SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)
23 ta’ Novembru 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Artikolu 42(1) – Obbligu tal-Istati Membri li jipprovdu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-każ ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali – Dikjarazzjoni inkorretta tal-pajjiż tal-oriġini tal-merkanzija importata – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi multa li tikkorrispondi għal 50 % tal-lucrum cessans fuq id-dazji doganali – Prinċipju ta’ proporzjonalità”
Fil-Kawża C‑653/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Ottubru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Ottubru 2022, fil-proċedura
J. P. Mali Kerékpárgyártó és Forgalmazó Kft.
vs
Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága,
IL-QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, J.-C. Bonichot, S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Bottka u F. Moro, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn J. P. Mali Kerékpárgyártó és Forgalmazó Kft. (iktar ’il quddiem “J.P. Mali”) u n-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága (id-Direttorat tal-Appelli tal-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem id-“Direttorat tal-Appelli”), dwar multa imposta fuq J. P. Mali minħabba d-dikjarazzjoni inkoretta tal-pajjiż tal-oriġini tal-merkanzija importata. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
Il-premessi 9 u 38 tar-Regolament Nru 952/2013 jistabbilixxu:
[…]
|
4 |
L-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-għoti ta’ informazzjon lill-awtoritajiet doganali”, jipprevedi: “1. Kwalunkwe persuna direttament jew indirettament involuta fit-twettiq tal-formalitajiet doganali jew ta’ kontrolli doganali, fuq it-talba tal-awtoritajiet doganali u fi kwalunkwe limitu ta’ żmien speċifikat, għandha tipprovdi lil dawk l-awtoritajiet bid-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa, f’forma xierqa, u l-għajnuna kollha meħtieġa għat-twettiq ta’ dawk il-formalitajiet jew kontrolli. 2. Il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali […] tirrendi l-persuna kkonċernata responsabbli għal dan li ġej:
[…] Fejn id-dikjarazzjoni […] tingħata, minn rappreżentant doganali tal-persuna kkonċernata […] dak ir-rappreżentant doganali għandu jkun marbut ukoll bl-obbligi stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu”. |
5 |
L-Artikolu 42 tal-imsemmi regolament, intitolat “L-applikazzjoni ta’ pieni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Kull Stat Membru għandu jaħseb għal pieni għal nuqqas ta’ konformità mal-leġislazzjoni doganali. Tali pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi”. |
6 |
L-Artikolu 79 tal-istess regolament, intitolat “Dejn doganali li jinħoloq minħabba nuqqas ta’ konformità”, jistabbilixxi: “1. Għal merkanzija soġġetta għal dazju tal-importazzjoni, jinħoloq dejn doganali fuq l-importazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ xi wieħed minn dawn li ġejjin:
[…] 3. Fil-każijiet imsemmija taħt il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, id-debitur għandu jkun kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:
[…]”. |
7 |
L-Artikolu 124 tar-Regolament Nru 952/2013, intitolat “Estinzjoni”, jipprevedi: “1. Mingħajr ħsara għall-provvedimenti fis-seħħ dwar in-nuqqas ta’ rkupru tal-ammont ta’ dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni li jikkorrispondi għad-dejn doganali fil-każ tal-insolvenza tad-debitur stabbilita b’mod ġudizzjarju, dejn doganali fuq l-importazzjoni jew esportazzjoni għandu jkun estint b’xi mod minn dawn li ġejjin: […]
