Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

30 ta’ Mejju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Fornituri ta’ servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni – Obbligu ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru tal-operaturi ta’ komunikazzjoni – Obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni fuq l-istruttura u l-organizzazzjoni – Obbligu li titħallas kontribuzzjoni finanzjarja – Direttiva 2000/31/KE – Qasam ikkoordinat – Prinċipju ta’ kontroll fl-Istat Membru ta’ oriġini – Derogi – Kunċett ta’ ‘miżuri meħuda fil-konfront ta’ servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni’ – Regolament (UE) 2019/1150 – Għan”

Fil-Kawżi magħquda C‑664/22 u C‑666/22,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑10 ta’ Ottubru 2022, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Ottubru 2022, fil-proċeduri

Google Ireland Ltd (C‑664/22),

Eg Vacation Rentals Ireland Ltd (C‑666/22)

vs

Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl (Relatur), J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Google Ireland Ltd, minn M. Siragusa, R. Tremolada, S. Valentino u M. Zotta, avvocati,

–        għal Eg Vacation Rentals Ireland Ltd, minn P Actis Perinetto, F. Brunetti, C. Osti u A. Vitale, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Delbono u R. Guizzi, avvocati dello Stato,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, T. Suchá u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn M. Browne, Chief State Solicitor, A. Joyce u M. Tierney, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati, M. Escobar Gómez, S. L. Kalėda u L. Malferrari, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Jannar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (ĠU 2019, L 186, p. 57), tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399), tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1), tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), kif ukoll tal-Artikolu 56 TFUE.

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, fil-Kawża C‑664/22, Google Ireland Ltd (iktar ’il quddiem “Google”), kumpannija rregolata mid-dritt Irlandiż, u, fil-Kawża C‑666/22, Eg Vacation Rentals Ireland Ltd (iktar ’il quddiem “EGVR”), kumpannija rregolata mid-dritt Irlandiż, u l-Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (l-Awtorità Garanti fil-Qasam tal-Komunikazzjoni, l-Italja, iktar ’il quddiem l-“AGCOM”) dwar miżuri adottati minn din tal-aħħar fil-konfront tal-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u ta’ magni tat-tiftix online.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IrRegolament 2019/1150

3        Il-premessi 3, 7, 8 u 51 tar-Regolament 2019/1150 jistipulaw:

“(3)      Il-konsumaturi laqgħu tajjeb l-użu tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online. Huwa essenzjali li jkun hemm ekosistema online li tkun kompetittiva, ġusta u trasparenti, li fiha l-kumpaniji jġibu ruħhom bmod responsabbli, għal finijiet tal-benesseri tal-konsumaturi. L-iżgurar tat-trasparenza ta u l-fiduċja fl-ekonomija tal-pjattaformi online frelazzjonijiet bejn negozju u ieħor, jista wkoll jgħin bmod indirett biex titjieb il-fiduċja tal-konsumaturi fl-ekonomija tal-pjattaformi online. Madankollu, l-impatti diretti tal-iżvilupp tal-ekonomija tal-pjattaformi online fuq il-konsumaturi huma indirizzati minn liġi oħra tal-Unjoni, speċjalment l-acquis tal-konsumatur.

[…]

(7)      Jenħtieġ li jiġu stabbiliti sett ta regoli obbligatorji fil-livell ta Unjoni [Ewropea] biex jiżguraw ambjent ta negozju online ġust, prevedibbli, sostenibbli u affidabbli fis-suq intern. Bmod partikolari, l-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online jenħtieġ li jkollhom it-trasparenza xierqa, kif ukoll il-possibbiltajiet ta rimedju effettiv, mal-Unjoni kollha sabiex jiġi ffaċilitat in-negozju transfruntier fi ħdan l-Unjoni u bhekk jittejjeb il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u sabiex tiġi indirizzata l-frammentazzjoni emerġenti possibbli fl-oqsma speċifiċi koperti b’dan ir-Regolament.

(8)      Dawk ir-regoli jenħtieġ li jipprovdu wkoll inċentivi xierqa biex jiġu promossi l-korrettezza u t-trasparenza, speċjalment fejn jidħol l-ikklassifikar tal-utenti ta siti web korporattivi fir-riżultati ta’ tiftix iġġenerati mill-magni tat-tiftix online. [...]

[…]

(51)      Minħabba li l-għan ta dan ir-Regolament, jiġifieri li jkun żgurat ambjent ta’ negozju online ġust, prevedibbli, sostenibbli u affidabbli fi ħdan is-suq intern, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 [TUE]. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fdak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.”

4        Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament:

“1.      L-għan ta dan ir-Regolament huwa li jikkontribwixxi għall-funzjonament xieraq tas-suq intern billi jistabbilixxi regoli li jiżguraw li l-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online u l-utenti ta siti web korporattivi fir-rigward tal-magni tat-tiftix online jingħataw trasparenza xierqa, korrettezza u possibbiltajiet ta rimedju effettiv.

2.      Dan ir-Regolament għandu japplika għas-servizzi tal-intermedjazzjoni online u tal-magni tat-tiftix online mogħtija, jew offruti biex jingħataw, lill-utenti kummerċjali u lill-utenti ta siti web korporattivi rispettivament, li l-post tal-istabbiliment jew tar-residenza tagħhom ikun fl-Unjoni u li, permezz ta’ dawk is-servizzi tal-intermedjazzjoni online jew permezz tal-magni tat-tiftix online, joffru prodotti jew servizzi lil konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni, irrispettivament mill-post tal-istabbiliment jew tar-residenza tal-fornituri ta dawk is-servizzi u irrispettivament mil-liġi li kieku tkun applikabbli.

[…]

5.      Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni, bmod partikolari l-liġi tal-Unjoni applikabbli fl-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fmaterji ċivili, il-kompetizzjoni, il-protezzjoni tad-data, il-protezzjoni ta sigrieti kummerċjali, il-ħarsien tal-konsumatur, il-kummerċ elettroniku u s-servizzi finanzjarji.”

5        Il-punti (1) u (7) tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jipprovdu:

“Għall-finijiet ta dan ir-Regolament, japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

1)      ‘utent kummerċjali’ tfisser kwalunkwe individwu privat li jaġixxi fkapaċità kummerċjali jew professjonali li, jew kwalunkwe persuna ġuridika li, permezz tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online toffri prodotti jew servizzi lill-konsumaturi tagħha, għal finijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha;

[…]

7)      ‘utent ta sit web korporattiv’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tuża interfaċċa online, jiġifieri kwalunkwe software, inkluż sit web jew parti minnu u applikazzjonijiet, inklużi applikazzjonijiet mobbli, biex toffri prodotti jew servizzi lill-konsumaturi, għal finijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha”.

 IdDirettiva 2000/31

6        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/31:

“1.      Din id-Direttiva tfittex li tikkontribwixxi għal funzjonament sewwa tas-suq intern billi tassigura l-moviment liberu bejn l-Istati Membri ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni.

