SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

7 ta’ Diċembru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej – Eżekuzzjoni tal-kuntratt – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 72 – Modifika ta’ kuntratti matul it-terminu tagħhom – Modifika tat-terminu ta’ eżekuzzjoni – Modifika sostanzjali – Ċirkustanzi imprevedibbli”

Fil-Kawżi magħquda C‑441/22 u C‑443/22,

li għandha bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑21 ta’ Ġunju 2022, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Lulju 2022, fil-proċeduri

Zamestnik-ministar na regionalnoto razvitie i blagoustroystvoto i rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa “Regioni v rastezh” 2014-2020

vs

Obshtina Razgrad (C‑441/22),

fil-preżenza ta’:

Varhovna administrativna prokuratura,

u

Zamestnik-ministar na regionalnoto razvitie i blagoustroystvoto i rakovoditel na Natsionalnia organ po programa INTERREG V-A Rumania-Bulgaria 2014-2020

vs

Obshtina Razgrad (C‑441/22),

fil-preżenza ta’:

Varhovna administrativna prokuratura,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn Z. Csehi, President ta’ Awla, E. Regan (Relatur), President tal-Ħames Awla, u D. Gratsias, Imħallef,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Obshtina Balchik, minn A. Atanasov, advokat,

għall-Gvern Ċek, minn L. Halajová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Estonjan,, minn M. Kriisa, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara, C. Georgieva u G. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 72(1)(e) u (4)(a) u (b) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifiki fil-ĠU 2015, L 275, p. 68 u fil-ĠU 2023, L 90063, kif emendata bir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2017/2365 tat‑18 ta’ Diċembru 2017 (ĠU 2017, L 337, p. 19) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/24”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, fl-ewwel waħda (Kawża C‑441/22), iz-Zamestnik-ministar na regionalnoto razvitie i blagoustroystvoto rakovoditel na Upravlyavashtia organ na Operativna programa “Regioni v rastezh” 2014–2020 (il-Viċi Ministru għall-Iżvilupp Reġjonali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, fil-kwalità tiegħu ta’ kap tal-awtorità ta’ ġestjoni tal-Programm Operazzjonali “Reġjuni li qed Jiżviluppaw” 2014–2020, il-Bulgarija) u, fit-tieni waħda (Kawża C‑443/22, iż-Zamestnik-ministar na regionalnoto razvitie i blinta goustroystvoto i rakovoditel na Natsionalnia organ po Programa INTERREG V-A Rumania-Bulgaria 2014–2020 (il-Viċi Ministru għall-Iżvilupp Reġjonali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, fil-kwalità tiegħu bħala Kap tal-Awtorità Nazzjonali għall-Programm INTERREG V-A Rumanija-Bulgarija 2014–2020, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem, mingħajr distinzjoni f’kull waħda miż-żewġ kawżi, il-“kap tal-awtorità ta’ ġestjoni”) rispettivament fl-Obshtina Razgrad (il-Komun ta’ Razgrad, il-Bulgarija) u fl-Obshtina Balchik (il-Komun ta’ Balchik, il-Bulgarija) dwar deċiżjonijiet meħuda mill-kap tal-awtorità ta’ ġestjoni li permezz tagħhom dan tal-aħħar applika għal dawn iż-żewġ komuni korrezzjoni finanzjarja ta’ 25 % fuq l-ispejjeż eliġibbli taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (iktar ’il quddiem il-“Fondi SIE”) fil-kuntest ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet li huma kienu organizzaw.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 58, 107 u 109 tad-Direttiva 2014/24 jipprevedu:

“(58)

Waqt li elementi essenzjali ta’ proċedura ta’ akkwist bħad-dokumenti tal-akkwist, talbiet għal parteċipazzjoni, konferma ta’ interess u offerti għandhom dejjem isiru bil-miktub, komunikazzjoni bil-fomm mal-operaturi ekonomiċi għandha tkompli tkun altrimenti possibbli, kemm-il darba l-kontenut tagħha jkun iddokumentat sa livell suffiċjenti. Dan huwa neċessarju biex jiġi żgurat livell adegwat ta’ trasparenza li jippermetti verifika ta’ kemm il-prinċipju ta’ trattament ugwali ikun ġie rispettat. B’mod partikolari, huwa essenzjali li l-komunikazzjoni bil-fomm mal-offerenti li jista’ jkollha impatt fuq il-kontenut u l-valutazzjoni tal-offerti tkun iddokumentata sa punt suffiċjenti u b’mezzi adatti, bħal reġistrazzjonijiet bil-mitbu jew bl-awdjo jew sommarji tal-elementi prinċipali tal-komunikazzjoni.

[…]

(107)

Huwa meħtieġ li jiġu ċċarati l-kondizzjonijiet skont liema, il-modifiki għal kuntratt matul it-twettiq tiegħu jeħtieġu proċedura ta’ akkwist ġdida, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija meħtieġa proċedura ta’ akkwist ġdida fil-każ ta’ bidliet materjali fil-kuntratt inizjali, b’mod partikolari għall-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut tad-drittijiet u l-obbligi reċiproċi tal-partijiet, inkluża d-distribuzzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Dawn il-bidliet juru l-intenzjoni tal-partijiet li jerġgħu jinnegozjaw it-termini jew il-kondizzjonijiet essenzjali ta’ dak il-kuntratt. Dan ikun il-każ b’mod partikolari jekk il-kondizzjonijiet emendati kien ser ikollhom influwenza fuq l-eżitu tal-proċedura, kieku dawn kienu parti mill-proċedura inizjali.

Modifiki għall-kuntratt li jirriżultaw f’bidla żgħira tal-valur tal-kuntratt sa ċertu valur għandhom dejjem ikunu possibbli mingħajr il-ħtieġa li titwettaq proċedura ta’ akkwist ġdida. Għal dan il-għan u sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, din id-Direttiva għandha tipprovdi limiti de minimis, taħt liema proċedura ta’ akkwist ma tkunx meħtieġa. Modifiki għall-kuntratt ‘il minn dawn il-limiti għandhom ikunu possibbli mingħajr il-ħtieġa li titwettaq proċedura ta’ akkwist ġdida sakemm ikunu konformi mal-kondizzjonijiet rilevanti imniżżla f’din id-Direttiva.

[…]

(109)

L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiffaċċjaw ċirkostanzi esterni li ma setgħux jipprevedu meta dawn taw il-kuntratt, b’mod partikolari meta l-eżekuzzjoni tal-kuntratt tkopri perijodu ta’ żmien twil. F’dan il-każ, huwa meħtieġ ċertu livell ta’ flessibilità biex il-kuntratt jiġi adattat għal dawk iċ-ċirkostanzi mingħajr proċedura ta’ akkwist ġdida. Il-kunċett ta’ ċirkostanzi imprevedibbli jirreferi għal ċirkostanzi li ma setgħux ikunu mbassra minkejja tħejjija raġonevolment diliġenti tal-għoti inizjali mill-awtorità kontraenti, filwaqt li jitqiesu l-mezzi disponibbli tagħha, in-natura u l-karatteristiċi tal-proġett speċifiku, il-prattika tajba fil-qasam inkwistjoni u l-ħtieġa li tiġi żgurata relazzjoni xierqa bejn ir-riżorsi li jintefqu fit-tħejjija tal-għoti u l-valur prevedibbli tiegħu. Madankollu, dan ma jistax japplika fil-każijiet fejn modifika tirriżulta f’alterazzjoni tan-natura tal-akkwist ġenerali, pereżempju billi jiġu sostitwiti x-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi li jridu jiġu akkwistati b’xi ħaġa differenti jew billi jinbidel fundamentalment it-tip ta’ akkwist, minħabba li, f’sitwazzjoni bħal din, wieħed jista’ jassumi li jkun hemm influwenza ipotetika fuq ir-riżultat.”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

5.

