SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

4 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )

Werrej

 

I. Il‑kuntest ġuridiku

 

A. Id‑Direttiva 2014/59/UE

 

B. Ir‑Regolament SRM

 

C. L-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji

 

II. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

 

A. Is‑sitwazzjoni finanzjarja ta’ Banco Popular fl‑2016 u fl‑2017

 

B. L‑iżvolġiment tal‑proċedura ta’ riżoluzzjoni

 

C. L‑iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża

 

D. Il‑fatti li ġraw wara l‑adozzjoni tal‑iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża

 

III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

 

A. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali

 

B. Is‑sentenza appellata

 

IV. It‑talbiet tal‑partijiet fl-appell

 

V. Fuq l‑appell

 

A. Kunsiderazzjonijiet preliminari

 

B. Fuq il‑ħames parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 90 tar-Regolament SRM, kif ukoll tal-Artikoli 17, 41 u 52 tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u fuq is-sitt parti ta’ dan l-aggravju, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE

 

1. Fuq il‑ħames parti tat‑tieni aggravju

 

a) L‑argumenti tal‑partijiet

 

b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

2. Fuq is‑sitt parti tat‑tieni aggravju

 

a) L‑argumenti tal‑partijiet

 

b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

1) Fuq l‑ammissibbiltà

 

2) Fuq il‑mertu

 

i) Fuq il‑motivazzjoni tal‑iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża

 

ii) Fuq il‑motivazzjoni tad‑Deċiżjoni 2017/1246

 

C. Fuq l‑ewwel parti tal‑ewwel aggravju, ibbażata fuq ksur tal‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 18(1)(a) tar‑Regolament SRM

 

1. L‑argumenti tal‑partijiet

 

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

a) Fuq l‑ammissibbiltà

 

b) Fuq il‑mertu

 

D. Fuq it‑tieni parti tal‑ewwel aggravju, ibbażata fuq ksur tal‑ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(b) tar‑Regolament SRM

 

1. L‑argumenti tal‑partijiet

 

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

E. Fuq it‑tielet parti tal‑ewwel aggravju, ibbażata fuq ksur tal‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 18(1)(c) tar‑Regolament SRM

 

1. L‑argumenti tal‑partijiet

 

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

F. Fuq l‑ewwel sar‑raba’ parti tat‑tieni aggravju bbażati fuq ksur tal‑Artikolu 20 tar‑Regolament SRM

 

1. Fuq l‑ewwel parti tat‑tieni aggravju

 

a) L‑argumenti tal‑partijiet

 

b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

1) Fuq l‑ewwel ilment

 

2) Fuq it‑tieni lment

 

3) Fuq it‑tielet ilment

 

4) Fuq ir‑raba’ lment

 

5) Fuq il‑ħames ilment

 

2. Fuq it‑tieni parti tat‑tieni aggravju, ibbażata fuq ksur tal‑Artikolu 20(5) tar‑Regolament SRM

 

a) L‑argumenti tal‑partijiet

 

b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

1) Fuq l‑ammissibbiltà

 

2) Fuq il‑mertu

 

3. Fuq it‑tielet parti tat‑tieni aggravju, ibbażata fuq ksur tal‑Artikolu 20(7) u (9) tar‑Regolament SRM

 

a) L‑argumenti tal‑partijiet

 

b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

4. Fuq ir‑raba’ parti tat‑tieni aggravju, ibbażata fuq ksur tal‑Artikolu 20(10) u (11) tar‑Regolament SRM

 

a) L‑argumenti tal‑partijiet

 

b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

G. Fuq it‑tielet aggravju dwar it‑talba għad‑danni relatata mal‑annullament tal‑iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża u tad‑Deċiżjoni 2017/1246

 

H. Fuq l‑ewwel parti tar‑raba’ aggravju, ibbażata fuq ksur tal‑obbligu ta’ kunfidenzjalità

 

1. L‑argumenti tal‑partijiet

 

2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 

a) Fuq l‑ewwel sat‑tielet ilment, ibbażati fuq ksur tal‑obbligu ta’ kunfidenzjalità

 

b) Fuq ir‑raba’ lment ibbażat fuq allegat żvelar ta’ informazzjoni interna

 

c) Fuq il‑ħames sat‑tmien ilmenti tal‑ewwel parti tar‑raba’ aggravju

 

I. Fuq it‑tieni parti tar‑raba’ aggravju, dwar l‑eżistenza ta’ rabta kawżali

 

J. Fuq it‑tielet parti tar‑raba’ aggravju dwar talba għad‑danni

 

Fuq l‑ispejjeż

“Appell – Politika ekonomika u monetarja – Unjoni bankarja – Regolament (UE) Nru 806/2014 – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Proċedura ta’ riżoluzzjoni applikabbli fil-każ ta’ falliment ta’ entità li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ – Adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español SA – Artikolu 14 – Għanijiet tar-riżoluzzjoni – Artikolu 18(1) – Kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni – Obbligi tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) u tal-Kummissjoni Ewropea – Artikolu 20 – Valutazzjonijiet għall-finijiet tar-riżoluzzjoni – Rekwiżiti – Artikoli 88 sa 91 – Obbligi ta’ kunfidenzjalità – Dritt ta’ aċċess għall-fajl – Dikjarazzjonijiet lill-istampa”

Fil-Kawża C‑541/22 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil‑11 ta’ Awwissu 2022,

Araceli García Fernández, residenti f’Villanueva de la Cañada (Spanja),

Faustino González Parra, residenti f’Palma de Mallorca (Spanja),

Fernando Luis Treviño de Las Cuevas, residenti f’Sevilla (Spanja),

Juan Antonio Galán Alcázar, residenti f’Consuegra (Spanja),

Lucía Palazuelo Vallejo-Nágera, residenti f’Madrid (Spanja),

Macon, SA, residenti f’Barcelona (Spanja),

Marta Espejel García, residenti f’Villanueva de la Cañada,

Memphis Investments Ltd, stabbilita f’Road Town (British Virgin Islands),

Pedro Alcántara de la Herrán Matorras, residenti f’Madrid,

Pedro José de Jesús Benito Trebbau López, residenti f’Madrid,

Pedro Regalado Cuadrado Martínez, residenti f’Salas de los Infantes,

María Rosario Mari Juan Domingo, residenti f’Salas de los Infantes,

irrappreżentati minn S. Cajal Martín, B.M. Cremades Román, J. López Useros, u P. Marrodán Lázaro, abogados,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Eleveté Invest Group, SL, stabbilita f’Madrid,

Antonio Bail Cajal, residenti f’Sant Cugat del Vallés (Spanja),

Carlos Sobrini Marín, residenti f’Madrid,

Edificios 1326 de l’Hospitalet, SL, stabbilita f’Hospitalet de Llobregat (Spanja),

Juan José Homs Tapias, residenti f’Manresa (Spanja),

Anna María Torras Giro, residenti f’Manresa,

Marbore 2000 SL, stabbilita f’Hospitalet de Llobregat,

Tristán González del Valle, residenti f’Madrid,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, P. Němečková, A. Nijenhuis, A. Steiblytė u D. Triantafyllou, bħala aġenti, assistiti minn A. Manzaneque Valverde u J. Rivas Andrés,, abogados,

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn H. Ehlers, M. S Fernández Rupérez, A. R. Lapresta Bienz u J. Rius Riu, bħala aġenti, assistiti minn F. B. Fernández de Trocóniz Robles, abogado, B. Meyring u S. Schelo, Rechtsanwälte,

konvenuti fl-ewwel istanza,

Ir‑Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn L. Aguilera Ruiz u M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġenti,

Banco Santander SA, stabbilita f’Santander (Spanja), irrappreżentata minn J. Remón Peñalver, J.M. Rodríguez Cárcamo, A.M. Rodríguez Conde u D. Sarmiento Ramírez-Escudero, abogados,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz (Relatur), P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Marzu 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, Araceli García Fernández, Faustino González Parra, Fernando Luis Treviño de Las Cuevas, Juan Antonio Galán Alcázar, Lucía Palazuelo Vallejo-Nágera, Macon SA, Marta Espejel García, Memphis Investments Ltd, Pedro Alcántara de la Herrán Matorras, Pedro José de Jesús Benito Trebbau López, Pedro Regalado Cuadrado Martínez u María Rosario Mari Juan Domingo qegħdin jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Eleveté Invest Group et vs Il‑Kummissjoni u SRB (T‑523/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:313), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tal-appellanti intiż, l-ewwel nett, għall-annullament tad-Deċiżjoni SRB/EES/2017/08 tas-Sessjoni Eżekuttiva tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tas‑7 ta’ Ġunju 2017 dwar l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español, SA (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża”), u tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1246 tas‑7 ta’ Ġunju 2017 li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni għall-Banco Popular Español SA (ĠU 2017, L 178, p. 15, rettifika fil-ĠU 2017, L 320, p. 31), it-tieni nett, sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li huma allegatament sostnew bħala konsegwenza ta’ dawn id-deċiżjonijiet u, it-tielet nett, sabiex tiġi kkonstatata n-nullità tal-valutazzjoni provviżorja u sabiex jinkiseb kumpens.

I. Il‑kuntest ġuridiku

A. Id‑Direttiva 2014/59/UE

2

L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190) jipprevedi, fil-paragrafi 14 sa 16 tiegħu, li l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tiddetermina l-kriterji u l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom għandha titwettaq il-valutazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-entità li tista’ tkun suġġetta għal azzjoni ta’ riżoluzzjoni. Din id-dispożizzjoni tispeċifika li l-EBA għandha tissottometti dawn l-abbozzi ta’ standards tekniċi lill-Kummissjoni, li għandha s-setgħa li tadottahom, b’mod konformi mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU 2010, L 331, p. 12).

3

L-Artikoli 38 u 39 ta’ din id-direttiva jirregolaw l-applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ tan-negozju mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni. L-Artikolu 39 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Għodda tal-bejgħ ta’ operat[:] rekwiżiti proċedurali”, jipprevedi:

“1.   Soġġett għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, meta qed tiġi applikata l-għodda tal-bejgħ ta’ negozju għal istituzzjoni jew entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1), awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tqiegħed fis-suq jew tagħmel l-arranġamenti għat-tqegħid fis-suq tal-assi, drittijiet, obbligazzjonijiet, strumenti ta’ sjieda ta’ dik l-istituzzjoni li l-awtorità għandha l-ħsieb tittrasferixxi. Ġabra ta’ drittijiet, assi u obbligazzjonijiet jistgħu jitqiegħdu fis-suq separatament.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-qafas ta’ għajnuna mill-Istat tal-Unjoni [Ewropea], fejn applikabbli, it-tqegħid fis-suq imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jitwettaq skont il-kriterji li ġejjin:

(a)

għandu jkun kemm jista’ jkun trasparenti u m’għandux jirrapreżenta ħażin materjalment l-assi, id-drittijiet, l-obbligaazzjonijiet, l-strumenti ta’ sjieda ta’ dik l-istituzzjoni li l-awtorità għandha l-ħsieb li tittrasferixxi, wara li jkun ikkunsidra ċ-ċirkostanzi u b’mod partikolari l-ħtieġa biex tinżamm stabbiltà finanzjarja;

(b)

ma għandhux jiffavorixxi b’mod mhux dovut jew jiddiskrimina bejn xerrejja potenzjali;

(c)

għandu jkun ħieles minn kwalunkwe kunflitt ta’ interess;

(d)

ma għandu jagħti l-ebda vantaġġ inġust lil xi xerrej potenzjali;

(e)

għandu jikkunsidra l-bżonn għal azzjoni tar-riżoluzzjoni effetta u rapida;

(f)

għandu jimmira lejn il-massimizzazzjoni, safejn possibbli, tal-prezz tal-bejgħ tal-ishma jew strumenti oħra ta’ sjieda, l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijet involuti.

Soġġett għall-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, il-prinċipji msemmija f’dan il-paragrafu ma għandhomx jipprevjenu lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni milli tissolleċita xerrejja potenzjali partikolari. […]

3.   L-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista ’ tapplika l-għodda tal-bejgħ ta ’ negozju mingħajr ma tikkonforma mar-rekwiżit tat-tqegħid fis-suq kif stabbilit fil-paragrafu 1 meta tiddetermina li l-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti x’aktarx thedded xi wieħed jew aktar mill-għanijiet tar-riżoluzzjoni u partikolarment jekk ikunu ssodifati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

hija tqis li hemm theddida materjali għall-istabbiltà finanzjarja li tinħoloq jew tiġi aggravata mill-falliment u l-probabbiltà ta’ falliment tal-istituzzjoni taħt ir-riżoluzzjoni; u

(b)

hija tqis li l-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti x’aktarx thedded l-effettività tal-għodda tal-bejgħ ta’ operat fl-indirizzar ta’ dik it-theddida jew biex jintlaħaq l-objettiv tar-riżoluzzjoni msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 31(2).

[…]”

B. Ir‑Regolament SRM

4

Il-premessi 7, 13 sa 15, 24, 26, 52, 53, 58, 89 u 116 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament SRM”) huma fformulati kif ġej:

“(7)

Bħala l-ewwel pass lejn unjoni bankarja, il-mekkaniżmu superviżorju uniku [(SSM)] stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63) (SSM, “single supervisory mechanism”) għandu jiżgura li l-politika tal-Unjoni relatata mas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu tiġi implimentata b’mod koerenti u effikaċi, li l-ġabra unika ta’ regoli għas-servizzi finanzjarji tiġi applikata b’mod ugwali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Istati Membri fiż-żona tal-euro u dawk l-Istati Membri mhux fiż-żona tal-euro li jagħżlu li jipparteċipaw fl-SSM […], u li dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu soġġetti għal superviżjoni tal-ogħla kwalità.

[…]

(13)

Biex jinkisbu lura l-fiduċja u l-kredibilità fis-settur bankarju, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) bħalissa qed iwettaq valutazzjoni komprensiva tal-karti tal-bilanċ tal-banek kollha sorveljati direttament. Tali valutazzjoni għandha tassigura lill-partijiet interessati kollha li l-banek li jidħlu fl-SSM, u li għaldaqstant jidħlu fl-ambitu [tal-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem is-‘SRM’], huma fundamentalment sodi u affidabbli.

(14)

Wara l-istabbiliment tal-SSM bir-[Regolament Nru 1024/2013] skont liema banek fl-Istati Membri parteċipanti huma taħt superviżjoni jew b’mod ċentrali mill- BĊE jew inkella mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qafas tal-SSM, hemm allinjament ħażin bejn is-superviżjoni tal-Unjoni tat-tali banek u t-trattament nazzjonali ta’ dawk il-banek fil-proċeduri tar-riżoluzzjoni skont id-[Direttiva 2014/59], fatt li se jkun ittrattat mill-istabbiliment tal-SRM.

(15)

Dan ir-Regolament japplika biss fir-rigward ta’ dawk il-banek li s-superviżur ta’ domiċilju tagħhom huwa l-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti fi Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jew fi Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro li ħolqu kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikolu 7 tar-[Regolament Nru 1024/2013]. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament huwa marbut mal-kamp ta’ applikazzjoni tar-[Regolament Nru 1024/2013]. Fid-dawl tal-livell sinifikanti li huma minsuġa bih il-kompiti superviżorji attribwiti lill-SSM u l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni, l-istabbiliment ta’ sistema ċentralizzata ta’ superviżjoni attivata skont l-Artikolu 127(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) huwa ta’ importanza fundamentali fil-proċess ta’ armonizzazzjoni fl-Istati Membri parteċipanti. Il-fatt li jkunu soġġetti għas-superviżjoni tal-SSM huwa attribut speċifiku li jpoġġi lill-entitajiet li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-[Regolament Nru 1024/2013] f’pożizzjoni oġġettivament diversa u identifikabbli għall-finijiet tar-riżoluzzjoni. Huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri biex jinħoloq SRM għall-Istati Membri kollha parteċipanti fl-SSM sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament xieraq u stabbli tas-suq intern.

[…]

(24)

Billi huma biss l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jistgħu jistabbilixxu l-politika ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni ubilli jibqa’ marġni ta’ diskrezzjoni fl-adozzjoni ta’ kull skema ta’ riżoluzzjoni speċifika, huwa neċessarju li jiġi previst l-involviment adegwat tal-Kunsill -[Ewropew] u tal-Kummissjoni, bħala l-istituzzjonijiet li jistgħu jeżerċitaw setgħat ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE. Il-valutazzjoni tal-aspetti diskrezzjonarji tad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni meħuda mill-Bord għandha tkun eżerċitata mill-Kummissjoni. Fid-dawl tal-impatt konsiderevoli tad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri u fuq l-Unjoni bħala tali, kif ukoll fuq is-sovranità fiskali tal-Istati Membri, huwa importanti li l-Kunsill jingħata s-setgħa ta’ implimentazzjoni li jieħu ċerti deċiżjonijiet relatati mar-riżoluzzjoni. Għaldaqstant għandu jkun il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, li jeżerċita kontroll effettiv fuq il-valutazzjoni mill-Bord tal-eżistenza ta’ interess pubbliku u li jivvaluta kwalunkwe bidla materjali tal-ammont tal-[Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, iktar ’il quddiem il-‘Fond’]li għandu jintuża f’azzjoni speċifika ta’ riżoluzzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati sabiex tispeċifika l-kriterji jew il-kondizzjonijiet ulterjuri li għandhom jitqiesu mill-Bord fl-eżerċizzju tas-setgħat differenti tiegħu. Tali għoti ta’ kompiti ta’ riżoluzzjoni bl-ebda mod ma għandu jostakola l-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi finanzjarji. L-[EBA] għandha żżomm ir-rwol tagħha, flimkien mas-setgħat u l-kompiti tagħha: għandha tiżviluppa u tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti tal-leġislazzjoni tal-Unjoni applikabbli għall-Istati Membri kollha u żżid il-konverġenza tal-prattiki ta’ riżoluzzjoni fl-Unjoni kollha kemm hi.

[…]

(26)

Il-BĊE, bħala s-superviżur fl-SSM, u l-Bord, għandhom ikuni jistgħu jevalwaw jekk istituzzjoni ta’ kreditu hijiex qed tfalli jew li x’aktarxtfalli u jekk ma hemm l-ebda prospett raġonevoli li azzjoni alternattiva mis-settur privat jew superviżorja tkun tista’ tevita li din tfalli fi żmien raġonevoli. Il-Bord, jekk iqis li l-kriterji kollha relatati mal-iskattar tar-riżoluzzjonijiet huma ssodisfati, għandu jadotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni. Il-proċedura relatata mal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li tinvolvi lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, issaħħaħ l-indipendenza operattiva neċessarja tal-Bord filwaqt li tirrispetta l-prinċipji ta’ delega ta’ setgħat lill-aġenziji kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea […]

[…]

(52)

L-SRM għandu jkun ibbażat fuq l-oqfsa ta r-[Regolament Nru 1024/2013] u tad-[Direttiva 2014/59]. Għalhekk, il-Bord għandu jingħata s-setgħa li jintervjeni fi stadju bikri fejn is-sitwazzjoni finanzjarja jew is-solvenza ta’ entità tkun qiegħda tiddeterjora. L-informazzjoni li l-Bord jirċievi mingħand l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jew il-BĊE f’dan l-istadju hija strumentali biex issir determinazzjoni dwar l-azzjoni li jista’ jieħu sabiex iħejji għar-riżoluzzjoni tal-entità kkonċernata.

(53)

Sabiex tiġi żgurata azzjoni ta’ riżoluzzjoni rapida meta ssir neċessarja, il-Bord għandu jimmonitorja mill-qrib, f’kooperazzjoni mal-BĊE jew mal-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti, is-sitwazzjoni tal-entitajiet ikkonċernati u l-konformità ta’ dawk l-entitajiet ma’ kwalunkwe miżura ta’ intervent bikri meħuda fir-rigward tagħhom. Meta jkun qed jiġi ddeterminat jekk azzjoni mis-settur privat tistax tevita fi skeda ta’ żmien raġonevoli l-falliment ta’ entità, l-awtorità xierqa għandha tqis l-effettività ta’ miżuri ta’ intervent bikri mwettqa fi iskeda ta’ żmien iddeterminata mill-awtorità kompetenti.

[…]

(58)

Il-likwidazzjoni ta’ entità li tkun qed tfalli skont proċeduri normali ta’ insolvenza tista’ tipperikola l-istabbiltà finanzjarja, tinterrompi l-provvediment ta’ servizzi essenzjali u tolqot il-protezzjoni tad-depożitanti. F’dan il-każ hemm interess pubbliku fl-applikazzjoni ta’ għodda ta’ riżoluzzjoni. L-objettivi ta’ riżoluzzjoni għandhom għalhekk ikunu li tiġi żgurata l-kontinwità ta’ servizzi finanzjarji essenzjali, li tinżamm l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, li jitnaqqas il-periklu morali billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja pubblika lil entitajiet li jkunu qed ifallu, u li jiġu protetti d-depożitanti.

[…]

(89)

Sabiex tiżdied l-effettività tal-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni, il-Bord għandu jikkoopera mill-qrib mal-ABE f’kull ċirkustanza. […] Barra minn hekk, il-Bord għandu jikkoopera mill-qrib mal-BĊE u l-awtoritajiet l-oħra li għandhom is-setgħa li jagħmlu superviżjoni tal-entitajiet fl-SSM, b’mod partikolari għall-gruppi soġġetti għas-superviżjoni konsolidata mill-BĊE. Biex jimmaniġġa b’mod effettiv il-proċess ta’ riżoluzzjoni tal-banek li qed ifallu, il-Bord għandu jikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni fl-istadji kollha tal-proċess tar-riżoluzzjoni. Għalhekk, dik il-kooperazzjoni hija meħtieġa mhux biss għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tar-riżoluzzjoni meħuda mill-Bord, iżda wkoll qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, fl-istadju tal-ippjanar ta’ riżoluzzjoni jew matul il-fażi ta’ intervent bikri. Il-Bord għandu jkun jista’ jikkoopera mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni rilevanti u l-faċilitajiet li jiffinanzjaw l-għajnuna finanzjarja pubblika diretta jew indiretta.

[…]

(116)

L-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jiġu notifikati kif jixraq u, soġġetti għall-eċċezzjonijiet limitati stipulati f’dan ir-Regolament, magħmula pubbliċi. Madankollu, minħabba li l-informazzjoni miksuba mill-Bord, mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni u mill-konsulenti professjonali tagħhom matul il-proċess tar-riżoluzzjoni x’aktarx tkun sensittiva, qabel ma d-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni tkun magħmula pubblika, dik l-informazzjoni għandha tiġi soġġetta għar-rekwiżiti tas-sigriet professjonali. Il-fatt li l-informazzjoni dwar il-kontenut u d-dettalji ta’ pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u r-riżultat ta’ kwalunkwe valutazzjoni ta’ dawk il-pjanijiet jista’ jkollhom effetti b’firxa wiesgħa, b’mod partikolari fuq l-intrapriżi konċernati għandu jiġi kkunsidrat. Kwalunkwe informazzjoni pprovduta fir-rigward ta’ deċiżjoni qabel ma tittieħed, kemm dwar jekk il-kondizzjonijiet għal riżoluzzjoni humiex sodisfatti, dwar l-użu ta’ għodda speċifika kif ukoll dwar kwalunkwe azzjoni matul il-proċeduri, trid titqies li għandha effett fuq l-interessi pubbliċi u privati kkonċernati mill-azzjoni. Madankollu, informazzjoni li l-Bord u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jkunu qed jeżaminaw entità speċifika tista’ tkun biżżejjed sabiex ikollha effetti negattivi fuq dik l-entità. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi żgurat li jkun hemm mekkaniżmi xierqa għaż-żamma tal-kunfidenzjalità ta’ tali informazzjoni, bħalma huma l-kontenut u d-dettalji tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u r-riżultat ta’ kwalunkwe valutazzjoni mwettqa f’dak il-kuntest.”

5

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament SRM, is-SRB, bl-istess mod bħall-Kunsill u l-Kummissjoni, huwa suġġett, minn naħa, għall-istandards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni vinkolanti żviluppati mill-EBA u adottati mill-Kummissjoni konformement mar-Regolament Nru 1093/2010, kif ukoll, min-naħa l-oħra, għal-Linji gwida u għar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-EBA skont dan ir-regolament tal-aħħar.

6

L-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Objettivi ta’ riżoluzzjoni”, jipprovdi:

“1.   Meta jaġixxu skont il-proċedura ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18, il-Bord, il-Kunsill, u l-Kummissjoni u fejn rilevanti l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, skont ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, għandhom jieħdu kont tal-objettivi ta’ riżoluzzjoni, u jagħżlu l-għodod ta’ riżoluzzjoni u s-setgħat ta’ riżoluzzjoni li, fil-fehma tagħhom, jilħqu l-aħjar l-objettivi ta’ riżoluzzjoni li huma rilevanti fiċ-ċirkostanzi tal-każ.

2.   L-objettivi ta’ riżoluzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 huma:

(a)

li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi;

(b)

li jiġu evitati effetti avversi sinifikanti fuq l-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari permezz tal-prevenzjoni tal-kontaġju, inkluż lill-infrastrutturi tas-suq, u billi tinżamm id-dixxiplina tas-suq;

(c)

li jiġu protetti l-fondi pubbliċi billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja;

(d)

li jiġu protetti d-depożitanti koperti mid-[Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU 2014, L 173, p. 149, rettifiki fil-ĠU 2014, L 212, p. 47 u fil-ĠU 2014, L 309, p. 37)] u l-investituri koperti mid-[Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ Marzu 1997 dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 311)];

(e)

li jiġu protetti l-fondi u l-assi tal-klijenti.

Meta jfittxu li jiksbu l-objettivi msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Bord, l-Kunsill, il-Kummissjoni u, fejn rilevanti, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, għandhom ifittxu li jimminimizzaw il-kost tar-riżoluzzjoni u jevitaw id-distruzzjoni tal-valur ħlief jekk neċessarju sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ riżoluzzjoni.

3.   Soġġetti għal dispożizzjonijiet differenti ta’ dan ir-Regolament, l-objettivi ta’ riżoluzzjoni huma ta’ sinifikat ugwali, u għandhom ikunu bbilanċjati, kif xieraq, man-natura u ċ-ċirkostanzi ta’ kull każ.”

7

L-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, intitolat “Prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-riżoluzzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta jaġixxu skont il-proċedura ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18, il-Bord, il-Kunsill, l-Kummissjoni u, fejn rilevanti, l-awtortitajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw li l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni tittieħed skont il-prinċipji li ġejjin:

(a)

l-azzjonisti tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jġarrbu l-ewwel telf;

[…]”

8

L-Artikolu 18 tal-istess regolament, intitolat “Proċedura ta’ riżoluzzjoni”, jipprovdi:

“(1)   Il-Bord għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni skont il-paragrafu 6 fir-rigward ta’ entitajiet u gruppi msemmija fl-Artikolu 7(2), u lill-entitajiet u lill-gruppi msemmija fl-Artikolu 7(4)(b) u (5), fejn jintlaħqu l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawk il-paragrafi, biss meta dan jivvaluta, matul is-sessjoni eżekuttiva tiegħu, hekk kif jirċievi komunikazzjoni skont ir-raba’ subparagrafu jew fuq inizjattiva proprja, li ntlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-entità qed tfalli jew x’aktarx li tfalli;

(b)

b’kont meħud taż-żmien u ta’ ċirkostanzi rilevanti oħra, ma hemmx prospett raġonevoli li xi miżura alternattiva tas-settur privat, inklużi miżuri minn IPS, jew azzjoni ta’ superviżjoni, inklużi miżuri ta’ intervent bikri jew valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilevanti skont l-Artikolu 21, meħuda fir-rigward tal-entità, jistgħu jimpedixxu l-falliment tagħha f’limitu ta’ żmien raġonevoli;

(c)

hija meħtieġa azzjoni ta’ riżoluzzjoni fl-interess pubbliku skont il-paragrafu 5.

Għandha ssir mill-BĊE valutazzjoni tal-kondizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, wara konsultazzjoni mal-Bord. Il-Bord, matul is-sessjoni eżekuttiva tiegħu, jista’ jagħmel tali valutazzjoni biss wara li jkun informa lill-BĊE bl-intenzjoni tiegħu u biss jekk il-BĊE, fi żmien tlitt ijiem kalendarji wara li tkun waslet tali informazzjoni, ma jkunx għamel tali valutazzjoni. Il-BĊE għandu jipprovdi, mingħajr dewmien, lill-Bord bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti li l-Bord jirrikjedi biex ikollu informazzjoni għall-valutazzjoni tiegħu.

Fejn l-BĊE jivvaluta li l-kondizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ntlaħqet fir-rigward ta’ istituzzjoni jew grupp imsemmija fl-ewwel subparagrafu, huwa għandu jikkomunika dik il-valutazzjoni mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u lill-Bord.

Il-valutazzjoni tal-kondizzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandha ssir mill-Bord, matul is-sessjoni eżekuttiva tiegħu, jew, fejn applikabbli, mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE. Il-BĊE jista’ jinforma wkoll lill-Bord jew lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni konċernati li huwa jqis li l-kondizzjoni stipulata f’dak il-punt ġiet sodisfatta.

2.   Mingħajr preġudizzju għal każijiet fejn il-BĊE ddeċieda li jeżerċità direttament il-kompiti superviżorji relatati mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-[Regolament Nru 1024/2013], fil-każ tar-riċezzjoni ta’ komunikazzjoni skont il-paragrafu 1 jew fejn il-Bord ikollu l-intenzjoni jagħmel valutazzjoni skont il-paragrafu 1 fuq inizjattiva proprja, fir-rigward ta’ entità jew grupp imsemmi fl-Artikolu 6a(3), il-Bord għandu jikkomunika dik il-valutazzjoni lill-BĊE mingħajr dewmien.

