SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla)
21 ta’ Diċembru 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej – Artikolu 27(2) – Regoli Ġenerali tal-Iskejjel Ewropej – Artikoli 62, 66, u 67 – Kontestazzjoni tad-deċiżjoni li student ma jiġix promoss għall-klassi li jmiss taċ-ċiklu sekondarju adottata mill-kunsill tal-klassi – Assenza ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali – Ġurisdizzjoni esklużiva tal-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva”
Fil-Kawża C‑431/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura
Scuola europea di Varese
vs
PD, bħala persuna li teżerċita r-responsabbiltà ta’ ġenitur fuq NG
LC, bħala persuna li teżerċita r-responsabbiltà ta’ ġenitur fuq NG
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl, J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Mejju 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal la Scuola europea di Varese, minn A. De Peri Lozito, R. Invernizzi u M. Luciani, avvocati, |
– |
għal PD u LC, minn L. De Margheriti u R. Massaro, avvocati, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Bruti Liberati, I. Melo Sampaio, A. Spina u L. Vernier, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Lulju 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej, konkluża fil-Lussemburgu fil‑21 ta’ Ġunju 1994 bejn l-Istati Membri u l-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 16, Vol. 1, p. 16, iktar ’il quddiem iċ-“CSEE”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn la Scuola europea di Varese (l-Iskola Ewropea ta’ Varese, l-Italja) u PD u LC, li jaġixxu fil-kwalità ta’ persuni li jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri fuq it-tifel minuri tagħhom NG, dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati Taljani sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ kunsill tal-klassi li ma jawtorizzax it-trasferiment ta’ NG, student tal-ħames sena taċ-ċiklu sekondarju fi ħdan l-iskola, fil-klassi li jmiss. |
Il‑kuntest ġuridiku
Il‑Konvenzjoni ta’ Vjenna
3 |
Skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”), intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni”, jipprevedi li din “tapplika għat-trattati bejn Stati”. |
4 |
L-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Ftehimiet internazzjonali li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni”, jipprovdi: “Il-fatt li din il-konvenzjoni ma tapplikax għal ftehimiet internazzjonali konklużi bejn Stati u suġġetti oħra tad-dritt internazzjonali jew bejn tali suġġetti oħra tad-dritt internazzjonali, jew għal ftehimiet internazzjonali li ma jkunux f’forma miktuba, ma għandux jaffettwa: […]
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
5 |
Skont l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, intitolat “Regola ġenerali ta’ interpretazzjoni”: “1. Trattat għandu jiġi interpretat in bona fide konformement mat-tifsira ordinarja li għandha tingħata lit-termini tat-trattat fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u tal-iskop tiegħu. […] 3. Flimkien mal-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni:
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Iċ-CSEE
6 |
Il-ħolqien ta’ skejjel Ewropej oriġinarjament kien ibbażat fuq żewġ strumenti, jiġifieri, minn naħa, l-Istatut tal-Iskola Ewropea, iffirmat fil-Lussemburgu fit‑12 ta’ April 1957 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 443, p. 129) u, min-naħa l-oħra, il-Protokoll dwar it-Twaqqif tal-Iskejjel Ewropej b’riferiment għall-Istatut tal-Iskola Ewropea, iffirmat fil-Lussemburgu fit‑12 ta’ April 1957 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 752, p. 267). Dawn l-istrumenti ġew sostitwiti miċ-CSEE, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Ottubru 2002. |
7 |
It-tielet u r-raba’ premessa tad-Deċiżjoni 94/557/KE, Euratom tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 1994 li tawtorizza lill-Komunità Ewropea u lill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika jiffirmaw u jikkonkludu l-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 16, Vol. 1, p. 14), u t-tielet u r-raba’ premessa tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/558/CECA tas‑17 ta’ Ġunju 1994 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 16 Vol. 1, p. 29), jistabbilixxu: “billi l-parteċipazzjoni [tal-Komunitajiet] fl-implimentazzjoni [taċ-CSEE] hija meħtieġa biex tiżgura li jintlaħqu l-għanijiet tal-[Komunitajiet]; billi [l-Komunitajiet ser jipparteċipaw] f’dik l-implimentazzjoni billi jeżerċitaw is-setgħat li joħorġu mir-regoli provduti [fiċ-CSEE] u b’dawk l-atti futuri li jistgħu jadottaw skond it-termini tal-Konvenzjoni”. |
8 |
L-ewwel sar-raba’ premessi taċ-CSEE huma fformulati kif ġej: “waqt li kunsidraw li, għall-edukazzjoni flimkien tat-tfal ta’ l-impjegati tal-Komunitajiet Ewropej sabiex ikun żgurat il-funzjonament xieraq ta’ l-Istituzzjonijiet Ewropej, stabbilimenti bl-isem ta’ ‘Skola Ewropea’, ġew imwaqqfin mill-1957 ’il quddiem; waqt li kunsidraw li l-Komunitajiet Ewropej huma ansjużi li jiżguraw edukazzjoni flimkien għal dawn it-tfal kollha u, għal dan il-għan, jagħmlu kontribuzzjoni għall-estimi ta’nfiq għall-iskejjel Ewropej; waqt li kunsidraw li s-sistema ta’ l-Iskejjel Ewropej hija ‘sui generis’; waqt li kunsidraw li tikkostitwixxi forma ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u bejniethom u l-Komunitajiet Ewropej filwaqt li jirrikonoxxu bis-sħiħ ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għall-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistema edukattiva tagħhom, u għad-diversitá kulturali u lingwistika tagħhom; waqt li kunsidraw li:
|
9 |
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 taċ-CSEE jipprovdi: “L-għan tal-Iskejjel hu li jedukaw flimkien lit-tfal ta’ l-impjegati tal-Komunitajiet Ewropej. […]” |
10 |
L-Artikolu 6 taċ-CSEE jistabbilixxi: “Kull Skola jkollha il-personalità ġuridika meħtieġa għall-kisba tal-għanijiet tagħha, kif imfisser fl-Artikolu 1. […] Tista’ tkun parti fi proċeduri legali. […] Safejn għandhom x’jaqsmu d-drittijiet u l-obbligi tagħha, l-Iskola għandha tkun ittrattata f’kull Stat Membru, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’din il-Konvenzjoni, bħala stabbiliment edukattiv regolat mid-dritt pubbliku.” |
11 |
L-Artikolu 7 taċ-CSEE jipprovdi: “L-organi komuni għall-iskejjel kollha għandhom ikunu:
Kull Skola tkun amministrata minn Bord Amministrattiv [tad-Diretturi] u mmexxija minn Kap tal-Għalliema.” |
12 |
Skont l-Artikolu 8(1) taċ-CSEE: “[…] il-Bord tal-Gvernaturi għandu jikkonsisti mill-membri li ġejjin:
|
13 |
L-Artikolu 9(1) taċ-CSEE jipprevedi: “Għajr f’każi fejn hi meħtieġa l-unanimità minn din il-Konvenzjoni, d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Gvernaturi għandhom ikunu adottati minn żewġ terzi tal-maġġoranza tal-membri tiegħu […]” |
14 |
L-Artikolu 10 taċ-CSEE jistipula: “Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jissorvelja fuq l-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni; għal dan il-għan, għandu jkollu s-saħħa għat-teħid tad-deċiżjonijiet meħtieġa f’affarijiet edukattivi, ta’ l-estimi u amministrattivi […] Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jistabbilixxi r-Regoli Ġenerali ta’ l-Iskejjel. […]” |
15 |
Skont l-Artikolu 11 taċ-CSEE: “F’affarijiet edukattivi, il-Bord tal-Gvernaturi għandu jiddetermina liema studji għandhom isiru u kif għandhom ikunu organizzati. B’mod partikolari, wara li jkun kiseb l-opinjoni tal-Bord ta’ Spetturi xieraq, dan għandu: […]
|
16 |
L-Artikolu 12 taċ-CSEE jipprevedi: “Fi ħwejjeġ amministrattivi, il-Bord tal-Gvernaturi għandu: […] 2) jaħtar is-Segretarju Ġenerali […] […]” |
17 |
L-Artikolu 14 taċ-CSEE jipprovdi: “Is-Segretarju Ġenerali għandu jirrappreżenta lill-Bord tal-Gvernaturi […]. Huwa jirrappreżenta lill-Iskejjel fi proċeduri legali. Huwa għandu jkun taħt ir-responsabbiltá tal-Bord tal-Gvernaturi.” |
18 |
L-Artikolu 26 taċ-CSEE jistabbilixxi: “Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha ġurisdizzjoni esklużiva f’tilwim bejn il-Partijiet Kontraenti rigward l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni li ma jkunx ġie solvut mill-Bord tal-Gvernaturi.” |
