Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

30 ta’ Mejju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni – Ħaddiem ta’ Stat Membru li ttrasferixxa d-domiċilju tiegħu lejn l-Isvizzera – Vantaġġi fiskali – Taxxa fuq id-dħul – Mekkaniżmu ta’ ‘impożizzjoni volontarja’ – Kontribwenti benefiċjarji – Limitazzjoni għall-ħaddiema impjegati parzjalment taxxabbli li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru jew fi Stat Parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) – Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża C‑627/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Settembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Ottubru 2022, fil-proċedura

AB

vs

Finanzamt Köln-Süd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u W. Roels, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Novembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil‑21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2009, L 353, p. 71), kif adattat l-aħħar mill-Protokoll tal‑4 ta’ Marzu 2016 rigward il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja bħala Parti Kontraenti, wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 31, p. 3) (iktar ’il quddiem il-“FMLP”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn AB u l-Finanzamt Köln-Süd (l-Awtorità tat-Taxxa tan-Nofsinhar ta’ Köln, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“awtorità tat-taxxa”) dwar il-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul għall-perijodu ta’ tassazzjoni li jikkorrispondi għas-snin 2017 sa 2019 (iktar ’il quddiem il-“perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali”).

 Ilkuntest ġuridiku

 IlFMLP

3        Il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, iffirmaw, fil‑21 ta’ Ġunju 1999, seba’ ftehimiet, fosthom il-FMLP. Permezz tad-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika tal‑4 ta’ April 2002 dwar il-konklużjoni tas-seba’ Ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41, p. 89, rettifika fil-ĠU 2015, L 210, p. 38) dawn is-seba’ ftehimiet ġew approvati f’isem il-Komunità Ewropea u daħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Ġunju 2002.

4        Skont il-preambolu tal-FMLP, il-Partijiet Kontraenti huma “[d]eterminati li jġibu fis-seħħ il-moviment liberu tal-persuni bejniethom ibbażat fuq ir-regoli li japplikaw fil-Komunità Ewropea”.

5        L-Artikolu 1 tal-FMLP jistabbilixxi:

“L-għan ta’ dan il-Ftehim, għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u tal-Iżvizzera, huwa:

(a)      li jingħata dritt ta’ dħul, residenza, aċċess għax-xogħol bħala persuni impjegati, l-istabbiliment fuq bażi ta’ impjieg indipendenti u d-dritt li joqogħdu fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti;

[...]

(c)      li jingħata dritt ta’ dħul, u ta’ residenza, fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti lil persuni li ma jkollhomx attività ekonomika fil-pajjiż ospitant;

(d)      li jingħataw l-istess kondizzjonijiet ta’ għajxien, impjieg u xogħol bħal dawk li jingħataw liċ-ċittadini.”

6        L-Artikolu 2 tal-imsemmi ftehim, intitolat “Non-diskriminazzjoni”, jipprevedi:

“B’applikazzjoni ta’ u skond id-dispożizzjonijiet tal-Annessi I, II u III għal dan il-Ftehim, iċ-ċittadini ta’ Parti Kontraenti waħda li jkunu legalment residenti fit-territorju ta’ Parti Kontraenti oħra m’għandhomx ikunu suġġett għal kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità.”

7        L-Artikolu 4 tal-istess ftehim, intitolat “Id-dritt ta’ residenza u ta’ aċċess għal attività ekonomika” huwa fformulat kif ġej:

“Id-dritt ta’ residenza u ta’ aċċess għal attività ekonomika għandhom jiġu ggarantiti [...] skond id-dispożizzjonijiet tal-Anness I.”

8        L-Artikolu 6 tal-FMLP jipprevdi:

“Id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Parti Kontraenti għandu jiġi ggarantit lill-persuni li ma jeżerċitawx attività ekonomika skond id-dispożizzjonijiet tal-Anness I relatati ma’ nies li mhumiex attivi.”

9        Skont l-Artikolu 7 tal-istess ftehim, bit-titolu “Drittijiet Oħra”:

“Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu, skond l-Anness I, għad-drittijiet li ġejjin li huma relatati mal-moviment liberu tal-persuni:

a)      id-dritt għal trattament ugwali daqs iċ-ċittadini fir-rigward tal-aċċess għal, u l-eżerċizzju ta’, attività ekonomika, u l-kondizzjonijiet tal-għajxien, tal-impjieg u tax-xogħol;

[...]”

10      L-Artikolu 10 tal-imsemmi ftehim, intitolat “Dispożizzjonijiet transizzjonali u żvilupp tal-Ftehim”, jipprevedi, b’mod partikolari, fil-paragrafi 1 sa 1c tiegħu, id-dritt tal-Konfederazzjoni Svizzera u ta’ ċerti Stati Membri li jżommu limiti kwantitattivi fir-rigward tal-aċċess għal attività ekonomika għal ċerti kategoriji ta’ residenzi u għal ċertu perijodu, fil-paragrafi 2 sa 2c tiegħu, id-dritt tal-partijiet kontraenti li jżommu, għal ċertu perijodu, il-kontrolli tal-prijorità tal-ħaddiem integrat fis-suq regolari tax-xogħol u tal-kundizzjonijiet tas-salarju u tax-xogħol għaċ-ċittadini tal-Parti Kontraenti l-oħra, u, fil-paragrafi 3 sa 3c tiegħu, id-dritt tal-Konfederazzjoni Svizzera li tirriżerva, fi ħdan il-kwoti globali tagħha, livelli minimi għal permessi ta’ residenza ġodda għal ħaddiema impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom tal-Unjoni Ewropea.

11      L-Artikolu 13 tal-imsemmi ftehim, intitolat “Waqfien [Standstill]”, jipprevedi:

“Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw irwieħhom li ma jadottaw l-ebda miżura restrittiva oħra vis-à-vis iċ-ċittadini ta’ xulxin fl-oqsma koperti minn dan il-Ftehim.”

12      Skont l-Artikolu 15 tal-FMLP, l-annessi u l-protokolli tiegħu għandhom jifformaw parti integrali minnu.

13      L-Artikolu 16 ta’ dan il-ftehim, intitolat “Referenza għal-liġi Komunitarja”, jaqra kif ġej:

“1.      Sabiex jinkisbu l-għanijiet mixtieqa minn dan il-Ftehim, il-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li d-drittijiet u l-obbligi li huma ekwivalenti għal dawk li huma inklużi fl-atti legali tal-Komunità Ewropea, li ssir referenza għalihom, ikunu applikati fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom.

2.      Sakemm l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim tinvolvi kunċetti tal-liġi Komunitarja, għandu jittieħed kont tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej qabel id-data tal-iffirmar tiegħu. L-attenzjoni tal-Iżvizzera għandha tinġibed lejn il-ġurisprudenza ta’ wara dik id-data. Sabiex jiġi żgurat li l-Ftehim jiffunzjona korrettament, il-Kumitat Konġunt għandu, fuq it-talba ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet Kontraenti, jiddetermina l-implikazzjonijiet ta’ tali ġurisprudenza.”

14      L-Artikolu 21 tal-istess ftehim jipprevedi:

“1.      Id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim bilaterali bejn l-Iżvizzera u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea dwar it-tassazzjoni doppja m’għandhomx ikunu milquta mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim m’għandhomx jinċidu fuq id-definizzjoni fi ftehim dwar it-tassazzjoni doppja ta’ ‘ħaddiema tal-fruntiera’.

2.      L-ebda dispożizzjoni ta’ dan il-Ftehim ma tista’ tiġi interpretata b’tali mod li tipprevjeni lill-Partijiet Kontraenti milli jiddistingwu, meta japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġislazzjoni fiskali tagħhom, bejn dawk li jħallsu t-taxxa li s-sitwazzjonijiet tagħhom mhumiex komparabbli, speċjalment fir-rigward tal-post ta’ residenza tagħhom .

3.      L-ebda dispożizzjoni ta’ dan il-Ftehim m’għandha timpedixxi lill-Partijiet Kontraenti milli jadottaw jew japplikaw miżuri sabiex jiżguraw l-impożizzjoni, il-ħlas u l-irkupru effettiv ta’ taxxi jew sabiex jimpedixxu l-evażjoni fiskali taħt il-leġislazzjoni jew il-ftehim fiskali nazzjonali mmirati lejn il-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja bejn l-Iżvizzera, minn naħa waħda, u Stat Membru wieħed jew aktar tal-Komunità Ewropea, min-naħa l-oħra, jew kwalunkwe arranġament fiskali ieħor.”

15      L-Anness I ta’ dan l-istess ftehim jiffoka fuq il-moviment liberu tal-persuni.

16      L-Artikolu 6(1) ta’ dan l-Anness I jipprevedi: 

“Persuna impjegata li tkun ċittadina ta’ Parti Kontraenti (minn hawn ’il quddiem ‘persuna impjegata’) u tkun impjegata għal perjodu ta’ sena jew aktar minn persuna li tħaddem fl-Istat ospitant għandha tirċievi permess ta’ residenza li jkun validu għal mill-inqas ħames snin mid-data li fiha jinħareġ.”

17      L-Artikolu 7(1) tal-imsemmi Anness I jipprevedi:

“Ħaddiem tal-fruntiera impjegat huwa ċittadin ta’ Parti Kontraenti li jkollhu r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ Parti Kontraenti u jeżerċita attività bħala persuna impjegata fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra, fejn ġeneralment jirritorna lejn il-post ta’ residenza tiegħu kuljum, jew għall-inqas darba f’ġimgħa.”

18      L-Artikolu 8 tal-istess Anness I jipprevedi:

“1.      Il-persuni impjegati għandhom ikollhom id-dritt għal mobbiltà okkupazzjonali u ġeografika fit-territorju kollu tal-Istat ospitant.

