Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

18 ta’ Jannar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Politika agrikola komuni (PAK) – Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). – Miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali – Regolament (KE) Nru 1974/2006 – Kuntratt ta’ kiri – Kuntratt ta’ kiri konkluż bejn amministrazzjoni muniċipali u l-benefiċjarju ta’ għajnuna – Impenji fuq ħames snin – Xoljiment tal-kuntratt ta’ kiri wara emenda leġiżlattiva – Obbligu li titħallas lura l-għajnuna rċevuta kollha jew parti minnha – Impossibbiltà tal-adattament tal-impenji għal sitwazzjoni ġdida tal-azjenda – Kunċetti ta’ ‘forza maġġuri’ u ta’ ‘ċirkustanzi eċċezzjonali’ – Kunċett ta’ ‘esproprjazzjoni tal-azjenda’”

Fil-Kawża C‑656/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Settembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Ottubru 2022, fil-proċedura

Askos Properties EOOD

vs

Zamestnik izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie”

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn M. Safjan, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Zamestnik izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie”, minn Y. Kancheva,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Koleva u A. Sauka, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(f) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6, u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83), kif ukoll tal-Artikolu 47(3) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU 2013, L 347, p. 487, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Askos Properties EOOD, kumpannija rregolata mid-dritt Bulgaru, u ż-Zamestnik izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie” (il-Viċi Direttur Eżekuttiv tal-Fond Nazzjonali Agrikolu, il-Bulgarija) dwar deċiżjoni li timponi fuq din il-kumpannija l-obbligu tar-rimbors ta’ 50 % ta’ sussidju rċevut mill-imsemmija kumpannija taħt il-Miżura 211 tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2007-2013.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IrRegolament (KE) Nru 1698/2005

3        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal‑20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2005, L 277, p. 1, rettifika fil-ĠU 2012, L 206, p. 23) tħassar bir-Regolament Nru 1305/2013. Madankollu, skont l-Artikolu 88 tar-Regolament Nru 1305/2013, ir-Regolament Nru 1698/2005 baqa’ japplika għall-operazzjonijiet implimentati skont il-programmi li l-Kummissjoni kienet approvat skont dan ir-regolament qabel l‑1 ta’ Jannar 2014.

4        L-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1698/2005, intitolat “Miżuri”, kien jipprovdi:

“L-appoġġ taħt din it-taqsima għandu jikkonċerna:

a)      miżuri mmirati lejn l-użu sostenibbli tal-art agrikola permezz ta’:

i)      pagamenti għal żvantaġġi naturali lill-bdiewa f’żoni tal-muntanji;

ii)      pagamenti lill-bdiewa f’żoni żvantaġġati, minbarra żoni tal-muntanji;

[...]

[...]”

5        L-Artikolu 37 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Pagament għal żvantaġġ naturali f’żoni tal-muntanji u pagamenti għal żoni oħra bi żvantaġġi”, kien jipprevedi:

“1.      Il-pagamenti previsti fl-Artikolu 36(a)(i) u (ii) għandhom jingħataw kull sena għal kull ettaru ta’ żona agrikola utilzzata [...] fis-sens tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/115/KE tal-24 ta’ Novembru 1999 rigward id-definizzjonijiet tal-karatteristiċi, il-lista ta’ prodotti agrikoli, l-eċċezzjonijiet għad-definizzjonijiet u r-reġjuni u d-distretti rigward l-istħarriġ dwar l-istruttura tal-azjendi agrikoli [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 28, p. 241)].

Il-pagamenti għandhom jikkumpensaw għall-ispejjeż addizzjonali u d-dħul mitluf tal-bdiewa relatati mal-iżvantaġġ għall-produzzjoni agrikola fiż-żona kkonċernata.

2.      Il-pagamenti għandhom jingħataw lill-bdiewa li jimpenjaw ruħhom fl-attività tagħhom ta’ biedja f’żoni delimitati skont l-Artikolu 50(2) u (3) għal mill-inqas ħames snin mill-ewwel pagament.

[...]”

 IrRegolament Nru 1974/2006

6        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006 tal‑15 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2008, L 322M, p. 305), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 434/2007 tal‑20 ta’ April 2007 (ĠU 2007, L 104, p. 8, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1974/2006”) tħassar bir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jintroduċi dispożizzjonijiet tranżitorji (ĠU 2014, L 227, p. 1). Madankollu, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament ta’ Delega Nru 807/2014, ir-Regolament Nru 1974/2006 baqa’ applikabbli għall-operazzjonijiet implimentati skont il-programmi li l-Kummissjoni kienet approvat skont ir-Regolament Nru 1698/2005 qabel l‑1 ta’ Jannar 2014.

7        Il-premessa 37 tar-Regolament Nru 1974/2006 kienet tistipula:

“Għandhom ikunu stabbiliti regoli komuni għal ħafna miżuri, partikolarment dwar: l-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet integrati, il-miżuri ta’ investimenti, it-trasferiment ta’ azjenda matul il-perjodu għal liema kien mogħti impenn bħala kundizzjoni għall-għotja ta’ assistenza, iż-żieda taż-żona ta’ l-azjenda u d-definizzjoni ta’ kategoriji differenti ta’ forza maġġuri jew ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali.”

8        Dan ir-regolament kien jinkludi l-Kapitolu III, intitolat “Miżuri għall-iżvilupp rurali”, li t-Taqsima 2 tiegħu, intitolata “Dispożizzjonijiet komuni għal diversi miżuri”, kienet tinkludi l-Artikoli 42 sa 47 tiegħu.

9        Skont l-Artikolu 45(4) tal-imsemmi regolament:

“Meta benefiċjarju ma jkunx jista’ aktar ikun konformi ma’ l-impenji magħmula minħabba li l-azjenda tkun imqassma mill-ġdid jew tkun is-suġġett ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni ta’ art pubblika jew għal miżuri ta’ konsolidazzjoni ta’ artijiet approvati mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jippermettu li l-impenji jkunu adattati għas-sitwazzjoni l-ġdida ta’ l-azjenda. Jekk tali adattament ikun impossibbli, l-impenn għandu jiskadi u r-rimborż ma għandux ikun meħtieġ fir-rigward tal-perjodu li fih l-impenn kien effettiv.”