[…]
[…]
[…] 6. Fil-każ imsemmi fil-punt (k) tal-paragrafu 1, id-dejn doganali m’għandux jkun estint fir-rigward ta’ kwalunkwe persuna jew persuni li għamlu attentat ta’ qerq. […]”. |
Id‑dritt Ungeriż
8 |
Il-punt 6 tal-Artikolu 2 tal-az uniós vámjog végrehajtásáról szóló 2017. évi CLII. törvény (Vámtörvény) (il-Liġi Nru CLII tal‑2017, dwar l-Implimentazzjoni tad-Dritt Doganali tal-Unjoni), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni amministrattiva li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dwana”), kien jiddefinixxi l-kunċett ta’ “lucrum cessans fuq id-dazji doganali” kif ġej: “id-differenza bejn l-ammont tad-dazji u ta’ taxxi oħra mnissla u l-ammont, inqas minnu, tad-dazji u taxxi oħra nnotifikati, kif ukoll l-ammont tad-dazji u ta’ taxxi oħra mnissla, iżda mhux innotifikati, ħlief jekk dan ikun dovut għal ksur tal-liġi jew għal evalwazzjoni inkorretta tad-data disponibbli mill-awtoritajiet doganali, bl-esklużjoni tal-każijiet ta’ ammissjoni mingħajr verifika; […]” |
9 |
Din id-definizzjoni ġiet emendata kif ġej b’effett mit‑28 ta’ Lulju 2022: “id-differenza bejn l-ammont tad-dazji u ta’ taxxi oħra mnissla u l-ammont, inqas minnu, tad-dazji u ta’ taxxi oħra nnotifikati, kif ukoll l-ammont tad-dazji u ta’ taxxi oħra mnissla, iżda mhux innotifikati, ħlief jekk dan ikun dovut għal ksur tal-liġi jew għal evalwazzjoni inkorretta tad-data disponibbli mill-awtoritajiet doganali, bl-esklużjoni tal-każijiet ta’ ammissjoni mingħajr verifika, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li […] la dejn doganali estint skont l-Artikolu 124(1)(h) jew (k) tar-[Regolament Nru 952/2013] u lanqas dejn doganali inqas minn EUR 10 inkors minħabba ksur marbut mas-sorveljanza doganali jew ma’ każ ta’ amministrazzjoni doganali ma jikkostitwixxi lucrum cessans fuq id-dazji doganali”. |
10 |
Skont l-Artikolu 84 tal-Liġi dwar id-Dwana: “1. […]
[…] 2. […]
[...] 8. Jekk il-ksur imsemmi fil-paragrafu 1, jew in-nuqqas relatat miegħu, jirriżulta f’lucrum cessans fuq id-dazji doganali, għandha — bla ħsara għad-dispożizzjonijiet previsti fil-paragrafi 12 u 13, fl-Artikolu 85(1), (3) u (4) u fl-Artikolu 86 — tiġi ffissata multa doganali li tikkorrispondi għal 50 % ta’ dan il-lucrum cessans fuq id-dazji doganali. […] 10. Jekk il-ksur imsemmi fil-paragrafu 1, jew nuqqas relatat miegħu, ma jwasslux għal lucrum cessans fuq id-dazji doganali, għandha — bla ħsara għad-dispożizzjonijiet previsti fil-paragrafi 12 u 13, fl-Artikolu 85(1), (3) u (4) u fl-Artikolu 86 — tiġi ffissata multa amministrattiva doganali ta’ ammont korrispondenti,
[…]”. |
11 |
L-Artikolu 85 ta’ din il-liġi jipprovdi: “1. Jekk l-awtorità doganali tistabbilixxi:
l-awtorità doganali għandha tevita li timponi multa u toħroġ twissija lill-persuna kkonċernata. […] 3. Bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, ebda multa amministrattiva doganali ma tista’ tiġi imposta fil-kuntest tal-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tal-merkanzija, fir-rigward tal-eżattezza tad-data tad-dikjarazzjoni tal-merkanzija, jekk id-dikjarant jitlob l-emenda tad-dikjarazzjoni tal-merkanzija […]. 4. Jekk […] id-dikjarant jitlob li d-dikjarazzjoni doganali tal-merkanzija tiġi emendata wara li l-awtorità doganali tkun bdiet il-kontroll sussegwenti tagħha iżda qabel ir-rapport li jkun fih il-konklużjonijiet tal-kontroll sussegwenti jkun inħareġ, fuq il-bażi tal-informazzjoni dwar id-dazji u taxxi oħra pprovduta fir-rigward tal-firxa tal-kontroll, 50 % tal-ammont tal-multa li tista’ tiġi stabbilita skont l-Artikolu 84(8), (10) u (13) għandhom jiġu imposti fil-forma ta’ multa amministrattiva doganali, ħlief għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 u tal-Artikolu 86”. |