2.      Il-mobbiltà okkupazzjonali għandha tinkludi bidla fl-okkupazzjoni u l-bdil minn status ta’ persuna li taħdem għal rasha għal dak ta’ impjegata.. Il-mobbiltà ġeografika għandha tinkludi bidliet fil-post tax-xogħol u ta' residenza.”

19      L-Artikolu 9 tal-Anness I tal-FMLP, intitolat “Trattament ugwali”, jipprevedi fil-paragrafu (1) u (2) tiegħu:

“1.      Persuna impjegata li tkun ċittadina ta’ Parti Kontraenti ma tistax tiġi trattata b’mod differenti fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra, minħabba n-nazzjonalità tagħha, minn ċittadini impjegati fir-rigward tal-kondizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, speċjalment fir-rigward tal-paga, tat-tkeċċija, jew tal-għoti lura tal-post jew tal-impjieg jekk issir qiegħda.

2.      Persuna impjegata u l-membri tal-familja tagħha li jissemmew fl-Artikolu 3 ta' dan l-Anness għandhom igawdu l-istess konċessjonijiet fiskali u l-istess benefiċċji soċjali bħaċ-ċittadini impjegati u bħall-membri tal-familja tagħhom.”

20      Skont l-Artikolu 24 ta’ dan l-Anness I:

“1.      Persuna li tkun ċittadina ta’ Parti Kontraenti li ma teżerċitax attività ekonomika fl-Istat ta’ residenza u li m’għandha l-ebda dritt ta' residenza skond id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan il-Ftehim għandha tirċievi permess ta’ residenza validu għal mill-inqas ħames snin sakemm iġġib prova lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandha, għaliha stess u għall-membri tal-familja tagħha:

a)      mezzi finanzjarji suffiċjenti sabiex ma jkollhiex tapplika għall-benefiċċji tal-assistenza soċjali matul iż-żjara tagħha;

b)      kopertura tal-assigurazzjoni kontra r-riskji kollha ta’ mard [...]

[...]”

 Iddritt Ġermaniż

21      L-Einkommensteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (BGBl. 2009 I, p. 3366, iktar ’il quddiem l-“EStG”) tipprevedi, fl-Artikolu 1(1) tagħha, intitolat “Suġġettar”:

“1.      Il-persuni fiżiċi li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja jkunu kompletament suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul. [...]

[...]

4.      Bla ħsara għall-paragrafi (2) u (3) u għall-Artikolu 1a, il-persuni fiżiċi li la għandhom id-domiċilju u lanqas ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja huma suġġetti b’mod limitat għat-taxxa fuq id-dħul jekk huma jirċievu dħul nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 49.

[...]”

22      L-Artikolu 9(1) tal-EstG huwa fformulat kif ġej:

“L-ispejjeż professjonali huma l-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-akkwist, is-salvagwardja u ż-żamma tad-dħul. Huma għandhom jitnaqqsu mill-kategorija tad-dħul li fiha ġew iġġenerati. [...]”

23      Skont l-Artikolu 39 tal-EStG, intitolat “Tnaqqis u żieda abbażi tal-kwota mhux taxxabbli tas-salarji supplimentari”:

“(1)      Fuq talba ta’ impjegat li huwa kompletament suġġett għat-taxxa fuq id-dħul, l-awtorità tat-taxxa għandha tikkalkola l-ammont totali tat-tnaqqis li għandu jitnaqqas mis-salarju tiegħu billi tieħu s-somma tal-ammonti li ġejjin:

1.      L-ispejjeż professjonali marbuta mad-dħul minn attività bħala persuna impjegata, meta jaqbżu l-ammont b’rata fissa ta’ impjegat [il-punt 1(a) tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 9], [...]

[...]

(2)      L-impjegat għandu jippreżenta t-talba msemmija fil-paragrafu 1 fuq il-formola amministrattiva stampata minn qabel speċifikata għal dan l-għan, li huwa jiffirma bl-idejn. It-terminu mogħti għat-tressiq ta’ din it-talba jibda jiddekorri mill‑1 ta’ Ottubru tas-sena ta’ qabel dik li għaliha għandu jiġi applikat it-tnaqqis. Dan it-terminu jintemm fit‑30 ta’ Novembru tas-sena kalendarja li matulha tapplika t-tnaqqis. [...]

[...]

(4)      Għal ħaddiem parzjalment suġġett għat-taxxa fuq id-dħul, li għalih tapplika r-raba’ sentenza tal-Artikolu 50(1), l-awtorità tat-taxxa tiddetermina, fuq talba, tnaqqis li għandu jitnaqqas mis-salarju totali, mis-somma tal-ammonti li ġejjin:

1.      l-ispejjeż professjonali sostnuti sabiex jinkiseb dħul minn attività bħala persuna impjegata, [...]

[...]

It-talba tista’ ssir biss fuq il-formola stabbilita mill-awtorità sal-aħħar tas-sena kalendarja li għaliha tapplika d-data speċifika għall-finijiet tat-taxxa f’ras il-għajn tat-taxxa fuq is-salarji.”

24      Il-punti 4 u 8 tal-Artikolu 46(2) u l-Artikolu 46(4) tal-EStG jipprevedi:

“(2)      Meta d-dħul ikun ikkostitwit, totalment jew parzjalment, minn dħul minn attività bħala persuna impjegata li kienet is-suġġett ta’ tnaqqis f’ras il-għajn, għandha ssir tassazzjoni biss:

[...]

4.      meta, għal kontribwent partikolari, jiġi ddeterminat tnaqqis fis-sens tal-punti 1 sa 3, 5 jew 6 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 39a (1) tal-EStG u s-salarju totali rċevut matul is-sena kalendarja jaqbeż EUR 11 600 [EUR 11 200 għall-2017 u EUR 11 400 għall-2018], [...]; l-istess regola tapplika għall-kontribwenti li jappartjenu għall-kategorija ta’ persuni ddefiniti fl-Artikolu 1(2) jew għall-impjegati parzjalment suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul, meta dawn ir-reġistrazzjonijiet jidhru fuq ċertifikat fiskali maħruġ għall-finijiet tat-taxxa f’ras il-għajn (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 39(3);

[...]

8.      jekk it-tassazzjoni hija mitluba, b’mod partikolari għall-finijiet tal-imputazzjoni fuq is-salarji fuq it-taxxa fuq id-dħul. Din it-talba għandha ssir permezz tal-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul.

[...]

(4)      Jekk l-applikazzjoni tas-sistema ta’ impożizzjoni skont il-paragrafu 2 hija eskluża, it-taxxa fuq id-dħul li hija dovuta abbażi tad-dħul minn attività bħala persuna impjegata għandha titqies li tħallset mill-persuna taxxabbli permezz tat-taxxa f’ras il-għajn fuq is-salarju tagħha abbażi tat-taxxa fuq is-salarji, bil-kundizzjoni li din ma tkunx tista’ tintuża sabiex tikkumpensa tnaqqis tat-taxxa fuq is-salarji. [...]”

25      L-Artikolu 49(1) tal-EStG ntitolat “Dħul parzjalment taxxabbli”, jipprevedi:

“(1)      Jikkostitwixxi dħul nazzjonali għall-finijiet tal-issuġġettar parzjali għat-taxxa fuq id-dħul [Artikolu 1(4)]:

[...]

4.      id-dħul minn impjieg (Artikolu 19)

a)      li jitwettaq jew isir jew twettaq jew sar fil-Ġermanja,

[...]

[...]”

26      L-Artikolu 50 tal-EStG, li jirrigwarda dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-persuni taxxabbli parzjalment, jipprevedi:

“(1)      Il-persuni parzjalment suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż li jistgħu jitnaqqsu msemmija fl-Artikolu 4(4) sa (8) jew l-ispejjeż professjonali msemmija fl-Artikolu 9 biss sa fejn dawn l-ispejjeż għandhom rabta ekonomika mad-dħul nazzjonali. [...]

(2)      It-taxxa fuq id-dħul applikabbli għad-dħul suġġett għat-taxxa f’ras il-għajn fuq is-salarju [...] titqies, fir-rigward tal-persuni taxxabbli parzjalment suġġetti għat-taxxa, imħallsa permezz tat-taxxa f’ras il-għajn. L-ewwel sentenza ma tapplikax:

[...]

4.      għad-dħul minn xogħol b’salarju fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 49(1),

a)      fil-każ li jiġi stabbilit tnaqqis bħala informazzjoni speċifika għall-finijiet tat-taxxa f’ras il-għajn fuq is-salarji skont l-Artikolu 39(4), jew

b)      fil-każ ta’ talba għal taxxa fuq l-introjtu (punt 8 tal-Artikolu 46(2);

[...]

[...] It-tieni sentenza tal-punt 4(b) tal-Artikolu 50(2) tal-EStG tapplika biss għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat ieħor li għalih japplika l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [tat‑2 ta’ Mejju 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”)) li għandhom id-domiċilju tagħhom jew ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri. [...]”

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

27      Matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, AB, ċittadin Ġermaniż, ħadem bħala amministratur f’isem kumpannija Ġermaniża stabbilita f’Z (il-Ġermanja) u kiseb minn dan l-impjieg dħul minn attività bħala persuna impjegata, filwaqt li kellu d-domiċilju tiegħu u r-residenza abitwali tiegħu fl-Isvizzera. AB kien jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fuq it-telexogħol mid-dar tiegħu fl-Isvizzera kif ukoll fil-kuntest ta’ kollokamenti professjonali fil-Ġermanja.

28      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li AB mill-Ġermanja mar joqgħod l-Isvizzera f’April 2016 għal raġunijiet familjari marbuta mat-teħid ta’ impjieg f’dan l-Istat minn martu u li l-installazzjoni tiegħu fl-Isvizzera twettqet debitament fil-kuntest ta’ permess ta’ residenza.