19 |
L-Artikolu 27 taċ-CSEE jistipula: “1. Qed jiġi b’dan stabbilit Bord ta’ l-Ilmenti. 2. Il-Bord ta’ l-Ilmenti jkollu ġurisdizzjoni esklużiva fil-prim’istanza u fl-aħħar istanza, wara li jkun sar użu mill-kanali kollha amministrattivi, f’kull tilwima li tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni għall-persuni kollha li huma koperti biha ħlief persunal amministrattiv u anċillari, u rigward il-legalità ta’ kull att ibbażat fuq il-Konvenzjoni jew regoli magħmulin taħtha, li jaffettwaw ħażin dwak il-persuni, mwettqa mill-Bord tal-Gvernaturi jew mill-Bord Amministrattiv ta’ skola fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom kif speċifikat b’din il-Konvenzjoni. Meta dan it-tilwim huwa ta’ tip finanzjarju, il-Bord ta’ l-Ilmenti jkollu ġurisdizzjoni bla limitu. Il-kondizzjonijiet u r-regoli dettaljati li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn il-proċeduri għandhom jiġu stabbiliti, kif ikun xieraq, bir-Regolamenti tas-Servizzi għall-persunal tal-għalliema jew bil-kondizzjonijiet għall-għalliema part-time, jew bir-Regoli Ġenerali ta’ l-Iskejjel. 3. Il-membri tal-Bord ta’ l-Ilmenti jkunu persuni li l-indipendenza tagħhom hi mingħajr l-ebda dubju u li huma magħrufa li huma kompetenti fil-liġi. Dawk il-persuni biss li jkunu fuq lista li għandha ssir mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ikunu eleġibbli biex ikunu membri tal-Bord ta’ l-Ilmenti. 4. L-Istatut tal-Bord ta’ l-Ilmenti jkun adottat mill-Bord tal-Gvernaturi, li jaġixxu unanimament. L-Istatut tal-Bord ta’ l-Ilmenti jiddetermina n-numru ta’ membri tal-Bord, il-proċedura għall-ħatra tagħhom mill-Bord tal-Gvernaturi, kemm idumu fil-kariga tagħhom u l-ftehim finanzjarju applikabbli għalihom. L-Istatut għandu jispeċifika l-mod li bih il-Bord għandu jaħdem. 5. Il-Bord ta’ l-Ilmenti għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu, li għandu jkun fihom dawk id-dispożizzjonijiet li huma meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ l-Istatut. Ir-regoli tal-proċedura jirrikjedu l-approvazzjoni unanima tal-Bord tal-Gvernaturi. 6. Id-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ l-Ilmenti jorbtu lill-partijiet u, jekk dawn ta’ l-aħħar jonqsu milli jimplimentawhom, id-deċiżjonijiet għandhom jiġu infurzati mill-awtoritajiet rilevanti ta’ l-Istati Membri skond il-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom. 7. Tilwim ieħor li l-Iskejjel ikunu parti fih għandu jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali. B’mod partikolari, il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali rigward materji ta’ responsabbiltà ċivili u kriminali mhix affettwata b’dan l-Artikolu.” |
20 |
Skont l-Artikolu 31(4) taċ-CSEE: “Kull Parti Kontraenti tista’ titlob li din il-Konvenzjoni tiġi emendata. Għal dak il-għan, għandha tinnotifika lill-Gvern tal-Lussemburgu bit-talba tagħha. Il-Gvern tal-Lussemburgu għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-Parti Kontraenti li jkollha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej biex tlaqqa’ Konferenza Intergovernattiva.” |
Ir-Regoli Ġenerali tal-Iskejjel Ewropej
21 |
L-Artikolu 61(A)(1) tar-Regoli Ġenerali tal-Iskejjel Ewropej, fil-verżjoni tagħhom numru°2014-03-D-14-fr-11 applikabbli għall-fatti tat-tilwima (iktar ’il quddiem ir-“RGEE tal‑2014”), jipprevedi li, fiċ-ċiklu sekondarju, id-deċiżjonijiet għall-promozzjoni għall-klassi li jmiss jittieħdu fl-aħħar tas-sena skolastika mill-kunsill tal-klassi kompetenti. |
22 |
Skont l-Artikolu 62 tar-RGEE tal‑2014, intitolat “Appell kontra d-deċiżjonijiet ta’ repetizzjoni”: “1. Id-deċiżjonijiet tal-kunsilli tal-klassi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell mir-rappreżentanti legali tal-istudenti unikament minħabba difett formali jew fatt ġdid, irrikonoxxut bħala tali mis-Segretarju Ġenerali abbażi tal-proċess ipprovdut mill-iskola u r-rappreżentanti legali tal-istudent. Difett formali għandu jfisser kwalunkwe ksur ta’ regola ta’ dritt dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-promozzjoni għall-klassi li jmiss, b’tali mod li kieku ma titwettaqx, id-deċiżjoni tal-kunsill tal-klassi kienet tkun differenti. L-assenza ta’ assistenza taħt il-forma ta’ integrazzjoni tal-istudent fil-programmi ta’ sostenn edukattiv ma tikkostitwixxix difett formali, ħlief jekk jintwera li l-istudent jew ir-rappreżentanti legali tiegħu talbu din l-assistenza u din ġiet irrifjutata mill-iskola b’mod abbużiv. Il-modalitajiet ta’ organizzazzjoni prattika tal-eżamijiet jappartjenu lill-iskejjel u ma jistgħux jitqiesu bħala difett formali. Fatt ġdid għandu jfisser kwalunkwe element li ma ġiex mgħarraf lill-kunsill tal-klassi għaliex ma kienx magħruf minn kull -għalliem, ġenituri, student - fil-mument tad-deliberazzjoni tiegħu u li seta’ jinfluwenza s-sens tad-deċiżjoni tiegħu. Fatt magħruf mill-ġenituri, iżda mhux mgħarraf lill-kunsill tal-klassi ma jistax jikklassifika bħala element ġdid, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. L-evalwazzjonijiet dwar il-kapaċitajiet tal-istudenti, l-għoti ta’ marka għal komponiment jew xogħol matul is-sena skolastika u l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari msemmija fl-Artikolu 61(B)(5) jaqgħu biss taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-kunsill tal-klassi. Dawn ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors. 2. It-terminu stabbilit għall-preżentazzjoni ta’ rikors quddiem is-Segretarju Ġenerali huwa ta’ sebat ijiem kalendarji wara t-tmiem tas-sena skolastika. […] […] Is-Segretarju Ġenerali (jew b’delega d-Deputat Segretarju Ġenerali) għandu jiddeċiedi dwar dan ir-rikors qabel il‑31 ta’ Awwissu. L-Artikoli 66 u 67 ta’ dawn ir-regoli għandhom japplikaw. Jekk ir-rikors jiġi deċiż ammissibbli u fondat, il-kunsill tal-klassi jerġa’ jiddeċiedi mill-ġdid fuq il-każ. Id-deċiżjoni l-ġdida tista’ tkun ukoll is-suġġett ta’ rikors amministrattiv quddiem is-Segretarju Ġenerali […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
23 |
L-Artikolu 66 tar-RGEE tal-2014, intitolat “Rikorsi amministrattivi”, jistabbilixxi: “1. Id-deċiżjonijiet imsemmija [fl-Artikolu 62] jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors amministrattiv taħt il-kundizzjonijiet previsti minn [dan l-artikolu]. […] […] 5. Id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali li tiddeċiedi dwar rikors amministrattiv għandha tiġi nnotifikata lir-rikorrent(i) […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
24 |
L-Artikolu 67 tar-RGEE tal‑2014, intitolat “Rikors kontenzjuż”, jipprovdi: “1. Id-deċiżjonijiet amministrattivi, espliċiti jew impliċiti, meħuda dwar ir-rikorsi msemmija fl-artikolu preċedenti jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors kontenzjuż ippreżentat mir-rappreżentanti legali tal-istudenti, direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni kontenzjuża quddiem il-Bord tal-Ilmenti previst fl-Artikolu 27 taċ-[CSEE]. […] 4. Kull rikors kontenzjuż għandu, taħt piena ta’ inammissibbiltà, jiġi ippreżentat fit-terminu ta’ ġimagħtejn min-notifika jew mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata […] 5. Ir-rikorsi msemmija f’dan l-artikolu għandhom jinstemgħu u jiġu deċiżi taħt il-kundizzjonijiet previsti mir-Regoli tal-Proċedura tal-Bord tal-Ilmenti. 6. Il-Bord tal-Ilmenti għandu jiddeċiedi f’terminu ta’ sitt xhur minn meta jirċievi r-rikors, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikoli 16, 34 u 35 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej, li jipprovdu l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors interim.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
25 |
Il-possibbiltà li l-Bord tal-Ilmenti jiġi adit b’rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali li jiddeċiedi dwar rikors kontra deċiżjoni tar-repetizzjoni ta’ sena meħuda mill-kunsill tal-klassi ġiet stabbilita mir-Regoli Ġenerali tal-Iskejjel Ewropej, fil-verżjoni tagħhom Nru 2004-D-6010-fr-5 li daħlet fis-seħħ fit‑2 ta’ Frar 2005 (iktar ’il quddiem ir-“RGEE tal-2005”). Preċedentement, ir-Regoli Ġenerali tal-Iskejjel Ewropej ma kinux jipprovdu għal tali rikors quddiem il-Bord tal-Ilmenti, peress li kien biss possibbli li jsir rikors amministrattiv għar-rappreżentanti legali tal-istudent. |