12 |
L-Artikolu 86 tal-imsemmija liġi jistabbilixxi: “Jekk il-ksur jew l-ommissjoni jitwettqu bil-falsifikazzjoni jew bid-distruzzjoni ta’ dokumenti, ta’ kotba u ta’ reġistri u li, konsegwentement, jinħoloq obbligu ta’ ħlas ta’ dazji u piżijiet oħra, l-ammont tal-multa amministrattiva doganali huwa ta’ 200 % tal-obbligu ta’ ħlas tad-dazji u ta’ piżijiet oħra sostnuti. […]”. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
13 |
Il-kumpannija rregolata mid-dritt Ungeriż J. P. Mali importat, fl-2017 u fl-2018, roti u partijiet ta’ roti akkwistati mingħand kumpanniji stabbiliti fit-Tajwan. Ir-rappreżentant doganali tagħha ZeMeX Kereskedelmi és Szállítmányozó Kft, għall-finijiet tar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera ta’ din il-merkanzija, ippreżenta dikjarazzjonijiet doganali, filwaqt li indika li l-imsemmija merkanzija kienet toriġina mit-Tajwan. |
14 |
In-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Baranya Megyei Adó- és Vámigazgatósága (id-Direttorat tat-Taxxa u tad-Dwana għad-Dipartiment ta’ Baranya li jaqa’ taħt l-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem l-“awtorità doganali tal-ewwel grad”) ikkonstatat li r-roti u l-komponenti tar-roti importati kienu ġejjin, fir-realtà, miċ-Ċina, b’tali mod li l-importazzjoni tagħhom kellha tagħti lok għall-ġbir ta’ dazju antidumping. Għaldaqstant, permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑10 ta’ Diċembru 2020, li saru definittivi fid‑29 ta’ Diċembru 2020, din l-awtorità talbet lil J. P. Mali, abbażi tad-dejn doganali tagħha, il-ħlas ta’ somma ta’ HUF 26077000 (madwar EUR 70000), liema ħlas sar mir-rappreżentant doganali ta’ din il-kumpannija. |
15 |
Abbażi ta’ elementi miġbura waqt kontroll sussegwenti mwettaq għand J. P. Mali, l-awtorità doganali tal-ewwel grad qieset li din il-kumpannija, bħala parti kontraenti għat-tranżazzjoni, għandu jkollha informazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi tal-akkwist tal-merkanzija kkonċernata. Il-proċess verbal ta’ kontroll tagħha kien ibbażat, b’mod partikolari, fuq rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) li minnu kien jirriżulta li l-kumpannija stabbilita fit-Tajwan elenkata bħala esportatriċi ta’ din il-merkanzija kienet involuta f’dikjarazzjonijiet foloz dwar l-oriġini ta’ komponenti ta’ roti Ċiniżi. |
16 |
Peress li kienet tal-fehma li J. P. Mali kienet wettqet il-ksur imsemmi fl-Artikolu 84(1)(a) u (2)(a)(aa) tal-Liġi dwar id-Dwana, l-awtorità doganali tal-ewwel grad, konformement mal-Artikolu 84(8) ta’ din il-liġi, imponiet fuqha multa amministrattiva doganali fl-ammont ta’ HUF 13039000 (madwar EUR 35000). |
17 |
J. P. Mali ippreżentat appell kontra d-deċiżjoni ta’ din l-awtorità doganali quddiem id-Direttorat tal-Appelli. Huwa ċaħad dan ir-rikors permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ April 2021, minħabba li J. P. Mali kellha l-obbligu li tiddikjara b’mod korrett l-oriġini tal-merkanzija u li, bħala distributriċi tar-roti, hija kellha tkun taf id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-attività tagħha, fosthom dawk fil-qasam ta’ dazju antidumping, u tagħżel l-imsieħba kuntrattwali tagħha, inklużi l-esportaturi f’pajjiżi terzi, bil-prekawzjoni meħtieġa. L-ineżattezza tad-dikjarazzjonijiet doganali tagħmel parti mir-riskju kummerċjali normalment sostnut mill-persuna li għandha tħallas id-dazji doganali. |
