnuna illegali – Determinazzjoni tad-debitur fil-każ ta’ trasferiment tal-attivi – Impriża benefiċjarja tal-għajnuna li ġiet akkwistata minn kumpannija oħra matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Estensjoni tal-obbligu ta’ rkupru għall-kumpanija akkwirenti fil-każ ta’ kontinwità ekonomika – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Portata – Rimbors tal-għajnuna limitata għall-ammont tal-vantaġġ kompetittiv effettivament miżmum mill-kumpannija akkwirenti

    (Artikolu 108(2) TFUE)

    (ara l-punt 81)

  4. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Irkupru ta’ għajnuna illegali – Kalkolu tal-ammont li għandu jiġi rkuprat – Possibbiltà għall-Kummissjoni li tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali l-kompitu li jikkalkolaw l-ammont preċiż li għandu jiġi rkuprat – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

    (Artikolu 108 TFUE)

    (ara l-punti 83 sa 85)

  5. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Proċedura amministrattiva – Obbligu tal-Kummissjoni li tintima lill-persuni interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom – Formalità essenzjali – Portata – Obbligu tal-Kummissjoni li tiġbor fil-qosor il-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Ksur – Konsegwenza – Annullament tad-deċiżjoni adottata fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali

    (Artikolu 108(2) TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

    (ara l-punt 92)

Sunt

Billi laqgħet l-appell ippreżentat minn Koiviston Auto Helsinki Oy (li kienet Helsingin Bussiliikenne Oy) mis-sentenza Helsingin Bussiliikenne vs Il‑Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) ( 1 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat l-obbligi proċedurali imposti fuq il-Kummissjoni Ewropea, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, fir-rigward ta’ entità li tkompli l-attività ekonomika tal-benefiċjarju inizjali ta’ għajnuna mill-Istat u li, b’applikazzjoni tal-kriterju tal-kontinwità ekonomika, hija suġġetta għall-obbligu li tirrimborsa l-għajnuna. Barra minn hekk, hija tat deċiżjoni dwar ir-rwoli rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Istat Membru kkonċernat fil-kwantifikazzjoni tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata mingħand iċ-ċessjonarju tal-attivi tal-benefiċjarju tal-għajnuna. Il-kumpannija Helsingin Bussiliikenne (iktar ’il quddiem l-“ex HelB”), li kienet 100 % il-proprjetà tal-Belt ta’ Ħelsinki (il-Finlandja), kienet topera rotot tal-karozzi tal-linja fir-reġjun ta’ Ħelsinki u kienet toffri servizzi tat-trasport charter u ta’ kiri tal-karozzi tal-linja. F’Diċembru 2015, l-ex HelB inbiegħet lill-kumpannija Viikin Linja Oy. Skont it-termini tal-att ta’ bejgħ, din ingħatat l-isem ġdid ta’ Helsingin Bussiliikenne Oy (iktar ’il quddiem il-“HelB il-ġdida”).

Adita b’ilment, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar diversi krediti għal tagħmir u għall-operat mogħtija mill-Belt ta’ Ħelsinki, matul is-snin 2002 sa 2012, favur l-ex HelB u l-predeċessur tagħha HKL-Bussiliikenne (iktar ’il quddiem il-“miżuri kontenzjużi”). Id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ dik il-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl‑10 ta’ April 2015 ( 2 ) u l-partijiet interessati ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien xahar minn din il-pubblikazzjoni. Il-Kummissjoni, informata f’Ġunju 2015 bit-trasferiment imminenti tal-ex HelB lill-HelB il-ġdida, ma rċevietx osservazzjonijiet min-naħa ta’ din tal-aħħar.

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Ġunju 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) ( 3 ), il-Kummissjoni kkonstatat li l-miżuri kontenzjużi kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern li r-Repubblika tal-Finlandja kienet obbligata tirkupra mingħand il-benefiċjarju. Peress li qieset li kien hemm kontinwità ekonomika bejn l-ex HelB u l-HelB il-ġdida, il-Kummissjoni estendiet l-obbligu li tiġi rrimborsata l-għajnuna illegali lil din tal-aħħar.

Peress li r-rikors tal-HelB il-ġdida kontra d-deċiżjoni kontenzjuża ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar appellat mis-sentenza ta’ din tal-aħħar.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali sa fejn din tal-aħħar iddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx kisret formalità essenzjali meta naqset milli tqiegħed lill-HelB il-ġdida f’pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-għajnuna kontenzjuża.

