SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

29 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura u sajd – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Regolament (UE) Nru 1308/2013 – Artikolu 164(1) u (4) – Regoli ta’ kummerċjalizzazzjoni – Estensjoni ta’ ftehim interprofessjonali – Ftehim li jipprevedi regoli iktar stretti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawżi magħquda C‑501/22 sa C‑504/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑22 ta’ Lulju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

Association interprofessionnelle des fruits et légumes frais (Interfel)

vs

Ministère de l’Agriculture et de la Souveraineté alimentaire

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, D. Gratsias (Relatur), M. Ilešič, I. Jarukaitis u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Association interprofessionnelle des fruits u légumes frais (Interfel), par A. Bouviala, P. Morrier, S. Pelet-Serra u A. Soualem, avocats,

għall-Gvern Franċiż, minn G. Bain u J.-L. Carré, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn E. Leftheriotou, M. Tassopoulou u A.‑E. Vasilopoulou, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u R. Kissné Berta, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Konstantinidis u F. Le Bot, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 164(1) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, rettifiki fil-ĠU 2014, L 189, p.261, fil-ĠU 2016, L 130, p. 8, fil-ĠU 2020, L 1, p. 5, u fil-ĠU 2022, L 195, p. 106).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ erba’ kawżi bejn l-Association interprofessionnel des fruits et légumes friski (Interfel) u l-ministre de l’Agriculture et de la Souverainité alimentaires (il-Ministru għall-Agrikoltura u s-Sovranità Alimentari, Franza, iktar ’il quddiem il-“Ministru”), dwar ir-rifjuti ta’ dan tal-aħħar kontra erba’ talbiet ta’ Interfel intiżi għall-estensjoni tal-erba’ ftehimiet interprofessjonali konklużi minn Interfel lill-operaturi mhux affiljati ma’ din tal-aħħar.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament Nru 1234/2007

3

L-Artikolu 125a(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat‑22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ĠU 2007, L 299, p. 1 u rettifiki fil-ĠU 2009, L 230, p.6; ĠU 2010, L 220, p. 76; ĠU 2011, L 276, p. 63; ĠU 2011, L 313, p. 47; ĠU 2013, L 97, p. 4), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 361/2008 tal‑14 ta’ April 2008 (ĠU 2008, L 121, p. 1, rettifika fil-ĠU 2011, L 276, p. 63) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1234/2007”), jipprevedi:

“Ir-regoli ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjoni tal-produtturi fis-settur tal-frott u tal-ħaxix għandhom jeħtieġu li l-membri produtturi tagħha, b’mod partikolari:

(a)

japplikaw ir-regoli adottati mill-organizzazzjoni tal-produtturi fir-rigward tar-rapportar tal-produzzjoni, il-produzzjoni, il-kummerċja lizzazzjoni u l-ħarsien ta’ l-ambjent;

[…]”

4

L-Artikolu 125f ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi:

“F’każijiet fejn organizzazzjoni tal-produtturi fis-settur tal-frott u tal-ħaxix li topera f’żona ekonomika speċifika, rigward prodott speċi-fiku, titqies bħala rappreżentattiva tal-produzzjoni u tal-produtturi f’dik iż-żona, l-Istat Membru konċernat, fuq talba ta’ l-organizzazzjoni tal- produtturi, jista’ jagħmel ir-regoli li ġejjin obbligatorji għall-produtturi stabbiliti f’dik iż-żona ekonomika li ma jappartjenux għall-organizzaz zjoni tal-produtturi:

(a)

ir-regoli msemmijin fl-Artikolu 125a(1)(a),

[…]

Għandu japplika l-ewwel subparagrafu, sakemm dawk ir-regoli:

[…]

(b)

jiġu inklużi fil-lista eżawrjenti fl-Anness XVIa,

[…]”

5

L-Artikolu 125l tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“1.   F’każijiet fejn organizzazzjoni interprofessjonali li tkun qed topera f’reġjun speċifiku jew f’reġjuni speċifiċi ta’ Stat Membru titqies bħala rappreżentattiva tal-produzzjoni ta’ jew tal-kummerċ fi jew ta’ l-ipproċessar ta’ prodott partikolari, l-Istat Membru kkonċernat, fuq talba ta’ dik l-organizzazzjoni interprofessjonali, jista’ jagħmel wħud mill-ftehim, deċiżjonijiet jew prattika miftiehma li kien hemm qbil dwarhhom fi ħdan dik l-organizzazzjoni obbligatorji għal perijodu limitat għal operaturi oħra li joperaw fir-reġjun jew fir-reġjuni in kwistjoni, kemm jekk individwi jew gruppi, li ma jappartjenux għall-organizzazzjoni.

[…]

3.   Ir-regoli li għalihom tista’ tintalab estensjoni għal operaturi oħrajn:

[…]

(a)

għandu jkollhom wieħed mill-għanijiet li ġejjin:

[…]

(iv)

regoli dwar il-kummerċjalizzazzjoni,

[…]

4.   Ir-regoli msemmijin fil-punti (a)(ii), (iv) […] ta l-paragrafu 3 m’għandhomx ikunu għajr dawk stabbiliti fl-Anness XVIa. […]”

6

L-Anness XVIa tal-istess regolament, intitolat “Lista kompluta ta’ regoli li jistgħu jiġu estiżi għal produtturi mhux membri skond l-Artikolu 125F u l-Artikolu 125L u 125 l”, kien jinkludi punt 3 ifformulat kif ġej:

“3. Regoli ta’ kummerċjalizzazzjoni

(a)

dati speċifikati biex jibda l-ħsad, skaljonar tat-tqegħid fis-suq;

(b)

rekwiżiti minimi ta’ kwalità u ta’ daqs;

(c)

preparazzjoni, preżentazzjoni, ippakkjar u mmarkar fl-ewwel stadju tal-kummerċjalizzazzjoni;

(d)

indikazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodott.”

Ir-Regolament Nru 1308/2013

7

Skont l-Artikolu 230(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 1308/2013 ħassar, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2014, ir-Regolament Nru 1234/2007.

8

Il-premessi 132 u 134 tar-Regolament Nru1308/2013 huma fformulati kif ġej:

“(132)

L-organizzazzjonijiet interprofessjonali jistgħu jwettqu rwol importanti billi jippermettu djalogu bejn operaturi fil-katina ta’ provvista, u fil-promozzjoni tal-aħjar prattiki u tat-trasparenza tas-suq.

[…]

(134)

Id-dispożizzjonijiet eżistenti f’diversi setturi li jqawwu l-impatt ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi, l-assoċjazzjonijiet tagħhom u tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali billi jippermettu lill-Istati Membri, b’ċerti kundizzjonijiet, li jestendu ċerti regoli ta’ organizzazzjonijiet bħal dawn lil operaturi mhux membri, urew bil-provi li kienu effikaċi u għandhom ikunu armonizzati, razzjonalizzati u estiżi għas-setturi kollha.”

9

Il-parti II ta’ dan ir-regolament, intitolata ‘Suq intern’, tinkludi Titolu II, li min-naħa tiegħu huwa intitolat ‘Regoli dwar il-kummerċjalizzazzjoni u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi’. Il-Kapitolu I ta’ dan it-titolu, intitolat ‘Regoli dwar il-kummerċjalizzazzjoni’, jinkludi t-Taqsima 1, li hija stess hija intitolata ‘Standards għall-kummerċjalizzazzjoni’, li tinkludi s-Subtaqsima 2, intitolata ‘Standards għall-kummerċjalizzazzjoni skont is-settur jew il-prodott’, li tinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 74 sa 76 tal-imsemmi regolament.

