Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Id‑Disa’ Awla)

7 ta’ Diċembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 6(3) – Kunċett ta’ ‘pjan jew proġett’ fuq sit protett – Intervent f’foresta sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tagħha kontra n-nirien – Ħtieġa li ssir evalwazzjoni minn qabel tal-effetti ta’ dan l-intervent fuq is-sit ikkonċernat”

Fil-Kawża C‑434/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-administratīvā rajona tiesa, Rīgas tiesu nams (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, Sezzjoni ta’ Riga, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Ġunju 2022, fil-kawża

“Latvijas valsts meži” AS

vs

Dabas aizsardzības pārvalde,

Vides pārraudzības valsts birojs,

fil-preżenza ta’:

Valsts meža dienests,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Id‑Disa’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Awla, S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal “Latvijas valsts meži” AS, minn M. Gūtmanis,

–        għal Dabas aizsardzības pārvalde, minn A. Svilāns,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hermes u I. Naglis, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati matul is-seduta tat‑13 ta’ Lulju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-habitats”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Latvijas valsts meži” AS u d-dipartiment reġjonali ta’ Kurzeme tad-Dabas aizsardzības pārvalde (l-Awtorità għall-Ħarsien Ambjentali, il-Latvja) dwar id-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali ta’ din l-awtorità tat‑22 ta’ Marzu 2021, li tobbliga lil din il-kumpannija tieħu diversi miżuri intiżi sabiex jitnaqqsu l-effetti negattivi ta’ qtugħ ta’ siġar fiż-żona speċjali ta’ konservazzjoni ta’ importanza għall-Komunità (Natura 2000) ta’ Ances purvi un meži (Artijiet Mistagħdra u Foresti ta’ Ance), li tinsab fil-Latvja.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva dwar ilhabitats

3        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar il-habitats jiddefinixxi żona speċjali ta’ konservazzjoni bħala “sit ta’ importanza għall-Komunità nnominat mill-Istati Membri permezz ta’ att statutorju, amministrattiv u/jew kuntrattwali li bih il-miżuri meħtieġa ta’ konservazzjoni huma applikati għall-manteniment jew għar-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u/jew il-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi li għalihom is-sit ġie nominat”.

4        L-indikazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni hija stabbilita fl-Artikolu 4(4) ta’ din id-direttiva:

“Ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’mhux aktar minn sitt snin żmien, u jistabilixxi prioritajiet skond l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għaliha dawk is-siti.”

5        Il-protezzjoni taż-żoni ta’ Natura 2000 hija rregolata b’mod partikolari mill-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, li jipprevedi:

“1.      Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.      Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.      Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni [Ewropea] dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

 IdDirettiva SEA

6        Skont l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva SEA”):

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

a)      ‘proġett’ tfisser:

–        l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ stallazzjonijiet jew skemi oħra,

–        interventi oħra fil-madwar u fil-pajsaġġ naturali inklużi dawk li jinvolvu l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali”.

 Iddritt Latvjan

 IlLiġi dwar iżŻoni Speċjali ta’ Konservazzjoni

7        Id-Direttiva dwar il-habitats ġiet trasposta fid-dritt Latvjan permezz tal-likums “Par īpaši aizsargājamām dabas teritorijām” (il-Liġi dwar iż-Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni) tat‑2 ta’ Marzu 1993 (Latvijas Vēstnesis, 1993, Nru 5).

8        Skont l-Artikolu 15 ta’ din il-liġi, intitolat “Regoli għall-protezzjoni u għall-użu taż-żoni ta’ konservazzjoni”:

“(1)      Jistgħu jiġu stabbiliti regoli għall-protezzjoni u għall-użu taż-żoni ta’ konservazzjoni sabiex jiġu żgurati l-protezzjoni ta’ dawn is-siti u l-preservazzjoni tal-valur naturali tagħhom.

(2)      Jeżistu, fir-rigward taż-żoni ta’ konservazzjoni, regoli ġenerali ta’ protezzjoni u ta’ użu, regoli individwali ta’ protezzjoni u ta’ użu, kif ukoll pjanijiet ta’ protezzjoni tan-natura”.

9        Skont l-Artikolu 43 tal-imsemmija liġi, intitolat “Żoni speċjali ta’ konservazzjoni ta’ importanza għall-Komunità”:

“[...]

(4)      kull attività prevista jew kull dokument ta’ ppjanar (bl-eċċezzjoni tal-pjanijiet ta’ protezzjoni tan-natura għaż-żoni ta’ konservazzjoni u tal-attivitajiet previsti f’dawn il-pjanijiet li huma meħtieġa għall-ġestjoni jew għat-tiġdid tal-habitats ta’ speċi speċjalment protetti, tal-habitats ta’ speċi speċjalment protetti ta’ użu ristrett jew ta’ bijotopi speċjalment protetti, kif ukoll għall-organizzazzjoni ta’ infrastrutturi għal finijiet ta’ riċerka u ta’ turiżmu aħdar aċċessibbli għall-pubbliku previsti fil-pjanijiet ta’ protezzjoni tan-natura għaż-żoni ta’ konservazzjoni) li, b’mod separat jew flimkien ma’ attivitajiet previsti oħra jew dokumenti ta’ ppjanar, jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq żona ta’ konservazzjoni ta’ importanza għall-Komunità (Natura 2000) għandha tkun suġġetta għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. [...]”

 IlLiġi dwar ilProtezzjoni u lĠlieda kontra nNirien

10      L-Artikolu 10.1(1) tal-Ugunsdrošības un ugunsdzēsības likums (il-Liġi dwar il-Protezzjoni u l-Ġlieda kontra n-Nirien) tal‑24 ta’ Ottubru 2002 (Latvijas Vēstnesis, 2002, Nru 165), jipprevedi li l-proprjetarju jew id-detentur ta’ foresta għandu jiżgura l-osservanza tar-rekwiżiti fil-qasam tal-protezzjoni tal-foresti kontra n-nirien.