Id‑dritt Taljan
26 |
Skont l-Artikolu 41 tal-codice di procedura civile (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili): “Sakemm il-kawża ma tkunx ġiet deċiża fil-mertu fl-ewwel istanza, kull parti tista’ titlob lill-Awli Magħquda tal-[Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja)] jsolvu l-kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni […]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
27 |
Fil‑25 ta’ Ġunju 2020, PD u LC, li binhom NG dak iż-żmien kien student fil-ħames sena taċ-ċiklu sekondarju fi ħdan l-Iskola Ewropea ta’ Varese, ġew innotifikati b’deċiżjoni tal-kunsill ta’ klassi kompetenti li ma tippermettix li NG jgħaddi għal klassi li jmiss. |
28 |
Fl‑20 ta’ Lulju 2020, PD u LC ippreżentaw quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardia, l-Italja) b’rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni. |
29 |
B’digriet tad‑9 ta’ Settembru 2020, dik il-qorti ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors, laqgħet it-talba għal miżuri provviżorji magħmula lilha għall-finijiet tad-dħul kundizzjonat fil-klassi li jmiss ta’ NG u ddiferiet l-eżami tal-mertu tal-kawża għal seduta tad‑19 ta’ Ottubru 2021. |
30 |
Fit‑13 ta’ Ottubru 2021, l-Iskola Ewropea ta’ Varese, li kienet qiegħda taġixxi abbażi tal-Artikolu 41 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, ressqet talba għal riżoluzzjoni preliminari tal-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni, quddiem l-awli magħquda tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Taljani sabiex jieħdu konjizzjoni tat-tilwima msemmija iktar ’il fuq. Skont din l-iskola, tali tilwima taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Bord tal-Ilmenti, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 27 taċ-CSEE u tal-Artikolu 67(1) tar-RGEE tal‑2014. |
31 |
PD u LC, kif ukoll l-Uffiċċju tal-Prosekutur, iqisu, min-naħa l-oħra, li l-qrati Taljani għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-imsemmija tilwima minħabba, b’mod partikolari, li, skont l-Artikolu 27(2) taċ-CSEE, il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Bord tal-Ilmenti hija limitata għall-atti li jikkawżaw preġudizzju li joriġinaw mill-Bord tal-Gvernaturi jew mill-Bord tad-Diretturi tal-Iskola. Skont dawn il-partijiet fil-kawża prinċipali, estensjoni tal-ġurisdizzjoni ta’ dan il-bord għall-atti adottati minn kunsill tal-klassi tikkostitwixxi għaldaqstant modifika taċ-CSEE, li tista’ ssir biss b’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 31(4) ta’ din il-konvenzjoni. |
32 |
PD u LC huma, barra minn hekk, tal-opinjoni li l-Artikolu 62(1), l-Artikolu 66(1) u l-Artikolu 67(1) tar-RGEE tal‑2014 jistabbilixxu, għar-rappreżentanti legali tal-istudent, sempliċi possibbiltà li jippreżentaw appell mid-deċiżjoni tal-kunsill tal-klassi quddiem is-Segretarju Ġenerali segwit minn eventwali rikors kontenzjuż quddiem il-Bord tal-Ilmenti. Dawn ir-rappreżentanti legali jibqgħu għalhekk liberi li jiffavorixxu rimedju ġudizzjarju ieħor billi jikkontestaw id-deċiżjoni tal-kunsill tal-klassi direttament quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti. |
33 |
Mitluba tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni preliminari relatata mal-ġurisdizzjoni tal-qrati Taljani, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) tindika li, f’sentenza tal‑15 ta’ Marzu 1999 (IT:CASS:1999:138CIV), hija ddeċidiet favur tali ġurisdizzjoni, f’ċirkustanzi analogi għal dawk li jikkaratterizzaw it-tilwima msemmija fil-punt 28 ta’ din is-sentenza. F’din is-sentenza, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), fil-fatt, iddeċidiet li, skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 flimkien mal-Artikolu 27(1), (2) u (7) taċ-CSEE, il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Bord tal-Ilmenti kienet tkopri l-atti li jikkawżaw preġudizzju li joriġinaw mill-Bord tal-Gvernaturi jew mill-Bord ta’ Diretturi ta’ skola Ewropea, iżda mhux l-atti maħruġa minn kunsill tal-klassi ta’ tali skola. |
34 |
Il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) tirrileva, madankollu, li, fiż-żmien meta ddeċidiet f’dan is-sens, ir-Regoli Ġenerali tal-Iskejjel Ewropej li kienu fis-seħħ dak iż-żmien kienu jipprevedu biss rikors limitat, intern għall-Iskejjel Ewropej u ta’ natura purament amministrattiva, kontra deċiżjonijiet ta’ kunsill tal-klassi li ma jawtorizzawx il-passaġġ ta’ student fil-klassi li jmiss u kien għadu ma jagħtix il-possibbiltà li jadixxi lill-Bord tal-Ilmenti, b’titolu kontenzjuż, f’dak li jirrigwarda tali deċiżjonijiet. |
35 |
Issa, skont il-qorti tar-rinviju, il-fatt li l-possibbiltà ta’ tali rimedju ġudizzjarju kienet, fil-frattemp, ġiet stabbilita mir-RGEE tal‑2005, u sussegwentement, ikkonfermata fl-Artikolu 67 tar-RGEE tal‑2014 jista’ jirriżulta ta’ natura li jiġġustifika r-rikonoxximent tal-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Bord tal-Ilmenti biex jieħu konjizzjoni ta’ dan it-tip ta’ kontenzjuż. |
36 |
Skont din il-qorti, tali soluzzjoni tidher li tista’ ssib sostenn, minn naħa, fit-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2015, Oberto u O’Leary (C‑464/13 u C‑465/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza Oberto u O’Leary, EU:C:2015:163), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat, billi bbażat ruħha fuq ir-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li l-Bord tal-Ilmenti seta’ validament jingħata ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jieħu konjizzjoni tar-rikorsi diretti kontra att tad-Direttur ta’ Skola Ewropea li jikkawża preġudizzju lil għalliem tagħha. |
37 |
Jista’ jkun rilevanti wkoll, f’dan ir-rigward, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑18 ta’ Ġunju 2020, JT vs Segretarju Ġenerali tal-Iskejjel Ewropej u l-Bord tal-Ilmenti tal-Iskejjel Ewropej (T‑42/20, EU:T:2020:278), kif ukoll diversi dokumenti prodotti mill-Iskola Ewropea ta’ Varese u, b’mod partikolari, id-diversi deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Bord tal-Ilmenti iddeċieda f’tilwim relatat ma’ deċiżjonijiet tal-kunsilli tal-klassi li jirrifjutaw li jawtorizzaw it-trasferiment ta’ student fil-klassi li jmiss, u b’hekk żviluppa prassi ġudizzjarja stabbilita minn meta ngħata ġurisdizzjoni sabiex jieħu konjizzjoni ta’ tali tilwim mir-RGEE tal‑2005. |
38 |
Madankollu, filwaqt li rrilevat li s-sentenza Oberto u O’Leary kienet tikkonċerna att meħud mid-direttur ta’ Skola Ewropea dwar il-limitazzjoni tat-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol li tinsab fil-kuntratt ta’ xogħol konkluż bejn Skola Ewropea u għalliem u li l-ġurisdizzjoni tal-Bord tal-Ilmenti kienet tirriżulta, f’dan ir-rigward, mhux mir-Regoli Ġenerali tal-Iskejjel Ewropej, iżda mir-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li d-differenzi ta’ natura fattwali li jeżistu b’dan il-mod bejn dik il-kawża Oberto u O’Leary u din il-kawża jipprekludu li jitqies li hija meħtieġa interpretazzjoni tal-Artikolu 27(2) taċ-CSEE, f’dan il-każ, b’evidenza tali li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli. |
39 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) [taċ-CSEE] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Bord ta’ l-Ilmenti imsemmi hemmhekk għandu kompetenza esklużiva tal-ewwel u l-aħħar istanza sabiex jiddeċiedi, wara l-eżawriment tal-proċedura amministrattiva prevista mir-Regoli Ġenerali [tal-Iskejjel Ewropej], dwar kwalunkwe tilwima relatata mad-deċiżjoni tar-ripetizzjoni ta’ sena meħuda mill-kunsill tal-klassi fir-rigward ta’ student taċ-ċiklu sekondarju?” |
Fuq it‑talba għal applikazzjoni tal‑proċedura mħaffa
40 |
Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura mħaffa abbażi tal-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti sostniet li l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura kienet iġġustifikata kemm fir-rigward tan-neċessità li tiġi kkjarifikata malajr kemm jista’ jkun is-sitwazzjoni skolastika tal-istudent ikkonċernat kif ukoll fid-dawl tal-importanza, għall-partijiet kontraenti kollha għaċ-CSEE, li tiġi ppreċiżata l-portata tal-ġurisdizzjoni tal-Bord tal-Ilmenti f’dak li jirrigwarda kontenzjuż bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