10

L-Artikolu 74 tal-istess regolament, intitolat “Prinċipju ġenerali”, jipprevedi:

“Il-prodotti li għalihom ġew stabbiliti standards għall-kummerċjalizzazzjoni skont is-settur jew skont il-prodott f’konformità ma’ din it-Taqsima ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni [Ewropea] ħlief jekk jikkonformaw ma’ dawk l-istandards.”

11

L-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 1308/2013, intitolat “Stabbiliment u kontenut”, jipprevedi:

“1.   L-Istandards tat-tqegħid fis-suq jistgħu japplikaw għal wieħed jew iktar mis-setturi u l-prodotti li ġejjin:

[…]

(b)

frott u ħxejjex;

(c)

prodotti ta’ frott u ħxejjex ipproċessati;

[…]

3.   […] l-istandards għall-kummerċjalizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jkopru wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin: […]

[…]

(b)

kriterji ta’ klassifikazzjoni bħal gradazzjoni skont il-klassijiet, il-piż, id-daqs, iż-żmien u l-kategorija;

[…]”

12

L-Artikolu 76 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rekwiżiti addizzjonali għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti fis-settur tal-frott u l-ħxejjex”, kien jipprevedi li:

“1.   Barra minn hekk, fejn rilevanti għall-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni applikabbli msemmija fl-Artikolu 75, il-prodotti tas-settur tal-frott u l-ħxejjex li huma maħsuba li jinbigħu friski lill-konsumatur, jistgħu jiġu kummerċjalizzati biss jekk ikunu ta’ kwalità tajba, ġusta u kummerċjabbli u jekk il-pajjiż ta’ oriġini huwa indikat.

2.   L-istandards għall-kummerċjalizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll kwalunkwe standard tal-kummerċjalizzazzjoni applikabbli għas-settur tal-frott u l-ħxejjex f’konformità ma’ din is-subtaqsima, għandhom japplikaw f’kull stadju tal-kummerċjalizzazzjoni inkluż l-importazzjoni u l-esportazzjoni, u jistgħu ikopru l-kwalità, il-kategorizzazzjoni, il-piż, id-daqs, l-ippakkjar, l-imballaġġ, il-ħażna, it-trasport, il-preżentazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni.

3.   Id-detentur ta’ prodotti tas-settur tal-frott u l-ħxejjex koperti mill-istandards għall-kummerċjalizzazzjoni ma għandux jesponi tali prodotti, joffrihom għall-bejgħ, jew iqassamhom jew jikkummerċjalizzahom bi kwalunkwe mod ieħor fl-Unjoni ħlief f’konformità ma’ dawk l-istandards u għandu jkun responsabbli għall-iżgurar ta’ tali konformità.

4.   Sabiex tiżgura l-applikazzjoni tajba tar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u sabiex tieħu kont ta’ ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi, il-Kummissjoni [Ewropea] għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati f’konformità mal-Artikolu 227 dwar derogi speċifiċi f’dan l-Artikolu li huma neċessarji għall-applikazzjoni tajba tiegħu.”

13

It-titolu II tal-Parti II tar-Regolament Nru 1308/2013 jinkludi l-Kapitolu III, intitolat “Organizzazzjonijiet tal-produtturi u assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet interprofessjonali”. Dan il-Kapitolu III jinkludi t-Taqsima 3, intitolata “Estensjoni tar-regoli u kontribuzzjonijiet obbligatorji”, li minnha jagħmel parti l-Artikolu 164 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Estensjoni tar-regoli”, li huwa fformulat kif ġej:

“1.   F’każijiet fejn organizzazzjoni rikonoxxuta ta’ produtturi, assoċjazzjoni rikonoxxuta ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew organizzazzjoni interprofessjonali rikonoxxuta li topera f’żona ekonomika speċifika jew f’żoni speċifiċi ta’ Stat Membru titqies li tkun tirrappreżenta l-produzzjoni ta’ prodott partikolari, il-kummerċ jew l-ipproċessar tiegħu, l-Istat Membru konċernat jista’, fuq talba ta’ dik l-organizzazzjoni, jagħmel obbligatorji għal perijodu limitat xi wħud mill-ftehimiet, id-deċiżjonijiet jew il-prattiki miftiehma li kien hemm qbil dwarhom f’dik l-organizzazzjoni għal operaturi oħra li jaġixxu fid-distrett ekonomiku jew fid-distretti ekonomiċi inkwistjoni, sew bħala individwi jew bħala gruppi, u li ma jkunux jappartjenu għall-organizzazzjoni jew għall-assoċjazzjoni.

[…]

4.   Ir-regoli li għalihom tista’ tintalab estensjoni għal operaturi oħra kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkollhom wieħed mill-għanijiet li ġejjin:

(a)

rappurtar dwar il-produzzjoni u s-suq;

(b)

regoli ta’ produzzjoni aktar stretti minn dawk stabbiliti fir-regoli tal-Unjoni jew nazzjonali;

(c)

tfassil ta’ kuntratti standard li jkunu kompatibbli mar-regoli tal-Unjoni;

(d)

il-kummerċjalizzazzjoni;

(e)

il-ħarsien tal-ambjent;

(f)

miżuri biex jiġi promoss u sfruttat il-potenzjal tal-prodotti;

(g)

miżuri biex tiġi protetta l-biedja organika, kif ukoll id-denominazzjonijiet ta’ oriġini, it-tikketti tal-kwalità u l-indikazzjonijiet ġeografiċi;

(h)

riċerka biex jiżdied il-valur għall-prodotti, partikolarment permezz ta’ użi ġodda li ma jkunux ta’ theddida għas-saħħa pubblika;

(i)

studji biex titjieb il-kwalità tal-prodotti;

(j)

riċerka, b’mod partikolari dwar metodi ta’ kultivazzjoni li jippermettu użu anqas ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u għas-saħħa tal-annimali u li jiggarantixxu l-konservazzjoni tal-ħamrija u konservazzjoni jew titjib tal-ambjent;

(k)

definizzjoni ta’ kwalitajiet minimi u definizzjoni ta’ standards minimi dwar l-imballaġġ u l-preżentazzjoni;

(l)

użu ta’ żerriegħa ċertifikata u monitoraġġ tal-kwalità tal-prodott;

(m)

is-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti jew is-sigurtà tal-ikel;

(n)

il-ġestjoni ta’ prodotti sekondarji.

Dawk ir-regoli ma għandhomx jikkawżaw ħsara lil operaturi oħra fl-Istat Membru konċernat jew lill-Unjoni u ma għandu jkollhom l-ebda wieħed mill-effetti elenkati fl-Artikolu 210(4) jew ikunu xort’oħra inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jew mar-regoli nazzjonali fis-seħħ.