29      Matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, AB kien suġġett fil-Ġermanja għal suġġettar parzjali għat-taxxa, konformement mal-Artikolu 1(4) tal-EStG. Is-salarju kollu tiegħu kien suġġett għal taxxa fuq is-salarji, li l-ġbir tagħha permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn u l-ħlas lura lill-awtorità tat-taxxa twettqu mill-persuna li timpjega lil AB.

30      Fil-kuntest tal-kollokamenti professjonali AB uża vettura bil-mutur akkwistata b’kiri, mhux ipprovduta mill-persuna li timpjega, u kellu, b’mod partikolari, l-spejjeż tiegħu stess marbuta ma’ din il-vettura kif ukoll spejjeż oħra tal-ivvjaġġar. Matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa ma rreġistra ebda tnaqqis mal-awtorità tat-taxxa.

31      Minbarra d-dħul tiegħu mix-xogħol bħala persuna impjegata, AB irċieva dħul mill-kiri ta’ żewġ proprjetajiet immobbli li jinsabu fil-Ġermanja.

32      Fid-dikjarazzjonijiet tat-taxxa fuq id-dħul tiegħu relatati mal-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ippreżentati quddiem l-awtorità tat-taxxa, AB iddikjara, minbarra dħul mill-kiri, dħul minn attività bħala persuna impjegata. Fir-rigward tas-sena fiskali 2017, huwa indika biss li, fuq dħul gross li ġej minn attività bħala persuna impjegata ta’ ammont totali ta’ EUR 113 299.41, salarju gross ta’ EUR 63 651 kien jikkorrispondi għall-attivitajiet eżerċitati fil-Ġermanja u kien taxxabbli hemmhekk. Fir-rigward tas-sena fiskali 2018, fuq dħul gross li ġej minn attività bħala persuna impjegata ta’ ammont totali ta’ EUR 115 498.41, salarju gross ta’ EUR 60 932 kien jikkorrispondi għall-attivitajiet eżerċitati fil-Ġermanja u, fir-rigward tas-sena taxxabbli 2019, fuq dħul gross li ġej minn attività bħala persuna impjegata ta’ ammont totali ta’ EUR 115 314.91, salarju gross ta’ EUR 57 429 kien jikkorrispondi għall-attivitajiet eżerċitati fil-Ġermanja.

33      Fl-imsemmija dikjarazzjonijiet, AB sostna, bħala spejjeż li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-ammont tat-taxxa, spejjeż professjonali, jiġifieri, spejjeż marbuta ma’ attività taxxabbli fil-Ġermanja, u ressaq talba għal tassazzjoni fuq id-dħul, konformement mal-punt 4(b) tat-tieni sentenza tal-EStG, moqri flimkien mas-seba’ sentenza tal-Artikolu 50(2) ta’ din tal-aħħar (iktar ’il quddiem l-“impożizzjoni volontarja”).

34      Fl-istimi tat-taxxa relatati mal-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtorità tat-taxxa bbażat ruħha biss fuq id-dħul mill-kiri għall-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul, billi kkunsidrat li t-taxxa fuq id-dħul mis-salarji kienet diġà tħallset permezz tat-tnaqqis f’ras il-għajn skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 50(2) tal-EStG. Konsegwentement, lanqas ma kien hemm imputazzjoni tat-taxxa Ġermaniża fuq is-salarji diġà mħallsa u lanqas tas-sovrataxxa ta’ solidarjetà fuq l-ammont ikkalkolat tat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul. L-awtorità tat-taxxa rrifjutat l-impożizzjoni volontarja minħabba li din kienet limitata għall-ħaddiema li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fi Stat Membru tal-Unjoni jew fi Stat parti għall-Ftehim ŻEE.

35      Peress li l-ilmenti ta’ AB kontra dawn l-avviżi ta’ taxxa ġew miċħuda permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑25 ta’ Frar 2020 u tal‑15 ta’ Novembru 2021, AB ippreżenta rikors quddiem il-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja), jiġifieri l-qorti tar-rinviju, sabiex jikseb l-impożizzjoni volontarja bi tqassim tas-salarju, differenti meta mqabbel mat-taxxa f’ras il-għajn tat-taxxa fuq is-salarji, bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Konfederazzjoni Svizzera u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż professjonali.

36      Skont AB, ir-rifjut tal-impożizzjoni volontarja fil-każ ta’ residenza fl-Isvizzera jmur kontra l-FMLP fid-dawl, b’mod partikolari, tas-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Wächtler (C‑581/17, EU:C:2019:138), jippreġudika d-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-vantaġġi fiskali, previst fl-Artikolu 9(2) tal-Anness I tal-FMLP, u ma jistax jiġi ġġustifikat. Il-klawżola ta’ waqfien prevista fl-Artikolu 13 tal-FMLP lanqas ma tista’ tiġi invokata. Il-possibbiltà li tingħażel ir-reġistrazzjoni ta’ tnaqqis bħala informazzjoni speċifika għall-finijiet tat-taxxa f’ras il-għajn fuq is-salarji (iktar ’il quddiem ir-“reġistrazzjoni tat-tnaqqis”) ma teliminax l-inugwaljanza fit-trattament u lanqas ma tikkostitwixxi raġuni ta’ ġustifikazzjoni. Tali reġistrazzjoni għandha tintalab qabel tmiem il-perijodu ta’ taxxa, mingħajr ma jkun magħruf eżattament jekk u sa fejn dan ikun profittabbli u tirrikjedi l-preżentazzjoni mandatorja ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul f’terminu ddeterminat filwaqt li, fil-każ ta’ impożizzjoni volontarja, ikun hemm biss terminu ta’ erba’ snin għal-likwidazzjoni.

37      L-awtorità tat-taxxa ssostni, qabelxejn, li, anki jekk jitqies li AB jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-FMLP u tal-Anness I tiegħu, li din l-awtorità tiddubita minnu, id-drittijiet miftiehma fil-FMLP ma jikkoinċidux mal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE. Sussegwentement, mill-klawżola ta’ waqfien, prevista fl-Artikolu 13 tal-FMLP, jirriżulta dritt għaż-żamma tar-restrizzjonijiet kollha eżistenti fid-data tal-iffirmar tal-FMLP. Issa, l-effett liberatorju tat-tnaqqis f’ras il-għajn tat-taxxa fuq is-salarji, previst mill-EStG, għad-dħul minn attività bħala persuna impjegata fir-rigward ta’ persuni suġġetti għal issuġġettar parzjali għat-taxxa skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 50(2) tal-EStG kien diġà japplika f’din id-data.

38      Fl-aħħar nett, kwalunkwe inugwaljanza fit-trattament fiskali tkun iġġustifikata, konformement mal-Artikolu 21(2) u (3) tal-FMLP. Il-possibbiltà, fil-kuntest tal-proċedura ta’ taxxa fuq is-salarji, li wieħed jitlob l-ispejjeż professjonali tiegħu u elementi oħra li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tat-taxxa permezz tar-reġistrazzjoni tat-tnaqqis jimmilita kontra l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ proċeduri differenti ta’ taxxa ma tikkostitwixxix ksur tal-libertajiet fundamentali (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Truck Center, C‑282/07, EU:C:2008:762) u, kuntrarjament għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C‑279/93, EU:C:1995:31, punti 53 u 54), il-proċedura ta’ tnaqqis għall-finijiet tat-taxxa fuq is-salarji u l-proċedura ta’ impożizzjoni volontarja ulterjuri kienu jippermettu, fil-kawża prinċipali, li jsir it-tnaqqis tal-ispejjeż professjonali.

39      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont il-punt 4(a) tal-Artikolu 49(1) tal-EStG, id-dħul minn attività bħala persuna impjegata li hija jew li ġiet eżerċitata fit-territorju nazzjonali, jiġifieri, fil-Ġermanja, huwa dħul nazzjonali għall-finijiet ta’ ssuġġettar parzjali għat-taxxa u li huwa paċifiku fil-kawża prinċipali li huwa biss is-salarju li jikkorrispondi għall-attività eżerċitata fil-Ġermanja, abbażi tat-tqassim għal kull jiem ta’ xogħol, li huwa suġġett għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja.

40      Din il-qorti tindika li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 50(2) tal-EStG, it-taxxa relatata mad-dħul mis-salarju hija, bħala prinċipju, meqjusa bħala mħallsa mit-taxxa f’ras il-għajn fuq is-salarju. Dan it-tnaqqis isir, bħala prinċipju, skont is-salarju gross u, jekk ikun il-każ, permezz ta’ somom f’daqqa ta’ tnaqqis. Madankollu, skont l-EStG, inqas tnaqqis mit-taxxa fuq is-salarji huwa possibbli permezz tar-reġistrazzjoni tat-tnaqqis, li jista’ jintalab minn kull ħaddiem li huwa parzjalment suġġett għat-taxxa fuq id-dħul, inkluż dak residenti fl-Isvizzera, permezz ta’ formola preskritta mill-awtorità tat-taxxa ppreżentata fi żmien xieraq qabel tmiem is-sena kalendarja.