‘kuntratti pubbliċi’ tfisser kuntratti b’titolu oneruż konklużi bil-miktub bejn operatur ekonomiku wieħed jew aktar u awtorità kontraenti waħda jew aktar u li għandhom bħala s-suġġett tagħhom l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi;

[…]

18.

‘miktub’ jew ‘bil-miktub’ tfisser kwalunkwe espressjoni li tikkonsisti fi kliem jew figuri li jistgħu jinqraw, jiġu riprodotti jew ikkommunikati wara, inkluż informazzjoni trasmessa u maħżuna permezz ta’ mezzi elettroniċi;

[…]”

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ammonti tal-limitu stabbilit”, jipprevedi, fil-punt (a) tiegħu, li din tapplika għall-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet li l-valur stmat tagħhom mingħajr it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) huwa ta’ jew ogħla minn EUR5 548000.

6

L-Artikolu 72 tal-istess direttiva, bit-titolu “Modifika ta’ kuntratti matul it-terminu tagħhom”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Kuntratti u ftehimiet qafas jistgħu jiġu mmodifikati mingħajr proċedura ġdida tal-akkwist f’konformità ma’ din id-Direttiva fi kwalunkwe wieħed minn dawn il-każijiet li ġejjin:

(a)

fejn il-modifiki, irrispettivament mill-valur monetarju tagħhom, ikunu ġew previsti fid-dokumenti inizjali tal-akkwist fi klawżoli ta’ reviżjoni ċari, preċiżi u inekwivokabbli, li jistgħu jinkludi klawżoli ta’ reviżjoni ta’ prezzijiet, jew għażliet. Dawn il-klawżoli għandhom jiddikjaraw il-kamp ta’ applikazzjoni u n-natura ta’ modifiki jew għażliet possibbli kif ukoll il-kondizzjonijiet li taħthom dawn jistgħu jintużaw. Ma għandhomx jipprovdu għal modifiki jew għażliet li jibdlu n-natura ġenerali tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas;

[…]

(c)

fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

i)

il-ħtieġa ta’ modifika nġiebet minħabba ċirkostanzi li awtorità kontraenti diliġenti ma setgħetx tipprevedi;

[…]

e)

fejn il-modifiki, irrispettivament mill-valur tagħhom, mhumiex sostanzjali skont it-tifsira tal-paragrafu 4.

[…]

4.   Modifika ta’ kuntratt jew ta’ ftehim qafas matul it-terminu tiegħu għandha titqies bħala sostanzjali skont it-tifsira tal-punt (e) tal-paragrafu 1, fejn din trendi l-kuntratt jew il-ftehim qafas materjalment differenti fin-natura minn dak inizjalment konkluż. Fi kwalunkwe eventwalità, mingħajr ħsara għall-paragrafi 1 u 2, modifika għandha titqies bħala sostanzjali fejn tkun sodisfatta waħda jew iktar mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-modifika tintroduċi kondizzjonijiet li, kieku kienu parti mill-proċedura ta’ akkwist inizjali, kienu jippermettu d-dħul ta’ kandidati oħra minbarra dawk inizjalment magħżula jew l-aċċettazzjoni ta’ offerta oħra minbarra dik aċċettata oriġinarjament jew kienu jattiraw parteċipanti addizzjonali fil-proċedura ta’ akkwist;

(b)

il-modifika tibdel il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas favur il-kuntrattur b’tali mod li ma kienx previst fil-kuntratt inizjali jew il-ftehim qafas;

[…]

5.   Proċedura ġdida ta’ akkwist f’konformità ma’ din id-Direttiva għandha tkun meħtieġa għal modifiki oħra tad-dispożizzjonijiet ta’ kuntratt pubbliku jew ftehim qafas matul it-terminu tiegħu minbarra dawk previsti taħt il-paragrafi 1 u 2.”

Id‑dritt Bulgaru

7

L-Artikolu 107 taż-Zakon za obshtestvenite porachki (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, DV Nru 13, tas‑16 ta’ Frar 2016), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi”), li ttrasponiet id-Direttiva 2014/24 fl-ordinament ġuridiku Bulgaru, tipprevedi:

“Minbarra għall-motivi msemmija fl-Artikoli 54 u 55, l-awtorità kontrattwanti għandha teskludi:

1

kandidat jew offerent li ma jissodisfax il-kriterji ta’ selezzjoni stabbiliti jew li ma jissodisfax kwalunkwe kondizzjoni oħra speċifikata fl-avviż dwar kuntratt, l-istedina għall-konferma tal-interess jew l-istedina għan-negozjar jew fid-dokumentazzjoni;

[…]”

8

Skont l-Artikolu 116 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi:

“1.   Il-kuntratti għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u l-ftehimiet qafas jistgħu jiġu mmodifikati meta:

[…]

2.

minħabba ċirkostanzi mhux prevedibbli, ikun meħtieġ li jitwettqu provvisti, servizzi jew xogħlijiet addizzjonali mhux previsti fil-kuntratt inizjali jekk is-sostituzzjoni tal-kontraent:

(a)

ma tistax issir għal raġunijiet ekonomiċi jew tekniċi, bħalma huma r-rekwiżiti ta’ interkambjalità jew interoperabbiltà mat-tagħmir, is-servizzi jew l-impjanti eżistenti akkwistati taħt għoti ta’ kuntratt inizjali; u

(b)

toħloq diffikultajiet kbar ta’ manutenzjoni, ta’ tħaddim u ta’ servizz jew spejjeż żejda għall-aġent kontraenti;

3.

minħabba ċirkustanzi li l-awtorità kontraenti, fl-eżerċizzju tad-diliġenza tagħha, ma setgħetx tipprevedi, deher neċessarju li ssir modifika li ma twassalx għal bidla fis-suġġett tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas;

[…]

7.

huma meħtieġa modifiki mhux sostanzjali.

[…]

(5)   Il-modifika ta’ kuntratt għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għandha titqies bħala sostanzjali skont it-tifsira tal-punt 7 tal-paragrafu 1, meta waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfatti:

1.

il-modifika tintroduċi kundizzjonijiet li, kieku kienu jagħmlu parti mill-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt, kienu jinċentivaw offerenti jew kandidati addizzjonali sabiex jipparteċipaw, kienu jippermettu l-ammissjoni ta’ offerenti jew ta’ kandidati differenti minn dawk inizjalment magħżula, jew kienu jwasslu għall-aċċettazzjoni ta’ offerta differenti minn dik inizjalment magħżula;

2.

il-modifika twassal għal vantaġġi għall-offerent rebbieħ li ma kinux magħrufa mill-parteċipanti l-oħra fil-proċedura;”

9

Il-punt 72 tal-paragrafu 27 tad-dispożizzjonijiet komplementari tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jipprevedi li ċ-“ċirkustanzi imprevedibbli” huma ċirkustanzi li seħħew wara l-konklużjoni tal-kuntratt, li ma setgħux jiġu previsti bid-diliġenza rikjesta u li ma jirriżultawx minn att jew minn ommissjoni tal-partijiet, iżda li jirrendu impossibbli l-eżekuzzjoni fil-kundizzjonijiet miftiehma. L-Artikolu 3(1) ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedi li din il-liġi tittrasponi r-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/24.

10

L-Artikolu 20a taz-zakon za zadalzheniyata i dogovorite (il-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti, DV Nru 275, tat‑22 ta’ Novembru 1950) jipprevedi:

“Il-kuntratti għandhom isiru bil-liġi bejn il-partijiet kontraenti.

Il-kuntratti jistgħu jiġu mmodifikati, xolti, annullati jew revokati biss bi ftehim bejn il-partijiet jew għal motivi previsti mil-liġi.”

