SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

25 ta’ Ġunju 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Artikolu 191 TFUE – Emissjonijiet industrijali – Direttiva 2010/75/UE – Prevenzjoni u tnaqqis integrati tat-tniġġis – Artikoli 1, 3, 8, 11, 12, 14, 18, 21 u 23 – Artikoli 35 u 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Proċeduri ta’ ħruġ u ta’ eżami mill-ġdid ta’ awtorizzazzjoni għall-operat ta’ installazzjoni – Miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem – Dritt għal ambjent nadif, b’saħħtu u sostenibbli”

Fil-Kawża C‑626/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Ottubru 2022, fil-proċedura

C. Z. et

vs

Ilva SpA in Amministrazione Straordinaria,

Acciaierie d’Italia Holding SpA,

Acciaierie d’Italia SpA,

fil-preżenza ta’:

Regione Puglia,

Gruppo di Intervento Giuridico – ODV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev (Relatur), A. Prechal, K. Jürimäe, F. Biltgen u N. Piçarra, Presidenti ta’ Awli , S. Rodin, L. S. Rossi, I. Jarukaitis, N. Jääskinen, N. Wahl, J. Passer, D. Gratsias u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Novembru 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal C. Z. et, minn A. Amenduni u M. Rizzo Striano, avvocati,

għal Ilva SpA in Amministrazione Straordinaria, minn M. Annoni, R. A. Cassano, A. Cogoni, G. Lombardi, M. Merola, L. D. Tassinari Vittone u C. Tesauro, avvocati,

għal Acciaierie d’Italia Holding SpA u Acciaierie d’Italia SpA, minn M. Beraldi, E. Gardini, S. Grassi, R. Perini, G. C. Rizza, G. Scassellati Sforzolini, C. Tatozzi, G. Tombesi u L. Torchia, avvocati,

għar-Regione Puglia, minn A. Bucci u R. Lanza, avvocate,

għal Gruppo di Intervento Giuridico – ODV, minn C. Colapinto u F. Colapinto, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u C. Valero, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Diċembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010, L 334, p. 17, rettifika fil-ĠU 2012, L 158, p. 25).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, C. Z. et, residenti tal-Komun ta’ Taranto (l-Italja) u tal-komuni ġirien u, min-naħa l-oħra, Ilva SpA in Amministrazione Straordinaria (iktar ’il quddiem “Ilva”), kumpannija li hija l-proprjetarja ta’ impjant tal-azzar li jinsab f’dan il-komun (iktar ’il quddiem l-“impjant Ilva”), Acciaierie d’Italia Holding SpA u Acciaierie d’Italia SpA dwar it-tniġġis ikkawżat mill-attività ta’ dan l-impjant u d-danni li jirriżultaw minn dan it-tniġġis għas-saħħa tal-bniedem.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Mill-premessa 1 tad-Direttiva 2010/75 jirriżulta li din ifformulat mill-ġdid seba’ direttivi, fosthom id-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Jannar 2008 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż (ĠU 2008, L 24, p. 8), li kienet ikkodifikat id-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE tal‑24 ta’ Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80).

4

Il-premessi 2, 12, 15, 27, 29, 43 u 45 tad-Direttiva 2010/75 jipprovdu:

“(2)

Sabiex ikun hemm prevenzjoni u tnaqqis u sa fejn hu possibbli l-eliminazzjoni ta’ tniġġis li jkun ġej minn attivitajiet industrijali, b’konformità mal-prinċipju ta’ ‘min iniġġes iħallas’ u l-prinċipju tal-prevenzjoni tat-tniġġis, jeħtieġ li jiġi stabbilit qafas ġenerali għall-kontroll tal-attivitajiet industrijali ewlenin, billi tingħata prijorità lill-intervent f’ras il-għajn, tiġi żgurata l-ġestjoni prudenti tar-riżorsi naturali u jitqiesu, fejn ikun meħtieġ, is-sitwazzjoni ekonomika u l-karatteristiċi lokali speċifiċi tal-post fejn l-attività industrijali tkun qed titwettaq.

[...]

(12)

Il-permess għandu jinkludi l-miżuri kollha meħtieġa biex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu u biex ikun żgurat li l-installazzjoni tiġi mħaddma skont il-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-obbligi bażiċi tal-operatur. Il-permess għandu wkoll jinkludi valuri limitu tal-emissjonijiet għas-sustanzi niġġiesa, jew parametri jew miżuri tekniċi ekwivalenti, rekwiżiti xierqa għall-ħarsien tal-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art u rekwiżiti ta’ monitoraġġ. Il-kondizzjonijiet għal permess għandhom ikunu msejsa fuq l-aħjar metodi tekniċi disponibbli [(BAT)].

[...]

(15)

Huwa importanti li tiġi pprovduta flessibbiltà suffiċjenti lill-awtoritajiet kompetenti biex jiġu stabbiliti valuri limitu tal-emissjonijiet li jiżguraw li, taħt kondizzjonijiet normali ta’ tħaddim, l-emissjonijiet ma jaqbżux il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-[BAT]. [...] Il-konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fil-permessi tirriżulta f’emissjonijiet taħt dawk il-valuri limitu tal-emissjonijiet.

[...]

(27)

[...] Il-membri tal-pubbliku kkonċernati għandu jkollhom aċċess għall-ġustizzja sabiex jikkontribwixxu għall-ħarsien tad-dritt li wieħed jgħix f’ambjent li huwa xieraq għas-saħħa u l-benesseri personali.

[...]

(29)

L-impjanti kbar ta’ kombustjoni jikkontribwixxu bil-kbir għall-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu fl-arja u dan jissarraf f’impatt sinifikattiv fuq saħħet il-bniedem u fuq l-ambjent. [...]

[...]

(43)

Sabiex l-installazzjonijiet eżistenti jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw teknikament għar-rekwiżiti l-ġodda ta’ din id-Direttiva, xi wħud mir-rekwiżiti l-ġodda għandhom japplikaw għal dawk l-installazzjonijiet wara perijodu fiss mid-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-impjanti ta’ kombustjoni għandhom bżonn żmien biżżejjed biex jinstallaw il-miżuri ta’ tnaqqis meħtieġa sabiex jintlaħqu l-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fl-Anness V.

[...]

(45)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, dan ir-Regolament ifittex li jippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikolu 37 ta’ dik il-Karta.”

5

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Suġġett”:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati ta’ tniġġis li jinħoloq mill-attivitajiet industrijali.

Tippreskrivi wkoll regoli maħsuba għall-prevenzjoni jew, meta dan ma jkunx prattiku, għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet fl-arja, fl-ilma u fl-art u għall-prevenzjoni tal-ġenerazzjoni tal-iskart, sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu.”

6

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jistipula:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

2.   ‘tniġġis’ tfisser l-introduzzjoni diretta jew indiretta, bħala riżultat ta’ attivita umana, ta’ sustanzi, vibrazzjonijiet, sħana jew ħsejjes fl-arja, fil-baħar jew fl-art li jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem jew għall-kwalità tal-ambjent, li tirriżulta fi ħsara għal proprjetà materjali, jew tgħarraq jew tfixkel il-faċilitajiet u l-użi oħra leġittimi tal-ambjent;

3.   ‘installazzjoni’ tfisser unità teknika stazzjonarja li fiha titwettaq attività waħda jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness I jew fil-Parti I tal-Anness VII, u kull attività oħra direttament assoċjata fuq l-istess sit li jkollhom konnessjoni teknika mal-attivitajiet elenkati f’dawk l-Annessi u li jista’ jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġis;

[...]

5.   ‘valur limitu tal-emissjonijiet’ tfisser il-massa, espressa f’termini ta’ ċerti parametri speċifiċi, konċentrazzjoni u/jew livell ta’ emissjoni, li ma jistgħux jinqabżu matul perijodu wieħed jew aktar ta’ żmien.

6.   ‘livell tal-kwalità ambjentali’ tfisser is-sett ta’ rekwiżiti li għandhom jitħarsu fi żmien partikolari minn ambjent partikolari jew parti partikolari minnu, kif stabbilit fil-liġi tal-Unjoni;

[...]

8.   ‘regoli ġenerali vinkolanti’ tfisser valuri limitu tal-emissjonijiet jew kondizzjonijiet oħrajn, mill-inqas fil-livell settorjali, li jiġu adottati bl-intenzjoni li jintużaw direttament biex jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet għal permess;

[...]

10.   ‘[BAT]’ tfisser l-istadju l-aktar effettiv u avanzat fl-iżvilupp ta’ attivitajiet u l-metodi tagħhom ta’ tħaddim li jindika l-adattabilità prattika ta’ metodi tekniċi partikolari li tipprovdi l-bażi għall-valuri limitu tal-emissjonijiet u kondizzjonijiet oħra tal-permessi maħsuba biex jiġu evitati u, fejn dan ma jkunx prattiku, li jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-impatt fuq l-ambjent kollu kemm hu:

(a)

‘metodi tekniċi’ tinkludi kemm it-teknoloġija użata kif ukoll il-mod li bih l-installazzjoni tkun iddisinjata, mibnija, imħaddma u dekommissjonata;

(b)

‘metodi tekniċi disponibbli’ tfisser dawk żviluppati fuq skala li tkun tippermetti l-implimentazzjoni fis-settur rilevanti industrijali, taħt kondizzjonijiet ekonomiċi u teknikament vijabbli, waqt li jitqiesu l-ispejjeż u l-vantaġġi, sew jekk il-metodi tekniċi jkunu użati u prodotti ġewwa l-Istat Membru inkwistjoni sew jekk le, sakemm dawn ikunu raġonevolment aċċessibbli għall-operatur;

(c)

‘l-aħjar’ tfisser l-aktar waħda effettiva biex jinkiseb livell ġenerali għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu;

[…]”

7

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, bit-titolu “Obbligu ta’ pussess ta’ permess”, jipprovdi , fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li ebda installazzjoni jew impjant ta’ kombustjoni, impjant tal-inċinerazzjoni tal-iskart jew impjant tal-koinċinerazzjoni tal-iskart ma jitħaddem mingħajr permess.

[...]”

8

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2010/75, bit-titolu “Il-ħruġ ta’ permess”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti oħrajn stabbiliti fil-liġi nazzjonali jew fil-liġi tal-Unjoni, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ permess jekk l-installazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.”

9

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Nuqqas ta’ konformità”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kondizzjonijiet għall-permess jiġu mħarsa

2.   Fil-każ ta’ ksur tal-kondizzjonijiet għal permess, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

l-operatur jinforma minnufih lill-awtorità kompetenti;

(b)

l-operatur jieħu minnufih il-miżuri meħtieġa biex jiżgura li jerġa’ jkun hemm konformità fl-inqas żmien possibbli;

(c)

l-awtorità kompetenti teħtieġ lill-operatur li jieħu kwalunkwe miżura kumplimentari adegwata li l-awtorità kompetenti tikkunsidra meħtieġa biex il-konformità tiġi restawrata.

Fejn il-ksur tal-kondizzjonijiet għal permess ikun ta’ periklu immedjat għas-saħħa tal-bniedem jew jhedded li jikkawża effett immedjat negattiv sinifikanti fuq l-ambjent, u sakemm ma jerġax ikun hemm konformità [...] it-tħaddim tal-installazzjoni [...] għandha tkun sospiża.”

10

L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“Dan il-Kapitolu għandu japplika għall-attivitajiet stabbiliti fl-Anness I u li, fejn applikabbli, jilħqu l-limiti tal-kapaċità stabbiliti f’dak l-Anness.”