41      Fil-każ ta’ tali reġistrazzjoni, l-effett liberatorju tat-taxxa f’ras il-għajn huwa eskluż skont il-punt 4(a) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 50(2) tal-EStG, u l-kontribwent għandu jwettaq proċedura ta’ tassazzjoni (impożizzjoni obbligatorja) li fil-kuntest tagħha d-dħul jiġi kkalkolat indipendentement mill-valuri miżmuma fil-proċedura ta’ taxxa fuq is-salarji u t-taxxa fuq id-dħul tiġi kkalkolata billi ssir b’mod partikolari l-imputazzjoni tat-taxxa fuq is-salarji diġà mħallsa. Ir-reġistrazzjoni ta’ tnaqqis għoli wisq tista’ twassal għal tfakkiriet tat-taxxa li l-awtorità tat-taxxa jkollha sussegwentement tinvoka quddiem il-kontribwent residenti barra mill-pajjiż. Madankollu, fil-każ ta’ spejjeż professjonali ogħla mit-tnaqqis mitlub fil-kuntest tal-proċedura ta’ tassazzjoni jew, pereżempju, ta’ dħul li huwa biss parzjalment taxxabbli, jista’ jkun hemm ukoll dritt għal rimbors. Il-kontribwent huwa wkoll suġġett għal obbligu li jippreżenta dikjarazzjoni tat-taxxa u, fin-nuqqas ta’ dan, tista’ tkun is-suġġett ta’ kalkolu ex officio bi stima tal-bażijiet taxxabbli, ta’ ffissar ta’ żieda fid-dewmien jew ta’ theddida ta’ impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità b’determinazzjoni tal-ammont tagħhom.

42      Minbarra r-reġistrazzjoni tat-tnaqqis, iċ-ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni jew ta’ Stat ieħor parti fil-Ftehim ŻEE, li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju ta’ wieħed minn dawn l-Istati, jistgħu jagħżlu li jiġu ntaxxati volontarjament skont il-punt 4(b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 50(2) u tal-punt 8 tal-Artikolu 46(2) tal-EStG. Il-preżentata tad-dikjarazzjoni tat-taxxa tkun ekwivalenti għall-eżerċizzju tad-dritt tal-għażla u l-kontribwent jista’ jiddeċiedi liberament, fit-terminu għall-impożizzjoni ta’ erba’ snin, jekk jixtieqx jippreżenta dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul, ħaġa li, skont il-qorti tar-rinviju, jagħmel biss jekk it-taxxa fuq is-salarji mħallsa tkun ogħla mit-taxxa fuq id-dħul ikkalkolata.

43      Din il-qorti tippreċiża li l-Artikolu 46 tal-EStG dwar l-impożizzjoni volontarja ta’ ħaddiema nazzjonali ilu fis-seħħ għal għexieren ta’ snin, filwaqt li d-dritt ta’ impożizzjoni volontarja għaċ-ċittadini tal-Istati Membri u għall-Istati l-oħra partijiet għall-Ftehim ŻEE residenti f’dawn l-Istati ilu fis-seħħ mill‑1 ta’ Jannar 1997 u ġie introdott b’reazzjoni għas-sentenza tal‑14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C‑279/93, EU:C:1995:31).

44      Il-qorti tar-rinviju tindika li, jekk il-FMLP kellu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-limitazzjoni tal-impożizzjoni volontarja lill-kontribwenti residenti fi Stat Membru ieħor jew fi Stat ieħor li huwa parti għall-Ftehim ŻEE, għandha ssir impożizzjoni volontarja għall-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jkollha bħala konsegwenza t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż professjonali favur ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-imputazzjoni tat-taxxa Ġermaniża fuq is-salarji. Minn dan jirriżulta għal AB rimbors kbir ta’ taxxa.

45      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“Id-dispożizzjonijiet tal-[FMLP], b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 15 tal-FMLP, moqrija flimkien mal-Artikolu 9(2) tal-Anness I tal-FMLP (dritt għall-ugwaljanza fit-trattament), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li ħaddiema ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni jew taż-ŻEE (inkluż [ir-Repubblika] tal-Ġermanja) u li jirrisjedu (jiġifieri li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali) fil-Ġermanja jew fi Stat Membru tal-Unjoni jew taż-ŻEE jistgħu volontarjament japplikaw għall-impożizzjoni tat-taxxa fuq id-dħul fir-rigward ta’ qligħ minn impjieg li huwa taxxabbli fil-Ġermanja (“impożizzjoni volontarja”), b’mod partikolari sabiex jiksbu rimbors tat-taxxa fuq id-dħul bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż (spejjeż professjonali) u bl-imputazzjoni tat-taxxa Ġermaniża fuq is-salarji imposta fil-kuntest tal-proċedura tat-taxxa f’ras il-għajn, iżda dan id-dritt huwa miċħud lil ċittadini Ġermaniżi u Svizzeri li jirrisjedu fl-Isvizzera?”

 Fuq iddomanda preliminari

46      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 7 u 15 tal-FMLP, moqrija flimkien mal-Artikolu 9(2) tal-Anness I tal-FMLP, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirriżerva għall-kontribwenti ċittadini ta’ dan l-Istat Membru, ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stat parti għall-Ftehim ŻEE, li jirrisjedu fit-territorju ta’ wieħed minn dawn l-Istati, id-dritt li tintgħażel proċedura ta’ impożizzjoni volontarja tad-dħul ta’ attività bħala persuna impjegata sabiex jinkiseb it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ spejjeż bħalma huma l-ispejjeż professjonali u l-imputazzjoni tat-taxxa fuq is-salarji miġbura fil-kuntest tal-proċedura ta’ tnaqqis f’ras il-għajn, li jistgħu jwasslu għar-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul, u ma jagħtix tali dritt ta’ għażla b’mod partikolari lil ċittadin tal-ewwel Stat Membru, residenti fl-Isvizzera u li jirċievi d-dħul minn attività bħala persuna impjegata f’dan l-Istat Membru.

 Osservazzjonijiet preliminari

47      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, peress li l-FMLP huwa trattat internazzjonali, dan għandu jiġi interpretat, skont l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati, tat‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331), in bona fide, skont is-sens ordinarju li għandu jingħata lill-kliem tiegħu fil-kuntest tagħhom, u fid-dawl tal-għan u tal-iskop tiegħu Barra minn hekk, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li għandha tingħata tifsira partikolari lil terminu jekk jiġi stabbilit li din kienet l-intenzjoni tal-partijiet (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Wächtler, C‑581/17, EU:C:2019:138, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      F’dan il-kuntest, għandu jiġi speċifikat, fl-ewwel lok, li l-FMLP jinsab fi ħdan il-qafas iktar ġenerali tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Konfederazzjoni Svizzera. Għalkemm din tal-aħħar ma tipparteċipax fiż-Żona Ekonomika Ewropea u fis-suq intern tal-Unjoni, din hija madankollu marbuta magħha permezz ta’ diversi ftehimiet li jkopru oqsma wesgħin u li jipprevedu drittijiet u obbligi speċifiċi, analogi, f’ċerti aspetti, għal dawk previsti mit-Trattat. L-iskop ġenerali ta’ dawn il-ftehimiet, inkluż tal-FMLP, huwa li jissaħħu r-rabtiet ekonomiċi bejn l-Unjoni u l-Konfederazzjoni Svizzera (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2011, Graf u Engel, C‑506/10, EU:C:2011:643, punt 33, kif ukoll tas‑26 ta’ Frar 2019, Wächtler, C‑581/17, EU:C:2019:138, punt 36).

49      Madankollu, peress li l-Konfederazzjoni Svizzera ma ngħaqditx mas-suq intern tal-Unjoni, l-interpretazzjoni mogħtija lid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar dan is-suq ma tistax tiġi trasposta awtomatikament għall-interpretazzjoni tal-FMLP, ħlief għal dispożizzjonijiet espressi għal dan il-għan kif previst mill-istess ftehim (sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2018, Picart, C-355/16, EU:C:2018:184, punt 29, u tas‑26 ta’ Frar 2019, Wächtler, C‑581/17, EU:C:2019:138, punt 37).

50      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-għan li għandu jintlaħaq mill-FMLP u tal-interpretazzjoni tat-termini tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mill-preambolu, mill-Artikolu 1 u mill-Artikolu 16(2) ta’ dan il-ftehim jirriżulta li dan huwa intiż sabiex jiżgura, favur iċ-ċittadini, persuni fiżiċi, tal-Unjoni u tal-Konfederazzjoni Svizzera, il-moviment liberu tal-persuni fit-territorju ta’ dawn il-partijiet abbażi tad-dispożizzjonijiet applikati fl-Unjoni, li l-kunċetti tagħhom għandhom jiġu interpretati b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja qabel id-data tal-iffirmar tal-imsemmi ftehim. Fir-rigward tal-ġurisprudenza sussegwenti għal din id-data, l-Artikolu 16(2) tal-FMLP jipprevedi, minn naħa, li din il-ġurisprudenza għandha tiġi kkomunikata lill-Konfederazzjoni Svizzera u, min-naħa l-oħra, li, bil-għan li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb ta’ dan il-ftehim, fuq talba ta’ parti kontraenti, il-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 14 tal-imsemmi ftehim għandu jiddetermina l-implikazzjonijiet ta’ tali ġurisprudenza. Madankollu, anki fl-assenza ta’ deċiżjoni ta’ dan il-kumitat, din il-ġurisprudenza għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni sa fejn din tispeċifika jew tikkonferma biss il-prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza eżistenti fid-data tal-iffirmar tal-FMLP dwar il-kunċetti ta’ dritt tal-Unjoni, li fuqhom dan il-ftehim huwa bbażat (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Wächtler, C‑581/17, EU:C:2019:138, punti 38 u 39).

51      Huwa skont dawn il-prinċipji u fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tal-FMLP sabiex jiġi ddeterminat, fl-ewwel lok, jekk sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim u, fl-affermattiv, fit-tieni lok, jekk dawn jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq lapplikabbiltà talKarta

52      Għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li, skont il-preambolu kif ukoll l-Artikolu 1(a) u (c) tal-FMLP, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim persuni fiżiċi, ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni u tal-Konfederazzjoni Svizzera kemm li jeżerċitaw attività ekonomika kif ukoll li ma jeżerċitawx tali attività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Wächtler, C‑581/17, EU:C:2019:138, punt 41).