[…]”

14

L-Artikolu 210 tal-istess regolament, intitolat “Ftehimiet u prattiki miftiehma ta’ organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti”, jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“Il-ftehimiet, id-deċiżjonijiet u l-prattiki miftiehma għandhom fi kwalunkwe każ jiġu ddikjarati inkompatibbli mar-regoli tal-Unjoni jekk huma:

(a)

jistgħu, bi kwalunkwe mod, iwasslu għall-qsim tas-swieq fl-Unjoni;

(b)

jistgħu jaffettwaw il-funzjonament tajjeb tal-organizzazzjoni tas-suq;

(c)

jistgħu joħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li ma jkunux essenzjali għall-kisba tal-objettivi tal-PAK segwiti mill-attività tal-organizzazzjoni interprofessjonali;

(d)

jġibu magħhom l-iffissar ta’ prezzijiet jew l-iffissar ta’ kwoti;

(e)

jistgħu joħolqu diskriminazzjoni jew jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ proporzjon sostanzjali tal-prodotti inkwistjoni.jistgħu jaffettwaw l-operazzjoni soda tal-organizzazzjoni tas-suq.”

15

Skont l-Artikolu 230(2) tar-Regolament Nru 1308/2013 jirriżulta wkoll li r-riferimenti għar-Regolament Nru 1234/2007 għandhom jinftiehmu bħala, b’mod partikolari, riferimenti għar-Regolament Nru 1308/2013 u għandhom jiġu interpretati skont it-tabella ta’ korrispondenza li tinsab fl-Anness XIV ta’ dan l-aħħar regolament. Minn din it-tabella ta’ korrelazzjoni jirriżulta li l-Artikolu 113(1) tar-Regolament Nru 1234/2007 jikkorrispondi għall-Artikolu 75(1)(a) sa (e) u (2) tar-Regolament Nru 1308/2013 u li l-Artikolu 113a(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1234/2007 jikkorrispondi għall-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1308/2013. Skont l-imsemmija tabella, l-Artikoli 125f u 125l tar-Regolament Nru 1234/2007 jikkorrispondu għall-Artikolu 164 tar-Regolament Nru 1308/2013.

Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011

16

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas‑7 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU 2011, L 157, p. 1), kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/428 tat-‑12 ta’ Lulju 2018 (ĠU 2019, L 75, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011”), jipprevedi, fl-Artikolu 3(1) u (2) tiegħu:

“1.   Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 113a(1) tar-[Regolament Nru 1234/2007] għandhom iservu bħala l-istandard ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni. Id-dettalji tal-istandard ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni huma mogħtija fil-Parti A tal-Anness I għal dan ir-Regolament.

Il-frott u l-ħaxix li mhux kopert minn standard speċifiku tal-kummerċjalizzazzjoni għandu jikkonforma mal-istandard ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni. Madankollu, f’każijiet fejn min ikollu f’idejh il-prodotti jkun f’qagħda li juri li dawn huma konformi mal-istandards applikabbli adottati mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (in-NU/KEE), dawn il-prodotti għandhom jitqiesu li huma konformi mal-istandard ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni.

2.   L-istandards speċifiċi tal-kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 113(1)(b) tar-[Regolament Nru 1234/2007] huma mogħtija fil-Parti B tal-Anness I għal dan ir-Regolament għall-prodotti li ġejjin:

(a)

it-tuffieħ,

[…]

(c)

il-frott tal-kiwi,

[…]

(e)

il-ħawħ u n-nuċiprisk,

[…]”

17

Il-parti A tal-Anness I ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni hija intitolata “Standard Ġenerali tal-Kummerċjalizzazzjoni” u tinkludi taqsimiet iddedikati għar-“[r]ekwiiti minimi”, għall-“[r]ekwiżiti minimi tal-maturità”, għat-“[t]olleranza” u l-“[m]arka”.

18

Il-parti B ta’ dan l-anness, intitolata “Standards speċifiċi għat-tqegħid fis-suq”, tinkludi Parti 1, li min-naħa tagħha hija intitolata “L-istandard tal-kummerċjalizzazzjoni għat-tuffieħ”, li l-punt III tagħha, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Dispożizzjonijiet dwar id-daqs”, jipprevedi:

“Id-daqs huwa stabbilit jew skont id-dijametru massimu tas-sezzjoni ekwatorjali jew inkella skont il-piż.

[…]

Sabiex tiġi żgurata uniformità fid-daqs, il-firxa tad-daqsijiet tal-prodotti fl-istess pakkett ma għandhiex taqbeż:

(a)

Għall-frott imkejjel skont id-dijametru:

5 mm għall-frott tal-Klassi “Extra” u għall-frott tal-Klassijiet I u II ippakkjat fżringieli u safef. Madankollu, għat-tuffieħ tal-varjetajiet Bramley’s Seedling (Bramley, Triomphe de Kiel) u Horneburger, id-differenza fid-dijametru tista’ tilħaq sa 10 mm, u

10 mm għall-frott tal-Klassi I ippakkjat f’pakketti għall-bejgħ jew sfuż fil-pakkett. Madankollu, għat-tuffieħ tal-varjetajiet Nebbiet ta’ Bramley (Bramley, Triomphe de Kiel) u Horneburger, id-differenza fid-dijametru tista’ tkun sa 20 mm.

(b)

Għall-frott imkejjel skont il-piż:

Għall-frott tal-Klassi “Extra” u għall-frott tal-Klassijiet I u II ippakkjat f’ringieli u safef:

Firxa (gm)

Differenza fil-piż (gm)

70-90

15 g

91-135

20 g

136-200

30 g

201-300

40 g

> 300.

50 g

Għall-frott tal-Klassi I ippakkjat f’pakketti għall-bejgħ jew sfuż fil-pakkett:

Firxa (gm)

Uniformità (gm)

70-135

35

136-300

70

> 300

100

Ma hemmx limitu dwar uniformità fid-daqsijiet għall-frott tal-Klassi II ippakkjat f’pakketti għall-bejgħ jew sfuż fil-pakkett.

Varjetajiet ta’ tuffieħ ċkejken, immarkati b’“M” fl-appendiċi għal dan l-istandard, huma eżentati mid-dispożizzjonijiet dwar id-daqs. Dawk il-varjetajiet ċkejknin għandu jkollhom livell Brix […] minima [ikkalkolat skont il-linji gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) għat-twettiq tat-testijiet oġġettivi] ta’ 12.”

19

Il-parti B tal-imsemmi anness tinkludi wkoll Parti 3, intitolata “Standard tal-kummerċjalizzazzjoni għall-frott tal-kiwi”, li l-Punt II(B) tagħha, huwa stess intitolat “Rekwiżiti minimi tal-maturità”, jipprevedi:

“Il-frott tal-kiwi għandu jkun żviluppat biżżejjed u jkun misjur b’mod sodisfaċenti.

Sabiex jissodisfa dan ir-rekwiżit, meta jiġi ppakkjat, il-frott irid ikun laħaq grad ta’ sajran ta’ mill-inqas 6.2° Brix [ikkalkolat skont il-linji gwida tal-OECD għat-twettiq tat-testijiet oġġettivi] jew medja ta’ kontenut ta’ materja xotta ta’ 15%, li għandha twassal għal 9.5° Brix [ikkalkolat skont il-linji gwida tal-OECD għat-twettiq tat-testijiet oġġettivi] meta jidħol fil-katina tad-distribuzzjoni.”

20

Din il-parti B tinkludi wkoll Parti 5, intitolata “Standard tal-kummerċjalizzazzjoni tal-ħawħ u n-nuċiprisk”, li l-punt III tagħha, intitolat “Dispożizzjonijiet dwar id-daqs”, jipprevedi:

“[…] Id-daqs minimu għandu jkun:

56 mm jew 85 g fil-Klassi ‘Extra’,

51 mm jew 65 g fil-Klassijiet I u II.

