SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

7 ta’ Marzu 2024 ( *1 )

“Appell – Rikors għad-danni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea – Aġir allegatament illegali tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Stqarrija għall-istampa tal-OLAF – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data ta’ natura personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni – Regolament (UE) 2018/1725 – Artikolu 3(1) – Kunċetti ta’ ‘data personali’ u ta’ ‘persuna fiżika identifikabbli’ – Investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF – Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Dritt għal amministrazzjoni tajba”

Fil-Kawża C‑479/22 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fl-14 ta’ Lulju 2022,

OC, irrappreżentata minn I. Ktenidis, dikigoros,

rikorrent,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Adamopoulos u J. Baquero Cruz, F. Blanc Simonetti u A. Bouchagiar, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, OC jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-4 ta’ Mejju 2022, OC vs Il-Kummissjoni (T‑384/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata, EU:T:2022:273), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiż biex jinkiseb kumpens għad-dannu li hija ġarrbet minħabba l-istqarrija għall-istampa Nru 13/2020 tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (iktar ’il quddiem l-“OLAF”), tal-5 ta’ Mejju 2020, intitolata “Investigazzjoni mill-OLAF tiżvela frodi marbuta mal-finanzjament tar-riċerka fil-Ġreċja” (OLAF investigation uncovers research funding fraud in Greece) (iktar ’il quddiem l-“istqarrija għall-istampa kontenzjuża”), sa fejn hija wettqet trattament illegali tad-data personali tagħha u pprovdiet informazzjoni falza dwar dan is-suġġett.

I. Il-kuntest ġuridiku

A. Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013

2

L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Settembru 2013, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1), intitolat “Ftuħ ta’ investigazzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-Direttur Ġenerali jista’ jiftaħ investigazzjoni meta jkun hemm biżżejjed suspett, li jista’ jkun ukoll ibbażat fuq informazzjoni mogħtija minn kwalunkwe pajjiż terz jew informazzjoni anonima, li twettqu atti ta’ frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Id-deċiżjoni mid-Direttur Ġenerali dwar jekk tinfetaħx investigazzjoni jew le għandha tqis il-prijoritajiet tal-politika ta’ investigazzjoni u l-pjan annwali ta’ ġestjoni tal-[OLAF] stabbilit f’konformità mal-Artikolu 17(5). Dik id-deċiżjoni għandha tqis ukoll il-ħtieġa ta’ użu effiċjenti tar-riżorsi tal-[OLAF] u tal-proporzjonalità ta’ mezzi użati. Fir-rigward ta’ investigazzjonijiet interni, għandu jittieħed qies speċifiku tal-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija li jkunu fl-aħjar pożizzjoni biex jagħmluhom, partikolarment abbażi tan-natura tal-fatti, l-impatt finanzjarju attwali jew potenzjali tal-każ, u l-prospettiva ta’ kwalunkwe segwitu ġudizzjarju.”

3

L-Artikolu 9 ta’dan ir-regolament, intitolat “Garanziji proċedurali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fl-investigazzjonijiet tiegħu l-[OLAF] għandu jara li jkollu provi favur u kontra l-persuna kkonċernata. L-investigazzjonijiet għandhom isiru b’mod objettiv u imparzjali u f’konformità mal-prinċipji tal-preżunzjoni tal-innoċenza u bil-garanziji proċedurali stipulati f’dan l-Artikolu.”

4

L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kunfidenzjalità u protezzjoni tad-data”, jipprovdi:

“1.   L-informazzjoni mogħtija jew miksuba waqt investigazzjonijiet esterni, tkun xi tkun il-forma tagħha, għandha tkun protetta mid-dispożizzjonijiet rilevanti.

2.   L-informazzjoni mibgħuta jew miksuba matul l-investigazzjonijiet interni, tkun xi tkun il-forma tagħha, għandha tkun soġġetta għas-segretezza professjonali u għandha tgawdi l-protezzjoni mogħtija mir-regoli applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

[…]

5.   Id-Direttur Ġenerali għandu jiżgura li kwalunkwe informazzjoni pprovduta lill-pubbliku tingħata b’mod newtrali u imparzjali, u li l-iżvelar tagħha jirrispetta l-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet u jikkonforma mal-prinċipji stabbiliti f’dan l-Artikolu u l-Artikolu 9(1).

[…]”

5

L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 883/2013, intitolat “Ir-rapport tal-investigazzjoni u l-azzjoni li għandha tittieħed wara l-investigazzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta titlesta investigazzjoni mill-[OLAF], għandu jitfassal rapport, taħt l-awtorità tad-Direttur Ġenerali. Dak ir-rapport għandu jagħti rendikont tal-bażi legali għall-investigazzjoni, il-passi proċedurali segwiti, il-fatti stabbiliti u l-klassifikazzjoni preliminari tagħhom fil-ligi, l-impatt finanzjarju stmat tal-fatti stabbiliti, ir-rispett lejn il-garanziji proċedurali f’konformità mal-Artikolu 9 u l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni.

Ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet tad-Direttur Ġenerali dwar jekk għandhiex tittieħed azzjoni jew le. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet għandhom, fejn adatt, jindikaw kwalunkwe azzjoni dixxiplinarja, amministrattiva, finanzjarja u/jew ġudizzjarja mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji u mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati, u għandhom jispeċifikaw, b’mod partikolari, l-ammonti stmati li għandhom jiġu rkuprati, kif ukoll il-klassifikazzjoni preliminari fil-liġi tal-fatti stabbiliti.”

B. Il-GDPR

6

L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, iktar il-quddiem il-“GDPR”), intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni materjali”, jipprovdi fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Għall-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, japplika r-[Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data]. Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u atti legali oħrajn tal-Unjoni applikabbli għal tali pproċessar tad-data personali għandhom jiġu adattati għall-prinċipji u r-regoli ta’ dan ir-Regolament skont l-Artikolu 98.”

7

L-Artikolu 4 tal-GDPR, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)

‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

[…]”

8

L-Artikolu 98 tal-GDPR, intitolat “Rieżami ta’ atti legali oħra tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data”, jipprovdi:

“Il-Kummissjoni [Ewropea] għandha, jekk xieraq, tissottometti proposti leġiżlattivi bil-ħsieb li jiġu emendati atti legali oħra tal-Unjoni għall-protezzjoni ta’ data personali, sabiex tiġi żgurata protezzjoni uniformi u konsistenti ta’ persuni fiżiċi individwi fir-rigward tal-ipproċessar. Dan għandu jikkonċerna b’mod partikolari r-regoli relatati mal-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data.”

C. Ir‑Regolament (UE) 2018/1725

9

Il-premessi 4, 5 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39), jipprovdu s-segwenti:

“(4)

[Il-GDPR] jipprovdi għall-adattament tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 sabiex jiżgura qafas b’saħħtu u koerenti ta’ protezzjoni tad-data fl-Unjoni u sabiex jippermetti li huwa japplika b’mod parallel [mal-GDPR].