11

L-Artikolu 11 tal-istess direttiva, bit-titolu “Prinċipji ġenerali li jirregolaw l-obbligi bażiċi tal-operatur”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipprovdu li l-installazzjonijiet jitħaddmu skont il-prinċipji li ġejjin:

(a)

jittieħdu l-miżuri preventivi kollha xierqa kontra t-tniġġis;

(b)

jiġu applikati l-[BAT];

(c)

ma jiġi kkawżat ebda tniġġis sinifikanti;

[...]”

12

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2010/75, bit-titolu “Applikazzjonijiet għal permessi”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li applikazzjoni għal permess tkun tinkludi deskrizzjoni ta’ dan li ġej:

[...]

(f)

in-natura u l-kwantitajiet ta’ emissjonijiet imbassra mill-installazzjoni f’kull element ambjentali kif ukoll l-identifikazzjoni tal-effetti sinifikanti tal-emissjonijiet fuq l-ambjent;

[...]

(i)

miżuri oħra maħsuba għat-tħaris tal-prinċipji ġenerali tal-obbligi bażiċi tal-operatur kif previsti fl-Artikolu 11;

(j)

miżuri maħsuba għall-osservazzjoni tal-emissjonijiet fl-ambjent;

[...]”

13

Skont l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Kondizzjonijiet għal permess”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-permess ikun jinkludi l-miżuri kollha meħtieġa għall-konformità mar-rekwiżiti tal-Artikoli 11 u 18.

Dawk il-miżuri għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:

(a)

il-valuri limitu tal-emissjonijiet għal sustanzi li jniġġsu elenkati fl-Anness II, u għal sustanzi oħra li jniġġsu, li x’aktarx joħorġu mill-installazzjoni kkonċernata fi kwantitajiet sinifikanti, wara li tkun ikkunsidrata n-natura u l-potenzjal tagħhom li jitrasferixxu t-tniġġis minn element ambjentali għal ieħor;

[...]

2.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, il-valuri limitu tal-emissjonijiet jistgħu jiġu supplimentati jew mibdula b’parametri ekwivalenti jew miżuri tekniċi li jiżguraw livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ambjent.

3.   Il-konklużjonijiet tal-BAT għandhom ikunu r-referenza għall-istipular tal-kondizzjonijiet għal permessi.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 19 [18], l-awtorità kompetenti tista’ tistabbilixxi kondizzjonijiet aktar stretti għal permess minn dawk li jistgħu jinkisbu bl-użu tal-[BAT] kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-BAT. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli li bihom l-awtorità kompetenti tista’ tiffissa tali kondizzjonijiet aktar stetti.

[...]

6.   Fejn attività jew tip ta’ proċess ta’ produzzjoni imwettqa f’installazzjoni mhumiex koperti minn kwalunkwe waħda mill-konklużjonijiet tal-BAT jew fejn dawk il-konklużjonijiet ma jindirizzawx l-effetti ambjentali potenzjali kollha tal-attività jew il-proċess, l-awtorità kompetenti, wara konsultazzjoni minn qabel mal-operatur, għandha tistabbilixxi l-kondizzjonijiet għal permess abbażi tal-[BAT] li hi tkun iddeterminat għall-attivitajiet jew il-proċessi kkonċernati, billi tikkunsidra b’mod speċjali l-kriterji elenkati fl-Anness III.

[...]”

14

L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Valuri limitu tal-emissjonijiet, parametri ekwivalenti u miżuri tekniċi”, jipprevedi fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 19, il-valuri limitu tal-emissjonijiet u l-parametri ekwivalenti u l-miżuri tekniċi msemmijin fl-Artikolu 4(1) u (2) għandhom jiġu bbażati fuq l-[BAT], mingħajr ma jiġi preskritt l-użu ta’ xi teknika jew teknoloġija speċifika.

3.   L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi valuri limitu tal-emissjonijiet li jiguraw li, taħt kondizzjonijiet normali ta’ tħaddim, l-emissjonijiet ma jaqbżux il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-[BAT] kif stabbilit fid-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT imsemmijin fl-Artikolu 13(5) permezz ta’ wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

il-ħolqien ta’ valuri limitu tal-emissjonijiet li ma jaqbżux il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-[BAT]. Dawk il-valuri limitu tal-emissjonijiet għandhom ikunu espressi għall-istess perijodi jew perijodi ta’ żmien aqsar u skont l-istess kondizzjonijiet ta’ referenza bħal dawk il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-[BAT]; jew

(b)

il-ħolqien ta’ valuri limitu tal-emissjonijiet differenti minn dawk imsemmijin taħt il-punt (a) f’termini ta’ valuri, perijodi ta’ żmien u kondizzjonijiet ta’ referenza.

Fejn jiġi applikat il-punt (b), l-awtorità kompetenti għandha, mill-anqas darba fis-sena, tivvaluta r-riżultati tal-monitoraġġ tal-emissjonijiet sabiex ikun żgurat li l-emissjonijiet f’kondizzjonijiet normali ta’ tħaddim ma jkunux qabżu l-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-[BAT].”

15

L-Artikolu 18 tal-istess direttiva, bit-titolu “Livelli ta’ kwalità ambjentali”, huwa fformulat kif ġej:

“Meta livell ta’ kwalità ambjentali jeħtieġ kondizzjonijiet aktar iebsa minn dawk li jistgħu jinkisbu bl-użu tal-[BAT], għandhom jiġu inklużi kondizzjonijiet addizzjonali fil-permess, mingħajr preġudizzju għal miżuri oħra li jistgħu jittieħdu biex jitħarsu l-livelli ta’ kwalità ambjentali.”

16

L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2010/75, bit-titolu “Rikonsiderazzjoni u aġġornament tal-kondizzjonijiet għal permess mill-awtorità kompetenti”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-awtorità kompetenti perijodikament tirrikunsidra, f’konformità mal-paragrafi 2 sa 5, il-kondizzjonijiet kollha għal permess u, fejn meħtieġ biex tiżgura konformità ma’ din id-Direttiva, taġġorna dawk il-kondizzjonijiet.

2.   Fuq it-talba tal-awtorità kompetenti, l-operatur għandu jippreżenta l-informazzjoni kollha meħtieġa bil-għan li l-kondizzjonijiet għal permess ikunu rrikunsidrati, inkluż, b’mod partikolari, riżultati tal-monitoraġġ tal-emissjonijiet u data oħra, li tippermetti paragun tat-tħaddim tal-installazzjoni mal-[BAT] deskritti fil-konklużjonijiet tal-BAT applikabbli u mal-livelli tal-emissjonijiet assoċjati mal-[BAT].

Meta tkun qed tirrikunsidra l-kondizzjonijiet għal permess, l-awtorità kompetenti għandha tuża kwalunkwe informazzjoni li toħroġ mill-monitoraġġ jew l-ispezzjonijiet.

3.   Fi żmien erba’ snin mill-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT skont l-Artikolu 13(5) rigward l-attività prinċipali ta’ installazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li:

(a)

il-kondizzjonijiet kollha għal permess għall-installazzjoni kkonċernata jiġu rrikunsidrati u, fejn meħtieġ, aġġornati biex tiġi żgurata l-konformità ma’ din id-Direttiva u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 15(3) u (4), fejn applikabbli;

(b)

l-installazzjoni tikkonforma ma’ dawk il-kondizzjonijiet għal permess.

[...]

5.   Il-kondizzjonijiet għal permess għandhom jiġu rikunsidrati u, fejn meħtieġ, aġġornati tal-anqas fil-każijiet li ġejjin:

(a)

it-tniġġis ikkawżat mill-installazzjoni hu ta’ sinifikat tali li jeħtieġ li l-valuri limitu eżistenti tal-emissjonijiet tal-permess jeħtieġ li jiġu riveduti jew jiġu inklużi valuri ġodda bħal dawn fil-permess;

(b)

is-sigurtà fit-tħaddim titlob li jintużaw metodi tekniċi oħra;

(c)

meta jkun meħtieġ li jkun hemm konformità ma’ standard ġdid jew rivedut tal-kwalità ambjentali skont l-Artikolu 18.”

17

L-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Spezzjonijiet ambjentali”, jistabbilixxi, fil-punt (a) tar-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 4 tiegħu:

“L-istima sistematika tar-riskji ambjentali għandha tkun ibbażata, mill-anqas, fuq il-kriterji li ġejjin:

(a)

l-impatti potenzjali u reali tal-installazzjonijiet ikkonċernati fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent b’kont meħud tal-livelli u t-tipi ta’ emissjonijiet, is-sensitività tal-ambjent lokali u r-riskju ta’ aċċidenti”.

18

L-Artikolu 80 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Traspożizzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji [...] sas‑7 ta’ Jannar 2013.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri minn dik id-data stess.

[...]”

19

L-Artikolu 82 tal-istess direttiva, bit-titolu “Dispożizzjonijiet transizzjonali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fir-rigward tal-installazzjonijiet li jwettqu attivitajiet imsemmija fl-Anness I[[...], l-Istati Membri għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati skont l-Artikolu 80(1) mis‑7 ta’Jannar 2014 bl-eċċezzjoni tal-Kapitolu III u IV u l-Annessi V u VI [tal-Kapitolu III u tal-Anness V].”

Id‑dritt Taljan

Id‑Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006

20

Id-decreto legislativo n. 152 – Norme in materia ambientale (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 152 – Regoli fil-Qasam Ambjentali), tat‑3 ta’ April 2006 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 88 tal‑14 ta’ April 2006), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006”), jirregola l-attivitajiet industrijali u tal-manifattura, inklużi l-attivitajiet tal-azzar, u huwa intiż li jipproteġi l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem kontra t-tniġġis li jirriżulta minnhom. Dan id-digriet leġiżlattiv jimplimenta d-Direttiva 2010/75.

21

L-Artikolu 5(1) tal-imsemmi digriet leġiżlattiv jipprevedi li evalwazzjoni tal-impatt fuq is-saħħa għandha “titwettaq mill-applikant, abbażi tad-direttivi mfassla mill-Ministeru għas-Saħħa [...], sabiex jiġu evalwati l-impatti globali, diretti u indiretti li l-implimentazzjoni u l-operat tal-proġett jista’ jkollhom fuq is-saħħa tal-popolazzjoni”. Dan l-Artikolu 5 jiddefinixxi l-“impatt fuq l-ambjent” bħala li jikkorrispondi, b’mod partikolari, għall-“effetti sinjifikattivi, diretti u indiretti, ta’ pjan, ta’ programm jew ta’ proġett”, b’mod partikolari, fuq “il-popolazzjoni u s-saħħa tal-bniedem”. Dan jiddefinixxi t-“tniġġis” bħala, fost oħrajn, “l-introduzzjoni diretta jew indiretta, b’riżultat tal-attività umana, ta’ sustanzi, ta’ vibrazzjonijiet, ta’ sħana jew ta’ ħsejjes, jew b’mod iktar ġenerali ta’ aġenti fiżiċi jew kimiċi, fl-arja, fl-ilma jew fl-art, li jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem”.

22

Skont l-Artikolu 19 tal-istess digriet leġiżlattiv, dwar il-proċedura ta’ Evalwazzjoni tal-Effetti fuq l-Ambjent (EEA), il-karatteristiċi tal-proġetti għandhom jiġu evalwati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riskju għas-saħħa tal-bniedem, inkluż għall-finijiet tal-verifika ex officio ta’ effetti ambjentali sinjifikattivi ġodda, għajr dawk indikati mill-applikant għal awtorizzazzjoni, kif ukoll osservazzjonijiet irċevuti matul il-proċedura u l-evalwazzjonijiet l-oħra kollha mwettqa skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

23

L-Artikolu 22 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006, dwar l-istudju tal-impatt ambjentali, jipprevedi li l-applikant għal awtorizzazzjoni għandu jwettaq dan l-istudju billi jiddeskrivi b’mod partikolari l-effetti sinjifikattivi probabbli tal-proġett ikkonċernat fuq l-ambjent u l-miżuri intiżi li jevitaw, li jipprevjenu, li jnaqqsu u li jikkumpensaw l-effetti negattivi probabbli tiegħu fuq l-ambjent, billi jippjana l-monitoraġġ tal-effetti sinjifikattivi u negattivi potenzjali fuq l-ambjent li jirriżultaw mit-twettiq u mill-operat ta’ dan il-proġett.