Madankollu, frott li huwa iżgħar minn 56 mm jew 85 g ma jiġix ikkummerċjalizzat fil-perjodu bejn l-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Ottubru (emisferu tat-Tramuntana) u mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ April (emisferu ta’ Nofsinhar).

[…]”

Id‑dritt internazzjonali

21

In-NU/KEE ġiet stabbilita fl‑1947 permezz tar-Riżoluzzjoni 36 (IV), tat‑28 ta’ Marzu 1947, tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali (NU) (Ecosoc). Attwalment hija tiġbor fi ħdanha 56 pajjiż tal-Ewropa (inklużi l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea), tal-Komunità tal-Istati Indipendenti u tal-Amerika ta’ Fuq. Peress li l-Unjoni ma hijiex membru tan-Nazzjonijiet Uniti, hija lanqas ma hija membru tan-NU/KEE. Min-naħa l-oħra, hija tipparteċipa fin-NU/KEE bħala osservatur.

22

In-NU/KEE tinkludi, fi ħdanha, il-grupp ta’ ħidma tal-istandards ta’ kwalità tal-prodotti agrikoli, li adotta l-istandard NU/KEE FFV-15 dwar il-kummerċjalizzazzjoni u l-kontroll tal-kwalità kummerċjali tal-ħjar. Dan l-istandard, fil-verżjoni li tirriżulta mill-edizzjoni tiegħu tal‑2017 applikabbli għall-kawżi prinċipali inkwistjoni, jipprevedi, fil-punt III tiegħu, intitolat “Dispożizzjonijiet dwar id-daqs”:

“Id-daqs huwa ddeterminat mill-piż jew mill-kombinazzjoni tad-dijametru u tat-tul.

L-għoti tad-daqs huwa obbligatorju għall-klassijiet “Extra” u I.

Sabiex jiġi żgurat daqs omoġenju għall-prodotti tal-istess imballaġġ, għandha tiġi applikata waħda minn dawn iż-żewġ għażliet li ġejjin:

(a)

Daqs skont il-piż:

It-tqassim ta’ piż ma għandux jaqbeż:

1. 150 g meta l-iżgħar prodott wieħed ikun ta’ mill-inqas 400 g;

2. 100 g meta l-iżgħar prodott wieħed ikun ta’ bejn 180 u 400 g;

3. Il-ħjar li jiżnu inqas minn 180 g għandhom ikunu ta’ piż raġonevolment omoġenju.

(b)

Daqs permezz tat-tul u d-dijametru

Il-tqassim tat-tul ma għandhiex tkun iktar minn 5 cm, u l-ħjar għandu jkollhom dijametru raġonevolment omoġenju.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id‑dritt Franċiż

23

It-tieni paragrafu tal-Artikolu L. 632-2-1 tal-code rural et de la pêche maritime (il-Kodiċi dwar l-Agrikoltura u s-Sajd Marittimu) jipprevedi:

“[L-organizzazzjonijiet interprofessjonali] jistgħu jiddefinixxu, fil-kuntest ta’ ftehimiet interprofessjonali, kuntratti standard, li huma jistgħu jitolbu l-estensjoni tagħhom lill-awtorità amministrattiva, li jinkludu mudelli ta’ abbozzar […], kif ukoll klawżoli dwar miżuri ta’ regolazzjoni tal-volumi bl-għan li jadattaw l-offerta għad-domanda. […]”

24

L-Artikolu L. 632-3 ta’ dan il-kodiċi jiddikjara:

“Il-ftehimiet konklużi fil-kuntest ta’ organizzazzjoni interprofessjonali rrikonoxxuta jistgħu jiġu estiżi, għal tul ta’ żmien determinat, totalment jew parzjalment, mill-awtorità amministrattiva kompetenti meta huma jipprevedu azzjonijiet komuni jew li huma intiżi għal interess komuni li huma konformi mal-interess ġenerali u li huma kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.”

25

Skont l-Artikolu L. 632-4 tal-imsemmi kodiċi:

“[…]

L-estensjoni tal-ftehimiet [konklużi fil-kuntest ta’ organizzazzjoni interprofessjonali rrikonoxxuta] hija wkoll suġġetta għall-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea applikabbli għal dawn il-ftehimiet.

[…]

Meta l-estensjoni tiġi deċiża, il-miżuri b’hekk previsti huma obbligatorji għall-membri kollha tal-professjonijiet li jikkostitwixxu din l-organizzazzjoni interprofessjonali.

[…]”

Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari

Il‑Kawża C‑501/22

26

Interfel hija organizzazzjoni interprofessjonali agrikola rrikonoxxuta abbażi tal-Artikolu L. 632–1 tal-code rural et de la pêche maritime (il-Kodiċi Rurali u tas-Sajd Marittimu). Fl‑10 ta’ Ġunju 2020, hija kkonkludiet ftehim interprofessjonali intitolat “Ħawħ-nuċipriski”), għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2021-2023 li jipprevedi, b’mod partikolari, il-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-ħawħ jew tan-nuċipriski ta’ daqs żgħir (daqs D), matul il-perijodu kollu ta’ kummerċjalizzazzjoni kkonċernat. Hija talbet lill-Ministru l-estensjoni ta’ dan il-ftehim interprofessjonali lil operaturi oħra, u ġġustifikat tali talba sabiex tiġi ggarantita l-kwalità tal-frott mibjugħ lill-konsumaturi.

27

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Settembru 2020, il-Ministru rrifjuta li jilqa’ din it-talba. Interfel ippreżentat rikors quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

28

Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jindika li l-ftehim ħawħ-nuċipriski jipprevedi li l-ħawħ u n-nuċipriski prodotti fi Franza, intiżi sabiex jiġu kkummerċjalizzati fis-suq Franċiż u għall-esportazzjoni, huma suġġetti għal daqs minimu ta’ 56 mm jew ta’ 85 g fl-istadji kollha tal-kummerċjalizzazzjoni u matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kkonċernata kollha. Issa, tali dispożizzjonijiet huma iktar stretti mid-dispożizzjonijiet tal-punt III tal-Parti B tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011.

29

Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iżid li Interfel, b’mod partikolari, qajmet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Ministru ma setax legalment jirrifjuta li jestendi l-ftehim ħawħ-nuċipriski għal operaturi oħra. Skont il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), l-eżami ta’ dan il-motiv jirrikjedi li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk l-Artikolu 164(4) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza l-estensjoni lil operaturi oħra ta’ ftehimiet interprofessjonali li jipprevedu regoli iktar stretti minn dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mhux biss, fir-rigward ta’ “regoli ta’ produzzjoni”, fis-sens tal-punt (b) ta’ dan il-paragrafu 4, iżda wkoll, fir-rigward tar-regoli kollha li jirrigwardaw oġġett wieħed jew iktar imsemmija fil-punti (a) u (c) sa (n) tal-imsemmi paragrafu 4 u, b’mod partikolari, għall-kwistjoni dwar jekk din id-dispożizzjoni tawtorizzax l-adozzjoni, fil-forma ta’ ftehim interprofessjonali, ta’ regoli ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ frott jew ta’ ħaxix li jaqgħu taħt kategorija partikolari iktar stretti minn dawk previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u l-estensjoni ta’ dawn ir-regoli għall-operaturi kollha.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 164 tar-Regolament [Nru 1308/2013] għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza l-estensjoni ta’ ftehimiet interprofessjonali li jipprevedu regoli iktar stretti minn dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mhux biss fil-qasam tar-“regoli ta’ produzzjoni” imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, iżda wkoll fl-oqsma kollha, imsemmija fil-punt (a) u fil-punti (c) sa (n), li fir-rigward tagħhom jipprevedi li tista’ tintalab l-estensjoni ta’ ftehim interprofessjonali, u b’mod partikolari jekk dan l-artikolu jawtorizzax, fejn il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tipprevedi regoli ta’ kummerċjalizzazzjoni għal kategorija partikolari ta’ frott jew ta’ ħaxix, l-adozzjoni ta’ regoli iktar restrittivi, fil-forma ta’ ftehim interprofessjonali, u l-estensjoni tagħhom għall-operaturi kollha?”