11      L-Artikolu 12 ta’ din il-liġi jipprovdi li l-Kunsill tal-Ministri għandu jistabbilixxi r-rekwiżiti li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi għandhom josservaw sabiex jipprevjenu u jitfu n-nirien b’mod effettiv u jtaffu l-konsegwenzi tagħhom, indipendentement mill-forma ta’ proprjetà u mill-post li fih tinsab il-proprjetà kkonċernata.

 IdDigriet Nru 238

12      Il-punt 1 tal-Ministru kabineta noteikumi Nr. 238 “Ugunsdrošības noteikumi” (id-Digriet Nru 238 tal-Kunsill tal-Ministri dwar il-Prevenzjoni tan-Nirien) tad‑19 ta’ April 2016 (Latvijas Vēstnesis, 2016, Nru 78) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 238”), jipprovdi li dan id-digriet jistabbilixxi r-rekwiżiti fil-qasam tal-prevenzjoni tar-riskji li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi għandhom josservaw sabiex jipprevjenu u jitfu n-nirien b’mod effettiv u jtaffu l-konsegwenzi tagħhom, indipendentement mill-forma ta’ proprjetà u mill-post li fih tinsab il-proprjetà kkonċernata.

13      Il-punt 2.7.1 tal-imsemmi digriet jippreċiża li l-infrastrutturi ta’ protezzjoni tal-foresti kontra n-nirien huma l-mogħdijiet fiż-żona forestali, l-ispazji sabiex iwaqqfu t-tixrid tan-nirien, il-faxex mineralizzati, il-passaġġi naturali, il-“punti ta’ provvista ta’ ilma” b’aċċess u t-torrijiet ta’ kontroll tan-nirien.

14      Il-punt 417.3 tal-istess digriet jipprevedi li, qabel l‑1 ta’ Mejju ta’ kull sena, il-persuna responsabbli għas-sit forestali kkonċernat għandha telimina kull kumulu ta’ materjal li jista’ jostakola ċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi tat-tifi tan-nar mill-mogħdijiet u mill-passaġġi naturali tas-sit forestali kkonċernat li jistgħu jintużaw għal dan il-għan.

15      Il-punt 417.4 tad-Digriet Nru 238 jindika li l-persuna responsabbli għal sit forestali għandha, sa mhux iktar tard mill‑1 ta’ Mejju ta’ kull sena, torganizza t-toroq u l-mogħdijiet ta’ aċċess għall-“punti ta’ provvista ta’ ilma” u żżommhom fi stat li jiggarantixxu l-aċċess għall-vetturi tat-tifi tan-nar.

16      Il-punt 418 ta’ dan id-digriet jippreċiża li, f’sitwazzjoni fejn il-persuna responsabbli għal sit forestali tamministra superfiċje ta’ art forestali ta’ iktar minn 5 000 ettaru, hija għandha tfassal pjan ta’ prevenzjoni tar-riskji ta’ nirien għal dan is-sit forestali kollu u timplimentah. Dan il-pjan għandu jkun akkumpanjat minn mapep kartografiċi tal-imsemmi sit forestali.

 IdDigriet Nru 478

17      Il-punt 2 tal-Ministru kabineta noteikumi Nr. 478 Dabas lieguma “Ances purvi un meži” individuālie aizsardzības un izmantošanas noteikumi” (id-Digriet Nru 478 tal-Kunsill tal-Ministri li jistabbilixxi regoli speċifiċi għall-preservazzjoni u għall-użu taż-żona naturali protetta “Artijiet Mistagħdra u Foresti ta’ Ance” tas‑16 ta’ Awwissu 2017 (Latvijas Vēstnesis, 2017, Nru 164) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 478”) jipprevedi li din iż-żona naturali għandha tinħoloq sabiex tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-pajsaġġ tad-dipressjonijiet kostali u tal-għaram, li huma karatteristiċi tas-sit, u sabiex jiġu protetti l-bijotopi u l-ispeċi speċjalment protetti, importanti għar-Repubblika tal-Latvja u għall-Unjoni Ewropea.

18      Il-punt 11 ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu pprojbiti fiż-żoni forestali:

[...] 11.2.      il-qtugħ ta’ siġar mejta u t-tneħħija ta’ siġar imwaqqgħin kif ukoll tal-mifrex jew ta’ partijiet minnhom b’dijametru ta’ iktar minn 25 cm huma pprojbiti f’żoni forestali, jekk il-volum totali tagħhom ikun inqas minn 20 m3 għal kull ettaru tal-art ifforestata, bl-eċċezzjoni tal-każijiet li ġejjin:

11.2.1.      il-qtugħ u t-tneħħija ta’ siġar perikolużi, bil-kundizzjoni li s-siġar jitħallew fl-art ifforestata;

11.2.2.      it-twettiq ta’ dawn l-attivitajiet fil-bijotopi forestali prijoritarji tal-Unjoni: artijiet imsaġġra tat-torbieri mistagħdra (91D 0*), imsaġar baqqiegħa (9080*), foresti alluvjali (91E0*) u foresti boreali antiki jew naturali (9010*), fejn il-qtugħ ta’ siġar mejta u t-tneħħija tas-siġar imwaqqgħin, kif ukoll tal-mifrex jew ta’ partijiet minnhom, b’dijametru ta’ aktar minn 25 cm, huma pprojbiti. [...]”