11

L-Artikolu 1(2) taż-zakon za upravlenie na sredstvata ot Evropeyskite strukturni i investitsionni fondove (il-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-[Fondi SIE], DV Nru 101, tat‑22 ta’ Diċembru 2015, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Fondi SIE”) jiddefinixxi l-ispejjeż eliġibbli taħt l-SIE fid-dritt nazzjonali.

12

Il-punt 23 tal-Anness I tal-Artikolu 2(1) tad-Digriet dwar l-Identifikazzjoni tal-Irregolaritajiet li Jiġġustifikaw l-Applikazzjoni ta’ Korrezzjonijiet Finanzjarji u għall-Perċentwali Applikabbli Sabiex jiġi Ddeterminat l-Ammont tal-Korrezzjonijiet Finanzjarji fil-Kuntest tal-[Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Fondi SIE] (DV Nru 27, tal‑31 ta’ Marzu 2017), jipprevedi:

“Modifiki illegali f’kuntratt pubbliku.

(a)

ikun hemm modifiki tal-kuntratt (inkluż tnaqqis tal-portata tal-kuntratt) li ma jkunux konformi mal-Artikolu 116(1) [tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi] […] [meta]

Hemm modifika sostanzjali fl-elementi tal-kuntratt (bħall-prezz, in-natura tax-xogħol, it-terminu ta’ eżekuzzjoni, il-modalitajiet ta’ ħlas, il-materjali użati) meta l-modifika tirrendi l-kuntratt eegwit sostanzjalment differenti, fin-natura tiegħu, minn dak inizjalment konkluż. Fil-każijiet kollha, modifika titqies li hija sostanzjali meta waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 116(5) [tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi] huma ssodisfatti.

[…]”

13

L-Artikolu 15(1) tal-Liġi dwar l-Iżvilupp tal-Kosta tal-Baħar l-Iswed (DV Nru 48, tal‑15 ta’ Ġunju 2007), fis-seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2008, jipprevedi:

“Huwa pprojbit li jitwettqu xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u ta’ installazzjoni fl-impjanti tal-għawm nazzjonali tal-kosta tal-Baħar l-Iswed, mill‑15 ta’ Mejju sal‑1 ta’ Ottubru.”

Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari

Il‑Kawża C‑441/22

14

Fit‑3 ta’ Lulju 2018, sabiex jimplimenta l-attivitajiet iffinanzjati mill-Fondi SIE, il-Komun ta’ Razgrad, fil-kwalità tiegħu ta’ entità pubblika kontraenti, nieda proċedura miftuħa ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku intiż għall-kostruzzjoni ta’ sala tal-isport fi skola tas-snajja sekondarja għolja ta’ dan il-komun. Ġiet sottomessa offerta waħda biss, jiġifieri dik mingħand “SAV – Razgrad” OOD.

15

Permezz ta’ kuntratt tat‑13 ta’ Settembru 2018, il-Komun ta’ Razgrad ta l-kuntratt pubbliku lil din il-kumpannija. Skont l-Artikolu 5(1) u (2) ta’ dan il-kuntratt, il-perijodu ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni kien ta’ 235 jum u ma setax jestendi lil hinn mit‑30 ta’ Novembru 2019.

16

Matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, fid‑29 ta’ Novembru 2019, il-partijiet ftehmu dwar ftehim supplimentari Nru 1 għall-kuntratt, li ssostitwixxa d-data inizjali tat‑30 ta’ Novembru 2019 prevista għat-tmiem tax-xogħlijiet b’dik tat‑30 ta’ Jannar 2020. Il-ġustifikazzjoni ta’ din il-modifika mressqa mill-partijiet kienet is-seħħ ta’ ċirkustanzi mhux previsti li jagħtu lok għan-neċessità li jiġi adattat il-proġett ta’ investiment.

17

Matul il-perjodu ta’ eżekuzzjoni, tħejjew sitt konstatazzjonijiet ta’ sospensjoni tax-xogħlijiet, li ħamsa minnhom huma minħabba kundizzjonijiet ħżiena meteoroloġiċi u waħda minħabba l-ħtieġa li l-proġett ta’ investiment jinbidel.

18

Fl‑24 ta’ Frar 2020 saret konstatazzjoni li turi l-konformità tal-kostruzzjoni.

19

Wara t-tnaqqis mit-tul tal-perijodu ta’ eżekuzzjoni effettiva ta’ 525 jum, mill-perijodi ta’ sospensjoni tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li għalihom konstatazzjoni kienet ġiet debitament stabbilita mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-awtorità ta’ ġestjoni, intgħażel terminu ta’ eżekuzzjoni ta’ 264 jum.

20

Għal dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ dewmien mit‑30 ta’ Jannar sal‑24 ta’ Frar 2020, ma tressqet l-ebda ġustifikazzjoni u l-awtorità kontraenti ma kkalkolatx penalitajiet ta’ dewmien.

21

Filwaqt li rrefera, b’mod partikolari, għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 14 sa 20 ta’ din is-sentenza, il-kap tal-awtorità ta’ ġestjoni ddeċieda li japplika korrezzjoni finanzjarja ta’ 25 % għall-Komun ta’ Razgrad fuq l-infiq eliġibbli taħt il-Fondi SIE, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tal-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Fondi SIE, minħabba l-ksur tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi. Skont il-kap tal-awtorità ta’ ġestjoni, it-tul tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt huwa element essenzjali ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, l-awtorità kontraenti pprevediet, fid-dokumenti tal-kuntratt, tul massimu u data li ma għandhomx jinqabżu għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, peress li dawn l-elementi jikkostitwixxu barra minn hekk kriterji ta’ għoti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-offerti. Għaldaqstant, qbiż ta’ dawn it-termini mhux oġġettivament iġġustifikat u aċċettat mill-awtorità kontraenti mingħajr rimarki u mingħajr penalità ta’ dewmien jikkostitwixxi modifika illegali tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni.

22

Il-Komun ta’ Razgrad ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Administrativen sad – Razgrad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Razgrad, il-Bulgarija). Din tal-aħħar ikkunsidrat li modifika tal-kuntratt ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku tista’ titwettaq biss permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim bil-miktub, li ma kienx il-każ f’dan il-każ fir-rigward tal-aħħar perijodu ta’ dewmien. Għaldaqstant, tali każ ma jikkostitwixxix modifika tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt, bi ksur tal-Artikolu 116(1) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, iżda eżekuzzjoni mhux konformi tal-kuntratt ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku. Anki jekk dan tal-aħħar kien fih klawżola li tipprevedi penalitajiet għal dewmien, il-kwistjoni dwar jekk l-awtorità kontraenti talbithomx mingħand l-offerent rebbieħ hija irrilevanti. L-Administrativen sad – (il-Qorti Amministrattiva ta’ Razgrad) iddeċidiet li l-kap tal-awtorità ta’ ġestjoni kien ikkunsidra b’mod żbaljat li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tikkostitwixxi modifika illegali tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt, b’tali mod li d-deċiżjoni tagħha f’dan is-sens kellha tiġi annullata.

23

Il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), il-qorti tar-rinviju, hija adita b’appell ta’ kassazzjoni ppreżentat mill-kap tal-awtorità ta’ ġestjoni kontra din is-sentenza.

24

Skont il-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni dwar jekk sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix modifika illegali tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt hija s-suġġett ta’ dibattitu fi ħdan il-qrati nazzjonali. Skont l-ewwel approċċ, din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li jinkludu, minbarra ftehim bil-miktub, id-dikjarazzjonijiet u l-aġir tal-partijiet fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Skont it-tieni approċċ, sabiex ikun hemm modifika tal-kuntratt, huwa neċessarju li l-partijiet jaslu għal ftehim, li jiġi rreġistrat bil-miktub. Fl-assenza ta’ tali ftehim, fil-każ fejn id-dewmien fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku huwa imputabbli lill-offerent rebbieħ, din tkun pjuttost sitwazzjoni ta’ eżekuzzjoni mhux konformi tal-kuntratt.