24

Konformement mal-Artikolu 23(2) ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, sabiex jikseb l-EEA, li tikkundizzjona l-kisba tal-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata, l-applikant li jitlob l-awtorizzazzjoni għal ċerti proġetti speċifiċi għandu wkoll jippreżenta l-evalwazzjoni tal-impatt fuq is-saħħa, jiġifieri l-istrument speċifiku ta’ evalwazzjoni tal-impatt tal-attivitajiet li jistgħu jiġu awtorizzati fuq is-saħħa tal-bniedem.

25

Skont l-Artikolu 29c(7) tal-imsemmi digriet leġiżlattiv, is-sindku kkonċernat għandu s-setgħa jitlob l-eżami mill-ġdid tal-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika.

26

L-Artikolu 29i tal-istess digriet leġiżlattiv jirrigwarda l-obbligi ta’ kontroll u ta’ trażmissjoni tad-data imposti fuq l-operatur ikkonċernat kif ukoll il-verifiki u l-kontrolli li jirrigwardaw l-osservanza ta’ dawn l-obbligi u tal-kundizzjonijiet għall-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata.

Ir‑regoli speċjali applikabbli għal Ilva

27

Fix-xahar ta’ Lulju 2012, it-Tribunale di Taranto (il-Qorti Distrettwali ta’ Taranto, l-Italja) ordnat is-sekwestru provviżorju, mingħajr dritt ta’ użu, tat-tagħmir taż-“żona sħuna” tal-impjant Ilva kif ukoll tal-materjal kollu ta’ Ilva. Permezz ta’ digriet tas‑26 ta’ Ottubru 2012, dwar l-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata tas-sena 2012, il-Ministro dell’ ambiente e della tutela del territoro e del mare (il-Ministru għall-Ambjent u għall-Protezzjoni tat-Territorju u tal-Baħar, l-Italja) eżamina mill-ġdid l-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata maħruġa lil Ilva fl‑4 ta’ Awwissu 2011. Il-kontinwità tal-produzzjoni ġiet iggarantita taħt regoli derogatorji speċjali.

28

Id-decreto‑legge n. 207, convertito con modificazioni dalla legge 24 dicembre 2012, n. 231 – Disposizioni urgenti a tutela della salute, dell’ambiente e dei livelli di occupazione, in caso di crisi di stabilimenti industriali di interesse strategico nazionale (id-Digriet-Liġi Nru 207, li ġie mibdul f’liġi, b’emendi, permezz tal-Liġi Nru 231 tal‑24 ta’ Diċembru 2012 – Miżuri Urġenti għall-Protezzjoni tas-Saħħa, tal-Ambjent u tal-Livell ta’ Impjieg fil-Każ ta’ Kriżi fl-Installazzjonijiet Industrijali ta’ Interess Strateġiku Nazzjonali), tat‑3 ta’ Diċembru 2012 (GURI Nru 282, tat‑3 ta’ Diċembru 2012, p. 4), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 207/2012”), introduċa, fl-Artikolu 1(1) tiegħu, il-kunċett ta’ “impjant jew faċilità ta’ interess strateġiku nazzjonali”, billi jipprevedi li, meta tkun teżisti neċessità assoluta li jiġu ssalvagwardati l-impjiegi u l-produzzjoni, il-Ministru għall-Ambjent u għall-Protezzjoni tat-Territorju u tal-Baħar jista’, fil-mument tal-eżami mill-ġdid tal-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata, jawtorizzaw it-tkomplija tal-attività inkwistjoni għal perijodu ta’ 36 xahar, bil-kundizzjoni tal-osservanza tar-rekwiżiti imposti fid-deċiżjoni ta’ eżami mill-ġdid tal-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata kkonċernata, anki jekk l-awtorità ġudizzjarja tkun issekwestrat l-assi tal-impriża bla ħsara għall-eżerċizzju tal-attività kummerċjali tagħha. Taħt din id-dispożizzjoni, l-impjant Ilva tqies li kien jikkostitwixxi tali impjant jew faċilità ta’ interess strateġiku nazzjonali. Konsegwentement, Ilva ġiet awtorizzata tkompli l-attività ta’ produzzjoni tagħha f’dan l-impjant kif ukoll il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħha sat‑3 ta’ Diċembru 2015.

29

Id-decreto‑legge n. 61, convertito con modificazioni dalla legge 3 agosto 2013, n. 89 – Nuove disposizioni urgenti a tutela dell’ambiente, della salute e del lavoro nell’esercizio di imprese di interesse strategico nazionale (id-Digriet-Liġi Nru 61, li ġie mibdul f’liġi, b’emendi, permezz tal-Liġi Nru 89, tat‑3 ta’ Awwissu 2013 – Miżuri Urġenti Ġodda għall-Protezzjoni tal-Ambjent, tas-Saħħa u tal-Impjieg fl-Impriżi ta’ Interess Strateġiku Nazzjonali), tal‑4 ta’ Ġunju 2013 (GURI Nru 129, tal‑4 ta’ Ġunju 2013, p. 1), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 61/2013”), jipprevedi, fl-Artikolu 1(1) tiegħu, il-possibbiltà li titqiegħed taħt is-sistema ta’ “amministraturi speċjali”, jiġifieri amministraturi provviżorji nnominati mill-gvern, kull impriża li tkun tissodisfa ċerti kriterji ta’ daqs u li tkun topera mill-inqas impjant wieħed jew faċilità waħda ta’ interess strateġiku nazzjonali fil-każ fejn “l-attività tal-produzzjoni tkun ħolqot u toħloq, b’mod oġġettiv, perikoli gravi u sinjifikattivi għall-integrità tal-ambjent u tas-saħħa minħabba n-nuqqas ta’ osservanza repetut tal-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata”. Skont l-Artikolu 2(1) tad-Digriet‑Liġi Nru 61/2013, il-kundizzjonijiet tas-sistema ta’ eċċezzjoni prevista f’dan l-Artikolu 1(1) kienu ssodisfatti fil-każ ta’ Ilva.

30

Skont l-Artikolu 1(5) ta’ dan id-digriet‑liġi, kumitat ta’ tliet esperti kellu jfassal “pjan ta’ miżuri u ta’ azzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa, li jispeċifika l-azzjonijiet u l-iskedi taż-żmien neċessarji sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-rekwiżiti legali u tal-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata”, li l-approvazzjoni tiegħu “hija ekwivalenti għal emenda tal-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1(7) tal-imsemmi digriet‑liġi, il-miżuri preskritti mill-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata kellhom jitwettqu f’terminu ta’ “36 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi li tibdel l-[istess digriet‑liġi]”, jiġifieri qabel it‑3 ta’ Awwissu 2016.

31

Id-decreto del Presidente del Consiglio dei Ministri – Approvazione del piano delle misure e delle attività di tutela ambientale e sanitaria, a norma dell’articolo 1, commi 5 e 7, del decreto‑legge 4 giugno 2013, n. 61, convertito, con modificazioni, dalla legge 3 agosto 2013, n. 89 (id-Digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri – Approvazzjoni tal-Pjan ta’ Miżuri u ta’ Attività fil-Qasam tal-Protezzjoni tal-Ambjent u tas-Saħħa, skont l-Artikolu 1(5) u (7) tad-Digriet‑Liġi Nru 61, tal‑4 ta’ Ġunju 2013, li ġie mibdul f’liġi, b’emendi, permezz tal-Liġi Nru 89, tat‑3 ta’ Awwissu 2013), tal‑14 ta’ Marzu 2014 (GURI Nru 105, tat‑8 ta’ Mejju 2014, p. 34) (iktar ’il quddiem id-“digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri tal‑2014”), skeda mill-ġdid it-termini inizjalment stabbiliti għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ rimedju ambjentali previsti mill-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata tas-sena 2011 kif ukoll minn dik tas-sena 2012.

32

L-Artikolu 2(5) tad-decreto‑legge n. 1, convertito con modificazioni dalla legge 4 marzo 2015, n. 20 – Disposizioni urgenti per l’esercizio di imprese di interesse strategico nazionale in crisi e per lo sviluppo della città e dell’area di Taranto (id-Digriet‑Liġi Nru 1, mibdul f’liġi, b’emendi, permezz tal-Liġi Nru 20, tal‑4 ta’ Marzu 2015 – Miżuri Urġenti għall-Operat ta’ Impriża ta’ Interess Strateġiku Nazzjonali f’Diffikultà u għall-Iżvilupp tal-Belt u taż-Żona ta’ Taranto), tal‑5 ta’ Jannar 2015 (GURI Nru 3, tal‑5 ta’ Jannar 2015, p. 1), jipprevedi li l-pjan tal-miżuri u tal-attivitajiet ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa approvat mid-digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri tal‑2014 “għandu jitqies li jkun ġie implimentat jekk fil‑31 ta’ Lulju 2015 mill-inqas 80 % tar-rekwiżiti li jkunu jiskadu f’dan il-mument ikunu ssodisfatti”. Barra minn hekk, id-data ta’ skadenza tar-rekwiżiti pendenti kien jiskadi fit‑3 ta’ Awwissu 2016, fejn din id-data sussegwentement ġiet posposta għat‑30 ta’ Settembru 2017.

33

Id-decreto‑legge n. 98, convertito con modificazioni dalla legge 1 agosto 2016, n. 151 – Disposizioni urgenti per il completamento della procedura di cessione dei complessi aziendali del Gruppo Ilva (id-Digriet‑Liġi Nru 98, mibdul f’liġi, b’emendi, permezz tal-Liġi Nru 151, tal‑1 ta’ Awwissu 2016 – Miżuri Urġenti għall-Finalizzazzjoni tal-Proċedura ta’ Ċessjoni tal-Impriżi tal-Grupp Ilva), tad‑9 ta’ Ġunju 2016 (GURI Nru 133, tad‑9 ta’ Ġunju 2016, p. 1), ippreveda, b’mod partikolari, l-adozzjoni ta’ digriet ġdid tal-President tal-Kunsill tal-Ministri li kellu jitqies bħala Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata, li jissostitwixxi l-EEA.

34

Id-decreto‑legge n. 244, convertito con modificazioni dalla legge 27 febbraio 2017, n. 19 – Proroga e definizione di termini (id-Digriet‑Liġi Nru 244, mibdul f’liġi, b’emendi, permezz tal-Liġi Nru 19, tas‑27 ta’ Frar 2017 – Proroga u Definizzjoni tat-Termini), tat‑30 ta’ Diċembru 2016 (GURI Nru 304, tat‑30 ta’ Diċembru 2016, p. 13), ippospona definittivament it-terminu stabbilit għall-implimentazzjoni tal-miżuri speċifiċi ta’ rimedju ambjentali għat‑23 ta’ Awwissu 2023.