[…]

4.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, l-entità għandha titqies li qed tfalli jew li x’aktarx tfalli f’waħda jew iżjed miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

l-entità qed tikser jew hemm elementi oġġettivi li jsostnu deteminazzjoni li l-istituzzjoni, fil-futur qrib, ser tkun qed tikser ir-rekwiżiti għall-kontinwazzjoni tal-awtorizzazzjoni b’mod li jkun jiġġustifika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni mill-BĊE, inkluż iżda mhux biss, il-fatt li l-istituzzjoni ġarrbet jew x’aktarx iġġarrab telf li se juża l-fondi proprji kollha jew ammont sinifikanti minnhom;

(b)

l-assi tal-entità huma, jew hemm elementi oġġettivi li jsostnu determinazzjoni li l-assi tal-entità se jkunu, fil-futur qrib, inqas mill-obbligazzjonijiet tagħha;

(c)

l-entità hija, jew hemm elementi oġġettivi li jsostnu determinazzjoni li dik l-entità se tkun, fil-futur qrib, f’pożizzjoni li ma tistax tħallas id-dejn tagħha jew obbligazzjonijiet oħrajn malli jsiru dovuti;

(d)

hija meħtieġa għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja ħlief fejn, sabiex jiġi rimedjat taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru u tinżamm l-istabbiltà finanzjarja, dik l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja tieħu xi waħda minn dawn l-għamliet

[…]

5.   Għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, azzjoni ta’ riżoluzzjoni għandha tiġi ttrattata bħala fl-interess pubbliku jekk tkun neċessarja għall-kisba ta’ objettiv ta’ riżoluzzjoni wieħed jew aktar u hija proporzjonata magħhom kif speċifikat fl-Artikolu 14 u l-istralċ tal-entità skont proċedimenti normali ta’ insolvenza ma jilħaqx dawn l-objettivi ta’ riżoluzzjoni sal-istess punt.

6.   Jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, il-Bord għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni. L-iskema ta’ riżoluzzjoni għandha:

(a)

tqiegħed lill-entità taħt riżoluzzjoni;

(b)

tiddetermina l-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni lill-istituzzjoni taħt rizoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 22(2), b’mod partikolari kwalunkwe esklużjonimill-applikazzjoni ta’ rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 27(5) u (14);

(c)

tiddetermina l-użu tal-Fond biex jappoġġa l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 76 u skont deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda skont l-Artikolu 19.

7.   Immedjatament wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-Bord għandu jitrażmettiha lill-Kummissjoni.

Fi żmien 24 siegħa mit-trażmissjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mill-Bord, il-Kummissjoni għandha jew tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni, jew toġġezzjonaha fir-rigward tal-aspetti ta’ diskrezzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni f’każijiet li mhumiex koperti fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

Fi żmien 12‑il siegħa mit-trażmissjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mill-Bord, il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill biex:

(a)

joġġezzjona għall-iskema ta’ riżoluzzjoni fuq il-bażi li l-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mill-Bord ma tissodisfax il-kriterju tal-interess pubbliku msemmi fil-paragrafu 1(c);

(b)

japprova jew joġġezzjona modifika materjali tal-ammont tal-Fond prevista fl-iskema ta’ riżoluzzjoni tal-Bord.

[…]

8.   Fil-każ fejn il-Kunsill joġġezzjona għat-tqegħid ta’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, fuq il-bażi li ma jkunux se jintlaħaq il-kriterju tal-interess pubbliku msemmi fil-paragrafu 1(c), l-entità rilevanti għandha tiġi stralċjata b’mod adegwat skont il-liġi nazzjonali applikabbli.

9.   Il-Bord għandu jiżgura li l-azzjoni meħtieġa ta’ riżoluzzjoni titwettaq ħalli titwettaq l-iskema ta’ riżoluzzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni rilevanti. L-iskema ta’ riżoluzzjoni għandha tkun indirizzata lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni rilevanti u għandha tagħti istruzzjonijiet lil dawk l-awtoritajiet, li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jimplimentawha f’konformità mal-Artikolu 29, billi jeżerċitaw is-setgħat ta’ riżoluzzjoni. Fejn ikun hemm għajnuna mill-Istat jew mill-Fond, il-Bord għandu jaġixxi f’konformità ma’ deċiżjoni dwar dik l-għajnuna meħuda mill-Kummissjoni.

10.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tikseb mingħand il-Bord kwalunkwe informazzjoni li tqis rilevanti biex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament. Il-Bord għandu jkollu s-setgħa jikseb mingħand kwalunkwe persuna, skont il-Kapitolu 5 ta’ dan it-Titolu, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex jipprepara u jiddeċiedi dwar azzjoni ta’ riżoluzzjoni, inklużi aġġornamenti u supplimenti ta’ informazzjoni previsti fil-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni.”

9

Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament SRM, intitolat “Għajnuna mill-Istat u għajnuna mill-Fond”:

“1.   Fejn l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni tinvolvi l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE jew tal-Fond skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 18(6) ta’ dan ir-Regolament ma għandhiex issir qabel ma l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni pożittiva jew kondizzjonali dwar il-kompatibbiltà tal-użu ta’ tali għajnuna mas-suq intern.

[…]

3.   Sa fejn l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni kif proposta mill-Bord tinvolvi l-użu tal-Fond, il-Bord għandu jinnotifika l-Kummissjoni dwar l-użu tal-Fond kif propost. In-notifika tal-Bord għandha tinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq il-valutazzjonijiet tagħha skont dan il-paragrafu.

[…]”

10

L-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Valwazzjoni tal-għanijiet ta’ riżoluzzjoni” jipprovdi:

“1.   Qabel jiddeċiedi dwar azzjoni ta’ riżoluzzjoni jew l-eżerċizzju tas-setgħa li jagħmel valwazzjoni negattiva jew jikkonverti strumenti kapitali rilevanti, il-Bord għandu jiżgura li titwettaq valwazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ entità msemmija fl-Artikolu 2 minn persuna indipendenti minn kwalunkwe awtorità pubblika, inkluż il-Bord u l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, u mill-entità konċernata.

2.   Soġġett għall-paragrafu 15, fejn ir-rekwiżiti kollha stipulati fil-paragrafi 1 u 4 sa 9 jiġu sodisfatti, il-valwazzjoni għandha titqies bħala definittiva.

3.   Fejn valwazzjoni indipendenti skont il-paragrafu 1 ma tkunx possibbli, il-Bord jista’ jwettaq valwazzjoni provviżorja tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-entità msemmija fl-Artikolu 2, skont il-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu.

4.   L-objettiv tal-valwazzjoni jkun li tivvaluta l-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ entità msemmija fl-Artikolu 2 li tissodisfa l-kondizzjonijiet għal riżoluzzjoni tal-Artikoli 16 u 18.

5.   L-għanijiet tal-valwazzjoni għandhom ikunu:

(a)

li tingħata informazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk il-kondizzjonijiet tar-riżoluzzjoni jew il-kondizzjonijiet għall-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni tal-istrumenti kapitali intlaħqux;

(b)

jekk il-kondizzjonijiet għar-riżoluzzjoni ntlaħqu, li tingħata informazzjoni biex tittieħed deċiżjoni dwar l-azzjoni xierqa ta’ riżoluzzjoni li għandha tittieħed fir-rigward ta’ entità msemmija fl-Artikolu 2;

(c)

meta tiġi applikata s-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilevanti, li tingħata informazzjoni biex tittieħed deċiżjoni dwar kemm għandhom jiġu kkanċellati jew dilwiti l-istrumenti ta’ sjieda, u kemm għandhom jiġu valwati negattivament u jiġu kkonvertiti l-istrumenti kapitali rilevanti;

(d)

meta tiġi applikata l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna, li tingħata informazzjoni biex tittieħed deċiżjoni dwar kemm għandhom jiġu valwati negattivament jew jiġu kkonvertiti l-obbligazzjonijiet eliġibbli;

(e)

meta tiġi applikata l-għodda ta’ istituzzjoni tranżitorja jew l-għodda ta’ separazzjoni tal-assi, li tingħata informazzjoni biex tittieħed id-deċiżjoni dwar l-assi, id-drittijiet, l-obbligazzjonijiet jew l-strumenti ta’ sjieda li għandhom jiġu trasferiti u d-deċiżjoni dwar il-valur ta’ kwalunkwe korrispettiv li għandu jitħallas lill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew, skont il-każ, lis-sidien tal-istrumenti ta’ sjieda;

(f)

meta tiġi applikata l-għodda tal-bejgħ ta’ operat, li tingħata informazzjoni biex tittieħed deċiżjoni dwar l-assi, id-drittijiet, l-obbligazzjonijiet jew l-istrumenti l-oħra ta’ sjieda li għandhom jiġu ttrasferiti u biex jgħinu lill-Bord jifhem x’jikkostitwixxi termini kummerċjali għall-finijiet tal-Artikolu 24(2)(b);

(g)

fil-każijiet kollha, biex jiġi żgurat li kwalunkwe telf fuq l-assi ta’ entità msemmija fl-Artikolu 2 jiġi rikonoxxut bis-sħiħ meta jiġu applikati l-għodod ta’ riżoluzzjoni jew jiġu eżerċitati s-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilevanti.

6.   Bla ħsara għall-qafas tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, fejn applikabbli, il-valwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq suppożizzjonijiet prudenzjali, inklużi r-rati ta’ inadempjenza u l-gravità tat-telf. Il-valwazzjoni ma tassumi l-ebda għoti potenzjali fil-futur ta’ kwalunkwe għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja kwalunkwe assistenza ta’ likwidità ta’ emerġenza minn bank ċentrali, jew kwalunkwe assistenza ta’ likwidità minn bank ċentali pprovduta skont termini […] mhux standard […].

7.   Il-valwazzjoni għandha tkun issupplimentata bl-informazzjoni li ġejja kif tidher fil-kotba tal-kontabbiltà u r-reġistri ta’ entità msemmija fl-Artikolu 2:

(a)

karta bilanċjali aġġornata u rapport dwar il-pożizzjoni ta’ entità msemmija fl-Artikolu 2;

(b)

analiżi u stima tal-valur kontabilistiku tal-assi;

(c)

il-lista tal-obbligazzjonijiet pendenti fuq il-karta bilanċjali u barra l-karta bilanċjali murija fil-kotba u r-reġistri ta’ entità msemmija fl-Artikolu 2, b’indikazzjoni tal-krediti rispettivi u l-prijorità tal-pretensjonijiet msemmija fl-Artikolu 17.

[…]

9.   Il-valwazzjoni għandha tindika s-subdiviżjoni tal-kredituri fi klassijiet skont il-prijorità tal-pretensjonijiet imsemmija fl-Artikolu 17 u stima tat-trattament li kull klassi ta’ azzjonist u kreditur kienu jkunu mistennija jirċievu, jekk entità msemmija fl-Artikolu 2 kellha tiġi stralċata skont proċedimenti normali ta’ insolvenza. Dik l-istima ma għandhiex taffettwa l-applikazzjoni tal-prinċipju “l-ebda kreditur ma jmur agħar” imsemmi fl-Artikolu 15(1)(g).

10.   Fejn, minħabba urġenza taċ-ċirkostanzi tal-każ, jew ma tkunx possibbli konformità mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 7 u 9, jew ikun japplika l-paragrafu 3, għandha titwettaq valwazzjoni provviżorja. Il-valwazzjoni provviżorja għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 4 u, sa fejn raġonevolment prattikabbli fiċ-ċirkostanzi, mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 1, 7 u 9.

Il-valwazzjoni provviżorja msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi buffer għal telf addizzjonali, b’ġustifikazzjoni xierqa.

11.   Valwazzjoni li ma tikkonformax mar-rekwiżiti kollha stipulati fil-paragrafi 1, u 4 sa 9 għandha titqies bħala provviżorja sakemm persuna indipendenti kif imsemmi fil-paragrafu 1 twettaq valwazzjoni li tkun konformi bis-sħiħ mar-rekwiżiti kollha stipulati f’dawk il-paragrafi. Dik il-valwazzjoni ex-post definittiva għandha titwettaq hekk malli jkun prattikabbli. Tista’ titwettaq separatament mill-valwazzjoni msemmija fil-paragrafi 16, 17 u 18, jew simultanjament magħha u mill-istess persuna indipendenti bħall-valwazzjoni, li iżda għandha tkun distinta minnha.

L-għanijiet tal-valwazzjoni ex-post definittiva għandhom ikunu:

(a)

li jiġi żgurat li kwalunkwe telf fl-assi ta’ entità msemmija fl-Artikolu 2 jiġu rikonoxxuti bis-sħiħ fil-kotba tal-kontabbiltà ta’ dik l-entità;

(b)

tipprovdi informazzjoni biex tittieħed id-deċiżjoni li ssir valwazzjoni negattiva tal-pretensjonijiet tal-kredituri jew li jiżdied il-valur tal-korrispettiv imħallas, skont il-paragrafu 12 ta’ dan l-Artikolu.

12.   Fil-każ li l-istima tal-valwazzjoni ex-post definittiva tal-valur tal-assi netti ta’ entità msemmija fl-Artikolu 2 tkun ogħla mill-istima tal-valwazzjoni provviżorja tal-valur tal-assi netti ta’ dik l-entità, il-Bord jista’ jitlob lill-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni biex:

(a)

teżerċita s-setgħat tagħha li żżid il-valur tal-pretensjonijiet tal-kredituri jew tas-sidien ta’ strumenti kapitali rilevanti li tagħmel valwazzjoni negattiva bl-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna;

(b)

jagħti struzzjonijiet lil istituzzjoni tranżitorja jew mezz ta’ mmaniġġjar tal-assi li jħallas aktar korrispettiv fir-rigward tal-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet lil istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, jew skont il-każ, fir-rigward tal-istrumenti ta’ sjieda lis-sidien ta’ dawk l-istrumenti ta’ sjieda.

13.   Minkejja l-paragrafu 1, valwazzjoni provviżorja mwettqa skont il-paragrafi 10 u 11 għandha tkun bażi valida għall-Bord biex jieħu deċiżjoni dwar azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni, inkluż l-għoti ta’ istruzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni biex jieħdu l-kontroll ta’ istituzzjoni li qed tfalli jew li jeżerċita setgħat ta’ valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilvanti.

[…]

15.   Il-valwazzjoni għandha tkun parti integrali tad-deċiżjoni li jiġi applikat strument ta’ riżoluzzjoni jew eżerċitata setgħa ta’ riżoluzzjoni, jew id-deċiżjoni li tiġi eżerċitata s-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tal-istrumenti kapitali. Il-valwazzjoni nnifisha ma għandhiex tkun soġġetta għal dritt ta’ appell separat iżda tista’ tkun soġġetta għal appell flimkien mad-deċiżjoni tal-Bord.

16.   Għall-finijiet li jiġi vvalutat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jieħdu trattament aħjar li kieku l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni daħlet fi proċedimenti normali ta’ insolvenza, il-Bord għandu jiżgura li tiġi mwettqa valwazzjoni minn persuna indipendenti kif imsemmi fil-paragrafu 1 malajr kemm jista’ jkun wara li jkunu daħlu fis-seħħ l-azzjoni jew l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni. Dik il-valwazzjoni għandha tkun separata mill-valwazzjoni mwettqa skont il-paragrafi minn 1 sa 15.

[…]”

11

L-Artikolu 21(1) tal-imsemmi regolament, intitolat “Valwazzjoni negattiva u konverżjoni ta’ strumenti kapitali”, jipprevedi:

“1.   Il-Bord għandu jeżerċita s-setgħa li jagħmel valwazzjoni negattiva jew konverżjoni ta’ strumenti kapitali rilevanti billi jaġixxi skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18, fir-rigward tal-entitajiet u l-gruppi msemmija fl-Artikolu 7(2), u lill-entitajiet u l-gruppi msemmija fl-Artikolu 7(4)(b) u (5), fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawk il-paragrafi, biss fejn jivvaluta, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, hekk kif jirċievi komunikazzjoni skont it-tieni subparagrafu jew fuq inizjattiva proprja, li tkun ġiet sodisfatta kondizzjoni waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

fejn ikun ġie stabbilit li jkunu ntlaħqu l-kondizzjonijiet għal riżoluzzjoni speċifikati fl-Artikoli 16 u 18 qabel ma tkun ittieħdet kwalunkwe azzjoni ta’ riżoluzzjoni;

(b)

l-entità mhux se tibqa’ vijabbli sakemm l-istrumenti kapitali rilvanti ma ssirilhomx valwazzjoni negattiva jew jiġu konvertiti f’ekwità;

(c)

f’każ ta’ strumenti kapitali rilevanti maħruġa minn sussidjarja u fejn dawk l-istrumenti kapitali rilvanti jiġu rikonoxxuti għall-finijiet li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ fondi proprji fuq bażi individwali u fuq bażi konsolidata, sakemm is-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva u konverżjoni ma tiġix eżerċitata fir-rigward ta’ dawk l-istrumenti, il-grupp ma jibqax aktar vijabbli;

(d)

f’każ ta’ strumenti kapitali rilevanti maħruġa fil-livell ta’ impriża prinċipali u fejn dawk l-istrumenti kapitali rilevanti jiġu rikonoxxuti għall-finijiet li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ fondi proprji fuq bażi individwali fil-livell ta’ impriża prinċipali jew fuq bażi konsolidata, sakemm is-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva jew konverżjoni ma tiġix eżerċitata fir-rigward ta’ dawk l-istrumenti, il-grupp ma jibqax aktar vijabbli;

(e)

hija meħtieġa għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja għall-entità jew il-grupp, ħlief fi kwalunkwe ċirkostanza stipulata fil-punt (d)(iii) tal-Artikolu 18(4).

Il-valutazzjoni tal-kondizzjonijiet msemmija fil-punti (a), (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu għandha ssir mill-BĊE wara konsultazzjoni mal-Bord. Il-Bord, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu jista’ jagħmel ukoll tali valutazzjoni.

2.   Fir-rigward tal-valutazzjoni dwar il-vijabbilità tal-entità jew tal-grupp, il-Bord, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, jista’ jagħmel tali valutazzjoni biss wara li jkun informa lill-BĊE dwar l-intenzjoni tiegħu u biss jekk il-BĊE, ma jagħmilx tali valutazzjoni fi żmien 3 ijiem kalendarji wara r-riċezzjoni ta’ tali informazzjoni. Il-BĊE għandu, mingħajr dewmien, jipprovdi lill-Bord bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti li l-Bord jeħtieġ sabiex ikollu informazzjoni biex jagħmel il-valutazzjoni tiegħu;

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, entità msemmija fl-Artikolu 2 jew grupp għandhom jitqiesu li mhumiex aktar vijabbli fil-każ biss li jintlaħqu dawn iż-żewġ kondizzjonijiet:

(a)

l-entità jew il-grupp qed ifalli jew li x’aktarx jfalli;

(b)

filwaqt li jittieħed kont taż-żmien u ċirkostanzi rilevanti oħra, ma hemmx prospett raġonevoli li kwalunkwe azzjoni, inklużi miżuri minn settur privat alternattiv jew ta’ superviżjoni (inklużi miżuri ta’ intervent bikri), apparti l-valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilevanti, indipendentement jew f’kumbinazzjoni ma’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni, jistgħu jimpedixxu l-falliment tal-entità jew il-grupp f’qafas ta’ żmien raġonevoli.

4.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, dik l-entità għandha titqies li qed tfalli jew li x’aktarx tfalli fejn ikun hemm waħda jew aktar miċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 18(4).

5.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 3, grupp għandu jitqies li qed ifalli jew li x’aktarx ifalli fejn il-grupp ikun qed jikser jew hemm elementi oġġettivi li jsostnu determinazzjoni li l-grupp se jkun qed jikser, fil-futur qrib, ir-rekwiżiti prudenzjali konsolidati tiegħu b’mod li jkun jiġġustifika azzjoni mill-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti inkluż, iżda mhux biss, il-fatt li l-grupp ikun ġarrab jew x’aktarx iġarrab telf li jiekol il-fondi proprji kollha jew ammont sinifikanti minnhom.

[…]

9.   Fejn kondizzjoni waħda jew aktar imsemmija fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti u l-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 18(1) jiġu wkoll sodisfatti, għandha tapplika l-proċedura stipulata fl-Artikolu 18(6), (7) u (8).

[…]”

12

L-Artikolu 22 tal-istess regolament, intitolat “Prinċipji ġenerali tal-għodod ta’ riżoluzzjoni”, jipprovdi:

“1.   Fejn il-Bord jiddeċiedi li japplika għodda ta’ riżoluzzjoni fuq entità jew grupp imsemmija fl-Artikolu 7(2) jew fuq entità jew grupp imsemmija fl-Artikolu 7(4)(b) u (5) fejn il-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawk il-paragrafi huma sodisfatti u dik l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni tirriżulta f’telf li jiġġarrab mill-kredituri jew il-pretensjonijiet tagħhom jiġu kkonvertiti, il-Bord għandu jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni biex jeżerċita s-setgħa biex jagħmel valwazzjoni negattiva u jikkonverti l-istrumenti kapitali rilevanti skont l-Artikolu 21 immedjatament qabel jew flimkien mal-applikazzjoni tal-għodda ta’ riżoluzzjoni.

2.   L-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18(6)(b) huma dawn li ġejjin:

(a)

l-għodda tal-bejgħ ta’ operat;

(b)

l-għodda ta’ istituzzjoni tranżitorja;

(c)

l-għodda ta’ separazzjoni tal-assi;

(d)

l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna.

3.   Meta jadotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18(6), il-Bord għandujieħu kont tal-fatturi li ġejjin:

(a)

l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni fuq il-bażi ta’ valwazzjoni skont l-Artikolu 20;

(b)

il-pożizzjoni tal-likwidità tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni;

(c)

il-kummerċjabbiltà tal-valur tal-franchise tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni fid-dawl tal-kondizzjonijiet ekonomiċi u kompetittivi tas-suq;

(d)

iż-żmien disponibbli.

4.   L-għodod ta’ riżoluzzjoni għandhom jiġu applikati biex ikunu sodisfatti l-objettivi ta’ riżoluzzjoni speċifikati fl-Artikolu 14, skont il-prinċipji ta’ riżoluzzjoni speċifikati fl-Artikolu 15. Huma jistgħu jiġu applikati individwalment jew fi kwalunkwe kumbinazzjoni, ħlief għall-għodda ta’ separazzjoni tal-assi li tista’ tiġi applikata biss flimkien ma’ għodda oħra ta’ riżoluzzjoni.

[…]”

13

L-Artikolu 24 tar-Regolament SRM, intitolat “Għodda tal-bejgħ ta’ operat”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Fi ħdan l-iskema ta’ riżoluzzjoni, l-għodda tal-bejgħ ta’ operat għandha tikkonsisti fit-trasferiment għand xerrej li mhuwiex istituzzjoni tranżitorja ta’ dan li ġej:

(a)

strumenti ta’ sjieda maħruġa minn istituzzjoni taħt riżoluzzjoni; jew

(b)

l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet kollha ta’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew kwalunkwe waħda minn dawn.

2.   Dwar l-għodda tal-bejgħ ta’ operat, l-iskema ta’ riżoluzzjoni għandha tistabbilixxi:

(a)

l-istrumenti, l-assi, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet li għandhom jiġu ttrasferiti minn awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-Artikolu 38(1) u (7) sa (11) tad-[Direttiva 2014/59];

(b)

it-termini kummerċjali, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi u l-ispejjeż u l-infiq imġarrba fil-proċess tar-riżoluzzjoni, skont liema l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni għandha tagħmel trasferiment f’konformità mal-Artikolu 38(2), (3) u (4) tad-[Direttiva 2014/59];

(c)

jekk is-setgħat ta’ trasferiment jisgħux jiġu eżerċitati mill-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni aktar minn darba skont l-Artikolu 38(5) u (6) tad-[Direttiva 2014/59];

(d)

l-arranġamenti għall-kummerċjalizzazzjoni mill-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni ta’ dik l-entità jew dawk l-istrumenti, l-assi, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet skont l-Artikolu 39(1) u (2) tad-[Direttiva 2014/59];

(e)

jekk il-konformità mar-rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni mill-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni x’aktarx li thedded l-objettivi ta’ riżoluzzjoni skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Il-Bord għandu japplika l-għodda tal-bejgħ ta’ operat mingħajr ma jissodisfa r-rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni stipulati fil-punt (e) tal-paragrafu 2 meta jiddetermina li l-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti x’aktarx timmina xi wieħed jew aktar mill-objettivi ta’ riżoluzzjoni u b’mod partikolari jekk ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

iqis li hemm theddida materjali għall-istabbiltà finanzjarja li tinħoloq jew tiġi aggravata mill-falliment u l-falliment possibbli tal-istituzzjoni taħt ir-riżoluzzjoni; u

(b)

jqis li l-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti x’aktarx thedded l-effettività tal-għodda tal-bejgħ ta’ operat fl-indirizzar ta’ dik it-theddida jew biex jintlaħaq l-objettiv ta’ riżoluzzjoni speċifikat fil-punt (b) tal-Artikolu 14(2).”

14

L-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament jirregola l-implimentazzjoni, mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali u mis-SRB, tad-deċiżjonijiet meħuda taħt l-imsemmi regolament u jipprovdi, fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 5 tiegħu, li s-SRB għandu jippubblika fuq is-sit internet uffiċjali tiegħu jew kopja tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, jew komunikazzjoni li tiġbor fil-qosor l-effetti tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni, b’mod partikolari l-effetti fuq il-klijenti bl-imnut.

15

Skont l-Artikolu 30(2) tal-istess regolament intitolat “Obbligu ta’ kooperazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni fi ħdan l-SRM”:

“Fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament, il-Bord, il-Kummissjoni, il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib, partikolarment fl-ippjanar ta’ riżoluzzjoni, l-intervent bikri u l-fażijiet tar-riżoluzzjoni skont l-Artikoli 8 sa 29. Huma għandhom jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.”

16

L-Artikolu 76(1)(b) tar-Regolament SRM jipprovdi li, fil-kuntest tal-iskema ta’ riżoluzzjoni s-SRB jista’ juża l-Fond, sa fejn huwa neċessarju għall-applikazzjoni effettiva tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni, sabiex jagħti self lill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, lis-sussidjarji tagħha, lil istituzzjoni tranżitorja jew lil struttura ta’ ġestjoni tal-assi.

17

Skont l-Artikolu 88 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Segretezza professjonali u skambju ta’ informazzjoni”:

“1.   Il-membri tal-Bord, il-Viċi President, il-membri tal-Bord kif imsemmi fl-Artikolu 43(1)(b), il-persunal tal-Bord u l-persunal ta’ skambju ma’ jew issekondat minn Stati Membri parteċipanti li jwettqu dmirijiet ta’ riżoluzzjoni għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 339 TFUE u d-dispożizzjonijiet rilevanti fil-leġislazzjoni tal-Unjoni, anki wara li dmirijiethom ikunu spiċċaw. B’mod partikolari għandhom ikunu pprojbiti milli jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali li jkunu rċevew matul l-attivitajiet professjonali tagħhom jew minn awtorità kompetenti jew awtorità ta’ riżoluzzjoni b’rabta mal-funzjonijiet tagħhom skont dan ir-Regolament, lil kwalunkwe persuna jew awtorità, sakemm dan ma jkunx fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom skont dan ir-Regolament jew f’sommarju jew forma kollettiva b’tali mod li l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 ma jkunux jistgħu jiġu identifikati jew bil-kunsens espliċitu u minn qabel tal-awtorità jew l-entità li tkun forniet l-informazzjoni.

L-informazzjoni soġġetta għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali ma għandhiex tiġi żvelata lil entità pubblika jew privata oħra għajr meta tali żvelar ikun meħtieġ għall-fini ta’ proċess legali. Dawk ir-rekwiżiti għandhom japplikaw ukoll għal akkwirenti potenzjali kkuntattjati sabiex iħejju għar-riżoluzzjoni ta’ entità skont l-Artikolu 13(3).

2.   Il-Bord għandu jiżgura li individwi li jipprovdu kwalunkwe servizz, direttament jew indirettament, b’mod permanenti jew okkażjonalment, relatati mal-qadi ta’ dmirijietu, inklużi uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-Bord jew maħtura mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni biex jagħmlu ispezzjonijiet fuq il-post, ikunu soġġetti għar- rekwiżiti tas-segretezza professjonali ekwivalenti għal dawk imsemmija fil-paragrafu 1.

[…]

5.   Qabel ma tiġi żvelata kwalunkwe informazzjoni, il-Bord għandu jiżgura li ma jkunx fiha informazzjoni kunfidenzjali, b’mod partikolari, billi jkunu valutati l-effetti li l-iżvelar jista’ jkollu fuq l-interess pubbliku fir-rigward tal-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika, fuq l-interessi kummerċjali ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, fuq l-iskop tal-ispezzjonijiet, fuq investigazzjonijiet u fuq l-awditi. Il-proċedura tal-verifika tal-effetti tal-iżvelar tal-informazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni speċifika tal-effetti ta’ kwalunkwe żvelar tal-kontenut u d-dettalji tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni kif jingħad fl-Artikoli 8 u 9, tar-riżultat ta’ kwalunkwe valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 10 jew tal-iskema ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18.

[…]”

18

L-Artikolu 90 tar-Regolament SRM, intitolat “Aċċess għad-dokumenti”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Ir-[Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331)] għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Bord.

[…]

4.   Il-persuni li jkunu s-suġġett tad-deċiżjonijiet tal-Bord għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl tal-Bord, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħra fil-ħarsien tas-sigrieti tan-negozju tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux ikun estiż għal informazzjoni kunfidenzjali jew għad-dokumenti preparatorji interni tal-Bord.”

19

L-Artikolu 91 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li, fir-rigward tal-informazzjoni kklassifikata u tal-informazzjoni sensittiva mhux ikklassifikata, is-SRB għandu japplika l-prinċipji ta’ sigurtà stabbiliti fir-regoli fil-qasam tas-sigurtà tal-Kummissjoni intiżi għall-protezzjoni ta’ tali informazzjoni.

C. L-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji

20

Fit‑23 ta’ Mejju 2017, l-EBA adottat abbażi tal-Artikolu 36(14) u (15) tad-Direttiva 2014/59, l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji EBA/RTS/2017/05 dwar il-valutazzjoni għall-finijiet tar-riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem l-“abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji”), intiż li jispeċifikaw il-kriterji li abbażi tagħhom għandhom jitwettqu l-valutazzjonijiet imwettqa fi proċedura ta’ riżoluzzjoni

21

Skont l-Artikolu 2(3) ta’ dan l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji:

“Il-valwatur għandu jipprovdi l-aħjar stima tal-punt tal-valur ta’ assi partikoli, obbligazzjoni partikolari, jew kombinazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ elementi. Jekk ikun xieraq, ir-riżultati tal-valwazzjoni għandhom jiġu pprovduti wkoll fil-forma ta’ firxa ta’ valuri.”