53      Insegwitu, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(a), (c) u (d) tal-FMLP jirriżulta li dan tal-aħħar jagħti lil dawn iċ-ċittadini b’mod partikolari dritt ta’ dħul, ta’ residenza, ta’ aċċess għal xogħol bħala persuni impjegati kif ukoll l-istess kundizzjonijiet ta’ għajxien, ta’ impjieg u ta’ xogħol bħal dawk mogħtija liċ-ċittadini nazzjonali (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2016, Radgen, C‑478/15, EU:C:2016:705, punt 37).

54      F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li l-FMLP jiggarantixxi d-dritt ta’ aċċess għal attività ekonomika konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Anness I ta’ dan il-ftehim, fejn il-Kapitolu II ta’ dan l-anness jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu ta’ ħaddiema impjegati, b’mod partikolari dawk dwar il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2016, Radgen, C‑478/15, EU:C:2016:705, punt 38). Barra minn hekk, l-Artikolu 7(1)(a) tal-FMLP jipprevedi li l-partijiet kontraenti għandhom jirregolaw, konformement mal-imsemmi Anness I, b’mod partikolari d-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal attività ekonomika u l-eżerċizzju tagħha kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-għajxien, tal-impjieg u tax-xogħol.

55      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 2 tal-FMLP jipprevedi li ċ-ċittadini ta’ parti kontraenti li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra ma għandhomx, fl-applikazzjoni u skont id-dispożizzjonijiet tal-Annessi I, II u III ta’ dan il-ftehim, jiġu ddiskriminati minħabba n-nazzjonalità tagħhom. Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit f’dan l-Artikolu 2 japplika sa fejn is-sitwazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dispożizzjonijiet tal-Annessi I sa III tal-FMLP (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2010, Hengartner u Gasser, C‑70/09, EU:C:2010:430, punt 39).

56      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, AB eżerċita l-attivitajiet tiegħu għal persuna li timpjega stabbilita fil-Ġermanja fuq it-telexogħol mid-dar tiegħu fl-Isvizzera kif ukoll fil-kuntest ta’ kollokamenti professjonali lejn il-Ġermanja u kiseb minn dan l-impjieg dħul minn attività bħala persuna impjegata, li fir-rigward tiegħu huwa jikkontesta t-trattament fiskali minn dan l-Istat Membru.

57      Mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta wkoll li t-tassazzjoni fil-Ġermanja tirrigwarda biss is-salarju li jikkorrispondi għall-attività eżerċitata fil-Ġermanja, abbażi tat-tqassim għal kull ġranet ta’ xogħol.

58      B’hekk, bħala ċittadin Ġermaniż li jirrisjedi legalment fit-territorju Svizzeru, AB jaqa’ taħt il-kategorija ta’ persuni msemmija fl-Artikoli 1 u 2 tal-FMLP. Għandu jiġi vverifikat ukoll jekk is-sitwazzjoni tal-AB taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Anness I tal-FMLP li, konformement mal-Artikolu 15 tal-FMLP jagħmel parti integrali minnha u li jipprevedi dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-persuni, b’mod partikolari l-ħaddiema impjegati.

59      Għandu jiġi rrilevat li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-kunċett ta’ “persuna impjegata”, fis-sens tal-FMLP huwa ddefinit fl-Artikoli 6 u 7 tal-Anness I ta’ dan il-ftehim (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2018, Picart, C‑355/16, EU:C:2018:184, punt 18 u tas‑26 ta’ Frar 2019, Wächtler, C‑581/17, EU:C:2019:138, punt 47).

60      Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi Anness I, ċittadin ta’ parti kontraenti li għandu impjieg fis-servizz tal-persuna li timpjega tal-Istat ospitanti huwa kkunsidrat bħala ħaddiem impjegat.

61      L-Artikolu 7(1) tal-imsemmi Anness I jiddefinixxi l-ħaddiem fruntalier impjegat bħala li huwa ċittadin ta’ parti kontraenti li jkollu r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ parti kontraenti u jwettaq attività bħala persuna impjegata fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra, fejn ġeneralment jirritorna lejn il-post ta’ residenza tiegħu kuljum, jew mill-inqas darba f’ġimgħa.

62      Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi distinzjoni bejn il-post ta’ residenza, li jinsab fit-territorju ta’ parti kontraenti, u l-post fejn tiġi eżerċitata attività bħala persuna impjegata, li għandu jinsab fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni n-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2015, Bukovansky, C‑241/14, EU:C:2015:766, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-FMLP jista’ japplika għas-sitwazzjoni ta’ AB. Fil-fatt, dan tal-aħħar huwa ċittadin “ta’ Parti Kontraenti”, jiġifieri r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għandu r-residenza tiegħu fit-territorju “ta’ Parti Kontraenti oħra”, f’dan il-każ il-Konfederazzjoni Svizzera u jeżerċita attività bħala persuna impjegata fit-territorju “tal-Parti Kontraenti l-oħra”, jiġifieri r-Repubblika Federali tal-Ġermanja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2015, Bukovansky, C‑241/14, EU:C:2015:766, punt 32).

64      Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kundizzjoni dwar ir-ritorn fid-domiċilju, prevista fl-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-FMLP, hijiex issodisfatta fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

65      Jekk il-qorti tar-rinviju tasal għall-konstatazzjoni li, minħabba soġġorni fit-territorju Ġermaniż, mingħajr ma jirritorna fid-domiċilju tiegħu, iktar estiżi minn dawk imsemmija fl-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-FMLP, AB ma jistax jiġi kklassifikat bħala “ħaddiem fruntalier impjegat”, huwa jista’, madankollu, jinvoka l-FMLP bħala “ħaddiem impjegat”, fis-sens tal-FMLP.

66      Fil-fatt, f’sitwazzjoni kkaratterizzata mill-fatt li r-residenza ta’ AB, ċittadin Ġermaniż, hija stabbilita fl-Isvizzera u li huwa jwettaq xogħol imħallas fit-territorju Ġermaniż għal persuna li timpjega li hija stabbilita fil-Ġermanja, il-formulazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Anness 1 tal-FMLP ma tipprekludix li dan l-Istat tal-aħħar jista’ jitqies li huwa l-“Istat ospitanti”, fis-sens tal-Artikolu 6 et seq. tal-Anness I tal-FMLP u li AB hemmhekk jitqies bħala “ħaddiem impjegat”, fis-sens tal-Kapitolu II tal-Anness I tal-FMLP, jiġifieri, bħala ċittadin ta’ parti kontraenti li għandu impjieg fis-servizz tal-persuna li timpjega tal-Istat ospitanti li huwa, f’dan il-każ, ukoll l-Istat ta’ oriġini ta’ dan iċ-ċittadin.

67      Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-istruttura tal-Kapitolu II tal-Anness I tal-FMLP, mill-għanjiet ġenerali tal-istess ftehim kif ukoll mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tal-FMLP u tal-Artikolu 24(1) tal-Anness I tal-FMLP, li jistabbilixxu d-dritt ta’ residenza, jiġifieri d-dritt taċ-ċittadini ta’ parti kontraenti li jistabbilixxu r-residenza tagħhom fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra indipendentement mill-eżerċizzju ta’ attività ekonomika.

68      B’hekk, għalkemm id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tal-Anness I tal-FMLP, dwar il-permessi ta’ residenza, tal-Artikolu 8 ta’ dan l-Anness I, dwar il-mobbiltà professjonali u ġeografika, kif ukoll tal-Artikolu 10 tal-imsemmi Anness I, li jipprevedi l-possibbiltà li ċ-ċittadini ta’ parti kontraenti jiġu rrifjutati d-dritt li jokkupaw impjieg fl-amministrazzjoni pubblika marbuta mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, ma jagħtux drittijiet supplimentari lill-ħaddiema impjegati fl-Istat ospitanti li tagħhom huma ċittadini u ma jistgħux jiġu invokati kontrihom, dan ma huwiex il-każ tal-Artikolu 9 tal-Anness I tal-FMLP, intitolat “Trattament ugwali”, li jiggarantixxi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 2 tal-FMLP fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2015, Bukovansky, C‑241/14, EU:C:2015:766, punt 47 u tal‑21 ta’ Settembru 2016, Radgen, C‑478/15, EU:C:2016:705, punt 39).

69      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li huwa possibbli li ċ-ċittadini ta’ parti Kontraenti jistgħu jinvokaw id-dritt li jisiltu mill-FMLP kontra l-pajjiż proprju tagħhom, f’ċerti ċirkustanzi u skont id-dispożizzjonijiet applikabbli (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Ettwein, C‑425/11, EU:C:2013:121, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Fir-rigward tal-ħaddiema impjegati, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, b’mod partikolari, li l-Artikolu 9 tal-Anness I tal-FMLP, li jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu, regola speċifika intiża sabiex il-ħaddiem impjegat u l-membri tal-familja tiegħu jibbenefikaw mill-istess vantaġġi fiskali u soċjali bħal dawk li għandhom il-ħaddiema impjegati nazzjonali u l-membri tal-familja tagħhom, jista’ jiġi invokat minn ħaddiem ċittadin ta’ parti kontraenti li jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, fir-rigward tal-Istat ta’ oriġini tiegħu, (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2015, Bukovansky, C‑241/14, EU:C:2015:766, punt 36, u tal‑21 ta’ Settembru 2016, Radgen, C‑478/15, EU:C:2016:705, punt 40).