18 |
Barra minn hekk, id-Direttorat tal-Appelli qies, f’din id-deċiżjoni, li l-multa imposta fuq J. P. Mali kienet ibbażata fuq applikazzjoni korretta tal-Liġi dwar id-Dwana u ma kinitx tikser id-dritt tal-Unjoni. |
19 |
F’dan ir-rigward, huwa kkonstata li, minħabba l-indikazzjoni ineżatta tal-pajjiż ta’ oriġini, il-valur doganali tal-merkanzija kkonċernata kien ġie stabbilit f’ammont sinjifikattivament inqas mill-ammont reali ta’ din il-merkanzija, li wassal għal lucrum cessans fuq id-dazji doganali. Hija qieset li, skont il-punt 6 tal-Artikolu 2 u skont l-Artikolu 84(8) tal-Liġi dwar id-Dwana, dan il-lucrum cessans kien iwassal għall-applikazzjoni ta’ multa bir-rata ta’ 50 %, ikkalkolata abbażi tal-ammont totali tal-obbligu stabbilit mill-awtoritajiet doganali, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk il-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali kienx imputabbli lil J. P. Mali. Ma jkunx hemm lok li din il-multa tiġi rrinunzjata, peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti għal dan l-għan mil-Liġi dwar id-Dwana ma ġewx issodisfatti, u lanqas li jitnaqqas l-ammont tagħha, fin-nuqqas ta’ regolarizzazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ J. P. Mali bejn il-bidu tal-kontroll sussegwenti u n-notifika tal-proċess verbal ta’ dan il-kontroll. |
20 |
J. P. Mali kkontestat d-deċiżjoni tad-Direttorat tal-Appelli quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija). Hija ssostni li l-multa, li tikkorrispondi b’rata fissa għal 50 % tal-lucrum cessans fuq id-dazji doganali, ma hijiex proporzjonata mal-gravità tal-ksur. |
21 |
J. P. Mali tosserva li l-importaturi għandhom biss informazzjoni limitata dwar il-produzzjoni u l-oriġini tal-merkanzija u jiddependu, f’dan ir-rigward, fuq id-data pprovduta mill-esportaturi. Hija tindika li, f’dan il-każ, organu pubbliku indipendenti, il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Tajwan, ħarġitilha ċertifikati li jikkonfermaw l-indikazzjonijiet tal-esportaturi fir-rigward tal-oriġini tal-merkanzija kkonċernata. Hija tqis li l-leġiżlazzjoni Ungeriża, sa fejn ma tippermettix li jittieħdu inkunsiderazzjoni tali ċirkustanzi u timponi fil-każ ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali multa ħarxa fuq l-importatur minkejja li dan il-ksur ma huwiex imputabbli lilu, tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 952/2013 fil-qasam tas-sanzjonijiet. |
22 |
Skont id-Direttorat tal-Appelli, il-konvenut fil-kawża prinċipali, dan l-argument ta’ J. P. Mali ma huwiex fondat. Il-Liġi dwar id-Dwana tagħmel distinzjoni rilevanti skont in-natura tal-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali u tal-konsegwenzi tiegħu. Fil-fatt, din il-liġi tipprevedi sanzjonijiet differenti skont jekk il-ksur tax lok jew le għal lucrum cessans fuq id-dazji doganali. Barra minn hekk, skont l-Artikoli 85 u 86 tal-imsemmija liġi, anki fil-każ ta’ ksur li ta lok għal lucrum cessans fuq id-dazji doganali, is-sanzjoni hija aġġustata skont ċerti fatturi ta’ kunsiderazzjoni. |
23 |
Il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) tqis li jeżisti dubju dwar il-kompatibbiltà tas-sanzjoni prevista fl-Artikolu 84(8) tal-Liġi dwar id-Dwana mar-rekwiżit ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 952/2013. |
24 |