25

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għaldaqstant, liema hija l-interpretazzjoni tal-Artikolu 72(1)(e) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-paragrafu 4(a) u (b) tal-istess direttiva, li għandha tingħata sabiex jiġi ddeterminat, b’mod partikolari, jekk modifika sostanzjali ta’ kuntratt pubbliku, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tistax tiġi kkonstatata biss jekk jeżisti ftehim bil-miktub f’dan is-sens bejn il-partijiet jew jekk din tistax tiġi dedotta wkoll mill-aġir tagħhom.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Dispożizzjonijiet nazzjonali jew ġurisprudenza nazzjonali dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li minnhom jirriżulta li ksur tar-regoli dwar modifika sostanzjali ta’ kuntratt pubbliku jista’ jiġi invokat biss jekk il-partijiet ikunu ffirmaw ftehim jew anness bil-miktub dwar modifika tal-kuntratt huma kompatibbli mal-Artikolu 72(1)(e), moqri flimkien mal-Artikolu 72(4)(a) u (b) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE?

2.

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, dispożizzjonijiet nazzjonali jew ġurisprudenza nazzjonali dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li minnhom jirriżulta li modifika illegali tal-kuntratti pubbliċi tista’?

3.

Dispożizzjonijiet nazzjonali jew ġurisprudenza nazzjonali dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li minnhom jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (fejn id-dokumenti kuntrattwali kienu jiffissaw tul massimu u data finali għall-eżekuzzjoni; fejn id-data finali kienet tikkostitwixxi wkoll parametru fil-metodu ta’ evalwazzjoni tal-offerti; fejn l-eżekuzzjoni effettiva tal-kuntratt qabżet it-tul massimu u d-data finali previsti fid-dokumenti kuntrattwali, fl-assenza ta’ ċirkustanzi mhux prevedibbli; fejn l-awtorità kontraenti aċċettat l-eżekuzzjoni mingħajr kumment u ma talbitx penalitajiet minħabba dewmien), l-eżekuzzjoni tal-kuntratt bi ksur tal-klawżoli tad-dokumenti kuntrattwali u tal-kuntratt stess fir-rigward tat-termini, fl-assenza ta’ ċirkustanzi mhux prevedibbli u mingħajr oġġezzjoni min-naħa tal-awtorità kontraenti, għandha titqies bħala li hija biss forma ta’ eżekuzzjoni mhux konformi tal-kuntratt u mhux bħala li hija modifika sostanzjali illegali tal-kuntratt fir-rigward tat-termini ta’ eżekuzzjoni, huma kompatibbli mal-Artikolu 72(1)(e), moqri flimkien mal-Artikolu 72(4)(a) u (b) tad-Direttiva 2014/24?”

Il-Kawża C‑443/22

27

Fit‑2 ta’ Jannar 2019, il-Komun ta’ Balchik nieda proċedura miftuħa għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku fil-kuntest ta’ proġetti ffinanzjati mill-fondi SIE, li kellha bħala għan l-iżvilupp tal-parti quddiem il-baħar tal-kosta ta’ dan il-komun. Ġew ippreżentati żewġ offerti, fosthom dik minn Infra Expert AD.

28

Peress li l-kuntratt ingħata lil din tal-aħħar, il-partijiet iffirmaw kuntratt fid‑19 ta’ April 2019, li jiddetermina b’mod partikolari t-terminu ta’ eżekuzzjoni skont il-proposta teknika tal-offerent rebbieħ, jiġifieri 45 jum kalendarju.

29

Matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, atti li jissospendu t-terminu ta’ eżekuzzjoni seħħew minħabba, minn naħa, kundizzjonijiet meteoroloġiċi ħżiena u, min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni, skont l-Artikolu 15(1) tal-Liġi dwar l-Iżvilupp tal-Kosta tal-Baħar l-Iswed, li jitwettqu xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u ta’ installazzjoni fl-impjanti tal-għawm nazzjonali tal-kosta tal-Baħar l-Iswed matul l-istaġun turistiku, bejn il‑15 ta’ Mejju u l‑1 ta’ Ottubru.

30

Minħabba f’hekk, it-tul effettiv tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ġie estiż għal 250 jum. L-awtorità kontraenti ma talbitx kumpens għad-danni minħabba nuqqas ta’ eżekuzzjoni fit-termini stabbiliti.

31

Filwaqt li bbaża ruħu b’mod partikolari fuq motivi analogi għal dawk inkwistjoni fil-Kawża C‑441/22, il-kap tal-awtorità ta’ ġestjoni applika, permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Ottubru 2020, korrezzjoni finanzjarja ta’ 25 % lill-Komun ta’ Balchik fir-rigward tal-ispejjeż eliġibbli għall-fondi SIE, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tal-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Fondi SIE, minħabba l-ksur tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi. Skont il-kap tal-awtorità ta’ ġestjoni, konformement mal-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, it-terminu għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet huwa stabbilit fid-dokumenti tal-kuntratt b’mod u fil-limiti li, jekk dawn ma jiġux osservati, iwasslu għall-esklużjoni tal-offerent. Fid-dawl tas-sospensjoni ripetuta tax-xogħlijiet, meta kien hemm kundizzjonijiet meteoroloġiċi sfavorevoli abitwali u projbizzjoni regolamentari raġonevolment prevedibbli, konformement mal-punt 3 tal-Artikolu 116(1) ta’ din il-liġi, il-kap tal-awtorità ta’ ġestjoni qies li l-qbiż tal-iskadenza tat-terminu ta’ eżekuzzjoni miftiehem inizjalment kienet tikkostitwixxi, fil-fatt, modifika sostanzjali tal-kuntratt pubbliku, bi ksur tal-imsemmija liġi.

32

Il-komun ta’ Balchik ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni tal-kap tal-awtorità ta’ ġestjoni quddiem l-Administrativen sad Dobrich (il-Qorti Amministrattiva ta’ Dobrich, il-Bulgarija). Din tal-aħħar iddeċidiet, essenzjalment, li, skont l-Artikolu 20a tal-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti, il-kuntratti bejn il-partijiet jistgħu jiġu mmodifikati bi ftehim komuni tagħhom jew għall-motivi previsti mil-liġi. Barra minn hekk, l-unika forma awtorizzata sabiex modifiki tal-kuntratt pubbliku jkunu validi huwa l-ftehim bil-miktub. F’dan il-każ, il-kuntratt ġie mmodifikat permezz ta’ ftehim taċitu, li ma jikkostitwixxix modifika tiegħu, iżda eżekuzzjoni inadegwata tal-kuntratt, li tippermetti biss lill-awtorità kontraenti li timponi l-penalità miftiehma espressament u minn qabel fil-kuntratt. Ma huwiex rilevanti fid-dritt li jsir magħruf liema kienu l-motivi għas-sospensjoni tax-xogħlijiet u jekk dawn kinux prevedibbli jew le għall-partijiet.

33

Il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema), il-qorti tar-rinviju, ġiet adita b’appell ta’ kassazzjoni ppreżentat mill-kap tal-awtorità ta’ ġestjoni kontra s-sentenza tal-Administrativen sad Dobrich (il-Qorti Amministrattiva ta’ Dobrich).

34

Minbarra dak li diġà ġie espost fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tqis li r-riżoluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑443/22 teħtieġ li tiġi ppreċiżata l-portata tal-kunċetti ta’ “diliġenza raġonevoli fit-tħejjija tal-kuntratt inizjali”, ta’ “ċirkustanzi mhux prevedibbli” u ta’ “ċirkustanzi li awtorità kontraenti diliġenti ma setgħetx tipprevedi”, fis-sens tad-Direttiva 2014/24.