19      Il-punt 23.3.3 tad-digriet jipprovdi li, mill‑1 ta’ Frar sal‑31 ta’ Lulju, l-attivitajiet tal-forestrija huma pprojbiti f’żona naturali ta’ protezzjoni staġjonali, bl-eċċezzjoni ta’ miżuri għall-protezzjoni tal-foresti u għall-ġlieda kontra n-nirien.

20      Barra minn hekk, iż-żona naturali protetta “Artijiet Mistagħdra u Foresti ta’ Ance” hija s-suġġett ta’ pjan ta’ protezzjoni tan-natura (pjan li jkopri s-snin 2016 sa 2028, iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ protezzjoni”) li ġie approvat mill-vides aizsardzības un reģionālās attīstības ministra rīkojums Nr. 105 (id-Digriet Nru 105 tal-Ministru għall-Ħarsien Ambjentali u għall-Iżvilupp Reġjonali) tat‑28 ta’ April 2016.

 Ittilwima filkawża prinċipali u ddomandi preliminari

21      Iż-żona naturali protetta kkonċernata hija żona speċjali ta’ konservazzjoni ta’ importanza għall-Komunità (Natura 2000) li tinsab fil-muniċipalità ta’ Ventspils (il-Latvja). B’superfiċje ta’ 9 822 ettaru, din iż-żona nħolqot sabiex jiġu żgurati l-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-bijotopi u tal-habitats ta’ speċi ta’ annimali u pjanti rari u protetti fil-Latvja u fl-Unjoni, kif ukoll il-pajsaġġ tad-dipressjonijiet u tal-għaram kostali, li huma karatteristiċi tar-reġjun.

22      Fis‑7 u fl‑14 ta’ Jannar 2021, aġenti tal-Awtorità għall-Ħarsien Ambjentali, tad-dipartiment reġjonali ta’ Kurzeme spezzjonaw iż-żona naturali kkonċernata u kkonstataw li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet qattgħet siġar f’din iż-żona tul il-passaġġi naturali fuq madwar 17‑il kilometru.

23      L-Awtorità għall-Ħarsien Ambjentali qieset li l-miżura kkonċernata la kienet prevista fil-pjan ta’ protezzjoni u lanqas fid-Digriet Nru 478 u li kellha tkun is-suġġett, minn qabel, ta’ proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti tagħha.

24      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Jannar 2021, l-istess awtorità obbligat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tnaqqas l-effetti negattivi tal-attivitajiet imwettqa fiż-żona naturali protetta kkonċernata u li tħalli fuq il-post is-siġar tal-arżnu maqtugħa fil-koperturi tal-foresti, li z-zokk prinċipali tagħhom għandu dijametru ta’ iktar minn 25 cm, sabiex dawn is-siġar tal-arżnu, ladarba jiddekomponu, isiru substrat xieraq għall-iżvilupp ta’ speċi ta’ insetti speċjalment protetti f’din iż-żona, b’mod partikolari l-ħanfusa tal-qrun twil tal-koniferi (Tragosoma depsarium) u l-ħanfusa l-kbira tal-qrun twil (Ergates faber). L-Awtorità għall-Ħarsien Ambjentali ordnat ukoll lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tissupplimenta l-ammont ta’ injam mejjet fil-bijotopu tal-Unjoni protett b’mod prijoritarju 9010* “foresti boreali antiki jew naturali”, minħabba li l-livell tiegħu ma kienx wieħed suffiċjenti.

25      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestat din id-deċiżjoni. Madankollu, id-Direttur Ġenerali tal-Awtorità għall-Ħarsien Ambjentali kkonferma din tal-aħħar permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Marzu 2021 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali”).

26      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxiet lill-administratīvā rajona tiesa, Rīgas tiesu nams (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, Sezzjoni ta’ Riga, il-Latvja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

27      Hija sostniet li l-attivitajiet li hija mixlija bihom huma meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-prevenzjoni tar-riskji ta’ nirien fil-foresti, liema leġiżlazzjoni teħtieġ il-manutenzjoni tal-mogħdijiet forestali u tal-passaġġi naturali, inkluż il-qtugħ ta’ siġar abbażi ta’ awtorizzazzjonijiet maħruġa mill-Valsts meža dienests (l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Foresti, il-Latvja), li dawn l-attivitajiet ma humiex suġġetti għall-proċedura ta’ evalwazzjoni prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats u li l-imsemmija attivitajiet twettqu konformement mal-pjan ta’ protezzjoni u mad-Digriet Nru 478.

28      Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li l-miżuri imposti mid-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom effetti negattivi fuq il-protezzjoni u l-ġlieda kontra n-nirien fiż-żona naturali protetta kkonċernata. Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Foresti għamel l-istess konstatazzjoni.

29      Il-qorti tar-rinviju tqis li hija għandha tiddetermina jekk l-attivitajiet imwettqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux attivitajiet li huma suġġetti għall-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti tal-pjanijiet u tal-proġetti previsti fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni ta’ importanza għall-Komunità (Natura 2000), kif previst fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats.

30      Għal dan il-għan, il-qorti tar-rinviju tqis li hija għandha qabelxejn tevalwa jekk l-attivitajiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux “pjan” jew “proġett” fis-sens tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, peress li huma biss il-“pjanijiet” u l-“proġetti” li jistgħu jaffettwaw żona speċjali ta’ konservazzjoni li għandhom ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni xierqa tal-effetti tagħhom skont din id-dispożizzjoni.

31      Fil-każ li din il-klassifikazzjoni għandha tintuża fir-rigward tax-xogħlijiet ikkonċernati, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk dawn ix-xogħlijiet humiex direttament marbuta ma’, jew meħtieġa għal, il-ġestjoni taż-żona naturali protetta kkonċernata, sa fejn dawn huma intiżi sabiex jippreżervaw din iż-żona naturali protetta mir-riskju ta’ nirien. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, l-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit ikkonċernat ma hijiex meħtieġa fir-rigward tal-pjanijiet jew tal-proġetti direttament marbuta ma’, jew meħtieġa għal, il-ġestjoni ta’ dan is-sit.