[…]

5.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika fil-:

a)      qasam tat-tassazzjoni;

[…]”

7        L-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, dawn it-termini li ġejjin għandu jkollhom dawn it-tifsiriet:

[…]

h)      ‘qasam ikkordinat’: ħtiġijiet stipulati fis-sistemi legali ta’ Stati Membri applikabbli għal min jipprovdi servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jew għas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, independentement minn jekk dawn ikunux ta’ natura ġenerali jew iddisinjati speċifikament għalihom.

i)      Il-qasam ikkordinat jikkonċerna ħtiġijiet li magħhom dak li jipprovdi s-servizz għandu jkun konformi fir-rigward ta’:

–        il-bidu ta’ l-attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, bħal ma huma l-ħtiġijiet li jikkonċernaw kwalifiki, awtorizzazzjoni jew notifikazzjoni,

–        il-prattika ta’ l-attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, bħal ma huma ħtiġijiet li jikkonċernaw l-imġieba ta’ dak li jipprovdi servizzi, ħtiġijiet li jirrigwardaw il-kwalità jew kontenut tas-servizz inklużi dawk applikabbli għal reklamar u kuntratti, jew ħtiġijiet li jikkonċernaw ir-responsabbilità ta’ min jipprovdi s-servizz.

[…]”

8        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“1.      Kull Stat Membru għandu jassigura li s-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni provduti minn dak li jipprovdi servizz li jkun stabbilit fit-territorju tiegħu ikun konformi mad-disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru f’dak il-każ li huwa fil-qasam ikkordinat.

2.      L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.

[…]

4.      L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jidderogaw mill‑paragrafu 2 fir-rigward ta’ servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l‑informazzjoni jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu mwettqa:

a)      il-miżuri għandhom ikunu:

i)      meħtieġa għal waħda minn dawn ir-raġunijiet:

–        strateġija pubblika, partikolarment għal prevenzjoni, investigazzjoni, tkixxif u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inklużi il-protezzjoni ta’ minuri u tal-ġlieda kontra t-tixwix għall-mibegħda fuq il-bażi ta’ razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità, u vjolazzjonijiet tad‑dinjità umana li jikkonċernaw persuni ndividwali,

–        il-protezzjoni tas-saħħa pubblika,

–        is-sigurtà pubblika, inkluż is-salvagward tas-sigurtà nazzjonali u difiża,

–        il-protezzjoni ta’ konsumaturi, inklużi investituri;

ii)      meħuda kontra servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l‑informazzjoni mingħajr preġudizzju għall-għanijiet li hemm referenza għalihom f’punt (1) jew li jippreżentaw riskju serju u gravi għal dawk l-għanijiet;

iii)      proporzjonat għal dawk l-għanijiet.

b)      qabel ma jittieħdu l-miżuri f’dak il-każ u mingħajr preġudizzju għal proċess fil-qrati, inklużi proċedimenti prelimenari u atti mwettqa fil-qafas ta’ investigazzjoni kriminali, l-Istat Membru jkun:

–        talab lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 biex jieħu l-miżuri u dan ta’ l-aħħar ma jkunx ħa dawk il-miżuri, jew li dawn kienu inadegwati,

–        innotifika lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 bl-intenzjoni tiegħu li jieħu dawk il-miżuri.

[…]”

 IdDirettiva 2006/123

9        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/123 jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri tas-servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas-servizzi.”

10      Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva:

“Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jmorru kontra dispożizzjoni ta’ att Komunitarju ieħor li jirregola aspetti speċifiċi ta’ aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fis-setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi, id-dispożizzjoni ta’ l-att Komunitarju l-ieħor jipprevalu u għandhom japplikaw f’dawk is-setturi jew professjonijiet speċifiċi. [...]”

11      L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-fornituri li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti.

L-Istat Membru fejn ġie provdut is-servizz għandu jiżgura aċċess liberu u eżerċizzju liberu ta’ attività ta’ servizz fi ħdan it-territorju tiegħu.

L-Istati Membri m’għandhomx jagħmlu l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom soġġett għal konformità ma’ xi rekwiżit li ma jirrispettax il-prinċipji li ġejjin:

a)      non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżit m’għandux ikun diskriminatorju la direttament lanqas indirettament fir-rigward tan-nazzjonalità jew, f’każ ta’ persuni ġuridiċi, fir-rigward ta’ l-Istat Membru fejn huma stabbiliti;

b)      bżonn: il-bżonn għandu jkun ġusitifikat għal raġunijiet tal-politika pubblika, is-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent;

ċ)      proporzjonalità: ir-rekwiżit għandu jkun adatt biex jikseb l-objettivi mfittxa, u m’għandux imur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dan l-objettiv.

2.      L-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw il-libertà għall-provvista ta’ servizzi f’każ ta’ fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor billi jimponu xi wieħed minn dawn ir-rekwiżiti li ġejjin:

[…]

b)      obbligu fuq il-fornitur li jikseb awtorizzazzjoni mill-awtoritjiet kompetenti tagħhom li jinkludi d-dħul fir-reġistru jew reġistrazzjoni ma’ korp jew assoċjazzjoni professjonali fit-territorju tagħhom, ħlief fejn previst f’din id-Direttiva jew strumenti oħrajn tal-liġi Komunitarja;

[…]”

 IdDirettiva 2015/1535

12      L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2015/1535 jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)      ‘servizz’ tfisser kull servizz tas-Soċjetà tal-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

[…]

(e)      ‘regola dwar is-servizzi’ tfisser ħtieġa ta’ natura ġenerali li għandha x’taqsam mal-bidu u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ servizzi fit-tifsira tal-punt (b), b’mod partikolari id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fornitur tas-servizz, is-servizzi u r-riċevitur tas-servizzi, għajr kull regola li mhijiex speċifikament immirata lejn is-servizzi definiti f’dak il-punt.

[…]

(f)      ‘regolament tekniku’ tfisser speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi relevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 7, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz.

[…]”

13      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Soġġetti għall-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam mal-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawk ir-raġunijiet ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.”

 Iddritt Taljan

 IlLiġi Nru 249/97

14      Il-legge n. 249 – Istituzione dell’Autorità per le garanzie nelle comunicazioni e norme sui sistemi delle telecomunicazioni e radiotelevisivo (il-Liġi Nru 249 li Tistabbilixxi l-Awtorità għall-Protezzjoni tal‑Komunikazzjonijiet u li Twaqqaf Standards dwar is-Sistemi ta’ Telekomunikazzjoni u tar-Radjuteleviżjoni) tal‑31 ta’ Lulju 1997 (Suppliment Ordinarju fil-GURI Nru 177 tal‑31 ta’ Lulju 1997), kif emendata bil-legge n. 178 – Bilancio di previsione dello Stato per l’anno finanziario 2021 e bilancio pluriennale per il triennio 2021‑2023 (il-Liġi Nru 178 - Estimi baġitarji tal-Istat għas-sena finanzjarja 2021 u baġit pluriannwali għall-perijodu ta’ tliet snin mill‑2021 sal‑2023) tat‑30 ta’ Diċembru 2020 (Suppliment Ordinarju fil-GURI Nru 322 tat‑30 ta’ Diċembru 2020) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 249/97”) tipprevedi, fil-punt (5) tal-Artikolu 1(6)(a) u fil-punt 14-bis tal-Artikolu 1(6)(c):

“Ir-responsabbiltajiet tal-[AGCOM] huma identifikati kif ġej:

a)      il-Kumitat għall-Infrastruttura u n-Networks għandu jwettaq il-funzjonijiet li ġejjin:

[…]

5)      jiżgura ż-żamma tar-reġistru tal-operaturi ta’ komunikazzjoni [(iktar ’il quddiem ir-“ROC”)] li miegħu huma obbligati jirreġistraw, skont din il-liġi, […] il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u ta’ muturi ta’ tfittxija online li joffru servizzi fl-Italja, anki jekk ma humiex stabbiliti hemmhekk […]. [Huwa] għandu jadotta regolament li jirrigwarda speċifikament l-organizzazzjoni u ż-żamma tar-[ROC] u d-definizzjoni tal-kriterji sabiex jiġi ddeterminat [liema huma] l-persuni li huma obbligati jirreġistraw ruħhom minbarra dawk diġà inklużi fir-[ROC] fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi;

[…]

c)      il-Kunsill:

[…]

14-bis)      għandu jiżgura l-applikazzjoni adegwata u effettiva tar-Regolament [2019/1150], b’mod partikolari bl-adozzjoni ta’ linji gwida, il-promozzjoni ta’ kodiċi ta’ kondotta u l-ġbir ta’ informazzjoni rilevanti”.