35

B’hekk huwa mixtieq li l-Artikolu 72(1)(c) u (e) kif ukoll il-paragrafu 4(a) u (b) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-premessa 109 tagħha, jiġu interpretati sabiex jiġi ddeterminat, b’mod partikolari, minn naħa, jekk modifika sostanzjali tal-kuntratt pubbliku tirrikjedi ftehim bil-miktub jew jekk tistax tiġi dedotta wkoll mill-aġir konġunt tal-partijiet u, min-naħa l-oħra, jekk id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi imprevedibbli” li tinsab fil-punti 2 u 3 tal-Artikolu 116(1) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi tikkostitwixxix traspożizzjoni korretta fid-dritt Bulgaru tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2014/24.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Dispożizzjonijiet nazzjonali jew ġurisprudenza nazzjonali dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li minnhom jirriżulta li ksur tar-regoli dwar modifika sostanzjali ta’ kuntratt pubbliku jista’ jiġi invokat biss u esklużivament jekk il-partijiet ikunu ffirmaw ftehim jew anness bil-miktub dwar modifika tal-kuntratt huma kompatibbli mal-Artikolu 72(1)(e), moqri flimkien mal-Artikolu 72(4)(a) u (b) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE?

2.

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, dispożizzjonijiet nazzjonali jew ġurisprudenza nazzjonali dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li minnhom jirriżulta li modifika illegali tal-kuntratti pubbliċi tista’ titwettaq, minbarra permezz ta’ ftehim bil-miktub iffirmat bejn il-partijiet, permezz ta’ azzjonijiet komuni tal-partijiet bi ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-modifika tal-kuntratti, azzjonijiet li jkunu espressi permezz ta’ skambji u ta’ indizji bil-miktub dwar din il-modifika (bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali), li jippermettu li jiġi konkluż li kien hemm qbil tar-rieda li titwettaq l-imsemmija modifika, huma kompatibbli mal-Artikolu 72(1)(e), moqri flimkien mal-Artikolu 72(4)(a) u (b) tad-Direttiva 2014/24?

3.

Il-kunċett ta’ ‘diliġenza fit-tħejjija tal-kuntratt’, fis-sens tal-premessa [109] tad-Direttiva 2014/24, fir-rigward tal-parti tal-offerta dwar it-termini ta’ eżekuzzjoni tal-attivitajiet, jinkludi wkoll evalwazzjoni tar-riskji ta’ kundizzjonijiet meteoroloġiċi abitwali li jistgħu jipprekludu l-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku fit-termini previst, kif ukoll evalwazzjoni tal-projbizzjonijiet leġiżlattivi dwar l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet matul ċertu perijodu li jaqa’ fil-perijodu ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt?

4.

Il-kunċett ta’ “ċirkustanzi mhux prevedibbli”, fis-sens tad-Direttiva 2014/24, jinkludi biss ċirkustanzi li jkunu seħħew wara l-konklużjoni tal-kuntratt (kif tipprovdi l-liġi nazzjonali, b’mod partikolari l-punt 27 tal-Artikolu 2 tad-dispożizzjonijiet komplementari taż-Zakon za obshtestvenite porachki (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi)), li ma jkunux setgħu jiġu previsti minkejja d-diliġenza meħtieġa, li ma humiex dovuti għal atti jew għal ommissjonijiet tal-partijiet iżda jagħmlu l-eżekuzzjoni impossibbli fil-kuntest tal-kundizzjonijiet miftiehma? Jekk inkella d-Direttiva [2014/24] ma teżiġix li dawn iċ-ċirkustanzi jkunu seħħew wara l-konklużjoni tal-kuntratt?

5.

Kundizzjonijiet meteoroloġiċi abitwali li ma jikkostitwixxux ‘ċirkustanzi mhux prevedibbli’ fis-sens tal-premessa [109] tad-Direttiva 2014/24 u l-projbizzjoni leġiżlattiva, ippubblikata qabel l-għoti tal-kuntratt pubbliku, li tipprojbixxi l-kostruzzjoni matul ċertu perijodu, jikkostitwixxu ġustifikazzjoni oġġettiva tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt wara t-termini kuntrattwali? F’dan il-kuntest, l-offerent huwa meħtieġ, fil-kalkolu tat-terminu li jipproponi, jinkludi (b’diliġenza u in bona fide) fil-proposta tiegħu r-riskji abitwali rilevanti għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt fit-termini?

6.

Dispożizzjonijiet nazzjonali jew ġurisprudenza nazzjonali dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li minnhom jirriżulta li modifika illegali ta’ kuntratt pubbliku tista’ titwettaq f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’sitwazzjoni fejn it-terminu ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt taħt ċerti limiti huwa waħda mill-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt (u n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn it-termini jimplika l-esklużjoni tal-offerent); fejn l-eżekuzzjoni tal-kuntratt taqbeż dan it-terminu minħabba kundizzjonijiet meteoroloġiċi abitwali u minħabba projbizzjoni leġiżlattiva, li kienet diġà magħrufa qabel l-għoti tal-kuntratt, li jitwettqu x-xogħlijiet li huma s-suġġett tal-kuntratt matul il-perijodu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, sa fejn dawn il-motivi għan-nuqqas ta’ osservanza tat-termini ma humiex ċirkustanzi mhux prevedibbli; fejn l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ġie aċċettat mingħajr ebda riżerva dwar it-terminu; fejn ebda penalità kuntrattwali ma ntalbet minħabba d-dewmien; u fejn, għaldaqstant, kundizzjoni sostanzjali tad-dokumenti kuntrattwali, li hija determinanti mill-aspett tal-kompetizzjoni, ġiet modifikata u b’hekk inħolqot distorsjoni fil-bilanċ kompetittiv favur il-kontraenti, huma kompatibbli mal-Artikolu 72(1)(e), moqri flimkien mal-Artikolu 72(4)(a) u (b) tad-Direttiva 2014/24?”

37

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Awwissu 2022, il-Kawżi C‑441/22 u C‑443/22 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id‑domandi preliminari

Kunsiderazzjonijiet preliminari

Fuq l‑applikabbiltà tad-Direttiva 2014/24 għall‑kuntratti pubbliċi inkwistjoni fil‑kawża prinċipali

38

Kif jirriżulta mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari, il-valur stmat tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa inqas mil-limitu ta’ applikabbiltà tad-Direttiva 2014/24, stabbilit għal EUR 5548000 mill-Artikolu 4(a) tagħha, sa fejn jikkonċerna l-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, b’tali mod li dawn il-kuntratti ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

39

Madankollu, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tikkonforma ruħha, b’mod dirett u inkundizzjonat, għas-soluzzjonijiet li hija tipprovdi għal sitwazzjonijiet mhux koperti minn att tad-dritt tal-Unjoni, ma’ dawk adottati minn dan l-att, jeżisti interess ċert tal-Unjoni li d-dispożizzjonijiet riprodotti fl-imsemmi att jiġu interpretati b’mod uniformi. Fil-fatt, dan jippermetti li jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni futuri u li jiġi żgurat trattament identiku għal dawn is-sitwazzjonijiet u għal dawk li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet (sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2022, Smetna palata na Republika Bulgaria, C‑195/21, EU:C:2022:239, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tikkonstata, fil-punt 44 tas-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2022, Smetna palata na Republika Bulgaria (C‑195/21, EU:C:2022:239), li l-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, li ttrasponiet id-Direttiva 2014/24 fl-ordinament ġuridiku Bulgaru, tapplika b’mod iktar ġenerali għall-proċeduri kollha ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ssussidjati minn fondi Ewropej, indipendentement mill-valur tal-kuntratti kkonċernati.