35

Il-miżuri u l-azzjonijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa previsti fid-Digriet‑Liġi Nru 98, tad‑9 ta’ Ġunju 2016, ġew adottati permezz tad-decreto del Presidente del Consiglio dei Ministri – Approvazione delle modifiche al Piano delle misure e delle attività di tutela ambientale e sanitaria di cui al decreto del Presidente del Consiglio dei ministri 14 marzo 2014, a norma dell’articolo 1, comma 8.1., del decreto‑legge 4 dicembre 2015, n. 191, convertito, con modificazioni, dalla legge 1 febbraio 2016, n. 13 (id-Digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri – Approvazzjoni tal-Modifiki tal-Pjan ta’ Miżuri u ta’ Attività fil-Qasam tal-Protezzjoni tal-Ambjent u tas-Saħħa Inkluż fid-Digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri tal‑14 ta’ Marzu 2014, skont l-Artikolu 1(8.1) tad-Digriet‑Liġi Nru 191 tal‑4 ta’ Diċembru 2015, mibdul f’liġi, b’emendi, permezz tal-Liġi Nru 13 tal‑1 ta’ Frar 2016), tad‑29 ta’ Settembru 2017 (GURI Nru 229 tat‑30 ta’ Settembru 2017, p. ) (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri tal‑2017”), li jikkostitwixxi l-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata tas-sena 2017 u li jtemm il-proċeduri kollha ta’ Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata fis-seħħ fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent u għall-Protezzjoni tat-Territorju u tal-Baħar. Din l-awtorizzazzjoni ambjentali integrata tas-sena 2017 ikkonfermat il-posponiment tat-terminu msemmi fil-punt preċedenti.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

36

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lit-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’azzjoni kollettiva intiża li tipproteġi drittijiet ta’ natura omoġenja ta’ madwar 300000 abitant tal-Komun ta’ Taranto u tal-komuni ġirien. Dawn id-drittijiet huma serjament affettwati mill-attività tal-impjant Ilva.

37

Permezz ta’ din l-azzjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitolbu l-protezzjoni tad-dritt tagħhom għas-saħħa, tad-dritt tagħhom għas-serenità u għat-trankwillità fl-għejxien ta’ ħajjithom kif ukoll tad-dritt tagħhom għal klima vijabbli. Huma jsostnu li l-ksur ta’ dawn id-drittijiet huwa attwali u fit-tul, minħabba aġir intenzjonali li jipprovoka tniġġis ikkawżat mill-emissjonijiet li joriġinaw mill-impjant Ilva, li jesponu lil dawn l-abitanti għal rata ta’ mwiet ogħla u għal iktar mard. It-territorji tal-komuni kkonċernati huma kklassifikati bħala “sit ta’ interess nazzjonali” minħabba t-tniġġis serju tal-matriċi ambjentali li huma l-ilma, l-arja u l-art.

38

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jibbażaw l-allegazzjonijiet tagħhom fuq evalwazzjonijiet tad-danni għas-saħħa mwettqa matul is-snin 2017, 2018 u 2021, li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn id-deterjorament fl-istat ta’ saħħa tal-abitanti tar-Reġjun ta’ Taranto u l-emissjonijiet tal-impjant Ilva, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-partiċelli PM10, li d-dijametru tagħhom huwa ta’ għaxar mikrometri jew inqas, u d-diossidu tal-kubrit (SO2) ta’ oriġini industrijali. Huma jibbażaw ruħhom ukoll fuq ir-“Rapport tar-Relatur Speċjali dwar il-kwistjoni tal-obbligi relatati mad-drittijiet tal-bniedem li jirrigwardaw it-tgawdija ta’ ambjent sigur, nadif, b’saħħtu u sostenibbli” tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, tat‑12 ta’ Jannar 2022, li fih l-agglomerazzjoni ta’ Taranto tinsab fil-lista ta’ “żoni ssagrifikati”, jiġifieri dawk ikkaratterizzati minn livelli estremi ta’ tniġġis u ta’ kontaminazzjoni minn sustanzi tossiċi li fihom il-popolazzjonijiet vulnerabbli u emarġinati jsofru ħafna iktar mill-oħrajn il-konsegwenzi fuq is-saħħa, id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent b’riżultat tal-espożizzjoni għat-tniġġis u għas-sustanzi perikolużi.

39

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkritikaw ukoll l-estensjoni tat-terminu ta’ 36 xahar previst mid-Digriet‑Liġi Nru 207/2012 għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata tas-sena 2012. B’mod partikolari, huma talbu lill-qorti tar-rinviju tordna l-għeluq taż-“żona sħuna” tal-impjant Ilva jew il-waqfien tal-attivitajiet korrispondenti. Huma talbuha, sussidjarjament, tordna lill-konvenuti fil-kawża prinċipali jagħlqu l-impjanti li jipproduċu l-kokk jew iwaqqfu l-attivitajiet korrispondenti u, b’mod iktar sussidjarju, tordnalhom iwaqqfu l-attività ta’ produzzjoni ta’ din iż-“żona sħuna” sal-implimentazzjoni kompleta tar-rekwiżiti inklużi fil-pjan ambjentali previst mill-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata tas-sena 2017. Fl-aħħar nett, huma talbu lil dik il-qorti tordna, fi kwalunkwe każ, lill-konvenuti fil-kawża prinċipali jistabbilixxu pjan ta’ negozju li jipprevedi l-eliminazzjoni ta’ mill-inqas 50 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra relatati mal-emissjonijiet li jirriżultaw minn produzzjoni ta’ sitt miljun tunnellata ta’ azzar fis-sena bejn id-data tat-talba tagħhom u s-sena 2026, jew jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jeliminaw jew inaqqsu l-effetti tal-ksur ikkonstatat.

40

Il-qorti tar-rinviju tesponi, fl-ewwel lok, li d-dritt Taljan ma jipprevedix li l-evalwazzjoni tad-danni għas-saħħa tagħmel parti integrali mill-proċedura ta’ ħruġ jew ta’ eżami mill-ġdid tal-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata. Lanqas ma huwa previst li, meta tali evalwazzjoni tkun turi riżultati li juru n-natura inaċċettabbli tal-perikolu għas-saħħa ta’ popolazzjoni kbira esposta għal emissjonijiet li jniġġsu, din l-awtorizzazzjoni għandha tkun suġġetta għal eżami mill-ġdid fi żmien qasir u b’mod konklużiv. Essenzjalment, dan id-dritt jipprevedi evalwazzjoni tad-danni għas-saħħa a posteriori, li magħha l-eżami mill-ġdid tal-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata huwa biss potenzjalment marbut. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ għalhekk tkun f’kontradizzjoni mad-Direttiva 2010/75, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

41

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, permezz ta’ att tal‑21 ta’ Mejju 2019, is-sindku ta’ Taranto talab, taħt id-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006, l-eżami mill-ġdid tal-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata tas-sena 2017, essenzjalment abbażi ta’ rapporti stabbiliti mill-awtoritajiet tas-saħħa kompetenti, li minnhom kienet tirriżulta ll-eżistenza ta’ riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-popolazzjoni. F’Mejju 2019, il-Ministeru għall-Ambjent u għall-Protezzjoni tat-Territorju u tal-Baħar ordna l-eżami mill-ġdid ta’ din l-awtorizzazzjoni. Mill-investigazzjoni mwettqa minn dawn l-awtoritajiet jirriżulta li l-monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-impjant Ilva kellu jieħu inkunsiderazzjoni tal-inqas is-sustanzi li jniġġsu kollha ttrattati fir-rapport finali ta’ evalwazzjoni tad-danni għas-saħħa, stabbilit fl‑2018 għar-reġjun ta’ Taranto, kif ukoll sustanzi li jniġġsu oħra, bħar-ramm, il-merkurju u n-naftalina, li joriġinaw minn sorsi varji ta’ dan l-impjant, u l-partiċelli PM2.5 u PM10 ta’ sorsi varji u ta’ tnixxijiet ikkanalizzati. Din hija l-“parti komplementari” tas-sustanzi li jniġġsu u potenzjalment ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem. Madankollu, ir-regoli speċjali applikabbli għal Ilva ppermettew li tiġi eżaminata mill-ġdid l-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata maħruġa lilha mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tas-sustanzi li jniġġsu msemmija f’din il-parti komplementari kif ukoll tal-effetti noċivi tagħhom fuq il-popolazzjoni ta’ Taranto.

42

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li mill-inqas 80 % tar-rekwiżiti tal-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata tas-sena 2012 kif ukoll il-pjan ta’ miżuri u ta’ attivitajiet ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa approvat mid-digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri tal‑2014 kellhom inizjalment jiġu osservati sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Lulju 2015. Issa, din id-data ta’ skadenza ġiet posposta b’iktar minn seba’ snin u nofs, fatt li jikkorrispondi għal posponiment ta’ ħdax‑il sena mid-data tat-tressiq tal-azzjoni kriminali li wasslet għall-adozzjoni tar-regoli speċjali applikabbli għal Ilva, esposti fil-punti 27 sa 35ta’ din is-sentenza. Dan il-posponiment seħħ, minn naħa, fil-preżenza ta’ operazzjoni industrijali meqjusa mil-leġiżlatur Taljan stess bħala li tippreżenta riskju gravi għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent kif ukoll, min-naħa l-oħra, bl-għan li jitwettqu u jitlestew ix-xogħlijiet li teoretikament kellhom jirrendu sigura, għas-saħħa tal-persuni li jgħixu viċin l-impjant Ilva, l-attività tal-azzar ta’ din tal-aħħar.

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-Direttiva [2010/75] u b’mod partikolari l-premessi 4, 18, 34, 28 u 29 u l-Artikoli 3(2), 11, 12 u 23 [ta’ tali direttiva], u l-prinċipju ta’ prekawzjoni u ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem [previsti fl-Artikolu 191 TFUE] jistgħu jiġu interpretati fis-sens li, b’applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali ta’ Stat Membru, tali Stat Membru jingħata l-possibbiltà li jipprevedi li l-Evalwzzjoni tad-Danni għas-Saħħa (EDS) tikkostitwixxi att separat mill-proċedura ta’ ħruġ u ta’ eżami mill-ġdid tal-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata (AAI) – f’dan il-każ id-[Digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri (DPKM)] 2017 – u li l-formulazzjoni tagħha tista’ tkun ħielsa minn effetti awtomatiċi f’termini ta’ teħid inkunsiderazzjoni effettiv u fi żmien utli min-naħa tal-awtorità kompetenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid tal-AAI/DPKM speċjalment meta din l-evalwazzjoni tipprovdi riżultati li juru n-natura mhux aċċettabbli tar-riskju għas-saħħa għal popolazzjoni numeruża esposta għall-emissjonijiet li jniġġsu; jew inkella li d-direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li

(i)

ir-riskju tollerabbli għas-saħħa tal-bniedem jista’ jiġi evalwat permezz ta’ analiżi xjentifika ta’ natura epidemjoloġika;

(ii)

l-EDS għandha tikkostitwixxi att li jifforma parti integrali mill-proċedura ta’ ħruġ u ta’ eżami mill-ġdid tal-AAI/DPKM, jekk mhux saħansitra tkun kundizzjoni minn qabel neċessarja għaliha, u għandha b’mod partikolari tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod obbligatorju, effettiv u fi żmien utli mill-awtorità kompetenti sabiex toħroġ jew teżamina mill-ġdid l-AAI?