41 |
L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprevedi li, meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi suġġett għal proċedura mħaffa. |
42 |
Għandu jitfakkar li tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż biex jissodisfa sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
F’dan il-każ, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fl‑21 ta’ Lulju 2022, li ma kienx hemm lok li tintlaqa’ t-talba msemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza. |
44 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sempliċi interess tal-partijiet fil-kawża, filwaqt li huwa leġittimu, li jiddeterminaw malajr kemm jista’ jkun il-portata tad-drittijiet li huma jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ċirkustanza eċċezzjonali, fis-sens tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Novembru 2013, Sähköalojen ammattiliitto, C‑396/13, EU:C:2013:811, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
45 |
F’dan il-każ, u fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tas-sitwazzjoni tal-istudent ikkonċernat, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li mid-dikjarazzjonijiet tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lombardia) ordnat fid‑9 ta’ Settembru 2020 li dan l-istudent jiġi ammess b’mod kundizzjonali għall-klassi li jmiss matul is-sena skolastika 2020/2021. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita b’din it-talba għal deċiżjoni preliminari biss fit‑28 ta’ Ġunju 2022, b’tali mod li r-risposta mistennija mill-Qorti tal-Ġustizzja, fi kwalunkwe każ, seta’ jkollha konsegwenzi konkreti eventwali fir-rigward tal-passaġġ skolastiku tal-imsemmi student biss, l-iktar kmieni, matul is-sena skolastika 2022/2023. F’tali ċirkustanzi, ma jistax jiġi konkluż li teżisti sitwazzjoni ta’ emerġenza straordinarja fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza. |
46 |
Barra minn hekk, għalkemm huwa leġittimu, l-interess preżunt tal-partijiet kontraenti għaċ-CSEE li tiġi ċċarata kemm jista’ jkun malajr il-kwistjoni ta’ interpretazzjoni mqajma f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari lanqas ma jidher li huwa ta’ natura li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ċirkustanza eċċezzjonali fis-sens tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
Fuq id‑domanda preliminari
47 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 27(2) taċ-CSEE u tal-Artikoli 61, 62, 66 u 67 tar-RGEE tal‑2014 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-Bord tal-Ilmenti għandu ġurisdizzjoni esklużiva tal-ewwel u tal-aħħar istanza sabiex jiddeċiedi, wara l-eżawriment tar-rimedju amministrattiv stabbilit minn dan ir-regolament ġenerali, dwar kull tilwima dwar il-legalità tad-deċiżjoni ta’ kunsill tal-klassi ta’ skola Ewropea li ma jawtorizzax il-passaġġ ta’ student għal klassi li jmiss taċ-ċiklu sekondarju. |
Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
48 |
Waqt is-seduta, PD u LC esprimew dubji dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni preliminari fil-kuntest ta’ din il-kawża, billi sostnew, essenzjalment, li, skont l-Artikolu 26 taċ-CSEE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha raġun tiddeċiedi dwar kwistjonijiet relatati mal-interpretazzjoni ta’ din il-konvenzjoni biss meta tkun adita b’tilwima dwar tali interpretazzjoni jew dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija konvenzjoni bejn il-partijiet kontraenti għaliha u li ma setgħetx tiġi riżolta fi ħdan il-Bord tal-Gvernaturi. |
49 |
Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 33 u 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li tali mekkaniżmu ġudizzjarju speċifiku jkun ġie stabbilit sabiex jippermetti li tali tilwimiet bejn partijiet kontraenti fiċ-CSEE jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex ta’ natura li jista’ jaffettwa l-portata tal-ġurisdizzjoni li din tal-aħħar għandha, barra minn hekk, bis-saħħa tat-trattati stess, sabiex tiddeċiedi, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 267 TFUE, fuq l-interpretazzjoni ta’ dawn it-trattati u tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet, meta tali kwistjoni titqajjem, bħal fil-kawża prinċipali, quddiem qorti ta’ wieħed mill-Istati Membri u din tal-aħħar tqis li deċiżjoni fuq dan il-punt hija neċessarja sabiex tagħti s-sentenza tagħha u titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni. |
50 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk diġà ddeċidiet li ftehim internazzjonali bħaċ-CSEE, li ġie konkluż abbażi tal-Artikolu 235 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 308 KE, li huwa stess sar l-Artikolu 352 TFUE) mill-Komunitajiet Ewropej, li ġew awtorizzati għal dan l-għan mid-Deċiżjonijiet 94/557 u 94/558, jikkostitwixxi, fir-rigward tal-Unjoni Ewropea, att adottat minn istituzzjoni tagħha, fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. Id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għalhekk jifformaw parti integrali, mid-dħul fis-seħħ tiegħu, mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmi ftehim kif ukoll tal-atti adottati abbażi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Oberto u O’Leary, punti 29 sa 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), atti li fosthom hemm, b’mod partikolari, ir-RGEE tal‑2014. |
51 |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ din il-konvenzjoni u ta’ dan ir-regolament. |
Fuq il‑mertu
52 |
Qabel kollox, għandu jitfakkar li, is-sistema tal-iskejjel Ewropej hija sistema sui generis li, permezz ta’ ftehim internazzjonali, tinħoloq forma ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u bejn dawn tal-aħħar u l-Unjoni (sentenza Oberto u O’Leary, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
53 |
Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-Iskejjel Ewropej jikkostitwixxu organizzazzjoni internazzjonali li, minkejja r-rabtiet funzjonali li għandha mal-Unjoni, tibqa’ formalment distinta minnha u mill-Istati Membri tagħha (sentenza Oberto u O’Leary, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
54 |
Għaldaqstant, għalkemm iċ-CSEE tikkostitwixxi, fir-rigward tal-Unjoni u kif tfakkar fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, att adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, din hija rregolata wkoll mid-dritt internazzjonali, u b’mod iktar partikolari, mill-perspettiva tal-interpretazzjoni tiegħu, mid-dritt internazzjonali tat-trattati (sentenza Oberto u O’Leary, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
55 |
Id-dritt internazzjonali dwar it-trattati ġie kkodifikat, essenzjalment, fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna. Skont l-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni, din tapplika għat-trattati bejn Stati. Madankollu, skont l-Artikolu 3(b) ta’ din il-konvenzjoni, il-fatt li din ma tapplikax għall-ftehimiet internazzjonali konklużi bejn Stati u suġġetti oħra tad-dritt internazzjonali ma jippreġudikax l-applikazzjoni għal dawn il-ftehimiet tar-regoli kollha stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna li huma suġġetti għaliha skont id-dritt internazzjonali indipendentement mill-konvenzjoni stess (sentenza Oberto u O’Leary, punt 35). |
56 |
Isegwi li r-regoli li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna japplikaw għal ftehim konkluż bejn Stati Membri u organizzazzjoni internazzjonali, bħal CSEE, sa fejn dawn ir-regoli huma l-espressjoni tad-dritt internazzjonali ġenerali ta’ konswetudni. Din l-aħħar konvenzjoni għandha, konsegwentement, tiġi interpretata skont dawn ir-regoli u b’mod partikolari skont dawk li jinsabu fl-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li tesprimi d-dritt konswetudinarju internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Oberto u O’Leary, punti 36 u 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
57 |