10      L-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 1974/2006 kien ifformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu, partikolarment, il-kategoriji li ġejjin ta’ forza maġġuri jew ċirkustanzi eċċezzjonali u jiċħdu [li għalihom ma jeżiġux] sussegwentement ir-rimborż sħiħ jew parzjali ta’ għajnuna mogħtija lill-benefiċjarju:

a)      il-mewt tal-benefiċjarju;

b)      l-inkapaċità fit-tul marbuta max-xogħol tal-benefiċjarju;

c)      l-esproprjazzjoni ta’ parti kbira ta’ l-azjenda jekk dan ma setax ikun antiċipat fil-jum li l-impenn kien mogħti;

d)      diżastru naturali serju li jolqot l-art agrikola ta’ l-azjenda;

e)      il-qerda aċċidentali tal-bini tal-bhejjem fl-azjenda;

f)      marda epiżootiku li tolqot il-bhejjem kollha jew parti minnhom tal-bidwi.

2.      Il-każijiet ta’ forza maġġuri jew ċirkostanzi eċċezzjonali għandhom ikunu notifikati bil-miktub mill-benefiċjarju jew il-parti intitolata tiegħu lill-awtorità kompetenti, flimkien ma’ l-evidenza rilevanti għas-sodisfazzjon ta’ dik l-awtorità, fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mid-data li fiha l-benefiċjarju jew il-parti intitolata tiegħu jkun f’pożizzjoni li jagħmel hekk.”

 IrRegolament Nru 1305/2013

11      Il-premessa 36 tar-Regolament Nru 1305/2013 tipprovdi:

“Ċerti miżuri marbuta maż-żoni taħt dan ir-Regolament jeħtieġu lill-benefiċjarji li jieħdu impenji għal mill-anqas ħames snin. Matul dak il-perijodu, huwa possibbli lijseħħu bidliet fis-sitwazzjoni kemm tal-azjenda jew tal-benefiċjarju. Għaldaqstant għandhom jiġu stabbiliti regoli li jiddeterminaw x’jiġri f’dawk il-każijiet.”

12      L-Artikolu 47 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli għall-pagamenti skont iż-żona”, jipprevedi, fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu:

“3.      Meta benefiċjarju ma jkunx jista’ jkompli jikkonforma mal-impenji meħuda għax l-azjenda jew parti mill-azjenda titqassam fi ħbula jew tkun is-suġġett ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni ta’ art pubblika jew miżuri ta’ konsolidazzjoni ta’ art approvati mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu li l-impenji jiġu adattati għas-sitwazzjoni l-ġdida tal-azjenda. Jekk tali adattament ikun impossibbli, l-impenn għandu jiskadi u r-rimborż ma għandux ikun meħtieġ fir-rigward tal-perijodu li fih l-impenn kien effettiv.

4.      Mhux ser jintalab ir-rimborż tal-għajnuna riċevuta f’każijiet ta’ force majeureuċirkostanzi eċċezjonali [f’każijiet ta’ force majeure u fiċ-ċirkostanzi eċċezjonali] kif imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.”

 IrRegolament Nru 1306/2013

13      Il-premessa 5 tar-Regolament Nru 1306/2013 tipprovdi:

“Sabiex tiġi żgurata konsistenza bejn il-prattika tal-Istati Membri u l-applikazzjoni armonizzata tal-klawżola ta’ force majeure mill-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jipprevedi, fejn adatt, għal eżenzjonijiet f’każijiet ta’ force majeure u ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali, kif ukoll għal lista mhux eżawrjenti ta’ każijiet possibbli ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali li għandhom jiġu rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Dawk l-awtoritajiet għandhom jieħdu deċiżjonijiet dwar force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali fuq bażi ta’ każ b’każ, fuq il-bażi ta’ evidenza rilevanti u japplikaw il-kunċett ta’ force majeure fid-dawl tal-liġi dwar l-agrikoltura tal-Unjoni inkluża l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja.”

14      L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Termini użati f’dan ir-Regolament”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Għall-finijiet tal-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-[politika agrikola komuni (PAK)], ‘force majeure’ u ‘ċirkostanzi eċċezzjonali’ jistgħu, b’mod partikolari, jiġu rikonoxxuti fil-każjiet li ġejjin:

a)      il-mewt tal-benefiċjarju;

b)      inkapaċità professjonali fit-tul tal-benefiċjarju;

c)      diżastru naturali kbir li jolqot serjament l-azjenda;

d)      il-qerda aċċidentali ta’ bini tal-bhejjem fl-azjenda;

e)      marda epiżootika jew marda tal-pjanti li jolqtu l-bhejjem kollha jew parti minnhom tal-benefiċjarju jew l-għelejjel rispettivament tiegħu;

f)      esproprjazzjoni tal-azjenda kollha jew ta’ parti kbira minnha jekk dik l-esproprjazzjoni ma setgħetx tiġi antiċipata fid-data li fiha ssir l-applikazzjoni.”

15      Skont l-Artikolu 121 tar-Regolament Nru 1306/2013:

“1.      Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 Jannar 2014.

2.      Madankollu, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw kif ġej:

a)      l-Artikoli 7, 8, 16, 25, 26 u 43 mis-16 ta’ Ottubru 2013;

b)      l-Artikoli 18 u 40, għall-infiq li jkun sar, mis-16 ta’ Ottubru 2013;

c)      l-Artikolu 52 mill-1 ta' Jannar 2015.”

 Iddritt Bulgaru

 Iż-ZSPZZ

16      L-Artikolu 37i taż-zakon za sobstvenostta i polzvaneto na zemedelskite zemi (il-Liġi dwar is-Sjieda u l-Użu ta’ Art Agrikola) (DV Nru 17 tal‑1 ta’ Marzu 1991, iktar ’il quddiem iż-“ZSPZZ”), huwa fformulat kif ġej:

“(1)      L-artijiet tal-mergħa u l-artijiet bil-ħaxix tal-fond tal-artijiet tal-Istat u tal-fond tal-artijiet komunali għandhom jinkrew jew jingħataw b’kiri, konformement mal-Artikolu 24a(2), lill-proprjetarji jew lill-utenti ta’ azjendi tat-trobbija li jżommu annimali tar-ragħa rreġistrati fis-sistema integrata ta’ informazzjoni tal-Balgarska agentsia po bezopasnost na hranite [(l-Aġenzija Bulgara għas-Sigurtà tal-Ikel)], skont in-numru u t-tip ta’ annimali rreġistrati, bi prezz stabbilit permezz ta’ mekkaniżmu tas-suq. L-artijiet tal-mergħa u l-artijiet bil-ħaxix tal-fond tal-artijiet tal-Istat u tal-fond tal-artijiet komunali għandhom jinkrew jew jingħataw b’kiri lil persuni li la għandhom dejn fiskali, la dejn dovut lill-Fond Agrikolu nazzjonali, lill-fond tal-artijiet tal-Istat jew lill-fond tal-artijiet komunali, u lanqas obbligi relatati mal-artijiet skont il-punt (2) tal-Artikolu 37c(3).