2)

Id-Direttiva [2010/75] u b’mod partikolari l-premessi 4, [15], 18, 21, 34, 28 u 29 u l-Artikoli 3(2), 11, 14, 15, 18 u 21 jistgħu jiġu interpretati fis-sens li, b’applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali ta’ Stat Membru, tali Stat Membru għandu jipprevedi li l-awtorizzazzjoni ambjentali integrata (f’dan il-każ l-AAI 2012, DPKM 2014, DPKM 2017) għandha dejjem tieħu inkunsiderazzjoni s-sustanzi kollha li huma s-suġġett ta’ emissjonijiet li huma xjentifikament magħrufa bħala ta’ ħsara, inklużi l-frazzjonijiet ta’ PM10 u PM2.5, li f’kull każ joriġinaw mill-installazzjoni li hija s-suġġett tal-evalwazzjoni; jew inkella li d-direttiva tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata (il-miżura amministrattiva ta’ awtorizzazzjoni) għandha tinkludi biss sustanzi li jniġġsu previsti a priori minħabba n-natura u t-tip ta’ attività industrijali eżerċitata?

3)

Id-Direttiva [2010/75] u b’mod partikolari l-premessi 4, 18, 21, 22, 28, 29, 34, u 43 kif ukoll l-Artikoli 3(2) u (25), 11, 14, 16, 18 u 21 jistgħu jiġu interpretati fis-sens li, b’applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali ta’ Stat Membru, tali Stat Membru, meta jkun hemm attività industrijali li tinvolvi perikoli gravi u sinjifikattivi għall-integrità tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, jista’ jiddiferixxi b’ċirka seba’ snin u nofs meta mqabbel mat-terminu inizjalment previst, u għal tul totali ta’ ħdax-il sena, it-terminu mogħti lill-operatur sabiex jikkonforma l-attività industrijali mal-awtorizzazzjoni mogħtija, bl-applikazzjoni ta’ miżuri u ta’ azzjonijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa previsti fiha?”

Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

44

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jqisu li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli għal tliet raġunijiet.

45

Fl-ewwel lok, huma jsostnu li din it-talba ma tissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 94(b) u (c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-qorti tar-rinviju ma tiddefinixxix b’mod suffiċjenti l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi preliminari u ma tesponix ir-raġunijiet li wassluha tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija f’dawn id-domandi.

46

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex hija tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sakemm id-domandi magħmula jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Infraestruturas de Portugal u Futrifer Indústrias Ferroviárias, C‑66/22, EU:C:2023:1016, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47

Minn dan isegwi li d-domandi li jkunu jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatti u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos,C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Barra min hekk għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 94(a) sa (c) tar-Regoli tal-Proċedura, il-qorti nazzjonali hija meħtieġa tispjega, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tat-tilwima fil-kawża prinċipali filwaqt li tagħti l-ispjegazzjonijiet meħtieġa dwar ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija titlob l-interpretazzjoni tagħhom, kif ukoll dwar ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima mressqa quddiemha. Dawn ir-rekwiżiti kumulattivi li jirrigwardaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari huma, barra minn hekk, mfakkra fil-punti 13, 15 u 16 tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1) (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023, Ministerstvo vnútra Slovenskej republiky,C‑283/22, EU:C:2023:886, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta mingħajr ekwivoku li l-qorti tar-rinviju tqis li d-domandi preliminari tagħha huma rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tat-talbiet li tressqu quddiemha mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Hija tindika espressament fiha, minn naħa, li hija tixtieq tkun taf jekk ċerti obbligi speċifiċi jirriżultawx mid-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, li l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha influwenza deċiżiva fuq l-evalwazzjoni tal-legalità tal-attività industrijali eżerċitata mill-impjant Ilva. Konsegwentement, is-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali huwa espost b’mod suffiċjenti f’din it-talba, li tinkludi, barra minn hekk, l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tirrispondi b’mod utli għal dawn id-domandi.

50

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju identifikat, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli u r-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, minn din it-talba jirriżulta li l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet għandha rabta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, peress li din l-interpretazzjoni jista’ jkollha effett fuq l-eżitu ta’ din it-tilwima.

51

Għaldaqstant, l-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-konvenuti fil-kawża prinċipali għandu jiġi miċħud.

52

Fit-tieni lok, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-konstatazzjoni li t-terminu l-ġdid previst sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-operat tal-impjant Ilva mal-miżuri nazzjonali ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa huwa kompatibbli mad-Direttiva 2010/75 kisbet l-awtorità ta’ res judicata wara l-opinjoni tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li l-qorti tar-rinviju ma tistax tikkontesta l-evalwazzjoni tagħha.

53

F’dan ir-rigward, għandha titfakkar l-importanza li għandu, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata. Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni rilevanti ta’ dan id-dritt adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja, korp ġudizzjarju nazzjonali għandu, bħala prinċipju, imur lura fuq id-deċiżjoni tiegħu li jkollha l-awtorità ta’ res judicata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, C‑116/20, EU:C:2022:273, punti 9294 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Madankollu, dan il-prinċipju ma jistax iwassal, bħala tali, għall-konklużjoni tal-inammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li qorti nazzjonali ma tistax validament tqis li huwa impossibbli għaliha li tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni sempliċement minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni tkun ġiet interpretata minn qrati oħra f’sens li ma jkunx kompatibbli ma’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos,C‑116/20, EU:C:2022:273, punti 97 sa 104).

55

Għaldaqstant, it-tieni motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-konvenuti fil-kawża prinċipali għandu wkoll jiġi miċħud.

56

Fit-tielet lok, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li, skont id-dritt proċedurali nazzjonali, fil-kuntest ta’ tilwima bejn persuni privati, il-qorti ordinarja tista’ ma tapplikax att amministrattiv biss jekk il-ksur tad-dritt invokat minn waħda mill-partijiet ma jkunx marbut mal-evalwazzjoni tan-natura legali ta’ dan l-att, fatt li ma huwiex il-każ f’dan il-każ. Barra minn hekk, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tinterpreta d-Direttiva 2010/75 fis-sens li evalwazzjoni tal-effetti fuq is-saħħa tal-attività ta’ installazzjoni għandha titwettaq qabel il-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni għall-operat ta’ din l-installazzjoni jew waqt l-eżami mill-ġdid ta’ din l-awtorizzazzjoni, huwa l-leġiżlatur nazzjonali li għandu jadotta att ta’ traspożizzjoni sabiex jiddefinixxi l-kontenut ta’ din l-evalwazzjoni.

57

F’dan ir-rigward, għandu, minn naħa, jiġi enfasizzat li, hekk kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li t-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju hija bejn persuni privati ma huwiex ta’ natura li jwassal, bħala tali, għall-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Praxair MRC,C‑486/18, EU:C:2019:379, punt 35).

58

Min-naħa l-oħra, huwa minnu li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, in-natura vinkolanti ta’ direttiva li fuqha tkun imsejsa l-possibbiltà tal-invokazzjoni tagħha teżisti biss fir-rigward ta’ “l-Istati Membri [destinatarji]”. Minn dan isegwi, skont ġurisprudenza stabbilita, li direttiva ma tistax minn nnifisha toħloq obbligi fir-rigward ta’ individwu u għalhekk ma tistax tiġi invokata bħala tali fil-konfront ta’ tali persuna quddiem qorti nazzjonali (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Sambre & Biesme u Commune de Farciennes, C‑383/21 u C‑384/21, EU:C:2022:1022, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

59

Madankollu, għandu jitfakkar li, meta l-partijiet fil-kawża jkunu jistgħu jibbażaw ruħhom fuq direttiva mhux kontra individwu, iżda kontra Stat Membru, huma jistgħu jagħmlu dan, tkun xi tkun il-kwalità li fiha dan tal-aħħar ikunu qiegħed jaġixxi. Fil-fatt, għandu jiġi evitat li l-Istat Membru jkun jista’ jieħu vantaġġ mill-ksur tiegħu tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Sambre & Biesme u Commune de Farciennes, C‑383/21 u C‑384/21, EU:C:2022:1022, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60

F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, l-organi jew l-entitajiet, anki jekk dawn ikunu rregolati mid-dritt privat, li jkunu suġġetti għall-awtorità jew għall-kontroll ta’ awtorità pubblika, jew li jkunu ġew fdati minn Stat Membru bit-twettiq ta’ missjoni ta’ interess pubbliku u li jkollhom għal dan l-għan setgħat eżorbitanti meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mir-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi għandhom jiġu assimilati ma’ Stat Membru u mal-korpi tal-amministrazzjoni tiegħu (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Sambre & Biesme u Commune de Farciennes, C‑383/21 u C‑384/21, EU:C:2022:1022, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-Digriet‑Liġi Nru 207/2012 jipprovdi, fl-Artikolu 1(1) tiegħu, li “l-[impjant Ilva] jikkostitwixxi impjant jew faċilità ta’ interess strateġiku nazzjonali”.

62

Minn din it-talba jirriżulta wkoll li d-Digriet‑Liġi Nru 61/2013 jipprevedi, fl-Artikolu 1(1) tiegħu, il-possibbiltà li titqiegħed taħt is-sistema ta’ “amministraturi speċjali”, kull impriża li tkun tissodisfa ċerti kriterji ta’ daqs u li tkun topera mill-inqas impjant wieħed jew faċilità waħda ta’ interess strateġiku nazzjonali fil-każ fejn “l-attività tal-produzzjoni tkun ħolqot u toħloq, b’mod oġġettiv, perikoli gravi u sinjifikattivi għall-integrità tal-ambjent u tas-saħħa minħabba n-nuqqas ta’ osservanza repetut tal-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata”. Il-qorti tar-rinviju żżid li, skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan id-digriet‑liġi , il-kundizzjonijiet tas-sistema ta’ eċċezzjoni prevista f’dan l-Artikolu 1(1) kienu ssodisfatti fil-każ ta’ Ilva.

63

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tat-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jilmentaw dwar serje ta’ regoli speċjali adottati mill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward ta’ Ilva li, kemm f’dak li jirrigwarda l-qasam li huma jirregolaw kif ukoll f’dak li jirrigwarda n-natura tagħhom ta’ lex specialis fir-rigward tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006, għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/75.

64

Għaldaqstant, it-tielet motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-konvenuti fil-kawża prinċipali għandu wkoll jiġi miċħud.

65

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-domandi preliminari huma ammissibbli.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

66

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2010/75, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 191 TFUE, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri huma meħtieġa jipprevedu evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tal-attività tal-installazzjoni kkonċernata kemm fuq l-ambjent kif ukoll fuq is-saħħa tal-bniedem bħala parti integrali mill-proċeduri ta’ ħruġ jew ta’ eżami mill-ġdid ta’ awtorizzazzjoni għall-operat ta’ tali installazzjoni taħt din id-direttiva.

67

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2010/75 ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 192(1) TFUE, dwar l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Unjoni fil-qasam tal-ambjent bil-għan li jitwettqu l-għanijiet previsti fl-Artikolu 191 TFUE. Dan l-aħħar artikolu jipprovdi, fl-ewwel u fit-tieni inċiż tal-paragrafu 1 tiegħu, li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent għandha tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet ta’ preservazzjoni, ta’ protezzjoni u ta’ titjib tal-kwalità tal-ambjent kif ukoll ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Taħt dan l-Artikolu 191(2) il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent għandha tkun intiża li tilħaq livell ta’ protezzjoni għoli, billi tittieħed inkunsiderazzjoni d-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni tal-Unjoni.

68

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent kif ukoll il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem huma żewġ komponenti marbuta mill-qrib mal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, li taħtha taqa’ d-Direttiva 2010/75.

69

Hekk kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, l-għanijiet tagħha huma l-prevenzjoni u t-tnaqqis integrati tat-tniġġis li jirriżulta mill-attivitajiet industrijali. B’mod konformi mat-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu 1 moqri fid-dawl tal-premessa 12 tal-imsemmija direttiva, din id-direttiva hija intiża wkoll għall-prevenzjoni jew, meta din ma tkunx possibbli, għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-arja, fl-ilma u fl-art, kif ukoll għall-evitar tal-ġenerazzjoni tal-iskart, sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent “kollu kemm hu”.