F’dan il-każ, għandu jitfakkar, minn naħa, li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) taċ-CSEE, il-Bord tal-Ilmenti għandu ġurisdizzjoni esklużiva fl-ewwel u fl-aħħar istanza li jiddeċiedi, wara li jkun sar użu mill-mezzi amministrattivi, fuq kull tilwima dwar l-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni għall-persuni msemmija fiha, bl-eċċezzjoni tal-persunal amministrattiv u anċillari, u li tirrigwarda l-legalità ta’ att li jaffettwa ħażin lil dik il-konvenzjoni jew ir-regoli adottati fl-applikazzjoni tagħha, adottat fir-rigward tagħhom mill-Bord tal-Gvernaturi jew mill-Bord ta’ Diretturi ta’ skola fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilhom mill-istess konvenzjoni. F’dan ir-rigward, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) taċ-CSEE jippreċiża, barra minn hekk, li l-kundizzjonijiet u r-regoli ta’ applikazzjoni dwar il-proċeduri mibdija quddiem il-Bord tal-Ilmenti għandhom jiġu stabbiliti, skont il-każ, mir-Regolamenti tal-Persunal tal-għalliema part‑time jew mill-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-għalliema jew mir-Regoli Ġenerali tal-Iskejjel Ewropej. |
58 |
Min-naħa l-oħra, mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 61(A)(1), tal-Artikolu 62(1) u (2), tal-Artikolu 66(1) u (5) kif ukoll tal-Artikolu 67(1) tar-RGEE tal‑2014 jirriżulta li d-deċiżjonijiet dwar il-passaġġ fil-klassi li jmiss taċ-ċiklu sekondarju adottati mill-kunsill tal-klassi kompetenti ta’ skola Ewropea jistgħu jkunu suġġetti għal azzjoni amministrattiva min-naħa tar-rappreżentanti legali tal-istudenti biss fil-każ ta’ difett formali jew ta’ fatt ġdid, irrikonoxxuti bħala tali mis-Segretarju Ġenerali, u li, fil-każ ta’ ċaħda ta’ tali rikors minn dan tal-aħħar, din id-deċiżjoni ta’ ċaħda tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors kontenzjuż quddiem il-Bord tal-Ilmenti. |
59 |
Fir-rigward tal-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tar-RGEE tal‑2014, għandu, qabel kollox, jiġi ppreċiżat li, kuntrarjament għal dak li sostnew PD u LC, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jistgħux jinqraw fis-sens li l-azzjoni amministrattiva, eventwalment segwita minn rikors kontenzjuż quddiem il-Bord tal-Ilmenti, li huma jipprevedu għalhekk, teżisti flimkien ma’ rimedju ġudizzjarju ieħor disponibbli u li jikkonsisti, għar-rappreżentanti legali tal-istudent ikkonċernat, f’li jitressaq rikors direttament quddiem il-qrati nazzjonali kontra d-deċiżjoni ta’ kunsill tal-klassi li ma tawtorizzax il-passaġġ ta’ dan l-istudent fi klassi li jmiss taċ-ċiklu sekondarju. |
60 |
Fil-fatt, skont il-kliem stess tal-Artikolu 62(1) tar-RGEE tal‑2014, id-deċiżjonijiet ikkonċernati “ma jistgħux jiġu appellati”“ħlief għal difett formali jew fatt ġdid, rikonoxxuti bħala tali mis-Segretarju Ġenerali”, li jikkonferma li l-uniku mod, għar-rappreżentanti legali ta’ student, li jikkontestaw tali deċiżjoni jikkonsisti, fl-ewwel lok, f’li jadixxi lis-Segretarju Ġenerali bir-rikors amministrattiv hekk previst, bl-esklużjoni, f’dan l-istadju, ta’ kull azzjoni ġudizzjarja li tkun direttament diretta kontra l-imsemmija deċiżjoni. |
61 |
Kif jirriżulta, barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) taċ-CSEE, tal-Artikolu 66(1) u (5) u tal-Artikolu 67(1) tar-RGEE tal‑2014, id-deċiżjoni meħuda mis-Segretarju Ġenerali wara tali rikors amministrattiv tista’, min-naħa tagħha, tkun suġġetta għal rikors kontenzjuż biss quddiem il-Bord tal-Ilmenti, li għandu, f’każ bħal dan, ġurisdizzjoni esklużiva tal-ewwel u tal-aħħar istanza f’dak li jirrigwarda l-eżami tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni u dik tal-kunsill tal-klassi li ma tawtorizzax il-passaġġ tal-istudent ikkonċernat fil-klassi li jmiss. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 27(6) taċ-CSEE jippreċiża li s-sentenzi tal-Bord tal-Ilmenti huma obbligatorji għall-partijiet u li dawn għandhom, jekk ikun meħtieġ, isiru eżekuttivi mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, u dan jikkonferma wkoll li l-imsemmija awtoritajiet ma jistgħux jiksru l-kamp tal-ġurisdizzjoni, min-natura tagħhom esklużivi, mogħtija lill-Bord tal-Ilmenti. |
62 |
Bil-benefiċċju ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet preliminari, u fir-rigward tal-punt dwar jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) taċ-CSEE għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-Bord tal-Ilmenti jingħata ġurisdizzjoni esklużiva bħal dik li tirriżulta b’hekk mid-dispożizzjonijiet tar-RGEE tal‑2014 imsemmija fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, għandu, qabelxejn, jiġi rrilevat li l-kundizzjoni prevista fl-imsemmi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2), li l-kawżi mressqa quddiem il-Bord tal-Ilmenti għandhom ikunu relatati mal-applikazzjoni taċ-CSEE għal “persuni msemmija fiha” hija ssodisfatta f’dan il-każ. |
63 |
Fil-fatt, ma hemmx dubju li jaqgħu b’mod partikolari taħt tali kategorija ta’ persuni l-istudenti tal-iskejjel Ewropej, li huma l-benefiċjarji prinċipali tas-sistema u tal-istrutturi ta’ tagħlim stabbiliti skont iċ-CSEE. L-ewwel premessa ta’ din il-konvenzjoni tenfasizza, f’dan ir-rigward, li huwa għall-edukazzjoni konġunta tat-tfal tal-persunal tal-Komunitajiet Ewropej fid-dawl tal-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet Ewropej li ġew stabbiliti l-Iskejjel Ewropej. Dawn l-istudenti huma, barra minn hekk, espressament imsemmija f’diversi dispożizzjonijiet taċ-CSEE u, b’mod partikolari, fil-punt 3 tal-Artikolu 11 ta’ din il-konvenzjoni, li jipprovdi li huwa l-Bord tal-Gvernaturi li għandu jiddefinixxi r-regoli li jawtorizzaw il-passaġġ tal-istudenti fil-klassi li jmiss jew fiċ-ċiklu sekondarju. |
64 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-kundizzjoni, prevista wkoll fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) taċ-CSEE, li tgħid li r-rikors għandu jkun dirett kontra “att ibbażat fuq il-Konvenzjoni jew regoli magħmulin taħtha, li jaffettwaw ħażin dwak il-persuni”, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li dan il-kunċett ta’ “att li jaffettwa ħażin” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ u għandu jinftiehem bħala kull att li jista’ jaffettwa direttament sitwazzjoni legali partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Oberto u O’Leary, punti 49 u 53). Issa, dan huwa manifestament il-każ ta’ deċiżjoni li tirrifjuta lil student id-dritt ta’ aċċess għall-klassi li jmiss. |
65 |
Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li d-deċiżjonijiet dwar il-passaġġ fil-klassi li jmiss taċ-ċiklu sekondarju jittieħdu mill-kunsill ta’ klassi kompetenti abbażi tal-Artikolu 61 (A)(1) tar-RGEE tal‑2014, jiġifieri dispożizzjoni adottata mill-Bord tal-Gvernaturi b’applikazzjoni konġunta tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 u tal-punti 3 u 4 tal-Artikolu 11 taċ-CSEE. Deċiżjoni ta’ kunsill tal-klassi li ma tawtorizzax tali passaġġ tikkostitwixxi għalhekk att “ibbażat fuq iċ-[CSEE] jew fuq regoli adottati fl-applikazzjoni tagħha”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) ta’ din il-konvenzjoni. |
66 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kundizzjoni li tinsab f’dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2), li l-atti li jikkawżaw preġudizzju li kontrihom jista’ jitressaq rikors quddiem il-Bord tal-Ilmenti għandhom jittieħdu fir-rigward tal-persuni kkonċernati “mill-Bord tal-Gvernaturi jew tal-Bord tad-Diretturi ta’ skola”, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li bbażat ruħha fuq ir-regoli ta’ interpretazzjoni li jinsabu fl-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, diġà ppreċiżat, fil-punt 58 tas-sentenza Oberto u O’Leary, li s-sempliċi fatt li l-atti tad-Direttur ta’ skola Ewropea ma jissemmewx espressament f’din id-dispożizzjoni ma jistax ikollu bħala effett li dawn jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni. |
67 |