Il‑Kawża C‑502/22

31

Fl‑10 ta’ Ġunju 2020, Interfel ikkonkludiet ftehim interprofessjonali intitolat “Ħjar tat-tip twil jew Olandiż”, relatat mas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2021–2023 (iktar ’il quddiem il-“ftehim ħjar”). Hija talbet lill-Ministru l-estensjoni ta’ dan il-ftehim interprofessjonali lil operaturi oħra, u ġġustifikat tali talba sabiex tiġi ggarantita l-kwalità tal-ħjar mibjugħ lill-konsumaturi.

32

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Settembru 2020, il-Ministru rrifjuta li jilqa’ din it-talba. Interfel ippreżentat rikors quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

33

Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jindika li l-ftehim ħjar jipprevedi li d-daqs tal-ħjar prodott fi Franza metropolitana u mibjugħ fil-kategorija “Extra” jew I huwa ddeterminat esklużivament mill-piż, bl-esklużjoni ta’ kull skala ta’ daqs li jassoċja d-dijametru u t-tul, li l-piż minimu tagħhom huwa ta’ 250 g u li kalibrazzjoni omoġenja hija obbligatorja għall-ħjar fil-kategorija “Extra” jew “I”, peress li l-istess imballaġġ għandu jkun fih biss prodotti li jikkorrispondu għall-istess kategorija tal-iskala ta’ daqs iddefinita. Skont il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), tali dispożizzjonijiet huma iktar stretti minn dawk li jirriżultaw, minn naħa, mill-istandard ġenerali ta’ kummerċjalizzazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 543/2011, li ma jsemmi ebda regola ta’ daqs ta’ prodotti, u, min-naħa l-oħra, mill-istandard NU/KEE FFV-15, dwar iċ-ċertifikazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-kontroll tal-kwalità kummerċjali tal-ħjar.

34

Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iżid li Interfel qajmet, b’mod partikolari, motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Ministru ma setax legalment jirrifjuta li jestendi l-ftehim ħjar għal operaturi oħra. Skont il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), l-eżami ta’ dan il-motiv jirrikjedi li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk l-Artikolu 164(4) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li jawtorizza l-estensjoni lil operaturi oħra ta’ ftehimiet interprofessjonali li jipprevedu regoli iktar stretti minn dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mhux biss, fir-rigward ta’ “regoli ta’ produzzjoni”, fis-sens tal-punt (b) ta’ dan il-paragrafu 4, iżda wkoll, fir-rigward tar-regoli kollha li jirrigwardaw wieħed jew iktar mill-għanijiet imsemmija fil-punti (a) u (c) sa (n) tal-imsemmi paragrafu 4 u, min-naħa l-oħra, li, fl-assenza ta’ regoli speċifiċi għal kategorija partikolari ta’ frott jew ta’ ħaxix previsti mid-dritt tal-Unjoni, jawtorizza l-estensjoni għal operaturi oħra ta’ tali ftehimiet li jipprevedu regoli iktar stretti minn dawk previsti mill-istandards applikabbli, adottati min-NU/KEE.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

L-Artikolu 164 tar-Regolament [Nru 1308/2013] għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza l-estensjoni ta’ ftehimiet interprofessjonali li jipprevedu regoli iktar stretti minn dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mhux biss fil-qasam tar-“regoli ta’ produzzjoni” imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, iżda wkoll fl-oqsma kollha, imsemmija fil-punt (a) u fil-punti (c) sa (n) [ta’ dan il-paragrafu 4], li fir-rigward tagħhom jipprevedi li tista’ tintalab l-estensjoni ta’ ftehim interprofessjonali?

2.

Fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni speċifiċi għal kategorija partikolari ta’ frott jew ta’ ħaxix, l-Artikolu 164 tar-Regolament Nru 1308/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza l-estensjoni ta’ ftehimiet interprofessjonali li jipprevedu regoli iktar stretti mill-istandards applikabbli adottati [min-NU-KEE] li għalihom jirreferi d-dritt [tal-Unjoni]?”

Il‑Kawża C‑503/22

36

Fl‑10 ta’ Ġunju 2020, Interfel ikkonkludiet ftehim interprofessjonali intitolat “Tuffieħa – daqs bil-piż”, relatat mas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2021-2023 (iktar ’il quddiem il-“ftehim tuffieħ”). Hija talbet lill-Ministru l-estensjoni ta’ dan il-ftehim interprofessjonali lil operaturi oħra, u ġġustifikat tali talba sabiex tiġi ggarantita l-kwalità tal-frott mibjugħ lill-konsumaturi.

37

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2020, il-Ministru rrifjuta li jilqa’ din it-talba. Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jirrileva li din id-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2020 għandha titqies bħala deċiżjoni li tirrevoka d-deċiżjoni ta’ aċċettazzjoni tat-talba għal estensjoni ta’ Interfel, meqjusa li ttieħdet, skont l-Artikolu L. 632–4 tal-code rural et de la pêche maritime (il-Kodiċi Rurali u tas-Sajd Marittimu), fin-nuqqas ta’ deċiżjoni espliċita meħuda fuq l-imsemmija talba għal estensjoni fi tmiem it-terminu ta’ investigazzjoni previst, li kien ġie pprorogat sas‑7 ta’ Novembru 2020. Interfel ippreżentat rikors quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), intiż għall-annullament tal-imsemmija tal‑20 ta’ Novembru 2020.

38

Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jindika li l-ftehim tuffieħ, minn naħa, jipprevedi daqs esklużiv skont il-piż, u b’hekk jeskludi d-daqs bid-dijametru previst fil-punt III tal-parti 1 tal-Parti B tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 u, min-naħa l-oħra, jistipula li t-tuffieħ ikklassifikat fil-kategoriji I u II, ippakkajti f’ringiela jew safef fl-istess pakkett, għandhom josservaw waħda mill-erbatax-il tqassim ta’ daqs previsti f’dan il-ftehim u li t-tuffieħ tal-kategorija I li jinsab fi kwantitajiet kbar fl-istess imballaġġ għandu josserva tmien tqassim ta’ daqs imsemmija fl-imsemmi ftehim, dan it-tqassim huwa iktar iddettaljat minn dak previsti fil-punt III tal-parti 1 tal-Parti B tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011.