15      L-Artikolu 1(31) tal-Liġi Nru 249/97 jipprovdi:

“Il-persuni li ma josservawx l-ordnijiet u l-intimazzjoni tal-[AGCOM], maħruġa skont din il-liġi, huma suġġetti għal multa […]. Jekk in-nuqqas ta’ osservanza jkun jikkonċerna l-miżuri meħuda f’dak li jirrigwarda l-ksur tar-regoli dwar il-pożizzjonijiet dominanti jew skont ir-Regolament [2019/1150], kull persuna kkonċernata għandha tingħata multa li la tista’ tkun inqas minn 2 % u lanqas iktar minn 5 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ dik il-persuna fl-aħħar sena finanzjarja magħluqa qabel il-komunika [tal-komunikazzjoni dwar dan in-nuqqas ta’ osservanza] […]”

 IlLiġi Nru 266 tat23 ta’ Diċembru 2005

16      L-Artikolu 1(66-bis) tal-legge n. 266 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2006) (il-Liġi Nru 266 li Timplimenta Dispożizzjonijiet għall-Formazzjoni tal-Baġit Annwali u Pluriannwali tal-Istat (il-Liġi tal-Finanzi 2006)) tat‑23 ta’ Diċembru 2005 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 302 tad‑29 ta’ Diċembru 2005), kif emendata bil-Liġi Nru 178 tat‑30 ta’ Diċembru 2020, jipprevedi:

“Għas-sena 2021, l-ammont tal-kontribuzzjoni li għandha titħallas mill-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u ta’ muturi ta’ tfittxija online msemmija fil-punt 5 tal‑Artikolu 1(6)(a) tal-Liġi [Nru 249/97] huwa stabbilit għal 1.5 għal kull elf tad-dħul iġġenerat fit-territorju nazzjonali, anki jekk dan huwa rreġistrat fil-karti tal-bilanċ tal-kumpanniji li għandhom s-sede tagħhom barra mill-pajjiż, u li huwa marbut mal-valur tal-produzzjoni li jidher fil-karta tal-bilanċ tas-sena finanzjarja ta’ qabel, jew, għall-entitajiet li ma humiex obbligati jistabbilixxu din il-karta tal-bilanċ, entrati ekwivalenti f’reġistri oħra ta’ kontabbiltà li jiċċertifikaw il-valur totali tal-produzzjoni. Għas-snin sussegwenti, kull bidla fil-livell u fil-modalitajiet tal-kontribuzzjoni tista’ tiġi stabbilita mill-[AGCOM] fil-limitu massimu ta’ 2 għal kull elf tad-dħul evalwat konformement mas-sentenza preċedenti.”

 IdDeċiżjoni Nru 666/08

17      Fis‑26 ta’ Novembru 2008, l-AGCOM adottat id-delibera n. 666/08/CONS – Regolamento per l’organizzazione e la tenuta del Registro degli operatori di comunicazione (id-Deċiżjoni Nru 666/08/CONS - Regolament li Jirregola l‑Organizzazzjoni u t-Tmexxija tar-Reġistru ta’ Operaturi fil-Qasam tal-Komunikazzjoni) (GURI Nru 25 tal‑31 ta’ Jannar 2009) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 666/08”).

18      Ir-Regolament li jirregola l‑organizzazzjoni u t-tmexxija tar-ROC (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-AGCOM dwar ir-ROC”), li jinsab fl-Anness A tad-Deċiżjoni Nru 666/08, jelenka, fl-Artikolu 2 tiegħu, il-kategoriji ta’ persuni li għandhom jirreġistraw fir-ROC.

19      Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-AGCOM dwar ir-ROC:

“1.      Il-persuni msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament għandhom jippreżentaw lill-[AGCOM] l-applikazzjoni [tagħhom] għar-reġistrazzjoni fir-[ROC]

[…]

3.      Il-persuni msemmija fl-Artikolu 2, kull waħda skont in-natura ġuridika tagħha, għandhom jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet dwar l-għanijiet tal-kumpannija, il-korp amministrattiv, l-istruttura tal-kumpannija u l-attività eżerċitata skont l-Anness B [tad-Deċiżjoni Nru 666/08].

[…]”

20      L-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Il-ksur ta’ dan ir-regolament huwa punibbli konformement mal-Artikolu 1(29) [sa] (32) tal-Liġi [Nru 249 tal‑31 ta’ Lulju 1997].”

21      L-Anness B tad-Deċiżjoni Nru 666/08 jirrigwarda d-dikjarazzjonijiet obbligatorji għall-finijiet tar-reġistrazzjoni fir-ROC.

 IdDeċiżjoni Nru 200/21

22      Fis‑17 ta’ Ġunju 2021, l-AGCOM adottat id-delibera n. 200/21/CONS – Modifiche alla delibera n. 666/08/CONS recante “regolamento per la tenuta del Registro degli Operatori di Comunicazione” a seguito dell’entrata in vigore della legge 30 dicembre 2020, n. 178 – Bilancio di previsione dello Stato per l’anno finanziario 2021 e bilancio pluriennale per il triennio 2021‑2023 (id-Deċiżjoni Nru 200/21/CONS li temenda d-Deċiżjoni Nru 666/08/CONS li tinkludi r-“regolament għaż-żamma tar-reġistru ta’ operaturi fil-qasam tal-komunikazzjoni” wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 178 tat‑30 ta’ Diċembru 2020 - Estimi baġitarji tal-Istat għas-sena finanzjarja 2021 u baġit pluriannwali għall-perijodu ta’ tliet snin mill‑2021 sal‑2023, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 200/2021”).

23      Skont il-preambolu tad-Deċiżjoni Nru 200/21:

“[…]

[fid-dawl tar-]Regolament 2019/1150 […] u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 1(2) [tiegħu] […]

[billi jitqies li] l-Liġi [Nru 178 tat‑30 ta’ Diċembru 2020] ipprevediet, b’applikazzjoni tar-Regolament 2019/1150, inter alia, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni fir-[ROC] għall-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u l-magni tat-tiftix online li joffru servizzi fl-Italja, anki jekk ma humiex stabbiliti hemmhekk […]”

24      L-Artikolu 1(1) ta’ dik id-deċiżjoni emenda l-lista li tinsab fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-AGCOM dwar ir-ROC sabiex jinkludi fih il-kategoriji ta’ persuni li ġejjin:

“[…]

m.      il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online: persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, anki jekk ma humiex stabbiliti jew residenti fit-territorju nazzjonali, jipprovdu jew jipproponu li jipprovdu servizzi ta’ intermedjazzjoni online, kif iddefiniti mir-Regolament 2019/1150, lill-impriżi utenti stabbiliti jew residenti fl-Italja;

n.      il-fornituri ta’ muturi ta’ tfittxija online: persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, anki jekk ma humiex stabbiliti jew residenti fit-territorju nazzjonali, jipprovdu jew jipproponu li jipprovdu mutur ta’ tfittxija online, kif iddefinit mir-Regolament 2019/1150, bit-Taljan jew lill-utenti stabbiliti jew residenti fl-Italja.