F’dan il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk, b’mod analogu għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Oberto u O’Leary fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija mid-Direttur ta’ skola Ewropea, ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jippermettux li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) taċ-CSEE jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-Bord tal-Ilmenti jkollu, skont id-dispożizzjonijiet tar-RGEE tal‑2014 imsemmija fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jieħu konjizzjoni tad-deċiżjonijiet li ma jiġix awtorizzata l-passaġġ ta’ student minn skola Ewropea għall-klassi li jmiss, minkejja li dawn id-deċiżjonijiet ma jirriżultawx mill-Bord tal-Gvernaturi jew mill-Bord ta’ Diretturi ta’ din l-iskola iżda minn kunsill tal-klassi. |
68 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, trattat għandu jiġi interpretat skont is-sens ordinarju li għandu jingħata lit-termini tat-trattat fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u tal-iskop tiegħu. |
69 |
Issa, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kuntest normattiv li fih jidħlu l-kliem “att […] mwettqa mill-Bord tal-Gvernaturi jew mill-Bord Amministrattiv ta’ skola” li jinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) taċ-CSEE, għandu, l-ewwel nett, jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) ta’ din il-konvenzjoni, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni relatati mal-proċeduri mibdija quddiem il-Bord tal-Ilmenti huma ddeterminati, skont il-każ, b’mod partikolari mir-Regoli Ġenerali tal-Iskejjel Ewropej (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Oberto u O’Leary, punt 59). F’dan il-każ, ir-regoli li jagħtu lill-Bord tal-Ilmenti ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jieħu konjizzjoni, wara eżawriment minn qabel tar-rikors amministrattiv previst, tar-rikorsi kontenzjużi relatati mad-deċiżjonijiet ta’ kunsill tal-klassi li ma jawtorizzax il-passaġġ minn student fil-klassi li jmiss u dawk li jippreċiżaw il-modalitajiet ta’ dawn ir-rikorsi huma, fil-fatt, inklużi f’dan ir-regolament ġenerali, jiġifieri r-RGEE tal‑2014. |
70 |
It-tieni nett, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, ir-regoli li jagħtu lill-kunsill tal-klassi s-setgħa li jiddeċiedi dwar il-passaġġ tal-istudenti fil-klassi li jmiss u li jirregolaw tali passaġġ huma fihom infushom fir-RGEE tal‑2014 u għalhekk ġew adottati mill-Bord tal-Gvernaturi bis-saħħa tas-setgħat li huwa għandu skont id-dispożizzjonijiet tal-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 10, il-punti 3 u 4 tal-Artikolu 11 taċ-CSEE. Għalhekk, għalkemm l-att inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn jirriżulta minn kunsill ta’ klassi, ċertament ma tteħidx direttament mill-Bord tal-Gvernaturi, xorta waħda ġie adottat minn dan il-kunsill tal-klassi skont is-setgħat inkwadrati li huwa għandu bis-saħħa ta’ att adottat mill-Bord tal-Gvernaturi. |
71 |
It-tielet nett, il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Bord tal-Ilmenti skont l-Artikolu 67 tar-RGEE tal‑2014 tikkonċerna, fl-ewwel lok, id-deċiżjoni li permezz tagħha s-Segretarju Ġenerali ddeċieda dwar ir-rikors ippreżentat mir-rappreżentanti legali tal-istudent ikkonċernat kontra d-deċiżjoni tal-kunsill tal-klassi li ma tawtorizzax il-passaġġ ta’ dan tal-aħħar fil-klassi li jmiss. Issa, kif jirriżulta mill-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7, mill-punt 2 tal-Artikolu 12 u mill-Artikolu 14 taċ-CSEE, is-Segretarju Ġenerali huwa organu komuni għall-iskejjel Ewropej kollha maħtur mill-Bord tal-Gvernaturi, awtorizzat jirrappreżenta lil dan tal-aħħar u responsabbli quddiem dan il-Bord. Minn dan jirriżulta li l-atti ta’ dan is-Segretarju Ġenerali jistgħu fl-aħħar mill-aħħar jiġu imputati lill-imsemmi bord. Dan jgħodd b’mod partikolari meta dawn jiġu adottati mis-Segretarju Ġenerali abbażi ta’ awtorizzazzjoni mogħtija minn dan l-istess bord bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 62 tar-RGEE tal‑2014. |
72 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-għanijiet segwiti miċ-CSEE, kif jirriżulta mill-ewwel premessa ta’ din il-konvenzjoni, l-iskejjel Ewropej inħolqu sabiex jiżguraw “għall-edukazzjoni flimkien tat-tfal ta’ l-impjegati” tal-Unjoni, “sabiex ikun żgurat il-funzjonament xieraq ta’ l-Istituzzjonijiet ” ta’ din tal-aħħar. |
73 |
Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 73 u 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li wieħed jikkonċentra f’idejn qorti speċjalizzata waħda, integrata fl-organizzazzjoni internazzjonali li tikkostitwixxi l-iskejjel Ewropej, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti tal-kunsilli tal-klassi relatati mal-passaġġ għall-klassi li jmiss tal-istudenti ta’ dawn l-iskejjel huwa ta’ natura li jista’ jikkontribwixxi għal uniformità ta’ approċċ proċedurali u ġurisprudenzjali u sabiex jintlaħaq tali għan ta’ edukazzjoni komuni u tal-istess livell, f’kundizzjonijiet ugwali fl-imsemmija skejjel kollha. |
74 |
Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 69 sa 73 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, minkejja li l-atti tal-kunsilli tal-klassi ma humiex espressament imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) taċ-CSEE, il-kuntest leġiżlattiv li fih tinsab din id-dispożizzjoni u l-għanijiet segwiti miċ-CSEE jippermettu li jitqies li l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni magħmula favur il-Bord tal-Ilmenti permezz tad-dispożizzjonijiet tar-RGEE tal‑2014 imsemmija fil-punt 58 ta’ din is-sentenza ma tiksirx din id-dispożizzjoni taċ-CSEE. |
75 |
Fir-rigward tal-Artikolu 31(3)(a) u (b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, għandu jitfakkar li minn dan jirriżulta li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ trattat, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fl-istess ħin bħall-kuntest, minn naħa, kull ftehim sussegwenti li jsir bejn il-partijiet dwar l-interpretazzjoni tat-trattat jew tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu u, min-naħa l-oħra, kull prassi sussegwenti segwita fl-applikazzjoni ta’ dan it-trattat li permezz tagħha huwa stabbilit il-ftehim tal-partijiet fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-imsemmi trattat. |
76 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tenfasizza li ma kienx ipprojbit u lanqas inabitwali, fid-dritt internazzjonali, li tiġi prevista l-possibbiltà għall-partijiet fi ftehim internazzjonali li jippreċiżaw, hekk kif tiżviluppa r-rieda komuni tagħhom dwar il-portata ta’ dan il-ftehim żviluppat, l-interpretazzjoni tagħhom. Tali preċiżazzjonijiet jistgħu jsiru mill-partijiet stess jew minn korp stabbilit mill-partijiet u li għandu setgħa deċiżjonali li torbothom. Tali atti interpretattivi għandhom, f’dan il-każ, l-effetti legali li jirriżultaw mill-Artikolu 31(3)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna (ara f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/17 (Ftehim ECG UE-Kanada), tat‑30 ta’ April 2019 (EU:C:2019:341, punti 233 u 234). |
77 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-kliem “att […] mwettqa mill-Bord tal-Gvernaturi jew mill-Bord Amministrattiv [tad-Diretturi] ta’ skola”, li jinsab fl-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) taċ-CSEE, għandu jsir riferiment, konformement mal-Artikolu 31(3)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, b’mod partikolari, għal kull prassi sussegwenti segwita fl-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Oberto u O’Leary, punti 60 u 62). |
78 |
Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li, kif jirriżulta mill-Artikolu 8(1) taċ-CSEE, il-Bord tal-Gvernaturi huwa kompost b’mod partikolari “[m]ir-rappreżentant jew rappreżentanti fuq livell ministerjali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri tal-[Unjoni] awtorizzat li jorbot lill-Gvern ta’ [dak] l-Istat Membru” kif ukoll minn membru tal-Kummissjoni Ewropea. |
79 |
Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tar-RGEE tal‑2014 u, b’mod partikolari, l-Artikoli 62, 66 u 67 tagħha li, minn naħa, stabbilixxew il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors amministrattiv quddiem is-Segretarju Ġenerali kontra d-deċiżjonijiet ta’ kunsill tal-klassi li ma jawtorizzax il-passaġġ ta’ student fi klassi li jmiss taċ-ċiklu sekondarju u, min-naħa l-oħra, taw lill-Bord tal-Ilmenti ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jieħu konjizzjoni ta’ rikors kontenzjuż ippreżentat kontra d-deċiżjoni adottata mis-Segretarju Ġenerali wara tali rikors amministrattiv, ġew adottati minn rappreżentanti debitament awtorizzati tal-imsemmija Stati Membri u tal-Unjoni awtorizzati li jirreklutawhom. |
80 |
It-tieni nett, minkejja li l-Artikolu 26 taċ-CSEE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwimiet bejn il-partijiet kontraenti dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni li ma setgħux jiġu riżolti fi ħdan il-Bord tal-Gvernaturi, l-adozzjoni tal-Artikoli 62, 66 u 67 tar-RGEE tal‑2014 u, qabel dan, dik tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-RGEE tal‑2005, ma wasslu għal ebda riferiment lill-Qorti tal-Ġustizzja minn dawn il-partijiet kontraenti sabiex jipprevjenu jew jikkontestaw tali adozzjonijiet. Għalhekk, l-adozzjoni stess ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tar-RGEE tal‑2014 mill-partijiet kontraenti taċ-CSEE miġbura fi ħdan il-Bord tal-Gvernaturi tidher li turi kunsens bejn dawn il-partijiet dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni li saru tad-dispożizzjonijiet taċ-CSEE waqt l-adozzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet tar-RGEE tal‑2014. |
81 |
Barra minn hekk, l-imsemmija partijiet kontraenti la kkontestaw u lanqas iddubitaw, jekk ikun il-każ billi rrikorrew għall-mekkaniżmu hekk previst mill-Artikolu 26 taċ-CSEE, peress li sussegwentement saret l-applikazzjoni sistematika tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 62, 66 u 67 tar-RGEE tal‑2014 u tad-dispożizzjonijiet analogi preċedenti inklużi fir-RGEE tal‑2005, minn naħa, mis-Segretarju Ġenerali li kellu jieħu konjizzjoni ta’ rikorsi amministrattivi kontra deċiżjonijiet ta’ kunsilli tal-klassi li ma awtorizzawx il-passaġġ minn student fi klassi li jmiss taċ-ċiklu sekondarju, u, min-naħa l-oħra, mill-Bord tal-Appell li kien imwassal jieħu konjizzjoni ta’ appelli kontenzjużi kontra d-deċiżjonijiet tas-Segretarju Ġenerali u li sistematikament eżerċitaw il-ġurisdizzjoni mogħtija lilu mill-Artikolu 67 tar-RGEE tal‑2014. |
82 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-adozzjoni mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Artikoli 62, 66 u 67 tar-RGEE 2014 u, qabel dan, tad-dispożizzjonijiet analogi li jinsabu fir-RGEE tal‑2005, kif ukoll l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, mingħajr ma waqfu minn dak iż-żmien, kemm mis-Segretarju Ġenerali kif ukoll mill-Bord tal-Ilmenti u din l-applikazzjoni, huma ta’ natura li jikkonfermaw l-eżistenza jekk mhux ta’ ftehim ulterjuri li sar bejn dawn il-partijiet fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ din il-konvenzjoni u tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha fis-sens tal-Artikolu 31(3)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, tal-inqas ta’ prattika li tistabbilixxi l-ftehim tal-partijiet dwar tali interpretazzjoni fis-sens tal-Artikolu 31(3)(b) ta’ din l-aħħar konvenzjoni. Fil-fatt, l-assenza ta’ kontestazzjonijiet min-naħa tal-partijiet għaċ-CSEE fir-rigward ta’ tali applikazzjoni mhux interrotta għandu jitqies bħala aġir ta’ dawn il-partijiet li jirrifletti l-kunsens taċitu tagħhom għall-imsemmija applikazzjoni u għalhekk bħala tali prattika. |
83 |
Issa, tali ftehim u/jew tali prattika jistgħu jipprevalu fuq il-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) taċ-CSEE. Minn dan isegwi li din id-dispożizzjoni għandha tinqara bħala li ma tipprekludix li d-deċiżjonijiet tal-kunsilli tal-klassi tal-iskejjel Ewropej li ma jawtorizzawx il-passaġġ ta’ student għall-klassi li jmiss, jitqiesu, bħala prinċipju, bħala li jaqgħu taħt l-imsemmija dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Oberto u O’Leary, punti 65 sa 67). |
84 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Bord tal-Ilmenti għandu, skont l-Artikolu 67(1) tar-RGEE tal‑2014, ġurisdizzjoni esklużiva tal-ewwel u tal-aħħar istanza sabiex jiddeċiedi, wara l-eżawriment tar-rimedju amministrattiv stabbilit mill-Artikolu 62(1) ta’ dan ir-regolament, fuq kull tilwima relatata mad-deċiżjoni tal-kunsill tal-klassi ta’ skola Ewropea li ma jawtorizzax il-passaġġ ta’ student għal klassi li jmiss taċ-ċiklu sekondarju u li tali ġurisdizzjoni esklużiva ma tiksirx l-Artikolu 27(2) taċ-CSEE. |
85 |
Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, kuntrarjament għal dak li sostnew PD u LC, tali interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti taċ-CSEE u tar-RGEE tal-2014 ma tippreġudikax id-dritt tal-persuni kkonċernati għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
86 |
F’dan ir-rigward, mill-punti 52 u 72 ta’ din is-sentenza jirriżulta li s-sistema tal-iskejjel Ewropej hija sistema sui generis, implimentata permezz ta’ ftehim internazzjonali, riżultat ta’ impenji assunti bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, li bir-raġun tagħha hija bbażata fuq ir-rieda ta’ dawn il-partijiet li jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Minkejja li tinkludi organizzazzjoni internazzjonali distinta mill-Unjoni, is-sistema tal-iskejjel Ewropej hija, għalhekk, marbuta mill-qrib ħafna mal-Unjoni fuq il-livell funzjonali, kif tfakkar fil-punt 53 ta’ din is-sentenza. It-tielet u r-raba’ premessa tad-Deċiżjonijiet 94/557 u 94/558 jenfasizzaw, barra minn hekk, li l-konklużjoni mill-Unjoni taċ-CSEE kienet b’mod partikolari ggwidata miċ-ċirkustanza li l-parteċipazzjoni tal-Unjoni fl-implimentazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, billi eżerċitat il-kompetenzi li jirriżultaw mir-regoli stabbiliti minnha u minn atti futuri adottati skont id-dispożizzjonijiet tagħha, dehret neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni. |
87 |
Kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta u l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ordinament ġuridiku stabbilit mit-Trattati li jistabbilixxu l-Unjoni jinkludi għalhekk sett ta’ regoli tad-dritt internazzjonali konvenzjonali li jistgħu jirriżultaw rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni taċ-CSEE, kif jirriżulta mill-Artikolu 31(3)(c) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna. Fil-fatt, din l-aħħar dispożizzjoni, li tikkodifika d-dritt internazzjonali konswetudinarju, tipprevedi li, fl-interpretazzjoni ta’ trattat, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fl-istess ħin bħall-kuntest, ir-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali applikabbli fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet, li fosthom jinsabu b’mod partikolari t-trattati l-oħra konklużi mill-partijiet kontraenti fit-trattat li huma s-suġġett ta’ tali interpretazzjoni (ara QIĠ, kawża dwar ċerti kwistjonijiet dwar l-assistenza legali reċiproka f’materji kriminali (Djibouti vs Franza), sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2008, Ġabra 2008, p. 219, § 112 sa 114). Issa, f’dan il-każ, iċ-CSEE ġiet konkluża mill-Istati Membri tal-Unjoni u mill-Unjoni nnifisha, bl-ewwel partijiet fit-trattati li jistabbilixxu t-tieni waħda u din tal-aħħar tislet l-eżistenza tagħha, il-personalità ġuridika tagħha u l-kompetenzi tagħha minn dawn it-trattati. |
88 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li l-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni għandhom ikunu kompletament kompatibbli mat-Trattati kif ukoll mal-prinċipji kostituzzjonali li jirriżultaw minnhom, fosthom, b’mod partikolari, il-garanziji stabbiliti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/17 (Ftehim ECG UE-Kanada), tat‑30 ta’ April 2019, EU:C:2019:341, punti 165 u 167 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
89 |