39

Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iżid li Interfel, b’mod partikolari, qajmet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Ministru ma setax legalment jirrevoka d-deċiżjoni tiegħu ta’ aċċettazzjoni tat-talba għal estensjoni tal-ftehim tuffieħ għal operaturi oħra. Skont il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), l-eżami ta’ dan il-motiv jirrikjedi li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk l-Artikolu 164(4) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza l-estensjoni lil operaturi oħra ta’ ftehimiet interprofessjonali li jipprevedu regoli iktar stretti minn dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mhux biss, fir-rigward ta’ “regoli ta’ produzzjoni”, fis-sens tal-punt (b) ta’ dan il-paragrafu 4, iżda wkoll, fir-rigward tar-regoli kollha li jirrigwardaw wieħed jew iktar mill-għanijiet imsemmija fil-punti (a) u (c) sa (n) tal-imsemmi paragrafu 4. Fil-każ li r-risposta għad-domanda preċedenti tkun differenti skont jekk humiex inkwistjoni r-“regoli ta’ kummerċjalizzazzjoni” imsemmija fil-punt (d) tal-istess paragrafu 4, jew l-i“standards minimi dwar l-imballaġġ u l-preżentazzjoni” imsemmija fil-punt (k) tal-istess paragrafu, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jixtieq ikun jaf jekk l-istabbiliment ta’ tqassim ta’ daqs maħsub sabiex jiżgura l-omoġeneità tal-prodotti tal-istess pakkett jaqax f’dawn ir-regoli jew f’dawn l-istandards.

40

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

L-Artikolu 164 tar-Regolament [Nru 1308/2013] għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza l-estensjoni ta’ ftehimiet interprofessjonali li jipprevedu regoli iktar stretti minn dawk stabbiliti [mil-]leġiżlazzjoni tal-Unjoni mhux biss fil-qasam tar-“regoli ta’ produzzjoni” imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, iżda wkoll fl-oqsma kollha, imsemmija fil-punt (a) u fil-punti (c) sa (n), li fir-rigward tagħhom jipprevedi li tista’ tintalab l-estensjoni ta’ ftehim interprofessjonali, u b’mod partikolari jawtorizza, fejn il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tipprevedi regoli ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ imballaġġ għal kategorija partikolari ta’ frott jew ta’ ħaxix, l-adozzjoni ta’ regoli iktar restrittivi permezz ta’ ftehim interprofessjonali, u l-estensjoni tagħhom għall-operaturi kollha?

2.

Fil-każ li r-risposta għad-domanda preċedenti tkun differenti skont jekk humiex inkwistjoni r-“regoli ta’ kummerċjalizzazzjoni” imsemmija fil-punt (d) [tal-paragrafu 4] ta’ dan l-artikolu jew l-“[i]standards minimi dwar l-imballaġġ u l-preżentazzjoni” imsemmija fil-punt (k) tal-istess [paragrafu], l-istabbiliment ta’ tqassim skont id-daqs intiż li jiżgura l-uniformità tal-prodotti fl-istess pakkett jaqa’ taħt ir-regoli ta’ kummerċjalizzazzjoni jew taħt l-istandards dwar l-imballaġġ?”

Il‑Kawża C 504/22

41

Fl‑10 ta’ Ġunju 2020, Interfel ikkonkludiet ftehim interprofessjonali intitolat “Kiwi Hayward – data tal-ħsad u tal-kummerċjalizzazzjoni – Maturità”, relatata mas-snin 2021–2023 (iktar ’il quddiem il-“ftehim kiwis”). Hija talbet lill-Ministru l-estensjoni ta’ dan il-ftehim interprofessjonali lil operaturi oħra, u ġġustifikat tali talba sabiex tiġi ggarantita l-kwalità tal-frott mibjugħ lill-konsumaturi.

42

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Ottubru 2020, il-Ministru rrifjuta li jilqa’ din it-talba. Interfel ippreżentat rikors quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

43

Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jindika li l-ftehim kiwis jipprevedi li l-kiwis ġejjin mill-kultivazzjoni Actinidia Deliciosa tal-varjetà Hayward, prodotti fi Franza, ma jistgħux jinħasdu qabel l‑10 ta’ Ottubru u kkummerċjalizzati qabel is‑6 ta’ Novembru fi Franza. Tali dispożizzjonijiet huma iktar stretti mid-dispożizzjonijiet previsti fil-punt II, B tal-parti 3 tal-Parti B tal-Anness I, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, li, minbarra r-rekwiżiti minimi fil-qasam tal-maturità, ma jipprevedu ebda kundizzjoni dwar id-dati tal-ħsad u tal-kummerċjalizzazzjoni.

44

Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iżid li Interfel qajmet, b’mod partikolari, motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Ministru ma setax legalment jirrifjuta li jestendi l-ftehim kiwis għal operaturi oħra. Skont il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), l-eżami ta’ dan il-motiv jirrikjedi li tingħata risposta għad-domanda dwar, l-ewwel, jekk l-Artikolu 164(4) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza l-estensjoni għal operaturi oħra ta’ ftehimiet interprofessjonali li jipprevedu regoli iktar stretti minn dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mhux biss, fir-rigward ta’ “regoli ta’ produzzjoni”, fis-sens tal-punt (b) ta’ dan il-paragrafu 4, iżda wkoll fir-rigward tar-regoli kollha li jirrigwardaw oġġett wieħed jew iktar imsemmija fil-punti (a) u (c) sa (n) tal-imsemmi paragrafu 4 u, it-tieni, għalkemm l-iffissar, minn naħa, tad-dati tal-ħsad u, min-naħa l-oħra, tad-dati tal-kummerċjalizzazzjoni, jaqa’ taħt l-applikazzjoni tar-regoli li jistgħu jiġu stabbiliti permezz ta’ ftehim interprofessjonali u estiżi skont l-Artikolu 164 tar-Regolament Nru 1308/2013 u, fl-affermattiv, jekk l-iffissar ta’ tali dati jaqax taħt l-applikazzjoni tar-“regoli ta’ produzzjoni”, fis-sens tal-punt (b) tal-istess paragrafu 4 jew, kif kien jipprevedi preċedentement l-Anness XVIa tar-Regolament Nru 1234/2007, taħt l-applikazzjoni tar-“regoli dwar il-kummerċjalizzazzjoni”.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

L-Artikolu 164 tar-Regolament [Nru 1308/2013] għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza l-estensjoni ta’ ftehimiet interprofessjonali li jipprevedu regoli iktar stretti minn dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mhux biss fil-qasam tar-‘regoli ta’ produzzjoni’ imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, iżda wkoll fl-oqsma kollha, imsemmija fil-punt (a) u fil-punti (c) sa (n) [ta’ dan il-paragrafu 4], li fir-rigward tagħhom jipprevedi li tista’ tintalab l-estensjoni ta’ ftehim interprofessjonali?

2.

L-iffissar ta’ dati ta’ ħsad, minn naħa, u ta’ dati ta’ kummerċjalizzazzjoni, min-naħa l-oħra, jaqa’ taħt ir-regoli li jistgħu jiġu ffissati permezz ta’ ftehim interprofessjonali u estiżi abbażi tal-Artikolu 164 tar-Regolament Nru 1308/2013, u, jekk iva, l-iffissar ta’ tali dati ta’ ħsad u ta’ kummerċjalizzazzjoni jaqgħu taħt ir-‘regoli ta’ produzzjoni’ imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu jew, kif kien jipprevedi preċedentement l-Anness XVIa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Regolament dwar OKS Unika) […], taħt ‘regoli ta’ kummerċjalizzazzjoni’, li issa huma msemmija fil-punt (d) tal-istess Artikolu 164(4)?”