(5)

Huwa fl-interess ta’ approċċ koerenti għall-protezzjoni ta’ data personali madwar l-Unjoni, u tal-moviment liberu ta’ data personali fi ħdan l-Unjoni, li jiġu allinjati kemm jista’ jkun ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data adottati għas-settur pubbliku fl-Istati Membri. Kull meta d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament isegwu l-istess prinċipji bħad-dispożizzjonijiet [tal-GDPR], dawk iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet jenħtieġ li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-’Qorti tal-Ġustizzja’), jiġu interpretati b’mod omoġenju, b’mod partikolari għaliex jenħtieġ li l-iskema ta’ dan ir-Regolament tinftiehem bħala ekwivalenti għall-iskema [tal-GDPR].

[…]

(16)

Il-prinċipji ta’ protezzjoni tad-data jenħtieġ li japplikaw għal kwalunkwe informazzjoni dwar persuna fiżika identifikata jew identifikabbli. Jenħtieġ li d-data personali li tkun għaddiet minn psewdonimizzazzjoni, li tkun tista’ tiġi attribwita lil persuna fiżika bl-użu ta’ informazzjoni addizzjonali, titqies bħala informazzjoni dwar persuna fiżika identifikabbli. Sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna fiżika tkunx identifikabbli, jenħtieġ li jitqiesu l-mezzi kollha li raġonevolment x’aktarx ikunu jistgħu jintużaw, bħas-singolarizzazzjoni, mill-kontrollur jew minn kwalunkwe persuna oħra, sabiex persuna fiżika tiġi identifikata direttament jew indirettament. Sabiex jiġi aċċertat liema mezzi huma raġonevolment mistennija jintużaw għall-identifikazzjoni tal-persuna fiżika, jenħtieġ li jitqiesu l-fatturi oġġettivi kollha, bħall-ispejjeż tal-identifikazzjoni u l-ammont ta’ żmien rikjest għall-identifikazzjoni, filwaqt li jitqiesu t-teknoloġija disponibbli fil-mument tal-ipproċessar u l-iżviluppi teknoloġiċi. Jenħtieġ li l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data ma japplikawx għalhekk għall-informazzjoni anonima, jiġifieri informazzjoni li mhijiex relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli jew għal data personali li ssir anonima b’tali mod li s-suġġett tad-data ma jkunx jew ma jkunx għadu identifikabbli. Għaldaqstant, dan ir-Regolament ma jikkonċernax l-ipproċessar ta’ tali informazzjoni anonima, inkluż għal finijiet ta’ statistika jew ta’ riċerka.”

10

L-Artikolu 2 tar-Regolament 2018/1725, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li dan ir-regolament “japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u mill-korpi kollha tal-Unjoni”.

11

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi li:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli […]; persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

[…]

(3)

‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma […] l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor […]

[…]”

12

L-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament 2018/1725 jistabbilixxu, rispettivament, il-prinċipji dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-kundizzjonijiet ta’ legalità tal-ipproċessar. L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi l-elementi li l-kontrollur għandu jieħu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk l-ipproċessar għal għan differenti mill-għan li għalih id-data tkun inġabret inizjalment huwiex kompatibbli ma’ dan l-aħħar għan. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi l-lista ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta meta d-data personali tinġabar mingħand il-persuna kkonċernata.

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża

13

Il-fatti li wasslu għall-kawża, li jidhru fil-punti 1 sa 8 tas-sentenza appellata, jistgħu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jinġabru fil-qosor kif ġej.

14

Ir-rikorrenti, ta’ nazzjonalità Griega, hija riċerkatriċi universitarja fl-oqsma tal-applikazzjonijiet fin-nanoteknoloġija, tal-ħażna tal-enerġija u tal-bijomediċina.

15

Matul l-2007, hija ppreżentat quddiem il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka proposta ta’ riċerka dwar proġett intitolat “Studju tal-passaġġ mill-micro għan-nano: pedamenti, simulazzjonijiet u applikazzjonijiet teoretiċi u sperimentali” (iktar ’il quddiem il-“proġett”).

16

Fit-30 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis (l-Università Aristotli ta’ Tessaloniki, il-Greċja) (iktar ’il quddiem l-“Università Aristotli”) iffirmaw il-ftehim ta’ sussidju Nru 211166 (iktar ’il quddiem il-“ftehim”), dwar il-proġett. L-Università Aristotli nħatret bħala istituzzjoni li tilqa’ l-proġett. Fil-15 ta’ Lulju 2009, daħlet fis-seħħ emenda għal dan il-ftehim, li permezz tagħha l-Kummissjoni ġiet issostitwita mill-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERCEA), bħala kokontraenti ta’ din l-università.

17

Il-ftehim kien jipprevedi ammont massimu ta’ EUR 1128400 ta’ sussidju għat-twettiq tal-proġett, li ngħata lill-Università Aristotli bħala benefiċjarja prinċipali, lir-rikorrenti bħala riċerkatriċi prinċipali kif ukoll lil istituzzjoni ta’ riċerka oħra li tinsab fil-Greċja, li ġiet issostitwita fil-25 ta’ Frar 2012 minn istituzzjoni ta’ riċerka oħra li tinsab fil-Ġermanja. Il-proġett twettaq f’laboratorju ta’ din l-università li l-missier tar-rikorrenti kellu d-direzzjoni tiegħu.

18

Peress li l-proġett intemm fit-30 ta’ Settembru 2013, l-Università Aristotli ddikjarat mal-ERCEA spejjeż ta’ ammont totali ta’ EUR 1116 189.21, inklużi spejjeż tal-persunal fl-ammont ta’ EUR 255 219.37 kif ukoll ammont ta’ EUR 15 020.54 bħala spejjeż tal-ivvjaġġar. Hija talbet il-ħlas ta’ din is-somma skont il-ftehim.

19

Wara awditu finanzjarju ex post, l-ERCEA kkonkludiet li l-ispejjeż tal-persunal li jammontaw għal EUR 245 525.43 ma kinux eliġibbli u ddeċidiet li titlob mingħand l-Università Aristotli r-rimbors ta’ din is-somma, billi toħroġ nota ta’ debitu għal dan l-għan. L-Università Aristotli kkontestat il-fondatezza ta’ din in-nota ta’ debitu quddiem il-Qorti Ġenerali. Permezz tas-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2019, Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis vs ERCEA (T‑348/16 OP, EU:T:2019:14), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kreditu li jidher fin-nota ta’ debitu tal-ERCEA, intiż biex din l-università tirrimborsa ammont ta’ EUR 245 525.43, kien infondat sa EUR 233 611.75 li jikkorrispondi għall-ispejjeż eliġibbli. Din is-sentenza ġiet sussegwentement ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja, fuq appell, fis-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2021, ERCEA vs Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis (C‑280/19 P, EU:C:2021:23).

20

Peress li l-ERCEA informat ukoll lill-OLAF bir-riżultati tal-awditu tagħha, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF iddeċieda, fid-29 ta’ Mejju 2015, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2013, li jiftaħ investigazzjoni dwar irregolaritajiet eventwali jew frodi eventwali fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-proġett.

21

Fir-rapport finali tiegħu dwar l-investigazzjoni tiegħu, tal-11 ta’ Novembru 2019, l-OLAF espona diversi konstatazzjonijiet. Abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, huwa rrakkomanda, minn naħa, li l-ERCEA tieħu l-miżuri xierqa sabiex tirkupra s-somom meqjusa bħala indebiti mill-Università Aristotli. Min-naħa l-oħra, huwa bagħat dan ir-rapport lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali u rrakkomandalhom li jibdew proċeduri għal frodi kif ukoll għal falsifikazzjoni u użu ta’ dokumenti foloz kontra r-rikorrenti, missierha u ċerti membri tal-persunal ta’ din l-università.