[...]

4.      L-artijiet tal-mergħa u l-artijiet bil-ħaxix għandhom jinqasmu bejn l-aventi kawża li għandhom irziezet irreġistrati fiż-żona rispettiva tal-art, skont in-numru u t-tip ta’ annimali ta’ mergħa rreġistrati, skont l-artijiet tal-mergħa u l-artijiet bil-ħaxix li huma proprjetà jew użati legalment, iżda sa massimu ta’ 15-il deat għal kull unità ta’ bhejjem fil-proprjetajiet tal-ewwel sas-seba’ kategoriji u/jew ta’ 30 deat għal kull unità ta’ bhejjem fil-proprjetajiet tat-tmien sal-għaxar kategoriji. Il-persuni eliġibbli li jrabbu l-annimali bovini għall-produzzjoni tal-laħam u tal-annimali ta’ razez indiġeni għandhom jiġu allokati sa 20 deat għal kull unità tal-annimali fil-proprjetajiet tal-ewwel sas-seba’ kategoriji u sa 40 ettaru għal kull unità tal-annimali fil-proprjetajiet tat-tmien sal-għaxar kategoriji. L-aventi kawża li jrabbu l-annimali bovini għall-ħalib jew għal-laħam, tan-nagħaġ u/jew tal-mogħoż approvati għal appoġġ fil-kuntest tal-attivitajiet tas-sottomiżuri ‘Pagamenti għall-konverżjoni għall-biedja organika’ u ‘Pagamenti għaż-żamma tal-biedja organika’ inklużi fil-parti ‘trobbija organika’ għandhom jingħataw art sa 0,15 unità ta’ bhejjem għal kull ettaru, irrispettivament mill-kategorija tal-proprjetà.”

 Illiġi li temenda żZSPZZ

17      Il-paragrafu 15 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-liġi li temenda ż-ZSPZZ jipprovdi:

“(1)      Il-benefiċjarji li kkonkludew, qabel l‑24 ta’ Frar 2015, kuntratti ta’ kera jew ta’ kiri ta’ artijiet tal-mergħa u ta’ artijiet bil-ħaxix tal-fond tal-artijiet tal-Istat u tal-fond tal-artijiet komunali huma obbligati li jagħmlu l-kuntratti f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 37i(1) u (4) qabel l‑1 ta’ Frar 2016.

(2)      Il-benefiċjarji approvati fil-kuntest tal-parti msemmija fl-Artikolu 3(3) tad-Digriet Nru 4 tal‑24 ta’ Frar 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-Miżura 11 ‘Agrikoltura Bijoloġika’ tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014–2020 [...] li kkonkludew, qabel l‑24 ta’ Frar 2015, kuntratti ta’ kera jew ta’ kiri ta’ artijiet tal-mergħa u ta’ artijiet bil-ħaxix tal-fond tal-artijiet tal-Istat u tal-fond tal-artijiet komunali u li l-annimali kollha tar-ragħa u l-mergħat tagħhom huma awtorizzati għall-appoġġ, għandhom, qabel l‑1 ta’ Frar 2016, jagħmlu l-kuntratti f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 37i(1), filwaqt li josservaw ir-relazzjoni ta’ mill-inqas 0,15 unità ta’ annimal għal kull ettaru, tkun xi tkun il-kategorija.

(3)      Il-kuntratti ta’ kera jew ta’ kiri ta’ artijiet tal-mergħa u ta’ artijiet bil-ħaxix tal-fond tal-artijiet tal-Istat u tal-fond tal-artijiet komunali, li ma jiġux magħmula konformi fit-terminu previst fil-paragrafu 1 jew 2, għandhom jiġu xolti mis-sindku tal-komun, jew mid-direttur tad-Direttorat Reġjonali għall-Agrikoltura.”

 IdDigriet Nru 11/2008

18      In-naredba no 11 za usloviata i reda za prilagane na mjarka 211 “Plashtania na zemedelski stopani za prirodni ogranichenia v planinskite rayoni” i mjarka 212 “Plashtania na zemedelski stopani v rayoni s ogranichenia, razlichni ot planinskite rayoni” ot Programata za razvitie na selskite rayoni za perioda 2007 - 2013 (id-Digriet Nru 11 dwar il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-miżura 211 “Ħlasijiet maħsuba għall-bdiewa f’żoni ta’ muntanji li huma intiżi sabiex jikkumpensaw għall-iżvantaġġi naturali” u tal-miżura 212 “Ħlasijiet maħsuba għall-bdiewa f’żoni żvantaġġati, minbarra żoni tal-muntanji” tal-Programm għall-Iżvilupp rurali għall-perijodu 2007–2013) tat-3 ta’ April 2008 (DV Nru 40 tat-18 ta’ April 2008, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 11/2008”), adottat mill-Ministru għall-Agrikoltura u għall-Ikel, jipprevedi fl-Artikolu 1(1) tiegħu:

“Dan id-digriet jirregola l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-miżuri li ġejjin tal-programm għall-iżvilupp rurali 2007–2013, iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali:

1.      ‘Ħlasijiet maħsuba għall-bdiewa fiż-żoni ta’ muntanji li huma intiżi sabiex jikkumpensaw għall-iżvantaġġi naturali’;

2.      ‘Ħlasijiet maħsuba għall-bdiewa f’żoni li għandhom żvantaġġi minbarra dawk taż-żoni ta’ muntanji’.”

19      Skont l-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet, il-bdiewa li jkunu ppreżentaw applikazzjoni għal appoġġ għal waħda mill-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(1) tiegħu, għandhom jeżerċitaw attività agrikola fiż-żoni tal-muntanji jew fiż-żoni li għandhom żvantaġġi, minbarra dawk tal-muntanji, matul il-perijodu kollu tal-appoġġ.

20      L-Artikolu 4 tal-imsemmi digriet jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“[...] L-applikanti għal appoġġ taħt dan id-digriet għandhom:

[...]