46

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑9 ta’ Settembru 2022, il-Kawżi C‑501/22 sa C‑504/22 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq it‑tieni domanda fil-Kawża C‑504/22

47

Permezz tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑504/22, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 164 tar-Regolament Nru 1308/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-iffissar, permezz ta’ ftehim, ta’ deċiżjoni jew ta’ prattika miftiehma adottati fil-kuntest ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi rikonoxxuta, ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi rikonoxxuta jew ta’ organizzazzjoni interprofessjonali rrikonoxxuta, ta’ dati ta’ ħsad jew ta’ dati ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott agrikolu, jaqa’ taħt l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu.

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont il-punt 3(a) tal-Anness XVIa tar-Regolament Nru 1234/2007, id-dati previsti għall-bidu tal-ħsad u għall-iskalar tal-kummerċjalizzazzjoni kienu jinsabu, skont ir-regoli ta’ kummerċjalizzazzjoni, fi ħdan il-lista eżawrjenti tar-regoli li setgħu jiġu estiżi għall-produtturi li ma humiex membri ta’ organizzazzjoni interprofessjonali skont l-Artikoli 125f u 125l ta’ dan ir-regolament. Dawn l-artikoli jikkorrispondu, skont l-Artikolu 230 tar-Regolament Nru 1308/2013, għall-Artikolu 164 tiegħu.

49

Barra minn hekk, dan l-Artikolu 230 ħassar, fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Anness XVIa tar-Regolament Nru 1234/2007. L-Artikolu 164 tar-Regolament Nru 1308/2013 jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu, li r-regoli li tista’ tintalab l-estensjoni tagħhom lil operaturi oħra jirrigwardaw wieħed mill-għanijiet previsti f’dan il-paragrafu, li fosthom hemm il-kummerċjalizzazzjoni. Madankollu, dan l-aħħar regolament ma jinkludix dispożizzjoni analoga għall-punt 3 tal-imsemmi anness li tistabbilixxi lista eżawrjenti tar-regoli ta’ kummerċjalizzazzjoni li jistgħu jiġu estiżi għall-operaturi l-oħra. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li r-Regolament Nru 1308/2013 huwa intiż għall-“kummerċjalizzazzjoni” fis-sens wiesa’ tagħha.

50

Minn dan jirriżulta li, billi naqas milli jsemmi, skont ir-Regolament Nru 1308/2013, lista eżawrjenti tar-regoli ta’ kummerċjalizzazzjoni li jistgħu jiġu estiżi għall-operaturi mhux membri, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fi kwalunkwe każ, ma kellux l-intenzjoni li jirrestrinġi, f’dan ir-rigward, il-portata tal-Artikolu 164 ta’ dan ir-regolament meta mqabbel ma’ dik tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament Nru 1234/2007 li huwa ħassar.

51

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda fil-Kawża C‑504/22 għandha tkun li l-Artikolu 164 tar-Regolament Nru 1308/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iffissar permezz ta’ ftehim, ta’ deċiżjoni jew ta’ prattika miftiehma deċiżi fil-kuntest ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi rrikonoxxuta, ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi rrikonoxxuta jew ta’ organizzazzjoni interprofessjonali rrikonoxxuta, ta’ dati tal-ħsad jew ta’ dati ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott agrikolu jaqa’ taħt l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu.

Fuq id‑domandi fil-Kawżi C‑501/22 u C‑502/22 kif ukoll fuq l-ewwel domandi fil-Kawżi C‑503/22 u C‑504/22

52

Permezz tad-domanda tagħha fil-Kawża C‑501/22, permezz tad-domandi tagħha fil-Kawża C‑502/22 kif ukoll permezz tal-ewwel domandi fil-Kawżi C‑503/22 u C‑504/22, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 164(1) u (4) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’, fuq talba ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi rrikonoxxuta, ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi rrikonoxxuta jew ta’ organizzazzjoni interprofessjonali rrikonoxxuta, li joperaw f’wieħed jew f’diversi distretti ekonomiċi speċifiċi ta’ dan l-Istat Membru u li huma kkunsidrati bħala rappreżentattivi tal-produzzjoni, tal-kummerċ jew tal-ipproċessar ta’ prodott partikolari, irendi vinkolanti ċerti ftehimiet, ċerti deċiżjonijiet jew ċerti prattiki miftiehma adottati fil-kuntest ta’ din l-organizzazzjoni ta’ produtturi, ta’ din l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew ta’ din l-organizzazzjoni interprofessjonali, għal operaturi oħra li joperaw f’dawn id-distretti ekonomiċi u li ma humiex membri tal-imsemmija organizzazzjoni ta’ produtturi, tal-imsemmija assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew tal-imsemmija organizzazzjoni interprofessjonali, meta r-regoli previsti minn dawn il-ftehimiet, dawn id-deċiżjonijiet jew dawn il-prattiki miftiehma, li jirrigwardaw wieħed jew iktar mill-għanijiet elenkati fil-paragrafu 4(a) u (c) sa (n), minn dan l-artikolu, huma iktar stretti minn dawk previsti mil-leġiżlazzjonijiet tal-Unjoni jew mill-istandards adottati min-NU/KEE.

53

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-imsemmija leġiżlazzjoni tfittex li tilħaq, li l-istess dispożizzjoni tifforma parti minnha (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem), C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ tkun suġġetta għal diversi interpretazzjonijiet, għandha tingħata preferenza lil dik li hija ta’ natura li tissalvagwardja l-effett utli tagħha (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Cristal Union,C‑31/17, EU:C:2018:168, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm, b’differenza mill-formulazzjoni tal-Artikolu 164(4)(b) tar-Regolament Nru 1308/2013, il-formulazzjoni tal-Artikolu 164(4) (a) u (c) sa (n) tiegħu ma tkoprix regoli “iktar stretti minn dawk stabbiliti mil-liġijiet tal-Unjoni jew dawk nazzjonali”, din l-aħħar formulazzjoni ma teskludix madankollu, b’mod espress, il-possibbiltà ta’ estensjoni għal operaturi oħra ta’ regoli iktar stretti minn dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjonijiet tal-Unjoni.

56

Fir-rigward tal-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 164(1) u (4) tar-Regolament Nru 1308/2013, għandu jiġi kkonstatat li dan l-Artikolu 164, li jagħmel parti mit-Taqsima 3 tal-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, intitolat “Estensjoni tar-regoli u kontribuzzjonijiet obbligatorji”, jikkostitwixxi bażi li tippermetti l-estensjoni ta’ ċerti regoli adottati minn organizzazzjoni tal-produtturi rrikonoxxuta, assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rrikonoxxuta jew organizzazzjoni interprofessjonali rrikonoxxuta lill-operaturi li ma humiex membri tal-organizzazzjoni kkonċernata. Tali possibbiltà ta’ estensjoni għandha tinftiehem fid-dawl tal-Artikolu 74 ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi li l-prodotti li għalihom standards ta’ kummerċjalizzazzjoni jkunu ġew stabbiliti għal kull settur jew għal kull prodott jistgħu jiġu kkummerċjalizzati fl-Unjoni biss jekk ikunu konformi ma’ dawn l-istandards.

57

B’hekk, minn dan l-Artikolu 74 jirriżulta li kull operatur, irrispettivament minn jekk ikunx membru jew le ta’ organizzazzjoni tal-produtturi rrikonoxxuta, ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi rrikonoxxuta jew ta’ organizzazzjoni interprofessjonali rrikonoxxuta, għandu josserva r-regoli previsti mill-imsemmija standards, sabiex ikun jista’ jikkummerċjalizza l-prodotti tiegħu.