22

Fil-5 ta’ Mejju 2020, l-OLAF ippubblika fuq is-sit internet tiegħu l-istqarrija għall-istampa kontenzjuża. Din l-istqarrija, li kienet issemmi l-investigazzjoni msemmija fil-punti 20 u 21 ta’ din is-sentenza, kienet ifformulata kif ġej:

“Il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni previst għar-riċerka dejjem kellha importanza partikolari għall-[OLAF]. Frodi kumplessa li tinvolvi lil xjenzat Grieg u lin-netwerk ta’ riċerkaturi internazzjonali tiegħu ġiet skoperta mill-investigaturi tal-[OLAF].

Il-każ jirrigwarda sussidju ta’ madwar EUR 1.1 miljun mogħti mill-[ERCEA] lil università Griega. Dawn il-fondi kienu intiżi għall-finanzjament ta’ proġett ta’ riċerka mwettaq taħt ir-responsabbiltà ta’ xjenzata żagħżugħa promettenti, li missierha kien jaħdem fl-università inkwistjoni. Il-proġett kien jinkludi netwerk ta’ iktar minn 40 riċerkatur fid-dinja kollha taħt it-tmexxija tax-xjenzata Griega.

L-OLAF beda jkollu suspetti meta skopra l-mod kif ir-riċerkaturi internazzjonali allegatament tħallsu. Ċekkijiet kienu jinħarġu fl-ismijiet ta’ riċerkaturi individwali, iżda mbagħad kienu ddepożitati f’kontijiet bankarji b’detenturi multipli. Is-suspetti seħħew meta rriżulta li ċ-ċekkijiet kienu ddepożitati fil-kontijiet bankarji mix-xjenzata priċnipali.

It-tim tal-investigaturi tal-OLAF għalhekk iddeċieda li jwettaq kontroll fuq il-post fl-università inkwistjoni. Minkejja t-tentattivi tar-riċerkatriċi ewlenija li tfixkel l-investigazzjoni, bl-għajnuna tal-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi Griegi, li taw aċċess għall-kontijiet bankarji, u permezz tal-investigazzjonijiet kriminali diġitali tal-OLAF innifsu, l-OLAF seta’ jirrikostitwixxi l-istorja reali moħbija wara l-frodi.

Instabet evidenza konkreta li turi li x-xjenzata prinċipali kienet fetħet il-kontijiet bankarji użati għall-“ħlas” ta’ riċerkaturi internazzjonali u kkostitwixxiet ruħha kodetentriċi ta’ dawn il-kontijiet sabiex ikollha aċċess għall-fondi. L-OLAF segwa l-indizji finanzjarji u rnexxielu jipprova li ammonti kbar kienu ġew irtirati fi flus mix-xjenzata jew kienu ġew ittrasferiti fil-kont personali tagħha. L-OLAF ikkuntattja lil ċerti riċerkaturi li allegatament ipparteċipaw fil-proġett ta’ riċerka. L-ebda wieħed minnhom ma kien jaf li ismu kien marbut mal-proġett, u lanqas ma kien jaf bil-kontijiet bankarji miftuħa f’isimhom jew bi kwalunkwe pagament favurihom.

[…]

L-investigazzjoni tlestiet f’Novembru tas-sena li għaddiet, b’rakkomandazzjonijiet li jistiednu lill-ERCEA tirkupra madwar EUR 190000 (jiġifieri s-sehem tas-sussidju ta’ EUR 1.1 miljun allegatament imħallas lir-riċerkaturi internazzjonali) u, min-naħa l-oħra, lill-awtoritajiet nazzjonali biex jibdew proċedimenti ġudizzjarji kontra l-persuni involuti.”

III. Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

23

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrenti ppreżentat rikors skont l-Artikolu 268 TFUE, intiż biex il-Kummissjoni tiġi kkundannata tikkumpensa d-dannu morali allegatament ikkawżat lilha mill-istqarrija għall-istampa kontenzjuża.

24

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti sostniet li, billi ppubblika l-istqarrija għall-istampa kontenzjuża, l-OLAF kien kiser b’mod flagranti d-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2018/1725 dwar il-protezzjoni tad-data personali, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza previst fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar’ il quddiem il-“Karta”) kif ukoll fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 883/2013, l-obbligu li tiġi osservata l-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet, imsemmi fl-Artikolu 10(5) ta’ dan l-aħħar regolament, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, imsemmi fl-Artikolu 41 tal-Karta, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

25

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilmenti kollha mqajma mill-appellanti kontra l-OLAF u ċaħdet, fl-intier tiegħu, ir-rikors ippreżentat minnha.

IV. It-talbiet tal-partijiet

26

Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi definittivament il-kawża, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż relatati kemm mal-proċedura ta’ appell, kif ukoll dawk relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

27

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

V. Fuq l-appell

28

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “persuna fiżika identifikabbli”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/1725, it-tieni wieħed, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 883/2013 u tal-Artikolu 48(1) tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), dwar il-portata tal-preżunzjoni tal-innoċenza, kif ukoll, it-tielet wieħed, fuq żnaturament tal-provi relatati mal-ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba.

A. Fuq l-ewwel aggravju

29

Permezz tal-ewwel aggravju, li huwa maqsum f’erba’ partijiet, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni meta kkonkludiet, fil-punti 91 u 92 tas-sentenza appellata, li hija ma kinitx stabbilixxiet li l-istqarrija għall-istampa kontenzjuża kienet ippermettiet, waħedha, iżda wkoll bl-għajnuna ta’ mezzi raġonevolment kapaċi li jintużaw minn qarrej, li tiġi identifikata l-appellanti, b’tali mod li l-informazzjoni li tinsab f’din l-istqarrija ma taqax taħt il-kunċett ta’ “data personali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/1725, u li dan ir-regolament ma huwiex applikabbli.

1.   Fuq l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel aggravju

a)   L-argumenti tal-partijiet

30

Permezz tal-ewwel u tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li applikat kriterji legali żbaljati għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “persuna fiżika identifikabbli” li jinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/1725.

31

Fir-rigward tal-ewwel parti, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-identifikazzjoni tagħha kellha tirriżulta mill-istqarrija għall-istampa kontenzjuża u ma setgħetx tirriżulta minn elementi esterni jew addizzjonali li ma jaqgħux taħt l-aġir li bih huwa akkużat l-OLAF. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa inerenti għall-kunċett ta’ “identifikazzjoni indiretta” li elementi addizzjonali huma neċessarji għall-identifikazzjoni, peress li tali elementi jistgħu jkunu għad-dispożizzjoni ta’ persuna li ma hijiex il-kontrollur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2016, Breyer,C‑582/14, EU:C:2016:779, punti 3941).