70

Ir-regoli stabbiliti mid-Direttiva 2010/75 huma għalhekk il-konkretizzazzjoni tal-obbligi tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikolu 191(1) u (2) TFUE.

71

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jipprevedi li livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem għandu jiġi żgurat fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u tal-azzjonijiet kollha tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, b’mod konformi mal-Artikolu 37 tal-Karta, livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u t-titjib fil-kwalità tiegħu għandhom jiġu integrati fil-politiki tal-Unjoni u għandhom jiġu żgurati b’mod konformi mal-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli.

72

Fid-dawl tar-rabta stretta li teżisti bejn il-protezzjoni tal-ambjent u dik tas-saħħa tal-bniedem, id-Direttiva 2010/75 hija intiża li tiffaċilita mhux biss l-applikazzjoni tal-Artikolu 37 tal-Karta, hekk kif indikat fil-premessa 45 ta’ din id-direttiva, iżda wkoll l-applikazzjoni tal-Artikolu 35 tal-Karta, peress li livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem ma jistax jintlaħaq mingħajr livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli. Id-Direttiva 2010/75 għalhekk tikkontribwixxi għas-salvagwardja tad-dritt ta’ kull persuna li tgħix f’ambjent xieraq li jiżgura s-saħħa u l-benesseri tagħha, previst fil-premessa 27 ta’ din id-direttiva.

73

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/75 li jirrigwardaw il-proċeduri ta’ ħruġ ta’ awtorizzazzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi, li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li ebda installazzjoni jew ebda impjant ta’ kombustjoni, impjant ta’ inċinerazzjoni tal-iskart jew impjant ta’ koinċinerazzjoni tal-iskart ma jkun jopera mingħajr awtorizzazzjoni.

74

Il-kunċett ta’ “installazzjoni”, li huwa ddefinit fil-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2010/75, jirreferi, b’mod partikolari, għal unità teknika stazzjonarja li fiha titwettaq attività waħda jew iktar minn dawk imsemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva jew fil-Parti I tal-Anness VII tal-imsemmija direttiva, kif ukoll kull attività oħra direttament assoċjata, eżerċitata fl-istess sit, li tkun marbuta teknikament mal-attivitajiet elenkati f’dawn l-annessi u li jista’ jkollha effetti fuq l-emissjonijiet u fuq it-tniġġis. Dan l-Anness I jirrigwarda, b’mod partikolari, l-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ pproċessar tal-metalli.

75

Minn dan jirriżulta li, b’mod konformi mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2010/75, moqri flimkien mal-punt 3 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, l-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ pproċessar tal-metalli li jilħqu l-limiti ta’ kapaċità indikati fl-imsemmi Anness I huma fost dawk li huma suġġetti għal awtorizzazzjoni.

76

Għaldaqstant, impjant bħall-impjant Ilva, li fir-rigward tiegħu huwa paċifiku li dan għandu jitqies li huwa installazzjoni, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2010/75, u li jilħaq dawn il-limiti ta’ kapaċità, ma jistax jopera mingħajr tali awtorizzazzjoni.

77

Il-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti huwa, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2010/75, suġġett għall-osservanza tar-rekwiżiti previsti minn din id-direttiva.

78

B’mod konformi mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2010/75, installazzjoni bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, li minnu jagħmlu parti l-Artikoli 11 sa 27 tagħha, li jipprevedu r-rekwiżiti applikabbli għal din it-tip ta’ installazzjoni.

79

Skont l-Artikolu 12(1)(i) tad-Direttiva 2010/75, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni jkunu jinkludu deskrizzjoni tal-miżuri previsti sabiex jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tal-obbligi fundamentali tal-operatur stabbiliti fl-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva.

80

Issa, skont l-Artikolu 11(a) tal-imsemmija direttiva, l-operatur ta’ installazzjoni għandu jieħu l-miżuri preventivi kollha xierqa kontra t-“tniġġis”.

81

L-Artikolu 11(b) tad-Direttiva 2010/75 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex, fil-kuntest tal-operat ta’ installazzjoni, jiġu applikati l-BAT. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-punt 10 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “[BAT]” bħala l-istadju tal-iżvilupp l-iktar effettiv u avvanzat tal-attivitajiet u tal-metodi ta’ operat tagħhom, li juri l-adattabbiltà prattika ta’ tekniċi partikolari sabiex jikkostitwixxu l-bażi għall-valuri limitu ta’ emissjoni u għal kundizzjonijiet oħra għal awtorizzazzjoni intiżi li jiġu evitati u, meta dan ma jkunx possibbli, li jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-impatt fuq l-ambjent “kollu kemm hu”.

82

Skont l-Artikolu 11(c) tad-Direttiva 2010/75, l-operatur ta’ installazzjoni huwa meħtieġ jiżgura li ma jiġi kkawżat ebda “tniġġis” sinjifikattiv.

83

L-Artikolu 12(1)(f) tad-Direttiva 2010/75 jipprevedi li l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi deskrizzjoni tal-elementi li jirrigwardaw in-natura u l-kwantitajiet tal-emissjonijiet prevedibbli tal-installazzjoni f’kull element ambjentali kif ukoll id-determinazzjoni tal-effetti sinjifikattivi tal-emissjonijiet fuq l-ambjent. L-Artikolu 12(1)(j) ta’ din id-direttiva jimponi, min-naħa tiegħu, li l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi deskrizzjoni tal-miżuri previsti għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet fl-“ambjent”.

84

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/75, dwar il-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni, jirreferi, fil-paragrafu (1)(a) tiegħu, għall-valuri limitu ta’ emissjoni għas-sustanzi li jniġġsu msemmija fl-Anness II ta’ din id-direttiva u għas-sustanzi l-oħra li jniġġsu li jistgħu jiġu emessi mill-installazzjoni kkonċernata fi kwantitajiet sinjifikattivi, fid-dawl tan-natura tagħhom u tal-potenzjal tagħhom li jittrasferixxu t-“tniġġis” minn element ambjentali għal ieħor.

85

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-eżami mill-ġdid ta’ awtorizzazzjoni, l-Artikolu 21(5)(a) tad-Direttiva 2010/75 jipprovdi, b’mod partikolari, li dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid meta t-“tniġġis” ikkawżat mill-installazzjoni kkonċernata jkun tali li jkun meħtieġ li jiġu rriveduti l-valuri limitu ta’ emissjoni indikati fl-awtorizzazzjoni għall-operat ta’ din l-installazzjoni jew li jiġu inklużi valuri limitu ta’ emissjoni ġodda.

86

Hekk kif sostniet il-Kummissjoni Ewropea, il-frekwenza tal-eżami mill-ġdid tal-awtorizzazzjoni inkwistjoni għandha tiġi adattata għall-portata u għan-natura tal-installazzjoni. Fil-fatt, mill-premessa 2 tad-Direttiva 2010/75 jirriżulta li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-karatteristiċi speċifiċi lokali tal-post li fih titwettaq l-attività industrijali. Dan ikun, b’mod partikolari, il-każ jekk din tal-aħħar tkun tinsab qrib residenzi.

87

Għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-proċeduri ta’ ħruġ jew ta’ eżami mill-ġdid ta’ awtorizzazzjoni, imsemmija fil-punti 80, 82, 84 u 85 ta’ din is-sentenza, kollha jirreferu għall-kunċett ta’ “tniġġis”.

88

Issa, dan il-kunċett huwa ddefinit, fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2010/75, bħala li jkopri, b’mod partikolari, l-introduzzjoni fl-arja, fl-ilma jew fl-art ta’ sustanzi li jistgħu jkunu ta’ ħsara kemm għas-saħħa tal-bniedem kif ukoll għall-kwalità tal-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Sdruzhenie Za Zemyata – dostap do pravosadieet, C‑375/21, EU:C:2023:173, punt 48).

89

Minn dan jirriżulta li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2010/75, l-imsemmi kunċett jinkludi d-dannu kkawżat, jew li jista’ jiġi kkawżat, kemm lill-ambjent kif ukoll lis-saħħa tal-bniedem.

90

Tali definizzjoni wiesgħa tikkonferma r-rabta stretta, enfasizzata fil-punti 67 sa 72 ta’ din is-sentenza, li teżisti, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ din id-direttiva, bejn il-protezzjoni tal-kwalità tal-ambjent u dik tas-saħħa tal-bniedem.

91

Dan il-qari tad-Direttiva 2010/75 huwa kkorroborat mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tagħha, li jipprevedi li, meta n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni jkun ta’ “periklu immedjat għas-saħħa tal-bniedem” jew jissogra li jipproduċi effett dannuż sinjifikattiv immedjat fuq l-ambjent, l-operat tal-installazzjoni kkonċernata għandu jiġi sospiż sakemm tiġi stabbilita mill-ġdid il-konformità.

92

Dan huwa kkonfermat ukoll mill-punt (a) tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 23(4) ta’ din id-direttiva, li, fir-rigward tal-ispezzjonijiet ambjentali, jipprovdi espliċitament li l-evalwazzjoni sistematika tar-riskji ambjentali għandha tkun ibbażata, fost l-oħrajn, fuq l-effetti potenzjali u reali tal-installazzjonijiet ikkonċernati fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent.

93

Barra minn hekk, l-analiżi preċedenti tingħaqad ma’ dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li, fir-rigward preċiżament tat-tniġġis marbut mal-operat tal-impjant Ilva, ibbażat ruħha, sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, fuq studji xjentifiċi li jiddeskrivu l-effetti li jniġġsu tal-emissjonijiet ta’ dan l-impjant kemm fuq l-ambjent kif ukoll fuq is-saħħa tal-bniedem (Qorti EDB, 24 ta’ Jannar 2019, Cordella et vs L‑Italja, CE:ECHR:2019:0124JUD005441413, punti 163 u 172).

94

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Taljan, l-operatur ta’ installazzjoni li tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/75 għandu, fl-applikazzjoni tiegħu għal awtorizzazzjoni, b’mod partikolari, jipprovdi l-informazzjoni adatta dwar l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-installazzjoni tiegħu u huwa għandu wkoll, matul il-perijodu kollu ta’ operat ta’ din l-installazzjoni, jiżgura l-osservanza tal-obbligi fundamentali tiegħu taħt din id-direttiva kif ukoll dik tal-miżuri previsti f’dan ir-rigward, permezz ta’ evalwazzjoni kontinwa tal-effetti tal-attivitajiet tal-imsemmija installazzjoni kemm fuq l-ambjent kif ukoll fuq is-saħħa tal-bniedem.

95

Bl-istess mod, huma l-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom li għandhom jipprevedu li tali evalwazzjoni hija parti integrali mill-proċeduri ta’ ħruġ u ta’ eżami mill-ġdid ta’ awtorizzazzjoni.

96

Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti jipprevedu evalwazzjoni a posteriori tal-effetti tal-attivitajiet industrijali inkwistjoni fuq is-saħħa tal-bniedem, li magħha l-eżami mill-ġdid tal-awtorizzazzjoni ambjentali huwa assoċjat biss b’mod eventwali.

97

Hija tenfasizza, b’mod partikolari li, skont l-Artikolu 1a(1) tad-Digriet‑Liġi Nru 207/2012, fiż-żoni kollha affettwati minn impjanti jew faċilitajiet ta’ importanza strateġika nazzjonali bħall-impjant Ilva, l-awtoritajiet tas-saħħa kompetenti territorjali “għandhom ifasslu b’mod konġunt rapport ta’ evalwazzjoni tad-danni għas-saħħa, aġġornat mill-inqas darba fis-sena, billi jibbażaw ruħhom ukoll fuq ir-reġistru reġjonali tat-tumuri u fuq il-mapep epidemjoloġiċi relatati mal-mard prinċipali ta’ natura ambjentali”.