32      Anki fl-assenza ta’ tali rabta jew ta’ tali ħtieġa għall-ġestjoni tas-sit, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-evalwazzjoni tal-effetti tal-attivitajiet inkwistjoni hijiex xorta waħda meħtieġa, f’sitwazzjoni fejn dawn l-attivitajiet ikunu imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-prevenzjoni tar-riskji ta’ nirien fil-foresti.

33      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-administratīvā rajona tiesa, Rīgas tiesu nams (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, Sezzjoni ta’ Riga) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Il-kunċett ta’ ‘proġett’ fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-[Direttiva SEA] jinkludi wkoll l-attivitajiet imwettqa f’żona forestali sabiex tiġi żgurata l-manutenzjoni tal-infrastrutturi ta’ protezzjoni tal-foresti min-nirien f’din iż-żona, konformement mar-rekwiżiti previsti mil-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-prevenzjoni tan-nirien?

(2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-attivitajiet imwettqa f’żona forestali sabiex tiġi żgurata l-manutenzjoni tal-infrastrutturi ta’ protezzjoni tal-foresti min-nirien f’din iż-żona, konformement mar-rekwiżiti previsti mil-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-prevenzjoni tan-nirien, għandhom jitqiesu, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-[Direttiva dwar il-habitats], bħala proġett direttament marbut [jew] neċessarju għall-ġestjoni tas-sit inkwistjoni, b’tali mod li dawn l-attivitajiet ma humiex suġġetti għall-proċedura ta’ evalwazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni ta’ importanza għall-Komunità (Natura 2000)?

(3)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel u għat-tieni domanda, l-Artikolu 6(3) tad-[Direttiva dwar il-habitats] jinkludi wkoll l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-pjanijiet u proġetti (attivitajiet) li, filwaqt li ma humiex direttament marbuta jew neċessarji għall-ġestjoni taż-żona speċjali ta’ konservazzjoni inkwistjoni, jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq iż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni ta’ importanza għall-Komunità (Natura 2000), iżda li madankollu jitwettqu b’osservanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti fil-qasam tal-protezzjoni u tal-ġlieda kontra n-nirien forestali?

(4)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda, tali attività tista’ titwettaq u tiġi konkluża qabel l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ evalwazzjoni ex post taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni ta’ importanza għall-Komunità (Natura 2000)?

(5)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda, sabiex jiġu evitati effetti sinjifikattivi possibbli, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżiġu l-kumpens għad-dannu u jadottaw miżuri, jekk il-portata tal-effetti ma jkunx ġie evalwat matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni ta’ importanza għall-Komunità (Natura 2000)?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

34      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proġett”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinkludi l-attivitajiet imwettqa f’żona forestali, indikata bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni, sabiex tiġi żgurata l-manutenzjoni tal-infrastrutturi ta’ protezzjoni tal-foresti kontra n-nirien f’din iż-żona, konformement mar-rekwiżiti previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-prevenzjoni tar-riskji ta’ nirien fil-foresti.

35      Preliminarjament, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprevedi li, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, fis-sens, tal-Artikolu 1(l) tad-Direttiva dwar il-habitats, “[k]ull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit”.

36      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva dwar il-habitats ma tinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “proġett”. Mill-banda l-oħra, l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva SEA, li l-qorti tar-rinviju rreferiet b’mod espliċitu għalih fid-domanda tagħha, jagħti definizzjoni tal-kunċett u jipprovdi li “proġett”, fis-sens ta’ din id-direttiva tal-aħħar, jinkludi l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ stallazzjonijiet jew skemi oħra, kif ukoll interventi oħra fil-madwar u fil-pajsaġġ naturali inklużi dawk li jinvolvu l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali.

37      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “proġett”, fis-sens tad-Direttiva dwar il-habitats, jinkludi fih il-kunċett ta’ “proġett”, fis-sens tad-Direttiva SEA, b’tali mod li, jekk attività taqa’ taħt id-Direttiva SEA, hija għandha, a fortiori, taqa’ taħt id-Direttiva dwar il-habitats (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2020, Friends of the Irish Environnement, C‑254/19, EU:C:2020:680, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “proġett”, fis-sens tad-Direttiva SEA, jimplika l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet jew ta’ interventi li jbiddlu r-realtà fiżika tas-sit ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2011, Brussels Hoofdstedelijk Gewest et, C‑275/09, EU:C:2011:154, punt 24). F’dan il-każ, l-attivitajiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kkonsistew fi qtugħ ta’ siġar intiż sabiex tiġi żgurata l-manutenzjoni tal-passaġġi naturali li jaqsmu ż-żona naturali protetta kkonċernata. Għaldaqstant, huma jissodisfaw il-kriterju sostantiv tal-kunċett ta’ “proġett”, fis-sens tad-Direttiva SEA.

39      Mill-banda l-oħra, ebda kriterju ġuridiku ma jillimita dan il-kunċett. Huwa għalhekk li l-fatt li x-xogħlijiet ta’ qtugħ ta’ siġar inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu ġew imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-prevenzjoni tar-riskji ta’ nirien fil-foresti ma jistax iqiegħed f’dubju l-klassifikazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet bħala “proġett”, fis-sens tad-Direttiva SEA.

40      Mill-premess jirriżulta li l-imsemmija xogħlijiet ta’ qtugħ jikkostitwixxu “proġett” fis-sens tad-Direttiva SEA u, għalhekk, “proġett” fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats.