32

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li persuna fiżika li magħha hija relatata informazzjoni tkun “identifikabbli”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2018/1725, biss jekk l-identità tagħha tista’ tiġi stabbilita minn “qarrej medju” li ma għandux huwa stess elementi addizzjonali, li jippermettulu jistabbilixxi l-identità tal-persuna li magħha hija relatata l-informazzjoni. Għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni tirreferi għal kull persuna oħra minbarra l-kontrollur li għandha tali elementi. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 81, 82 u 87 tas-sentenza appellata, irrifjutat b’mod żbaljat li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ġurnalist Ġermaniż imsemmi fil-punt 77 tas-sentenza appellata kien identifikaha bħala l-persuna kkonċernata mill-istqarrija għall-istampa kontenzjuża. Il-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li hija setgħet tiġi identifikata minn qarrej li kellu elementi addizzjonali, bħal dan il-ġurnalist Ġermaniż, u li, fil-każijiet kollha, l-identifikaturi li jinsabu f’din l-istqarrija għall-istampa setgħu jwasslu għall-identifikazzjoni tagħha mill-membri tal-familja tagħha u mill-kollegi tagħha li kienu jafu l-perkors professjonali tagħha kif ukoll l-impenn tagħha bħala riċerkatriċi prinċipali fi ħdan il-proġett.

33

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 65, 67 u 68 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta qieset li huma biss mezzi minuri jew insinjifikattivi, li jistgħu juru faċilment u malajr l-identità tal-persuna li magħha hija relatata l-informazzjoni, li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “mezzi li raġonevolment x’aktarx ikunu jistgħu jintużaw” sabiex tiġi identifikata l-persuna li magħha hija relatata d-data personali. Fil-fatt, il-premessa 16 tar-Regolament 2018/1725 tipprovdi biss li, sabiex jiġi stabbilit jekk mezzi jistgħux raġonevolment jintużaw sabiex tiġi identifikata persuna, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ispiża tal-identifikazzjoni u ż-żmien neċessarju għaliha, mingħajr ma teżiġi li dawn l-ispejjeż jew dan il-ħin ikunu minimi jew insinjifikattivi.

34

Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel aggravju jiġu miċħuda.

35

Fir-rigward tal-ewwel parti, din l-istituzzjoni ssostni li r-Regolament 2018/1725 iżomm ir-“riskju ta’ identifikazzjoni” bħala kriterju ta’ definizzjoni tal-possibbiltà ta’ identifikazzjoni u jirreferi għan-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni “l-fatturi oġġettivi kollha” sabiex jiġi ddeterminat dan ir-riskju. Għalhekk, is-sempliċi possibbiltà ipotetika li ssir distinzjoni bejn persuna ma hijiex suffiċjenti sabiex titqies bħala “identifikabbli”. Filwaqt li tfakkar li l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi, il-Kummissjoni tirrileva li l-Qorti Ġenerali eżaminat l-allegazzjonijiet fattwali tal-appellanti sabiex tiddetermina jekk hija setgħetx tiġi identifikata, direttament jew indirettament, filwaqt li enfasizzat li hija din tal-aħħar li għandha tipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, skont l-Artikolu 340 TFUE, kienu ssodisfatti. Issa, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma kinitx uriet li hija setgħet tiġi identifikata b’ċertezza minn qarrej tal-istqarrija għall-istampa kontenzjuża, permezz ta’ mezzi li raġonevolment jistgħu jintużaw.

36

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tispjega li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma kienet ipprovat l-eżistenza ta’ ebda każ preċiż li fih hija kienet ġiet identifikata permezz tas-sempliċi qari tal-istqarrija għall-istampa kontenzjuża. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax validament tislet argument mill-fatt li hija setgħet tiġi identifikata minn membri tal-familja tagħha jew minn kollegi. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 73 u 78 sa 81 tas-sentenza appellata, ġie stabbilit quddiem il-Qorti Ġenerali li l-unika persuna li ddeterminat u żvelat lill-pubbliku l-identità tal-appellanti kienet il-ġurnalist Ġermaniż, iżda li dan kien diġà jaf l-istorja tagħha u dik ta’ missierha u li dan il-ġurnalist kellu numru kbir ta’ informazzjoni. Issa, fl-istadju tal-appell, ma jistax jiġi kkontestat li l-imsemmi ġurnalist kellu “konoxxenzi esterni suġġettivi” fuq l-appellanti.

37

Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li mill-punti 65 sa 68 tas-sentenza appellata ma jirriżultax li huma biss il-mezzi “minuri jew insinjifikattivi” li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ “mezzi li raġonevolment x’aktarx ikunu jistgħu jintużaw”. B’mod partikolari, l-argument tal-appellanti huwa bbażat fuq qari żbaljat u iżolat tal-aħħar sentenza tal-punt 65 tas-sentenza appellata, li għandu jinqara flimkien mal-bqija tal-kontenut ta’ dan il-punt 65 u mal-punti 61 sa 68 ta’ din is-sentenza, li fihom il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argument tal-appellanti. It-test legali użat mill-Qorti Ġenerali kien jirrigwarda preċiżament il-punt dwar jekk ir-rikorrenti kinitx identifikabbli fl-istqarrija għall-istampa kontenzjuża bl-għajnuna ta’ mezzi li raġonevolment x’aktarx ikunu jistgħu jintużaw.

b)   L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

38

Permezz tal-ewwel u tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li wettqet diversi żbalji ta’ liġi meta ddeċidiet li l-informazzjoni li tinsab fl-istqarrija għall-istampa kontenzjuża ma taqax taħt il-kunċett ta’ “data personali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/1725 u li, konsegwentement, dan ir-regolament ma kienx applikabbli għaliha.

1) Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel parti tal-ewwel motiv

39

Il-Kummissjoni tqis li ċerti argumenti fformulati insostenn tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju jaqgħu taħt l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali u għalhekk ma jaqgħux taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dan l-appell.

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-klassifikazzjoni legali ta’ fatt jew ta’ att, imwettaq mill-Qorti Ġenerali, hija punt ta’ liġi li jista’ jitqajjem fil-kuntest ta’ appell (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2022, Kleinvs Il-Kummissjoni, C‑430/20 P, EU:C:2022:377, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Issa, mill-formulazzjoni tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju kif ukoll mill-argumenti kollha mqajma insostenn tagħha jirriżulta li l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi billi bbażat ruħha fuq kriterji legali żbaljati fl-interpretazzjoni tagħha tal-kliem “persuna fiżika identifikabbli” u billi, fuq din il-bażi, wettqet klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-informazzjoni li tinsab fl-istqarrija għall-istampa kontenzjuża bħala li ma taqax taħt il-kunċett ta’ “data personali”, li jinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/1725.

42

Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tieni aggravju hija ammissibbli.

2) Fuq il-fondatezza tal-ewwel u tat-tieni parti tal-ewwel aggravju

43

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “data personali”, imsemmi fil-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/1725, hija essenzjalment identika għal dik li tinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessi 4 u 5 tar-Regolament 2018/1725 kif ukoll mill-Artikolu 2(3) u mill-Artikolu 98 tal-GDPR, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi sistema ta’ protezzjoni tad-data personali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni li hija ekwivalenti għal dik tal-GDPR sabiex tiġi żgurata protezzjoni uniformi u koerenti tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom fi ħdan l-Unjoni. Għaldaqstant, għandha tiġi żgurata interpretazzjoni identika tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/1725 u tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR.