Fir-rigward taċ-CSEE, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 86 sa 88 ta’ din is-sentenza jirriżulta b’mod partikolari li l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni għandhom jirregolaw kemm l-interpretazzjoni ta’ din il-konvenzjoni kif ukoll jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni u osservati mill-korpi stabbiliti mill-imsemmija konvenzjoni meta dawn il-korpi jeżerċitaw il-kompetenzi li jirriżultaw mir-regoli stabbiliti minnha u jadottaw atti konformement mad-dispożizzjonijiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2011, Miles et, C‑196/09, EU:C:2011:388, punt 43, kif ukoll is-sentenza Oberto u O’Leary, punt 74). |
90 |
Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva inkwistjoni f’dan il-każ, skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-prinċipju jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, u li issa huwa affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaċia Forumul Judecătorilor din Româniaet, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 190 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
91 |
Barra minn hekk, mill-ħames inċiż tar-raba’ premessa taċ-CSEE jirriżulta li, fost l-għanijiet tagħha, hemm dak li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja adegwata kontra l-atti tal-Bord tal-Gvernaturi jew tal-Bordijiet ta’ Diretturi tal-iskejjel Ewropej u li tali għan ippreseda l-istabbiliment tal-Bord tal-Ilmenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Oberto u O’Leary, punt 48). |
92 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward, qabelxejn, tal-Bord tal-Ilmenti bħala tali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din l-istanza tissodisfa l-elementi kollha li jippermettu li organu jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, b’mod partikolari l-oriġini legali ta’ dan l-organu, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-imsemmi organu, tar-regoli tad-dritt kif ukoll l-indipendenza tiegħu, bl-eċċezzjoni tal-fatt li jaqa’ taħt wieħed mill-Istati Membri (sentenza Oberto u O’Leary, punt 72 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
93 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-fatt li l-Bord tal-Ilmenti jiddeċiedi fl-ewwel u fl-aħħar istanza, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 47 tal-Karta, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jirrigwarda d-dritt ta’ aċċess mhux għal grad doppju ta’ ġurisdizzjoni, iżda biss għal qorti jew tribunal (sentenza Oberto u O’Leary, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
94 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-portata tal-ġurisdizzjoni mogħtija lill-Bord tal-Ilmenti f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet ta’ kunsill tal-klassi ta’ skola Ewropea li ma jawtorizzax il-passaġġ ta’ student għal klassi li jmiss, mill-Artikolu 62(1) tar-RGEE tal‑2014 jirriżulta li tali deċiżjonijiet ta’ kunsill tal-klassi jistgħu jiġu appellati min-naħa tar-rappreżentanti legali tal-istudenti biss minħabba difett formali jew fatt ġdid, irrikonoxxuti bħala tali mis-Segretarju Ġenerali abbażi tal-proċess ipprovdut mill-iskola u r-rappreżentanti legali tal-istudent. |
95 |
Din id-dispożizzjoni tipprovdi li b’“difett proċedurali” għandu jinftiehem kull ksur ta’ regola tad-dritt dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-passaġġ lejn il-klassi li jmiss, bħal li kieku ma kienx twettaq, id-deċiżjoni tal-kunsill tal-klassi kienet tkun differenti, filwaqt li tippreċiża, b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, li l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni prattika tal-eżamijiet jappartjenu għall-iskejjel u ma jistgħux jitqiesu bħala difett formali. B’“fatt ġdid”, għandu jinftiehem kull element li ma ġiex mgħarraf lill-kunsill tal-klassi peress li ma kienx magħruf minn kulħadd — għalliema, ġenituri, student — fil-mument tad-deliberazzjoni tiegħu u li seta’ jinfluwenza s-sens tad-deċiżjoni tiegħu, fatt magħruf mill-ġenituri, iżda li ma ġiex innotifikat lill-kunsill tal-klassi li ma setax jiġi kklassifikat bħala element ġdid, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. |
96 |
L-Artikolu 62(1) tar-RGEE tal‑2014 jippreċiża, barra minn hekk, fl-aħħar subparagrafu tiegħu, li l-evalwazzjonijiet dwar il-kapaċitajiet tal-istudenti u l-għoti ta’ punteġġ għal kompożizzjoni jew xogħol matul is-sena skolastika jaqgħu biss taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-kunsill tal-klassi u li dawn l-evalwazzjonijiet ma jistgħux jiġu kkontestati. |
97 |
Kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet mogħtija mill-Bord tal-Ilmenti prodotti mill-Iskola Ewropea ta’ Varese, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 62(1) tar-RGEE tal‑2014, minkejja li ddedikati għall-azzjoni amministrattiva miftuħa quddiem is-Segretarju Ġenerali, jikkundizzjonaw ukoll, konsegwentement, il-portata tal-ġurisdizzjoni ta’ dan il-bord fil-każ ta’ rikors ippreżentat mir-rappreżentanti legali tal-istudent kontra deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali li ċaħdet ir-rikors amministrattiv ippreżentat inizjalment quddiem dan tal-aħħar. |
98 |
Issa, rikors ġudizzjarju anki ddelimitat sabiex, b’mod partikolari, jiġi ppreżervat il-marġni ta’ diskrezzjoni ta’ natura pedagoġika li għandu neċessarjament imur lura għand il-kulleġġ tal-professuri li pprovdew tagħlim lill-istudent li l-passaġġ tiegħu għal klassi li jmiss huwa s-suġġett ta’ eżami u ta’ deċiżjoni minn dan il-kulleġġ, ma jippreġudikax il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sa fejn bi “ksur ta’ regola tad-dritt dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-passaġġ lejn il-klassi li jmiss” fis-sens tal-Artikolu 62(1) tar-RGEE tal‑2014, wieħed għandu jifhem, f’sens wiesa’, il-ksur ta’ kull regola kemm strettament formali kif ukoll sostantiva li għandha neċessarjament tippresjedi d-deliberazzjonijiet tal-kunsilli tal-klassi. Kif jirriżulta mill-punt 89 ta’ din is-sentenza hemm, b’mod partikolari, fost tali regoli l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni applikabbli li l-Bord tal-Ilmenti għandu, konsegwentement, jiżgura l-osservanza tagħhom meta jiġi adit b’rikors li jirrigwarda deċiżjoni tal-kunsill tal-klassi li ma jawtorizzax il-passaġġ minn student fil-klassi li jmiss. |
99 |
Fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ eżerċitat minn dan il-Bord tal-Ilmenti relatat mal-motivazzjoni ta’ tali deċiżjoni tal-kunsill tal-klassi, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeħtieġ għalhekk, b’mod partikolari, li, bla ħsara għall-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ msemmija iktar ’il fuq inerenti għall-funzjoni ta’ deliberazzjoni mogħtija lill-kunsill tal-klassi, tali stħarriġ jirrigwarda, tal-inqas il-verifika tal-assenza ta’ eċċess jew ta’ użu ħażin ta’ poter, ta’ żball ta’ liġi jew ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 145, kif ukoll tal‑15 ta’ April 2021, FV vs Il‑Kunsill, C‑875/19 P, EU:C:2021:283, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
100 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda preliminari magħmula għandha tkun li d-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 27(2) taċ-CSEE u tal-Artikoli 61, 62, 66 u 67 tar-RGEE tal‑2014 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Bord tal-Ilmenti għandu ġurisdizzjoni esklużiva tal-ewwel u tal-aħħar istanza sabiex jiddeċiedi, wara l-eżawriment tar-rimedju amministrattiv previst minn dan ir-regolament ġenerali, dwar kull tilwima dwar il-legalità tad-deċiżjoni ta’ kunsill tal-klassi ta’ skola Ewropea li ma tawtorizzax il-passaġġ minn student għal klassi li jmiss taċ-ċiklu sekondarju. |
Fuq l‑ispejjeż
101 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej, konkluża fil-Lussemburgu fil‑21 ta’ Ġunju 1994 bejn l-Istati Membri u l-Komunitajiet Ewropej, u tal-Artikoli 61, 62, 66 u 67 tar‑Regoli Ġenerali tal-Iskejjel Ewropej, fil-verżjoni tagħhom numru°2014-03-D-14-fr-11, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Bord tal-Ilmenti għandu ġurisdizzjoni esklużiva tal-ewwel u tal-aħħar istanza sabiex jiddeċiedi, wara l-eżawriment tar-rimedju amministrattiv previst minn dan ir-regolament ġenerali, dwar kull tilwima dwar il-legalità tad-deċiżjoni ta’ kunsill tal-klassi ta’ skola Ewropea li ma tawtorizzax il-passaġġ minn student għal klassi li jmiss taċ-ċiklu sekondarju. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.