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proġett”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinkludi l-attivitajiet imwettqa f’żona forestali, indikata bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni, sabiex tiġi żgurata l-manutenzjoni tal-infrastrutturi ta’ protezzjoni tal-foresti kontra n-nirien f’din iż-żona, konformement mar-rekwiżiti previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-prevenzjoni tar-riskji ta’ nirien fil-foresti, f’sitwazzjoni fejn dawn l-attivitajiet jibdlu r-realtà fiżika tas-sit ikkonċernat.

 Fuq ittieni domanda

42      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats għandux jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet imwettqa f’żona forestali, indikata bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni, sabiex tiġi żgurata l-manutenzjoni tal-infrastrutturi ta’ protezzjoni tal-foresti kontra n-nirien f’din iż-żona, konformement mar-rekwiżiti previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-prevenzjoni tar-riskji ta’ nirien fil-foresti, għandhom jitqiesu bħala proġett “direttament marbut ma’, jew meħtieġ għal, il-ġestjoni tas-sit”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, għalhekk, ma humiex suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq is-sit ikkonċernat.

43      Fil-fatt, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, għalkemm ix-xogħlijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li twettqu konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-prevenzjoni tar-riskji ta’ nirien fil-foresti, huma direttament marbuta ma’, jew meħtieġa għal, il-ġestjoni tas-sit ikkonċernat, dawn ma kellhomx ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq dan is-sit.

44      Fl-ewwel lok, mill-Artikolu 1(l) tad-Direttiva dwar il-habitats jirriżulta li l-limiti ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni jiġu ddefiniti bil-għan li jinżammu jew jiġi rripristinati, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ċerti habitats jew speċi naturali. Għal dan il-għan, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il‑habitats, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, fejn hemm bżonn, pjanijiet ta’ ġestjoni xierqa mfassla b’mod speċifiku għas-siti kkonċernati jew integrati fi pjanijiet oħra ta’ organizzazzjoni, u l-miżuri xierqa regolamentari, amminstrattivi jew kuntrattwali li jissodisfaw ir-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitats naturali fl-Anness I ta’ din id-direttiva u tal-ispeċi fl-Anness II tagħha preżenti f’dawn is-siti.

45      Mill-premess jirriżulta li l-miżuri ta’ konservazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats għandhom ikunu direttament marbuta ma’, jew meħtieġa għal, il-ġestjoni tas-sit ikkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva.

46      Fit-tieni lok, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tagħha, miżuri ta’ prekawzjoni intiżi sabiex jipprevjenu jew jiġġieldu n-nirien jistgħu jkunu marbuta ma’, jew meħtieġa għal, il-ġestjoni ta’ sit protett. Barra minn hekk, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, kemm il-pjan ta’ protezzjoni kif ukoll id-Digriet Nru 478 jinkludu indizji indiretti dwar il-ħtieġa ta’ miżuri ta’ prevenzjoni ta’ nirien fil-foresti fis-sit ikkonċernat.

47      Madankollu, kull miżura intiża sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni kontra r-riskji ta’ nirien fil-foresti ma hijiex direttament marbuta ma’, jew meħtieġa għal, il-ġestjoni tas-sit ikkonċernat. Jeħtieġ ukoll li dawn il-miżuri jkunu neċessarji sabiex habitats jew speċi protetti jinżammu jew jiġu rripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, u jkunu approporzjon ta’ dawn l-għanijiet, fis-sens li jkunu xierqa għaż-żona kkonċernata u ta’ natura li jippermettu li jintlaħqu l-imsemmija għanijiet.

48      Fir-rigward, f’dan il-każ, ta’ xogħlijiet ta’ qtugħ ta’ siġar intiżi sabiex passaġġi naturali f’żona protetta jinżammu f’kundizzjoni tajba, għandu jiġi evalwat jekk dawn ix-xogħlijiet jaffettwawx ċerti għanijiet ta’ konservazzjoni u, jekk ikun il-każ, jekk ir-riskju ta’ ħsara futura lis-sit ikkonċernat kawża tan-nirien jiġġustifikax l-imsemmija xogħlijiet fid-dawl tal-karatteristiċi kollha ta’ din iż-żona.

49      Tali evalwazzjoni teħtieġ evalwazzjoni xierqa tal-effetti tal-miżuri previsti fir-rigward tal-prevenzjoni tan-nirien, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats.

50      Is-sitwazzjoni tkun differenti biss jekk dawn il-miżuri jkunu diġà jinsabu fost dawk li ġew adottati skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats u li huma, minħabba f’hekk, direttament marbuta ma’, jew meħtieġa għal, il-ġestjoni tas-sit ikkonċernat.

51      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet imwettqa f’żona forestali, indikata bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni, sabiex tiġi żgurata l-manutenzjoni tal-infrastrutturi ta’ protezzjoni tal-foresti kontra n-nirien f’din iż-żona, konformement mar-rekwiżiti previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-prevenzjoni tar-riskji ta’ nirien fil-foresti, ma jistgħux, minħabba s-sempliċi fatt li għandhom tali għan, jitqiesu li huma direttament marbuta ma’, jew meħtieġa għal, il-ġestjoni tas-sit ikkonċernat u għalhekk ma jistgħux, f’dan ir-rigward, jiġu eżentati mill-evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq dan is-sit, sakemm ma jkunux inklużi fost il-miżuri ta’ konservazzjoni taż-żona diġà adottati skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats.

 Fuq ittielet domanda

52      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi l-obbligu li ssir evalwazzjoni tal-pjanijiet u tal-proġetti msemmija f’din id-dispożizzjoni, anki f’sitwazzjoni fejn it-twettiq tagħhom huwa meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-prevenzjoni tar-riskji ta’ nirien fil-foresti.