44

Il-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/1725 jipprovdi li tikkostitwixxi data personali “kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli”.

45

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-użu tal-espressjoni “kull informazzjoni” fil-kuntest tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “data personali”, li tinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, jirrifletti l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jattribwixxi sens wiesa’ lil dan il-kunċett, li potenzjalment jiġbor fih kull tip ta’ informazzjoni, kemm oġġettiva kif ukoll suġġettiva fil-forma ta’ opinjonijiet jew evalwazzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn “jikkonċernaw” lill-persuna inkwistjoni. Informazzjoni tikkonċerna lil persuna fiżika identifikata jew identifikabbli meta, minħabba l-kontenut, l-għan jew l-effett tagħha, din tkun relatata ma’ persuna identifikabbli (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Datenschutzbehörde u CRIF, C‑487/21, EU:C:2023:369, punti 2324).

46

Fir-rigward tal-karattru “identifikabbli” ta’ persuna fiżika, il-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/1725 jippreċiża li titqies li hija persuna fiżika identifikabbli “persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika”.

47

L-użu mil-leġiżlatur tal-Unjoni tat-terminu “indirettament” donnu jissuġġerixxi li, sabiex informazzjoni tiġi kklassifikata bħala data personali, ma huwiex neċessarju li din l-informazzjoni tippermetti, waħedha, li tiġi identifikata l-persuna kkonċernata (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2016, Breyer,C‑582/14, EU:C:2016:779, punt 41).

48

F’dan ir-rigward, il-premessa 16 tar-Regolament 2018/1725 tippreċiża li, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna fiżika hijiex identifikabbli, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-“mezzi li raġonevolment x’aktarx ikunu jistgħu” jintużaw mill-kontrollur jew minn “kwalunkwe persuna oħra” sabiex persuna fiżika tiġi identifikata “direttament jew indirettament”. Għalhekk, sabiex data tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “data personali”, ma huwiex meħtieġ li l-informazzjoni kollha li tippermetti li tiġi identifikata l-persuna kkonċernata għandha tkun f’idejn persuna waħda biss (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2016, Breyer,C‑582/14, EU:C:2016:779, punt 43).

49

B’mod partikolari, il-fatt li informazzjoni addizzjonali hija neċessarja sabiex tiġi identifikata l-persuna kkonċernata ma huwiex ta’ natura li jeskludi li d-data inkwistjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala data personali (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2016, Breyer,C‑582/14, EU:C:2016:779, punt 44).

50

Madankollu, huwa meħtieġ ukoll li l-possibbiltà li d-data inkwistjoni tiġi kkombinata ma’ informazzjoni addizzjonali tikkostitwixxi mezz li jista’ raġonevolment jiġi implimentat sabiex tiġi identifikata l-persuna kkonċernata. Sabiex jiġi aċċertat jekk xi mezzi humiex raġonevolment mistennija li jintużaw sabiex tiġi identifikata persuna fiżika, jenħtieġ, skont il-premessa 16 tar-Regolament 2018/1725, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi oġġettivi kollha, bħall-ispejjeż tal-identifikazzjoni u l-ammont ta’ żmien neċessarju għall-identifikazzjoni, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-teknoloġiji disponibbli fil-mument tal-ipproċessar u tal-iżviluppi teknoloġiċi.

51

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mezz ma jistax raġonevolment jiġi implimentat sabiex tiġi identifikata l-persuna kkonċernata meta l-identifikazzjoni ta’ din il-persuna hija pprojbita mil-liġi jew ma tistax titwettaq fil-prattika, pereżempju minħabba l-fatt li timplika sforz sproporzjonat f’termini ta’ ħin, ta’ spejjeż u ta’ ħaddiema, b’tali mod li r-riskju ta’ identifikazzjoni jidher fir-realtà insinjifikattiv (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2016, Breyer,C‑582/14, EU:C:2016:779, punt 46).

52

F’dan il-każ, fil-kuntest tal-eżami tagħha intiż biex jiġi ddeterminat jekk l-istqarrija għall-istampa kontenzjuża tinkludix data personali fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/1725, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, li huma biss l-atti jew l-aġir imputabbli lil istituzzjoni jew lil korp tal-Unjoni li jistgħu jagħtu lok għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni. Minn dan hija ddeduċiet, f’dan il-punt 49, li l-identifikazzjoni tal-appellanti kellha tirriżulta mill-istqarrija għall-istampa kontenzjuża u ma setgħetx tirriżulta minn elementi esterni li ma jaqgħux taħt l-aġir ikkritikat tal-OLAF, b’tali mod li dan wettaq l-eżami tiegħu fuq l-informazzjoni preżenti biss f’din l-istqarrija u li kienet ta’ natura, jekk ikun il-każ, li tippermetti lill-qarrejja tagħha li jidentifikaw lir-rikorrenti.

53

Sussegwentement, fir-rigward tal-iżvelar tal-identità tal-appellanti mill-ġurnalist Ġermaniż li kien ippubblika artiklu fuq in-netwerks soċjali (Twitter) fuq l-akkużi tal-OLAF li jinsabu fl-istqarrija għall-istampa kontenzjuża li tikkonċernaha, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 82 u 87 tas-sentenza appellata, li dan l-iżvelar ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni, peress li dan il-ġurnalist ma kienx f’pożizzjoni li jidentifika lill-appellanti biss mill-identifikaturi preżenti fl-istqarrija għall-istampa kontenzjuża u li kien neċessarju għalih li juża elementi ta’ identifikazzjoni esterni u komplementari għall-imsemmija stqarrija. Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod partikolari, fil-punti 76 u 81 tas-sentenza appellata, li l-imsemmi ġurnalist ma kienx qarrej medju, iżda ġurnalist investigattiv professjonali speċjalizzat fil-qasam tax-xjenzi li kellu għarfien estern suġġettiv dwar l-appellanti.

54

Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk informazzjoni li tinsab fi stqarrija għall-istampa li toriġina minn istituzzjoni jew minn korp tal-Unjoni taqax taħt il-kunċett ta’ “data personali” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/1725 ma tistax tiġi konfuża ma’ dik dwar il-kundizzjonijiet neċessarji għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Din l-ewwel kwistjoni għandha tiġi evalwata esklużivament fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni u għalhekk ma tistax, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 49 tas-sentenza appellata, tiddependi mill-kunsiderazzjonijiet dwar l-imputabbiltà ta’ att lill-Unjoni.

55

F’dan l-aħħar rigward, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 48 sa 51 ta’ din is-sentenza, huwa inerenti għall-“identifikazzjoni indiretta” ta’ persuna li informazzjoni addizzjonali għandha tiġi kkombinata mad-data inkwistjoni għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-persuna kkonċernata. Minn dan jirriżulta wkoll li l-fatt li din l-informazzjoni supplimentari tiġi minn persuna oħra jew minn sors differenti minn dak tal-kontrollur tad-data inkwistjoni bl-ebda mod ma jeskludi, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 49 u 87 tas-sentenza appellata, in-natura identifikabbli ta’ persuna.

56

Barra minn hekk, ir-Regolament 2018/1725 ma jimponi ebda kundizzjoni fir-rigward tal-persuni li jistgħu jidentifikaw il-persuna li magħha hija marbuta informazzjoni, peress li l-premessa 16 ta’ dan ir-regolament tirreferi mhux biss għall-kontrollur, iżda wkoll għal “kwalunkwe persuna oħra”.