Din il-qorti tqis li din id-dispożizzjoni tal-Liġi dwar id-Dwana ma tippermettix li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ aġir imputabbli lill-operatur ikkonċernat u tipprekludi għalhekk li jiġi eżaminat jekk dan l-operatur ħax il-miżuri utli kollha li setgħu jkunu mistennija minnu sabiex jevita l-ksur li ta lok għat-tnissil ta’ lucrum cessans fuq id-dazji doganali. |
25 |
L-imsemmija qorti tindika madankollu li l-leġiżlatur Ungeriż emenda, b’effett mit‑28 ta’ Lulju 2022, il-kunċett ta’ “lucrum cessans fuq id-dazji doganali” li jinsab fil-punt 6 tal-Artikolu 2 tal-Liġi dwar id-Dwana, billi żied li “la dejn doganali estint skont l-Artikolu 124(1)(h) jew (k) tar-[Regolament Nru 952/2013] u lanqas dejn doganali inqas minn EUR 10 inkors minħabba ksur marbut mas-sorveljanza doganali jew ma’ każ ta’ amministrazzjoni doganali ma jikkostitwixxi lucrum cessans fuq id-dazji doganali”. Permezz ta’ din l-emenda, li tapplika immedjatament għall-kawżi pendenti li jaqgħu taħt dawn il-każijiet, il-leġiżlatur irrikonoxxa li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell tal-multa, l-aġir li jirriżulta fi ksur tal-obbligu ta’ preżentazzjoni tal-merkanzija fid-dwana jew fit-tneħħija tagħha mis-sorveljanza doganali ma jistax jiġi evalwat bl-istess mod bħal nuqqasijiet inqas sinjifikattivi tal-obbligi doganali. |
26 |
Skont il-qorti tar-rinviju, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk is-sanzjoni prevista fl-Artikolu 84(8) tal-Liġi dwar id-Dwana hijiex proporzjonata, peress li, f’dan il-każ, l-esportaturi u l-Kamra tal-Kummerċ tat-Tajwan kienu indikaw li l-merkanzija kkonċernata kienet toriġina mit-Tajwan, u li l-oriġini reali tal-merkanzija ġiet żvelata biss permezz ta’ rapport tal-OLAF irċevut wara d-dikjarazzjoni doganali. |
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Ir-Regolament [Nru 952/2013], għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit ta’ proporzjonalità previst fl-Artikolu 42(1) [ta’ dan ir-regolament] ma jipprekludix l-Artikolu 84(8) tal-[Liġi dwar id-Dwana], li, fil-kuntest tas-sanzjonijiet amministrattivi doganali li japplikaw b’mod obbligatorju fil-każ ta’ lucrum cessans fuq id-dazji doganali mnissla b’konsegwenza ta’ ksur dwar l-eżattezza tad-data li tinsab fid-dikjarazzjoni tal-merkanzija, ma jippermettix lill-awtoritajiet doganali jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari l-kwistjoni tal-aġir imputabbli lill-operatur li għamel id-dikjarazzjoni doganali, iżda jipprevedi għall-kuntrarju, bħala regola imperattiva, l-impożizzjoni ta’ multa amministrattiva doganali li tikkorrispondi għal 50 % tal-lucrum cessans fuq id-dazji doganali kkonstatati, indipendentement mill-gravità tal-ksur imwettaq u mill-eżami u l-evalwazzjoni tal-imputabbiltà tiegħu lill-operatur li għamel id-dikjarazzjoni doganali?”. |
Fuq id‑domanda preliminari
28 |
Qabel kollox għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 952/2013 jobbliga lil kull persuna involuta direttament jew indirettament fit-twettiq tal-formalitajiet doganali li tipprovdi informazzjoni eżatta u kompleta fid-dikjarazzjoni doganali. |
29 |
In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu jikkostitwixxi “nuqqas ta’ konformità mal-leġislazzjoni doganali”, fis-sens tal-Artikolu 42(1) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, dan il-kunċett ma jirrigwardax biss attivitajiet frawdolenti, iżda jinkludi kull nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk in-nuqqas ta’ osservanza kienx intenzjonali, jew twettaqx b’negliġenza jew, saħansitra, fl-assenza ta’ kull aġir żbaljat tal-operatur ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Marzu 2020, Schenker, C‑655/18, EU:C:2020:157, punti 30 sa 32 u 45, kif ukoll tat‑8 ta’ Ġunju 2023, ZES Zollner Electronic, C‑640/21, EU:C:2023:457, punt 59). |