71      Issa, minn naħa, is-sitwazzjoni ta’ ħaddiem impjegat, bħal AB, li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi ttrasferixxa r-residenza tiegħu mill-Ġermanja lejn l-Isvizzera u li għandu impjieg fl-Istat ta’ oriġini tiegħu, li huwa wkoll l-Istat ospitanti tiegħu, hija komparabbli ma’ dik, eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2015, Bukovansky (C‑241/14, EU:C:2015:766), ta’ ħaddiem fruntalier ċittadin Ġermaniż li ttrasferixxa r-residenza tiegħu mill-Ġermanja lejn l-Isvizzera filwaqt li żamm il-post tax-xogħol tiegħu bħala impjegat fl-ewwel Stat.

72      Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tal-Anness I tal-FMLP u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament japplikaw bl-istess mod għall-ħaddiema impjegati u għall-ħaddiema transkonfinali impjegati mingħajr ma jistabbilixxu f’dan ir-rigward distinzjoni bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Stamm u Hauser, C‑13/08, EU:C:2008:774, punt 42), is-sitwazzjoni partikolari tal-ħaddiema transkonfinali impjegati tittieħed inkunsiderazzjoni fl-Artikolu 7 tal-Anness I tal-FMLP (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Ettwein, C‑425/11, EU:C:2013:121, punti 37 u 38).

73      Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza, il-FMLP huwa intiż sabiex iċ-ċittadini, persuni fiżiċi, tal-Istati Membri tal-Unjoni u tal-Konfederazzjoni Svizzera jibbenefikaw mill-moviment liberu fit-territorju ta’ dawn il-partijiet għall-FMLP.

74      Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tal-FMPL u l-Artikolu 24(1) tal-Anness I tal-FMPL jistabbilixxi d-dritt ta’ residenza, jiġifieri d-dritt taċ-ċittadini ta’ parti kontraenti li jistabbilixxu r-residenza tagħhom fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra indipendentement mill-eżerċizzju ta’ attività ekonomika.

75      Ir-rikonoxximent tad-dritt ta’ ħaddiem impjegat, bħal AB, li ttrasferixxa r-residenza tiegħu fl-Isvizzera u li għandu impjieg fis-servizz ta’ persuna li timpjega stabbilita fil-Ġermanja, li jinvoka d-dispożizzjonijiet tal-FMLP fir-rigward ta’ dan l-aħħar Stat huwa ta’ natura li jippermettilu jibbenefika b’mod sħiħ mid-dritt ta’ residenza previst f’dawn id-dispożizzjonijiet, filwaqt li jżomm l-attività ekonomika tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu (ara b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Ettwein, C‑425/11, EU:C:2013:121, punt 39). Fil-fatt, il-libertà ta’ moviment tal-persuni ggarantita mill-FMLP tkun ostakolata jekk ċittadin ta’ parti kontraenti jġarrab żvantaġġ fl-Istat ta’ oriġini tiegħu għall-unika raġuni li jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Wächtler, C‑581/17, EU:C:2019:138, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Konsegwentement, is-sitwazzjoni ta’ AB taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FMLP kif ukoll tal-Anness I tiegħu. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, previst fl-Artikolu 9 tal-imsemmi Anness I, japplika fis-sitwazzjoni ta’ ħaddiem impjegat, bħal AB, li eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu fir-rigward tal-Istat Membru ospitanti ta’ dan il-ħaddiem li huwa wkoll l-Istat ta’ oriġini tal-imsemmi ħaddiem.

77      Fl-aħħar nett, din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mis-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2009, Grimme (C‑351/08, EU:C:2009:697), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ma kienx japplika fis-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, impjegat fit-territorju tal-istess Stat Membru, ma’ fergħa ta’ kumpannija rregolata mid-dritt Svizzeru. Fil-fatt, mill-fatti tal-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza jirriżulta li l-uniku element ta’ rabta mal-Isvizzera kien ikkostitwit mill-fatt li l-fergħa li magħha l-persuna kkonċernata kienet impjegata fil-Ġermanja kienet fergħa ta’ kumpannija rregolata mid-dritt Svizzeru.

78      Peress li s-sitwazzjoni ta’ AB taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FMLP u li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, previst fl-Artikolu 9 tal-Anness I tiegħu, japplika għal tali sitwazzjoni, għandu jiġi vverifikat, jekk il-FMLP, interpretat konformement mal-prinċipji u mal-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punti 47 sa 50 ta’ din is-sentenza, jipprekludix li AB jiġi rrifjutat id-dritt li jagħżel proċedura ta’ tassazzjoni volontarja fil-Ġermanja.

 Fuq ilportata tad-dispożizzjonijiet talFMLP

 Fuq iddifferenza fit-trattament firrigward ta’ vantaġġ fiskali

79      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-dritt ta’ għażla għal impożizzjoni volontarja, li jixtieq jibbenefika minnu AB fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jingħata lill-persuni taxxabbli li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja kif ukoll lill-persuni taxxabbli mhux residenti fil-Ġermanja jekk huma ċittadini ta’ Stat Membru jew ta’ Stat parti għall-Ftehim ŻEE u residenti fit-territorju ta’ wieħed minn dawn l-Istati.

80      Mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-dritt ta’ għażla għall-impożizzjoni volontarja jippermetti, b’mod partikolari, li jintalab it-tnaqqis tal-ispejjeż professjonali neċessarji għall-kisba tad-dħul mis-salarji u għall-imputazzjoni tat-taxxa fuq is-salarji miġbura fil-kuntest tal-proċedura ta’ tnaqqis f’ras il-għajn, li jista’ jwassal għar-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul.

81      Konsegwentement, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dritt ta’ għażla għall-impożizzjoni volontarja jikkostitwixxi vantaġġ fiskali, fis-sens tal-Artikolu 9(2) tal-Anness I tal-FMLP.

82      Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi għalhekk, fir-rigward tal-possibbiltà li wieħed jibbenefika minn vantaġġ fiskali bħad-dritt ta’ għażla għall-impożizzjoni volontarja, differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-residenza tal-ħaddiem impjegat, ċittadin Ġermaniż, bħal AB, li ma jistax jippretendi dan id-dritt ta’ għażla minħabba l-kwalità tiegħu ta’ ħaddiem impjegat residenti fl-Isvizzera.

83      Konformement għal ġurisprudenza preċedenti fid-data tal-firma tal-FMLP u li l-Qorti tal-Ġustizzja reċentement fakkret fis-sentenza tagħha tal‑24 ta’ Frar 2015, Sopora (C‑512/13, EU:C:2015:108, punt 23), il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet minħabba n-nazzjonalità, iżda anki l-forom kollha moħbijin ta’ diskriminazzjoni li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji ta’ distinzjoni oħrajn, bħall-kriterju ta’ residenza, fil-fatt iwasslu għall-istess riżultat. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 1974, Sotgiu, 152/73, EU:C:1974:13, punt 11, tal‑14 ta’ Frar 1995, Schumacker, C‑279/93, EU:C:1995:31, punti 26 u 28, kif ukoll tat‑12 ta’ Settembru 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑278/94, EU:C:1996:321, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Peress li l-ugwaljanza fit-trattament tikkostitwixxi kunċett tad-dritt tal-Unjoni, din il-ġurisprudenza hija valida wkoll fir-rigward tal-applikazzjoni tal-imsemmi ftehim, konformement mal-Artikolu 16(2) tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2011, Graf u Engel, C‑506/10, EU:C:2011:643, punt 26).

84      Leġiżlazzjoni li tipprevedi distinzjoni bbażata fuq il-kriterju ta’ residenza tista’ għalhekk twassal għall-istess riżultat bħal diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità pprojbita mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2) tal-Anness I tal-FMLP.

85      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 21(2) tal-FMLP jippermetti l-applikazzjoni ta’ trattament iddifferenzjat, fil-qasam fiskali, għall-persuni taxxabbli li ma jinstabux f’sitwazzjoni komparabbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-post ta’ residenza tagħhom (sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2016, Radgen, C‑478/15, EU:C:2016:705, punt 45, u tas‑26 ta’ Frar 2019, Wächtler, C‑581/17, EU:C:2019:138, punt 58).).

86      Fil-fatt, fil-qasam tat-taxxi diretti, is-sitwazzjoni tal-persuni residenti u dik tal-persuni mhux residenti fi Stat partikolari ma humiex, bħala regola ġenerali, komparabbli, peress li għandhom differenzi oġġettivi kemm mill-perspettiva tas-sors tad-dħul kif ukoll mill-kapaċità kontributtiva personali jew tat-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali u familjari (sentenzi tal‑14 ta’ Frar 1995, Schumacker, C‑279/93, EU:C:1995:31, punti 31 et seq., kif ukoll tas‑27 ta’ Ġunju 1996, Asscher, C‑107/94, EU:C:1996:251, punt 41).

87      Madankollu, fil-preżenza ta’ vantaġġ fiskali li l-benefiċċju tiegħu jiġi rrifjutat lil persuni mhux residenti, differenza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ kontribwenti tista’ tiġi kklassifikata bħala “diskriminazzjoni”, jekk ma teżisti ebda differenza oġġettiva fis-sitwazzjoni ta’ natura li tiġġustifika differenza fit-trattament fuq dan il-punt bejn iż-żewġ kategoriji ta’ kontribwenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 1995, Schumacker, C‑279/93, EU:C:1995:31, punti 36 sa 38, u tas‑27 ta’ Ġunju 1996, Asscher, C‑107/94, EU:C:1996:251, punt 42).

 Fuq ilkomparabbiltà tassitwazzjonijiet

88      F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż isostni li, f’dak li jirrigwarda d-dritt li tintgħażel l-iskema ta’ impożizzjoni volontarja, l-impjegati residenti fl-Isvizzera ma jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-impjegati residenti fil-Ġermanja, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-għanijiet tas-sistema ta’ tassazzjoni għall-finijiet tat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul, li tippermetti li tiġi kkontrollata, fil-każ ta’ ġbir ta’ dħul mill-impjieg, it-taxxa fuq is-salarji imposta u li jiġi ffissat l-ammont korrett tat-taxxa fuq id-dħul.