57

Fir-rigward b’mod partikolari ta’ stqarrija għall-istampa maħruġa minn awtorità ta’ investigazzjoni sabiex tinforma lill-pubbliku dwar l-eżitu ta’ investigazzjoni, din għandha, min-natura tagħha, l-intenzjoni li tindirizza b’mod partikolari lil ġurnalisti, b’tali mod li dawn ma jistgħux jiġu distinti minn “qarrej medju”, li għalih jirreferi l-punt 76 tas-sentenza appellata.

58

Madankollu, il-fatt li ġurnalist investigattiv xandar, bħal f’dan il-każ, l-identità ta’ persuna kkonċernata minn stqarrija għall-istampa ma jistax jippermetti, waħdu, li jiġi konkluż li l-informazzjoni li tinsab f’din l-istqarrija għandha neċessarjament tiġi kklassifikata bħala data personali, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/1725, u li jiġi eżentat mill-obbligu li jsir eżami tan-natura identifikabbli tal-persuna inkwistjoni.

59

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti fir-rigward tan-natura identifikabbli tal-appellanti, l-istqarrija għall-istampa kontenzjuża tinkludi, kif irrilevat essenzjalment il-Qorti Ġenerali fil-punti 53 sa 55 tas-sentenza appellata, ċerta informazzjoni relatata mal-appellanti li tista’ tippermetti li tiġi identifikata, jiġifieri l-ġeneru, in-nazzjonalità u l-professjoni tagħha, l-indikazzjoni li din kienet persuna żagħżugħa u li hija kienet responsabbli għall-proġett ta’ riċerka ffinanzjat inkwistjoni, l-istess bħar-riferiment għall-ammont tas-sussidju, għall-organu tal-għoti, jiġifieri l-ERCEA, għan-natura tal-entità li laqgħet il-proġett u l-pajjiż li fih din kienet tinsab, jiġifieri università fil-Greċja, ir-riferiment għal missier il-persuna inkwistjoni u għall-fatt li dan kien jeżerċita l-professjoni tiegħu fi ħdan din l-istess entità, bħan-numru approssimattiv ta’ riċerkaturi li jaħdmu, taħt id-direzzjoni tal-persuna inkwistjoni, għall-imsemmi proġett.

60

Issa, kuntrarjament għall-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 68 tas-sentenza appellata, informazzjoni dwar il-ġeneru ta’ persuna kkonċernata minn stqarrija għall-istampa, in-nazzjonalità tagħha, l-attività ta’ missierha, l-ammont tas-sussidju għal proġett xjentifiku u l-lokalizzazzjoni ġeografika tal-entità li tilqa’ dan il-proġett xjentifiku, meħuda flimkien, tinkludi informazzjoni ta’ natura li tippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna kkonċernata minn din l-istqarrija għall-istampa, b’mod partikolari minn persuni li jaħdmu fl-istess qasam xjentifiku u li jafu l-perkors professjonali tagħha.

61

F’dan il-kuntest, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 51 ta’ din is-sentenza ma tippermettix li r-riskju ta’ identifikazzjoni tal-persuna kkonċernata jiġi kklassifikat bħala insinjifikattiv. F’dan ir-rigward, għal persuni li jaħdmu fl-istess qasam xjentifiku, informazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, meħuda flimkien, hija ta’ natura li tippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna kkonċernata mingħajr ma din l-identifikazzjoni timplika sforz sproporzjonat f’termini ta’ ħin, ta’ spejjeż u ta’ manodopera. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni, l-appellanti ma kinitx obbligata tipproduċi l-prova li hija kienet effettivament ġiet identifikata minn waħda minn dawn il-persuni, peress li tali kundizzjoni ma hijiex prevista mill-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/1725, peress li dan jeżiġi biss li persuna tkun “identifikabbli”.

62

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 66 tas-sentenza appellata, id-deskrizzjoni, fuq is-sit internet tal-ERCEA, ta’ madwar 70 proġett iffinanzjati minn din l-aġenzija u li l-istituzzjonijiet ospitanti tagħhom kienu jinsabu fil-Greċja kienet tinkludi diversi elementi ewlenin li jippermettu lill-utent tal-internet isib l-informazzjoni mixtieqa, bħal isem il-persuna responsabbli għall-proġett jew l-isem tal-istituzzjoni ospitanti jew ukoll l-ammont tal-finanzjament.

63

Issa, stqarrija għall-istampa dwar aġir allegatament illegali, bħal atti ta’ frodi jew ta’ korruzzjoni, tista’ tqajjem interess ċert fost il-pubbliku u twassal lill-qarrejja tagħha, b’mod partikolari ġurnalisti, sabiex iwettqu riċerki dwar il-persuna kkonċernata mill-istqarrija għall-istampa. F’tali kuntest, l-isforz li jikkonsisti fit-twettiq ta’ tali riċerki fuq sit internet, bħal dak tal-ERCEA, billi tinqara d-deskrizzjoni ta’ xi 70 proġett iffinanzjat li jidhru fuq dan is-sit, flimkien ma’ riċerki oħra fuq l-internet li probabbilment jippermettu li jinkiseb l-isem u identifikaturi oħra tal-persuna kkonċernata mill-istqarrija għall-istampa kontenzjuża, bl-ebda mod ma jidher sproporzjonat, b’tali mod li r-riskju ta’ identifikazzjoni tal-appellanti mill-ġurnalisti jew minn persuni oħra li ma jafux il-karriera professjonali tagħha ma jistax jiġi kklassifikat bħala insinjifikattiv, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 51 ta’ din is-sentenza.

64

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 49 u 87 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-identifikazzjoni tal-appellanti ma setgħetx tirriżulta minn elementi esterni jew komplementari li ma jaqgħux taħt l-aġir ikkritikat tal-OLAF. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti sottomessi lilha meta ddeċidiet, fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, li l-identifikaturi li jinsabu fl-istqarrija għall-istampa kontenzjuża ma kinux jippermettu raġonevolment li tiġi identifikata l-appellanti, jew abbażi ta’ sempliċi qari oġġettiv ta’ din l-istqarrija, jew bl-għajnuna ta’ mezzi “li raġonevolment x’aktarx ikunu jistgħu jintużaw” minn wieħed mill-qarrejja tagħha.

65

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali żbaljat ukoll meta, fil-punti 91 u 92 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-informazzjoni li tinsab fl-istqarrija għall-istampa kontenzjuża ma kinitx taqa’ taħt il-kunċett ta’ “data personali” imsemmi fil-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/1725 u li dan ir-regolament ma kienx japplika f’dan il-każ.

66

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel u t-tieni partijiet tal-ewwel aggravju għandhom jintlaqgħu.

2.   Fuq it-tielet u r-raba’ parti tal-ewwel aggravju

67

Fid-dawl ta’ dak li ġie deċiż fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, ma hemmx lok li jiġu eżaminati t-tielet u r-raba’ partijiet tal-ewwel aggravju, peress li dawn jirrigwardaw ukoll il-fondatezza tal-konklużjonijiet li jinsabu fil-punti 91 u 92 tas-sentenza appellata.