53      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li kull pjan jew proġett mhux direttament marbut ma’, jew mhux meħtieġ għal, il-ġestjoni ta’ sit, iżda li jista’ jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tiegħu fuq l-imsemmi sit, rekwiżit li jimplika l-identifikazzjoni, l-evalwazzjoni u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti kollha ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett fuq dan tal-aħħar. Tali pjan jew proġett għandu jiġi suġġett għal tali evalwazzjoni f’sitwazzjoni fejn hemm il-probabbiltà jew riskju li dan jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv, kundizzjoni li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, għandha titqies li hija ssodisfatta f’sitwazzjoni fejn l-eżistenza ta’ probabbiltà jew ta’ riskju ta’ effetti dannużi sinjifikattivi fuq dan is-sit ma tistax tiġi eskluża abbażi tal-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-karatteristiċi kif ukoll tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tal-imsemmi sit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, AquaPri, C‑278/21, EU:C:2022:864, punti 49 u 50, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv, billi, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tagħha, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-prevenzjoni tar-riskji ta’ nirien fil-foresti ma tistax teżenta pjan jew proġett mill-osservanza tar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats.

54      B’dan premess, u fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li ma teżistix kontradizzjoni bejn l-obbligu, skont id-dritt nazzjonali, li jiġu adottati ċerti miżuri intiżi għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra n-nirien fil-foresti u dak, previst fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, li dawn il-miżuri jiġu suġġetti, minn qabel, għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq is-sit ikkonċernat, meta dawn jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq żona speċjali ta’ konservazzjoni.

55      Fil-fatt, minn naħa, din l-evalwazzjoni tippermetti, għall-kuntrarju, li jiġu stabbiliti l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-imsemmija miżuri li huma l-iktar xierqa sabiex jinżammu jew jiġu rripristinati, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, il-habitats jew l-ispeċi naturali li ż-żona speċjali ta’ konservazzjoni kkonċernata tkun ġiet stabbilita għall-protezzjoni tagħhom.

56      Min-naħa l-oħra, anki fil-każ fejn l-evalwazzjoni tikkonkludi li l-miżuri previsti għandhom effetti negattivi fuq is-sit u fejn ma jeżistux soluzzjonijiet alternattivi, l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il‑habitats jipprevedi li dawn il-miżuri jistgħu madankollu jiġu adottati f’sitwazzjoni fejn dan ikun iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku li jieħdu l-preċedenza, inkwantu l-Istat Membru jieħu kull miżura kumpensatorja meħtieġa sabiex jiżgura li l-koerenza globali ta’ Natura 2000 tkun protetta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 190).

57      Fit-tielet lok u fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats ma jistax jawtorizza Stat Membru jistabbilixxi regoli nazzjonali li, b’mod ġenerali, jeżentaw ċerti tipi ta’ pjanijiet jew ta’ proġetti mill-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq is-sit ikkonċernat (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja (Protezzjoni tas-serduq selvaġġ), C‑661/20, EU:C:2022:496, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Fil-fatt, il-possibbiltà li jiġu eżentati, b’mod ġenerali, ċerti attivitajiet, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, mill-evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq is-sit protett ikkonċernat hija ta’ natura li tqiegħed f’perikolu l-integrità ta’ dan is-sit.

59      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-prevenzjoni tar-riskji ta’ nirien fil-foresti ma tipprevedix tali possibbiltà.

60      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi l-obbligu li ssir evalwazzjoni tal-pjanijiet u tal-proġetti msemmija f’dan l-artikolu, anki f’sitwazzjoni fejn it-twettiq tagħhom huwa meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-prevenzjoni tar-riskji ta’ nirien fil-foresti.

 Fuq irraba’ domanda

61      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats għandux jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet intiżi sabiex jiżguraw il-manutenzjoni tal-infrastrutturi ta’ protezzjoni tal-foresti kontra n-nirien f’żona forestali, indikata bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni, jistgħu jitkomplew u jitlestew qabel l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti tagħhom prevista f’din id-dispożizzjoni.

62      Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il‑habitats, “[f]l-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali”. B’hekk, ebda pjan jew proġett ma jista’ jiġi implimentat f’żona speċjali ta’ konservazzjoni qabel ma jiġu evalwati l-effetti tiegħu fuq is-sit ikkonċernat.

63      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat diversi drabi n-natura preliminari tal-proċedura ta’ evalwazzjoni prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats (sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 34, tal‑11 ta’ April 2013, Sweetman et, C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 28, kif ukoll tal‑21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 43).

64      Kif indikat l-Avukata Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa indispensabbli, barra minn hekk, li l-evalwazzjoni tal-effetti tal-pjan jew tal-proġett tippreċedi l-implimentazzjoni tiegħu. Fil-fatt, minn naħa, evalwazzjoni a posteriori ma tippermettix li tiġi evitata ħsara lill-istat ta’ konservazzjoni tas-sit. Min-naħa l-oħra, ikun spiss diffiċli li tiġi evalwata l-portata ta’ dawn l-effetti fin-nuqqas ta’ inventarju preliminari tal-istat oriġinali tas-sit.

65      B’hekk, id-Direttiva dwar il-habitats ma tippermettix li jitwettaq pjan jew proġett f’żona speċjali ta’ konservazzjoni u lanqas, a fortiori, li jitkompla u li jitlesta qabel ma ssir evalwazzjoni xierqa tal-effetti tiegħu fuq is-sit ikkonċernat.

66      Din il-projbizzjoni tapplika għall-attivitajiet imwettqa f’żona forestali, indikata bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni, sabiex tiġi żgurata l-manutenzjoni tal-infrastrutturi ta’ protezzjoni tal-foresti kontra n-nirien f’din iż-żona, li għandhom in-natura ta’ proġett, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, kif jirriżulta mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda.