3.      jippreżentaw kull sena wara l-ewwel ħlas ta’ kumpens applikazzjoni għal appoġġ billi fiha jiddikjaraw artijiet li jinsabu fiż-żona żvantaġġata kkonċernata;

[...] ”

21      Skont l-Artikolu 14 tad-Digriet Nru 11/2008:

“(1)      Bidwi li ma jippreżentax talba għal appoġġ finanzjarju matul il-perijodu ta’ impenn ta’ ħames snin huwa eskluż mill-benefiċċju tal-għajnuna taħt dan id-digriet u huwa obbligat iħallas lura l-ammonti rċevuti bħala ħlasijiet ta’ kumpens għaż-żoni żvantaġġati sa dan il-punt, jew parti minn dawn l-ammonti, skont is-sena li matulha huwa temm il-parteċipazzjoni tiegħu fil-miżuri, bil-mod li ġej:

1)      wara l-ewwel sena, 100 %;

2)      wara t-tieni sena, 75 %;

3)      wara t-tielet sena, 50 %;

4)      wara r-raba’ sena, 25 %.

[...]

(3)      Il-fondi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rkuprati, flimkien mal-interessi legali mid-data tal-komunikazzjoni lill-bidwi tal-obbligu li jħallas lura dan l-ammont sad-data tal-ħlas lura effettiv jew tat-tnaqqis effettiv tal-ammont. ”

22      L-Artikolu 15 ta’ dan id-digriet huwa fformulat kif ġej:

“(1)      Fil-każ ta’ forza maġġuri jew ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, l-Artikolu 14 ma għandux japplika, l-impenn jintemm u ma jkun meħtieġ ebda ħlas lura parzjali jew totali tal-għajnuna rċevuta mill-bidwi.

(2)      Il-każijiet ta’ forza maġġuri jew iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali kif ukoll il-provi rilevanti (dokumenti maħruġa mill-awtorità amministrattiva kompetenti) għandhom jiġu kkomunikati bil-miktub lill-Fond Agrikolu nazzjonali – Aġenzija ta’ ħlas mill-bidwi, minn kwalunkwe persuna oħra awtorizzata minnu jew mill-werriet tiegħu fi żmien 10 tijiem ta’ xogħol mid-data li fiha l-bidwi, ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu jew il-werriet tiegħu jkunu f’pożizzjoni li jagħmlu dan”.

23      Skont id-dispożizzjonijiet addizzjonali, fis-sens tal-imsemmi digriet, “forza maġġuri” jew “ċirkustanzi eċċezzjonali” tfisser:

“a)      il-mewt tal-benefiċjarju;

b)      inkapaċità professjonali fit-tul tal-benefiċjarju;

c)      l-esproprjazzjoni ta’ parti kbira tal-azjenda jekk dan ma kienx prevedibbli fil-jum li ttieħed l-impenn;

d)      diżastru naturali serju li jolqot ħażin ħafna l-art agrikola tal-azjenda;

[...]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

24      Mis-sena 2013 sas-sena 2015, Askos Properties ippreżentat diversi talbiet għal appoġġ finanzjarju quddiem il-Fond Agrikolu nazzjonali skont il-miżura 211 tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2007–2013.

25      F’dan il-kuntest, hija impenjat ruħha li żżomm l-artijiet agrikoli komunali, mikrija matul is-sena 2012 permezz ta’ kuntratti ta’ kiri konklużi għal ħames snin ma’ żewġ komuni Bulgari, f’kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba kif ukoll li teżerċita attività agrikola fiż-żona żvantaġġata kkonċernata għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin konsekuttivi.

26      Għas-sena 2013, Askos Properties ma rċevietx sussidju. Għas-snin 2014 u 2015, l-ammonti li ġew allokati lilha kienu ta’ BGN 15 866 (lev Bulgaru) (madwar EUR 8 112) u ta’ BGN 21 796 (madwar EUR 11 144), rispettivament.

27      Matul is-sena 2015 ġiet adottata emenda għall-Artikolu 37i(1) u (4) taż-ZSPZZ, sabiex l-artijiet tal-mergħa u l-artijiet bil-ħaxix tal-fond tal-artijiet tal-Istat jew tal-komuni jinkrew jew jiġu ddistribwiti esklużivament lill-proprjetarji jew lill-utenti ta’ azjendi li jżommu erbivori, skont in-numru u t-tip ta’ annimali li jkunu rreġistraw.

28      Terminu li kien jiddekorri sal‑1 ta’ Frar 2016 ingħata lill-utenti tal-artijiet li kienu kkonkludew, qabel l‑24 ta’ Frar 2015, kuntratt ta’ kera jew ta’ kiri għal artijiet tal-mergħa u l-artijiet bil-ħaxix tal-fond tal-artijiet tal-Istat jew tal-komuni sabiex tali kuntratt isir konformi mar-rekwiżiti l-ġodda fis-seħħ previsti mill-imsemmija emenda.

29      Peress li dawn ir-rekwiżiti ma ġewx osservati minn Askos Properties, iż-żewġ komuni kkonċernati xoljew, matul is-sena 2016, il-kuntratti ta’ kiri ta’ artijiet agrikoli konklużi ma’ din il-kumpannija.

30      Fit‑23 ta’ Jannar 2020, id-Deputat Direttur Eżekuttiv tal-Fond Agrikolu nazzjonali ħareġ att li jikkonstata dejn pubbliku tal-Istat fil-konfront ta’ Askos Properties, għal ammont ta’ BGN 18 831, li jikkorrispondi għal 50 % tal-ammont totali li kien tħallas lilha skont il-miżura 211 għall-kampanji ta’ żvilupp rurali 2013 sa 2015.

31      Peress li r-rikors ippreżentat kontra dan l-att ġie miċħud permezz tas-sentenza tal-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), Askos Properties ippreżentat appell fil-kassazzjoni kontra dik is-sentenza quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), il-qorti tar-rinviju.

32      Fl-appell tagħha, Askos Properties issostni li x-xoljiment tal-kuntratti ta’ kiri mill-komuni kkonċernati jikkostitwixxi “każ ta’ forza maġġuri” u/jew “ċirkustanza eċċezzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 15 tad-Digriet Nru 11/2008, b’tali mod li hija ma hijiex obbligata tirrimborsa s-sussidju riċevut.

33      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, dwar jekk ix-xoljimenti ta’ kuntratti ta’ kiri, li saru wara emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li ma setgħetx tiġi antiċipata mill-benefiċjarju fid-data tal-impenn tiegħu, jistgħux jiġu kklassifikati bħala “każ ta’ forza maġġuri” jew bħala “ċirkustanzi eċċezzjonali”, jew saħansitra bħala “esproprjazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1306/2013.