58

Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 164(4)(a) u (c) sa (n) tar-Regolament Nru 1308/2013 jitilfu l-effett utli tagħhom jekk Stat Membru ma jkunx jista’ jrendi vinkolanti regoli stabbiliti minn ftehim bħal dak previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu li jmorru lil hinn mir-regoli imposti diġà skont l-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni applikabbli skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

59

Tali interpretazzjoni hija, barra minn hekk, konformi mal-għanijiet imsemmija fil-premessi 132 u 134 tar-Regolament Nru 1308/2013. Kif tindika l-ewwel waħda minnhom, l-organizzazzjonijiet interprofessjonali jistgħu jwettqu rwol importanti billi jippermettu djalogu bejn l-operaturi fil-katina ta’ provvista, u fil-promozzjoni tal-aħjar prattiki u tat-trasparenza tas-suq. Kif jirriżulta mit-tieni waħda minnhom, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li d-dispożizzjonijiet eżistent f’diversi setturi, li jistimulaw l-azzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi, tal-assoċjazzjonijiet tagħhom u tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali billi jippermettu lill-Istati Membri, b’ċerti kundizzjonijiet, li jestendu ċerti regoli ta’ organizzazzjonijiet bħal dawn lill-operaturi mhux membri, urew li kienu effikaċi u għandhom ikunu armonizzati, razzjonalizzati u estiżi għas-setturi kollha.

60

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 164(1) tar-Regolament Nru 1308/2013, tali estensjoni ma hijiex obbligatorja, iżda tikkostitwixxi sempliċi fakultà għall-Istat Membru kkonċernat, li jevalwa b’mod indipendenti n-natura opportuna ta’ din l-estensjoni.

61

Issa, fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà u sabiex jiġi żgurat li tali eżerċizzju jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet imfakkra fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 164(4) tar-Regolament Nru 1308/2013 jipprevedi li l-estensjoni ta’ tali regoli għall-operaturi li ma humiex membri tal-organizzazzjoni jew tal-assoċjazzjoni li fil-kuntest tagħha dawn ġew adottati hija eskluża meta dawn jippreġudikaw lil dawn l-operaturi, meta dawn ikollhom l-effetti elenkati fl-Artikolu 210(4) ta’ dan ir-regolament jew meta dawn ikunu kuntrarji għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew għal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ.

62

Barra minn hekk, fir-rigward tal-istandards adottati min-NU/KEE, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 543/2011, moqri fid-dawl tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1308/2013, jipprevedi li r-rekwiżiti stabbiliti f’din l-aħħar dispożizzjoni huma indikati bħala standard ġenerali għall-kummerċjalizzazzjoni li miegħu l-frott u l-ħaxix li ma jaqax taħt standard speċifiku ta’ kummerċjalizzazzjoni għandu jkun konformi, filwaqt li jipprevedi, madankollu, li jekk id-detentur ikun f’pożizzjoni li juri li l-prodotti huma konformi ma’ wieħed mill-istandards tan-NU/KEE, huma jitqiesu li huma konformi mal-istandard ġenerali ta’ kummerċjalizzazzjoni. Minn dan isegwi li l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 55 sa 61 ta’ din is-sentenza japplikaw mutatis mutandis għall-istandards adottati min-NU/KEE.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda fil-Kawża C‑501/22, għad-domandi fil-Kawża C‑502/22 kif ukoll għall-ewwel domandi fil-Kawżi C‑503/22 u C‑504/22 għandha tkun li l-Artikolu 164(1) u (4) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’, fuq talba ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi rrikonoxxuta, ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi rrikonoxxuta, jew ta’ organizzazzjoni interprofessjonali rrikonoxxuta, li joperaw f’wieħed jew f’diversi distretti ekonomiċi speċifiċi ta’ dan l-Istat Membru u li huma kkunsidrati bħala rappreżentattivi tal-produzzjoni, tal-kummerċ jew tal-ipproċessar ta’ prodott partikolari, li jrendu vinkolanti ċerti ftehimiet, ċerti deċiżjonijiet jew ċerti prattiki miftiehma adottati fil-kuntest ta’ din l-organizzazzjoni ta’ produtturi, ta’ din l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew ta’ din l-organizzazzjoni interprofessjonali, għal operaturi oħra li joperaw f’dawn id-distretti ekonomiċi u li ma humiex membri tal-imsemmija organizzazzjoni ta’ produtturi, tal-imsemmija assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew tal-imsemmija organizzazzjoni interprofessjonali, meta r-regoli previsti minn dawn il-ftehimiet, dawn id-deċiżjonijiet jew dawn il-prattiki miftiehma, li jirrigwardaw wieħed jew iktar mill-għanijiet elenkati fil-paragrafu 4(a) u (c) sa (n), ta’ dan l-artikolu, huma iktar stretti minn dawk previsti mil-leġiżlazzjonijiet tal-Unjoni jew mill-istandards adottati min-NU/KEE.

Fuq it‑tieni domanda fil-Kawża C‑503/22

64

It-tieni domanda fil-Kawża C‑503/22 saret biss fil-każ fejn ir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda f’din il-kawża tkun differenti skont jekk ikunux inkwistjoni “regoli ta’ kummerċjalizzazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 164(4)(c) tar-Regolament Nru 1308/2013 jew tal-i“standards minimi dwar l-imballaġġ u l-preżentazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 164(4)(k) tiegħu.

65

F’dan il-każ, peress li dan ma huwiex il-każ, ma hemmx lok li tingħata risposta għal din it-tieni domanda.

Fuq l‑ispejjeż

66

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 164 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-iffissar permezz ta’ ftehim, ta’ deċiżjoni jew ta’ prattika miftiehma deċiżi fil-kuntest ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi rrikonoxxuta, ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi rrikonoxxuta jew ta’ organizzazzjoni interprofessjonali rrikonoxxuta, ta’ dati tal-ħsad jew ta’ dati ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott agrikolu jaqa’ taħt l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu.

 

2)

L-Artikolu 164(1) tar-Regolament (KE) Nru 1308/2013 jgħid kif ġej:

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

Stat Membru jista’, fuq talba ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi rrikonoxxuta, ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi rrikonoxxuta, jew ta’ organizzazzjoni interprofessjonali rrikonoxxuta, li joperaw f’wieħed jew f’diversi distretti ekonomiċi speċifiċi ta’ dan l-Istat Membru u li huma kkunsidrati bħala rappreżentattivi tal-produzzjoni, tal-kummerċ jew tal-ipproċessar ta’ prodott partikolari, li jrendu vinkolanti ċerti ftehimiet, ċerti deċiżjonijiet jew ċerti prattiki miftiehma adottati fil-kuntest ta’ din l-organizzazzjoni ta’ produtturi, ta’ din l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew ta’ din l-organizzazzjoni interprofessjonali, għal operaturi oħra li joperaw f’dawn id-distretti ekonomiċi u li ma humiex membri tal-imsemmija organizzazzjoni ta’ produtturi, tal-imsemmija assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew tal-imsemmija organizzazzjoni interprofessjonali, meta r-regoli previsti minn dawn il-ftehimiet, dawn id-deċiżjonijiet jew dawn il-prattiki miftiehma, li jirrigwardaw wieħed jew iktar mill-għanijiet elenkati fil-paragrafu 4(a) u (c) sa (n) ta’ dan l-artikolu, huma iktar stretti minn dawk previsti mil-leġiżlazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew mill-istandards adottati mi li juri li dawn huma konformi mal-istandards applikabbli adottati mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE).

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.