67      Mill-banda l-oħra, l-imsemmija projbizzjoni ma tapplikax għall-attivitajiet imwettqa skont il-miżuri ta’ konservazzjoni tas-sit skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats. Fil-fatt, kif indikat fil-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza, dawn l-attivitajiet għandhom jitqiesu, għal dan il-għan, bħala direttament marbuta ma’, jew meħtieġa għal, il-ġestjoni tas-sit.

68      B’hekk, għalkemm l-attivitajiet ta’ manutenzjoni tal-infrastrutturi ta’ protezzjoni tal-foresti kontra n-nirien diġà ġew previsti fil-miżuri ta’ konservazzjoni tas-sit skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, dawn ma għandhomx ikunu s-suġġett tal-evalwazzjoni prevista fl-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva.

69      Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jiġi rriżervat ukoll il-każ fejn riskju attwali jew imminenti jkun jitlob l-adozzjoni mingħajr dewmien ta’ miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tas-sit. F’każ simili, it-twettiq minn qabel tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti ta’ dawn il-miżuri fuq is-sit jista’ ma jilħaqx l-għan ta’ din il-proċedura, jiġifieri l-preservazzjoni tas-sit, u jirriskja, għall-kuntrarju, li jkun ta’ ħsara għaliha.

70      Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, ta’ miżuri ta’ emerġenza għall-protezzjoni u għall-ġlieda kontra n-nirien fil-foresti. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali mingħajr evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tagħhom fuq iż-żona naturali protetta kkonċernata setgħetx tiġi ġġustifikata abbażi ta’ dan.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet intiżi sabiex jiżguraw il-manutenzjoni tal-infrastrutturi ta’ protezzjoni tal-foresti kontra n-nirien f’żona forestali, indikata bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni, la jistgħu jitwettqu u lanqas a fortiori jitkomplew u jitlestew qabel issir il-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti tagħhom prevista f’dan l-artikolu, sakemm dawn l-attivitajiet ma jkunux jinsabu fost il-miżuri ta’ konservazzjoni tas-sit ikkonċernat diġà adottati skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jew sakemm riskju attwali jew imminenti li jqiegħed f’perikolu l-preservazzjoni ta’ dan is-sit ma jkunx jitlob li dawn jitwettqu minnufih.

 Fuq ilħames domanda

72      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-awtoritajiet kompetenti jadottaw miżuri sabiex jirrimedjaw l-effetti sinjifikattivi possibbli ta’ xogħlijiet eżegwiti mingħajr ma jkunu s-suġġett tal-evalwazzjoni minn qabel prevista f’din id-dispożizzjoni u jeżiġu l-kumpens għad-dannu kkawżat minn dawn ix-xogħlijiet.

73      Preliminarjament, hemm lok li wieħed jistaqsi dwar l-utilità tal-ħames domanda, kif ifformulata, għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

74      Fil-fatt, permezz tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-Direttur Ġenerali tal-Awtorità għall-Ħarsien Ambjentali ordna lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, minn naħa, tħalli fuq il-post is-siġar tal-arżnu, li z-zokk prinċipali tagħhom għandu dijametru ta’ iktar minn 25 cm, u, min-naħa l-oħra, li tissupplimenta l-ammont ta’ injam mejjet fil-bijotopu protett b’mod prijoritarju 9010* “Foresti boreali antiki jew naturali”, li hija tqis li l-livell tiegħu ma huwiex wieħed suffiċjenti.

75      Issa, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 69 u 72 tal-konklużjonijiet tagħha, l-ewwel ordni hija intiża sabiex iżżomm milli jitkomplew ix-xogħlijiet eżegwiti bi ksur tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats u t-tieni ordni hija tfakkira tal-punt 11.2 tad-Digriet Nru 478 li jipprojbixxi t-tneħħija tal-injam mejjet, f’sitwazzjoni fejn l-ammont tiegħu ma jkunx wieħed suffiċjenti.

76      Fi kliem ieħor, id-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li għandha l-għan li tirrimedja l-effetti tax-xogħlijiet eżegwiti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u lanqas li teżiġi mingħand din tal-aħħar il-kumpens għad-dannu kkawżat minn dawn ix-xogħlijiet.

77      Madankollu, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima fil-kawża prinċipali u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja.

78      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-ħames domanda, bħad-domandi l-oħra magħmula, tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats u ma huwiex manifest li din id-domanda hija nieqsa minn kull utilità għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għaliha.

79      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva dwar il-habitats, b’mod partikolari l-Artikolu 6(3) tagħha, ma tinkludix dispożizzjonijiet dwar il-konsegwenzi ta’ ksur tal-obbligu ta’ evalwazzjoni minn qabel tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter‑Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 169).

80      L-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva jobbliga biss lill-Istati Membri jieħdu “l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet [tal-imsemmija direttiva]”.

81      Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, previst fl-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri huma madankollu obbligati jxejnu l-konsegwenzi illegali ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1960, Humblet vs L‑Istat Belġjan, 6/60‑IMM, EU:C:1960:48, p. 1146, u tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells, C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 64). Dan l-obbligu huwa indirizzat lil kull korp tal-Istat Membru kkonċernat u, b’mod partikolari, lill-awtoritajiet nazzjonali li, fil-limiti tal-kompetenzi tagħhom, huma obbligati jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirrimedjaw in-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq l-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien), C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 75). L-imsemmi obbligu jaqa’ wkoll fuq l-impriżi li jappartjenu lill-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien), C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 91).