30 |
Fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ tali nuqqas ta’ osservanza, huwa kull Stat Membru li għandu jipprevedi, konformement mal-Artikolu 42(1) tal-imsemmi regolament, sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, b’mod partikolari, fil-każ ta’ provvista ta’ informazzjoni ineżatta f’dikjarazzjoni doganali, inkluż fil-każijiet — li taħthom taqa’, skont il-qorti tar-rinviju, il-kawża prinċipali — ikkaratterizzati mill-bona fide tal-importatur, peress li dan ikun qagħad fuq attestazzjonijiet uffiċjali maħruġa f’pajjiż jew territorju barra mit-territorju doganali tal-Unjoni. |
31 |
Sanzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti f’multa amministrattiva li tikkorrispondi għal 50 % tal-lucrum cessans fuq id-dazji doganali kkawżat mill-informazzjoni ineżatta pprovduta, tista’ titqies li hija effettiva u dissważiva, fis-sens tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 952/2013. Fil-fatt, tali sanzjoni tista’ tinkoraġġixxi lill-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw ruħhom li jkollhom informazzjoni korretta dwar il-merkanzija li huma jimportaw u li l-informazzjoni li huma jipprovdu fid-dikjarazzjonijiet doganali tkun eżatta u kompleta. Hija tikkontribwixxi għalhekk sabiex jintlaħaq l-għan, stabbilit fil-premessa 9 ta’ dan ir-regolament, li tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-miżuri tariffarji u ta’ miżuri oħra ta’ politika komuni dwar l-iskambji ta’ merkanzija bejn l-Unjoni u l-pajjiżi jew it-territorji li jinsabu barra mit-territorju doganali tagħha. |
32 |
Għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-proporzjonalità tas-sanzjoni inkwistjoni, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn sistema stabbilita b’din il-leġiżlazzjoni, l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom li huma xierqa. Madankollu, huma marbuta li jeżerċitaw is-setgħa tagħhom filwaqt li josservaw id-dritt tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali tiegħu, u konsegwentement, billi josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Skont dan il-prinċipju, il-miżuri amministrattivi jew repressivi ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija b’mod leġittimu minn din il-leġiżlazzjoni u lanqas ma għandhom ikunu sproporzjonati meta mqabbla ma’ dawn l-għanijiet (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Zes Zollner Electronic, C‑640/21, EU:C:2023:457, punti 60 u 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
33 |
L-imsemmi prinċipju jorbot lill-Istati Membri mhux biss f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-elementi li jikkostitwixxu ksur u tar-regoli relattivi għall-livell tal-ammont tal-multi, iżda anki f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multa (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2017, Euro-Team u Spirál-Gép, C‑497/15 u C‑498/15, EU:C:2017:229, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
F’dan il-każ, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlatur Ungeriż introduċa sistema ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali li tipprevedi multa amministrattiva li l-ammont tagħha huwa direttament proporzjonali għall-ammont ta’ lucrum cessans fuq id-dazji doganali kkawżat mill-ksur. |