22

L-Artikolu 8 tal-imsemmi abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji, intitolat “Oqsma li jeħtieġu attenzjoni partikolari fil-valwazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“Il-valwatur għandu jiffoka b’mod partikolari fuq oqsma soġġetti għal inċertezza tal-valwazzjoni sinifikanti li jkollha impatt sinifikanti fuq il-valwazzjoni globali. Għal dawn l-oqsma, il-valwatur għandu jipprovdi r-riżultati tal-valwazzjoni fil-forma tal-aħjar stimi tal-punt u, fejn xieraq, firxa ta’ valuri kif stabbilit fl-Artikolu 2(3). Dawk l-oqsma għandhom jinkludu:

“a)

self jew portafolli ta’ self, li l-flussi ta’ flus mistennija tagħhom jiddependu mill-abbiltà, ir-rieda jew l-inċentiv tal-kontroparti li jwettaq l-obbligu tiegħu, jekk dawn l-aspettattivi jkunu xprunati minn suppożizzjonijiet relatati mar-rati ta’ delinkwenza, probabbiltajiet ta’ inadempjenza, telf fil-każ ta’ inadempjenza, jew karatteristiċi tal-istrument, speċjalment fejn xejriet ta’ telf ta’ portafoll ta’ self juru evidenza ta’ dan;

[…]”

II. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

23

Banco Popular Español SA (iktar ’il quddiem “Banco Popular”) kienet istituzzjoni ta’ kreditu suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali diretta tal- BĊE.

24

L-appellanti kienu azzjonisti jew kellhom istrumenti kapitali addizzjonali tal-kategorija 1 jew istrumenti kapitali tal-kategorija 2 ta’ Banco Popular qabel l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ din tal-aħħar.

A. Is‑sitwazzjoni finanzjarja ta’ Banco Popular fl‑2016 u fl‑2017

25

Il-fatti relatati mal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ Banco Popular fl‑2016 u fl‑2017, li huma mfissra fil-punti 25 sa 46 tas-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor bil-mod kif ġej.

26

Fl‑2016, Banco Popular żiedet il-kapital b’EUR 2.5 biljun.

27

Fil‑5 ta’ Diċembru 2016, is-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB adottat pjan ta’ riżoluzzjoni għall-grupp Banco Popular (iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ riżoluzzjoni tal‑2016”). L-għodda ta’ riżoluzzjoni ppreferuta fil-pjan ta’ riżoluzzjoni tal‑2016 kienet l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament SRM.

28

Fit‑3 ta’ Frar 2017, Banco Popular ippubblikat ir-rapport annwali tagħha tal‑2016, li fih ħabbret il-ħtieġa għal provvedimenti eċċezzjonali fl-ammont ta’ EUR 5.7 biljun, b’telf ikkonsolidat ta’ EUR 3485 biljun, kif ukoll il-ħatra ta’ president ġdid.

29

Fl‑10 ta’ Frar 2017, DBRS Ratings Ltd (DBRS), li saret DBRS Morningstar, baxxiet ir-rating ta’ Banco Popular, bi prospetti negattivi, fid-dawl tal-pożizzjoni kapitali mdgħajfa ta’ Banco Popular bħala konsegwenza ta’ telf nett ikbar minn dak previst fir-rapport annwali tagħha, imsemmija fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, kif ukoll tal-isforzi minn Banco Popular sabiex tnaqqas l-istokk elevat tagħha ta’ assi li ma jrendux (non-performing assets).

30

Fit‑3 ta’ April 2017, Banco Popular ħabbret ir-riżultati tal-awditi interni li jindikaw li jistgħu jkunu meħtieġa korrezzjonijiet għar-rapport annwali tal‑2016. Dawn l-aġġustamenti twettqu fir-rapport finanzjarju ta’ Banco Popular għall-ewwel tliet xhur tal‑2017.

31

Wara din it-tħabbira, DBRS Morningstar, fis‑6 ta’ April, baxxiet ir-rating ta’ Banco Popular filwaqt li żammet il-prospetti negattivi tagħha. Standard & Poor’s, fis‑7 ta’ April, u Moody’s Investors service (iktar ’il quddiem “Moody’s”), fil‑21 ta’ April 2017, ukoll baxxew ir-rating ta’ Banco Popular bi prospetti negattivi.

32

Fl‑10 ta’ April 2017, fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ Banco Popular, il-President tal-Bord tad-Diretturi ħabbar li l-bank kien qiegħed jikkunsidra jew żieda fil-kapital, jew tranżazzjoni korporattiva minħabba s-sitwazzjoni kapitali tal-grupp u l-livell ta’ assi tiegħu li ma jrendux. Il-President-Direttur Ġenerali ta’ Banco Popular ġie ssostitwit inqas minn sena wara li beda l-mandat tiegħu.

33

F’April 2017, Banco Popular bdiet proċedura ta’ trasferiment privat bil-għan li tinbiegħ lil kompetitur b’saħħtu u li, b’hekk, tiġi rrestawrata s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha. Ix-xerrejja potenzjali interessati fl-akkwist ta’ Banco Popular kellhom jissottomettu l-offerta tagħhom mhux iktar tard mill‑10 ta’ Ġunju 2017.

34

Fil‑5 ta’ Mejju 2017, Banco Popular ippreżentat ir-rapport finanzjarju tagħha għall-ewwel tliet xhur tal‑2017 u fih ħabbret telf fl-ammont ta’ EUR 137 miljun.

35

Fit‑12 ta’ Mejju 2017, ir-rekwiżit ta’ kopertura tal-likwidità (Liquidity Coverage Requirement) ta’ Banco Popular waqa’ taħt il-limitu minimu ta’ 80 % stabbilit fl-Artikolu 460(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1).

36

Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Mejju 2017, Banco Santander, SA informat lil Banco Popular li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tippreżenta offerta definittiva fil-proċedura ta’ bejgħ privat.

37

Fis‑16 ta’ Mejju 2017, Banco Popular, f’komunikazzjoni ta’ fatt rilevanti lill-Comisión nacional del mercado de valores (il-Kummissjoni Nazzjonali tas-Suq tat-Titoli, Spanja), indikat li xerrejja potenzjali kienu esprimew l-interess tagħhom fil-proċedura ta’ bejgħ privat, iżda li ma kienet saret ebda offerta definittiva.

38

Fid‑19 ta’ Mejju 2017, l-aġenzija Fitch Ratings Ltd baxxiet ir-rating fit-tul (long-term rating) ta’ Banco Popular.

39

Fit‑23 ta’ Mejju 2017, il-Presidenta tas-SRB, Elke König, tat intervista lill-istazzjon televiżiv Bloomberg, li matulha ġiet mistoqsija, b’mod partikolari, dwar is-sitwazzjoni ta’ Banco Popular.

40

Matul ix-xahar ta’ Mejju 2017, diversi artikli tal-istampa rrapportaw id-diffikultajiet ta’ Banco Popular.

41

Fl-ewwel jiem ta’ Ġunju 2017, Banco Popular ħabbtet wiċċha ma’ ġbid massiv ta’ likwidità.

42

Fil‑5 ta’ Ġunju 2017, Banco Popular ressqet, filgħodu, l-ewwel talba għal assistenza urġenti ta’ likwidità lill-Banco de España (il-Bank ta’ Spanja), imbagħad, waranofsinhar, it-tieni talba li kien fiha estensjoni tal-ammont mitlub, minħabba movimenti kbar ta’ likwidità. Fuq talba tal-Bank ta’ Spanja u wara l-evalwazzjoni dakinhar stess tal-BĊE tat-talba ta’ Banco Popular għal assistenza urġenti ta’ likwidità, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ma qajjem ebda oġġezzjoni għal assistenza urġenti ta’ likwidità lil Banco Popular għall-perijodu sat‑8 ta’ Ġunju 2017. Banco Popular irċeviet parti minn din l-assistenza urġenti ta’ likwidità, u sussegwentement il-Bank ta’ Spanja indika li ma kienx f’pożizzjoni li jagħti assistenza urġenti ta’ likwidità supplimentari lil Banco Popular.

B. L‑iżvolġiment tal‑proċedura ta’ riżoluzzjoni

43

Fil-punti 47 sa 67 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fissret il-fatti relatati mal-iżvolġiment tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni, li jistgħu jinġabru fil-qosor bil-mod kif ġej.

44

Fit‑23 ta’ Mejju 2017, is-SRB inkariga lill-awdituri Deloitte (iktar ’il quddiem “Deloitte”), bħala espert indipendenti, sabiex twettaq il-valutazzjoni ta’ Banco Popular skont l-Artikolu 20 tar-Regolament SRM.

45

Fl‑24 ta’ Mejju 2017, is-SRB talab mingħand Banco Popular, abbażi tal-Artikolu 34 tar-Regolament SRM, l-informazzjoni meħtieġa sabiex iwettaq il-valutazzjoni tiegħu. Fit‑2 ta’ Ġunju 2017, huwa talab ukoll lil Banco Popular tipprovdi informazzjoni dwar il-proċedura ta’ bejgħ privat u sabiex tipprovdi aċċess għall-kamra virtwali tad-data (virtual data room) sikura li din tal-aħħar kienet stabbilixxiet fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

46

Fit‑3 ta’ Ġunju 2017, is-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB adottat id-Deċiżjoni SRB/EES/2017/06, indirizzata lill-Fondo de Reestructuración Ordenada Bancaria (FROB), (il-Fond għal Ristrutturazzjoni Ordnata tal-Banek, Spanja), dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ Banco Popular. Is-SRB approva l-bidu immedjat tal-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular mill-FROB u għarraf lil dan tal-aħħar bir-rekwiżiti relatati mal-bejgħ skont l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2014/59. Is-SRB indika b’mod partikolari li l-FROB kellu jikkuntattja lill-ħames xerrejja potenzjali li kienu mistiedna jissottomettu offerta fil-proċedura ta’ bejgħ privat.

47

Fost il-ħames xerrejja potenzjali, tnejn iddeċidew li ma jipparteċipawx fil-proċedura ta’ bejgħ u wieħed ġie eskluż mill-BĊE għal raġunijiet prudenzjali.

48

Fl‑4 ta’ Ġunju 2017, iż-żewġ xerrejja potenzjali li kienu ddeċidew li jipparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ, Banco Santander u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, SA, iffirmaw ftehim ta’ nuqqas ta’ żvelar (non-disclosure agreement) u, fil‑5 ta’ Ġunju 2017, ingħataw aċċess għall-kamra virtwali tad-data.

49

Fil‑5 ta’ Ġunju 2017, is-SRB adotta l-ewwel valutazzjoni (iktar ’il quddiem il-“Valutazzjoni 1”) skont l-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, li kellha l-għan li tipprovdi l-elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex tingħata bidu għal proċedura ta’ riżoluzzjoni, kif iddefiniti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament.

50

Fis‑6 ta’ Ġunju 2017, il-BĊE wettaq evalwazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, wara li kkonsulta lis-SRB, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tal-imsemmi regolament.

51

Mill-punt 61 tas-sentenza appellata jirriżulta li, wara din l-evalwazzjoni, il-BĊE, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Banco Popular fl‑2016 u fl‑2017, kif miġbur fil-qosor fil-punti 26 sa 42 ta’ din is-sentenza, u b’mod partikolari l-ħruġ eċċessiv ta’ depożiti, il-ħeffa li biha l-bank kien qiegħed jitlef il-likwidità u l-inkapaċità tiegħu li jiġġenera iktar likwidità, qies li kienu jeżistu elementi oġġettivi li jindikaw li Banco Popular probabbilment ma kinitx ser tkun f’pożizzjoni, fil-futur qarib, li tħallas id-djun tagħha jew passiv ieħor meta jimmatura. Il-BĊE kkonkluda li l-falliment ta’ Banco Popular kien qiegħed iseħħ jew, fi kwalunkwe każ, kien x’aktarx ser iseħħ fil-futur qarib, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(a) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament SRM.

52

Fl-istess jum, Banco Popular informat lill-BĊE li l-Bord tad-Diretturi tagħha kien wasal għall-konklużjoni li l-bank kien x’aktarx ser ifalli.

53

Il-fatti relatati mal-proċedura ta’ bejgħ, kif jirriżultaw mill-punti 63 sa 67 tas-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor bil-mod kif ġej.

54

B’ittra tas‑6 ta’ Ġunju 2017, il-FROB ikkomunika l-informazzjoni dwar il-proċedura ta’ bejgħ u li stipulat li l-offerti kellhom isiru sa nofsillejl tas‑6 ta’ Ġunju 2017.

55

Dakinhar stess, Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, wieħed miż-żewġ xerrejja potenzjali ta’ Banco Popular, informat lill-FROB li ma kinitx ser tagħmel offerta.

56

Ukoll fis‑6 ta’ Ġunju 2017, Deloitte bagħtet lis-SRB it-tieni valutazzjoni (iktar ’il quddiem il-“Valutazzjoni 2”), li tfasslet skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament SRM. L-għan tal-Valutazzjoni 2 kien li jiġi stmat il-valur tal-attiv u tal-passiv ta’ Banco Popular, li jiġi evalwat it-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri li kieku Banco Popular kienet suġġetta għal proċeduri normali ta’ insolvenza, kif ukoll li tipprovdi l-elementi li jippermettu li tittieħed deċiżjoni dwar l-azzjonijiet u l-istrumenti ta’ sjieda li kellhom jiġu ttrasferiti u li jippermettu li s-SRB jiddetermina l-kundizzjonijiet kummerċjali tal-għodda ta’ bejgħ tan-negozju. Din il-valutazzjoni stmat, b’mod partikolari, il-valur ekonomiku ta’ Banco Popular fl-ammont ta’ EUR 1.3 biljun fl-aħjar ipoteżi, EUR 8.2 biljun fin-negattiv fl-agħar ipoteżi, u EUR 2 biljuni fin-negattiv għall-aħjar stima.

57

Fis‑7 ta’ Ġunju 2017, Banco Santander għamlet offerta definittiva.

58

Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Ġunju 2017, il-FROB informa lis-SRB li, fis‑7 ta’ Ġunju fit‑3:12, Banco Santander kienet għamlet offerta u li l-prezz li din tal-aħħar offriet għall-bejgħ tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular kien ta’ EUR 1. Il-FROB indika li l-bord ta’ tmexxija tiegħu kien għażel lil Banco Santander bħala l-offerent rebbieħ fil-proċedura ta’ bejgħ kompetittiv ta’ Banco Popular u kien iddeċieda li jipproponi lis-SRB biex jindika lil Banco Santander bħala x-xerrej fid-deċiżjoni tas-SRB dwar l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular.

C. L‑iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża

59

Fis‑7 ta’ Ġunju 2017, is-SRB adotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża fir-rigward ta’ Banco Popular, abbażi tar-Regolament SRM.

60

Fil-premessi 19, 21 sa 25, 26(c), 36 u 46 ta’ din l-iskema, is-SRB ikkonstata:

li, fil‑5 ta’ Diċembru 2016, is-SRB kien adotta pjan ta’ riżoluzzjoni, li jistabbilixxi strateġija ta’ riżoluzzjoni u li jidentifika għodda ta’ riżoluzzjoni meqjusa preferibbli (premessi 19, 21 u 22);

li mill-evalwazzjoni tal-BĊE dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ kien jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular kienet iddeterjorat b’mod sinjifikattiv minn Ottubru 2016, minħabba l-irtirar ta’ depożiti fis-segmenti kollha tal-klijentela; li minn dan kien jirriżulta li dan il-bank ma kellux biżżejjed għażliet sabiex jirripristina l-likwidità tiegħu biex iħallas il-passiv tiegħu meta jimmatura (premessa 23);

li diversi ċirkustanzi kienu wasslu għad-deterjorament rapidu tas-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular, jiġifieri:

fi Frar 2017, Banco Popular kienet ħabbret il-ħtieġa għal provvedimenti eċċezzjonali fl-ammont ta’ EUR 5.7 biljun, b’telf ikkonsolidat ta’ EUR 3485 biljun, kif ukoll il-ħatra ta’ president ġdid;

fl‑10 ta’ Frar 2017, DBRS Morningstar kienet baxxiet ir-rating ta’ Banco Popular;

fit‑3 ta’ April 2017, Banco Popular għamlet stqarrija pubblika ad hoc dwar l-eżitu tal-awditi interni li jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq ir-rapporti finanzjarji tagħha u kkonfermat is-sostituzzjoni tad-Direttur Ġenerali tagħha inqas minn sena wara li daħal fil-kariga;

fis‑7 ta’ April 2017, Standard & Poor’s u, fil‑21 ta’ April, Moody’s, baxxew ir-rating ta’ Banco Popular;

fit‑12 ta’ Mejju 2017, Banco Popular kienet kisret ir-rekwiżit ta’ kopertura tal-likwidità ta’ 80 % u, minn hemm ’il quddiem, ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi mill-ġdid il-konformità mal-limitu regolatorju;

ir-rapportaġġ negattiv u kontinwu mill-media fuq ir-riżultati finanzjarji ta’ Banco Popular u fuq l-allegat riskju imminenti ta’ falliment jew ta’ nuqqas ta’ likwidità kien wassal għal żieda fl-irtirar tad-depożiti;

fis‑6 ta’ Ġunju 2017, DBRS u Moody’s baxxew ir-rating ta’ Banco Popular (premessa 24);

li ċ-ċirkostanzi msemmija iktar ’il fuq wasslu għal irtirar sinjifikattiv ta’ depożiti (premessa 25);

li Banco Popular kienet ingħatat l-ewwel assistenza urġenti ta’ likwidità fil‑5 ta’ Ġunju 2017, wara l-approvazzjoni tal-BĊE, iżda li l-Bank ta’ Spanja ma kienx f’pożizzjoni li jagħtiha assistenza urġenti ta’ likwidità supplimentari (premessa 26(c));

li, fis‑6 ta’ Ġunju 2017, Banco Popular kienet informat lill-BĊE li l-Bord tad-Diretturi tagħha kien wasal għall-konklużjoni li l-bank kien x’aktarx ser ifalli (premessa 36), u

li l-għodda ta’ riżoluzzjoni prevista fil-pjan ta’ riżoluzzjoni tal‑2016 ma kinitx xierqa għaċ-ċirkostanzi eżistenti fid-data tar-riżoluzzjoni (premessa 46).

61

Fl-Artikolu 1 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, is-SRB iddeċieda li jissuġġetta lil Banco Popular għal proċedura ta’ riżoluzzjoni b’effett mid-data tar-riżoluzzjoni, minħabba li l-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM kienu ssodisfatti.

62

F’dan ir-rigward, mill-Artikoli 2, 3 u 4 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża jirriżulta li s-SRB qies, l-ewwel nett, li Banco Popular kienet f’sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, it-tieni nett, li ma kinux jeżistu miżuri oħra li setgħu jevitaw il-falliment ta’ Banco Popular fi żmien raġonevoli u, fl-aħħar nett, li kienet meħtieġa azzjoni ta’ riżoluzzjoni fil-forma ta’ għodda ta’ bejgħ tan-negozju ta’ Banco Popular sabiex tkun żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tagħha u sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja, partikolarment fi Spanja.

63

Konsegwentement, fl-Artikolu 5(1) tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, is-SRB iddeċieda:

“L-għodda ta’ riżoluzzjoni applikata għal Banco Popular ser tikkonsisti f’bejgħ tan-negozju skont l-Artikolu 24 tar-Regolament [SRM] permezz tat-trasferiment tal-azzjonijiet lil xerrej partikolari. L-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni tal-istrumenti kapitali ser isiru immedjatament qabel l-applikazzjoni tal-għodda tal-bejgħ tan-negozju.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

64

L-Artikolu 6 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża jispeċifika l-kundizzjonijiet relatati ma’ din l-iżvalutazzjoni kif ukoll mal-bejgħ tan-negozju. B’hekk, fl-Artikolu 6(1) ta’ din tal-aħħar, is-SRB iddeċieda:

l-ewwel nett, li jiżvaluta l-ammont nominali tal-kapital azzjonarju ta’ Banco Popular bl-ammont ta’ EUR 2098429046, liema żvalutazzjoni wasslet għall-annullament ta’ 100 % tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular;

it-tieni nett, li jikkonverti l-ammont prinċipali kollu tal-istrumenti kapitali addizzjonali tal-kategorija 1 maħruġa minn Banco Popular u fiċ-ċirkulazzjoni fid-data tad-deċiżjoni dwar l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża f’azzjonijiet ġodda maħruġa minn Banco Popular, l-“azzjonijiet ġodda I”;

it-tielet nett, li jiżvaluta għal żero l-valur nominali tal-“azzjonijiet ġodda I”, liema żvalutazzjoni wasslet għall-annullament ta’ 100 % ta’ dawn l-“azzjonijiet ġodda I”;

fl-aħħar nett, li jikkonverti l-ammont prinċipali kollu tal-istrumenti kapitali tal-kategorija 2 maħruġa minn Banco Popular u fiċ-ċirkulazzjoni fid-data tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni f’azzjonijiet ġodda maħruġa minn Banco Popular, l-“azzjonijiet ġodda II”.

65

L-Artikolu 6(3) tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża jipprevedi li dawn il-miżuri ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni huma bbażati fuq il-Valutazzjoni 2, ikkorroborata mir-riżultati ta’ proċess ta’ bejgħ trasparenti u miftuħ imwettaq mill- FROB.

66

Fl-Artikolu 6(5) tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, is-SRB indika li huwa kien qiegħed jeżerċita s-setgħat mogħtija lilu mill-Artikolu 24(1)(a) tar-Regolament SRM, li jikkonċerna l-għodda ta’ bejgħ tan-negozju, u li kien qiegħed jordna li l-“azzjonijiet ġodda II” jiġu ttrasferiti lil Banco Santander, liberi u mingħajr ebda dritt jew privileġġ favur terz, għall-ħlas ta’ prezz tax-xiri ta’ EUR 1. Kien ippreċiżat li x-xerrej kien diġà ta l-kunsens tiegħu għat-trasferiment.

67

Fl-Artikolu 6(6) ta’ dan id-dispożittiv, is-SRB indika li kien kemm neċessarju kif ukoll xieraq li jiġi ordnat it-trasferiment, filwaqt li ppreċiża li, sabiex wasal għal din id-deċiżjoni, huwa kkonstata, l-ewwel nett, li l-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular mibdija mill-FROB qabel l-adozzjoni tal-imsemmija skema kienet konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 24 tar-Regolament SRM, moqri flimkien mal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2014/59, it-tieni nett, li l-FROB kien, fl-aħħar mill-aħħar, talab lil żewġ xerrejja potenzjali biex jippreżentaw offerti u, it-tielet nett, li finalment kienet ġiet irċevuta offerta valida waħda biss.

68

Is-SRB indika wkoll li t-trasferiment tal-“azzjonijiet ġodda II” kellu jsir abbażi tal-offerta vinkolanti tax-xerrej tas‑7 ta’ Ġunju 2017 u għandu jiġi implimentat mill-FROB.

69

L-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni tagħha fis‑7 ta’ Ġunju 2017.

70

Dakinhar stess, dik l-istituzzjoni adottat id-Deċiżjoni 2017/1246 li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża u kkomunikat dik id-deċiżjoni lis-SRB. Kif jirriżulta mill-premessa 4 tal-imsemmija deċiżjoni:

“Il-Kummissjoni taqbel mal-iskema ta’ riżoluzzjoni. B’mod partikulari taqbel mar-raġunijiet mogħtiija mill-SRB li minħabba fihom hi neċessarja r-riżoluzzjoni fl-interess pubbliku skont l-Artikolu 18(5) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.”

71

Fis‑7 ta’ Ġunju 2017, is-SRB ikkomunika l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża lill-FROB u ppubblika fuq is-sit internet tiegħu komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-adozzjoni ta’ din l-iskema flimkien ma’ dokument li jiġbor fil-qosor l-effetti tar-riżoluzzjoni.

72

Dakinhar stess, il-FROB adotta l-miżuri neċessarji sabiex jimplimenta l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, skont l-Artikolu 29 tar-Regolament SRM.

D. Il‑fatti li ġraw wara l‑adozzjoni tal‑iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża

73

Fl‑14 ta’ Ġunju 2018, Deloitte bagħtet lis-SRB il-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament prevista fl-Artikolu 20(16) sa (18) tar-Regolament SRM, imwettqa sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar li kieku Banco Popular kienet ġiet issuġġettata għal proċedura normali ta’ insolvenza (iktar ’il quddiem il-“Valutazzjoni 3”). Fil‑31 ta’ Lulju 2018, Deloitte bagħtet lis-SRB addendum għal din il-valutazzjoni li tikkoreġi ċerti żbalji formali.

74

Fil‑11 ta’ Lulju 2017, is-SRB ippubblika fuq is-sit internet tiegħu verżjoni mhux kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża. F’din il-verżjoni, is-SRB ħalla barra, b’mod partikolari, ċerta informazzjoni fil-premessi 23 sa 26 ta’ din tal-aħħar, li jikkonċernaw il-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular, kif ukoll biċċiet kbar mill-Artikolu 6(3) u (4) tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża li jikkonċernaw l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni.

75

F’Lulju 2017, il-BĊE ppubblika fuq is-sit internet tiegħu verżjoni mhux kunfidenzjali tal-evalwazzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular.

76

Fit‑2 ta’ Frar u fil‑31 ta’ Ottubru 2018, is-SRB ippubblika verżjonijiet mhux kunfidenzjali inqas imnaddfa tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, li kellhom ċerta informazzjoni li tħalliet barra qabel, imsemmija fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, ħlief għal ċerti ċifri. F’dan il-kuntest, huwa ppubblika wkoll verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-Valutazzjonijiet 1 u 2.

III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

77

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Awwissu 2017, l-appellanti ppreżentaw rikors intiż, l-ewwel nett, għall-annullament tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża u tad-Deċiżjoni 2017/1246, it-tieni nett, sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li huma allegatament sostnew bħala konsegwenza ta’ dawn id-deċiżjonijiet kif ukoll, it-tielet nett, sabiex tiġi kkonstatata n-nullità tal-Valutazzjoni 2 u sabiex jinkiseb kumpens.

A. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali

78

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru fil‑31 ta’ Ottubru 2017, is-SRB talab lill-Qorti Ġenerali, taħt l-Artikolu 92(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tordna miżuri istruttorji li jikkonċernaw il-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti elenkati fl-anness ta’ din it-talba. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2017, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma tilqax din it-talba għal miżuri istruttorji f’dan l-istadju tal-proċedura.

79

Fis‑16 ta’ Frar 2018, il-Qorti Ġenerali, permezz tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lis-SRB jippreżenta l-aħħar verżjoni mhux kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, kif ukoll verżjoni mhux kunfidenzjali tal-Valutazzjoni 2, ippubblikati fuq is-sit internet tiegħu. Is-SRB ippreżenta dawn id-dokumenti fit-terminu stabbilit.

80

Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑12 ta’ April 2019, il-Qorti Ġenerali aċċettat l-interventi tar-Renju ta’ Spanja u ta’ Banco Santander insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni u tas-SRB u laqgħet it-talbiet għal trattament kunfidenzjali mressqa mill-appellanti fil-konfront tagħhom.

81

Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ April 2019, l-appellanti ressqu talba sabiex jiġu emendati t-talbiet għal miżuri istruttorji inklużi fir-rikors tagħhom u fir-replika tagħhom fl-ewwel istanza. Il-Kummissjoni u s-SRB, kif ukoll ir-Renju ta’ Spanja u Banco Santander, ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din it-talba fit-terminu stabbilit.

82

Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Mejju 2019, l-appellanti pproduċew prova ġdida skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni u s-SRB ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din il-prova ġdida fit-terminu stabbilit.

83

Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Ottubru 2020, l-appellanti reġgħu pproduċew prova ġdida fuq il-bażi tal-istess dispożizzjoni. Il-Kummissjoni u s-SRB kif ukoll ir-Renju ta’ Spanja u Banco Santander ressqu osservazzjonijiet dwar din il-prova ġdida fit-termini stabbiliti.

84

Fis‑16 ta’ Marzu 2021, il-Qorti Ġenerali, permezz tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lis-SRB jipproduċi diversi dokumenti. Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Marzu 2021, is-SRB wieġeb li d-dokumenti mitluba kienu parzjalment kunfidenzjali u setgħu jiġu prodotti kemm‑il darba l-Qorti Ġenerali tadotta miżura istruttorja f’dan is-sens.

85

Permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Mejju 2021, il-Qorti Ġenerali ordnat lis-SRB, abbażi, minn naħa, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 91(b) tal-Artikolu 92(3), kif ukoll tal-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jipproduċi l-verżjonijiet sħaħ tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, tal-Valutazzjoni 2, tal-evalwazzjoni tal-BĊE tas‑6 ta’ Ġunju 2017 dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, kif ukoll l-ittra tal-BĊE lil Banco Popular tat‑18 ta’ Mejju 2017. Il-Qorti Ġenerali ordnat ukoll lis-SRB jipproduċi l-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-ittra tal-BĊE lil Banco Popular tat‑18 ta’ Mejju 2017.

86

B’digriet tad‑9 ta’ Ġunju 2021, il-Qorti Ġenerali sfilzat mill-proċess il-verżjonijiet kunfidenzjali tad-dokumenti prodotti mis-SRB skont id-digriet tat‑12 ta’ Mejju 2021.

B. Is‑sentenza appellata

87

Insostenn tal-ewwel kap tat-talbiet tagħhom intiż għall-annullament tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża u tad-Deċiżjoni 2017/1246, l-appellanti invokaw erba’ motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM. It-tieni motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament. It-tielet motiv kien ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ u tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl, stabbiliti fl-Artikoli 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-noti ta’ intervent, l-appellanti invokaw ukoll motiv ġdid ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament.

88

Permezz tat-tieni kap tat-talbiet tagħhom, l-appellanti talbu li s-SRB u l-Kummissjoni jiġu kkundannati jħallsuhom kumpens għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħhom. L-appellanti ressqu żewġ talbiet għal kumpens separati, l-ewwel waħda, ibbażata fuq l-annullament tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża kif ukoll tad-Deċiżjoni 2017/1246 u t-tieni waħda, indipendentement minn dak l-annullament.