B. Fuq it-tieni motiv

1.   L-argumenti tal-partijiet

68

Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti tikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 106 tas-sentenza appellata, li tgħid li hija ma setgħetx tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza previst fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 883/2013 u stabbilit fl-Artikolu 48(1) tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 6(2) tal-KEDB, sa fejn hija ma kinitx identifikata jew identifikabbli fl-istqarrija għall-istampa kontenzjuża. Hija tqis li l-Qorti Ġenerali, fi kwalunkwe każ, wettqet żball ta’ liġi meta applikat il-kriterji tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2018/1725 fil-kuntest tal-eżami dwar l-eżistenza ta’ ksur eventwali ta’ dan il-prinċipju. Fil-fatt, ikun biżżejjed li persuna tkun tista’ tiġi identifikata bi kwalunkwe mezz, indipendentement miż-żmien u mill-ispejjeż neċessarji għal dan l-għan.

69

Il-Kummissjoni titlob li t-tieni motiv jiġi miċħud b’mod partikolari minħabba li ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza jippreżupponi li l-persuna li tinvoka tali ksur tkun persuna identifikata jew identifikabbli, li ma huwiex il-każ hawnhekk.

2.   L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

70

Fid-dawl tal-konklużjoni li tinsab fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 106 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma kinitx identifikata jew identifikabbli fl-istqarrija għall-istampa kontenzjuża u li, minħabba f’hekk, hija ma setgħetx turi ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza tagħha.

71

Għaldaqstant, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mqajma fil-kuntest tat-tieni aggravju, dan l-aggravju għandu jintlaqa’.

C. Fuq it-tielet aggravju

1.   L-argumenti tal-partijiet

72

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat, fil-punti 157 u 169 tas-sentenza appellata, b’mod manifest, prova relatata mal-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta.

73

Fl-ewwel lok, l-appellanti tosserva li, kuntrarjament għall-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 157 tas-sentenza appellata, mis-sempliċi qari tar-rapport finali tal-OLAF jirriżulta li r-riċerkaturi kollha – u mhux biss uħud minnhom – iddikjaraw li pparteċipaw fil-proġett. Fil-fatt, fil-punt 2.3.3.2 ta’ dan ir-rapport, huwa espressament imsemmi li “l-għaxar riċerkaturi li wieġbu għall-kwestjonarji tal-OLAF ikkonfermaw li pparteċipaw fil-proġett MINATRAN”. Bl-istess mod, mill-istess punt 2.3.3.2, li jgħid li “[m]adankollu, ċerti riċerkaturi la kkonfermaw l-ispejjeż li kienu ġew iddikjarati mill-[Università Aristotli] f’isimhom u lanqas il-pussess ta’ kont bankarju Grieg”, kif ukoll mis-sunt tat-tweġibiet tar-riċerkaturi li jinsabu fl-imsemmi rapport jirriżulta li, fil-parti l-kbira tagħhom, ir-riċerkaturi kienu jafu effettivament li l-kontijiet bankarji kienu nfetħu f’isimhom u li kienu saru ħlasijiet favurihom. Għalhekk, filwaqt li mit-tweġibiet kollha tar-riċerkaturi jirriżulta li kollha kienu jafu li l-ismijiet tagħhom kienu marbuta mal-proġett, l-istqarrija għall-istampa inkwistjoni kienet tindika b’mod ineżatt li ebda riċerkatur ma kien jaf biha. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, li tgħid li dan il-komunikat ried jgħid “ċerti” riċerkaturi bl-użu tal-kelma “ebda”, tikkostitwixxi żnaturament tagħha.

74

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-punt 169 tas-sentenza appellata, l-appellanti tosserva li mill-punt 2.3.3.1 tar-rapport finali tal-OLAF jirriżulta li l-unika kritika li kienet ġiet indirizzata lilha, bħala tentattiv ta’ tfixkil fl-investigazzjoni, kienet il-fatt li bagħtet messaġġ elettroniku wieħed lil riċerkatur wieħed. Anki jekk jitqies li t-trażmissjoni ta’ dan l-uniku messaġġ, li fih hija sempliċement indikat lill-imsemmi riċerkatur li hija ma kinitx obbligata tirrispondi għall-kwestjonarju tal-OLAF, tista’ tiġi kklassifikata bħala tentattiv ta’ tfixkil tal-investigazzjoni, il-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 169 tas-sentenza appellata, li tgħid li hija “f’diversi okkażjonijiet ikkuntattjat lil ċerti riċerkaturi”, tikkostitwixxi żnaturament manifest tal-fatti.

75

Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 157 tas-sentenza appellata, li l-OLAF ma kienx żvela fl-istqarrija għall-istampa inkwistjoni informazzjoni ineżatta li tiżnatura l-konklużjonijiet tar-rapport finali tiegħu. Fi kwalunkwe każ, huwa biss ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ diliġenza li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

76

Barra minn hekk, l-argumenti tal-appellanti diretti kontra l-punt 169 tas-sentenza appellata għandhom ukoll jiġu miċħuda. Fil-fatt, sabiex issostni l-allegat żnaturament, l-appellanti tinvoka ċerti elementi speċifiċi tar-rapport finali tal-OLAF, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li elementi oħra li jinsabu f’dan l-istess rapport kienu jindikaw li hija kienet ukoll ikkuntattjat lil riċerkatur sabiex tinformah li ma kienx obbligat li jirrispondi lill-OLAF u lil riċerkatur ieħor sabiex dan jikkoreġi t-tweġibiet inizjali tiegħu. Barra minn hekk, l-OLAF qies li l-irtirar jew l-emenda spontanja minn ċerti riċerkaturi matul l-istess perijodu tat-tweġibiet li huma kienu inizjalment taw kienet tikkostitwixxi indikazzjoni li dawn ir-riċerkaturi kienu rċevew ittri elettroniċi b’kontenut simili.

2.   L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

77

Fil-punt 157 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod partikolari, li mill-proċess kien jirriżulta li, bl-użu tal-kliem “[e]bda wieħed minn dawn ir-riċerkaturi ma kien jaf” fil-ħames paragrafu tal-istqarrija għall-istampa kontenzjuża sabiex jindika “ċerti riċerkaturi”, l-OLAF ma kienx żvela informazzjoni ineżatta li kienet tiżnatura l-konklużjonijiet tar-rapport finali tiegħu. Fil-punt 169 ta’ din is-sentenza, hija qieset, fir-rigward tar-riferiment għal “tentattivi” preżunti ta’ tfixkil fl-investigazzjoni mill-appellanti fir-raba’ paragrafu ta’ din l-istqarrija, li, kif jirriżulta mir-rapport finali tal-OLAF, matul l-investigazzjoni tiegħu dan kien ikkonstata li l-appellanti kienet f’diversi okkażjonijiet ikkuntattjat lil ċerti riċerkaturi, u li huwa kien qies li dawn l-atti kienu jikkostitwixxu ostakoli għall-investigazzjoni tiegħu.