89      Skont dan il-gvern, l-ewwel nett, l-impjegati residenti u mhux residenti jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż professjonali tagħhom li jaqbżu l-ammont b’rata fissa tas-salarju permezz tar-reġistrazzjoni tat-tnaqqis. Issa, jekk, għall-impjegati mhux residenti, id-data ta’ skadenza għat-tressiq ta’ tali talba kienet il‑31 ta’ Diċembru tas-sena kalendarja li matulha japplika t-tnaqqis, fir-rigward tal-impjegati residenti, din id-data hija t‑30 ta’ Novembru ta’ din is-sena kalendarja.

90      Għaldaqstant huwa neċessarju li l-impjegati residenti jingħataw il-possibbiltà li jagħżlu l-impożizzjoni volontarja sabiex ikunu jistgħu jpaċu, bi tnaqqis tad-dħul tagħhom mis-salarju taxxabbli fil-Ġermanja, l-ispejjeż professjonali tagħhom li jistgħu jkunu ogħla jew imprevedibbli, sostnuti fix-xahar ta’ Diċembru tas-sena fiskali li għalihom ma huwiex possibbli jiġi rreġistrat it-tnaqqis. Tali neċessità ma teżistix għall-impjegati residenti fl-Isvizzera, parzjalment taxxabbli fil-Ġermanja, fid-dawl tat-terminu itwal li huma għandhom sabiex jitolbu r-reġistrazzjoni tat-tnaqqis.

91      It-tieni nett, l-impjegati residenti u mhux residenti ma jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli f’dak li jirrigwarda l-vantaġġi fiskali marbuta mat-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħhom u AB lanqas ma jappartjeni għall-kategorija ta’ persuni li huma ttrattati bħala li huma kompletament suġġetti għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul fuq talba tagħhom, peress li l-parti l-kbira tad-dħul globali tagħhom hija taxxabbli fil-Ġermanja.

92      It-tielet nett, filwaqt li jirreferi għas-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Truck Center (C‑282/07, EU:C:2008:762, punt 47), l-imsemmi gvern isostni li l-applikazzjoni ta’ proċeduri ta’ tassazzjoni differenti għall-kontribwenti skont jekk humiex parzjalment jew kompletament suġġetti għat-taxxa tirrifletti d-differenza tas-sitwazzjonijiet li fihom jinsabu dawn il-kontribwenti f’dak li jirrigwarda l-irkupru tat-taxxa.

93      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tipprevedi li r-residenti fi Stati Membri oħra tal-Unjoni jew ta’ Stat parti għall-Ftehim ŻEE parzjalment suġġetti għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul, jistgħu wkoll jibbenefikaw mill-impożizzjoni volontarja tad-dħul professjonali tagħhom, sabiex inaqqsu l-ispejjeż professjonali tagħhom, wara li jkunu ħallsu t-taxxa f’ras il-għajn meta tħallsu s-salarji tagħhom.

94      B’dan il-mod, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tassimila f’dan ir-rigward lill-kontribwenti residenti ma’ ċerti kontribwenti mhux residenti u b’hekk tammetti l-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet tagħhom għall-finijiet tat-tassazzjoni tas-salarji tagħhom rċevuti fil-Ġermanja. Konsegwentement, ma jistax jiġi affermat li l-kwalità ta’ persuna mhux residenti ta’ kontribwent tirrendi, fiha nnifisha, is-sitwazzjoni ta’ din tal-aħħar oġġettivament differenti minn dik ta’ kontribwent taxxabbli residenti. Issa, il-Gvern Ġermaniż ma ressaqx argumenti li juru li r-residenza ta’ kontribwent preċiżament fl-Isvizzera tirrendi s-sitwazzjoni tiegħu oġġettivament differenti minn dik ta’ kontribwwent residenti fil-Ġermanja.

95      Barra minn hekk, l-argumenti ta’ dan il-gvern intiżi sabiex jikkontestaw il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet ta’ dawn il-kontribwenti għandhom jiġu miċħuda.

96      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument li l-kontribwenti residenti biss huma kkonfrontati bl-inkonvenjenzi li jirriżultaw minn terminu ta’ reġistrazzjoni tal-tnaqqis iqsar, għandu jiġi rrilevat li tali natura komplementari tal-proċedura ta’ tassazzjoni fuq talba meta mqabbla mal-proċedura ta’ reġistrazzjoni tat-tnaqqis ma tirriżultax mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għall-kuntrarju, mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-proċedura ta’ impożizzjoni volontarja tikkostitwixxi proċedura alternattiva u inqas restrittiva mill-proċedura ta’ reġistrazzjoni tat-tnaqqis sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika minn teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż professjonali.

97      Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju indikat li l-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tat-taxxa kienet tgħodd bħala eżerċizzju tad-dritt ta’ għażla u li l-kontribwent seta’ jiddeċiedi, fit-terminu għall-ħlas ta’ erba’ snin, jekk jippreżentax jew le dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul, ħaġa li jagħmel biss jekk it-taxxa fuq is-salarji mħallsa kienet ogħla mit-taxxa fuq id-dħul ikkalkolat. Min-naħa l-oħra, ir-reġistrazzjoni tat-tnaqqis tobbliga lill-kontribwent jieħu deċiżjoni ta’ previżjoni dwar l-ammont tad-dħul taxxabbli prevedibbli u tal-ispejjeż professjonali li jistgħu jitnaqqsu u tkun marbuta ma’ inċertezza fir-rigward ta’ tnaqqis għoli wisq u eventwali ħlas addizzjonali mill-kontribwent. Barra minn hekk, tali reġistrazzjoni tesponi lil dan tal-aħħar għal obbligu li jippreżenta dikjarazzjoni, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali u ta’ miżuri koerċittivi, f’terminu ferm iqsar mit-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli fil-qasam tal-likwidazzjoni.

98      Konsegwentement, id-differenza fis-sitwazzjonijiet fir-rigward tal-possibbiltà li wieħed jibbenefika minn impożizzjoni volontarja ma tistax, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, tiġi dedotta mid-diversi termini ta’ reġistrazzjoni tat-tnaqqis applikabbli għall-persuni residenti u għall-persuni mhux residenti.

99      Fit-tieni lok, ċertament, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 86 u 87 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tal-vantaġġi fiskali marbuta mat-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħhom, il-persuni residenti u l-persuni mhux residenti ma jinsabux, bħala regola ġenerali, f’sitwazzjonijiet komparabbli. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li d-dritt ta’ tassazzjoni fuq talba jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż professjonali.

100    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali spejjeż ma jirriżultax mis-sitwazzjoni personali tal-kontribwent, iżda mill-fatt li dawn l-ispejjeż huma sostnuti sabiex jinkiseb dħul minn attività bħala persuna impjegata u li, kif jirriżulta mill-Artikolu 50(1) tal-EStG, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż professjonali għall-kontribwenti mhux residenti, sa fejn dawn l-ispejjeż għandhom rabta ekonomika mad-dħul Ġermaniż. Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tassimila hija stess is-sitwazzjonijiet tal-kontribwenti residenti u mhux residenti f’dak li jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż professjonali li għandhom rabta ekonomika mad-dħul Ġermaniż.

101    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tal-Gvern Ġermaniż dwar id-differenza fis-sitwazzjonijiet tal-kontribwenti residenti u mhux residenti fir-rigward tal-irkupru tat-taxxa, għandu jiġi rrilevat li t-trattament fiskali żvantaġġuż ma jirriżultax minn differenza li tikkonċerna t-teknika ta’ ġbir, peress li t-taxxa fuq is-salarji hija, kif jirriżulta mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fiż-żewġ każijiet miġbura permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn, mingħajr ma l-proċedura ta’ impożizzjoni volontarja jkollha l-effett li tikkontesta din it-taxxa. Barra minn hekk, kif tindika l-qorti tar-rinviju, id-dritt għall-impożizzjoni volontarja ma jwassalx għal dejn fiskali li għandu jiġi rkuprat u għal diffikultajiet sussegwenti għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Lanqas ma tkun teħtieġ assistenza amministrattiva partikolari għall-finijiet tal-istabbiliment tal-fatti u tal-irkupru tat-taxxa.

102    Konsegwentement, l-Artikolu 21(2) tal-FMLP ma jistax jiġi invokat sabiex ħaddiem impjegat jiġi rrifjutat il-vantaġġ fiskali kkostitwit mid-dritt ta’ għażla għall-impożizzjoni volontarja għas-sempliċi raġuni li r-residenza tiegħu tinsab fl-Isvizzera u mhux fil-Ġermanja.

 Fuq leżistenza ta’ ġustifikazzjoni

103    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, kif jafferma l-Gvern Ġermaniż, tali differenza fit-trattament tistax tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 21(3) tal-FMLP jew bir-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali relatata man-neċessità li tiġi żgurata l-koerenza tas-sistema fiskali.

104    L-ewwel nett, l-Artikolu 21(3) tal-FMLP jipprevedi, b’mod partikolari, li dan il-ftehim ma għandux jimpedixxi lill-partijiet kontraenti milli jadottaw jew japplikaw miżuri sabiex jiżguraw l-impożizzjoni, il-ħlas u l-irkupru effettiv ta’ taxxi jew sabiex jimpedixxu l-evitar tat-taxxa taħt id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali ta’ parti kontraenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali miżuri, li jikkorrispondu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-moviment liberu tal-persuni fi ħdan l-Unjoni, għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, għandhom, fi kwalunkwe każ, josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri li għandhom ikunu xierqa sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u li ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Wächtler, C‑581/17, EU:C:2019:138, punt 63).