34      Hija tistaqsi, min-naħa l-oħra, jekk tali xoljimenti ta’ kuntratti ta’ kiri jaqgħux taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47(3) tar-Regolament Nru 1305/2013.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      L-Artikolu 2(2)(f) tar-Regolament [Nru 1306/2013] li jipprovdi li, għall-finijiet tal-finanzjament, tal-ġestjoni u tal-monitoraġġ tal-PAK, ‘forza maġġuri’ u ‘ċirkustanzi eċċezzjonali’ jistgħu jiġu rrikonoxxuti b’mod partikolari fil-każ partikolari li jkun hemm esproprjazzjoni tal-azjenda kollha jew ta’ parti kbira minnha jekk din l-esproprjazzjoni ma setgħetx tiġi antiċipata fid-data li fiha ssir l-applikazzjoni, għandu jiġi interpretat b’mod partikolari fis-sens li jikkostitwixxi forza maġġuri jew ċirkustanzi eċċezzjonali jew inkella esproprjazzjoni tal-azjenda kollha jew ta’ parti kbira minnha l-fatt li jiġi xolt kuntratt konkluż bejn amministrazzjoni muniċipali u benefiċjarju taħt il-miżura 211, ‘Pagamenti lil bdiewa għal limitazzjonijiet naturali f’reġjuni bil-muntanji’, li tagħmel parti mill-programm għall-iżvilupp ta’ żoni rurali għall-perijodu bejn l-2007 u l-2013, dwar id-dritt għall-użu ta’ artijiet agrikoli muniċipali, bħalma huma artijiet għar-ragħa, mergħat u artijiet mhux maħduma, li x-xoljiment tiegħu twettaq bħala parti mill-implimentazzjoni ta’ bidla fil-leġiżlazzjoni Bulgara li ma setgħetx tkun prevista mill-benefiċjarju fid-data li fiha ħa l-impenn?

2)      L-ipoteżi prevista fl-Artikolu 47(3) tar-Regolament [Nru 1305/2013] [isseħħ] fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ kiri ta’ artijiet muniċipali, mikrija mill-benefiċjarju tal-miżura 211, ‘Pagamenti lil bdiewa għal limitazzjonijiet naturali f’reġjuni bil-muntanji’, liema xoljiment ikun twettaq bħala parti mill-implimentazzjoni ta’ bidla fil-leġiżlazzjoni Bulgara, jiġifieri l-emendi u ż-żidiet magħmula permezz […] tal-Liġi li Temenda u li Tissupplimenta [iż-ZSPSS] li introduċew ir-rekwiżit li l-bidwi jkollu azjenda bl-annimali u jirreġistra numru ddeterminat ta’ annimali tar-razzett mal-Agentsia za bezopasnost na hranite (l-Aġenzija għas-Sigurtà tal-Ikel, il-Bulgarija), fi proporzjon previst fl-Artikolu 37i(4) taż-[ZSPZZ], sabiex ikun jista’ jingħata artijiet agrikoli taħt titolu ta’ kiri jew ta’ użu, bidla din li la l-benefiċjarju u lanqas il-korp amministrattiv ma kienu f’pożizzjoni li jipprevedu fid-data li fiha ttieħed l-impenn?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

36      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’din perspettiva, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Groenland Poultry, C‑169/22, EU:C:2023:638, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jsegwi li l-applikazzjoni tad-Digriet Nru 11/2008 għall-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju ma hijiex ikkontestata. Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan id-digriet, dan jirregola l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni, b’mod partikolari, tal-miżura 211 tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2007–2013, iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

38      Madankollu, skont l-Artikolu 88 tar-Regolament Nru 1305/2013, li ħassar ir-Regolament Nru 1698/2005, dan ir-regolament tal-aħħar jibqa’ japplika għall-operazzjonijiet implimentati skont il-programmi approvati mill-Kummissjoni bis-saħħa tal-imsemmi regolament qabel l‑1 ta’ Jannar 2014. Bl-istess mod, konformement mal-Artikolu 19 tar-Regolament Delegat Nru 807/2014, li ħassar ir-Regolament Nru 1974/2006, dan ir-regolament tal-aħħar jibqa’ applikabbli għall-operazzjonijiet implimentati skont il-programmi approvati mill-Kummissjoni skont ir-Regolament Nru 1698/2005 qabel l‑1 ta’ Jannar 2014.

39      Peress li l-miżura 211 tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2007–2013 tikkostitwixxi tali operazzjoni u li huma inkwistjoni fil-kawża prinċipali obbligi li jinżammu artijiet agrikoli u li tiġi eżerċitata attività agrikola, f’żona żvantaġġata, għal mill-inqas ħames snin konsekuttivi, iċ-ċirkustanzi tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-obbligi għandhom jiġu evalwati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1698/2005 u tar-Regolament Nru 1974/2006 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Järvelaev, C-580/17, EU:C:2019:391, punti 37, 38 u 42).

40      Għandu jingħad ukoll li, meta l-irkupru tas-somom imħallsa indebitament fil-kuntest ta’ programm ta’ għajnuna, approvat u kkofinanzjat mill-FAEŻR għall-perijodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, iseħħ wara t-tmiem ta’ dan il-perijodu ta’ programmazzjoni, jiġifieri wara l‑1 ta’ Jannar 2014, dan l-irkupru għandu jkun ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1306/2013 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Järvelaev (C‑580/17, EU:C:2019:391, punt 42). Madankollu, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tikkonċernax il-modalitajiet tal-irkupru tal-ammonti allokati lil Askos Properties għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2014 u 2015.

41      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li d-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża jirrigwardaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1974/2006.

 Fuq lewwel domanda

42      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1974/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li x-xoljiment, minn amministrazzjoni komunali, ta’ kuntratt ta’ kiri li jirrigwarda art agrikola u konkluż għal ħames snin mal-benefiċjarju ta’ għajnuna agrikola, li ngħata fil-kuntest ta’ programmi għall-iżvilupp rurali ta’ Stat Membru, li għall-finanzjament tagħhom ikkontribwixxa l-FAEŻR, li seħħ wara emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi rekwiżiti ġodda għaż-żamma ta’ tali kuntratti, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “każ ta’ forza maġġuri” jew dak ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 47(1), b’mod partikolari każ ta’ “esproprjazzjoni tal-azjenda”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 47(1)(c).

43      L-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1974/2006 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu, b’mod partikolari, il-kategoriji li jinsabu fil-punti (a) sa (f) ta’ dan il-paragrafu (1) bħala każijiet ta’ forza maġġuri jew ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, li għalihom ma jeżiġux ir-rimbors sħiħ jew parzjali tal-għajnuna rċevuta mill-benefiċjarju.