41

Issa, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li, minn meta ngħatat din is-sentenza, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi kien ġie mmodifikat. Għall-kuntrarju, mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-imsemmija liġi tittrasponi fid-dritt intern l-Artikolu 72(1)(e) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-Artikolu 72(4)(a) u (b) tagħha, b’tali mod li r-regoli stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet saru applikabbli għall-kuntratti pubbliċi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li normalment ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-valur stmat ta’ kull wieħed mill-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tirrispondi għad-domandi preliminari.

Fuq l‑ammissibbiltà tat‑tielet sal‑ħames domanda fil‑Kawża C‑443/22

43

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Komun ta’ Balchik issostni li t-tielet sal-ħames domanda fil-Kawża C‑443/22 huma irrilevanti għall-kawża prinċipali. Skont din il-parti, il-fatti, kif ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju, ma humiex eżatti, peress li l-awtorità ta’ ġestjoni ddefinixxiet b’mod żbaljat it-terminu tal-kuntratt. It-tul tax-xogħlijiet huwa stipulat fil-kuntratt, iżda dan ma huwiex suġġett għal rekwiżit ta’ kontinwità. Ma kien hemm l-ebda rekwiżit ta’ eżekuzzjoni matul perijodu jew staġun annwali speċifiku.

44

F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita sew li tgħid li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság, C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Issa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑443/22 jirriżulta li t-tilwima fil-kawża prinċipali toriġina mill-iskadenza tat-terminu ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet stabbilit kemm fid-dokumenti tal-kuntratt kif ukoll fil-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li dan it-terminu kien jikkostitwixxi kriterju determinanti waqt l-evalwazzjoni tal-offerti, bl-offerenti li l-proposti tagħhom kienu superjuri għat-terminu massimu esklużi minn din il-proċedura. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li kwistjonijiet relatati maċ-ċirkustanzi eventwali li fihom tali terminu jista’ jinqabeż mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt jistgħu jitqiesu li ma għandhom ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett ta’ din it-tilwima jew bħala ipotetiċi għar-raġunijiet imressqa mill-Komun ta’ Balchik.

46

Konsegwentement, it-tielet sal-ħames domanda fil-Kawża C‑443/22 huma ammissibbli.

Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għas‑sitt domanda fil‑Kawża C‑443/22

47

Il-Komun ta’ Balchik issostni li s-sitt domanda fil-Kawża C‑443/22, kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju, tammonta, essenzjalment, għal talba lill-Qorti tal-Ġustizzja mhux għal domanda ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda għar-riżoluzzjoni diretta tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

48

Ċertament, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 267 TFUE ma jawtorizzax lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ speċifiku, iżda sempliċement li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Ingsteel u Metrostav, C‑76/16, EU:C:2017:549, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Madankollu, għandu jitqies li, permezz tas-sitt domanda tagħha fil-Kawża C‑443/22, moqrija fid-dawl tal-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tfittex, l-istess bħat-tielet domanda tagħha fil-Kawża C‑441/22, mhux li l-Qorti tal-Ġustizzja tapplika hija stess id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 72 tad-Direttiva 2014/24 għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, iżda li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk dan l-artikolu għandux jiġi interpretat fis-sens li modifika tat-terminu ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet miftiehma fil-kuntratt konkluż wara l-għoti ta’ kuntratt pubbliku, li seħħet wara dan l-għoti għal raġunijiet li ma ġewx previsti fid-dokumenti tal-kuntratt, tista’ titqies bħala forma ta’ eżekuzzjoni mhux konformi tal-kuntratt pubbliku kkonċernat li għaliha r-regoli previsti f’dan l-artikolu ma japplikawx, filwaqt li tali modifika taħt il-kunċett ta’ “modifika sostanzjali”, fis-sens tal-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu.

50

Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għas-sitt domanda fil-Kawża C‑443/22.

Fuq il‑kontenut tad‑domandi preliminari

51

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 72(1) u (2) tad-Direttiva 2014/24 jelenka s-sitwazzjonijiet li fihom il-kuntratti u l-ftehimiet qafas jistgħu jiġu mmodifikati mingħajr madankollu ma jkun neċessarju li tinbeda proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt konformement ma’ din id-direttiva. Skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, it-tnedija ta’ proċedura ġdida hija rikjesta meta jsiru modifiki oħra minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-imsemmi artikolu.

52

B’hekk, konformement mal-Artikolu 72(1)(e) tad-Direttiva 2014/24, proċedura ġdida ma hijiex rikjesta meta l-modifiki magħmula ma jkunux “sostanzjali”, fis-sens tal-Artikolu 72(4) ta’ din id-direttiva. Skont il-formulazzjoni stess ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, bla ħsara għall-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, modifika ta’ kuntratt kurrenti hija kkunsidrata bħala sostanzjali, fi kwalunkwe każ, meta mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet previsti fil-punti (a) sa (d) ta’ dan il-paragrafu 4 tkun issodisfatta.

53

F’dan il-każ, mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-modifiki inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfaw kemm il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 72(4)(a) tad-Direttiva 2014/24 – sa fejn, jekk terminu ta’ eżekuzzjoni itwal, li jikkorrispondi għat-terminu inizjali miżjud bil-qbiż finalment imputat, kien ġie ddeterminat mill-ewwel mill-awtorità kontraenti kkonċernata matul il-fażi tal-għoti tal-kuntratt, iktar parteċipanti kienu jiġu attirati minnu — li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 72(4)(b) ta’ din id-direttiva — sa fejn dan il-qbiż biddel il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt favur il-kontraent b’mod li ma kienx previst fil-kuntratt inizjali.

54

Konsegwentement, sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibbaża ruħha fuq il-premessa, li fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, li tal-inqas waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 72(4) tad-Direttiva 2014/24 hija ssodisfatta f’kull waħda mill-kawżi prinċipali.

Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda fil‑Kawżi C‑95/18 u C‑96/22

55

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha fil-Kawżi C‑441/22 u C‑443/22, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 72(1)(e) u (4) tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ modifika ta’ kuntratt pubbliku bħala “sostanzjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-partijiet fil-kuntratt għandhom ikunu ffirmaw ftehim bil-miktub li għandu bħala suġġett din il-modifika jew jekk huwiex biżżejjed li jeżistu elementi oħra bil-miktub li joriġinaw minn dawn il-partijiet u li jistabbilixxu rieda komuni li ssir l-imsemmija modifika.

56

Għandu jiġi osservat li, f’kull waħda mis-sitwazzjonijiet li taw lok għat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, id-data effettiva tat-tmiem tax-xogħlijiet ma kinitx is-suġġett ta’ ftehim bil-miktub iffirmat mill-partijiet fil-kuntratt pubbliku.

57

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk dwar jekk l-assenza ta’ ftehim bil-miktub li jimmodifika t-terminu ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet kif stabbilit fil-kuntratt inizjali ta’ kuntratt pubbliku jipprekludix li l-estensjoni de facto ta’ dan it-terminu li tirriżulta minn dewmien fl-eżekuzzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet titqies li tikkostitwixxi modifika “sostanzjali” tal-kuntratt ikkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 72(4) tad-Direttiva 2014/24.

58

F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24 jiddefinixxi, minn naħa, fil-punt 5 tiegħu, “kuntratt pubbliku” bħala kuntratt b’titolu oneruż konkluż bil-miktub bejn operatur ekonomiku wieħed jew iktar u awtorità kontraenti waħda jew iktar u, min-naħa l-oħra, fil-punt 18 tiegħu, il-kliem “miktub” jew “bil-miktub” bħala li jirreferu għal kull sett ta’ kliem jew ta’ ċifri li jista’ jinqara, riprodott, imbagħad ikkomunikat, inkluża l-informazzjoni trażmessa u maħżuna b’mezz elettroniku. Barra minn hekk, il-premessa 58 tad-Direttiva 2014/24 tgħid li, b’mod partikolari, filwaqt li elementi essenzjali ta’ proċedura ta’ akkwist bħad-dokumenti tal-akkwist, it-talbiet għal parteċipazzjoni, il-konfermi ta’ interess u l-offerti għandhom dejjem isiru bil-miktub, komunikazzjoni bil-fomm mal-operaturi ekonomiċi għandha tkompli tkun altrimenti possibbli, kemm-il darba l-kontenut ta’ dawn il-komunikazzjonijiet ikun iddokumentat sa livell suffiċjenti.