[…]”

25      L-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni emenda l-Anness B tad-Deċiżjoni Nru 666/08, b’mod partikolari billi daħħal it-test segwenti:

“[…]

Dikjarazzjonijiet dwar l-azzjonisti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, mill-operaturi ekonomiċi li jwettqu attivitajiet ta’ ċentri tat-telefonati, mill-persuni li jużaw indirettament riżorsi nazzjonali ta’ numerazzjoni u mill-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u mill-fornituri ta’ magni tat-tiftix online:

1.      Il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, l-operaturi ekonomiċi li jeżerċitaw l-attività ta’ ċentru tat-telefonati, il-persuni li jużaw indirettament ir-riżorsi nazzjonali tan-numerazzjoni, il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u l-fornituri ta’ magni tat-tiftix online, fil-forma ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju jew kooperattivi, għandhom jipproduċu, meta jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għar-reġistrazzjoni, dikjarazzjoni, imfassla skont il-mudelli 5/1/ROC, 5/2/ROC, 5/3/ROC u 5/4/ROC, li jkun fiha:

a)      l-indikazzjoni tal-kapital azzjonarju, tal-lista tas-soċji tagħhom u tas-sjieda tal-ishma tagħhom bi dritt tal-vot. Il-kumpanniji kkwotati fil-Borża għandhom jikkomunikaw biss l-ishma li għandhom drittijiet tal-vot ogħla minn 2 % tal-kapital azzjonarju, billi jindikaw għal kull waħda minnhom – permezz tal-mudell 5/5/ROC – l-ishma ta’ kontroll rispettivi […]

b)      l-indikazzjoni tal-kapital azzjonarju, tal-lista tas-soċji u taż-żamma tal-ishma tagħhom bi drittijiet tal-vot ogħla minn 2 % tal-kumpanniji li għandhom l-ishma jew l-ishma tal-kumpannija li għandha tiġi rreġistrata;

c)      l-indikazzjoni ta’ kwalunkwe titoli fiduċjarji, interpożizzjonijiet ta’ persuni jew l-eżistenza ta’ limiti oħra fuq l-azzjonijiet jew l-ishma tal-kumpanniji msemmija fil-punti (a) u (b).

2.      Il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, l-operaturi ekonomiċi li jeżerċitaw l-attività ta’ ċentru tat-telefonati, il-persuni li jużaw indirettament ir-riżorsi nazzjonali tan-numerazzjoni, il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u l-fornituri ta’ magni tat-tiftix online, fil-forma ta’ soċjetà, għandhom jipproduċu, meta jippreżentaw l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, dikjarazzjoni, imfassla skont il-mudell 5/3/ROC, li tindika l-lista ta’ soċji tagħhom.”

 Ilkawżi prinċipali u ddomandi preliminari

26      Google toffri servizzi ta’ reklamar online u topera l-mutur ta’ tfittxija bl-istess isem fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kollha.

27      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2019, l-AGCOM ipproċediet bir-reġistrazzjoni ex officio ta’ Google f’reġistru miżmum mill-AGCOM, ir-ROC, għar-raġuni li din hija operatur li jeżerċita l-attività ta’ konċessjonarju ta’ reklamar fuq l-internet u li, minkejja li s-sede tagħha kienet fl-Irlanda, hija tirċievi dħul fl-Italja.

28      Bħala konsegwenza ta’ din ir-reġistrazzjoni, permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2020, l-AGCOM imponiet fuq Google il-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja għall-ispejjeż ta’ funzjonament tagħha għas-sena 2020.

29      Google ppreżentat rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju, sabiex tikkontesta dawn id-deċiżjonijiet tal-AGCOM.

30      Wara l-emendi tal-kuntest ġuridiku nazzjonali li jirriżultaw mil-Liġi Nru 178 tat‑30 ta’ Diċembru 2020 u mid-Deċiżjoni Nru 200/21, adottati mill-awtoritajiet Taljani b’mod partikolari sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tar-Regolament 2019/1150 (iktar ’il quddiem il-“miżuri nazzjonali inkwistjoni”), Google emendat it-talbiet tar-rikors tagħha sabiex titlob ukoll l-annullament ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar, inkwantu din estendiet l-obbligu ta’ reġistrazzjoni fir-ROC għall-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u ta’ magni ta’ tiftix online.

31      EGVR tiġġestixxi u topera pjattaforma online kif ukoll diversi għodod u funzjonijiet disponibbli permezz ta’ din il-pjattaforma, li jippermettu lill-proprjetarji u lill-amministraturi ta’ proprjetajiet immobbli jippubblikaw reklam li jikkonċerna proprjetà u lill-vjaġġaturi li jagħżluhom kif ukoll li jinteraġixxu mal-proprjetarji u mal-amministraturi sabiex jikruhom.

32      EGVR ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni Nru 200/21, għar-raġuni li, minħabba l-emendi tal-kuntest ġuridiku nazzjonali bħal dawk imsemmija b’mod partikolari fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, hija issa hija suġġetta għall-obbligu li tirreġistra fir-ROC, għall-obbligu sussegwenti li tikkomunika sensiela ta’ informazzjoni lill-AGCOM, kif ukoll għal dak li tħallas kontribuzzjoni finanzjarja lil din tal-aħħar.

33      Quddiem dik il-qorti, Google u EGVR isostnu li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni, inkwantu dawn jimponu fuqhom l-obbligi msemmija fil-punt preċedenti, huma kuntrarji għall-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għar-Regolament 2019/1150 u għal diversi direttivi.

34      F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tfakkar, fl-ewwel lok, li, wara l-adozzjoni tar-Regolament 2019/1150, il-leġiżlatur Taljan, permezz tal-Liġi Nru 178 tat‑30 ta’ Diċembru 2020, emenda l-Liġi Nru 249 tal‑31 ta’ Lulju 1997 u l-Liġi Nru 266 tat‑23 ta’ Diċembru 2005.

35      Għalhekk, l-ewwel, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni fir-ROC, miżmum mill-AGCOM, ġie estiż għall-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u ta’ muturi ta’ tfittxija online (iktar ’il quddiem il-“fornituri tas-servizzi kkonċernati”) li joffru servizzi fit-territorju tar-Repubblika Taljana, anki jekk ma humiex stabbiliti f’dan l-Istat Membru (punt 5 tal-Artikolu 1(6)(a) tal-Liġi Nru 249/97).

36      It-tieni, l-AGCOM hija inkarigata li tiżgura l-applikazzjoni tar-Regolament 2019/1150, b’mod partikolari permezz tal-ġbir ta’ informazzjoni (punt (14-bis) tal-Artikolu 1(6)(c) tal-Liġi Nru 249/97).