35 |
Fil-fatt, peress li l-multa amministrattiva prevista minn din is-sistema hija, bħala prinċipju, ugwali għal 50 % ta’ dan il-lucrum cessans, l-ammont tal-multa huwa iktar u iktar għoli meta l-imsemmi lucrum cessans, li jirriżulta pereżempju mill-indikazzjoni ineżatta tal-pajjiż jew tat-territorju ta’ oriġini tal-merkanzija, ikun sinjifikanti. Għall-kuntrarju, l-ammont tal-multa huwa iktar u iktar imnaqqas peress li l-istess lucrum cessans ma jkunx sinjifikanti. Barra minn hekk, meta l-lucrum cessans ikun negliġibbli, dan jista’ jagħti lok għal eżenzjoni |
36 |
Barra minn hekk, din ir-rata ta’ 50 % ma tidhirx eċċessiva fir-rigward tal-importanza tal-għan tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, imfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza. |
37 |
Leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni tippermetti, ulterjorment, li jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod sinjifikattiv, l-aġir tal-operatur ikkonċernat, b’mod partikolari, billi r-rata tal-multa tiżdid għal 200 % tal-obbligu ta’ ħlas tad-dazji u piżijiet oħra fil-każ ta’ attività frawdolenti u billi r-rata tal-multa titnaqqas għal 25 % tal-lucrum cessans fuq id-dazji doganali jekk dan l-operatur ikun in bona fide u jitlob, bejn il-bidu tal-kontroll sussegwenti u l-ħruġ tar-rapport li jinkludi l-konklużjonijiet ta’ dan il-kontroll, l-emenda tad-dikjarazzjoni doganali, billi jipprovdi l-informazzjoni eżatta. |
38 |
Fil-qasam tad-dazji doganali, tali modalitajiet jippermettu li tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’mod partikolari, skont dak li huwa stabbilit fil-premessa 38 tar-Regolament Nru 952/2013, huma jiddistingwu b’mod suffiċjenti l-każijiet li fihom l-operatur ikkonċernat huwa in bona fide minn dawk li fihom dan ma huwiex. |
39 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 952/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-każ ta’ lucrum cessans fuq id-dazji doganali kkawżat mill-provvista ta’ informazzjoni ineżatta f’dikjarazzjoni doganali li tirrigwarda merkanzija importata fl-Unjoni, multa amministrattiva li tikkorrispondi, bħala prinċipju, għal 50 % ta’ dan il-lucrum cessans u li hija applikata minkejja l-bona fide tal-operatur ikkonċernat u l-prekawzjonijiet meħuda minnu, peress li din ir-rata ta’ 50 % hija nettament inqas minn dik prevista fil-każ ta’ mala fide ta’ dan l-operatur u, barra minn hekk, hija kunsiderevolment imnaqqsa f’ċerti sitwazzjonijiet ippreċiżati f’din il-leġiżlazzjoni, fosthom dik li fiha l-operatur in bona fide jirrettifika d-dikjarazzjoni doganali tiegħu qabel it-tmiem tal-verifika sussegwenti. |
Fuq l‑ispejjeż
40 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-każ ta’ lucrum cessans fuq id-dazji doganali kkawżat mill-provvista ta’ informazzjoni ineżatta f’dikjarazzjoni doganali li tirrigwarda merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea, multa amministrattiva li tikkorrispondi, bħala prinċipju, għal 50 % ta’ dan il-lucrum cessans u li hija applikata minkejja l-bona fide tal-operatur ikkonċernat u l-prekawzjonijiet meħuda minnu, peress li din ir-rata ta’ 50 % hija nettament inqas minn dik prevista fil-każ ta’ mala fide ta’ dan l-operatur u, barra minn hekk, hija kunsiderevolment imnaqqsa f’ċerti sitwazzjonijiet ippreċiżati f’din il-leġiżlazzjoni, fosthom dik li fiha l-operatur in bona fide jirrettifika d-dikjarazzjoni doganali tiegħu qabel it-tmiem tal-verifika sussegwenti. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.