98

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża madankollu li, skont ir-regoli speċjali applikabbli għal Ilva, ma huwiex previst li din l-evalwazzjoni tad-danni għas-saħħa tikkostitwixxi kundizzjoni preliminari għall-ħruġ ta’ Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata, jew li din tifforma parti integrali mill-proċeduri ta’ ħruġ jew ta’ eżami mill-ġdid ta’ din l-awtorizzazzjoni.

99

L-evalwazzjoni tad-danni għas-saħħa prevista fl-Artikolu 1a(1) tad-Digriet-Liġi Nru 207/2012 għalhekk, waħedha, ma hijiex ta’ natura li tbiddel Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata, iżda tista’ biss tifforma l-bażi ta’ applikazzjoni eventwali għal eżami mill-ġdid ta’ din l-awtorizzazzjoni. Skont il-qorti tar-rinviju, ir-riżultati misluta mill-istudju tad-data miksuba mill-awtoritajiet tas-saħħa huma kklassifikati fi tliet livelli progressivi ta’ evalwazzjoni, skont il-gravità tal-problemi kkonstatati. Madankollu, it-tielet wieħed biss minn dawn il-livelli jagħti s-setgħa lill-awtorità kompetenti titlob l-eżami mill-ġdid ta’ tali awtorizzazzjoni.

100

Għalhekk, din il-qorti tirrileva li r-regoli speċjali applikabbli għal Ilva ma jipprevedux li, meta tali evalwazzjoni tkun turi riżultati li juru n-natura inaċċettabbli tal-perikolu għas-saħħa ta’ popolazzjoni kbira esposta għal emissjonijiet li jniġġsu, l-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata għandha, b’mod imperattiv u rapidu, tkun is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid.

101

Fir-rigward tal-impjant Ilva, il-qorti tar-rinviju żżid li rapporti ta’ evalwazzjoni tad-dannu għas-saħħa relatati mal-impjant Ilva stabbiliti mill-awtoritajiet tas-saħħa kompetenti jixhdu li kien hemm riskju inaċċettabbli għall-popolazzjoni, marbut ma’ ċerti emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu li jirriżultaw minn dan l-impjant. Madankollu, l-effett ta’ dawn is-sustanzi li jniġġsu fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem ma ġiex evalwat fil-kuntest tal-Awtorizzazzjonijiet Ambjentali Integrati tal‑2011 u tal‑2012. Dawn ir-rapporti kienu wasslu sabiex is-sindku ta’ Taranto jitlob u jikseb li lill-Ministeru għall-Ambjent u għall-Protezzjoni tat-Territorju u tal-Baħar jiftaħ, fix-xahar ta’ Mejju 2019, il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid tal-awtorizzazzjoni tas-sena 2017. Din il-proċedura għadha ma ngħalqitx u l-impjant Ilva kompla l-attivitajiet tiegħu.

102

Il-Gvern Taljan iqis, f’dan ir-rigward, li d-Direttiva 2010/75 ma tagħmel ebda riferiment għal evalwazzjoni tad-danni għas-saħħa, jew għal evalwazzjoni oħra simili tal-impatt jew tal-effett fuq is-saħħa, taħt l-elementi li jikkundizzjonaw l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet li din tipprevedi.

103

Dan il-gvern u Ilva jsostnu wkoll li evalwazzjoni ex ante u kontroll minn qabel ta’ tali danni huma inkompatibbli man-natura dinamika tal-attivitajiet industrijali u tal-awtorizzazzjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, tali metodoloġija ma tiggarantixxix il-waqfien fi żmien xieraq ta’ dannu għas-saħħa tal-bniedem.

104

Madankollu, mill-punti 67 sa 95 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-effetti tal-attività ta’ impjant fuq is-saħħa tal-bniedem, bħal dik prevista fl-Artikolu 1a(1) tad-Digriet‑Liġi Nru 207/2012, għandha tifforma parti integrali mill-proċeduri ta’ ħruġ u ta’ eżami mill-ġdid tal-awtorizzazzjoni għall-operat ta’ dan l-impjant u għandha tikkostitwixxi kundizzjoni preliminari għall-ħruġ jew għall-eżami mill-ġdid ta’ din l-awtorizzazzjoni. B’mod partikolari, din l-evalwazzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod effettiv u fi żmien xieraq, mill-awtorità kompetenti sabiex toħroġ jew teżamina mill-ġdid l-imsemmija awtorizzazzjoni. Din ma tistax tiddependi fuq setgħa ta’ talba li l-awtoritajiet tas-saħħa jistgħu jeżerċitaw biss fis-sitwazzjonijiet problematiċi l-iktar gravi. Meta tali evalwazzjoni turi, hekk kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, riżultati li jkunu juru n-natura inaċċettabbli tal-perikolu għas-saħħa ta’ popolazzjoni kbira esposta għal emissjonijiet li jniġġsu, l-awtorizzazzjoni kkonċernata għandha tkun suġġetta għal eżami mill-ġdid fi żmien qasir.

105

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Direttiva 2010/75, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 191 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 35 u 37 tal-Karta, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri huma meħtieġa jipprevedu li l-evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tal-attività tal-installazzjoni kkonċernata kemm fuq l-ambjent kif ukoll fuq is-saħħa tal-bniedem għandha tifforma parti integrali mill-proċeduri ta’ ħruġ u ta’ eżami mill-ġdid ta’ awtorizzazzjoni għall-operat ta’ tali installazzjoni taħt din id-direttiva.

Fuq it‑tieni domanda

106

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2010/75 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, għall-finijiet tal-ħruġ jew tal-eżami mill-ġdid ta’ awtorizzazzjoni għall-operat ta’ installazzjoni taħt din id-direttiva, l-awtorità kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra s-sustanzi li jniġġsu prevedibbli fid-dawl tan-natura u tat-tip ta’ attività industrijali kkonċernata, dawk kollha li jkunu s-suġġett ta’ emissjonijiet xjentifikament irrikonoxxuti bħala noċivi li jirriżultaw mill-attività tal-installazzjoni kkonċernata, inklużi dawk iġġenerati minn din l-attività li ma ġewx evalwati matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni inizjali ta’ din l-installazzjoni.

107

Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 101 ta’ din is-sentenza, dik il-qorti tirreferi għal rapporti li jixhdu li kien hemm riskju inaċċettabbli għall-popolazzjoni marbut, b’mod ipprovat, ma’ ċerti emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu li jirriżultaw mill-impjant Ilva, jiġifieri partiċelli fini PM2.5 u PM10, ir-ramm, il-merkurju u n-naftalina li jirriżultaw minn sorsi varji. Madankollu, l-effett ta’ dawn is-sustanzi li jniġġsu fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem ma ġiex evalwat fil-kuntest tal-Awtorizzazzjonijiet Ambjentali Integrati tal‑2011 u tal‑2012.

108

Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-regoli speċjali applikabbli għal Ilva ppermettew li tinħareġ lil din l-installazzjoni l-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata u li din tal-aħħar tiġi eżaminata mill-ġdid mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sustanzi li jniġġsu identifikati fil-“parti komplementari” msemmija fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, inklużi l-partiċelli fini PM2.5 u PM10, u lanqas l-effetti noċivi tagħhom fuq il-popolazzjoni ta’ Taranto, b’mod partikolari fid-distrett ta’ Tamburi.

109

Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni u l-proċedura ta’ ħruġ ta’ awtorizzazzjoni, l-Artikolu 12(1)(f) tad-Direttiva 2010/75 jipprevedi li tali applikazzjoni għandha tinkludi deskrizzjoni tan-natura u tal-kwantitajiet tal-emissjonijiet prevedibbli tal-installazzjoni f’kull element ambjentali kif ukoll id-determinazzjoni tal-effetti sinjifikattivi tal-emissjonijiet fuq l-ambjent.

110

Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-awtorizzazzjoni għandha tipprevedi valuri limitu ta’ emissjoni mhux biss għas-sustanzi li jniġġsu elenkati fl-Anness II tal-imsemmija direttiva, iżda wkoll għas-sustanzi l-oħra li jniġġsu li “x’aktarx joħorġu” mill-installazzjoni kkonċernata.

111

Ċertament, hekk kif ġie espost fil-premessa 15 tad-Direttiva 2010/75, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom marġni ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni li huma għandhom iwettqu sabiex jiddeterminaw is-sustanzi li jniġġsu li għandhom ikunu s-suġġett ta’ valuri limitu ta’ emissjonijiet fl-awtorizzazzjoni għall-operat ta’ installazzjoni.

112

Madankollu, l-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-awtorizzazzjoni maħruġa minn dawn l-awtoritajiet għandha tistabbilixxi valuri limitu ta’ emissjoni, minbarra għas-sustanzi li jniġġsu elenkati fl-Anness II tal-imsemmija direttiva, għas-sustanzi “oħra” li jniġġsu li jistgħu jiġu emessi “fi kwantitajiet sinifikanti, wara li tkun ikkunsidrata n-natura u l-potenzjal tagħhom li jitrasferixxu t-tniġġis minn element ambjentali għal ieħor”.

113

Għandu jiġi kkonstatat li din l-espressjoni tirrifletti l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ prevenzjoni li fuqu hija bbażata d-Direttiva 2010/75, id-determinazzjoni tal-kwantità ta’ sustanzi li jniġġsu li l-emissjoni tagħhom tista’ tiġi awtorizzata għandha tkun marbuta mal-grad ta’ noċività tas-sustanzi kkonċernati.

114

Minn dan isegwi li biss is-sustanzi li jniġġsu meqjusa li għandhom effett negliġibbli fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent jistgħu jiġu esklużi mill-kategorija tas-sustanzi li għandhom ikollhom valuri limitu ta’ emissjoni fl-awtorizzazzjoni għall-operat ta’ installazzjoni.

115

Għaldaqstant, l-operatur ta’ installazzjoni huwa suġġett għall-obbligu li jipprovdi, fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tiegħu għall-operat ta’ din l-installazzjoni, informazzjoni dwar in-natura, il-kwantità u l-effett potenzjalment ta’ ħsara tal-emissjonijiet li jistgħu jiġu prodotti mill-imsemmija installazzjoni, sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jistabbilixxu valuri limitu għal dawn l-emissjonijiet, bl-unika eċċezzjoni ta’ dawk li, min-natura jew mill-kwantità tagħhom, ma jistgħux jikkostitwixxu riskju għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem.

116

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid ta’ awtorizzazzjoni, l-Artikolu 21(5)(a) tad-Direttiva 2010/75 jeżiġi li l-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid jekk it-tniġġis ikkawżat minn installazzjoni jkun tali li jkun meħtieġ li jiġu rriveduti l-valuri limitu ta’ emissjoni indikati fl-awtorizzazzjoni għall-operat ta’ din l-installazzjoni “jew [li] jiġu inklużi valuri ġodda bħal dawn fil-permess”.

117

Għaldaqstant, għandu jitqies li, kuntrarjament għal dak li jsostnu Ilva u l-Gvern Taljan, il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid ta’ awtorizzazzjoni ma tistax tkun limitata li tistabbilixxi valuri limitu biss għas-sustanzi li jniġġsu li l-emissjoni tagħhom kienet prevedibbli u ttieħdet inkunsiderazzjoni matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni inizjali, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-emissjonijiet effettivament iġġenerati mill-installazzjoni kkonċernata matul l-operat tagħha u relatati ma’ sustanzi oħra li jniġġsu.