44      Din id-dispożizzjoni tipprevedi eċċezzjoni fakultattiva għall-prinċipju tar-rimbors tal-għajnuna mill-benefiċjarju fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-impenn li jkun assuma dan il-benefiċjarju bħala kundizzjoni għall-għoti tal-imsemmija għajnuna matul il-perijodu ta’ eżekuzzjoni ta’ dan l-impenn.

45      F’dan il-każ, l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju ma tippermettix li jiġi ddeterminat mingħajr ekwivoku jekk, konformement ma’ dak li jsegwi mill-Artikolu 15(1) tad-Digriet Nru 11/2008, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1974/2006 hijiex implimentata, fid-dritt Bulgaru, b’mod li jaqgħu taħtha l-każijiet kollha ta’ forza maġġuri jew ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 47(1), jew jekk il-portata ta’ din l-eċċezzjoni hijiex limitata biss għall-każijiet imsemmija fid-dispożizzjonijiet addizzjonali ta’ dan id-digriet, fosthom dak tal-“esproprjazzjoni tal-azjenda”.

46      Sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli fi kwalunkwe każ, ir-risposta għad-domanda għandha tingħata kemm fir-rigward tal-kunċett ta’ “każijiet ta’ forza maġġuri” jew dak ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1974/2006, kif ukoll fir-rigward tal-kategorija partikolari tal-“esproprjazzjoni tal-azjenda”, li tinsab fil-punt (c) ta’ din id-dispożizzjoni, peress li hija dik il-qorti li għandha tivverifika l-portata eżatta tal-implimentazzjoni tal-imsemmi Artikolu 47(1) fid-dritt nazzjonali tagħha.

47      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni dwar jekk ix-xoljiment tal-kuntratti ta’ kiri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jikkostitwixxi “każ ta’ forza maġġuri” jew “ċirkustanza eċċezzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1974/2006, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-FAEŻR, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri kull avveniment dovut għal ċirkustanzi estranji għall-operatur, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata minn dan tal-aħħar (sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Szemerey, C‑330/14, EU:C:2015:826, punt 58; tas‑16 ta’ Frar 2023, Zamestnik Izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie”, C‑343/21, EU:C:2023:111, punt 58; u tas‑7 ta’ Settembru 2023, Groenland Poultry, C‑169/22, EU:C:2023:638, punt 39).

48      Mill-premessa 37 u mill-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1974/2006 joħroġ li l-lista msemmija f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma hijiex eżawrjenti u li l-kunċett ta’ “każ ta’ forza maġġuri” jew dak ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, jista’ għalhekk ikopri l-każijiet li ma jinsabux f’din il-lista. Għalhekk, skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-aġir tal-awtoritajiet pubbliċi jista’ wkoll jikkostitwixxi “każ ta’ forza maġġuri” jew ta’ “ċirkustanza eċċezzjonali” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 1993, Huygen et, C‑12/92, EU:C:1993:914, punt 31).

49      Għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-imsemmija lista tinkludi biss fatti oġġettivi, il-persuna kkonċernata li tinvoka l-eżistenza ta’ “każ ta’ forza maġġuri” jew ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali” għandha wkoll tkun f’pożizzjoni li tistabbilixxi li hija ppreparat ruħha kontra l-konsegwenzi tal-avveniment anormali, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, billi ħadet miżuri xierqa mingħajr sagrifiċċji eċċessivi. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2019, RF vs Il‑Kummissjoni, C‑660/17 P, EU:C:2019:509, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Minn dan isegwi li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, minn naħa, jekk l-emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi rekwiżiti ġodda fl-Artikolu 37i taż-ZSPZZ, li l-osservanza tagħhom hija kundizzjoni għaż-żamma tal-kuntratti ta’ kiri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif ukoll ix-xoljiment, miż-żewġ komuni kkonċernati, tal-kuntratti ta’ kiri konklużi ma’ Askos Properties jikkostitwixxux, mill-perspettiva ta’ din tal-aħħar, avvenimenti estranji, anormali u imprevedibbli, u, min-naħa l-oħra, jekk Askos Properties ħaditx il-miżuri kollha li setgħet tieħu, mingħajr ma esponiet ruħha għal sagrifiċċju eċċessiv, sabiex tagħmel dawn il-kuntratti konformi mal-imsemmija rekwiżiti l-ġodda.

51      F’dan il-kuntest, għandu jiġi evalwat, fost l-oħrajn, jekk it-terminu previst għall-konformità mar-rekwiżiti l-ġodda introdotti bl-emenda tal-Artikolu 37i taż-ZSPZZ kienx twil biżżejjed. Għandu jiġi evalwat ukoll jekk, sabiex tikkonforma ruħha ma’ dawn ir-rekwiżiti l-ġodda, Askos Properties kellhiex possibbiltà reali li tixtri sit ta’ trobbija u li tirreġistra n-numru ta’ annimali meħtieġa mal-awtoritajiet kompetenti. L-istess japplika għall-kwistjoni dwar jekk, sabiex tonora l-impenji tagħha, Askos Properties kellhiex il-possibbiltà li tuża artijiet oħra minbarra dawk imqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha mill-komuni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u jekk kienx possibbli għaliha li takkwista artijiet eliġibbli għall-miżura 211 tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2007–2013 mingħand persuni fiżiċi u ġuridiċi privati.

52      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk ix-xoljiment ta’ kuntratt bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “esproprjazzjoni tal-azjenda”, fis-sens tal-Artikolu 47(1)(c) tar-Regolament Nru 1974/2006, għandu jiġi rrilevat li dan il-kunċett la huwa ddefinit f’dan ir-regolament u lanqas, b’mod indirett, b’riferiment għal-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri. Għalhekk, l-imsemmi kunċett għandu jiġi kkunsidrat bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (Inċidenza għal Stat terz) (C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      F’dak li jirrigwarda, l-ewwel, it-termini ta’ dan l-Artikolu 47(1)(c), dawn sempliċement jindikaw li l-“l-esproprjazzjoni ta’ parti kbira ta’ l-azjenda”, meta din “ma seta[t]x [t]kun antiċipat[a] fil-jum li l-impenn kien mogħti”, tista’, b’mod partikolari, tiġi rrikonoxxuta mill-Istati Membri, bħala kategorija ta’ każ ta’ forza maġġuri jew ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, li fir-rigward tagħhom dawn ma jeżiġux il-ħlas lura tal-għajnuna kollha jew ta’ parti minnha rċevuta mill-benefiċjarju. Il-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 47(1)(c) għalhekk ma tipprovdix element utli sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “esproprjazzjoni tal-azjenda”, fis-sens tiegħu.

