Kawża C‑566/22

Inkreal s. r. o.

vs

Dúha reality s. r. o.

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Nejvyšší soud České republiky)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat‑8 ta’ Frar 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 25 – Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni – Partijiet kontraenti stabbiliti fl-istess Stat Membru – Attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Stat Membru ieħor sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tilwim li jirriżultaw minn dan il-kuntratt – Element barrani”

Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 1215/2012 – Kamp ta’ applikazzjoni – Eżistenza ta’ element barrani – Estensjoni tal-ġurisdizzjoni – Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni – Partijiet kontraenti stabbiliti fl-istess Stat Membru – Attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Stat Membru ieħor sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tilwim li jirriżultaw minn dan il-kuntratt li ma għandu ebda rabta ma’ dan l-Istat Membru l-ieħor – Inklużjoni

(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1896/2006, Artikolu 3(1) u Nru 1215/2012, premessi 3 u 26, u Artikolu 25(1))

(ara l-punti 17 sa 25, 28, 32, 33, 39 u d-dispożittiv)

Sunt

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari f’tilwima li tirrigwarda kunflitt ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat l-applikabbiltà tar-Regolament Brussell Ia ( 1 ), mill-perspettiva tal-eżistenza ta’ element barrani, għall-ftehimiet li jagħtu ġurisdizzjoni.

Bejn l‑2016 u l‑2017, FD, residenti fis-Slovakkja, u Dúha reality, kumpannija rregolata mid-dritt Slovakk stabbilita fis-Slovakkja, ikkonkludew żewġ kuntratti ta’ self ta’ flus li jinkludu ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni li fuq il-bażi tiegħu kull tilwima li ma tkunx tista’ tiġi solvuta permezz ta’ negozjati, “għandha tkun solvuta fil-kuntest ta’ proċedura quddiem il-qorti Ċeka li għandha ġurisdizzjoni ratione materiae u territorjali”.

Fl‑2021, FD ittrasferixxa l-krediti tiegħu li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ self ta’ flus lil Inkreal, kumpannija rregolata mid-dritt Slovakk stabbilita fis-Slovakkja. Peress li Dúha reality ma ħallsitx lura l-flus mislufa, Inkreal adixxiet lin-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka) b’talba intiża sabiex tikseb, fost affarijiet oħrajn, l-identifikazzjoni tal-qorti li territorjalment għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi fuq il-mertu. L-imsemmija talba ġiet stabbilita abbażi tal-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni li jinsab fil-kuntratti ta’ self ta’ flus li Inkreal tqis li huwa validu skont ir-Regolament Brussell Ia.

L-imsemmija qorti suprema ppreċiżat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikabbiltà tar-Regolament Brussell Ia hija suġġetta għall-eżistenza ta’ element barrani. Permezz tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari tagħha, din l-ewwel qorti talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk dan ir-regolament huwiex applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-element barrani huwa limitat għal ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni li jirrigwarda l-qrati ta’ Stat Membru differenti minn dak tas-sede tal-partijiet.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

Qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia, li jirregola l-ftehimiet li jattribwixxu ġurisdizzjoni ( 2 ), ma tipprekludix li jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni ftehim li permezz tiegħu l-partijiet kontraenti stabbiliti fl-istess Stat Membru jiftiehmu dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru ieħor sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tilwim li jirriżultaw minn dan il-kuntratt, anki jekk l-imsemmi kuntratt ma jinkludi ebda rabta oħra ma’ dan l-Istat Membru l-ieħor.

Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest li fih tidħol din id-dispożizzjoni, hija ġurisprudenza stabbilita li l-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Brussell Ia teħtieġ l-eżistenza ta’ element barrani, peress li dan madankollu ma huwiex iddefinit mir-Regolament.

Filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-kunċett ekwivalenti ta’ “tilwima transkonfinali”, iddefinit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1896/2006 ( 3 ) bħala “fejn mill-inqas waħda mill-partijiet hija domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru fejn ikun sar rikors għall-qorti”, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, minn naħa, l-kawża prinċipali tissodisfa din id-definizzjoni, peress li l-partijiet fil-kawża huma stabbiliti fi Stat Membru differenti minn dak tal-qorti adita abbażi tal-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eżistenza ta’ element barrani, il-kawża prinċipali tqajjem kwistjoni dwar id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, b’mod iktar preċiż dwar jekk il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ din it-tilwima humiex dawk tar-Repubblika Ċeka jew tar-Repubblika Slovakka.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżistenza ta’ ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni lil qrati ta’ Stat Membru differenti minn dak li fih huma stabbiliti l-partijiet kontraenti turi, fiha nnifisha, l-effett transkonfinali tal-kawża prinċipali.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia, fis-sens li ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kopert minn din id-dispożizzjoni, tissodisfa l-għan ta’ ċertezza legali mfittex minn dan ir-regolament. Għall-kuntrarju, dan l-għan ikun kompromess jekk l-imsemmija dispożizzjoni tkun applikabbli biss sakemm ikunu jeżistu, lil hinn mill-ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni lil qrati ta’ Stat Membru ieħor, elementi addizzjonali ta’ natura li juru l-effett transkonfinali tat-tilwima kkonċernata. Fil-fatt, mhux biss titnaqqas il-prevedibbiltà għall-partijiet kontraenti tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża tagħhom, iżda l-eżami, mill-qorti adita, tal-ġurisdizzjoni tagħha stess isir iktar kumpless.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Brussell Ia japplika għal ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni li permezz tiegħu l-partijiet kontraenti stabbiliti fl-istess Stat Membru jaqblu dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru ieħor sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tilwim li jirriżultaw minn dan il-kuntratt, anki jekk l-imsemmi kuntratt ma jkollu ebda rabta oħra ma’ dan l-Istat Membru l-ieħor.


( 1 ) Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1)

( 2 ) Din id-dispożizzjoni tipprovdi: “Jekk il-partijiet, irrispettivament mid-domiċilju tagħhom, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi tilwimiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu inkonnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dik il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni, sakemm il-ftehim ma jkunx null u bla effett legali fil-validità sostantiva tiegħu skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. […]”

( 3 ) Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU 2006, L 399, p. 1).