118

Hekk kif rrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 133 tal-konklużjonijiet tagħha, għandha għalhekk tittieħed inkunsiderazzjoni l-esperjenza miksuba mill-operat tal-installazzjoni kkonċernata bħala komponent tad-data xjentifika rilevanti relatata mat-tniġġis, u, għaldaqstant, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet effettivament ikkonstatati.

119

Għandu jingħad ukoll li, fil-kuntest, b’mod partikolari, tal-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid ta’ awtorizzazzjoni għall-operat ta’ installazzjoni previsti mid-Direttiva 2010/75, għandha, fi kwalunkwe każ, issir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni s-sorsi kollha ta’ sustanzi li jniġġsu u l-effett kumulattiv tagħhom b’mod li jiġi ggarantit li s-somma tal-emissjonijiet tagħhom ma twassal għal ebda qbiż tal-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja hekk kif iddefiniti mid-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU 2008, L 152, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2015/1480 tat‑28 ta’ Awwissu 2015 (ĠU 2015, L 226, p. 4, rettifika fil-ĠU 2019, L 72, p. 141) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Sdruzhenie Za Zemyata – dostap do pravosadieet, C‑375/21, EU:C:2023:173, punt 54).

120

Fil-kawża prinċipali, u fir-rigward, b’mod partikolari, tal-partiċelli PM10 u PM2.5, li l-qorti tar-rinviju tenfasizza li ma ttieħdux inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-iffissar ta’ valuri limitu ta’ emissjoni meta nħarġet l-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata tas-sena 2011 lill-impjant Ilva, għandu jiġi rrilevat li l-valuri limitu stabbiliti mid-Direttiva 2008/50, kif emendata bid-Direttiva 2015/1480, għandhom jitqiesu li huma “livelli ta’ kwalità ambjentali”, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 3 tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2010/75 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Sdruzhenie Za Zemyata — dostap do pravosadieet, C‑375/21, EU:C:2023:173, punt 59).

121

Għaldaqstant, hekk kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 129 tal-konklużjonijiet tagħha, għalkemm l-osservanza ta’ dawn il-livelli teħtieġ li jiġu imposti valuri limitu ta’ emissjoni iktar stretti fuq l-installazzjoni kkonċernata, dawn għandhom jiġu stabbiliti b’mod konformi ma’ dan l-Artikolu 18, li jipprovdi li f’dak il-każ għandhom jiżdiedu miżuri addizzjonali fl-awtorizzazzjoni, bla ħsara għal miżuri oħra li jistgħu jittieħdu sabiex jiġu osservati l-livelli ta’ kwalità ambjentali.

122

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-Direttiva 2010/75 għandha tiġi interpretata fis-sens li, għall-finijiet tal-ħruġ jew tal-eżami mill-ġdid ta’ awtorizzazzjoni għall-operat ta’ installazzjoni taħt din id-direttiva, l-awtorità kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra s-sustanzi li jniġġsu prevedibbli fid-dawl tan-natura u tat-tip ta’ attività industrijali kkonċernata, dawk kollha li jkunu s-suġġett ta’ emissjonijiet xjentifikament irrikonoxxuti bħala noċivi li jistgħu jiġu emessi mill-installazzjoni kkonċernata, inklużi dawk iġġenerati minn din l-attività li ma ġewx evalwati matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni inizjali ta’ din l-installazzjoni.

Fuq it‑tielet domanda

123

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2010/75 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha t-terminu mogħti lill-operatur ta’ installazzjoni sabiex jikkonforma ruħu mal-miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem previsti mill-awtorizzazzjoni għall-operat ta’ din l-installazzjoni kien is-suġġett ta’ estensjonijiet repetuti, filwaqt li ġew identifikati perikoli gravi u sinjifikattivi għall-integrità tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem.

124

F’dan ir-rigward, din il-qorti tirrileva li r-regoli speċjali applikabbli għal Ilva ppermettew li jingħataw lill-impjant Ilva diversi prorogi li mhux dejjem kienu marbuta ma’ eżamijiet mill-ġdid u ma’ aġġornamenti effettivi tal-kundizzjonijiet għall-operat tal-attività ta’ dan l-impjant. Issa, il-posponiment tat-termini previsti għall-implimentazzjoni tal-miżuri intiżi li jiżguraw l-osservanza tal-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata tal‑2011 seħħ, minn naħa, fir-rigward ta’ operazzjoni industrijali meqjusa mil-leġiżlatur stess bħala li tippreżenta riskju gravi għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent kif ukoll, min-naħa l-oħra, bl-għan li jitwettqu x-xogħlijiet intiżi li jirrendu din l-operazzjoni, fit-teorija, sigura għas-saħħa tal-persuni li jgħixu fil-viċinanzi tal-imsemmi impjant. Madankollu, hekk kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari u hekk kif ġie kkonfermat minn Ilva u mill-Gvern Taljan waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri intiżi li jintlaħaq dan l-għan ġew posposti diversi drabi.

125

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward, fil-kawża prinċipali, ta’ installazzjoni eżistenti, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 96/61, l-awtorizzazzjoni inkwistjoni qabel kollox waqgħet taħt id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, u sussegwentement taħt dawk tad-Direttiva 2008/1. Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din l-aħħar direttiva, id-data ta’ skadenza għat-tqegħid f’konformità tal-installazzjonijiet eżistenti kienet dik tat‑30 ta’ Ottubru 2007 (sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑50/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:200, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, din id-data ma ġietx osservata fil-każ tal-impjant Ilva, li l-operat tiegħu kien suġġett għal awtorizzazzjoni ambjentali biss fl‑4 ta’ Awwissu 2011.

126

B’dan ippreċiżat, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tad-Direttiva 2010/75, skont l-Artikolu 82(1) ta’ din id-direttiva, f’dak li jirrigwarda l-installazzjonijiet bħall-impjant Ilva, l-Istati Membri kellhom, mis‑7 ta’ Jannar 2014, japplikaw id-dispożizzjonijiet adottati sabiex tiġi trasposta l-imsemmija direttiva fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom, bl-eċċezzjoni ta’ dispożizzjonijiet tagħha li ma humiex rilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali. L-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2010/75 kien jagħti terminu ta’ erba’ snin mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet fuq il-BAT adottati b’mod konformi mal-Artikolu 13(5) ta’ din id-direttiva dwar l-attività prinċipali ta’ installazzjoni, f’dan il-każ sat‑28 ta’ Frar 2016, għall-adattament tal-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni għat-tekniki l-ġodda.

127

Għandu jingħad ukoll li, skont l-Artikolu 8(1) u (2)(a) u (b) tad-Direttiva 2010/75, fil-każ ta’ ksur tal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għall-operat ta’ installazzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxu immedjatament l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet. B’mod partikolari, l-operatur tal-installazzjoni kkonċernata għandu jieħu immedjatament il-miżuri neċessarji sabiex jistabbilixxi mill-ġdid, fl-iqsar żmien possibbli, il-konformità tal-installazzjoni tiegħu mal-imsemmija kundizzjonijiet.

128

Barra minn hekk, hekk kif diġà tfakkar fil-punt 91 ta’ din is-sentenza, meta ksur ta’ tali kundizzjonijiet jippreżenta perikolu dirett għas-saħħa tal-bniedem jew jissogra li jipproduċi effett dannuż immedjat sinjifikattiv fuq l-ambjent, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2010/75 jeżiġi li l-operat ta’ din l-installazzjoni jiġi sospiż.

129

Il-Gvern Taljan sostna, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li tqiegħed f’konformità mar-rekwiżiti previsti mill-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata tas-sena 2011 kienet twassal għal interruzzjoni tal-attività tal-istabbiliment għal diversi snin. Issa, din l-installazzjoni hija sors importanti ta’ impjieg għar-reġjun ikkonċernat. Għaldaqstant, l-adozzjoni tar-regoli speċjali applikabbli għal Ilva tirriżulta minn ibbilanċjar bejn l-interessi involuti, jiġifieri l-protezzjoni tal-ambjent, minn naħa, u dik tal-impjieg, min-naħa l-oħra.

130

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi enfasizzat li, skont il-premessa 43 tad-Direttiva 2010/75, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda li ċerti rekwiżiti ġodda li jkunu jirriżultaw minn din id-direttiva għandhom japplikaw għall-installazzjonijiet eżistenti, bħall-impjant Ilva, wara perijodu determinat li jibda jiddekorri mid-data ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, u dan “sabiex l-installazzjonijiet eżistenti jingħataw biżżejjed żmien” sabiex jadattaw ruħhom, fuq il-livell tekniku, għal dawn ir-rekwiżiti l-ġodda.

131

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk ir-regoli speċjali adottati fir-rigward tal-impjant Ilva kellhomx l-effett li jiddifferixxu b’mod eċċessiv, lil hinn minn dan il-perijodu tranżitorju kif ukoll mit-terminu previst fl-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2010/75, l-implimentazzjoni tal-miżuri neċessarji għall-konformità mal-Awtorizzazzjoni Ambjentali Integrata tas-sena 2011, fid-dawl tal-grad ta’ gravità tad-dannu għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem li ġie identifikat.

132

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li d-Direttiva 2010/75 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha t-terminu mogħti lill-operatur ta’ installazzjoni sabiex jikkonforma ruħu mal-miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem previsti mill-awtorizzazzjoni għall-operat ta’ din l-installazzjoni kien is-suġġett ta’ estensjonijiet repetuti, filwaqt li ġew identifikati perikoli gravi u sinjifikattivi għall-integrità tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem. Meta l-attività tal-installazzjoni kkonċernata tkun tippreżenta tali perikoli, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva jeżiġi, fi kwalunkwe każ, li l-operat ta’ din l-installazzjoni jiġi sospiż.

Fuq l‑ispejjeż

133

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis), moqrija fid-dawl tal-Artikolu 191 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 35 u 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

l-Istati Membri huma meħtieġa jipprevedu li l-evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tal-attività tal-installazzjoni kkonċernata kemm fuq l-ambjent kif ukoll fuq is-saħħa tal-bniedem għandha tifforma parti integrali mill-proċeduri ta’ ħruġ u ta’ eżami mill-ġdid ta’ awtorizzazzjoni għall-operat ta’ tali installazzjoni taħt din id-direttiva.

 

2)

Id-Direttiva 2010/75 għandha tiġi interpretata fis-sens li:

għall-finijiet tal-ħruġ jew tal-eżami mill-ġdid ta’ awtorizzazzjoni għall-operat ta’ installazzjoni taħt din id-direttiva, l-awtorità kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra s-sustanzi li jniġġsu prevedibbli fid-dawl tan-natura u tat-tip ta’ attività industrijali kkonċernata, dawk kollha li jkunu s-suġġett ta’ emissjonijiet xjentifikament irrikonoxxuti bħala noċivi li jistgħu jiġu emessi mill-installazzjoni kkonċernata, inklużi dawk iġġenerati minn din l-attività li ma ġewx evalwati matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni inizjali ta’ din l-installazzjoni.

 

3)

Id-Direttiva 2010/75 għandha tiġi interpretata fis-sens li:

tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha t-terminu mogħti lill-operatur ta’ installazzjoni sabiex jikkonforma ruħu mal-miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem previsti mill-awtorizzazzjoni għall-operat ta’ din l-installazzjoni kien is-suġġett ta’ estensjonijiet repetuti, filwaqt li ġew identifikati perikoli gravi u sinjifikattivi għall-integrità tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem. Meta l-attività tal-installazzjoni kkonċernata tkun tippreżenta tali perikoli, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva jeżiġi, fi kwalunkwe każ, li l-operat ta’ din l-installazzjoni jiġi sospiż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.