89

Permezz tat-tielet kap tat-talbiet tagħhom, l-appellanti talbu l-annullament tal-Valutazzjoni 2 u invokaw id-dritt għal kumpens.

90

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

91

F’dik is-sentenza, hija ċaħdet ukoll it‑talbiet imressqa għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura u għal miżuri istruttorji.

IV. It‑talbiet tal‑partijiet fl-appell

92

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tilqa’ t-talbiet tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali intiżi għall-annullament tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża kif ukoll tad-Deċiżjoni 2017/1246 u, konsegwentement, tikkundanna lill-Kummissjoni u lis-SRB jirrimborsaw l-investimenti tagħhom f’Banco Popular jew, sussidjarjament, tikkundannahom għall-ħlas ta’ kumpens ibbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħhom;

tordna lill-Kummissjoni u lis-SRB sabiex iħallsuhom kumpens għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħhom, indipendentement mill-annullament tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża u tad-Deċiżjoni 2017/1246;

tikkonstata n-nullità tal-Valutazzjoni 2 u tikkundanna lill-Kummissjoni kif ukoll lis-SRB sabiex iħallsuhom kumpens;

tikkundanna lill-Kummissjoni u lis-SRB għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi;

tordna ż-żieda ta’ interessi kumpensatorji fuq l-ammonti mogħtija mit‑23 ta’ Mejju 2017 jew, sussidjarjament, mis‑7 ta’ Ġunju 2017, sad-data tal-għoti tas-sentenza, kif ukoll interessi moratorji kkalkolati sa mid-data ta’ din is-sentenza, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż tal-kawża preżenti, li jibdew jakkumulaw interessi moratorji biss mid-data ta’ din is-sentenza, u

tagħtihom il-benefiċċju ta’ kwalunkwe kumpens addizzjonali ieħor meqjus xieraq.

93

Il-Kummissjoni, is-SRB, il-Kunsill, ir-Renju ta’ Spanja, kif ukoll Banco Santander, jitolbu, ilkoll kemm huma, lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

94

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell u li, skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, tagħti deċiżjoni hija stess dwar ir-rikors għal annullament, Banco Santander titlob, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, tillimita l-portata tas-sentenza li għandha tingħata billi żżomm l-effetti tal-bejgħ ta’ Banco Popular lil Banco Santander.

V. Fuq l‑appell

95

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw erba’ aggravji. L-ewwel u t-tieni aggravju huma bbażati fuq ksur, rispettivament, tal-Artikolu 18 u tal-Artikolu 20 tar-Regolament SRM. Permezz tat-tielet u r-raba’ aggravju, l-appellanti jikkontestaw il-fondatezza taċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tat-talbiet tagħhom għal kumpens.

A. Kunsiderazzjonijiet preliminari

96

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, permezz tar-rikors ta’ dan l-appell, l-appellanti qegħdin jitolbu l-annullament kemm tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, kif ukoll tad-Deċiżjoni 2017/1246.

97

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs SRB (C‑551/22 P, EU:C:2024:520, punti 102103), li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, b’mod li dan ir-rikors huwa inammissibbli sa fejn jirrigwarda din l-iskema, id-Deċiżjoni 2017/1246 li permezz tagħha l-Kummissjoni approvat din l-iskema, għandha, min-naħa tagħha, il-karatteristiċi ta’ att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

98

B’dan premess, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni, bħalma hija d-Deċiżjoni 2017/1246, huwa possibbli li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kkonċernati jinvokaw l-illegalità tal-iskema ta’ riżoluzzjoni li din l-istituzzjoni tkun approvat u li tagħtiha għalhekk effetti legali vinkolanti, liema possibbiltà tiżgura lil dawn il-persuni protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, permezz ta’ tali approvazzjoni, hija meqjusa li qiegħda tadotta l-informazzjoni u l-motivi f’din l-iskema, b’mod li hija għandha, jekk ikun il-każ, twieġeb għalihom quddiem il-qrati tal-Unjoni (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs SRB, C‑551/22 P, EU:C:2024:520, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99

Huwa f’dan il-kuntest li għandhom għalhekk jiġu eżaminati l-aggravji li jikkontestaw il-legalità tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża.

B. Fuq il‑ħames parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 90 tar-Regolament SRM, kif ukoll tal-Artikoli 17, 41 u 52 tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u fuq is-sitt parti ta’ dan l-aggravju, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE

100

Permezz tal-ħames u tas-sitt parti tat-tieni aggravju, li għandhom jiġu eżaminati fl-ewwel lok, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-aċċess għall-verżjoni sħiħa, b’mod partikolari, tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża kif ukoll tal-Valutazzjonijiet 1 u 2 kien neċessarju għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal rimedju effettiv (il-ħames parti ta’ dan l-aggravju), u li l-motivazzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, tal-Valutazzjoni 2 kif ukoll tad-Deċiżjoni 2017/1246 kienet insuffiċjenti minħabba l-informazzjoni li tħalliet barra f’dawn id-dokumenti (is-sitt parti tal-imsemmi aggravju).

1.   Fuq il‑ħames parti tat‑tieni aggravju

101

Permezz tal-ħames parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jinvokaw ksur tad-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-fajl skont l-Artikolu 90 tar-Regolament SRM, kif ukoll tal-Artikoli 17, 41 u 52 tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem l-“ewwel Protokoll Addizzjonali għall-KEDB”). Din il-parti tinqasam f’erba’ lmenti.

a)   L‑argumenti tal‑partijiet

102

Fl-ewwel lok, l-appellanti jsostnu li, fil-punti 503 u 504 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 90 tar-Regolament SRM, sa fejn hija qieset li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl iggarantit f’dan l-artikolu jikkonċerna biss l-entità li hija s-suġġett tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni. Fil-fatt, il-verżjonijiet bl-Ispanjol (“personas sujetas a las decisiones”), bl-Ingliż (“persons who are the subject of”) u bil-Portugiż (“pessoas sujeitas às decisões”) ta’ din id-dispożizzjoni ma jagħmlux riferiment għas-suġġett tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, iżda jagħmlu riferiment għall-persuni suġġetti għal tali deċiżjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta jiggarantixxi wkoll id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha.

103

Fit-tieni lok, ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl matul il-proċedura amministrattiva, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni, ma jistax jiġi rregolarizzat matul il-proċedura ġudizzjarja u jista’, meta jiġu ppreġudikati d-drittijiet tad-difiża, iwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Issa, il-fatt li kellhom jibdew il-proċedura ġudizzjarja mingħajr ma kellhom għarfien tal-fajl ippreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-appellanti, iktar u iktar peress li huma għad ma kellhomx aċċess għall-fajl komplet.

104

Fit-tielet lok, fil-punti 505 u 515 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrifjutat, billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta u fuq l-Artikolu 90(4) tar-Regolament SRM, l-aċċess għal ċerta informazzjoni li tinsab fl-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, fil-Valutazzjoni 2 u f’dokumenti preparatorji oħra, minħabba li din kienet kunfidenzjali. Madankollu, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl japplika anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tkunx tipprevedi espressament tali formalità.

105

Fir-raba’ u fl-aħħar lok, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 475 ta’ din is-sentenza, limitazzjoni tad-dritt għal smigħ tal-persuni kkonċernati tikkostitwixxi biss intervent sproporzjonat u intollerabbli jekk il-persuni kkonċernati kienu mċaħħda mill-possibbiltà li jikkontestaw l-imsemmija miżuri fi proċedura sussegwenti, u li jsostnu b’mod utli l-opinjoni tagħhom fil-kuntest tagħha. Issa, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet f’dan il-punt, tali possibbiltà tippreżupponi aċċess sħiħ għall-fajl. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem l-Artikolu 1 ewwel Protokoll Addizzjonali għall-KEDB jeżiġi l-possibbiltà ta’ dibattitu kontradittorju li josserva l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet f’kull proċedura li timponi r-rinunzja għad-dritt għall-proprjetà.

106

Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tal-ħames parti tat-tieni aggravju, minħabba li l-argument imressaq fl-appell ma huwiex suffiċjentement ċar u preċiż. Is-SRB iqis li l-argument ibbażat fuq diverġenza fil-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 90(4) tar-Regolament SRM jikkostitwixxi aggravju inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, il-ħames parti tat-tieni aggravju huwa infondat.

107

Is-SRB, ir-Renju ta’ Spanja u Banco Santander isostnu li din il-parti hija infondata.

b)   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

108

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ħames parti tat-tieni aggravju, għandu jiġi rrilevat li, minkejja ċertu livell ta’ nuqqas ta’ preċiżjoni, l-argument imressaq jippermetti li jinftiehem li l-appellanti jinvokaw, skont l-Artikolu 90(4) tar-Regolament SRM u l-Artikoli 17, 41 u 52 tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikolu 1 tal-ewwel Protokoll Addizzjonali għall-KEDB, id-dritt ta’ aċċess għall-verżjonijiet integrali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, tal-Valutazzjoni 2 u ta’ dokumenti preparatorji oħra.

109

B’mod iktar partikolari, huma jikkritikaw, il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu, minn naħa, fil-punti 497 sa 504 tas-sentenza appellata li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tagħhom ibbażat fuq l-allegazzjoni li huma ma kinux ibbenefikaw minn dritt ta’ aċċess għall-fajl ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular u, min-naħa l-oħra, il-punti 505 u 515 ta’ din is-sentenza li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod kuntrarju għal dak li sostnew l-appellanti, li l-preżenza ta’ informazzjoni kunfidenzjali fl-atti tal-proċess kienet tipprekludi l-aċċess sħiħ għalih.

110

Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 90(4) tar-Regolament SRM, dan jirrigwarda speċifikament il-punti 503 u 504 tas-sentenza appellata u għandu jitqies li qiegħed jikkritika l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab f’dawn il-punti. Fil-fatt, rikorrent jista’ jippreżenta appell billi jinvoka aggravji li jirriżultaw mis-sentenza appellata nnifisha u li jkunu intiżi li jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tagħha (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs European Food et, C‑638/19 P, EU:C:2022:50, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111

Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-ħames parti tat-tieni aggravju invokata mill-Kummissjoni u mis-SRB.

112

Fir-rigward tal-mertu, mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 497 sa 504 tas-sentenza appellata jirriżulta li, sabiex tiċħad l-argument ibbażat fuq ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni kollha li tinsab fl-atti tal-proċess, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha kemm fuq l-inapplikabbiltà ratione personae tal-Artikolu 90(4) tar-Regolament SRM kif ukoll fuq il-preżenza, fl-atti tal-proċess, ta’ informazzjoni kunfidenzjali. Issa, għandu jiġi kkonstatat li kull waħda minn dawn il-kunsiderazzjonijiet hija, fiha nnifisha, ta’ natura li tiġġustifika d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

113

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-punt dwar jekk il-Qorti Ġenerali ddeċidietx, ġustament, li l-obbligu ta’ kunfidenzjalità seta’ jipprekludi aċċess għall-verżjonijiet integrali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, tal-Valutazzjoni 2 u ta’ dokumenti preparatorji oħra, għandu jitfakkar li l-Artikolu 90(4) tar-Regolament SRM jipprovdi li l-persuni li huma s-suġġett tad-deċiżjonijiet tas-SRB għandhom id-dritt li jkollhom aċċess għall-fajl tiegħu, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li dawn il-persuni għandhom dan id-dritt bla ħsara għall-interess leġittimu ta’ persuni oħra li s-sigrieti kummerċjali tagħhom ma jiġux żvelati u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmi dritt la jestendi għall-informazzjoni kunfidenzjali u lanqas għad-dokumenti interni preparatorji tas-SRB. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat l-obbligu ta’ kull istituzzjoni kkonċernata li teżerċita l-kompetenzi tagħha b’mod konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li issa huwa espressament stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta, li l-paragrafu 2(b) tiegħu jiggarantixxi d-dritt ta’ aċċess ta’ kull persuna għall-fajl li jikkonċernaha, fl-osservanza tal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-sigriet professjonali u tal-kawżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Klein vs Il‑Kummissjoni, C‑430/20 P, EU:C:2022:377, punt 87).

114

Mill-kliem stess ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl huwa limitat min-neċessità li tiġi protetta informazzjoni kunfidenzjali. Il-limiti imposti b’dan il-mod fuq dan id-dritt jirriflettu l-obbligu ta’ kunfidenzjalità stabbilit fl-Artikolu 339 TFUE. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni huma, bħala prinċipju, obbligati, skont il-prinċipju ta’ protezzjoni tas-sigriet kummerċjali, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikolu 339 TFUE, ma jiżvelawx lill-kompetituri ta’ operatur privat informazzjoni kunfidenzjali pprovduta minn dan tal-aħħar (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 109 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

115

Issa, fil-kuntest tas-sistema stabbilita mir-Regolament SRM, l-osservanza tar-rekwiżiti tas-sigriet professjonali previsti fl-Artikolu 339 TFUE hija ppreċiżata mhux biss mir-riżerva espressa fl-Artikolu 90(4) tar-Regolament SRM, iżda wkoll mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 88(1) ta’ dan ir-regolament, li jipprojbixxi lis-SRB milli jiżvela l-informazzjoni koperta minn dawn ir-rekwiżiti lil entità pubblika jew privata oħra, ħlief meta dan l-iżvelar ikun neċessarju fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji. Kif jippreċiża l-Artikolu 88(5) tal-imsemmi regolament, is-SRB huwa obbligat li jiżgura, qabel ma jiżvela l-informazzjoni, li din ma tinkludix informazzjoni kunfidenzjali.

116

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 525 tas-sentenza appellata, punt li ma ġiex ikkontestat fil-kuntest tal-appell, li l-produzzjoni ta’ dokumenti, ordnata mill-Qorti Ġenerali, ma tiggarantixxix lir-rikorrenti l-aċċess għal dawn id-dokumenti kollha jekk dawn ikun fihom informazzjoni kunfidenzjali.

117

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi, fil-punti 505, 506, 515 u 527 tas-sentenza appellata, meta ddeċidiet li l-appellanti ma setgħux jinvokaw dritt ta’ aċċess għall-verżjonijiet integrali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, tal-Valutazzjoni 2 u ta’ dokumenti preparatorji oħra, sa fejn dawn il-verżjonijiet integrali kienu jinkludu informazzjoni kunfidenzjali.

118

Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, id-dritt għal rimedju effettiv ma jimponix, fil-preżenza ta’ informazzjoni kunfidenzjali, aċċess għall-fajl sħiħ.

119

F’dan ir-rigward, hija, ċertament, ġurisprudenza stabbilita li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tkun taf il-motivi li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha jew minn qari tad-deċiżjoni stess, jew minn komunikazzjoni ta’ dawn il-motivi fuq talba ta’ dik il-persuna, bla ħsara għas-setgħa tal-qorti b’ġurisdizzjoni li teżiġi li l-awtorità inkwistjoni tikkomunika dawn il-motivi sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u sabiex tkun tista’ tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk ikunx utli li tressaq kawża quddiem il-qorti b’ġurisdizzjoni, kif ukoll sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑24 ta’ Novembru 2020, Minister van Buitenlandse Zaken,C‑225/19 u C‑226/19, EU:C:2020:951, punt 43).

120

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, f’diversi oqsma tad-dritt tal-Unjoni, li l-motivazzjoni ta’ att li jkun jikkawża preġudizzju lil parti fil-kawża, liema motivazzjoni hija bbażata fuq evalwazzjoni tal-pożizzjoni relattiva ta’ operaturi privati, tista’, sa ċertu punt, tkun limitata sabiex tiġi protetta informazzjoni dwar dawn l-operaturi u koperta mis-sigriet kummerċjali. Madankollu, l-obbligu li jiġi osservat is-sigriet kummerċjali ma jistax ixejjen l-obbligu ta’ motivazzjoni mis-sustanza tiegħu. Għalhekk, għalkemm tali att jista’, fir-rigward tal-obbligu li jiġi osservat is-sigriet kummerċjali, ikun motivat biżżejjed mingħajr ma jkun fih, b’mod partikolari, iċ-ċifri kollha li fuqhom ikun ibbażat ir-raġunament, il-motivazzjoni għandha xorta waħda turi b’mod ċar u inekwivoku dan ir-raġunament kif ukoll il-metodoloġija użata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punti 108 sa 111; tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 48, kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punti 110, 111120).

121

Għaldaqstant, fil-preżenza ta’ informazzjoni kunfidenzjali, l-Artikolu 47 tal-Karta ma jagħtix lill-persuna kkonċernata dritt ta’ aċċess għall-fajl sħiħ, sakemm il-kundizzjonijiet imfakkra fil-punti 119 u 120 ta’ din is-sentenza jiġu osservati.

122

Issa, fil-punt 526 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat, mingħajr ma ġiet kontradetta fil-kuntest tal-appell, li l-informazzjoni li tħalliet barra mill-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, tal-Valutazzjoni 2 u ta’ dokumenti preparatorji oħra ma kinux rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima.

123

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-Artikoli 17 u 52 tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 1 tal-ewwel Protokoll Addizzjonali tal-KEDB, għandu jitfakkar li, għalkemm, kif jikkonferma l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 huma parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali u għalkemm l-Artikolu 52(3) tal-Karta jistabbilixxi li d-drittijiet li jinsabu fiha u li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali għandhom l-istess tifsira u l-istess portata li tagħtihom l-imsemmija konvenzjoni, din tal-aħħar ma hijiex strument legali integrat formalment fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni peress li l-Unjoni ma aderixxietx għaliha. B’hekk, l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni għandu jitwettaq biss fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, b’mod partikolari l-Artikolu 17 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2016, N.,C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punti 4546, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

124

Issa, id-dritt għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 51(1) tagħha, ma jistax jiġi interpretat bħala li jagħti lill-persuna kkonċernata aċċess għall-informazzjoni li tinsab fil-fajl li jmur lil hinn mir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 119 u 120 ta’ din is-sentenza.

125

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, ġustament, li l-appellanti ma kellhomx id-dritt ta’ aċċess għall-verżjonijiet integrali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, tal-Valutazzjoni 2 u ta’ dokumenti preparatorji oħra.

126

Kif jirriżulta mill-punt 112 ta’ din is-sentenza, l-argument tal-appellanti fis-sens li, bħala azzjonisti tal-entità riżolta, huma setgħu jinvokaw id-dritt iggarantit fl-Artikolu 90(4) tar-Regolament SRM, anki jekk jitqies li bħala fondat, ma jistax iqiegħed f’dubju l-legalità tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali indikata fil-punt preċedenti, b’tali mod li dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv

127

Minn dan isegwi li l-ħames parti tat-tieni aggravju hija, parzjalment, infondata u, parzjalment, ineffettiva.

2.   Fuq is‑sitt parti tat‑tieni aggravju

128

Permezz tas-sitt parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fil-kuntest tal-eżami tagħha dwar l-osservanza, mill-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, mill-Valutazzjoni 2 u mid-Deċiżjoni 2017/1246, tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE.

a)   L‑argumenti tal‑partijiet

129

Fl-ewwel lok, l-appellanti jinvokaw insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fl-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża.

130

Qabel kollox, huma jsostnu li, fil-punti 543 u 545 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod żbaljat, li l-motivazzjoni ta’ din l-iskema kienet suffiċjenti f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ falliment, filwaqt li s-SRB ma kienx eżamina soluzzjonijiet vijabbli oħra. Barra minn hekk, is-SRB sempliċement ikkonstata, mingħajr spjegazzjoni oħra, li soluzzjonijiet oħra ma kinux jippermettu li jiġu rrimedjati l-problemi ta’ likwidità ta’ Banco Popular. Barra minn hekk, is-SRB ma pprovda ebda motivazzjoni dwar l-għażla tal-għodda ta’ bejgħ tan-negozju, u lanqas ma ppreċiża r-raġuni għalfejn din l-għodda kienet tikkostitwixxi l-aħjar soluzzjoni. F’dan il-kuntest, huma jsostnu wkoll li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, fil-punti 556 u 557 tas-sentenza appellata, is-SRB kellu jimmotiva r-raġunijiet li għalihom huwa qies li l-bilanċ li kien fadal tal-assistenza urġenti ta’ likwidità msemmi f’dawn il-punti, ma kienx ser jibqa’ jitħallas.

131

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, allegatament b’mod żbaljat, fil-punti 536 sa 540 tas-sentenza appellata, li l-fatti esposti fl-Artikolu 6(6) ta’ din l-iskema huma ta’ natura li jiġġustifikaw il-proċedura ta’ bejgħ pubbliku ta’ Banco Popular. F’dan ir-rigward, huma jikkritikaw essenzjalment l-assenza ta’ indikazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li għalihom il-partijiet ikkonċernati kollha, bl-eċċezzjoni ta’ Banco Santander, kienu naqsu milli jippreżentaw offerta. Barra minn hekk, is-SRB kellu jispeċifika fl-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża r-raġuni għalfejn il-FROB ma kienx ta, lil waħda minn dawn il-partijiet, terminu ġdid għall-preżentazzjoni tal-offerta tagħha. Barra minn hekk, l-iffissar tal-prezz tal-bejgħ ta’ Banco Popular lanqas ma huwa mmotivat.

132

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, fil-punt 553 tas-sentenza appellata, il-motivazzjoni dwar il-pjan ta’ riżoluzzjoni tal‑2016 li tinsab fil-premessi 44 sa 46 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża kienet allegatament insuffiċjenti. Fil-fatt, dawn il-premessi ma jindirizzawx id-dispożizzjonijiet dwar pjan ta’ emerġenza li jippermetti li tinkiseb malajr likwidità u xenarju li jippermetti s-sopravivenza ta’ kriżi ta’ likwidità matul erba’ xhur, filwaqt li, skont l-appellanti, dawn id-dispożizzjonijiet setgħu jirrimedjaw problemi ta’ likwidità.

133

Fl-aħħar nett, l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża kellha tispjega wkoll, kuntrarjament għall-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 551 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet li għalihom Deloitte kienet tissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità.

134

Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li l-Valutazzjoni 2 ma tosservax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 296 TFUE. Kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 558 tas-sentenza appellata, mill-punt 82(iv) u (viii) tar-replika tagħhom fl-ewwel istanza jirriżulta li huma kienu diġà kkontestaw l-omissjoni ta’ partijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-valutazzjoni tar-riżervi għal riskji legali u ta’ sinerġiji.

135

Issa, il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-Valutazzjoni 2 tħalli barra siltiet essenzjali sabiex tinftiehem il-valutazzjoni ta’ Banco Popular, jiġifieri, fl-ewwel parti, ċerti kalkoli u l-valur totali tal-entrati relatati mar-riżervi għal riskji legali, mal-impriżi konġunti u mas-sinerġiji, fit-tieni parti, is-subtotali ta’ kull entrata vvalutata u l-ammonti totali ta’ rkupru għall-kredituri fl-aħjar u fl-agħar xenarji fil-każ ta’ insolvenza, kif ukoll tal-partijiet konsegwenti tal-annessi. Skont l-appellanti, il-portata ta’ dawn l-omissjonijiet ta’ informazzjoni taqbeż sew il-limiti tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 565 tas-sentenza appellata, u ma tistax tiġi ġġustifikata mill-obbligu ta’ kunfidenzjalità invokat fil-punt 566 ta’ din is-sentenza.

136

Fit-tielet lok, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2017/1246 lanqas ma tosserva l-obbligu ta’ motivazzjoni. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat, fil-punti 576 u 577 tas-sentenza appellata, li deċiżjoni li permezz tagħha, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni sempliċement taqbel mal-kontenut tad-deċiżjoni tas-SRB hija suffiċjentement motivata, fid-dawl tat-terminu qasir ħafna li din l-istituzzjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha.

137

Min-naħa l-oħra, l-appellanti jikkontestaw il-punti 580 sa 583 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali qieset li l-argument tagħhom ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji dwar id-delega tas-setgħat stabbiliti fis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7) kien jikkostitwixxi motiv ġdid li għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Fil-fatt, fil-punt 153 tar-rikors tagħhom fl-ewwel istanza, huma invokaw din il-ġurisprudenza fir-rigward tal-obbligu ta’ kontroll tal-Kummissjoni u l-assenza ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni purament taċita tagħha.

138

Il-Kummissjoni u Banco Santander isostnu li s-sitt parti tat-tieni aggravju hija inammissibbli, minħabba li l-appellanti sempliċement jirrepetu l-argumenti mressqa fl-ewwel istanza u ma jidentifikawx bi preċiżjoni l-punti kkontestati tas-sentenza appellata. Fi kwalunkwe każ, din is-sitt parti hija infondata.

139

Is-SRB u r-Renju ta’ Spanja jsostnu li din il-parti hija infondata.

b)   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

1) Fuq l‑ammissibbiltà

140

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u Banco Santander, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li l-appellant ikun qiegħed jitlob l-annullament tagħha, kif ukoll l-argumenti legali speċifikament imressqa insostenn ta’ din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat. Appell li, mingħajr ma lanqas ikun fih argument speċifikament intiż sabiex jiġi identifikat l-iżball ta’ liġi li allegatament jivvizzja s-sentenza appellata, sempliċement itenni jew jirriproduċi kelma b’kelma l-motivi u l-argumenti li jkunu diġà tressqu quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi dawk ibbażati fuq fatti li dik il-qorti tkun ċaħdet b’mod espliċitu, ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet. Tali appell, fil-verità, ma jkunx ħlief talba għal eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, ħaġa li ma taqax fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, Planistat Europe et Charlot vs Il‑Kummissjoni, C‑363/22 P, EU:C:2024:20, punti 4041, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

141

Madankollu, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi mill-ġdid fl-appell. Fil-fatt, jekk appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti mressqa diġà quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell titlef parti mill-iskop tagħha (sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 51, kif ukoll tad‑9 ta’ Lulju 2020, Haswani vs Il‑Kunsill, C‑241/19 P, EU:C:2020:545, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

142

Issa, f’dan il-każ, is-sitt parti tat-tieni aggravju huwa essenzjalment intiż li jikkontesta d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fuq diversi punti ta’ liġi li ġew ippreżentati quddiemha fl-ewwel istanza fir-rigward, b’mod partikolari, tal-obbligu ta’ motivazzjoni li l-istituzzjonijiet għandhom taħt l-Artikolu 296 TFUE. Barra minn hekk, sa fejn is-sitt parti ta’ dan l-aggravju fiha indikazzjonijiet preċiżi dwar il-punti kkontestati tas-sentenza appellata, kif ukoll dwar l-argumenti li hija bbażata fuqhom, din ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli fl-intier tagħha.

143

Madankollu, l-ewwel ilment huwa parzjalment inammissibbli, sa fejn l-appellanti jikkontestaw in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni dwar il-pjan ta’ riżoluzzjoni tal‑2016. Fil-fatt, minkejja li l-appellanti kienu, kif jirriżulta mill-punt 552 tas-sentenza appellata, allegaw nuqqas ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni u l-għodda ta’ riżoluzzjoni previsti minn dan il-pjan u, min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet għalfejn dan il-pjan ma kienx ġie segwit, huma issa jsostnu li dan il-pjan kien jipprevedi mekkaniżmi li kienu jippermettu li jiġi evitat il-falliment ta’ Banco Popular. Issa, b’dan il-mod, huma jinvokaw argument ġdid, li għandu, fuq din il-bażi, jiġi ddikjarat inammissibbli fl-istadju tal-appell.

144

Fir-rigward tat-tieni lment, l-allegazzjonijiet tal-appellanti dwar il-Valutazzjoni 2 jikkostitwixxu, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali Ćapeta fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Aeris Invest vs Il‑Kummissjoni u s‑SRB (C‑535/22 P, EU:C:2024:233) li, b’mod konformi mal-punt 4 tagħhom, għandhom jinqraw flimkien mal-konklużjonijiet tagħha f’din il-kawża, aggravju ġdid invokat fl-istadju tal-appell, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 558 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma kinux ippreċiżaw liema kienu l-partijiet tal-Valutazzjoni 2 li huma ma setgħux jifhmu.

145

Għalkemm l-appellanti jikkontestaw din il-konstatazzjoni minħabba li huma kienu invokaw, fil-punt 82(iv) u (viii) tar-replika tagħhom fl-ewwel istanza, l-omissjoni ta’ informazzjoni dwar il-valutazzjoni tar-riżervi għal riskji legali u sinerġiji, għandu madankollu jiġi rrilevat li, permezz tal-argument imressaq fl-imsemmi punt 82 ta’ din ir-replika, l-appellanti ma invokawx ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, iżda ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament SRM. Dan huwa kkorroborat mill-fatt li dan l-argument juri li huma setgħu jifhmu u jikkontestaw il-Valutazzjoni 2. Fil-punt 558 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argument tal-appellanti bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

146

Għaldaqstant, it-tieni lment tas-sitt parti tat-tieni aggravju jikkostitwixxi motiv ġdid sa fejn jikkontesta l-motivazzjoni tal-Valutazzjoni 2 u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

2) Fuq il‑mertu

147

Permezz tal-ewwel u tat-tielet ilment tas-sitt parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li kisret ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 296 TFUE fir-rigward tal-eżami tal-motivazzjoni li tinsab fl-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża u fid-Deċiżjoni 2017/1246.

148

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din tal-aħħar taqa’ taħt il-legalità fuq il-mertu tal-att kontenzjuż (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, Jenkinson vs Il‑Kunsill et, C‑46/22 P, EU:C:2024:50, punt 130 kif ukoll tal-ġurisprudenza ċċitata).

149

Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li, għalkemm il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun adottat l-att, b’mod li l-persuna kkonċernata tkun tista’ ssir taf ir-raġunijiet għall-miżuri meħuda u l-qorti b’ġurisdizzjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha, tali motivazzjoni għandha, madankollu, tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. Minn din il-perspettiva, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha, kif ukoll fid-dawl tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat u, b’mod partikolari, skont l-interess li d-destinatarji tal-att jista’ jkollhom sabiex jingħataw spjegazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punti 8587; kif ukoll tad‑29 ta’ Settembru 2022, ABLV Bank vs SRB,C‑202/21 P, EU:C:2022:734, punt 193 u l-ġurisprudenza ċċitata).