82      Skont dan il-prinċipju, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat ukoll jikkumpensa kull dannu kkawżat min-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq l-ambjent (sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells, C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 66).

83      Mill-banda l-oħra, mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li huwa impost biss fuq l-Istati Membri u l-korpi tagħhom, ma jistax jinstilet obbligu tal-individwi sabiex jikkumpensaw id-danni kkawżati lill-ambjent f’żona speċjali ta’ konservazzjoni konsegwenza ta’ xogħlijiet li dawn ikunu wettqu mingħajr ma dawn ix-xogħlijiet kienu s-suġġett tal-evalwazzjoni xierqa prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats.

84      Peress li d-Direttiva dwar il-habitats ma tinkludi ebda dispożizzjoni dwar il-kumpens għal dannu ambjentali u li, fi kwalunkwe każ, ebda obbligu ma jista’ jiġi impost fuq individwi abbażi biss ta’ din id-direttiva, l-obbligu ta’ kumpens għal dannu tat-tip bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jirriżulta biss mid-dritt Latvjan.

85      Għandu jingħad ukoll li, fil-każ fejn tali obbligu huwa previst fid-dritt Latvjan, punt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu obbligati japplikawh.

86      Konsegwentement, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il‑habitats, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, ma jistax jobbliga lill-awtoritajiet kompetenti jeżiġu mingħand l-individwi l-kumpens għal tali dannu.

87      Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tobbligax lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkumpensa d-dannu kkawżat mix-xogħlijiet li hija wettqet mingħajr ma tkun saret evalwazzjoni xierqa minn qabel u għalhekk tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jitolbu l-kumpens għal dan id-dannu biss fl-ipoteżi, prevista mill-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tagħha, fejn din għandha titqies bħala korp tal-Istat Membru kkonċernat. Mill-banda l-oħra, jekk hija għandha l-kwalità ta’ individwu, dawn l-awtoritajiet ma jistgħux jeżiġu mingħandha, abbażi biss tal-imsemmija dispożizzjoni u tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, il-kumpens għad-danni msemmija iktar ’il fuq.

88      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istat Membru kkonċernat, b’mod partikolari lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu, jadotta miżuri sabiex jirrimedja l-effetti sinjifikattivi possibbli fuq l-ambjent ta’ xogħlijiet eżegwiti mingħajr ma tkun twettqet minn qabel l-evalwazzjoni xierqa ta’ dawn l-effetti, prevista f’din id-dispożizzjoni, u jikkumpensa d-dannu kkawżat minn dawn ix-xogħlijiet. Mill-banda l-oħra, huwa ma jobbligax lil dan l-Istat Membru jeżiġi mingħand individwi l-kumpens għal tali dannu, fil-każ fejn dan ikun imputabbli lilhom.

 Fuq lispejjeż

89      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proġett’, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinkludi l-attivitajiet imwettqa f’żona forestali, indikata bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni, sabiex tiġi żgurata l-manutenzjoni tal-infrastrutturi ta’ protezzjoni tal-foresti kontra n-nirien f’din iż-żona, konformement mar-rekwiżiti previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-prevenzjoni tar-riskji ta’ nirien fil-foresti, f’sitwazzjoni fejn dawn l-attivitajiet jibdlu r-realtà fiżika tas-sit ikkonċernat.

2)      L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet imwettqa f’żona forestali, indikata bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni, sabiex tiġi żgurata l-manutenzjoni tal-infrastrutturi ta’ protezzjoni tal-foresti kontra n-nirien f’din iż-żona, konformement mar-rekwiżiti previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-prevenzjoni tar-riskji ta’ nirien fil-foresti, ma jistgħux, minħabba s-sempliċi fatt li għandhom tali għan, jitqiesu li huma direttament marbuta ma’, jew meħtieġa għal, il-ġestjoni tas-sit ikkonċernat u għalhekk ma jistgħux, f’dan ir-rigward, jiġu eżentati mill-evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq dan is-sit, sakemm ma jkunux inklużi fost il-miżuri ta’ konservazzjoni tas-sit diġà adottati skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

3)      L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi l-obbligu li ssir evalwazzjoni tal-pjanijiet u tal-proġetti msemmija f’din id-dispożizzjoni, anki f’sitwazzjoni fejn it-twettiq tagħhom huwa meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-prevenzjoni tar-riskji ta’ nirien fil-foresti.

4)      L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet intiżi sabiex jiżguraw il-manutenzjoni tal-infrastrutturi ta’ protezzjoni tal-foresti kontra n-nirien f’żona forestali, indikata bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni, la jistgħu jitwettqu u lanqas a fortiori jitkomplew u jitlestew qabel issir il-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti tagħhom prevista f’dan l-artikolu, sakemm dawn l-attivitajiet ma jkunux jinsabu fost il-miżuri ta’ konservazzjoni tas-sit ikkonċernat diġà adottati skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jew sakemm riskju attwali jew imminenti li jqiegħed f’perikolu l-preservazzjoni ta’ dan is-sit ma jkunx jitlob li dawn jitwettqu minnufih.

5)      L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istat Membru kkonċernat, b’mod partikolari lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu, jadotta miżuri sabiex jirrimedja l-effetti sinjifikattivi possibbli fuq l-ambjent ta’ xogħlijiet eżegwiti mingħajr ma l-evalwazzjoni xierqa ta’ dawn l-effetti, prevista f’din id-dispożizzjoni, tkun twettqet minn qabel u jikkumpensa d-dannu kkawżat minn dawn ix-xogħlijiet. Mill-banda l-oħra, huwa ma jobbligax lil dan l-Istat Membru jeżiġi mingħand individwi l-kumpens għal tali dannu, fil-każ fejn dan ikun imputabbli lilhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.