59

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 72 tad-Direttiva 2014/24 ma jipprevedix, fir-rigward ta’ modifika ta’ kuntratt dwar kuntratt fi stadju ta’ eżekuzzjoni, li tali modifika ma tistax tiġi kklassifikata bħala “sostanzjali”, fis-sens tal-paragrafu 1(e) u tal-paragrafu 4 tiegħu, ħlief jekk din il-modifika tiġi kkonstatata minn ftehim ma’ bil-miktub li jimmodifika l-kuntratt, u meta konstatazzjoni simili ma tkunx tista’, għaldaqstant, tiġi dedotta minn elementi bil-miktub stabbiliti matul il-komunikazzjonijiet bejn il-partijiet.

60

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 72 tad-Direttiva 2014/24 hija kkorroborata mill-għanijiet imfittxija minn din id-dispożizzjoni u mill-kuntest tagħha.

61

B’mod partikolari, billi jirregola l-kundizzjonijiet li fihom il-kuntratti pubbliċi pendenti jistgħu jiġu mmodifikati, l-Artikolu 72 tad-Direttiva 2014/24 huwa intiż li jiżgura l-osservanza tal-prinċipji ta’ trasparenza tal-proċeduri u ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti. Fil-fatt, dawn il-prinċipji jipprekludu li, wara l-għoti ta’ kuntratt pubbliku, l-awtorità kontraenti u l-offerent rebbieħ jagħmlu, għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt, modifiki b’mod li dawn id-dispożizzjonijiet ikollhom karatteristiċi sostanzjalment differenti minn dawk tal-kuntratt inizjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ April 2010, Wall, C‑91/08, EU:C:2010:182, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑3 ta’ Frar 2022, Advania Sverige u Kammarkollegiet, C‑461/20, EU:C:2022:72, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). L-osservanza ta’ dawn il-prinċipji taqa’, min-naħa tagħha, taħt l-għan iktar ġenerali tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi li jikkonsisti f’li jiġi żgurat il-moviment liberu tas-servizzi u l-ftuħ għall-kompetizzjoni mhux distorta fl-Istati Membri kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ġunju 2008, pressetext Nachrichtenagentur, C‑454/06, EU:C:2008:351, punti 3132 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; tat‑13 ta’ April 2010, Wall, C‑91/08, EU:C:2010:182, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑12 ta’ Mejju 2022, Comune di Lerici, C‑719/20, EU:C:2022:372, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Issa, kif sostnew, essenzjalment, il-Gvern Ċek u dak Estonjan kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, sabiex jiġi ggarantit l-effett utli tar-regoli previsti fl-Artikolu 72 tad-Direttiva 2014/24 u, għaldaqstant, l-osservanza tal-prinċipji li din id-dispożizzjoni hija intiża li tiżgura, il-klassifikazzjoni ta’ modifika ta’ kuntratt pubbliku bħala “modifika sostanzjali” tiegħu ma tistax tiddependi mill-eżistenza ta’ ftehim bil-miktub iffirmat mill-partijiet għall-kuntratt ta’ kuntratt pubbliku u li għandu bħala suġġett tali modifika. Fil-fatt, interpretazzjoni fis-sens li l-konstatazzjoni ta’ modifika hija kkundizzjonata mill-eżistenza ta’ tali ftehim bil-miktub tiffaċilita l-evitar tar-regoli dwar il-modifika tal-kuntratti pendenti, previsti fl-imsemmija dispożizzjoni, billi tippermetti lill-partijiet fil-kuntratt pubbliku jimmodifikaw, skont ir-rieda tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, filwaqt li dawn il-kundizzjonijiet kellhom ikunu stabbiliti b’mod trasparenti fid-dokumenti tal-kuntratti pubbliċi u kienu intiżi li japplikaw b’mod ugwali għall-offerenti potenzjali kollha sabiex tiġi ggarantita kompetizzjoni ekwa u mingħajr distorsjoni fis-suq.

63

Fir-rigward tal-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 72 tad-Direttiva 2014/24, il-premessa 107 ta’ din id-direttiva tindika li l-modifiki għall-kuntratt huma kkunsidrati bħala sostanzjali meta dawn “juru l-intenzjoni tal-partijiet li jerġgħu jinnegozjaw it-termini jew il-kondizzjonijiet essenzjali ta’ dak il-kuntratt”. Minn dan isegwi li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża, bħala prinċipju, modifika sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 72 tad-Direttiva 2014/24, hija ta’ natura kunsenswali (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, Simonsen & Weel, C‑23/20, EU:C:2021:490, punt 70).

64

Issa, l-intenzjoni li jiġu nnegozjati mill-ġdid il-kundizzjonijiet tal-kuntratt tista’ tiġi żvelata f’forom oħra minbarra ftehim bil-miktub li jirrigwarda espressament il-modifika kkonċernata, u tali intenzjoni tista’ b’mod partikolari tiġi dedotta minn elementi bil-miktub stabbiliti matul il-komunikazzjonijiet bejn il-partijiet għall-kuntratt pubbliku.

65

Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda fil-Kawżi C‑441/22 u C‑443/22 għandha tkun li l-Artikolu 72(1)(e) u (4) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ modifika ta’ kuntratt pubbliku bħala “sostanzjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-partijiet għall-kuntratt ma għandhomx ikunu ffirmaw ftehim bil-miktub li għandu bħala suġġett din il-modifika, peress li rieda komuni li ssir il-modifika inkwistjoni tista’ wkoll tiġi dedotta, b’mod partikolari, minn elementi oħra bil-miktub li joriġinaw minn dawn il-partijiet.

Fuq it‑tielet sal‑ħames domanda fil‑Kawża C‑443/22

66

Permezz tat-tielet sal-ħames domanda tagħha fil-Kawża C‑443/22, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 72(1)(c)(i) tad-Direttiva 2014/24, moqri fid-dawl tal-premessa 109 tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li d-diliġenza li għandha turi l-awtorità kontraenti sabiex tkun tista’ tibbaża ruħha fuq din id-dispożizzjoni tirrikjedix b’mod partikolari li din tkun ħadet inkunsiderazzjoni, waqt it-tħejjija tal-kuntratt pubbliku kkonċernat, ir-riskji għall-osservanza tat-terminu ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt li jinħolqu mill-kundizzjonijiet meteoroloġiċi abitwali kif ukoll mill-projbizzjonijiet regolatorji ta’ eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ippubblikati minn qabel u applikabbli matul perijodu inkluż fil-perijodu ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt. Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi, minn naħa, jekk iċ-“ċirkustanzi li awtorità kontraenti diliġenti ma setgħetx tipprevedi”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, jinkludux biss dawk li seħħew wara l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, jekk, anki fil-każ fejn tali kundizzjonijiet meteoroloġiċi u projbizzjonijiet regolamentari kellhom jitqiesu bħala prevedibbli, dawn jikkostitwixxux madankollu ġustifikazzjoni oġġettiva tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt lil hinn mit-terminu stabbilit fid-dokumenti li jirregolaw il-proċedura ta’ għoti u fil-kuntratt inizjali ta’ kuntratt pubbliku.