37      It-tielet, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-miżuri adottati mill-AGCOM skont ir-Regolament 2019/1150, il-persuna kkonċernata tiġi imposta fuqha multa li la tista’ tkun inqas minn 2 % u lanqas ogħla minn 5 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ din il-persuna fl-aħħar sena finanzjarja magħluqa qabel il-komunika tal-komunikazzjoni dwar dan in-nuqqas ta’ osservanza (it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(31) tal-Liġi Nru 249/97).

38      Ir-raba’, il-fornituri tas-servizzi kkonċernati issa għandhom iħallsu kontribuzzjoni finanzjarja intiża sabiex tkopri l-ammont totali tal-ispejjeż amministrattivi li jirriżultaw mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet regolatorji, ta’ sorveljanza, ta’ soluzzjoni tat-tilwim u ta’ sanzjoni, mogħtija lill-AGCOM mil-Liġi Nru 178 tat‑30 ta’ Diċembru 2020 (Artikolu 1(66-bis) tal-Liġi Nru 266 tat‑23 ta’ Diċembru 2005, kif emendata bil-Liġi Nru 178 tat‑30 ta’ Diċembru 2020).

39      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tesponi li, permezz tad-Deċiżjoni Nru 200/21, l-AGCOM emendat id-Deċiżjoni Nru 666/08, li l-Anness A tagħha jinkludi r-Regolament tal-AGCOM dwar ir-ROC, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri adottati mil-leġiżlatur Taljan għall-applikazzjoni tar-Regolament 2019/1150.

40      Dik il-qorti tippreċiża li, sabiex jirreġistraw fir-ROC, il-fornituri tas-servizzi kkonċernati għandhom jimlew diversi formoli relatati mhux biss mal-attività eżerċitata, iżda wkoll mal-organizzazzjoni tagħhom. Għalhekk, huma obbligati jikkomunikaw informazzjoni dwar il-kapital azzjonarju, l-isem tal-azzjonisti u ż-żamma tal-ishma rispettivi tagħhom bid-dritt tal-vot, il-kompożizzjoni u t-tul tal-mandat tal-korp ta’ amministrazzjoni kif ukoll l-identità tar-rappreżentant legali u tad-diretturi. L-informazzjoni kkomunikata għandha tiġi aġġornata kull sena. Fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-AGCOM dwar ir-ROC jiġu imposti multi.

41      Fid-dawl ta’ dawn il-punti, il-qorti tar-rinviju tqis li l-obbligu li titħallas kontribuzzjoni finanzjarja u li kumpannija tirreġistra fir-ROC jista’, f’diversi aspetti, ikun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, mar-Regolament 2019/1150 u ma’ diversi direttivi.

42      Fir-rigward tal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, speċifikat fid-Direttivi 2000/31 u 2006/123, il-qorti tar-rinviju tirrileva, minn naħa, li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 jistabbilixxi l-prinċipju li, fil-“qasam ikkordinat”, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tagħha, is-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni għandhom ikunu suġġetti għas-sistema legali tal-Istat Membru li fih huwa stabbilit il-fornitur. Skont dik il-qorti, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jistgħu jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

43      L-imsemmija qorti tindika wkoll li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni, peress li ma ġewx ikkomunikati minn qabel lill-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva 2000/31, jistgħu ma jkunux infurzabbli kontra individwi.

44      Il-qorti tar-rinviju tfakkar, min-naħa l-oħra, li, skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123, l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, billi jimponu fuq dan il-fornitur l-obbligu li jikseb awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inkluż reġistrazzjoni f’reġistru, ħlief fil-każijiet imsemmija minn din id-direttiva jew minn strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni. Skont dik il-qorti, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-imsemmija direttiva, inkwantu l-obbligu ta’ reġistrazzjoni fir-ROC, impost fuq impriżi stabbiliti fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Taljana, iwassal għal oneru finanzjarju u amministrattiv li jista’ jfixkel l-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

45      Fir-rigward tad-Direttiva 2015/1535, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tirreferi għall-Artikoli 1 u 5 tagħha, tqis li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jobbligaw lill-fornituri tas-servizzi kkonċernati jirreġistraw ruħhom fir-ROC jintroduċu speċifikament rekwiżit ġenerali dwar il-provvista ta’ servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, b’tali mod li dawn kellhom jiġu kkomunikati minn qabel lill-Kummissjoni.

46      Fir-rigward tar-Regolament 2019/1150, il-qorti tar-rinviju tesponi li dan jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u l-utenti kummerċjali ta’ dawn is-servizzi, fis-sens tal-punt (1) tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem l-“utenti kummerċjali”), u jipprevedi sett immirat ta’ regoli vinkolanti sabiex jiġi żgurat ambjent ġust, prevedibbli, sostenibbli u li jispira fiduċja għall-operazzjonijiet kummerċjali online fi ħdan is-suq intern. Issa, minħabba l-portata tagħhom, l-obbligi li joħorġu mill-miżuri nazzjonali inkwistjoni jistgħu jikkostitwixxu restrizzjoni mhux iġġustifikata għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

47      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk tal-[...] Liġi Nru 178 tat‑30 ta’ Diċembru 2020 […], li jimponu fuq operaturi stabbiliti [fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Taljana], iżda li joperaw fl-Italja, oneri addizzjonali ta’ natura amministrattiva u pekunjarja, bħall-obbligu ta’ reġistrazzjoni f’reġistru speċifiku u l-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja? B’mod partikolari, tali dispożizzjoni nazzjonali tmur kontra l-Artikolu 3 tad-Direttiva [2000/31], li tipprovdi li fornitur ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni […] huwa suġġett esklużivament għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih [il-fornitur] huwa stabbilit?

2)      Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk […] tal-Liġi Nru 178 tat‑30 ta’ Diċembru 2020, li jimponu fuq operaturi stabbiliti [fi Stat Membru ] ieħor oneri addizzjonali ta’ natura amministrattiva u pekunjarja? B’mod partikolari, il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi previst fl-Artikolu 56 TFUE, kif ukoll il-prinċipji analogi li jirriżultaw mid-Direttiva [2006/123] u mid-Direttiva [2000/31], jipprekludu miżura nazzjonali li, għall-eżerċizzju tal-istess attività, timponi fuq l-intermedjarji li joperaw fl-Italja, iżda li ma humiex stabbiliti hemmhekk, [proċeduri amministrattivi li jagħtu lok għal] oneri addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk previsti fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom?

3)      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-Direttiva [2015/1535], kien jimponi fuq l-Istat Taljan l-obbligu li jikkomunika lill-Kummissjoni l-introduzzjoni tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni fir-ROC, impost fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u ta’ magni tat-tiftix online? B’mod partikolari, it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(4)(b) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li individwu, stabbilit fi Stat Membru li ma huwiex [ir-Repubblika Taljana], jista’ jopponi l-applikazzjoni fil-konfront tiegħu ta’ miżuri adottati mill-leġiżlatur Taljan [fil-]Liġi Nru 178 tat‑30 ta’ Diċembru 2020 [...], li jistgħu jirrestrinġu l-moviment liberu ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, meta tali miżuri ma jkunux ġew ikkomunikati konformement ma din id-dispożizzjoni?