150

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-grad ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandu jkun proporzjonat mar-realtajiet prattiċi u tal-ħin u l-kapaċitajiet tekniċi disponibbli sabiex tittieħed dik id-deċiżjoni. B’hekk, waqt li jkun qiegħed jitfassal att, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma humiex obbligati jieħdu pożizzjoni fuq kwistjonijiet li huma manifestament ta’ importanza sekondarja jew jantiċipaw oġġezzjonijiet li jistgħu jitqajmu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 167 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑6 ta’ Novembru 2012, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni, C‑551/10 P, EU:C:2012:681, punt 48).

151

Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punti 114 u 115 ta’ din is-sentenza, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni huma, bħala prinċipju, obbligati, skont il-prinċipju ta’ protezzjoni tas-sigriet kummerċjali, li huwa kkonkretizzat b’mod partikolari fl-Artikolu 339 TFUE kif ukoll fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 88(1) u fl-Artikolu 90(4) tar-Regolament SRM, moqrija fil-premessa 116 ta’ dan ir-regolament, li ma jiżvelawx informazzjoni kunfidenzjali koperta mir-rekwiżiti tas-sigriet professjonali.

152

Issa, skont il-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 120 ta’ din is-sentenza, il-motivazzjoni ta’ att li jkun jikkawża preġudizzju lil parti f’kawża, liema motivazzjoni hija bbażata fuq evalwazzjoni tal-pożizzjoni relattiva ta’ operaturi privati, tista’, sa ċertu punt, tkun limitata sabiex tiġi protetta informazzjoni dwar dawn l-operaturi u koperta mis-sigriet kummerċjali. Madankollu, l-obbligu li jiġi osservat is-sigriet kummerċjali ma jistax ixejjen l-obbligu ta’ motivazzjoni mis-sustanza tiegħu. Għalhekk, għalkemm tali att jista’, fir-rigward tal-obbligu li jiġi osservat is-sigriet kummerċjali, ikun motivat biżżejjed mingħajr ma jkun fih, b’mod partikolari, iċ-ċifri kollha li fuqhom ikun ibbażat ir-raġunament, il-motivazzjoni għandha xorta waħda turi b’mod ċar u inekwivoku dan ir-raġunament kif ukoll il-metodoloġija użata

i) Fuq il‑motivazzjoni tal‑iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża

153

Fl-ewwel lok, l-appellanti jsostnu li l-motivazzjoni relatata mal-kundizzjonijiet ta’ riżoluzzjoni previsti fl-Artikolu 18(1)(a) u (b) tar-Regolament SRM ma hijiex suffiċjenti.

154

Fir-rigward tal-kundizzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(a) ta’ dan ir-regolament, il-kritika fformulata fir-rigward tal-punt 543 tas-sentenza appellata hija bbażata fuq il-premessa li s-SRB kellu jeżamina jekk kinux jeżistu soluzzjonijiet vijabbli oħra, qabel ma jikkonkludi li teżisti sitwazzjoni ta’ falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular.

155

Madankollu, tali rekwiżit ma jirriżultax mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(a) u (4)(c) tar-Regolament SRM, li jipprovdi li l-entità għandha titqies li qiegħda tfalli jew li x’aktarx ser tfalli jekk din ma tkunx f’pożizzjoni li tħallas id-djun tagħha jew impenji oħra fl-iskadenza, jew jekk ikunu jeżistu elementi oġġettivi li jippermettu li jiġi konkluż li dan ser iseħħ fil-futur qarib. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament, fil-punti 542 sa 544 tas-sentenza appellata, li l-indikazzjonijiet dwar il-fatt li s-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular kienet iddeterjorat li jinsabu fil-premessi 23 u 24 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, kienu jimmotivaw b’mod suffiċjenti fid-dritt l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ fir-rigward ta’ dan il-bank.

156

Fir-rigward tal-kundizzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament SRM, l-appellanti jsostnu li s-SRB sempliċement ikkonstata, mingħajr spjegazzjoni oħra, li soluzzjonijiet oħra ma jippermettux li jiġu rrimedjati l-problemi ta’ likwidità ta’ Banco Popular.

157

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument jirriżulta minn qari manifestament żbaljat tas-sentenza appellata, kif ukoll tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża. Fil-fatt, fil-punt 545 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 188 sa 192 ta’ dik is-sentenza, li minnhom jirriżulta li l-Artikolu 3 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża jesponi fid-dettall ir-raġunijiet li wasslu lis-SRB jikkonkludi li ma kienx hemm miżuri alternattivi li jippermettu li jiġu rrimedjati l-problemi ta’ likwidità ta’ Banco Popular.

158

Fir-rigward, f’dan il-kuntest, ta’ assistenza urġenti ta’ likwidità, mill-punt 153 tas-sentenza appellata jirriżulta li s-SRB kien ikkonstata, fil-premessa 26(c) tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, li tali assistenza ma kinitx disponibbli fil-mument tar-riżoluzzjoni. Issa, abbażi ta’ din il-konstatazzjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 556 u 557 tas-sentenza appellata, li s-SRB ma kienx obbligat jippreċiża r-raġunijiet relatati man-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ assistenza urġenti ta’ likwidità.

159

Fit-tieni lok, l-appellanti jikkontestaw il-motivazzjoni dwar id-determinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ tan-negozju bħala għodda ta’ riżoluzzjoni.

160

Fir-rigward tal-punt 545 tas-sentenza appellata, sa fejn l-appellanti jinvokaw il-fatt li s-SRB ma spjegax ir-raġunijiet li għalihom l-għodda ta’ bejgħ tan-negozju tqieset bħala għodda ta’ riżoluzzjoni, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali, għall-kuntrarju, iddeċidiet li l-Artikolu 5 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża kien jinkludi spjegazzjonijiet dwar l-għażla ta’ din l-għodda u dwar ir-raġunijiet għalfejn is-SRB kien qies li l-għodda l-oħra elenkati fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament SRM ma kinux jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet tar-riżoluzzjoni fl-istess miżura. Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, l-argument ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jintlaqa’.

161

Fir-rigward tal-proċedura ta’ bejgħ pubbliku ta’ Banco Popular, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 536 u 537 tas-sentenza appellata, li l-indikazzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 6(6) tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża kienu jippermettu li jinftiehem l-iżvolġiment ta’ din il-proċedura u li, fi tmiem din il-proċedura, kienet ġiet ippreżentata offerta waħda valida, liema offerta valida s-SRB kien qies prudenti li jaċċetta sabiex tiġi evitata insolvenza mhux ikkontrollata ta’ Banco Popular.

162

Fid-dawl ta’ dawn l-indikazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali qieset, ġustament, li s-SRB ma kienx obbligat jippreċiża r-raġunijiet li għalihom il-partijiet ikkonċernati kollha, bl-eċċezzjoni ta’ Banco Santander, kienu astjenew milli jippreżentaw offerta. Bl-istess mod, mill-punt 540 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-prezz tal-bejgħ ma kienx ġie ffissat mis-SRB, iżda kien ir-riżultat tal-proċedura ta’ bejgħ kompetittiv imwettqa mill-FROB u tal-prezz offrut minn Banco Santander.

163

Barra minn hekk, l-appellanti jsostnu, b’mod żbaljat, li s-SRB kellu jinkludi fl-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, raġuni partikolari li jispjega għalfejn il-FROB ma kienx ta terminu ġdid lil waħda mill-partijiet ikkonċernati. Fil-fatt, kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 540 tal-imsemmija sentenza, sa fejn din il-parti kkonċernata kienet informat lill-FROB, fis‑6 ta’ Ġunju 2017, bid-deċiżjoni tagħha li ma tippreżentax offerta, tali preċiżazzjoni ma kinitx neċessarja.

164

Fit-tielet u fl-aħħar lok, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża kellha tippreċiża wkoll li l-evalwatur indipendenti, ingaġġat għall-Valutazzjoni 2, kien jissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, il-Qorti Ġenerali qieset, ġustament, fil-punt 551 tas-sentenza appellata, li tali preċiżazzjoni ma kinitx neċessarja sabiex tinftiehem l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża.

165

Minn dan isegwi li l-ewwel ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE f’dak li jirrigwarda l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża għandu jiġi miċħud.

ii) Fuq il‑motivazzjoni tad‑Deċiżjoni 2017/1246

166

Fl-ewwel lok, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod żbaljat, fil-punti 576 u 577 tas-sentenza appellata, li d-Deċiżjoni 2017/1246, li permezz tagħha l-Kummissjoni sempliċement indikat il-qbil tagħha fir-rigward tal-kontenut tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, tosserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 296 TFUE minħabba t-terminu qasir ħafna li kellha l-Kummissjoni.

167

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-premessi 2 sa 5 tad-Deċiżjoni 2017/1246, isemmu l-motivi li wasslu lill-Kummissjoni għal din id-deċiżjoni. Wara li kkonstatat, essenzjalment, fil-premessi 2 u 3 tal-imsemmija deċiżjoni li, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fl-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, il-kundizzjonijiet kollha sabiex tinbeda proċedura ta’ riżoluzzjoni stabbiliti fl-ewwel subparagrafu Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM kienu ssodisfatti fir-rigward ta’ Banco Popular u li din l-iskema kienet tissuġġetta lil dan il-bank għal proċedura ta’ riżoluzzjoni u kienet tiddetermina l-applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ tan-negozju tiegħu, il-Kummissjoni ppreċiżat, fil-premessa 4 tal-istess deċiżjoni li hija kienet “taqbel mal-iskema ta’ riżoluzzjoni” u “[b]’mod partikulari […] mar-raġunijiet mogħtiija mill-SRB li minħabba fihom hi neċessarja r-riżoluzzjoni fl-interess pubbliku skont l-Artikolu 18(5) tar-Regolament [SRM]”. Il-Kummissjoni tikkonkludi minn dan, fil-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2017/1246, li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża kellha tiġi approvata, kif għamlet fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni.

168

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, permezz ta’ tali approvazzjoni, il-Kummissjoni hija meqjusa li qiegħda tadotta l-elementi u l-motivi inklużi f’din l-iskema, b’mod li hija għandha, jekk ikun il-każ, twieġeb għalihom quddiem il-qrati tal-Unjoni (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024,Il‑Kummissjoni vs SRB, C‑551/22 P, EU:C:2024:520, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li r-raġunijiet li wasslu lis-SRB jadotta din l-iskema jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni u, għaldaqstant, jistgħu jimmotivaw ukoll din l-approvazzjoni.

169

Għaldaqstant, ġustament, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 576 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ma tistax tintalab tipprovdi ġustifikazzjoni addizzjonali għall-approvazzjoni tagħha, peress li din il-ġustifikazzjoni tista’ tikkonsisti biss f’riproduzzjoni tal-elementi li diġà jinsabu fl-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 18(7) tar-Regolament SRM, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata twettaq it-tieni analiżi fir-rigward ta’ dik imwettqa mis-SRB, iżda biss li tapprova, jew le, id-deċiżjoni tiegħu.

170

Huwa wkoll mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, fil-punt 577 tas-sentenza appellata, it-terminu qasir ħafna li fih il-Kummissjoni kienet mitluba tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża. Kif tfakkar fil-punt 150 ta’ din is-sentenza, hija ġurisprudenza stabbilita li l-grad ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandu jkun proporzjonat mar-realtajiet prattiċi u tal-ħin u l-kapaċitajiet tekniċi disponibbli sabiex tittieħed dik id-deċiżjoni. Issa, iċ-ċirkustanzi li fihom l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża ġiet adottata u approvata, kienet ikkaratterizzata minn urġenza ċerta.

171

Dan ifisser li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet fil-punt 578 tas-sentenza appellata, li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni 2017/1246 kienet konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 296 TFUE.

172

Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li huwa b’mod żbaljat li, fil-punti 580 sa 583 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala wieħed ġdid, l-argument tagħhom ibbażat fuq ksur tal-prinċipji relatati mad-delega tas-setgħat stabbiliti fis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7). F’dan ir-rigward, huma jsostnu li, fil-punt 153 tar-rikors tagħhom fl-ewwel istanza, huma kienu diġà ressqu dan l-argument.

173

Madankollu, minn dan il-punt tar-rikors tagħhom fl-ewwel istanza jirriżulta li l-appellanti ma kinux invokaw ksur ta’ dawn il-prinċipji relatati mad-delega tas-setgħat, iżda sempliċement sostnew li l-Kummissjoni kienet naqset milli timmotiva l-kontroll li hija kienet eżerċitat fuq l-aspetti diskrezzjonali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża.

174

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi, meta qieset li l-imsemmi argument kien ġdid. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

175

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, is-sitt parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

C. Fuq l‑ewwel parti tal‑ewwel aggravju, ibbażata fuq ksur tal‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 18(1)(a) tar‑Regolament SRM

176

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jinvokaw ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament SRM. Din il-parti tinqasam fi tliet ilmenti.

1.   L‑argumenti tal‑partijiet

177

Fl-ewwel lok, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 133 u 145 tas-sentenza appellata, li l-kriżi ta’ likwidità li biha kienet affaċjata Banco Popular kienet tikkostitwixxi ċirkustanza suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni ta’ dan il-bank, mingħajr ma kellha tivverifika minn qabel jekk il-falliment tiegħu setax jiġi evitat permezz ta’ assistenza urġenti ta’ likwidità.

178

Kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 152, 158 u 165 ta’ din is-sentenza, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(a) u (4)(c) tar-Regolament SRM, moqri flimkien mal-punt 20 tal-Linji gwida tal-EBA tas‑6 ta’ Awwissu 2015 dwar l-interpretazzjoni tas-sitwazzjonijiet differenti li fihom il-falliment ta’ istituzzjoni jitqies li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ skont l-Artikolu 32(6) tad-Direttiva 2014/59/UE (EBA/GL/2015/07), u mal-Artikolu 41 tal-Karta, jirriżulta li assistenza urġenti ta’ likwidità għandha tingħata bi prijorità mal-konstatazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ. Minn April 2017, is-SRB kien għalhekk obbligat jippromwovi l-għoti ta’ assistenza urġenti ta’ likwidità mill-Bank ta’ Spanja jew mill-BĊE.

179

Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod żbaljat, fil-punti 163 sa 169 tas-sentenza appellata, li l-allegat ksur tal-obbligi ta’ kunfidenzjalità mis-SRB qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament SRM. Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali kellha tivverifika l-mod kif kienet tiżviluppa s-sitwazzjoni fl-assenza ta’ din l-irregolarità. Sussegwentement, is-sentenza appellata tinkludi kontradizzjoni ta’ motivi billi tindika, minn naħa, li l-att ikkontestat għandu jiġi annullat jekk jiġi stabbilit li l-irregolarità kellha effett suffiċjenti, filwaqt li tiddeċiedi, min-naħa l-oħra, li l-motivi li wasslu għar-riżoluzzjoni ma humiex rilevanti f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, fil-punti 168 u 169 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, b’mod żbaljat, li l-prinċipju nemo auditur propiam turpitudinem allegans ma kienx applikabbli, minħabba li s-SRB u l-Kummissjoni ma kinux ibbenefikaw mill-aġir illegali tagħhom. Fil-fehma tagħhom, il-vantaġġ tas-SRB kien jinsab, f’dan il-każ, fil-fatt li d-dikjarazzjonijiet tal-Presidenta tiegħu u l-iżvelar ta’ informazzjoni ġew injorati u għaddew inosservati. Fl-aħħar nett, il-premessa 116 tar-Regolament SRM tistabbilixxi preżunzjoni konfutabbli li l-ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità jikkostitwixxi l-kawża tal-falliment.

180

Fit-tielet lok, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 173 sa 176 tas-sentenza appellata, minħabba l-allegat ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità, is-SRB u l-Kummissjoni kienu obbligati, skont l-Artikolu 41 tal-Karta, jaġixxu sabiex jevitaw id-dannu kkawżat minn dan il-ksur tad-dmir ta’ kunfidenzjalità u, għaldaqstant, jivverifikaw il-possibbiltà li tingħata suffiċjentement kmieni assistenza urġenti ta’ likwidità jew li jipproponu soluzzjonijiet oħra inqas intrużivi.

181

Banco Santander issostni li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija inammissibbli, minħabba li l-appellanti sempliċement jirrepetu jew jirriproduċu kelma b’kelma l-motivi u l-argumenti li huma ppreżentaw quddiem il-Qorti Ġenerali. Is-SRB iżid li, fir-rigward tal-vantaġġ meħtieġ għall-applikazzjoni tal-prinċipju nemo auditur propiam turpitudinem allegans, l-appellanti ressqu argument ġdid. Fi kwalunkwe każ, din l-ewwel parti hija infondata.

182

Il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja jsostnu li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija infondata.

2.   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

a)   Fuq l‑ammissibbiltà

183

Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq repetizzjoni tal-argumenti mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jfittxu li jikkontestaw l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament SRM, filwaqt li jippreċiżaw il-punti kkritikati tas-sentenza appellata u l-argumenti li fuqhom hija bbażata l-kritika tagħhom. Għalhekk, l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli fl-intier tagħha.

184

Sa fejn is-SRB isostni li l-appellanti jressqu argument ġdid fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju nemo auditur propiam turpitudinem allegans, sa fejn dawn jippreċiżaw dak li jikkostitwixxi, fil-fehma tagħhom, il-vantaġġ li minnu allegatament ibbenefikaw is-SRB u l-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fl-appell tagħhom, l-appellanti ressqu, essenzjalment, l-istess argument bħal fir-rikors u fir-replika fl-ewwel istanza.

185

Għaldaqstant, l‑ewwel parti tal‑ewwel aggravju hija ammissibbli.

b)   Fuq il‑mertu

186

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-kawżi tal-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular huma rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża fid-dawl tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament SRM. Huma jsostnu li mill-punti 133, 145, 152, 158, 163 sa 169 kif ukoll 173 sa 176 tas-sentenza appellata jirriżulta li s-SRB kiser kemm l-obbligu tiegħu ta’ kunfidenzjalità kif ukoll l-obbligu tiegħu li jfittex li jevita falliment, b’mod partikolari billi jippromwovi l-provvista ta’ assistenza urġenti ta’ likwidità lil Banco Popular.

187

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM jissuġġettaw rispettivament l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni għal tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, l-ewwel nett, il-falliment tal-entità kkonċernata li jkun qiegħed iseħħ jew ikun x’aktarx ser iseħħ, it-tieni nett, li, fid-dawl tal-perijodi ta’ żmien stipulati u ta’ ċirkustanzi rilevanti oħra, ma jkun hemm ebda prospett raġonevoli li miżuri oħra mis-settur privat, meħuda fir-rigward tal-entità, jevitaw il-falliment tagħha f’perijodu ta’ żmien raġonevoli u, it-tielet nett, li azzjoni ta’ riżoluzzjoni tkun neċessarja fl-interess pubbliku.

188

L-ewwel parti tal-ewwel aggravju tirrigwarda biss l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, jiġifieri li l-entità kkonċernata tkun f’sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew x’aktarx ser iseħħ. Fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament SRM jippreċiża li l-falliment ta’ entità huwa meqjus li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ jekk din ma tkunx f’pożizzjoni li tħallas id-djun tagħha jew impenji oħra mal-iskadenza, jew ikunu jeżistu elementi oġġettivi li jippermettu li jiġi konkluż li dan ser iseħħ fil-futur qarib.

189

L-ewwel nett, mill-assenza ta’ kwalunkwe riferiment, fil-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(a) u (4)(c) tar-Regolament SRM għaċ-ċirkustanzi li jistgħu jikkostitwixxu l-kawża tas-sitwazzjoni ta’ falliment jista’ jiġi dedott li dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu li jiġi stabbilit il-falliment tal-entità kkonċernata, indipendentement minn tali ċirkustanzi eventwali.

190

Teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-kawżi jkun, barra minn hekk, inkompatibbli mal-għanijiet tar-Regolament SRM li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 58 tiegħu, huwa intiż li jżomm l-istabbiltà finanzjarja, li jiżgura l-kontinwità tas-servizzi finanzjarji essenzjali u li jipproteġi lid-depożitanti. Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi li jkunu kkawżaw il-falliment tal-bank ikkonċernat ma jistgħux iżommu lis-SRB milli jadotta azzjoni ta’ riżoluzzjoni, minkejja li l-kundizzjonijiet kollha previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament ikunu ssodisfatti sa fejn dan il-bank ikkonċernat ikun falla, ma jkun hemm ebda soluzzjoni alternattiva u, b’mod partikolari, riżoluzzjoni tkun fl-interess pubbliku.

191

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punti 163 sa 166 tas-sentenza appellata, li skema ta’ riżoluzzjoni tiġi adottata b’mod validu meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament SRM ikunu ssodisfatti, irrispettivament mill-motivi li wasslu lill-entità inkwistjoni għal sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ.

192

Minn dan isegwi wkoll li l-Qorti Ġenerali setgħet tqis, mingħajr ma tikkontradixxi lilha nnifisha, li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża kienet tiġi adottata anki li kieku kien ġie stabbilit li s-sitwazzjoni ta’ falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ kienet ġiet ikkawżata mill-allegat ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità. Barra minn hekk, minn dan jirriżulta li l-argument tal-appellanti bbażat fuq l-allegat ksur mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipju nemo auditur propiam turpitudinem allegans għandu, anki jekk jista’ jitqies li s-SRB kiseb jew ipprova jikseb “vantaġġ”, fis-sens ta’ dan il-prinċipju, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

193

It-tieni nett, il-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(a) u (4)(c) tar-Regolament SRM lanqas ma jagħmlu riferiment għall-eżistenza jew le ta’ soluzzjonijiet alternattivi għar-riżoluzzjoni.

194

Kif irrilevat, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali fil-punti 133, 145 u 147 tas-sentenza appellata, sabiex tikkonkludi li kien hemm sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(a) ta’ dan ir-regolament, huwa suffiċjenti li s-SRB u l-Kummissjoni jikkonstataw l-eżistenza ta’ kriżi ta’ likwidata, kif prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(4)(c) tal-imsemmi regolament. Għall-kuntrarju, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 189 sa 191 ta’ din is-sentenza, is-sempliċi fatt li falliment seta’ possibbilment ġie evitat fil-passat ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tipprekludi lis-SRB u lill-Kummissjoni milli jikkonstataw l-eżistenza ta’ tali sitwazzjoni.

195

Fir-rigward, barra minn hekk, tal-allegat obbligu impost fuqhom, fil-mument meta huma jipprevedu l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-entità kkonċernata, li jivverifikaw jekk ikunux jeżistu soluzzjonijiet alternattivi għat-teħid ta’ tali azzjoni sabiex il-falliment jiġi evitat, mill-kliem stess tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament SRM jirriżulta li tali evalwazzjoni taqa’ taħt it-tieni kundizzjoni li għaliha hija suġġetta l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, l-eżistenza eventwali ta’ soluzzjonijiet alternattivi ma tistax tqiegħed f’dubju l-legalità ta’ tali skema fid-dawl tal-ewwel kundizzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-punt (a) ta’ dan l-Artikolu 18(1).

196

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ibbażat fuq l-allegat obbligu, abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(a) u (4)(c), tal-Kummissjoni u tas-SRB li jeżaminaw jekk kinux jeżistu soluzzjonijiet alternattivi għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża u, permezz tal-estensjoni ta’ tali obbligu, jippromwovu l-għoti ta’ assistenza urġenti ta’ likwidità lil Banco Popular, huwa infondat.

197

Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija infondata.

D. Fuq it‑tieni parti tal‑ewwel aggravju, ibbażata fuq ksur tal‑ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(b) tar‑Regolament SRM

198

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jikkritikaw l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 180 sa 229 tas-sentenza appellata, dwar it-tieni kundizzjoni li għaliha hija suġġetta l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament SRM.

1.   L‑argumenti tal‑partijiet

199

Fl-ewwel lok, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha sa fejn iddikjarat fil-punti 182 sa 184 tas-sentenza appellata, li l-argumenti tagħhom dwar l-għoti ta’ assistenza urġenti ta’ likwidata addizzjonali lil Banco Popular kienu bbażati fuq sempliċi konġetturi jew kienu jikkostitwixxu sempliċi suppożizzjonijiet. Skont l-appellanti, li kieku l-assistenza urġenti ta’ likwidata addizzjonali ekwivalenti għal EUR 6 biljun, kienet tħallset lil Banco Popular, din tal-aħħar kienet setgħet tkompli bl-attivitajiet tagħha tal-inqas sal‑21 ta’ Ġunju 2017.

200

Fit-tieni lok, is-sentenza appellata hija vvizzjata minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni sa fejn, fil-punt 194 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali assumiet li ma kienx hemm biżżejjed żmien sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ likwidità permezz ta’ żieda fil-kapital. Fil-fatt, skont il-kalkoli interni ta’ Banco Popular, setgħet titwettaq żieda fil-kapital f’xahar wieħed u din kienet prevista qabel Ġunju 2017.

201

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil-punti 200 sa 203 tas-sentenza appellata, l-appellanti wrew li ż-żieda fil-kapital ta’ Banco Popular kienet fattibbli u ta’ natura li ssolvi l-problemi ta’ likwidità tagħha. F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali evalwat b’mod manifestament żbaljat u żnaturat il-kontenut ta’ ittra ltal-Barclays Bank tat‑3 ta’ Ġunju 2017 ta’ ittra tad-Deutsche Bank tal‑5 ta’ Ġunju 2017. Fil-fehma tagħhom, dawn l-ittri kienu juru li dawn iż-żewġ banek kienu fformulaw impenn reali sabiex titwettaq b’suċċess żieda fil-kapital. Huma jqisu li żieda fil-kapital kienet terġa’ tistabbilixxi l-fiduċja tal-azzjonisti f’Banco Popular u, minħabba f’hekk, kienet tnaqqas jew prattikament telimina l-ġbid tad-depożiti.

202

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi meta affermat, fil-punt 208 tas-sentenza appellata, li l-argumenti tal-appellanti dwar is-separazzjoni tal-attiv huma bbażati fuq sempliċi suppożizzjonijiet. Fil-fatt, l-appellanti stabbilixxew li Banco Popular kienet ilha taħdem għall-bejgħ ta’ assi immobbli li ma jrendux ta’ valur ta’ EUR 6 biljun fil-kuntest tal-proġett “Sunrise”. Barra minn hekk, wara r-riżoluzzjoni, diversi fondi ppreżentaw offerti għall-assi li ma jrendux fil-kuntest tal-proġett “Sunrise Ġdid”, li jindikaw l-eżistenza ta’ interess reali għal dawn l-assi.

203

Dan l-interess huwa kkorroborat minn offerti definittivi li Banco Popular irċeviet għal assi mhux strateġiċi. Fil-punt 211 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-allegazzjonijiet tagħhom fuq dan il-punt minħabba li dawn huma bbażati biss fuq artikli tal-istampa. Madankollu ma teżisti ebda bażi legali sabiex tiġi miċħuda prova minħabba li din tirriżulta minn artikli tal-istampa.

204

Fir-raba’ lok, l-appellanti jsostnu li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u tirriżulta minn evalwazzjoni sostanzjalment żbaljata tal-fatti, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 223 u 224 ta’ din is-sentenza, li bejgħ privat lil terz ma kienx jikkostitwixxi alternattiva għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża Fil-fatt, l-offerti msemmija fir-rikors fl-ewwel istanza kienu jindikaw li l-eventwali akkwist ta’ Banco Popular kien qajjem interess reali, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, il-bejgħ privat ma falliex fid‑29 ta’ Mejju 2017, iżda fis‑6 ta’ Ġunju 2017 sa fejn is-SRB eżiġa li l-persuni kkonċernati jippreżentaw offerti f’terminu ta’ sitt sigħat.

205

Fil-ħames lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-punt 229 tas-sentenza appellata, li l-għajnuna mill-Istat u l-użu tal-Fond jmorru kontra l-għanijiet tar-riżoluzzjoni u li s-SRB ma jistax jimponi fuq Stat Membru li jagħti għajnuna lil entità. Fil-fatt, din l-għajnuna hija espressament prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(4)(d)(iii) u (6)(c) u fl-Artikolu 19(1) u (3) tar-Regolament SRM. Barra minn hekk, minkejja li s-SRB ma jistax jimponi fuq l-Istati Membri li jagħtu għajnuna lil entità, mill-premessa 52 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li madankollu huwa effettivament kellu l-possibbiltà, li jipproponi l-għoti ta’ għajnuna jew li jippromwovi l-użu tal-Fond, li seta’ jsir b’mod konġunt ma’ kwalunkwe eventwali soluzzjoni oħra.

206

Il-Kummissjoni, is-SRB, ir-Renju ta’ Spanja u Banco Santander isostnu li dan l-argument huwa inammissibbli, sa fejn l-appellanti sempliċement jirrepetu jew jirriproduċu kelma b’kelma l-motivi u l-argumenti mressqa fir-rikors tagħhom fl-ewwel istanza, mingħajr ma jispjegaw kif il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

207

Fir-rigward tal-mertu, huma jqisu, essenzjalment, li l-argumenti mressqa insostenn tat-tieni parti tal-ewwel aggravju ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 182 sa 229 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-ħames miżuri alternattivi invokati mill-appellanti.

2.   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

208

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u/jew żnaturat provi meta ċaħdet, fil-punti 179 sa 229 tas-sentenza mogħtija, l-argument tagħhom li s-SRB kien kiser l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament SRM.

209

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti sostnew li, kuntrarjament għal dak li kien ikkonstata s-SRB fl-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, kienu jeżistu tal-inqas sitt miżuri vijabbli alternattivi għal azzjoni ta’ riżoluzzjoni. Permezz tal-ħames ilmenti invokati insostenn tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, huma jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar ħamsa minn dawn il-miżuri, jiġifieri, l-ewwel nett, assistenza urġenti ta’ likwidità supplimentari, it-tieni nett, żieda fil-kapital, it-tielet nett, separazzjoni tal-assi, ir-raba’ nett, bejgħ privat lil terz u, il-ħames nett, finanzjament mill-Fond jew l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, rispettivament.

210

Issa, fir-rigward tal-ewwel sar-raba’ lmenti invokati insostenn tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-argumenti miġbura fil-qosor fil-punti 199, 200 u 204 ta’ din is-sentenza, l-appellanti ma jippreċiżawx kif il-motivazzjoni li tinsab fil-punti 182 sa 184, 194, 223 u 224 tas-sentenza appellata ma tippermettix li jinftiehem ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, iżda jikkontestaw, fir-realtà, il-fondatezza ta’ dan ir-raġunament u jistiednu, għaldaqstant, lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid punti ta’ fatt li huma diġà invokaw quddiem il-Qorti Ġenerali.