Skont l-appellanti, il-Kummissjoni kienet obbligata, wara t-trasferiment tal-ex HelB, tirrettifika jew tikkompleta d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, peress li dan it-trasferiment kien element ġdid li ma kienx jinsab fl-imsemmija deċiżjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet billi fakkret li, bis-saħħa tal-Artikolu 108(2) TFUE, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura ta’ għajnuna, hija għandha tagħti lill-partijiet interessati l-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Dan l-obbligu għandu n-natura ta’ formalità essenzjali, peress li jikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali ta’ proċedura intrinsikament marbuta mal-formazzjoni jew mal-espressjoni korretta tar-rieda tal-awtur tal-att. F’dan ir-rigward, il-pubblikazzjoni ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tikkostitwixxi mezz adegwat sabiex il-partijiet interessati kollha jsiru jafu bil-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali u sabiex tinkiseb, mingħand dawn tal-aħħar, l-informazzjoni kollha intiża sabiex il-Kummissjoni jkollha għarfien ċar fl-azzjoni futura tagħha.

Madankollu, sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu f’pożizzjoni li jippreżentaw b’mod utli l-osservazzjonijiet tagħhom, id-deċiżjoni ppubblikata għandha ssemmi espliċitament u b’mod ċar il-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, kif previst fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589 ( 4 ). Dawn l-elementi huma dawk li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali jkollha l-għan li teżamina fid-dawl tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali li permezz tagħha l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar l-eżistenza u l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni, kif ukoll, jekk ikun il-każ, dwar l-obbligu ta’ rkupru ta’ din l-għajnuna.

Meta l-punti rilevanti ta’ fatt jew ta’ liġi jkunu seħħew wara d-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, bħal, f’dan il-każ, it-trasferiment tal-ex HelB lill-HelB il-ġdida, l-obbligu tal-Kummissjoni jkun issodisfatt biss bil-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ addizzjonali. Għalhekk, billi kienet naqset milli tadotta tali deċiżjoni, il-Kummissjoni kisret formalità essenzjali.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat l-aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tiddetermina sa fejn l-għajnuna mill-Istat li kienet tirriżulta mill-miżuri kontenzjużi kellha tiġi rkuprata mingħand il-HelB il-ġdida.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-irkupru ta’ għajnuna illegali huwa intiż sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti u jista’ jitqies li huwa miżura sproporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat biss jekk l-ammont li l-benefiċjarju tagħha jkollu jirrimborsa jkun ogħla mill-ammont aġġornat tal-għajnuna li kien irċieva.

Meta l-kumpannija benefiċjarja tal-għajnuna illegali tkun ġiet akkwistata minn kumpannija oħra li kompliet l-attività ekonomika tagħha, din l-għajnuna jkollha tiġi rkuprata mingħand din tal-aħħar meta jiġi stabbilit li hija kellha effettivament tgawdi mill-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju tal-imsemmija għajnuna. F’dan il-każ, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jillimita l-obbligu ta’ rimbors għall-ammont tal-vantaġġ kompetittiv li hija kienet effettivament żammet.

F’dan il-każ, għalkemm il-Kummissjoni kienet ikkonstatat, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-kontinwità ekonomika bejn l-ex HelB u l-HelB il-ġdida u minn dan kienet iddeduċiet li l-obbligu ta’ rimbors tal-għajnuna illegali kellu jiġi estiż għal din tal-aħħar, hija ma ddeċidietx dwar l-ammont totali tal-għajnuna mogħtija lill-ex HelB, li l-HelB il-ġdida effettivament baqgħet tgawdi minnha. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, bħall-Qorti Ġenerali, li kienet teżisti differenza bejn il-konstatazzjoni tal-kontinwità ekonomika u d-determinazzjoni tal-proporzjon li fih l-irkupru tal-għajnuna illegali kellu jsir mingħand il-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li kienet ir-Repubblika tal-Finlandja li kellha tiddetermina l-ammont tal-għajnuna mill-Istat li kellu jiġi rkuprat mingħand il-HelB il-ġdida.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza appellata kif ukoll id-deċiżjoni kontenzjuża, peress li l-ksur tal-formalità essenzjali kkonstatat fil-kuntest tal-ewwel aggravju kien wassal għall-annullament tal-att ipso jure.


( 1 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Settembru 2022, Helsingin Bussiliikenne vs Il‑Kummissjoni (T‑603/19, EU:T:2022:555).

( 2 ) Deċiżjoni C(2015) 80 final tas‑16 ta’ Jannar 2015 dwar il-miżura SA.33846 (2015/C) (ex 2014/NN) (ex 2011/CP) – Finlandja – Helsingin Bussiliikenne Oy (ĠU 2015, C 116, p. 22).

( 3 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1814 tat‑28 ta’ Ġunju 2019 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33846 – (2015/C) (ex 2014/NN) (ex 2011/CP) implimentata mill-Finlandja għal Helsingin Bussiliikenne Oy (ĠU 2020, L 404, p. 10).

( 4 ) Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).