4)      Ir-Regolament [2019/1150] u, b’mod partikolari, l-Artikolu 15 tiegħu, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru jew miżura adottata minn awtorità nazzjonali indipendenti li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online li joperaw fi Stat Membru obbligu ta’ reġistrazzjoni fir-[ROC], segwit minn sensiela ta’ obbligi formali u proċedurali, obbligi ta’ kontribuzzjoni u projbizzjonijiet li jsiru profitti ogħla minn ċertu ammont?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel, ittieni u rraba’ domanda

48      Permezz tal-ewwel, tat-tieni u tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 TFUE, l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 jew l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżuri adottati minn Stat Membru, bl-għan iddikjarat li tiġi żgurata l-applikazzjoni adegwata u effettiva tar-Regolament 2019/1150, li abbażi tagħhom, taħt piena ta’ sanzjonijiet, il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u ta’ magni tat-tiftix online, stabbiliti fi Stat Membru ieħor, huma suġġetti, sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-ewwel Stat Membru, għall-obbligu li jirreġistraw ruħhom f’reġistru miżmum minn awtorità ta’ dan l-Istat Membru, għall-obbligu li jikkomunikawlha sensiela ta’ informazzjoni ddettaljata dwar l-organizzazzjoni tagħhom kif ukoll għal dak li jħallsuha kontribuzzjoni finanzjarja.

49      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, bħalma jsegwi mill-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 2006/123, adottata abbażi tal-Artikolu 47(2) KE u tal-Artikolu 55 KE, li t-termini tagħhom jinsabu, essenzjalment, fl-Artikolu 53(1) TFUE u fl-Artikolu 62 TFUE, rispettivament, għandha l-għan, b’mod partikolari, li tiffaċilita l-moviment liberu tas-servizzi. Min-naħa tagħha, id-Direttiva 2000/31, adottata abbażi tal-Artikolu 47(2) KE, tal-Artikolu 55 KE u tal-Artikolu 95 KE, li l-kliem tagħhom jinsabu, essenzjalment, fl-Artikolu 53(1) TFUE, fl-Artikolu 62 TFUE u fl-Artikolu 114 TFUE, rispettivament, għandha l-għan, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi tiżgura l-moviment liberu tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri.

50      Peress li dawn iż-żewġ direttivi jikkonkretizzaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE, jekk jiġi stabbilit li direttiva waħda jew l-oħra tipprekludi miżuri nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jkunx hemm lok li jiġu eżaminati l-ewwel, it-tieni u r-raba’ domanda fid-dawl ta’ dan l-artikolu.

51      Fir-rigward tal-imsemmi Artikolu 56, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 6 tal-konklużjonijiet tiegħu, ċertament, skont il-ġurisprudenza, dan huwa applikabbli għall-miżuri li jaqgħu taħt il-qasam tat-tassazzjoni, li huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31, skont l-Artikolu 1(5)(a) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Airbnb Ireland u Airbnb Payments UK, C‑83/21, EU:C:2022:1018, punt 38). Madankollu, f’dan il-każ, la l-qorti tar-rinviju u lanqas il-Gvern Taljan ma jsostnu li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni huma marbuta man-neċessità li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni ta’ obbligi fiskali.

52      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/123 jipprevedi b’mod partikolari li, jekk id-dispożizzjonijiet tagħha jkunu f’kunflitt ma’ dispożizzjoni ta’ att ieħor tal-Unjoni li jirregola aspetti speċifiċi tal-aċċess għal attività ta’ servizzi jew għall-eżerċizzju tagħha f’setturi speċifiċi, id-dispożizzjoni ta’ dan l-att l-ieħor tipprevali u tapplika għal dawn is-setturi speċifiċi.

53      Issa, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 jikkonċerna aspetti speċifiċi tal-aċċess għall-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni u tal-eżerċizzju ta’ din l-attività, bħalma espona, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 204 sa 207 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-każ li jiġi stabbilit, minn naħa, li miżuri nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, li din tal-aħħar tipprekludi l-imsemmija miżuri, ma jkunx hemm lok li jiġu eżaminati l-ewwel, it-tielet u r-raba’ domanda fid-dawl tad-Direttiva 2006/123.

54      Għaldaqstant, fl-ewwel lok għandu jiġi interpretat l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31.

55      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan l-Artikolu 3 jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li kull Stat Membru għandu jiżgura li s-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni pprovduti minn fornitur stabbilit fit-territorju tiegħu jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli f’dan l-Istat Membru li jaqgħu taħt il-qasam ikkoordinat. L-imsemmi Artikolu 3(2) jippreċiża li l-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jaqgħu taħt il-qasam ikkoordinat, jirrestrinġu l-moviment liberu tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.

56      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, l-Istati Membri jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet kumulattivi, jieħdu, fir-rigward ta’ servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni li jaqa’ taħt il-qasam ikkoordinat, miżuri li jidderogaw mill-prinċipju ta’ moviment liberu tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland, C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 83).

57      Fir-rigward tal-“qasam ikkoordinat” imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31, għandu jiġi speċifikat li l-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi dan il-qasam bħala li jkopri r-rekwiżiti previsti fis-sistemi legali tal-Istati Membri u applikabbli għall-fornituri tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni jew għas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, indipendentement minn jekk dawn ikunux ta’ natura ġenerali jew jekk ikunux ġew maħsuba speċifikament għalihom. Dan il-qasam jirrigwarda rekwiżiti li l-fornitur għandu jissodisfa u li jikkonċernaw l-aċċess għall-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, bħalma huma r-rekwiżiti fil-qasam ta’ kwalifika, ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ komunikazzjoni u l-eżerċizzju tal-attività ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, bħalma huma r-rekwiżiti li jirrigwardaw l-imġiba tal-fornitur, il-kwalità jew il-kontenut tas-servizz.

58      Id-Direttiva 2000/31 hija għalhekk ibbażata fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ kontroll fl-Istat Membru ta’ oriġini u ta’ rikonoxximent reċiproku, b’tali mod li, fil-kuntest tal-qasam ikkoordinat iddefinit fl-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva, is-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni huma rregolati biss fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huma stabbiliti l-fornituri ta’ dawn is-servizzi (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Google Ireland et, C‑376/22, EU:C:2023:835, punt 42).

59      Konsegwentement, minn naħa, huwa kull Stat Membru, bħala Stat Membru ta’ oriġini ta’ servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, li għandu jirregola dawn is-servizzi u għandu, għal dan l-għan, jipproteġi l-għanijiet ta’ interess ġenerali msemmija fl-Artikolu 3(4)(a)(i) tad-Direttiva 2000/31 (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Google Ireland et, C‑376/22, EU:C:2023:835, punt 43).

60      Min-naħa l-oħra, konformement mal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, huwa kull Stat Membru, bħala Stat Membru ta’ destinazzjoni ta’ servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, li għandu ma jirrestrinġix il-moviment liberu ta’ dawn is-servizzi billi jeżiġi l-osservanza ta’ obbligi addizzjonali, li jaqgħu taħt il-qasam ikkoordinat, li huwa jkun adotta (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Google Ireland et, C‑376/22, EU:C:2023:835, punt 44).

61      Minn dan isegwi li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 jipprekludi, bla ħsara għad-derogi awtorizzati skont il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, li l-fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li jixtieq jipprovdi dan is-servizz fi Stat Membru differenti minn dak li fit-territorju tiegħu huwa stabbilit ikun suġġett għal rekwiżiti li jaqgħu taħt il-qasam ikkoordinat imposti minn dan l-Istat Membru l-ieħor.