211

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi u li hija għalhekk il-Qorti Ġenerali li għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti, kif ukoll il-provi. L-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju ta’ appell (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs European Food et, C‑638/19 P, EU:C:2022:50, punt 71 kif ukoll l-ġurisprudenza ċċitata).

212

Sa fejn l-appellanti jinvokaw żnaturament, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-argumenti miġbura fil-qosor fil-punti 201 u 202 ta’ din is-sentenza, huma jinvokaw tali lment biss fir-rigward tal-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 200 sa 203 u 208 tas-sentenza appellata. Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li, meta jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, appellant għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tiegħu, wasslu lil din tal-aħħar għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk, tali żnaturament għandu jkun evidenti mid-dokumenti fil-proċess, mingħajr ma jkun hemm ħtieġa li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, Il‑Kummissjoni vs Alencia Club de Fútbol, C‑211/20 P, EU:C:2022:862, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

213

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-punti 200 sa 203 u 208 tas-sentenza appellata, l-appellanti sempliċement jallegaw żnaturament billi jirreferu għal numru kbir ta’ dokumenti annessi mal-appell, mingħajr ma jippreċiżaw l-iżbalji ta’ analiżi li l-Qorti Ġenerali wettqet fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha. Barra minn hekk, fir-rigward tas-siltiet tad-dokumenti ċċitati fil-punti 200 sa 203 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li, mhux talli ma jurux żnaturament manifest, iżda talli jikkonfermaw għall-kuntrarju l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tan-nuqqas ta’ impenn sod tal-banek ikkonċernati. B’hekk jidher li l-appellanti jfittxu, essenzjalment, li jiksbu evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi mill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

214

Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument miġbur fil-qosor fil-punt 203 ta’ din is-sentenza, il-kritika fformulata fir-rigward tal-punt 211 tas-sentenza appellata tirriżulta minn qari manifestament żbaljat ta’ dan il-punt. Fil-fatt, minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali speċifikat għalfejn hija qieset li l-bejgħ tal-assi koperti minn dawn l-artikli tal-istampa ma kienx, fil-fehma tagħha, ta’ natura li jipprekludi l-falliment ta’ Banco Popular, mingħajr ma ddeċidiet b’dan il-mod li, bħala prinċipju, artikli tal-istampa ma setgħux jittieħdu inkonsiderazzjoni bħala provi.

215

Fir-rigward tal-ħames ilment li jirrigwarda l-punt 229 tas-sentenza appellata, l-appellanti jsostnu, minn naħa, li finanzjament mill-Fond kien ikun ikkostitwixxa miżura alternattiva fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament SRM. Madankollu, ma kienx fil-punt 229 tas-sentenza appellata, iżda fil-punt 227 tagħha, li l-Qorti Ġenerali ċaħdet tali argument, għar-raġuni, mhux ikkontestata mill-appellanti fil-kuntest tal-appell tagħhom, li, skont l-Artikolu 76(1)(b) ta’ dan ir-regolament, is-SRB seta’ jirrikorri biss għall-finanzjament mill-Fond fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 18(6)(c) u mill-Artikolu 19(3) tal-imsemmi regolament li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu tal-Fond fi skema ta’ riżoluzzjoni u jippreżupponu, għaldaqstant, li l-kundizzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(b) tkun issodisfatta. Għaldaqstant, finanzjament mill-Fond ma jistax jitqies bħala alternattiva għar-riżoluzzjoni fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex ivvizzjati minn żball ta’ liġi.

216

Min-naħa l-oħra, l-appellanti jsostnu li s-SRB seta’ “jipproponi” lir-Renju ta’ Spanja l-għoti lil Banco Popular ta’ għajnuna mill-Istat. Issa, tali argument ma jqiegħedx inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 228 tas-sentenza appellata, li tgħid li la s-SRB u lanqas il-Kummissjoni ma kienu f’pożizzjoni li jimponu fuq Stat Membru l-obbligu li jagħti għajnuna lil entità.

217

Barra minn hekk, kif iddeċidiet b’mod ġust il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 229 li jitqies, bħalma jagħmlu l-appellanti, li l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jikkostitwixxi “soluzzjoni alternattiva” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament SRM imur kontra l-għan tar-riżoluzzjoni msemmi fl-Artikolu 14(2)(c) ta’ dan ir-regolament, li jippreċiża li r-riżorsi tal-Istat għandhom jiġu protetti permezz ta’ tnaqqis massimu tal-użu ta’ għajnuna finanzjarja pubblika eċċezzjonali. Tali “soluzzjoni” tkun inkompatibbli wkoll maċ-ċirkustanza li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(4)(d) tal-imsemmi regolament, l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja pubblika eċċezzjonali għandu, bħala prinċipju, il-konsegwenza li l-entità kkonċernata titqies li tinsab f’sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx iseħħ.

218

Konsegwentement, il-ħames ilment tat-tieni parti tal-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

219

Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-ewwel aggravju hija, parzjalment inammissibbli, u parzjalment infondata.

E. Fuq it‑tielet parti tal‑ewwel aggravju, ibbażata fuq ksur tal‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 18(1)(c) tar‑Regolament SRM

220

Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti jinvokaw ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament SRM. Din għandha tinqasam fi tliet ilmenti.

1.   L‑argumenti tal‑partijiet

221

Fl-ewwel lok, l-appellanti jsostnu li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, fil-punti 243 sa 245 u 247 tas-sentenza appellata, l-interessi tal-azzjonisti u tal-kredituri għandhom jiġu bbilanċjati mal-interess pubbliku sabiex titnaqqas l-ispiża tar-riżoluzzjoni u sabiex tiġi evitata “distruzzjoni tal-valur” inutli, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament SRM. Huma jqisu li dan ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità jirriżulta kemm mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament SRM, jiġifieri mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament SRM, moqri flimkien mal-Artikolu 18(5), mal-Artikolu 6(3)(b), mal-Artikolu 14 u mal-Artikolu 15(2), tal-imsemmi regolament, moqrija fid-dawl tal-premessi 45 u 46 tiegħu, kif ukoll tal-Artikoli 17 u 52 tal-Karta u tal-Artikolu 1 tal-ewwel Protokoll Addizzjonali għall-KEDB.

222

Skont l-appellanti, l-ibbilanċjar hekk meħtieġ għandu mhux biss isir fir-rigward tax-xenarju ta’ stralċ, iżda wkoll fir-rigward ta’ soluzzjonijiet oħra. Issa, il-Qorti Ġenerali kisret dawn ir-rekwiżiti meta ddeċidiet li l-bejgħ ta’ Banco Popular kien l-aħjar soluzzjoni, mingħajr ma analizzat oħrajn.

223

Fit-tieni lok, huma jqisu li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod żbaljat, fil-punti 253 u 254 tas-sentenza appellata, li Banco Popular ma kinitx ġiet iddiskriminata meta mqabbla ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu Taljani li fir-rigward tagħhom, minn naħa, il-Kummissjoni kienet approvat l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat u, min-naħa l-oħra, is-SRB kien irrifjuta l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni. Kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali, fil-punti 253 u 254 tas-sentenza appellata, l-għoti ta’ tali għajnuna huwa rilevanti għall-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament SRM. Barra minn hekk, id-differenza fit-trattament ma tistax tiġi ġġustifikata minħabba, kuntrarjament għal Banco Popular, li l-imsemmija istituzzjonijiet ma kinux jeżerċitaw funzjonijiet kritiċi.

224

Fit-tielet lok, fil-punt 261 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, ċaħdet bħala tardiv u inammissibbli l-argument tagħhom ibbażat fuq in-natura sproporzjonata tal-proċedura ta’ bejgħ. Fil-fatt, fir-replika tagħhom fl-ewwel istanza, huma ġġustifikaw l-introduzzjoni ta’ dan l-argument permezz tal-pubblikazzjoni ta’ dokumentazzjoni ġdida dwar l-imsemmija proċedura wara l-preżentata tar-rikors promotur.

225

Il-Kummissjoni, is-SRB u Banco Santander isostnu li t-tielet parti tal-ewwel aggravju hija inammissibbli, minħabba li l-appellanti sempliċement jirrepetu jew jirriproduċu kelma b’kelma l-motivi u l-argumenti li huma ressqu quddiem il-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, din it-tielet parti hija infondata.

226

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li din il-parti hija infondata.

2.   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

227

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni, is-SRB u Banco Santander isostnu, li l-appellanti sempliċement jirrepetu l-argumenti diġà mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, permezz tat-tliet ilmenti ta’ din il-parti, l-appellanti jikkontestaw b’mod partikolari l-fondatezza tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament SRM kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, filwaqt li jippreċiżaw il-punti kkritikati tas-sentenza appellata kif ukoll l-argumenti li fuqhom hija bbażata.

228

Fir-rigward tal-mertu, l-appellanti jikkontestaw, fl-ewwel lok, il-punti 243 sa 245 u 247 tas-sentenza appellata. Huma jsostnu, essenzjalment, li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament SRM, is-SRB huwa obbligat jibbilanċja l-interessi tal-azzjonisti u tal-kredituri mal-interess pubbliku sabiex inaqqas l-ispiża tar-riżoluzzjoni u jevita distruzzjoni ta’ valur inutli. Skont l-appellanti, l-ibbilanċjar hekk meħtieġ għandu mhux biss isir fir-rigward tax-xenarju ta’ stralċ, iżda wkoll fir-rigward ta’ soluzzjonijiet oħra.

229

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

230

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament SRM jipprovdi li l-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni għandha tkun neċessarja fl-interess pubbliku, li huwa, konformement mal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, il-każ fejn din il-miżura tkun neċessarja sabiex jintlaħaq, permezz ta’ mezzi proporzjonati, għan wieħed jew iktar tar-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament. Mill-formulazzjoni ċara ta’ dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(c) jirriżulta li ma huwiex neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni soluzzjonijiet alternattivi għar-riżoluzzjoni u għall-istralċ tal-entità kkonċernata, u dan huwa kkorroborat mill-kuntest li tagħmel parti minnu din l-aħħar dispożizzjoni.

231

Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 187 ta’ din is-sentenza, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(a) sa (c) tar-Regolament SRM jissuġġetta l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni għal tliet kundizzjonijiet kumulattivi, li l-aħħar waħda minnhom tirrigwarda n-neċessità tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni fl-interess pubbliku, filwaqt li t-tieni waħda tirrigwarda, preċiżament, l-assenza ta’ soluzzjonijiet alternattivi għar-riżoluzzjoni u għall-istralċ. Għalhekk, huwa fil-kuntest tal-verifika tat-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(b) ta’ dan ir-regolament li għandu jiġi vverifikat jekk ikunux jeżistu soluzzjonijiet alternattivi għar-riżoluzzjoni u għall-istralċ.

232

Fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-azzjonisti u tal-kredituri, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-eżami tat-tielet kundizzjoni dwar l-interess pubbliku għandu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(c) u (5) tal-imsemmi regolament, jieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tar-riżoluzzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tiegħu, għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-protezzjoni tal-interessi tal-azzjonisti u tal-kredituri ma tinsabx fost dawn l-għanijiet, u lanqas, barra minn hekk, il-limitazzjoni tal-ispiża tar-riżoluzzjoni jew il-prevenzjoni ta’ distruzzjoni ta’ valur. Fil-fatt, għalkemm, skont it-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, is-SRB, il-Kunsill, il-Kummissjoni u, jekk ikun il-każ, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jieħdu inkonsiderazzjoni dawn iż-żewġ aspetti tal-aħħar sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-riżoluzzjoni, indikati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tal-istess regolament, dawn l-entitajiet ma humiex marbutin minn tali obbligu ta’ mezzi f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-interessi tal-azzjonisti u tal-kredituri.

233

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, ġustament, fil-punt 246 tas-sentenza appellata, li d-distruzzjoni tal-valur, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament SRM, tikkonċerna mhux biss l-interessi patrimonjali tal-azzjonisti u tad-detenturi tal-istrumenti kapitali tal-entità, iżda wkoll dawk tad-depożitanti tagħha, tal-impjegati tagħha u ta’ kredituri oħra tagħha. B’mod partikolari, mill-kliem stess ta’ din it-tieni subparagrafu jirriżulta li s-SRB u l-Kummissjoni għandhom biss jagħmlu ħilithom sabiex jimminimizzaw l-ispiża tar-riżoluzzjoni u sabiex jevitaw id-distruzzjoni tal-valur, sakemm it-twettiq tal-għanijiet tar-riżoluzzjoni ma jkunx jeżiġi dan.

234

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 243 tas-sentenza appellata, li l-applikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ riżoluzzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(c) ta’ dan ir-regolament ma teħtieġx li jiġi bbilanċjat, speċifikament, l-interess pubbliku li titwettaq riżoluzzjoni tal-entità kkonċernata mad-drittijiet tal-azzjonisti u tal-kredituri.

235

Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, in-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-interessi privati tal-azzjonisti u tal-kredituri lanqas ma hija meħtieġa fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament SRM imsemmija fil-punt 221 ta’ din is-sentenza, u lanqas fid-dawl tal-Artikolu 17 tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

236

Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li għan ta’ interess ġenerali ma jistax jintlaħaq mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan għandu jiġi rrikkonċiljat mad-drittijiet fundamentali affettwati mill-azzjoni ta’ riżoluzzjoni, u dan billi titwettaq ponderazzjoni bbilanċjata bejn, minn naħa, l-għan ta’ interess ġenerali u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et, C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑23 ta’ Marzu 2023, Generalstaatsanwaltschaft Bamberg (Eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ ne bis in idem), C‑365/21, EU:C:2023:236, punt 59). Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 233 ta’ din is-sentenza, id-drittijiet tal-azzjonisti u tal-kredituri ma humiex l-uniċi drittijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tar-riżoluzzjoni

237

Konsegwentement, l-ewwel ilment invokat insostenn tat-tielet parti tal-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

238

Fir-rigward tat-tieni lment ibbażat fuq allegata diskriminazzjoni ta’ Banco Popular meta mqabbla ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu Taljani, li bbenefikaw minn għajnuna mill-Istat għalkemm ma kinux iwettqu funzjonijiet kritiċi, mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 230 u 231 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-eżistenza ta’ eventwali soluzzjonijiet alternattivi hija irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-kundizzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament SRM, iżda jaqgħu taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(b). Għalhekk, huwa ġustament li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 253 tas-sentenza appellata, li l-allegazzjonijiet dwar soluzzjonijiet alternattivi ma kellhom ebda rabta mal-osservanza tal-kriterju tal-interess pubbliku.

239

Min-naħa l-oħra, sa fejn l-appellanti jsostnu li d-diskriminazzjoni ta’ Banco Popular meta mqabbla ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu Taljani ma tistax tiġi ġġustifikata mill-fatt li dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu ma kinux jeżerċitaw funzjonijiet kritiċi, l-argument tagħhom huwa bbażat fuq qari manifestament żbaljat tal-punt 254 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu f’dan il-punt, is-SRB mhux biss ibbaża ruħu fuq l-assenza ta’ funzjonijiet kritiċi tal-imsemmija istituzzjonijiet ta’ kreditu, iżda wkoll fuq il-kunsiderazzjoni li l-istralċ tagħhom ma jkollux effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja. Għalhekk jidher li s-SRB ibbaża ruħu preċiżament fuq il-kriterju previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1)(c) u (5) tar-Regolament SRM, li huwa ta’ natura li jiġġustifika differenza fit-trattament.

240

Permezz tat-tielet ilment tagħhom, l-appellanti jsostnu li, fil-punt 261 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat bħala tardiv, l-argument tagħhom ibbażat fuq in-natura sproporzjonata tal-proċedura ta’ bejgħ, filwaqt li, fir-replika tagħhom fl-ewwel istanza, huma kienu ġġustifikaw it-tressiq tiegħu permezz tal-pubblikazzjoni ta’ dokumentazzjoni ġdida dwar din il-proċedura.

241

F’dan ir-rigward, minn qari flimkien tal-punti 1, 47 u 48 ta’ din ir-replika jirriżulta, ċertament, li l-argument tal-appellanti bbażat fuq irregolarità tal-proċedura ta’ bejgħ kien ibbażat, parzjalment, fuq dokumenti li ma kinux disponibbli meta ġie ppreżentat ir-rikors fl-ewwel istanza.

242

Madankollu, dan il-fatt ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi, fih innifsu, li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat, fil-punt 261 tas-sentenza appellata, li l-appellanti kienu baqgħu ma stabbilixxewx għal liema raġuni huma ma kinux ikkontestaw ir-regolarità tal-proċedura ta’ bejgħ fir-rikors promotur tagħhom.

243

Fil-fatt, sa fejn l-imsemmi argument kien ibbażat ukoll fuq dokumenti disponibbli meta ġie ppreżentat dan ir-rikors, kienu l-appellanti li kellhom jistabbilixxu r-raġuni għalfejn il-fatt li ma kellhomx għad-dispożizzjoni tagħhom dawn id-dokumenti ppubblikati sussegwentement kien ipprekludihom milli jikkontestaw, sa minn dan il-mument, l-imsemmija regolarità, filwaqt li setgħu jamplifikaw dan l-argument tagħhom sussegwentement permezz ta’ dawn id-dokumenti tal-aħħar.

244

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fl-istadju ta’ dan l-appell, l-appellanti lanqas ma jipproduċu tali prova.

245

Minn dan isegwi li t-tielet ilment tat-tielet parti tal-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat u, għaldaqstant, din il-parti għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

F. Fuq l‑ewwel sar‑raba’ parti tat‑tieni aggravju bbażati fuq ksur tal‑Artikolu 20 tar‑Regolament SRM

246

Permezz tal-ewwel sar-raba’ parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jinvokaw żbalji ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 20 tar-Regolament SRM fir-rigward tal-Valutazzjonijiet 1 u 2.

247

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament SRM, is-SRB għandu jiżgura li titwettaq valutazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-attiv u tal-passiv tal-entità kkonċernata minn persuna indipendenti, qabel ma jiddeċiedi dwar azzjoni ta’ riżoluzzjoni jew l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni jew ta’ konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilevanti.

248

Fir-rigward ta’ din il-valutazzjoni, il-paragrafi 2, 3, 10 u 11 ta’ dan l-Artikolu 20 jagħmlu distinzjoni bejn valutazzjonijiet definittivi, jiġifieri dawk li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha stabbiliti fil-paragrafi 1 u 4 sa 9 tiegħu, u valutazzjonijiet provviżorji li ma josservawx dawn ir-rekwiżiti kollha. Madankollu, skont l-Artikolu 20(13) tar-Regolament SRM, valutazzjoni provviżorja, imwettqa konformement mal-Artikolu 20(10) u (11) ta’ dan ir-regolament, tikkostitwixxi bażi valida sabiex is-SRB jiddeċiedi dwar azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni jew dwar l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni jew ta’ konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilevanti.

249

F’dan il-każ, il-Valutazzjonijiet 1 u 2 ġew adottati bħala valutazzjonijiet provviżorji. Il-Valutazzjoni 1, adottata fil‑5 ta’ Ġunju 2017, mis-SRB skont l-Artikolu 20(5)(a) ta’ dan ir-regolament, kellha l-għan li tipprovdi lil dan l-organu l-elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni, previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tal-imsemmi regolament.

250

Fis‑6 ta’ Ġunju 2017, Deloitte bagħtet lis-SRB il-Valutazzjoni 2. Din il-valutazzjoni kellha bħala għan it-twettiq tal-evalwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 20(4), (5)(f) u (9) ta’ dan ir-regolament.

251

Fl-istess jum, il-BĊE wettaq, wara konsultazzjoni mas-SRB, evalwazzjoni dwar l-ewwel kundizzjoni għal riżoluzzjoni relatata mas-sitwazzjoni ta’ falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ ta’ Banco Popular, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tal-imsemmi regolament.

252

Permezz tal-ewwel sat-tielet parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Valutazzjonijiet 1 u 2 ma josservawx ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 20(1), (4), (5), (7) u (9) tar-Regolament SRM, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. Permezz tar-raba’ parti ta’ dan l-aggravju li hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 20(10) u (11) ta’ dan ir-regolament, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li valutazzjonijiet provviżorji jistgħu jikkostitwixxu bażi valida għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni biss jekk jiġu segwiti minn valutazzjoni definittiva ex post.

1.   Fuq l‑ewwel parti tat‑tieni aggravju

253

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, il-Valutazzjonijiet 1 u 2 ma kinux josservaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament SRM.

a)   L‑argumenti tal‑partijiet

254

Permezz tal-ewwel ilment, l-appellanti jsostnu li, fid-dawl tar-riżervi espressi fil-Valutazzjonijiet 1 u 2, dawn ma jistgħux jitqiesu li huma realistiċi, prudenti u ġusti. Fir-rigward tal-Valutazzjoni 1, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat, fil-punti 347 u 294 tas-sentenza appellata, li l-evalwazzjoni tal-BĊE dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ ta’ Banco Popular kienet invalidat din il-valutazzjoni. Fil-fatt, is-SRB ma jistax jiddelega l-imsemmija valutazzjoni lill-BĊE. Fir-rigward tal-Valutazzjoni 2, huma jinvokaw kontradizzjoni bejn, minn naħa, it-tfakkira magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 353 ta’ din is-sentenza li tipprovdi li l-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq ipoteżijiet ġusti, prudenti u realistiċi, u, min-naħa l-oħra, il-konklużjoni tagħha, fil-punt 357 tagħha, li dawn ir-rekwiżiti kienu ssodisfatti minkejja r-riżervi espressi minn Deloitte.

255

It-tieni lment huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament SRM, moqri fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 8 tal-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji. Kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 359 u 360 tas-sentenza appellata, minn dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament SRM jirriżulta li, anki fil-każ tal-valutazzjonijiet provviżorji, l-evalwazzjoni għandha tirrigwarda l-elementi kollha tal-attiv u tal-passiv tal-entità kkonċernata.

256

Permezz tat-tielet ilment tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat, fil-punt 392 ta’ din is-sentenza, li l-evalwazzjoni fil-Valutazzjoni 2 ta’ ċertu attiv ma kinitx tikkostitwixxi sottovalutazzjoni kuntrarja għall-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament. Fir-rigward tas-self u tal-krediti msemmija fil-punti 370 u 371 tal-imsemmija sentenza, huma jsostnu li l-Artikolu 8 tal-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji japplika biss għal attivi li jeħtieġu attenzjoni partikolari matul il-valutazzjoni. Fir-rigward tal-punti 378 u 379 tal-istess sentenza, l-appellanti jsostnu li d-differenza fil-valur tal-assi tat-taxxa kkunsidrat, minn naħa, fil-Valutazzjoni 2 u, min-naħa l-oħra, fil-kalkoli ta’ Banco Santander wara r-riżoluzzjoni, ma tistax tiġi ġġustifikata mill-bażijiet taxxabbli negattivi. Fil-punti 386 u 387 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, allegatament qieset, b’mod żbaljat, li l-għoti ta’ valur żero lin-negozju kien iġġustifikat, peress li Banco Popular kompliet bl-attivitajiet tagħha bħala entità distinta minn Banco Santander sal‑4 ta’ Ottubru 2018. Barra minn hekk, fir-rigward tal-effett tal-prestazzjoni dgħajfa ta’ Banco Popular fuq il-valur tal-assi intanġibbli, il-motivazzjoni tas-sentenza appellata huwa purament spekulattiv.

257

Permezz tar-raba’ lment tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-firxa wiesgħa ta’ valuri inklużi minn Deloitte fil-Valutazzjoni 2 hija imprudenti, inġusta u mhux realistika. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali allegatament irrilevat, b’mod żbaljat, fil-punt 396 tas-sentenza appellata, li l-appellanti kienu kkontestaw il-kredibbiltà ta’ din il-firxa mingħajr ma ressqu ebda argument speċifiku. Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 2(3) tal-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji jippermetti li tiġi ppreżentata l-valutazzjoni fil-forma ta’ firxiet ta’ valur, il-firxa wiesgħa ta’ valuri ta’ Deloitte ma tistax tissodisfa l-kriterju ta’ valutazzjoni prudenti, ġusta u realistika.

258

Permezz tal-ħames ilment tagħhom, l-appellanti jsostnu li, fil-punti 404 sa 409 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, b’mod żbaljat, l-argumenti tagħhom li jikkontestaw il-kalkolu tal-valur tal-attiv nett fil-Valutazzjonijiet 1 u 2 kif ukoll fl-evalwazzjoni tal-BĊE dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ ta’ Banco Popular. Sa fejn dawn iż-żewġ valutazzjonijiet stmaw lil Banco Popular, dawn huma paragunabbli, indipendentement mid-differenza tal-għanijiet u tal-bażijiet legali tagħhom. Barra minn hekk, għar-raġunijiet invokati fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħhom, miġbura fil-qosor fil-punt 254 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-Valutazzjoni 1 kienet ġiet invalidata minħabba din l-evalwazzjoni tal-BĊE. Fir-rigward tal-kontradizzjonijiet bejn il-Valutazzjoni 2 u l-imsemmija evalwazzjoni tal-BĊE, huwa irrilevanti jekk jintużax valur ekonomiku jew kontabbli, peress li l-Valutazzjoni 2 tinkludi kalkoli relatati mal-assi li ma jrendux li huma kontradditorji għal dawk inklużi fl-evalwazzjoni tal-BĊE dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ ta’ Banco Popular. Fi kwalunkwe każ, il-valur negattiv użat fil-Valutazzjoni 2 kien ifisser li Banco Popular kienet insolventi, fatt li jikkontradixxi manifestament l-evalwazzjoni tal-BĊE.

259

Skont il-Kummissjoni u Banco Santander, l-ewwel parti tat-tieni aggravju hija inammissibbli sa fejn l-appellanti sempliċement jirriproduċu l-argumenti li huma diġà ressqu quddiem il-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, din l-ewwel parti hija infondata.

260

Is-SRB u ir-Renju ta’ Spanja isostnu li din il-parti hija infondata.

b)   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

261

Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni u Banco Santander, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-appellanti għandhom l-intenzjoni, essenzjalment, li jikkontestaw l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament SRM. Barra minn hekk, l-appell jinkludi indikazzjonijiet preċiżi fir-rigward tal-punti kkritikati tas-sentenza appellata kif ukoll l-argumenti li fuqhom hija bbażata l-kritika tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli.

262

Fir-rigward tal-mertu, l-appellanti jinvokaw ħames ilmenti insostenn tal-ewwel parti tat-tieni aggravju.

1) Fuq l‑ewwel ilment

263

Permezz tal-ewwel ilment, l-appellanti jikkritikaw il-punti 347 u 357 tas-sentenza appellata, minħabba li r-riżervi espressi fil-Valutazzjonijiet 1 u 2, fir-rigward tal-affidabbiltà u tan-natura suffiċjenti tal-informazzjoni vverifikata kif ukoll tal-eżattezza tar-riżultati espressi, kienu ta’ natura li jikkontestaw in-natura ġusta, prudenti u realistika ta’ dawn l-evalwazzjonijiet.

264

Fir-rigward tal-Valutazzjoni 1, mill-punti 296 u 347 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset li dan l-argument kien ineffettiv, sa fejn din il-valutazzjoni kienet ġiet invalidata bl-evalwazzjoni tal-BĊE dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ ta’ Banco Popular. Għalkemm l-appellanti jsostnu li s-SRB ma jistax “jiddelega” din il-valutazzjoni lill-BĊE, huma jinjoraw li, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament SRM jagħti kompetenza prijoritarja lill-BĊE sabiex iwettaq din l-evalwazzjoni, fid-dawl tal-għarfien espert li huwa għandu bħala awtorità superviżorja. Fil-fatt, billi għandu aċċess, f’din il-kapaċità, għall-informazzjoni prudenzjali kollha dwar l-entità kkonċernata, il-BĊE jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiddetermina, fid-dawl tad-definizzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ li tinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(4) ta’ dan ir-regolament, li tirreferi, b’mod partikolari, għal elementi marbuta mas-sitwazzjoni prudenzjali, bħalma huma l-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni, l-ammont ta’ attiv meta mqabbel mal-ammont tal-passiv jew dejn attwali jew futur, jekk dik il-kundizzjoni hijiex issodisfatta (sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE,C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 62). F’dan il-każ, għandu jingħad ukoll li l-evalwazzjoni tal-BĊE dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ ta’ Banco Popular kienet ibbażata wkoll fuq data iktar reċenti mill-Valutazzjoni 1.

265

Minn dan jirriżulta li huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 294 sa 296 u 347 ta’ din is-sentenza appellata, li l-evalwazzjoni tal-BĊE dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ ta’ Banco Popular kienet invalidat il-Valutazzjoni 1, dwar din l-istess sitwazzjoni.

266

Fir-rigward tal-Valutazzjoni 2, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tal-appellanti huwa bbażat fuq qari manifestament żbaljat tal-punt 353 tas-sentenza appellata. Kuntrarjament għal dak li jsostnu, il-Qorti Ġenerali ma llimitatx ruħha li tirrileva li l-valutazzjoni tal-entità kkonċernata kellha tkun ibbażata fuq ipoteżijiet ġusti, prudenti u realistiċi, iżda enfasizzat li l-evalwatur kellu wkoll jieħu inkunsiderazzjoni diversi fatturi u ċirkustanzi. Issa, skont il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali, li jinsabu fil-punt 356 ta’ din is-sentenza, il-Valutazzjoni 2 kienet ibbażata fuq ipoteżijiet u kienet ħadet inkunsiderazzjoni diversi fatturi, filwaqt li kienet ibbażata fuq stimi u evalwazzjonijiet prospettivi. Barra minn hekk, hija ġustament irrilevat, fil-punt 357 tal-imsemmija sentenza li, fid-dawl ukoll tal-limiti taż-żmien u tal-informazzjoni disponibbli, ċerti inċertezzi u approssimazzjonijiet huma inerenti għal kull valutazzjoni provviżorja mwettqa skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament SRM.

267

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, fil-punt 357 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, ġustament u mingħajr ma kkontradixxiet il-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 353 tagħha, li r-riżervi fformulati minn Deloitte ma setgħux jikkontestaw in-natura ġusta, prudenti u realistika tal-Valutazzjoni 2.

268

Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġu miċħud bħala infondat.