78

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Orange Polska vs Il-Kummissjoni, C‑123/16 P, EU:C:2018:590, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ikun jeżisti żnaturament meta, mingħajr ma jsir riferiment għal provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tidher li hija manifestament żbaljata (sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79

Barra minn hekk, għalkemm żnaturament tal-provi jista’ jikkonsisti f’interpretazzjoni ta’ dokument kuntrarja għall-kontenut tiegħu, dan għandu jirriżulta b’mod manifest mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u għandu jippreżupponi li l-Qorti Ġenerali marret manifestament lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli ta’ dawn il-provi. F’dan ir-rigward, ma huwiex biżżejjed li jintwera li dokument jista’ jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni differenti minn dik magħżula mill-Qorti Ġenerali (sentenza tas-16 ta’ Frar 2023, Il-Kummissjoni vs L-Italja u Spanja, C‑635/20 P, EU:C:2023:98, punt 127 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

80

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 157 u 169 tas-sentenza appellata jistgħu jitqiegħdu indiskussjoni biss jekk ikun intwera li mid-dokumenti li ġew sottomessi lill-Qorti Ġenerali jirriżulta b’mod manifest li dawn il-konstatazzjonijiet huma ineżatti.

81

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-punt 157 tas-sentenza appellata, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li żnaturat kemm l-istqarrija għall-istampa inkwistjoni kif ukoll il-konklużjonijiet tar-rapport finali tal-OLAF.

82

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-OLAF indika, fit-tielet sentenza tal-ħames paragrafu tal-istqarrija għall-istampa kontenzjuża, li huwa “[kien] ikkuntattja lil ċerti riċerkaturi li allegatament ipparteċipaw fil-proġett ta’ riċerka”. Il-konstatazzjoni, li tinsab fis-sentenza segwenti, li tgħid li “[e]bda wieħed minnhom ma kien jaf li ismu kien marbut mal-proġett, u lanqas ma kien jaf bil-kontijiet bankarji miftuħa f’isimhom jew b’xi ħlas favurihom” għandha għalhekk tinftiehem fis-sens li kienet tapplika għar-riċerkaturi kollha li kellu kuntatt magħhom l-OLAF.

83

Għaldaqstant, minn naħa, billi tinterpreta fl-imsemmi punt 157, din l-aħħar sentenza tal-istqarrija għall-istampa kontenzjuża fis-sens li l-OLAF ried jikkonstata li wħud mir-riċerkaturi li kellu kuntatt magħhom ma kinux jafu li isimhom kien marbut mal-proġett, u lanqas ma kienu jafu bil-kontijiet bankarji miftuħa f’isimhom jew b’xi ħlas favurihom, filwaqt li l-istqarrija għall-istampa kontenzjuża tista’ tinftiehem biss fis-sens li kienet tkopri lir-riċerkaturi kollha kkuntattjati mill-OLAF, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-kontenut tagħha.

84

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-allegat żnaturament tal-konklużjonijiet tar-rapport finali tal-OLAF, għandu jiġi rrilevat li mill-imsemmija konklużjonijiet, li jinsabu fil-punt 2.3.3.2 ta’ dan ir-rapport, jirriżulta li għaxar riċerkaturi li allegatament ipparteċipaw fil-proġett ta’ riċerka wieġbu għall-kwestjonarju tal-OLAF u “kkonfermaw li pparteċipaw fil-proġett MINATRAN”. Minn dan jirriżulta wkoll li “[m]adankollu, ċerti riċerkaturi ma kkonfermaw la l-ispejjeż li kienu ġew iddikjarati mill-[Università Aristotli] f’isimhom u lanqas il-pussess ta’ kont bankarju Grieg”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher b’mod manifest li, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-istqarrija għall-istampa kontenzjuża, mhux ir-riċerkaturi kollha li kellu kuntatt magħhom l-OLAF ma kinux jafu li isimhom kien marbut mal-proġett u ma kinux jafu bil-kontijiet bankarji miftuħa f’isimhom jew b’xi ħlas favurihom. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-konklużjonijiet tal-imsemmi rapport finali, billi ddeċidiet, fil-punt 157 tas-sentenza appellata, li l-OLAF ma kienx żvela informazzjoni ineżatta fil-ħames paragrafu tal-istqarrija għall-istampa kontenzjuża.

85

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-punt 169 tas-sentenza appellata, mit-test tal-punt 2.3.3.1 tar-rapport finali tal-OLAF, li tirreferi għalih l-appellanti, jirriżulta li hija kienet ġiet akkużata, bħala tentattiv ta’ tfixkil fl-investigazzjoni, li bagħtet messaġġ elettroniku lil riċerkatur wieħed biss, filwaqt li l-istqarrija għall-istampa inkwistjoni tirreferi b’mod astratt għal diversi tentattivi ta’ tfixkil. Madankollu, ma jidhirx b’mod manifest li l-OLAF kellu l-intenzjoni li jkopri, f’dan il-punt tar-rapport finali, b’mod eżawrjenti, it-tentattivi ta’ tfixkil allegati fil-konfront tal-appellanti.

86

Għalhekk, ma jidhirx b’mod manifest li l-Qorti Ġenerali żnaturat ir-rapport finali tal-OLAF meta ddeċidiet, fil-punt 169 tas-sentenza appellata, li, kif jirriżulta minn dan ir-rapport, l-OLAF kien ikkonstata matul l-investigazzjoni tiegħu li l-appellanti kienet f’diversi okkażjonijiet ikkuntattjat lil ċerti riċerkaturi u li huwa kien qies li dawn l-atti kienu jikkostitwixxu ostakoli għall-investigazzjoni tiegħu.

87

Minn dan isegwi li t-tielet aggravju għandu jintlaqa’ sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, fir-rigward tal-ħames paragrafu tal-istqarrija għall-istampa kontenzjuża.

88

Peress li l-ewwel u t-tieni aggravji kif ukoll parti mit-tielet aggravju ntlaqgħu, hemm lok li s-sentenza appellata tiġi annullata sa fejn, permezz tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talbiet tar-rikors intiżi għall-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tikkumpensa d-dannu li rriżulta mill-ksur mill-OLAF tal-obbligi tiegħu taħt ir-Regolament 2018/1725, tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba.

89

Il-kumplament tal-appell għandu jiġi miċħud.

VI. Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

90

Konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, taqta’ l-kawża b’mod definittiv meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

91

Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

92

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma vverifikatx jekk l-OLAF, meta ppubblika l-istqarrija għall-istampa kontenzjuża, kienx kiser il-preżunzjoni tal-innoċenza msemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 883/2013 u stabbilita fl-Artikolu 48(1) tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 6(2) tal-KEDB, u lanqas jekk, fil-każ ta’ tali ksur, il-kundizzjonijiet għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni skont l-Artikolu 340 TFUE humiex issodisfatti.

93

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża.

VII. Fuq l-ispejjeż

94

Peress li l-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell għandhom jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-4 ta’ Mejju 2022, OC vs Il-Kummissjoni (T‑384/20, EU:T:2022:273), hija annullata sa fejn, permezz tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talbiet tar-rikors intiżi biex il-Kummissjoni Ewropea tiġi kkundannata tikkumpensa d-dannu li jirriżulta mill-ksur mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) tal-obbligi tiegħu skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE, tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba.

 

2)

L-appell huwa miċħud għall-bqija.

 

3)

Il-kawża T‑384/20 hija rrinvijata lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

4)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.