62      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni, sa fejn jeżiġu, taħt piena ta’ sanzjonijiet, l-osservanza tal-obbligi msemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza mill-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u ta’ magni tat-tiftix online li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika Taljana, jimponu fuqhom l-obbligu li jissodisfaw kundizzjonijiet differenti minn dawk meħtieġa fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħhom.

63      Bl-istess mod, ma huwiex ikkontestat li dawn is-servizzi jaqgħu taħt is- “servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni”, imsemmija fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31.

64      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Taljan isostni li l-obbligi previsti mill-miżuri nazzjonali inkwistjoni ma jaqgħux taħt il-“qasam ikkoordinat”, fis-sens tal-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva, peress li, minn naħa, il-fornituri tas-servizzi kkonċernati jistgħu de facto jibdew u jkomplu bil-provvista ta’ dawn is-servizzi mingħajr ma jissodisfaw l-obbligu ta’ reġistrazzjoni fir-ROC u, min-naħa l-oħra, l-obbligu li jittrażmettu informazzjoni lill-AGCOM u li jħallsuha kontribuzzjoni finanzjarja huwa intiż sabiex jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-funzjonijiet tagħha ta’ sorveljanza. Għalhekk, tali obbligi ma humiex intiżi sabiex il-fornituri tal-imsemmija servizzi jiksbu awtorizzazzjoni sabiex jaċċedu għal attività ta’ servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni jew sabiex jeżerċitaw tali attività.

65      F’dan ir-rigward, bħalma rrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 157 sa 161 tal-konklużjonijiet tiegħu, fir-rigward, minn naħa, tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni f’reġistru, taħt piena ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu, il-fatt li fornitur jista’ de facto jibda u jkompli bil-provvista ta’ servizz minn soċjetà tal-informazzjoni mingħajr ma jissodisfa dan l-obbligu ma għandux effett fuq in-neċessità li jissodisfah sabiex ikun jista’ legalment jeżerċita l-attività inkwistjoni.

66      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-obbligu li tintbagħat informazzjoni lil awtorità ta’ Stat Membru dwar l-istruttura u l-organizzazzjoni tal-impriża kkonċernata kif ukoll tal-obbligu li titħallas kontribuzzjoni finanzjarja lil dik l-awtorità, ukoll taħt piena ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-obbligi, il-fatt li dawn jiġu imposti għall-finijiet tas-sorveljanza, mill-imsemmija awtorità, tar-regolarità tal-eżerċizzju tal-attività tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni bl-ebda mod ma jaffettwa l-portata tal-imsemmija obbligi, li abbażi tagħhom il-fornituri ta’ tali servizzi li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li jixtiequ jipprovdu dawn is-servizzi fl-ewwel Stat Membru huma obbligati josservaw l-istess obbligi.

67      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Taljan, obbligi bħal dawk previsti mill-miżuri nazzjonali inkwistjoni jikkostitwixxu rekwiżiti li jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-attività ta’ servizz minn soċjetà tal-informazzjoni, b’tali mod li dawn l-obbligi jaqgħu taħt il-“qasam ikkoordinat”, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2000/31.

68      Għaldaqstant, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 jipprekludi miżuri adottati minn Stat Membru skont liema, taħt piena ta’ sanzjonijiet, il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u ta’ magni ta’ tiftix online, stabbiliti fi Stat Membru ieħor, huma suġġetti, sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-ewwel Stat Membru, għall-obbligu li jirreġistraw ruħhom f’reġistru miżmum minn awtorità ta’ dan l-Istat Membru, għall-obbligu li jikkomunikawlha sensiela ta’ informazzjoni ddettaljata dwar l-organizzazzjoni tagħhom kif ukoll għal dak li jħallsuha kontribuzzjoni finanzjarja, ħlief jekk l-imsemmija miżuri jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu 3.

69      Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tal-Gvern Ċek li l-imsemmi Artikolu 3 jista’ ma jipprekludix tali miżuri, fid-dawl tal-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 56 TFUE, li hija applikabbli b’analoġija, li tgħid li ma tmurx kontra l-projbizzjoni stabbilita f’dan l-Artikolu 56 leġiżlazzjoni nazzjonali li tista’ tiġi invokata kontra l-operaturi kollha li jeżerċitaw attivitajiet fit-territorju nazzjonali, li ma għandhiex l-għan li tirregola l-kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-provvista ta’ servizzi tal-impriżi kkonċernati u li l-effetti restrittivi li hija tista’ tipproduċi fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma wisq inċerti u wisq indiretti sabiex l-obbligu li hija tistabbilixxi jkun jista’ jitqies li huwa ta’ natura li jostakola din il-libertà (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Airbnb Ireland u Airbnb Payments UK, C‑83/21, EU:C:2022:1018, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

70      Fil-fatt, bħalma espona, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 166 u 167 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, ir-rekwiżiti li jaqgħu taħt il-qasam ikkoordinat ma jistgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza, peress li, minnhom innifishom, huma għandhom l-għan li jirregolaw l-aċċess għall-attività li tikkonsisti fil-provvista ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni kif ukoll l-eżerċizzju ta’ din l-attività. Min-naħa l-oħra, permezz ta’ att tad-dritt sekondarju, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jikkonkretizza libertà fundamentali stabbilita mit-Trattat FUE billi joħloq kundizzjonijiet dejjem iktar favorevoli għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern minn dawk li jirriżultaw mid-dritt primarju (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Rina Services et, C‑593/13, EU:C:2015:399, punt 40).

71      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi vverifikat jekk miżuri nazzjonali bħal dawk imsemmija fil-punt 68 ta’ din is-sentenza jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31.

72      Għal dan l-għan, fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li, bħalma jsegwi mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, huma biss il-miżuri “meħuda fil-konfront ta’ servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni” li jistgħu jaqgħu taħt l-imsemmija dispożizzjoni.

73      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Google Ireland et (C‑376/22, EU:C:2023:835), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li miżuri ġenerali u astratti li jikkonċernaw kategorija ta’ servizzi partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni deskritta b’termini ġenerali u li japplikaw mingħajr distinzjoni għal kull fornitur ta’ din il-kategorija ta’ servizzi ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “miżuri meħuda fir-rigward ta’ servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

74      F’dan il-każ, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni għandhom portata ġenerali u astratta, b’tali mod li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “miżuri meħuda fir-rigward ta’ servizz partikolari tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(4)(a) tad-Direttiva 2000/31.

75      Barra minn hekk, skont din id-dispożizzjoni, sabiex miżuri nazzjonali jitqiesu li huma konformi magħha, dawn għandhom ikunu neċessarji sabiex jiġu żgurati l-ordni pubbliku, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, is-sigurtà pubblika jew il-protezzjoni tal-konsumaturi.

76      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk dan huwiex il-każ fir-rigward tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni adottati bl-għan iddikjarat li tiġi ggarantita l-applikazzjoni tar-Regolament 2019/1150.

77      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(5) tar-Regolament 2019/1150, dan huwa mingħajr ħsara għad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-kummerċ elettroniku.

78      Peress li, evidentement, id-Direttiva 2000/31 taqa’ taħt dan il-qasam, miżuri bħall-miżuri nazzjonali inkwistjoni jistgħu jitqiesu bħala konformi mal-Artikolu 3(4)(a) ta’ din id-direttiva, għar-raġuni li dawn huma intiżi li jiżguraw l-applikazzjoni tar-Regolament 2019/1150, biss jekk jiġi stabbilit li l-għan ta’ dan tal-aħħar jikkorrispondi għal wieħed mill-għanijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni.