105    Issa, ir-rifjut li wieħed jibbenefika minn impożizzjoni volontarja ma jidhirx li jikkostitwixxi miżura adatta sabiex tiżgura l-impożizzjoni, il-ħlas u l-irkupru effettiv tat-taxxi jew sabiex tiġi evita t-taxxa. F’dan ir-rigward, kif ġie rrilevat fil-punt 101 ta’ din is-sentenza, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-dritt għall-impożizzjoni volontarja ma jwassalx għal dejn fiskali li għandu jiġi rkuprat u għal diffikultajiet sussegwenti għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest tal-proċedura ta’ ġbir u lanqas ma jeħtieġ assistenza amministrattiva partikolari għall-finijiet tal-istabbiliment tal-fatti u tal-irkupru tat-taxxa.

106    Fil-fatt, kif jindika l-Avukat Ġenerali fil-punt 89 tal-konklużjonijiet, it-taxxa f’ras il-għajn applikata għas-salarji mħallsa fil-Ġermanja lil residenti fl-Isvizzera tiggarantixxi ġbir korrett tat-taxxa fuq id-dħul mill-awtoritajiet Ġermaniżi, fir-rigward ta’ dan id-dħul.

107    It-tieni nett, il-Gvern Ġermaniż isostni li d-differenza fit-trattament inkwistjoni hija ġġustifikata min-neċessità li tiġi ggarantita l-koerenza fiskali. Fil-fatt, il-possibbiltà, għall-impjegati li huma kompletament suġġetti għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul, li jibbenefikaw mill-iskema tat-taxxa fuq talba hija simetrika għall-possibbiltà offruta lilhom li jitolbu r-reġistrazzjoni tat-tnaqqis sat‑30 ta’ Novembru tas-sena kalendarja rilevanti.

108    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li r-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali marbuta man-neċessità li tiġi ggarantita l-koerenza fiskali tista’ tiġi invokata sabiex tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament ipprojbita, bħala prinċipju, fl-Artikolu 9(2) tal-Anness I tal-FMLP (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2016, Radgen, C‑478/15, EU:C:2016:705, punti 50, 52 u 54). Huwa neċessarju wkoll, sabiex argument ibbażat fuq ġustifikazzjoni bħal din jiġi aċċettat, li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u l-kumpens ta’ dak il-vantaġġ minn obbligu ta’ ħlas ta’ taxxa partikolari (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 1996, Asscher, C‑107/94, EU:C:1996:251, punt 58 u tas‑16 ta’ Lulju 1998, ICI, C‑264/96, EU:C:1998:370, punt 29).

109    Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, tali rabta diretta ma teżistix f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq ilklawżola ta’ waqfien

110    Fl-aħħar nett, il-Gvern Ġermaniż isostni li r-rifjut fil-konfront tal-impjegati residenti fl-Isvizzera u li jaħdmu fil-Ġermanja milli jibbenefikaw mill-iskema ta’ impożizzjoni volontarja, ma jmurx kontra l-FMLP minħabba l-klawżola ta’ waqfien prevista fl-Artikolu 13 tal-FMLP, li għandha tiġi interpretata b’mod analogu għall-Artikolu 64 TFUE. Skont dan il-gvern, din il-klawżola tagħti dritt għaż-żamma fis-seħħ tar-restrizzjonijiet eżistenti, peress li d-data ta’ riferiment ma hijiex, f’dan ir-rigward, id-data tal-iffirmar tal-FMLP, iżda dik tad-dħul fis-seħħ tiegħu, jiġifieri l‑1 ta’ Ġunju 2002. Tali interpretazzjoni, li tirriżulta mill-klassifikazzjoni stess bħala klawżola ta’ waqfien, hija l-unika waħda li tiggarantixxi l-effett utli ta’ tali klawżola.

111    Għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-formulazzjoni tal-Artikolu 13 tal-FMLP, il-partijiet kontraenti jimpenjaw irwieħhom li ma jadottaw l-ebda miżura restrittiva oħra fil-konfront taċ-ċittadini ta’ xulxin fl-oqsma koperti minn dan il-ftehim. Min-naħa l-oħra, dan l-Artikolu 13 ma jinkludix indikazzjoni fir-rigward ta’ eventwali dritt tal-Istati partijiet għall-FMLP li jżommu restrizzjonijiet eżistenti.

112    Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 13 tal-FMLP huwa, f’dan ir-rigward, sostanzjalment differenti mill-Artikolu 64 TFUE, li jipprevedi espressament li l-Artikolu 63 TFUE ma jippreġudikax l-applikazzjoni, għall-pajjiżi terzi, tar-restrizzjonijiet eżistenti fil‑31 ta’ Diċembru 1993 skont id-dritt nazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ ċertu moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi.

113    Id-dritt għaż-żamma tal-miżuri li jistgħu jikkostitwixxu eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 9 tal-Anness I tal-FMLP ma jistax, barra minn hekk, jiġi dedott la mill-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 13 tal-FMLP u lanqas mill-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn dan il-ftehim.

114    Minn naħa, l-Artikolu 13 tal-FMLP jagħmel parti mit-Titolu II tal-FMLP, dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali u finali, li taħtu jaqa’ wkoll l-Artikolu 10 tal-FMLP, li jipprevedi d-dritt tal-Konfederazzjoni Svizzera kif ukoll ta’ ċerti Stati Membri li jżommu għal ċertu perijodu limiti kwantitattivi dwar l-aċċess għal attività ekonomika għal ċerti kategoriji ta’ residenzi u l-kontrolli tal-prijorità tal-ħaddiem integrat fis-suq regolari tax-xogħol u tal-kundizzjonijiet tas-salarju u tax-xogħol għaċ-ċittadini tal-parti kontraenti l-oħra, kif ukoll id-dritt tal-Konfederazzjoni Svizzera li tirriżerva, fi ħdan il-kwoti globali tagħha, ammonti minimi għal permessi ta’ residenza ġodda għal ħaddiema impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom tal-Unjoni.

115    Issa, fid-dawl tan-natura fundamentali tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-possibbiltà tal-partijiet kontraenti li jżommu miżuri li jistgħu jikkostitwixxu eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju kellha tkun is-suġġett ta’ dispożizzjoni espliċita tal-FMLP, bħar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu msemmija fl-Artikolu 10 tal-FMLP.

116    Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-FMLP li tippermetti li jibqgħu, matul il-perijodu kollu tiegħu, ir-restrizzjonijiet eżistenti fid-data tal-iffirmar jew tad-dħul fis-seħħ tal-FMLP tmur kontra l-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn dan tal-aħħar, kif imfakkra fil-punti 50 u 53 ta’ din is-sentenza, intiżi għat-twettiq, favur ċittadini, persuni fiżiċi, tal-Istati Membri tal-Unjoni u tal-Konfederazzjoni Svizzera, tal-moviment liberu tal-persuni fit-territorju ta’ dawn il-partijiet kontraenti u li jagħtu lil dawn iċ-ċittadini, b’mod partikolari, dritt ta’ dħul, ta’ residenza u ta’ aċċess għal attività ekonomika mħallsa kif ukoll l-istess kundizzjonijiet ta’ għajxien, ta’ impjieg u ta’ xogħol bħal dawk mogħtija liċ-ċittadini nazzjonali.

117    Konsegwentement, l-Artikolu 13 tal-FMLP ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza li jibqa’ r-rifjut fil-konfront tal-impjegati residenti fl-Isvizzera u li jaħdmu fil-Ġermanja li jibbenefikaw mid-dritt ta’ għażla għas-sistema ta’ impożizzjoni volontarja.

118    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 7 u 15 tal-FMLP, moqrija flimkien mal-Artikolu 9(2) tal-Anness I tal-FMLP, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirriżerva għall-kontribwenti ċittadini ta’ dan l-Istat Membru, ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stat parti għall-Ftehim ŻEE u li jirrisjedu fit-territorju ta’ wieħed minn dawn l-Istati, id-dritt li tintgħażel proċedura ta’ impożizzjoni volontarja tad-dħul ta’ attività bħala persuna impjegata sabiex jinkisbu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ spejjeż bħalma huma l-ispejjeż professjonali u l-imputazzjoni tat-taxxa fuq is-salarji miġbura fil-kuntest tal-proċedura ta’ tnaqqis f’ras il-għajn, li jistgħu jwasslu għar-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul, u ma jagħtix tali dritt ta’ għażla b’mod partikolari lil ċittadin tal-ewwel Stat Membru, residenti fl-Isvizzera u li jirċievi d-dħul minn attività bħala persuna impjegata f’dan l-Istat Membru.

 Fuq lispejjeż

119    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 7 u 15 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra iffirmat fil-Lussemburgu fil21 ta’ Ġunju 1999, kif adattat l-aħħar mill-Protokoll tal4 ta’ Marzu 2016 rigward il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja bħala parti kontraenti, wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirriżerva għall-kontribwenti ċittadini ta’ dan l-Istat Membru, ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stat parti għall-Ftehim ŻEE u li jirrisjedu fit-territorju ta’ wieħed minn dawn l-Istati, id-dritt li tintgħażel proċedura ta’ impożizzjoni volontarja tad-dħul ta’ attività bħala persuna impjegata sabiex jinkisbu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ spejjeż bħalma huma l-ispejjeż professjonali u l-imputazzjoni tat-taxxa fuq is-salarji miġbura fil-kuntest tal-proċedura ta’ tnaqqis f’ras il-għajn, li jistgħu jwasslu għar-rimbors tat-taxxa fuq id-dħul, u ma tagħtix tali dritt ta’ għażla b’mod partikolari lil ċittadin tal-ewwel Stat Membru, residenti fl-Isvizzera u li jirċievi d-dħul minn attività bħala persuna impjegata f’dan l-Istat Membru.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.