54      It-tieni, fir-rigward tal-kuntest li jidħol fih l-Artikolu 47(1)(c) tar-Regolament Nru 1974/2006, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma tinkludi d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “esproprjazzjoni tal-azjenda”, fis-sens tiegħu. Sussegwentement, il-preċiżazzjoni li l-“esproprjazzjoni ta’ parti kbira ta’ l-azjenda” ma għandhiex tkun “antiċipat[a] fil-jum li l-impenn kien mogħti” tista’ tiddetermina s-sitwazzjonijiet li fihom ma sarx ħlas lura tal-għajnuna u mhux tikkjarifika t-tifsira ta’ dan il-kunċett. Fl-aħħar nett, il-kategoriji l-oħra li jinsabu fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1974/2006 ma jinkludux barra minn hekk elementi li jippermettu li jiġi ddefinit l-imsemmi kunċett.

55      It-tielet, fir-rigward tal-għan imfittex minn dan ir-regolament, dan jistabbilixxi, bħalma jsegwi mit-titolu tiegħu, il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-FAEŻR. Issa, skont l-Artikolu 37 ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, il-ħlasijiet intiżi sabiex jikkumpensaw għall-iżvantaġġi naturali taż-żoni tal-muntanji u l-ħlasijiet għal żoni oħra bi żvantaġġi bħala prinċipju jingħataw lill-operaturi li jimpenjaw ruħhom li jkomplu bl-attività agrikola tagħhom fiż-żoni kkonċernati għal perijodu minimu ta’ ħames snin li jibda jiddekorri mill-ewwel pagament. It-twettiq ta’ dan l-għan jippresupponi għalhekk li l-operaturi li kkonkludew kuntratti ta’ kiri għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin sabiex jkollhom artijiet li jinsabu f’tali żoni sabiex jeżerċitaw l-attività agrikola tagħhom u sabiex jirċievu d-dħul minnha, jistgħu jużaw dawn l-artijiet f’dan il-perijodu.

56      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiġi dedott li l-kunċett ta’ “esproprjazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 47(1)(c) tar-Regolament Nru 1974/2006, jinkludi l-miżuri li jċaħħdu l-proprjetà kif ukoll il-miżuri li jistgħu jiġu assimilati magħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1990, van der Laan-Velzeboer, C‑285/89, EU:C:1990:460, punti 14 u 15).

57      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tikkostitwixxi ċaħda ta’ proprjetà, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), it-tneħħija, b’mod forzat, sħiħ u definittiv ta’ dritt ta’ użufrutt, sa fejn tali dritt jikkostitwixxi separazzjoni tad-dritt għall-proprjetà, sa fejn dan jagħti lid-detentur tiegħu żewġ attributi essenzjali ta’ dan l-aħħar dritt, jiġifieri d-dritt li juża l-proprjetà kkonċernata u d-dritt li jirċievi d-dħul minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli) (C-235/17, EU:C:2019:432, punti 81 u 82).

58      Għalhekk, meta leġiżlazzjoni nazzjonali, minħabba l-kontenut tagħha jew minħabba l-implimentazzjoni tagħha minn awtorità nazzjonali, tħassar b’mod forzat, sħiħ u definittiv id-drittijiet li wieħed juża l-artijiet ikkonċernati u li jirċievi d-dħul minnhom ta’ operatur li jkun ikkonkluda kuntratt ta’ kiri għall-finijiet tal-użu tal-imsemmija artijiet għall-perijodu multiannwali meħtieġ sabiex ikun eliġibbli għal finanzjament mill-FAEŻR, għandu jitqies li din il-leġiżlazzjoni tinkludi ċaħda tad-dritt għall-proprjetà, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, u tikkostitwixxi, minħabba f’hekk, “esproprjazzjoni tal-azjenda”, fis-sens tal-Artikolu 47(1)(c) tar-Regolament Nru 1974/2006.

59      Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li l-paragrafu 15 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-liġi li temenda ż-ZSPZZ jimponi x-xoljiment tal-kuntratti ta’ kiri biss bil-kundizzjoni li dawn ma jkunux saru konformi mar-rekwiżiti l-ġodda previsti fl-Artikolu 37i taż-ZSPZZ fit-terminu mogħti għal dan l-għan. Bla ħsara għall-verifiki li hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq, ix-xoljiment ta’ kuntratt ta’ kiri abbażi ta’ tali leġiżlazzjoni ma jimplikax għalhekk it-tneħħija, b’mod forzat, sħiħ u definittiv, tad-drittijiet li l-kerrej jieħu minn tali kuntratt.

60      Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ċaħda ta’ proprjetà, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, għandu mhux biss jiġi eżaminat jekk kienx hemm esproprjazzjoni formali, iżda għandu jiġi mfittex ukoll jekk is-sitwazzjoni kontenzjuża hijiex ekwivalenti għal esproprjazzjoni de facto (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BPC Lux 2 et, C‑83/20, EU:C:2022:346, punt 44).

61      Hija l-qorti tar-rinviju, li ma tipprovdi ebda indikazzjoni dwar jekk Askos Properties kellhiex il-possibbiltà li tieħu miżuri sabiex tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti l-ġodda imposti mill-Artikolu 37i taż-ZSPZZ u jekk hija adottatx miżuri f’dan ir-rigward, li għandha teżamina l-effetti konkreti u l-effetti reali tal-introduzzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti fuq is-sitwazzjoni ta’ Askos Properties kif ukoll l-elementi rilevanti kollha sabiex tiddetermina jekk kienx hemm, fil-kawża prinċipali, ċaħda tad-dritt għall-proprjetà. F’dan il-kuntest, hija dik il-qorti li għandha twettaq, fost oħrajn, l-evalwazzjonijiet indikati fil-punt 51 ta’ din is-sentenza.

62      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1974/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li x-xoljiment, minn amministrazzjoni komunali, ta’ kuntratt ta’ kiri li jirrigwarda art agrikola u konkluż għal ħames snin mal-benefiċjarju ta’ għajnuna agrikola, li ngħata fil-kuntest ta’ programmi għall-iżvilupp rurali ta’ Stat Membru, li għall-finanzjament tagħhom ikkontribwixxa l-FAEŻR, li seħħ wara emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi rekwiżiti ġodda bħala kundizzjoni għaż-żamma ta’ tali kuntratti, jista’ jikkostitwixxi

–        “każ ta’ forza maġġuri” jew “ċirkustanzi eċċezzjonali”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 47(1), meta dan ix-xoljiment jikkostitwixxi avveniment estranju, anormali u imprevedibbli għal dan il-benefiċjarju u dan ikun ħa l-miżuri kollha li kien possibbli għalih li jieħu, mingħajr ma jesponi ruħu għal sagrifiċċju eċċessiv, sabiex il-kuntratt ta’ kiri kkonċernat ikun konformi mar-rekwiżiti l-ġodda introdotti,

–        każ ta’ “esproprjazzjoni tal-azjenda”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 47(1)(c), meta l-imsemmi xoljiment jikkostitwixxi miżura ta’ ċaħda ta’ proprjetà li ċċaħħad lill-imsemmi benefiċjarju mid-drittijiet li juża artijiet agrikoli mikrija u li jirċievi d-dħul minnhom.