79      Issa, mill-premessi 7, 8 u 51 tar-Regolament 2019/1150 isegwi li dan huwa intiż li jistabbilixxi sett immirat ta’ regoli vinkolanti fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġi stabbilit ambjent ġust, prevedibbli, sostenibbli u li jispira fiduċja għall-operazzjonijiet kummerċjali online fi ħdan is-suq intern. B’mod partikolari, minn naħa, l-utenti kummerċjali għandhom jibbenefikaw minn trasparenza xierqa kif ukoll minn possibbiltajiet ta’ rimedju effikaċi fl-Unjoni kollha, sabiex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet kummerċjali transkonfinali fi ħdan l-Unjoni u, għaldaqstant, il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Min-naħa l-oħra, għandhom jiġu promossi l-ekwità u t-trasparenza, b’mod partikolari fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-utenti ta’ siti tal-internet korporattivi, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem l-“utenti ta’ siti tal-internet korporattivi”), fir-riżultati ta’ tfittxija tal-magni tat-tiftix online.

80      L-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament jippreċiża li dan jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tal-imsemmi suq billi jistabbilixxi r-regoli intiżi li jiġi żgurat li l-utenti kummerċjali u l-utenti ta’ siti tal-internet korporattivi fir-rigward tal-magni tat-tiftix online jgawdu minn trasparenza xierqa, minn ekwità u minn possibbiltajiet ta’ rimedju effettiv.

81      Bħalma rrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 186 sa 190 tal-konklużjonijiet tiegħu, anki jekk jitqies li miżuri nazzjonali bħall-miżuri nazzjonali inkwistjoni huma intiżi li jiggarantixxu l-għan tar-Regolament 2019/1150, ma teżistix rabta diretta bejn, minn naħa, dan l-għan u, min-naħa l-oħra, dawk li huma elenkati fl-Artikolu 3(4)(a)(i) tad-Direttiva 2000/31, imfakkra fil-punt 75 ta’ din is-sentenza.

82      Fil-fatt, huwa paċifiku li l-għan tar-Regolament 2019/1150 la jikkonċerna l-ordni pubbliku, la l-protezzjoni tas-saħħa pubblika u lanqas is-sigurtà pubblika.

83      Fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumaturi, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li din ma tkoprix il-protezzjoni tal-impriżi. Madankollu, ir-Regolament 2019/1150 jistabbilixxi regoli dwar ir-relazzjonijiet bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u l-utenti kummerċjali kif ukoll bejn il-magni tat-tiftix online u l-utenti ta’ siti tal-internet korporattivi.

84      Barra minn hekk, mill-premessa 3 tar-Regolament 2019/1150 jirriżulta li r-rabta bejn it-“trasparenza ta u l-fiduċja fl-ekonomija tal-pjattaformi online frelazzjonijiet bejn negozju u ieħor” u t-“[titjib tal-]fiduċja tal-konsumaturi fl-ekonomija tal-pjattaformi online” hija biss indiretta.

85      Fl-aħħar nett, din il-premessa 3 tippreċiża li “l-impatti diretti tal-iżvilupp tal-ekonomija tal-pjattaformi online fuq il-konsumaturi huma indirizzati minn liġi oħra tal-Unjoni, speċjalment l-acquis tal-konsumatur”.

86      Għandu jiżdied li l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, bħala eċċezzjoni għall-prinċipju tal-kontroll fl-Istat Membru ta’ oriġini, għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2012, Probst, C‑119/12, EU:C:2012:748, punt 23, u tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains, C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 70). Barra minn hekk, din l-eċċezzjoni ma tistax tiġi applikata għal miżuri li jista’, l-iktar l-iktar, ikollhom biss rabta indiretta ma’ wieħed mill-għanijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

87      Għaldaqstant, mill-fatt li miżuri nazzjonali kienu ġew adottati bl-għan iddikjarat li tiġi żgurata l-applikazzjoni tar-Regolament 2019/1150 ma jistax jiġi dedott li dawn il-miżuri huma neċessarji sabiex jiġi żgurat wieħed mill-għanijiet elenkati fl-Artikolu 3(4)(a)(i) tad-Direttiva 2000/31.

88      Konsegwentement, miżuri adottati minn Stat Membru skont liema, taħt piena ta’ sanzjonijiet, il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u ta’ magni tat-tiftix online, stabbiliti fi Stat Membru ieħor, huma suġġetti, sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-ewwel Stat Membru, għall-obbligu li jirreġistraw ruħhom f’reġistru miżmum minn awtorità ta’ dan l-Istat Membru, għall-obbligu li jikkomunikawlha sensiela ta’ informazzjoni ddettaljata dwar l-organizzazzjoni tagħhom kif ukoll għal dak li jħallsuha kontribuzzjoni finanzjarja, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(4)(a) tad-Direttiva 2000/31.

89      Peress li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni jaqgħu taħt il-qasam ikkoordinat stabbilit mid-Direttiva 2000/31 u li l-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar tippermetti li tingħata risposta għall-ewwel, għat-tieni u għar-raba’ domanda, kif ifformulati mill-ġdid fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, ma hemmx lok, konformement mal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 49 sa 53 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 56 TFUE jew id-Direttiva 2006/123 jiġu interpretati wkoll.

90      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel, għat-tieni u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżuri adottati minn Stat Membru, bl-għan iddikjarat li tiġi żgurata l-applikazzjoni adegwata u effettiva tar-Regolament 2019/1150, li abbażi tagħhom, taħt piena ta’ sanzjonijiet, il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u ta’ magni tat-tiftix online, stabbiliti fi Stat Membru ieħor, huma suġġetti, sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-ewwel Stat Membru, għall-obbligu li jirreġistraw ruħhom f’reġistru miżmum minn awtorità ta’ dan l-Istat Membru, għall-obbligu li jikkomunikawlha sensiela ta’ informazzjoni ddettaljata dwar l-organizzazzjoni tagħhom kif ukoll għal dak li jħallsuha kontribuzzjoni finanzjarja.

 Fuq ittielet domanda

91      It-tielet domanda tikkonċerna l-obbligi ta’ komunika minn qabel previsti mid-Direttivi 2000/31 u 2015/1535, li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jimplika n-nuqqas ta’ infurzabbiltà fil-konfront tal-individwi tal-miżuri li kellhom jiġu kkomunikati u li ma ġewx ikkomunikati.

92      Madankollu, fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel, għat-tieni u għar-raba’ domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

 Fuq lispejjeż

93      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku),

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi miżuri adottati minn Stat Membru, bl-għan iddikjarat li tiġi żgurata l-applikazzjoni adegwata u effettiva tar-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online, li abbażi tagħhom, taħt piena ta’ sanzjonijiet, il-fornituri ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni online u ta’ magni tat-tiftix online, stabbiliti fi Stat Membru ieħor, huma suġġetti, sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-ewwel Stat Membru, għall-obbligu li jirreġistraw ruħhom f’reġistru miżmum minn awtorità ta’ dan l-Istat Membru, għall-obbligu li jikkomunikawlha sensiela ta’ informazzjoni ddettaljata dwar l-organizzazzjoni tagħhom kif ukoll għal dak li jħallsuha kontribuzzjoni finanzjarja.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.