67

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 72(1)(c)(i) tad-Direttiva 2014/24, huwa possibbli li kuntratt jiġi mmodifikat mingħajr proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt meta “il-ħtieġa ta’ modifika nġiebet minħabba ċirkostanzi li awtorità kontraenti diliġenti ma setgħetx tipprevedi” u li ċerti kundizzjonijiet oħra previsti f’dan il-paragrafu 1 huma wkoll issodisfatti, li ma humiex is-suġġett tad-domandi magħmula f’dawn il-kawżi.

68

Kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-premessa 109 tad-Direttiva 2014/24, iċ-ċirkustanzi imprevedibbli jirreferi għal ċirkustanzi esterni li ma setgħux jitbassru minkejja tħejjija raġonevolment diliġenti tal-għoti inizjali tal-kuntratt mill-awtorità kontraenti, filwaqt li jitqiesu l-mezzi disponibbli tagħha, in-natura u l-karatteristiċi tal-proġett speċifiku, il-prattika tajba fil-qasam inkwistjoni u l-ħtieġa li tiġi żgurata relazzjoni xierqa bejn ir-riżorsi li jintefqu fit-tħejjija tal-għoti tal-kuntratt u l-valur prevedibbli tiegħu.

69

B’hekk, mill-Artikolu 72(1)(c)(i) tad-Direttiva 2014/24, moqri fid-dawl tal-premessa 109 tagħha, jirriżulta li, kif sostnew, essenzjalment, kemm il-Gvern Ċek u l-Gvern Estonjan kif ukoll il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, kundizzjonijiet meteoroloġiċi abitwali kif ukoll projbizzjonijiet regolatorji ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet ippubblikati minn qabel u applikabbli għal perijodu inkluż fil-perijodu ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt ma jistgħux jitqiesu li huma ċirkustanzi li awtorità kontraenti diliġenti ma setgħetx tipprevedi, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

70

Minn dan isegwi neċessarjament li tali kundizzjonijiet meteoroloġiċi u projbizzjonijiet regolamentari lanqas ma jistgħu jiġu kkunsidrati, b’mod ieħor, li jiġġustifikaw il-qbiż tat-terminu ċar ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet stabbilit fid-dokumenti li jirregolaw il-proċedura ta’ għoti u fil-kuntratt inizjali ta’ dan il-kuntratt.

71

Barra minn hekk, meta jeżistu ċirkustanzi li huma prevedibbli għal awtorità kontraenti diliġenti, hija tista’ tinvoka l-possibbiltà, konformement mal-Artikolu 72(1)(a) tad-Direttiva 2014/24, li jiġu previsti espressament fid-dokumenti li jirregolaw il-proċedura ta’ għoti u fil-kuntratt inizjali ta’ kuntratt pubbliku klawżoli ta’ eżami mill-ġdid li skonthom il-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt jistgħu jiġu adattati, fil-każ li jseħħ xi ċirkustanza speċifika, li jippermetti li jsiru modifiki li altrimenti jkunu jeħtieġu proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt skont dan l-Artikolu 72. Fil-fatt, billi tipprevedi espliċitament il-fakultà li jiġu mmodifiikati dawn il-kundizzjonijiet u billi jiġu stabbiliti l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tiegħu fl-imsemmija dokumenti, l-awtorità kontraenti tiggarantixxi li l-operaturi ekonomiċi kollha jixtiequ li jipparteċipaw fl-imsemmi kuntratt ikunu jafu bih mill-bidu u b’hekk ikunu f’pożizzjoni ta’ ugwaljanza fil-mument li jifformulaw l-offerta tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C‑496/99 P, EU:C:2004:236, punt 118, u tas‑7 ta’ Settembru 2016, Finn Frogne, C‑549/14, EU:C:2016:634, punti 30, 3637).

72

Peress li ċirkustanzi bħal dawk li tressqu mill-Komun ta’ Balchik fil-Kawża C‑443/22 sabiex jiġġustifikaw il-qbiż tat-terminu ta’ eżekuzzjoni inizjalment miftiehem mal-offerent rebbieħ ma jistgħux jitqiesu li fosthom hemm dawk li awtorità kontraenti diliġenti ma setgħetx raġonevolment tipprevedi fil-mument tat-tħejjija tal-kuntratt pubbliku kkonċernat, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk il-kunċett ta’ “ċirkustanzi li awtorità kontraenti diliġenti ma setgħetx tipprevedi”, fis-sens tal-Artikolu 72(1)(c)(i) tad-Direttiva 2014/24, moqri fid-dawl tal-premessa 109 tagħha, jirrigwardax biss ċirkustanzi li seħħew wara l-konklużjoni tal-kuntratt.

73

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet sal-ħames domanda fil-Kawża C‑443/22 għandha tkun li l-Artikolu 72(1)(c)(i) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-diliġenza li għandha turi l-awtorità kontraenti sabiex tkun tista’ tinvoka din id-dispożizzjoni tirrikjedi b’mod partikolari li din tkun ħadet inkunsiderazzjoni, waqt it-tħejjija tal-kuntratt pubbliku kkonċernat, ir-riskji ta’ qbiż tat-terminu ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt ikkawżati minn raġunijiet ta’ sospensjoni prevedibbli, bħalma huma l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi abitwali kif ukoll il-projbizzjonijiet regolamentari ta’ eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ippubblikati minn qabel u applikabbli matul perijodu inkluż fil-perijodu ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt, tali kundizzjonijiet meteoroloġiċi u projbizzjonijiet regolamentari ma jistgħux jiġġustifikaw, meta dawn ma jkunux ġew previsti fid-dokumenti li jirregolaw il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet lil hinn mit-terminu stabbilit f’dawn id-dokumenti kif ukoll fil-kuntratt inizjali ta’ kuntratt pubbliku.

Fuq it‑tielet domanda fil‑Kawża C‑441/22 u s‑sitt domanda fil‑Kawża C‑443/22

74

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawża C‑441/22 u għall-ewwel sal-ħames domanda fil-Kawża C‑443/22, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda fil-Kawża C‑441/22 u għas-sitt domanda fil-Kawża C‑443/22.

Fuq l‑ispejjeż

75

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 72(1)(e) u (4)(a) u (b) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, kif emendata bir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2017/2365 tat‑18 ta’ Diċembru 2017,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ modifika ta’ kuntratt pubbliku bħala “sostanzjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-partijiet għall-kuntratt ma għandhomx ikunu ffirmaw ftehim bil-miktub li għandu bħala suġġett din il-modifika, peress li rieda komuni li ssir il-modifika inkwistjoni tista’ wkoll tiġi dedotta, b’mod partikolari, minn elementi oħra bil-miktub li joriġinaw minn dawn il-partijiet.

 

2)

L-Artikolu 72(1)(c) tad-Direttiva 2014/24/UE, kif emendata bir-Regolament ta’ Delega 2017/2365,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

d-diliġenza li għandha turi l-awtorità kontraenti sabiex tkun tista’ tinvoka din id-dispożizzjoni tirrikjedi b’mod partikolari li din tkun ħadet inkunsiderazzjoni, waqt it-tħejjija tal-kuntratt pubbliku kkonċernat, ir-riskji ta’ qbiż tat-terminu ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt ikkawżati minn raġunijiet ta’ sospensjoni prevedibbli, bħalma huma l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi abitwali kif ukoll il-projbizzjonijiet regolamentari ta’ eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ippubblikati minn qabel u applikabbli matul perijodu inkluż fil-perijodu ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt, tali kundizzjonijiet meteoroloġiċi u projbizzjonijiet regolamentari ma jistgħux jiġġustifikaw, meta dawn ma jkunux ġew previsti fid-dokumenti li jirregolaw il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet lil hinn mit-terminu stabbilit f’dawn id-dokumenti kif ukoll fil-kuntratt inizjali ta’ kuntratt pubbliku.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.