2) Fuq it‑tieni lment

269

L-appellanti jsostnu li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 359 u 360 tas-sentenza appellata, mill-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament SRM kif ukoll mill-Artikolu 8 tal-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji jirriżulta li anki valutazzjonijiet provviżorji għandhom jinkludu evalwazzjoni tal-elementi tal-attiv u tal-passiv kollha, mingħajr ma jistgħu jiffokaw fuq uħud minn dawn l-elementi.

270

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-valutazzjoni tal-attiv u tal-passiv għandha tkun “ġusta, prudenti u realistika”, mingħajr madankollu ma teżiġi determinazzjoni eżawrjenti tal-elementi tal-attiv u tal-passiv kollha. Tali rekwiżit lanqas ma jirriżulta mill-Artikolu 20(4) tal-imsemmi regolament li sempliċement jindika li l-valutazzjoni għandha l-“objettiv tal-valwazzjoni [tal-] valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet”.

271

Issa, kif huwa ppreċiżat fit-tieni sentenza tal-Artikolu 20(10) tar-Regolament SRM, għalkemm, f’sitwazzjoni ta’ emerġenza, il-valutazzjoni provviżorja għandha tinkludi stima tal-attiv u tal-passiv, hija għandha tosserva r-rekwiżit dwar in-natura ġusta, prudenti u realistika biss sa fejn dan ikun raġonevolment possibbli fid-dawl taċ-ċirkustanzi. Fil-fatt, determinazzjoni eżawrjenti tal-elementi kollha tal-attiv u tal-passiv tista’ tirriżulta impossibbli f’sitwazzjoni ta’ emerġenza, bħalma hija dik li tikkaratterizza l-adozzjoni ta’ valutazzjonijiet provviżorji.

272

Bl-istess mod, l-Artikolu 8 tal-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji jipprevedi li l-evalwatur għandu jagħti attenzjoni partikolari lill-elementi li fir-rigward tagħhom teżisti inċertezza sinjifikattiva f’dak li jirrigwarda l-valutazzjoni u li għandhom effett sinjifikattiv fuq il-valutazzjoni globali.

273

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, ġustament, fil-punti 359 u 360 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tal-perijodu qasir ta’ żmien disponibbli, Deloitte setgħet tagħti prijorità stretta lill-eżami tal-informazzjoni disponibbli, billi tiffoka biss fuq l-elementi ewlenin tal-attiv u l-passiv ta’ Banco Popular li l-valur tagħhom kien inċert ħafna.

274

Minn dan isegwi li t-tieni lment għandu jiġi miċħud.

3) Fuq it‑tielet ilment

275

F’dak li jirrigwarda t-tielet ilment, għandu jitfakkar li, sa fejn is-SRB u l-Kummissjoni jintalbu jagħmlu għażliet ta’ natura teknika u jwettqu previżjonijiet u evalwazzjonijiet kumplessi meta jadottaw skema ta’ riżoluzzjoni, dawn għandhom jingħataw marġni ta’ evalwazzjoni ċerta. Fid-dawl ta’ dan il-marġni ta’ evalwazzjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju li l-qorti tal-Unjoni għandha teżerċita fuq il-fondatezza tar-raġunijiet għal skema ta’ riżoluzzjoni ma għandux iwassalha sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tas-SRB u tal-Kummissjoni bl-evalwazzjoni tagħha, iżda huwa intiż li jivverifika li din id-deċiżjoni ma tkunx ibbażata fuq fatti sostantivament ineżatti u li ma tkunx ivvizzjata b’ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni jew b’użu ħażin ta’ poter (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, BĊE vs Crédit lyonnais, C‑389/21 P, EU:C:2023:368, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn il-prinċipji japplikaw għall-valutazzjoni tal-passiv u tal-attiv ta’ istituzzjoni bankarja prevista fl-Artikolu 20(1), (3), (10), (11) u (13) tar-Regolament SRM, kemm jekk imwettqa mis-SRB jew fuq talba tiegħu minn espert indipendenti.

276

Fir-rigward tas-self u tal-krediti msemmija fil-punti 370 u 371 tas-sentenza appellata, l-appellanti sempliċement jirrilevaw li, fil-fehma tagħhom, l-Artikolu 8 tal-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji japplika biss għal attiv li jeħtieġ attenzjoni partikolari matul il-valutazzjoni. Madankollu, fil-punt 370 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li s-self u d-djun jifformaw parti mill-elementi msemmija minn din id-dispożizzjoni, li fir-rigward tagħhom teżisti inċertezza sinjifikattiva u li fir-rigward tagħhom l-evalwatur għandu jagħti attenzjoni partikolari. Issa, fl-appell l-appellanti ma jressqu ebda argument li speċifikament jikkontesta din l-evalwazzjoni, iżda jitolbu, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti, li hija ma għandhiex is-setgħa li tagħmel fil-kuntest tal-appell. Tali argument huwa, għaldaqstant, inammissibbli.

277

Fir-rigward tal-punti 378 u 379 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-evalwazzjoni tal-attiv nett ta’ taxxa mwettqa minn Banco Santander wara r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular ma hijiex ta’ natura li tistabbilixxi li Deloitte kienet wettqet sottovalutazzjoni. F’dan ir-rigward, hija rrilevat, b’mod partikolari, li l-valur mogħti lil dan l-attiv minn Banco Santander kien jiddependi, fost l-oħrajn, mis-sinerġiji bejn Banco Santander u Banco Popular, filwaqt li Deloitte kellha tiddetermina l-valur tad-diversi kategoriji ta’ attiv mhux għal xerrej partikolari, iżda għal kull xerrej potenzjali. Issa, l-appellanti jikkontestaw il-fondatezza ta’ dawn l-evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali u jitolbu, għaldaqstant, li l-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti, b’tali mod li t-talba tagħhom f’dan ir-rigward għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

278

Fl-aħħar nett, fil-punti 386 u 387 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali fakkret l-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn Deloitte fir-rigward tal-metodu ta’ evalwazzjoni tal-beni intanġibbli, filwaqt li ppreċiżat li, fil-fehma tagħha, il-prestazzjoni dgħajfa ta’ Banco Popular kienet indikazzjoni tal-iżvalutazzjoni potenzjali tal-attiv intanġibbli. Fl-appell tagħhom, l-appellanti jikkontestaw dawn l-evalwazzjonijiet u jinvokaw in-natura allegatament spekulattiva ta’ din l-aħħar konstatazzjoni, billi jibbażaw ruħhom fuq fatti li seħħew wara r-riżoluzzjoni. Minn dan jirriżulta li l-appellanti jitolbu, għal darba oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti, li tikkostitwixxi talba inammissibbli fl-istadju tal-appell.

279

Minn dan isegwi li t-tielet ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

4) Fuq ir‑raba’ lment

280

F’dak li jirrigwarda l-firxa ta’ valuri użata fil-Valutazzjoni 2, mill-punti 395 sa 400 tas-sentenza appellata jirriżulta li, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti minn Deloitte, id-diskrepanza bejn il-valuri adottati għax-xenarji differenti hija ġġustifikata mill-metodu użat f’din il-valutazzjoni, skont l-Artikolu 2(3) tal-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji.

281

Issa, għalkemm l-appellanti jsostnu, fl-appell tagħhom, li l-firxa adottata kienet kbira wisq sabiex tkun tista’ titqies bħala prudenti, ġusta u realistika, huma jirrikonoxxu li l-metodu ta’ valutazzjoni magħżul kien konformi ma’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, huma jitolbu, mill-ġdid, li l-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti, li hija talba inammissibbli fl-istadju tal-appell.

282

Għaldaqstant, ir-raba’ lment huwa inammissibbli.

5) Fuq il‑ħames ilment

283

Permezz tal-ħames ilment tagħhom, l-appellanti jsostnu li, fil-punti 404 sa 409 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, b’mod żbaljat, l-argument tagħhom li kien hemm kontradizzjoni bejn il-valur tal-attiv adottat fil-Valutazzjoni 2, li jaqa’ fil-firxa ta’ bejn EUR 1.3 biljun u inqas minn EUR 8.2 biljun, u l-Valutazzjoni 1 kif ukoll l-evalwazzjoni tal-BĊE dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ ta’ Banco Popular li kkonkludiet dwar is-solvenza ta’ Banco Popular.

284

Fl-ewwel lok, huma jsostnu, essenzjalment, li l-fatt li s-SRB u Deloitte, it-tnejn li huma, wettqu valutazzjoni ta’ Banco Popular huwa biżżejjed, waħdu, sabiex il-Valutazzjonijiet 1 u 2 ikunu paragunabbli, indipendentement mid-differenzi tagħhom fir-rigward tal-għan imfittex u tal-bażi legali tagħhom.

285

Madankollu, huwa ġustament li l-Qorti Ġenerali qieset fil-punt 406 tas-sentenza appellata, li l-għanijiet distinti mfittxija mill-Valutazzjonijiet 1 u 2 kienet timplika li dawn il-valutazzjonijiet kellhom ikunu bbażati fuq kriterji ta’ evalwazzjoni differenti, iddefiniti fl-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji tal-EBA. Il-Qorti Ġenerali fakkret għalhekk, b’mod iktar preċiż, li, konformement ma’ dawn l-istandards tekniċi regolatorji, il-Valutazzjoni 1 kienet intiża prinċipalment sabiex tiddetermina jekk il-valur totali tal-elementi tal-attiv tal-entità kienx jeċċedi dak tal-elementi tal-passiv tagħha, fi kliem ieħor, jekk l-entità kinitx solventi fil-karta tal-bilanċ, filwaqt li l-Valutazzjoni 2 ma kellhiex tkun ibbażata fuq il-valur kontabbli tal-entità, iżda fuq il-valur ekonomiku tagħha.

286

Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi, il-Qorti Ġenerali setgħet tiċħad, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, l-argument ibbażat fuq allegata kontradizzjoni bejn dawn il-valutazzjonijiet.

287

Fit-tieni lok, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 264 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, ġustament, li l-evalwazzjoni tal-BĊE dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ ta’ Banco Popular kienet invalidat il-Valutazzjoni 1, sa fejn din kienet tirrigwarda din l-istess sitwazzjoni.

288

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-allegati kontradizzjonijiet bejn il-Valutazzjoni 2 u din l-evalwazzjoni tal-BĊE, l-appellanti ma jikkontestawx il-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 409 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-Valutazzjoni 2 ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-valur kontabbli, iżda l-valur ekonomiku ta’ Banco Popular, li huwa ta’ natura li jeskludi l-eżistenza ta’ kontradizzjoni manifesta bejn il-valur ekonomiku negattiv adottat f’din il-valutazzjoni u l-konstatazzjoni, li tinsab b’mod partikolari fl-imsemmija evalwazzjoni tal-BĊE, li Banco Popular kienet solventi.

289

Barra minn hekk, fl-assenza ta’ kwalunkwe preċiżazzjoni fir-rigward tal-allegati kontradizzjonijiet li jikkonċernaw il-kalkolu tal-assi li ma jrendux, l-argument ibbażat fuq tali kontradizzjonijiet ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali.

290

Għaldaqstant il-ħames ilment u, konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni aggravju fl-intier tagħha għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

2.   Fuq it‑tieni parti tat‑tieni aggravju, ibbażata fuq ksur tal‑Artikolu 20(5) tar‑Regolament SRM

291

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet diversi żbalji ta’ liġi fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-konformità tal-Valutazzjonijiet 1 u 2 mal-Artikolu 20(5) tar-Regolament SRM.

a)   L‑argumenti tal‑partijiet

292

L-ewwel nett, l-appellanti jsostnu li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 292 u 293 tas-sentenza appellata, l-analiżi prevista fl-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament SRM għandha titwettaq minn persuna indipendenti u mhux mis-SRB. It-tieni nett, fil-punt 298 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, b’mod żbaljat, li l-appellanti ma kinux ressqu argumenti fir-rigward tal-Artikolu 20(5)(c) ta’ dan ir-regolament, filwaqt li fir-replika tagħhom fl-ewwel istanza huma sostnew li dawn il-valutazzjonijiet ma kinux analizzaw l-għan imsemmi f’din l-aħħar dispożizzjoni. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet mingħajr ebda prova jew motivazzjoni, fil-punti 299 u 301 tas-sentenza appellata, li l-Valutazzjoni 2 kienet tinkludi l-analiżi prevista fl-Artikolu 20(5)(b), (f) u (g) tal-imsemmi regolament.

293

Banco Santander teċċepixxi l-inammissibbiltà tat-tieni parti tat-tieni aggravju, minħabba li l-appellanti sempliċement jirriproduċu l-argumenti li huma diġà ressqu quddiem il-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, din il-parti hija infondata

294

Il-Kummissjoni, is-SRB u r-Renju ta’ Spanja jsostnu li t-tieni parti ta’ dan l-aggravju hija infondata.

b)   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

1) Fuq l‑ammissibbiltà

295

Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata minn Banco Santander, għandu jiġi rrilevat li, permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellanti għandhom l-intenzjoni li jikkontestaw l-interpretazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 20(5) tar-Regolament SRM, filwaqt li jippreċiżaw il-punti kkritikati tas-sentenza appellata u l-argumenti li fuqhom hija bbażata l-kritika tagħhom. Għalhekk, it-tieni parti ta’ dan l-aggravju ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli fl-intier tagħha.

296

Madankollu, fir-rigward tat-tielet ilment invokat insostenn ta’ din il-parti, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, billi bbażat ruħha fuq l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża u fuq ir-rapport ta’ Deloitte, li din tal-aħħar kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-għanijiet previsti fl-Artikolu 20(5)(b), (f) u (g) ta’ dan ir-regolament għall-finijiet tal-analiżi tagħha. Għalkemm l-appellanti issa jinvokaw assenza ta’ analiżi ta’ dawn l-għanijiet fil-Valutazzjoni 2, huma jikkontestaw l-evalwazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali mingħajr madankollu ma jinvokaw żnaturament. Għaldaqstant, it-tielet ilment tat-tieni parti tat-tieni aggravju huwa inammissibbli.

2) Fuq il‑mertu

297

Fir-rigward tal-ewwel ilment, għandu jitfakkar li l-Artikolu 20(5) tar-Regolament SRM jispeċifika l-għanijiet li l-valutazzjoni tal-attiv u tal-passiv prevista fl-Artikolu 20(1) tiegħu għandha ssegwi. Għalkemm din l-aħħar dispożizzjoni tipprovdi li din il-valutazzjoni għandha titwettaq minn persuna indipendenti minn kull awtorità pubblika, inkluż is-SRB u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali, kif ukoll mill-entità kkonċernata, l-Artikolu 20(3) ta’ dan ir-regolament jipprevedi espressament li s-SRB jista’ jwettaq valutazzjoni provviżorja tal-attiv u tal-passiv, fil-każ fejn valutazzjoni indipendenti ma tkunx possibbli.

298

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punti 292 u 293 tas-sentenza appellata, li l-analiżi tal-għan previst fl-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament SRM ma għandhiex dejjem titwettaq minn espert indipendenti.

299

Għaldaqstant, l-ewwel ilment tat-tieni parti tat-tieni aggravju huwa infondat.

300

Fir-rigward tat-tieni lment, huwa minnu li l-appellanti jikkontestaw, ġustament, l-eżattezza tal-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 298 tas-sentenza appellata li tipprovdi li huma ma ressqux argumenti speċifiċi dwar l-għan imsemmi fl-Artikolu 20(5)(c) tar-Regolament SRM fir-rikors tagħhom u fir-replika tagħhom fl-ewwel istanza. Fil-fatt, f’din tal-aħħar, huma kienu effettivament invokaw l-assenza ta’ valutazzjoni fir-rigward ta’ dan l-għan.

301

Xorta jibqa’ l-fatt li, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti Ġenerali setgħet xorta waħda tikkonkludi mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, fil-punti 302 u 303 tas-sentenza appellata, li l-Valutazzjoni 1 kienet konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament SRM, billi tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 20(10) u (11) ta’ dan ir-regolament.

302

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 20(1) tal-imsemmi regolament jippreċiża li, f’każ ta’ emerġenza, għalkemm uħud mir-rekwiżiti ta’ valutazzjoni għandhom jiġu osservati, oħrajn għandhom jiġu osservati biss sa fejn ikun possibbli. Issa, skont dawn iż-żewġ tipi ta’ rekwiżiti, din id-dispożizzjoni ma ssemmix l-analiżi tal-għanijiet tal-valutazzjoni previsti fl-Artikolu 20(5) tal-istess regolament.

303

Barra minn hekk, l-Artikolu 20(11) tar-Regolament SRM jipprevedi b’mod espress li valutazzjoni li ma tosservax ir-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 20(1) u (4) sa (9) ta’ dan ir-regolament, għandha titqies bħala provviżorja sakemm persuna indipendenti twettaq valutazzjoni li tkun konformi bis-sħiħ mal-imsemmija rekwiżiti. Issa, skont l-Artikolu 20(13) tal-imsemmi regolament, tali valutazzjoni provviżorja tikkostitwixxi bażi valida sabiex is-SRB jiddeċiedi dwar azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, l-allegata assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-għan imsemmi fl-Artikolu 20(5)(c) tal-istess regolament, għandha bħala konsegwenza mhux l-illegalità tal-valutazzjoni, iżda biss in-natura proviżorja tagħha.

304

Għaldaqstant, it-tieni lment tat-tieni parti tat-tieni aggravju huwa ineffettiv.

305

Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tieni aggravju huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

3.   Fuq it‑tielet parti tat‑tieni aggravju, ibbażata fuq ksur tal‑Artikolu 20(7) u (9) tar‑Regolament SRM

306

Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jinvokaw ksur tal-Artikolu 20(7) u (9) tar-Regolament SRM. Din il-parti tinqasam f’żewġ ilmenti.

a)   L‑argumenti tal‑partijiet

307

Permezz tal-ewwel ilment, l-appellanti jsostnu li, fil-punti 417 u 418 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 20(7) tar-Regolament SRM, billi ddeċidiet li n-nuqqasijiet tad-dokumenti tal-kontabbiltà msemmija fil-Valutazzjoni 2 ma kinux rilevanti, minħabba li dawn kienu jinsabu fil-parti tar-rapport iddedikata għall-analiżi tax-xenarju ta’ stralċ. Madankollu, il-Valutazzjoni 2 kienet, abbażi ta’ din l-istess dispożizzjoni, preċiżament tevalwa jekk l-investituri kinux ikunu ttrattati aħjar jew agħar f’xenarju ta’ stralċ.

308

Permezz tat-tieni lment tagħhom ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 20(9) ta’ dan ir-regolament, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret il-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni meta ddeċidiet, fil-punti 421 sa 423 ta’ din is-sentenza, li l-kwistjoni tat-trattament tad-diversi kategoriji ta’ azzjonisti u ta’ kredituri f’xenarju ta’ stralċ ma kinitx taqa’ taħt il-Valutazzjoni 2, iżda taħt il-Valutazzjoni 3.

309

Skont Banco Santander it-tielet parti tat-tieni aggravju hija inammissibbli, minħabba li l-appellanti sempliċement jirriproduċu l-argumenti li huma diġà ressqu quddiem il-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, din il-parti tat-tieni aggravju hija infondata.

310

Il-Kummissjoni, is-SRB u r-Renju ta’ Spanja jsostnu li t-tielet parti ta’ dan l-aggravju hija infondata.

b)   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

311

Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, għandu jiġi rrilevat li, permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li, fil-punti 417 u 418 kif ukoll fil-punti 421 sa 423 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, b’mod żbaljat, diversi lmenti li jikkontestaw il-konformità tal-Valutazzjoni 2 mal-Artikolu 20(7) u (9) tar-Regolament SRM.

312

Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni Banco Santander, l-appellanti mhux sempliċement jirrepetu l-argumenti li huma kienu ressqu fl-ewwel istanza, b’tali mod li dawn l-argumenti huma ammissibbli.

313

Madankollu, it-tielet parti tat-tieni aggravju għandha madankollu tiġi miċħuda bħala ineffettiva.

314

Fir-rigward tal-ewwel ilment ta’ din il-parti bbażat fuq ksur tal-Artikolu 20(7) tar-Regolament SRM, għandu jiġi rrilevat li l-punti kkritikati tas-sentenza appellata jagħmlu parti mill-eżami tal-Qorti Ġenerali marbut mal-argument tal-appellanti li l-Valutazzjoni 2 kellha tiġi kkompletata permezz ta’ bilanċ aġġornat u rapport dwar is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kull entità li minnha huwa fformat il-grupp ta’ Banco Popular.

315

Issa, sabiex tiċħad dan l-argument, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha biss sussidjarjament, fil-punti 416 sa 419 tas-sentenza appellata, fuq l-assenza ta’ rilevanza tad-dokumenti ppreżentati quddiemha. Fil-fatt, fil-punt 415 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kienet diġà rrilevat li tali rekwiżit ma jirriżultax mill-Artikolu 20(7) ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, fil-punt 414 tal-istess sentenza, hija fakkret li, skont l-Artikolu 20(10) tal-imsemmi regolament, valutazzjoni provviżorja, bħalma hija l-Valutazzjoni 2, kellha tosserva r-rekwiżiti tal-Artikolu 20(7) u (9) tal-istess regolament biss sa fejn dan kien raġonevolment possibbli fid-dawl taċ-ċirkustanzi.

316

Dawn il-kunsiderazzjonijiet, li l-appellanti ma jikkontestawx fil-kuntest tal-appell, jibbażaw b’mod suffiċjenti fid-dritt iċ-ċaħda tal-argument tagħhom ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 20(7) tar-Regolament SRM.

317

Fir-rigward tat-tieni lment tat-tielet parti tat-tieni aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 20(9) tar-Regolament SRM, l-appellanti sempliċement jikkritikaw il-punti 421 sa 423 tas-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset fihom li l-kwistjoni tat-trattament tad-diversi kategoriji ta’ azzjonisti u ta’ kredituri f’xenarju ta’ stralċ ma kinitx taqa’ taħt il-Valutazzjoni 2, iżda taħt il-Valutazzjoni 3.

318

Madankollu, mill-punti 420, 421 u 423 fl-aħħar ta’ din is-sentenza jirriżulta li, sabiex tiċħad l-argument tagħhom ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 20(9) tar-Regolament SRM, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha wkoll fuq il-konstatazzjoni li l-Valutazzjoni 2 kienet osservat ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni, sa fejn dan kien raġonevolment possibbli fid-dawl taċ-ċirkustanzi, konformement mal-Artikolu 20(10) ta’ dan ir-regolament. Issa, l-appellanti ma jikkontestawx din il-konstatazzjoni, b’tali mod li t-tieni lment huwa wkoll ineffettiv.

319

Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

4.   Fuq ir‑raba’ parti tat‑tieni aggravju, ibbażata fuq ksur tal‑Artikolu 20(10) u (11) tar‑Regolament SRM

a)   L‑argumenti tal‑partijiet

320

Permezz tar-raba’ parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 20(10) u (11) tar-Regolament SRM, sa fejn iddeċidiet, fil-punti 277 sa 284 tas-sentenza appellata, li l-assenza ta’ adozzjoni ta’ valutazzjoni definittiva ex post ma kinitx ta’ natura li taffettwa l-validità tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża.

321

Fil-fatt, skont l-Artikolu 20(13) ta’ dan ir-regolament, valutazzjoni provviżorja għandha titwettaq konformement mal-paragrafi 10 u 11 ta’ dan l-artikolu sabiex tkun tikkostitwixxi bażi valida għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni, u dan qabel ir-riżoluzzjoni. Issa, mill-Artikolu 20(11) tal-imsemmi regolament jirriżulta li valutazzjoni provviżorja għandha tiġi segwita minn valutazzjoni definittiva ex post. Li kieku dan ma kienx il-każ, l-obbligu ta’ twettiq ta’ valutazzjonijiet definittivi jkun imċaħħad mir-rilevanza tiegħu.

322

Barra minn hekk, għalkemm, skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament SRM ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1, 7 u 9 ta’ dan l-artikolu kellhom biss jiġu osservati sa fejn dan kien raġonevolment possibbli fid-dawl taċ-ċirkustanzi, din id-dispożizzjoni ma teżentax espressament lis-SRB mill-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 20(5) ta’ dan ir-regolament. F’dan il-kuntest, l-appellanti jżidu li, fil-punti 283 u 284 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, b’mod żbaljat, l-allegazzjoni tagħhom li r-rifjut li jiġu adottati valutazzjonijiet definittivi jikkonferma l-ineżattezza tal-verżjonijiet provviżorji ta’ dawn il-valutazzjonijiet.

323

Il-Kummissjoni, is-SRB, ir-Renju ta’ Spanja u Banco Santander jikkontestaw il-fondatezza ta’ dan l-argument.

b)   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

324

Permezz tar-raba’ parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jikkritikaw il-punti 277 sa 284 tas-sentenza appellata, għar-raġuni li, fil-fehma tagħhom, valutazzjoni provviżorja tista’ tikkostitwixxi bażi valida sabiex jiġu deċiżi azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni biss jekk din tiġi segwita minn valutazzjoni definittiva ex post.

325

F’dan ir-rigward, huwa ċertament minnu li l-Artikolu 20(13) tar-Regolament SRM jirrigwarda valutazzjonijiet provviżorji mwettqa “skont il-paragrafi 10 u 11 [ta’ dan l-Artikolu]”, li jidher li jindika li valutazzjoni provviżorja għandha tosserva l-kundizzjonijiet previsti mill-paragrafi 10 u 11 tal-imsemmi artikolu sabiex tkun tista’ tikkostitwixxi bażi valida għall-adozzjoni ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni. Madankollu, l-Artikolu 20(11) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li valutazzjoni li ma tosservax ir-rekwiżiti kollha stabbiliti fil-paragrafi 1 u 4 sa 9 ta’ dan l-Artikolu 20 għandha titqies bħala provviżorja “sakemm persuna indipendenti […] twettaq […] valwazzjoni ex-post definittiva […] hekk malli jkun prattikabbli”. Minn dan il-kliem stess, b’mod partikolari mill-konġunzjoni “sakemm”, jirriżulta li t-twettiq ta’ valutazzjoni definittiva ex post ma jikkostitwixxix kundizzjoni sabiex valutazzjoni tkun tista’ titqies bħala provviżorja.

326

L-appellanti jsostnu, b’mod żbaljat, li din l-interpretazzjoni hija ta’ natura li ċċaħħad minn kull effett utli l-valutazzjoni definittiva ex post prevista fl-Artikolu 20(11) tar-Regolament SRM. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, din għandha l-għan, minn naħa, li tiżgura li kull telf imġarrab mill-entità kkonċernata jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ fil-kontabbiltà tagħha u, min-naħa l-oħra, li tipprovdi elementi li jippermettu li tiġi adottata deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-krediti jew dwar iż-żieda fil-valur tal-korrispettiv imħallas, skont l-Artikolu 20(12) ta’ dan ir-regolament.

327

Barra minn hekk, peress li l-valutazzjoni definittiva ex post titwettaq, b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-għan, neċessarjament wara l-adozzjoni tal-approvazzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data meta jkun ġie adottat l-att (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni, C‑398/13 P, UE:C:2015:535, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

328

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 277 sa 284 tas-sentenza appellata, li l-assenza ta’ adozzjoni ta’ valutazzjoni definittiva ex post ma kinitx ta’ natura li taffettwa l-validità tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża.

329

Fir-rigward tal-allegazzjoni, li r-rifjut ta’ adozzjoni ta’ valutazzjoni definittiva ex post jikkonferma l-ineżattezza tal-verżjonijiet provviżorji, il-Qorti Ġenerali rrilevat, ġustament, li din l-allegazzjoni hija purament spekulattiva u, fi kwalunkwe każ, ma tikkontestax l-assenza ta’ valutazzjoni definittiva ex post, iżda l-Valutazzjoni 2.

330

Barra minn hekk, għalkemm l-appellanti josservaw li l-Artikolu 20(10) tar-Regolament SRM ma jirrigwardax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument jirrigwarda l-iżbalji ta’ liġi invokati fil-kuntest tat-tieni lment tat-tieni parti tat-tieni aggravju u għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħalma huma dawk li jinsabu fil-punti 300 sa 303 ta’ din is-sentenza.

331

Minn dan isegwi li r-raba’ parti ta’ dan l-aggravju hija infondata.

G. Fuq it‑tielet aggravju dwar it‑talba għad‑danni relatata mal‑annullament tal‑iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża u tad‑Deċiżjoni 2017/1246

332

Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li, fil-punti 590 u 591 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, b’mod żbaljat, it-talba tagħhom għad-danni relatata mal-annullament tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża u tad-Deċiżjoni 2017/1246.

333

Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tagħha, f’dan ir-rigward, l-appellanti sempliċement jidentifikaw il-punti kkontestati tas-sentenza appellata u jindikaw li huma qegħdin iżommu l-argumenti tagħhom dwar l-illegalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet kif ukoll it-talba tagħhom għad-danni bbażata fuq din l-illegalità, mingħajr madankollu ma jippreċiżaw l-iżball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali.

334

Issa, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkar fil-punt 140 ta’ din is-sentenza jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza jew tad-digriet li l-annullament tiegħu jkun qiegħed jintalab kif ukoll l-argumenti ta’ liġi li jissostanzjaw b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat.

335

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet aggravju għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

H. Fuq l‑ewwel parti tar‑raba’ aggravju, ibbażata fuq ksur tal‑obbligu ta’ kunfidenzjalità

336

Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti jsostnu li, fil-kuntest tal-eżami tagħha dwar ir-rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħhom minħabba ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 339 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 88 u 91 tar-Regolament SRM, moqrija flimkien mal-premessa 116 tiegħu. Din il-parti tinqasam fi tmien ilmenti.

1.   L‑argumenti tal‑partijiet

337

Fl-ewwel lok, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret ir-rekwiżiti ta’ diliġenza u ta’ prudenza li jirriżultaw mill-Artikoli 88 u 91 tar-Regolament SRM, moqrija flimkien mal-premessa 116 tiegħu, kif ukoll mill-Artikolu 339 TFUE, meta ddeċidiet fil-punti 613 u 616 sa 618 tas-sentenza appellata, li l-Presidenta tas-SRB ma kienet kisret la l-prinċipju ta’ kunfidenzjalità u lanqas l-obbligu tas-sigriet professjonali waqt l-intervista li hija kienet tat lill-istazzjon televiżiv Bloomberg. Fil-fatt, waqt din l-intervista, hija kkonfermat li s-SRB kien qiegħed jissorvelja lil Banco Popular, kuntrarjament għal dak li kienet tagħmel amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti.