 Fuq ittieni domanda

63      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal sitwazzjoni li fiha l-impossibbiltà, għall-benefiċjarju ta’ għajnuna agrikola, li jkompli jonora l-impenji li jkun issottoskriva għalihom tirriżulta mix-xoljiment, minn amministrazzjoni komunali, tal-kuntratt ta’ kiri li jirrigwarda art agrikola u konkluż għal ħames snin ma’ dan il-benefiċjarju, li sar wara emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi rekwiżiti ġodda, skont liema l-imsemmi benefiċjarju huwa obbligat li jkollu sit ta’ trobbija u li jirreġistra ċertu numru ta’ annimali għat-trobbija mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li l-osservanza tagħhom hija kundizzjoni għaż-żamma ta’ tali kuntratt.

64      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li l-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006 jkopri l-każ tal-benefiċjarju li jkun impossibbli għalih li jkompli jonora l-impenji assunti minħabba li l-azjenda tiegħu tkun is-suġġett ta’ tqassim mill-ġdid jew ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni tal-art deċiżi jew approvati mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti.

65      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet tista’ taqa’ taħt il-kunċetti ta’ “tqassim mill-ġdid” jew ta’ “miżuri ta’ konsolidazzjoni tal-art” deċiżi jew approvati mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, kull operazzjoni li tipprevedi l-konfigurazzjoni mill-ġdid u l-arranġament mill-ġdid ta’ biċċiet ta’ raba’ sabiex jiġu kkostitwiti azjendi agrikoli iktar razzjonali fl-użu tal-artijiet u li hija deċiża jew approvata mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Zamestnik izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie”, C‑343/21, EU:C:2023:111, punt 39).

66      Din id-dispożizzjoni ma tapplikax meta l-impossibbiltà li jkompli jonora l-impenji meħuda minn benefiċjarju ta’ għajnuna agrarja tirriżulta mill-fatt li, peress li dan il-benefiċjarju ma jissodisfax ir-rekwiżiti l-ġodda li jimponulu li jkollu sit ta’ trobbija u li jirreġistra ċertu numru ta’ annimali tat-trobbija mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-amministrazzjoni komunali hija obbligata, skont id-dritt nazzjonali, li xxolji l-kuntratt ta’ kiri, konkluż għal ħames snin mal-imsemmi benefiċjarju, li jirrigwarda l-artijiet neċessarji għall-azjenda tiegħu.

67      Fil-fatt, f’tali ipoteżi, l-impossibbiltà, għall-benefiċjarju kkonċernat, li jkompli jonora l-impenji tiegħu minħabba t-telf tad-dritt li juża l-artijiet neċessarji għall-użu tiegħu matul il-perijodu ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmija impenji ma tirriżultax minn miżura ta’ ristrutturazzjoni tal-artijiet, iżda minn bidla tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna agrarja.

68      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal sitwazzjoni li fiha l-impossibbiltà, għall-benefiċjarju ta’ għajnuna agrikola, li jkompli jonora l-impenji li jkun issottoskriva għalihom tirriżulta mix-xoljiment, minn amministrazzjoni komunali, tal-kuntratt ta’ kiri li jirrigwarda art agrikola u konkluż għal ħames snin ma’ dan il-benefiċjarju, li sar wara emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi rekwiżiti ġodda, skont liema l-imsemmi benefiċjarju huwa obbligat li jkollu sit ta’ trobbija u li jirreġistra ċertu numru ta’ annimali għat-trobbija mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li l-osservanza tagħhom hija kundizzjoni għaż-żamma ta’ tali kuntratt.

 Fuq lispejjeż

69      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 47(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006 tal15 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 434/2007 tal20 ta’ April 2007,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ix-xoljiment, minn amministrazzjoni komunali, ta’ kuntratt ta’ kiri li jirrigwarda art agrikola u konkluż għal ħames snin mal-benefiċjarju ta’ għajnuna agrikola, li ngħata fil-kuntest ta’ programmi għall-iżvilupp rurali ta’ Stat Membru, li għall-finanzjament tagħhom ikkontribwixxa l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), li seħħ wara emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi rekwiżiti ġodda bħala kundizzjoni għaż-żamma ta’ tali kuntratti, jista’ jikkostitwixxi

–        “każ ta’ forza maġġuri” jew “ċirkustanza eċċezzjonali”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 47(1), meta dan ix-xoljiment jikkostitwixxi avveniment estranju, anormali u imprevedibbli għal dan il-benefiċjarju u dan ikun ħa l-miżuri kollha li kien possibbli għalih li jieħu, mingħajr ma jesponi ruħu għal sagrifiċċju eċċessiv, sabiex il-kuntratt ta’ kiri kkonċernat ikun konformi mar-rekwiżiti l-ġodda introdotti,

–        każ ta’ “esproprjazzjoni tal-azjenda”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 47(1)(c), meta l-imsemmi xoljiment jikkostitwixxi miżura ta’ ċaħda ta’ proprjetà li ċċaħħad lill-imsemmi benefiċjarju mid-drittijiet li juża artijiet agrikoli mikrija u li jirċievi d-dħul minnhom.

2)      L-Artikolu 45(4) tar-Regolament Nru 1974/2006, kif emendat bir-Regolament Nru 434/2007,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma japplikax għal sitwazzjoni li fiha l-impossibbiltà, għall-benefiċjarju ta’ għajnuna agrikola, li jkompli jonora l-impenji li jkun issottoskriva għalihom tirriżulta mix-xoljiment, minn amministrazzjoni komunali, tal-kuntratt ta’ kiri li jirrigwarda art agrikola u konkluż għal ħames snin ma’ dan il-benefiċjarju, li sar wara emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi rekwiżiti ġodda, skont liema l-imsemmi benefiċjarju huwa obbligat li jkollu sit ta’ trobbija u li jirreġistra ċertu numru ta’ annimali għat-trobbija mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li l-osservanza tagħhom hija kundizzjoni għaż-żamma ta’ tali kuntratt.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.