338

Issa, fid-dawl tal-premessa 116 tar-Regolament SRM, wieħed għandu jitlaq mill-prinċipju li s-sempliċi fatt li jiġi indikat li s-SRB qiegħed jeżamina entità partikolari jista’ jkollu effett negattiv fuq din l-entità. F’dan ir-rigward, l-appellanti jqisu li l-eżistenza preċedenti ta’ rapporti negattivi fl-istampa fuq Banco Popular, minflok ma eżoneraw lis-SRB mir-responsabbiltà tiegħu, kellhom iwassluh jeżerċita prudenza estrema fir-rigward ta’ kull riferiment għal Banco Popular. Barra minn hekk, is-suq interpreta l-kummenti li saru fl-imsemmija intervista bħala indizju li tindika l-possibbiltà tal-adozzjoni ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni.

339

Fit-tieni lok, huma jinvokaw, essenzjalment, applikazzjoni ta’ kriterji ġuridiċi differenti. Fil-kuntest tal-eżami tagħha dwar ir-responsabbiltà tas-SRB, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 615 u 616 tas-sentenza appellata, illimitat il-portata tal-premessa 116 tar-Regolament SRM għas-sitwazzjonijiet li fihom ġie speċifikament żvelat li bank kien ser ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni. Għall-kuntrarju, fil-kuntest tal-eżami dwar id-dritt għal smigħ, li jinsab fil-punti 485 sa 488 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li s-sempliċi komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-fatt li entità tinsab f’sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ jista’ jkollha effetti negattivi.

340

Fit-tielet lok, fil-punti 613 u 616 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali mminimizzat l-importanza tal-impatt tad-dikjarazzjonijiet tal-Presidenta tas-SRB fuq is-sitwazzjoni ta’ Banco Popular, billi qabblet dawn id-dikjarazzjonijiet ma’ artiklu preċedenti li deher tal-ġurnal El Confidencial tal‑15 ta’ Mejju 2017, li kien irrapporta li Banco Popular kienet is-suġġett ta’ spezzjoni mill-BĊE. Madankollu, l-eżami mill-BĊE bħala awtorità ta’ superviżjoni tas-settur bankarju rrapportat f’dan l-artiklu ta’ gazzetta bl-ebda mod ma huwa paragunabbli mas-sorveljanza tas-SRB. Barra minn hekk, il-pubblikazzjoni ta’ artiklu fl-istampa mhux finanzjarja lanqas ma hija paragunabbli mad-dikjarazzjonijiet tal-Presidenta tas-SRB fuq l-istazzjon televiżiv Bloomberg. Minbarra dan, b’differenza għad-data tal-imsemmija dikjarazzjonijiet, id-data li fiha deher l-artiklu tal-ġurnal tal‑15 ta’ Mejju 2017 fl-ebda dokument uffiċjali ma kienet tidher bħala data li fiha ġew ikkonstatati telf tad-depożiti jew kollass fil-prezzijiet ta’ titoli.

341

F’dak li jirrigwarda, fir-raba’ lok, l-artiklu tal-istampa ppubblikat, fil‑31 ta’ Mejju 2017, mill-aġenzija Reuters, l-appellanti jsostnu li, kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Qorti Ġenerali, fil-punt 625 tas-sentenza appellata, l-iżvelar ta’ informazzjoni interna rrapportat minn dan l-artiklu kien jagħti x’jifhem lis-suq li Banco Popular kienet ser tkun suġġetta għal azzjoni ta’ riżoluzzjoni, minkejja ċ-ċaħda inkluża fi stqarrija għall-istampa sussegwenti tas-SRB. Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 627 sa 632 ta’ din is-sentenza, huma jsostnu li għalkemm artikli tal-istampa oħra, li dehru fil‑11 u fil‑15 ta’ Mejju 2017 fil-ġurnal El Confidencial, kienu diġà semmew riskju ta’ falliment ta’ Banco Popular, ebda wieħed minn dawn l-artikli ma kien semma sorsi tal-Unjoni, kuntrarjament għall-imsemmi artiklu ppubblikat mill-aġenzija Reuters. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali injorat ir-realtà li kienet ġiet stabbilita rabta bejn l-artiklu ppubblikat mill-aġenzija Reuters tal‑31 ta’ Mejju 2017 u d-dikjarazzjonijiet magħmula, fit‑23 ta’ Mejju 2017, mill-Presidenta tas-SRB, li kkawżat paniku ġġeneralizzat fis-suq.

342

Fil-ħames lok, l-appellanti jsostnu li l-premessa 116 u l-Artikolu 88 tar-Regolament SRM jistabbilixxu preżunzjoni konfutabbli fir-rigward tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn, minn naħa, dikjarazzjonijiet, kxif u komunikazzjonijiet oħra lill-pubbliku magħmula bi ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità u, min-naħa l-oħra, id-dannu kkawżat. Għalhekk, fil-każ ta’ ksur ta’ dan l-obbligu, l-oneru tal-prova jinqaleb u huma l-organi tal-Unjoni li għandhom juru l-assenza ta’ tali rabta. Issa, fil-punti 636 sa 641 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball ta’ liġi meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni din il-preżunzjoni.

343

Fis-sitt lok, huma jsostnu li ż-żewġ messaġġi elettroniċi interni dwar żvelar potenzjali ta’ informazzjoni tal‑10 u tat‑18 ta’ Awwissu 2017, li huma pproduċew quddiem il-Qorti Ġenerali, juru li s-SRB ma kien stabbilixxa ebda mekkaniżmu awtomatiku effettiv ta’ kontroll jew ta’ twissija fir-rigward ta’ tali żvelar ta’ informazzjoni u tad-dikjarazzjonijiet tal-Presidenta tiegħu. Kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, fil-punti 644 u 645 tas-sentenza appellata, l-assenza ta’ tali mekkaniżmu kienet rilevanti sabiex jiġi evalwat ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità.

344

Fis-seba’ lok, il-Qorti Ġenerali allegatament naqset, b’mod żbaljat, fil-punti 609 u 610 tas-sentenza appellata, milli tiddeċiedi dwar l-argumenti tagħhom dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni lill-amministrazzjonijiet Spanjoli, li jinkludu membru fi ħdan is-SRB.

345

Fit-tmien u fl-aħħar lok, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ċaħdet, fil-punti 647 sa 651 tas-sentenza appellata, l-ilment tagħhom dwar l-allegata attitudni passiva tas-SRB u tal-Kummissjoni, minħabba li huma ma kinux spjegaw dak li bih huma kkritikaw lill-Kummissjoni u lis-SRB, u lanqas liema kienet id-dispożizzjoni li huma invokaw il-ksur tagħha, u li, fil-każ li qegħdin jagħmlu riferiment għall-argumenti mressqa fir-rikors għal annullament, dawn l-argumenti kienu diġà ġew miċħuda.

346

Madankollu, fil-punt 169(ii) u (iii) tar-rikors tagħhom fl-ewwel istanza, huma invokaw, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet u l-iżvelar ta’ informazzjoni tas-SRB u l-proċess deċiżjonali, ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ diliġenza, tal-prinċipju nemo auditur, tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-Artikolu 17 tal-Karta kif ukoll tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Dawn il-prinċipji u drittijiet fundamentali jistgħu jistabbilixxu r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tas-SRB u tal-Kummissjoni għal ksur tal-Artikolu 88 tar-Regolament SRM kif ukoll nuqqas ta’ kura u ta’ prudenza fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, sa fejn adottaw azzjoni ta’ riżoluzzjoni fil-konfront ta’ Banco Popular b’mod mgħaġġel, filwaqt li wettqu sensiela ta’ ommissjonijiet u ta’ azzjonijiet illegali li kkawżaw dannu lill-appellanti. L-appellanti jsostnu li huma jżommu dawn l-ilmenti, filwaqt li jinvokaw l-iżbalji ta’ liġi mressqa fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni aggravju.

347

Is-SRB isostni li l-ewwel parti tar-raba’ aggravju hija inammissibbli, minħabba li, f’dan il-parti, l-appell sempliċement jirriproduċi l-argumenti diġà mressqa fl-ewwel istanza. Il-Kummissjoni tinvoka, għall-istess raġunijiet, l-inammissibbiltà tat-tmien ilment invokat insostenn ta’ din il-parti, filwaqt li ssostni li l-allegazzjonijiet magħmula huma ġenerali u impreċiżi, ħaġa li tipprekludi lill-parti l-oħra milli tiddefendi ruħha b’mod effettiv.

2.   Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

348

Preliminarjament, sa fejn is-SRB isostni li l-ewwel parti tar-raba’ aggravju sempliċement tirrepeti l-argumenti diġà mressqa fl-ewwel istanza, għandu jiġi rrilevat li, f’din il-parti, l-appell huwa intiż, essenzjalment, li jikkontesta l-fondatezza tal-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ diversi punti ta’ liġi li tressqu quddiemha fir-rigward tal-ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità mis-SRB u/jew mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, sa fejn din il-parti fiha indikazzjonijiet preċiżi dwar il-punti kkontestati tas-sentenza appellata, din ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli fl-intier tagħha.

349

Għall-bqija, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà huma limitati għal ċerti lmenti invokati insostenn tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju. Hemm lok li jiġu evalwati fil-kuntest tal-analiżi li tirrigwarda l-ilment ikkonċernat.

a)   Fuq l‑ewwel sat‑tielet ilment, ibbażati fuq ksur tal‑obbligu ta’ kunfidenzjalità

350

Permezz tal-ewwel sat-tielet ilment tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-punti 611 sa 618 tas-sentenza appellata huma vvizzjati minn interpretazzjoni u minn applikazzjoni żbaljata tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità, li jirriżulta mill-Artikolu 339 TFUE kif ukoll mill-Artikoli 88 u 91 tar-Regolament SRM, moqrija fid-dawl tal-premessa 116 tiegħu, fid-dawl tal-kummenti magħmula mill-Presidenta tas-SRB waqt l-intervista li hija tat lill-istazzjon televiżiv Bloomberg, fit‑23 ta’ Mejju 2017.

351

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-interpretazzjoni ta’ dan l-obbligu, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali peress li ma qisitx li s-sempliċi fatt li jiġi indikat li s-SRB qiegħed jissorvelja entità partikolari jista’ jippreġudika l-imsemmi obbligu.

352

Skont l-Artikolu 339 TFUE, il-membri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-uffiċjali u aġenti oħra tal-Unjoni huma obbligati, anki wara t-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom, li ma jiżvelawx informazzjoni li, min-natura tagħha stess, hija koperta mis-sigriet professjonali, b’mod partikolari informazzjoni dwar l-impriżi u dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew elementi tal-prezz tal-ispiża tagħhom.

353

Għal dak li jirrigwarda s-SRB, l-Artikolu 88(1) tar-Regolament SRM, jipprovdi li l-membri tas-SRB u, b’mod partikolari, il-persunal ta’ dan l-organu huma suġġetti għar-rekwiżiti tas-sigriet professjonali previsti fl-Artikolu 339 TFUE u fl-atti rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Għal dan l-għan, huma b’mod partikolari pprojbiti milli jiżvelaw lil kull persuna jew awtorità informazzjoni kunfidenzjali miksuba fl-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali tagħhom, sakemm, b’mod partikolari, dan ma jsirx fl-eżerċizzju tal-imsemmija funzjonijiet jew f’forma sommarja jew iġġeneralizzata li tipprekludi l-identifikazzjoni tal-entità kkonċernata. Madankollu, l-Artikolu 88(1) tar-Regolament SRM, ma jippreċiżax huwa stess dak li jikkostitwixxi informazzjoni kunfidenzjali.

354

F’dan ir-rigward, il-premessa 116 ta’ dan ir-regolament tippreċiża, qabel kollox, “l-informazzjoni dwar il-kontenut u d-dettalji ta’ pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u r-riżultat ta’ kwalunkwe valutazzjoni ta’ dawk il-pjanijiet jista’ jkollhom effetti b’firxa wiesgħa, b’mod partikolari fuq l-intrapriżi konċernati” u li “[k]walunkwe informazzjoni pprovduta fir-rigward ta’ deċiżjoni qabel ma tittieħed, kemm dwar jekk il-kondizzjonijiet għal riżoluzzjoni humiex sodisfatti, dwar l-użu ta’ għodda speċifika kif ukoll dwar kwalunkwe azzjoni matul il-proċeduri, trid titqies li għandha effett fuq l-interessi pubbliċi u privati kkonċernati mill-azzjoni”.

355

Sussegwentement, skont din il-premessa 116 “informazzjoni li l-Bord u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jkunu qed jeżaminaw entità speċifika tista’ tkun biżżejjed sabiex ikollha effetti negattivi fuq dik l-entità” u li “[g]ħaldaqstant jeħtieġ li jiġi żgurat li jkun hemm mekkaniżmi xierqa għaż-żamma tal-kunfidenzjalità ta’ tali informazzjoni”.

356

Fl-aħħar nett, l-imsemmija premessa 116 tispeċifika l-informazzjoni hekk imsemmija, jiġifieri “il-kontenut u d-dettalji tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u r-riżultat ta’ kwalunkwe valutazzjoni mwettqa f’dak il-kuntest”. Issa, din l-informazzjoni hija relatata, bħal dik imsemmija fil-punt 354 ta’ din is-sentenza, ma’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni.

357

Minn dan jirriżulta li s-sempliċi fatt li jiġi indikat li s-SRB u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni qegħdin jeżaminaw entità partikolari fil-kuntest jew fil-perspettiva ta’ proċedura jew ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni jista’ jkollu effett negattiv fuq din l-entità u għandu, għalhekk, jitqies li jaqa’ taħt l-obbligu ta’ kunfidenzjalità previst fl-Artikolu 88(1) tar-Regolament SRM.

358

Għall-kuntrarju, il-premessi 15 u 89 ta’ dan ir-regolament juru r-rabta stretta li teżisti bejn il-kompiti superviżorji mogħtija fil-kuntest tas-SSM, b’mod partikolari, lill-BĊE u l-funzjoni fdata lis-SRB mir-Regolament SRM. Minn dan jirriżulta li, sabiex tiġi mmassimizzata l-effettività tas-SSM, is-SRB għandu jikkoopera mill-qrib mal-BĊE u mal-awtoritajiet l-oħra inkarigati mis-superviżjoni tal-entitajiet fil-kuntest tas-SSM, b’mod partikolari fil-każ tal-gruppi suġġetti għal superviżjoni fuq bażi konsolidata eżerċitata mill-BĊE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 30(2) tar-Regolament SRM jipprevedi li — b’mod partikolari, iżda mhux esklużivament matul il-fażijiet tal-ippjanar tar-riżoluzzjoni, tal-intervent bikri u tar-riżoluzzjoni — is-SRB u l-BĊE huma obbligati jikkooperaw mill-qrib u jiskambjaw l-informazzjoni kollha neċessarja għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

359

Għalhekk, is-SRB huwa, bl-istess mod bħall-BĊE, obbligat li jsegwi l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji u, b’mod partikolari, li jissorvelja l-istituzzjonijiet koperti minn dan ir-regolament, sabiex ikun jista’ jintervjeni b’mod effikaċi u rapidu fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu.

360

Konsegwentement, is-sempliċi informazzjoni fis-sens li s-SRB ikun qiegħed jissorvelja mal-BĊE istituzzjoni ta’ kreditu, fost istituzzjonijiet oħra koperti mir-Regolament SRM, ma tistax, bħala prinċipju, titqies li taqa’ taħt l-obbligu ta’ kunfidenzjalità previst fl-Artikolu 88(1) tar-Regolament SRM, fl-assenza ta’ elementi addizzjonali li jistgħu jindikaw li s-SRB ikun qiegħed jaġixxi fil-kuntest jew fil-perspettiva ta’ proċedura jew ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni.

361

F’dan il-każ, mill-punti 613, 615 sa 617 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha preċiżament fuq il-kunsiderazzjoni li l-informazzjoni inkwistjoni ma kinitx relatata mas-sitwazzjoni partikolari tal-entità kkonċernata u/jew ma kinitx ta’ natura li tassoċjaha ma’ proċedura jew azzjoni ta’ riżoluzzjoni.

362

Fil-fatt, fir-rigward tal-estratt tal-intervista ċċitat fil-punt 612 ta’ din is-sentenza, hija rrilevat, fil-punti 613, 615 u 616 tagħha, li l-kummenti msemmija kienu ta’ portata ġenerali, ma kinux isemmu l-ipoteżi ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni fil-konfront ta’ Banco Popular u, b’mod partikolari, ma kinux jippermettu li minnhom tinsilet konklużjoni dwar l-implimentazzjoni imminenti ta’ tali azzjoni u wisq inqas fir-rigward tal-għodda ta’ riżoluzzjoni li setgħet tiġi implimentata mis-SRB. Fir-rigward tal-estratt l-ieħor iċċitat fil-punt 617 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali sempliċement irrilevat li dan l-estratt ma kienx jikkonċerna s-sitwazzjoni partikolari ta’ Banco Popular.

363

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appellanti jsostnu, b’mod żbaljat, fil-kuntest tal-ewwel u tat-tielet ilment li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 88(1) tar-Regolament SRM, moqri fid-dawl tal-premessa 116 tiegħu.

364

Barra minn hekk, it-tieni lment dwar allegata kontradizzjoni tal-motivi għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, kemm fil-punti 615 u 616 kif ukoll fil-punti 485 sa 488 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat, f’termini kważi identiċi, jekk l-informazzjoni inkwistjoni setgħetx tiżvela li Banco Popular setgħet tkun suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq l-istess kriterju ġuridiku sabiex teżamina ksur eventwali tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità.

365

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 88(1) tar-Regolament SRM, moqri fid-dawl tal-premessa 116 tiegħu, l-appellanti jikkritikaw essenzjalment l-evalwazzjoni tal-estratt tal-intervista ċċitat fil-punt 612 tas-sentenza appellata. F’dan l-estratt, il-Presidenta tas-SRB kienet wieġbet għal mistoqsija li kienet tikkonċerna speċifikament is-sitwazzjoni ta’ Banco Popular, bil-mod li ġej:

“Jiena qatt ma nitkellem dwar il-banek individwalment. Hemm iktar minn bank wieħed fuq ir-radar tagħna u naturalment Banco Popular hija wkoll każ li qegħdin nissorveljaw, iżda dan ma huwiex l-uniku wieħed”. (Well, I am never talking about indivial banks. There are more banks than just one on our radar screen and of course, Banco Popular is also a case we are watching but it is not the only one we are watching).

366

L-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Presidenta tas-SRB impliċitament żvelat proċedura possibbli ta’ riżoluzzjoni kontra Banco Popular, billi indikat li dan l-organu kien qiegħed jissorvelja dan il-bank.

367

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 613 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-konstatazzjoni li l-kummenti ċċitati fil-punt 612 ta’ din is-sentenza, u riprodotti fil-punt 365 ta’ din is-sentenza, ma kinux jirreferu għal eżami individwali ta’ Banco Popular mis-SRB fil-perspettiva ta’ proċedura jew ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni, iżda, b’mod ġenerali, “tal-” istituzzjonijiet, jiġifieri dawk kollha li s-SRB jiżgura s-sorveljanza, f’kooperazzjoni mal-BĊE, fil-kuntest tas-SSM.

368

Issa, sa fejn l-appellanti ma jinvokaw ebda żnaturament f’dan ir-rigward, l-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dan l-appell għandu jkun ibbażat fuq din il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali.

369

Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 358 sa 360 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta rrilevat, fil-punt 613 tas-sentenza appellata, li l-fatt li Banco Popular, bħala istituzzjoni ta’ kreditu koperta mis-SSM, hija ssorveljata mis-SRB f’kooperazzjoni mal-BĊE ma huwiex informazzjoni kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 339 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 88 u 91 tar-Regolament SRM, moqrija fid-dawl tal-premessa 116 ta’ dan ir-regolament.

370

F’dan il-kuntest, l-appellanti jsostnu wkoll li, minn naħa, il-Presidenta tas-SRB kellha tkun prudenti ħafna fid-dawl tal-kopertura negattiva tal-media fir-rigward ta’ Banco Popular u, min-naħa l-oħra, is-suq interpreta l-kummenti magħmula fl-intervista mogħtija lill-istazzjon televiżiv Bloomberg tat‑23 ta’ Mejju 2017 bħala li jindikaw il-possibbiltà ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni bankarja fil-konfront ta’ dan il-bank.

371

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fl-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali f’din l-intervista, dawn iċ-ċirkustanzi ma jippermettux li jiġi konkluż li l-Presidenta tas-SRB kisret l-obbligu ta’ kunfidenzjalità.

372

Għaldaqstant, l-ewwel sat-tielet ilment tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

b)   Fuq ir‑raba’ lment ibbażat fuq allegat żvelar ta’ informazzjoni interna

373

Permezz tar-raba’ lment tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod żbaljat, li l-artiklu tal-istampa ppubblikat, fil‑31 ta’ Mejju 2017, mill-aġenzija Reuters ma kienx ta’ natura li jistabbilixxi żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali, li jikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità mis-SRB u mill-Kummissjoni.

374

F’dan ir-rigward, mill-punti 619 sa 633 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eżistenza ta’ ksur ta’ dan l-obbligu minħabba, minn naħa, li l-iżvelar ta’ informazzjoni msemmi f’dan l-artiklu kien jinkludi informazzjoni li kienet, jew miċħuda mis-SRB, jew diġà pubblika. Min-naħa l-oħra, hija kkonstatat, fil-punti 634 sa 643 ta’ din is-sentenza, li ma kienx intwera quddiemha li s-SRB jew il-Kummissjoni kienu responsabbli għall-iżvelar li wassal għal din l-informazzjoni.

375

Issa, fil-kuntest tar-raba’ lment tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti sempliċement jikkontestaw il-punti 625 u 627 sa 632 tas-sentenza appellata. Huma jsostnu li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali f’dawn il-punti, l-iżvelar intern irrapportat fl-artiklu tal-istampa ppubblikat, fil‑31 ta’ Mejju 2017, mill-aġenzija Reuters, kien jagħti x’jifhem li Banco Popular kienet ser tkun suġġetta għal azzjoni ta’ riżoluzzjoni u jsostnu li din l-informazzjoni ma kinitx pubblika minkejja l-fatt li artikli oħra kienu rrapportaw l-istess informazzjoni, minħabba l-fatt li dawn l-artikli l-oħra ma kinux semmew sorsi interni tal-Unjoni.

376

Għall-kuntrarju, l-appellanti ma jikkontestawx il-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 634 sa 639 tas-sentenza appellata, fis-sens li huma ma kinux stabbilixxew quddiem il-Qorti Ġenerali li l-allegat żvelar intern ta’ informazzjoni huwa imputabbli lil uffiċjal tal-Kummissjoni jew lil membru tal-persunal tas-SRB.

377

Sa fejn, abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, li ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità mill-Kummissjoni jew mis-SRB ma kienx ġie stabbilit, ir-raba’ lment huwa ineffettiv.

c)   Fuq il‑ħames sat‑tmien ilmenti tal‑ewwel parti tar‑raba’ aggravju

378

Il-ħames u s-sitt ilmenti tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju jirriżultaw minn qari manifestament żbaljat tas-sentenza appellata.

379

Fir-rigward tal-ħames ilment, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 637 sa 641 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma ddeċidiet dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità u d-dannu kkawżat, iżda eżaminat il-kwistjoni preliminari dwar jekk il-ksur ta’ dan l-obbligu, jekk jitqies li huwa stabbilit, setax jiġi imputat lill-Kummissjoni jew lis-SRB.

380

Fir-rigward tas-sitt ilment, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 643 sa 645 tal-imsemmija sentenza, li investigazzjoni interna kienet irrilevanti għall-evalwazzjoni ta’ aġir allegatament illegali li wassal għad-dannu invokat taħt l-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża, meta din titwettaq wara l-adozzjoni ta’ din l-iskema. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma ħadet pożizzjoni dwar ir-rilevanza ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll jew ta’ twissija, li jistgħu jipprevjenu li jseħħ tali dannu.

381

Is-seba’ lment jikkontesta l-punti 609 u 610 tas-sentenza appellata. F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-appellanti ma kinux identifikaw, minbarra l-intervista tal-Presidenta tas-SRB tat‑23 ta’ Mejju 2017 u l-artiklu ppubblikat mill-aġenzija Reuters tal‑31 ta’ Mejju 2017, allegati dikjarazzjonijiet oħra tas-SRB li, fil-fehma tagħhom, jiksru l-obbligu ta’ kunfidenzjalità.

382

Fl-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw “żvelar ta’ informazzjoni” lill-amministrazzjonijiet Spanjoli li għandhom membru fi ħdan is-SRB, billi jillimitaw ruħhom li jirreferu għal punti tar-rikors u tar-replika tagħhom fl-ewwel istanza. Madankollu, fl-appell tagħhom, huma ma wrewx li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-informazzjoni dwar l-imsemmi żvelar ta’ informazzjoni li tinsab f’dan ir-rikors u f’din ir-replika, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni dan l-“iżvelar ta’ informazzjoni” bħala dikjarazzjonijiet tas-SRB.

383

Għaldaqstant, is-seba’ lment huwa inammissibbli.

384

Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tmien ilment, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 647 sa 650 tas-sentenza appellata, l-ilment ibbażat fuq allegata attitudni passiva tas-SRB u tal-Kummissjoni, minħabba li l-appellanti ma kinux spjegaw dak li bih huma jikkritikawhom, u lanqas il-miżuri li dawn kellhom jadottaw u d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu obbligu li jaġixxu.

385

Għalkemm l-appellanti jikkontestaw il-fondatezza ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tagħhom, kif miġbura fil-qosor fil-punt 346 ta’ din is-sentenza, ma humiex ta’ natura li juru li l-Qorti Ġenerali żnaturat ir-rikors promotur tagħhom.

386

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

I. Fuq it‑tieni parti tar‑raba’ aggravju, dwar l‑eżistenza ta’ rabta kawżali

387

Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet, fil-punti 653 sa 674 tas-sentenza appellata, li ma kinitx teżisti rabta kawżali bejn l-allegat ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità u l-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular.

388

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali eżaminat l-allegata eżistenza ta’ rabta kawżali biss sussidjarjament, wara li kkonkludiet li ma kienx hemm ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità. Barra minn hekk, mill-analiżi tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju jirriżulta li l-argumenti kollha li jikkontestaw din il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali għandhom jiġu miċħuda.

389

Għaldaqstant, it-tieni parti tar-raba’ aggravju hija ineffettiva

J. Fuq it‑tielet parti tar‑raba’ aggravju dwar talba għad‑danni

390

Permezz tat-tielet parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti jsostnu li huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 678 sa 698 tas-sentenza appellata, it-talba għad-danni tagħhom relatata mal-annullament tal-Valutazzjoni 2, bħala inammissibbli.

391

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din it-talba kienet intiża, minn naħa, sabiex il-Valutazzjoni 2 tiġi annullata, u dan indipendentement minn eventwali annullament tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kontenzjuża u tad-Deċiżjoni 2017/1246, kif ukoll, min-naħa l-oħra, huma talbu kumpens fir-rigward ta’ din il-valutazzjoni.

392

Fir-rigward tal-ewwel kap tat-talbiet, għandu jitfakkar li l-Artikolu 20(15) tar-Regolament SRM jipprevedi li valutazzjoni bħalma hija l-Valutazzjoni 2 tifforma parti integrali mill-iskema ta’ riżoluzzjoni, filwaqt li jispeċifika espressament li tali valutazzjoni nnifisha, ma tistax tkun is-suġġett ta’ azzjoni legali distint, iżda tista’ tkun is-suġġett ta’ appell flimkien mad-deċiżjoni meħuda mis-SRB. Din id-dispożizzjoni tirrifletti għalhekk il-ġurisprudenza stabbilita dwar il-portata tal-Artikolu 263 TFUE, li tipprovdi li miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali ma għandhomx, waħedhom, effetti legali vinkolanti u, għaldaqstant, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament distint minn dak kontra d-deċiżjoni finali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

393

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta ċaħdet dan l-ewwel kap tat-talbiet bħala inammissibbli.

394

Fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa ġustament li l-Qorti Ġenerali ċaħditha bħala inammissibbli. Fil-fatt mill-punti 689 sa 698 tas-sentenza appellata jirriżulta li, il-Qorti Ġenerali qieset li r-rikors promotur fl-ewwel istanza ma kienx jippermetti li tinftiehem il-bażi legali ta’ din it-talba għad-danni mressqa fil-kuntest tal-kontestazzjoni tal-Valutazzjoni 2, fl-assenza ta’ kwalunkwe rabta li tinftiehem bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati u l-kumpens mitlub.

395

Issa, l-argument imressaq insostenn tal-appell lanqas ma jippermetti li tinftiehem il-bażi legali ta’ din it-talba.

396

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet bħala inammissibbli t-tieni kap tat-talbiet.

397

Minn dan isegwi li t-tielet parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda.

398

Peress li l-aggravji kollha invokati mill-apppellanti insostenn tal-appell tagħhom għandhom jiġu miċħuda, dan l-appell għandhom jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l‑ispejjeż

399

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

400

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli li, bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, japplika għall-proċedura ta’ appell, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

401

F’dan il-każ, peress li l-appellanti ħarġu telliefa, huma għandhom, fid-dawl tat-talbiet tal-Kummissjoni, tas-SRB u ta’ Banco Santander, jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, mis-SRB u minn Banco Santander.

402

Skont l-Artikolu 140(1) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, li, bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, japplika għall-proċedura ta’ appell, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fit-tilwima għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

403

Konsegwentement, ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Araceli García Fernández, Faustino González Parra, Fernando Luis Treviño de Las Cuevas, Juan Antonio Galán Alcázar, Lucía Palazuelo Vallejo-Nágera, Macon SA, Marta Espejel García, Memphis Investments Ltd, Pedro Alcántara de la Herrán Matorras, Pedro José de Jesús Benito Trebbau López, Pedro Regalado Cuadrado Martínez u María Rosario Mari Juan Domingo huma kkundannati, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tagħhom, għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) u minn Banco Santander SA.

 

3)

Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.