SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

6 ta’ Lulju 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/95/UE – Standards dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Artikolu 14(4)(b) – Revoka tal-istatus ta’ refuġjat – Ċittadin ta’ pajjiż terz ikkundannat permezz ta’ sentenza finali għal delitt partikolarment serju – Theddida għas-soċjetà – Stħarriġ tal-proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑402/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

vs

M.A.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, P. G. Xuereb, T. von Danwitz u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M.A., minn R. C. van den Berg, advocaat,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn K. Bulterman u H. S. Gijzen, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Biró-Tóth u M. Z. Fehér, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Mejju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, M.A., ċittadin ta’ pajjiż terz, u min-naħa l-oħra, l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”), dwar iċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali.

Il‑kuntest ġuridiku

3

Il-premessa 12 tad-Direttiva 2011/95 huwa fformulat kif ġej:

“L-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa, minn naħa waħda, li jiżgura li l-Istati Membri japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, u, min-naħa l-oħra, biex jiżgura li livell minimu ta’ benefiċċju huwa disponibbli għal dawk il-persuni fl-Istati Membri kollha.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tippreskrivi standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għal refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal ptotezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.”

5

Skont l-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva:

“Persuna li tkun ċittadina nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun refuġjat meta jkun hemm raġunijiet serji biex jitqies li:

a)

hija kkommettiet delitt kontra l-paċi, delitt ta’ gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif definit fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti;

b)

hija kkommettiet delitt serju mhux politiku barra mill-pajjiż tar-refuġju qabel id-dħul tagħha bħala refuġjat; jiġifieri qabel il-mument tal-ħruġ ta’ permess ta’ residenza fuq il-bażi tal-għoti ta’ stat ta’ refuġjat […]”

6

L-Artikolu 13 tal-istess direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ refuġjat lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, li tikkwalifika bħala refuġjat bi qbil mal-Kapitoli II u III.”

7

L-Artikolu 14(4) u (5) tad-Direttiva 2011/95 jipprovdi:

“4.   L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus mogħti lil refuġjat minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju, meta:

[…]

b)

hija, wara li tkun instabet ħatja minn sentenza finali ta’ delitt partikolarment serju, tikkostitwixxi periklu għall-komunità ta’ dak l-Istat Membru.

5.   F’sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 4, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtux status lil refuġjat, fejn din id-deċiżjoni ma tkunx għadha ttieħdet.”

8

L-Artikolu 17(1) u (3) ta’ din id-direttiva jispeċifika:

“1.   Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja meta jkun hemm raġunijiet serji li jitqiesu li:

[…]

b)

hija tkun ikkommettiet delitt serju;

[…]

3.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu ċittadin nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuna mingħajr stat milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja jekk hija, qabel id-dħul tagħha fl-Istat Membru kkonċernat, tkun ikkommettiet delitt wieħed jew aktar barra mill-iskop ta’ paragrafu 1 li jwassal għal kastig ta’ ħabs kieku ġew kommessi fl-Istat Membru interessat, u jekk hija tkun telqet biss mill-pajjiż ta’ oriġini tagħha sabiex tevita sanzjonijiet li jirriżultaw minn dawk id-delitti.”

9

L-Artikolu 21(2) sa (3) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Fejn mhux projbit mill-obbligi internazzjonali msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw (refoule) refuġjat, sewwa jekk rikonoxxut formalment u sewwa jekk le, meta:

[…]

b)

hija, wara li tkun instabet ħatja minn sentenza finali ta’ delitt partikolarment serju, tikkostitwixxi periklu għall-komunità ta’ dak l-Istat Membru.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

10

Fil‑5 ta’ Lulju 2018, M.A. ppreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi.

11

Is-Segretarju tal-Istat ċaħad din l-applikazzjoni permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2020. F’din id-deċiżjoni, huwa qies li M.A. bir-raġun kien jibża’ li jiġi ppersegwitat fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, iżda li kien ġie kkundannat għal delitt partikolarment serju permezz ta’ deċiżjoni definittiva u li kien jikkostitwixxi, minħabba dan il-fatt, theddida għas-soċjetà.

12

Is-Segretarju tal-Istat ibbaża ruħu, f’dan ir-rigward, fuq il-fatt li, matul is-sena 2018, M.A. kien ġie kkundannat minn qorti Olandiża għal piena ta’ priġunerija ta’ 24 xahar talli, matul l-istess lejl, wettaq tliet oltraġġi vjolenti għall-pudur, attentat ta’ oltraġġ vjolenti għall-pudur u serq ta’ telefon ċellulari.

13

M.A. ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2020.

14

Permezz ta’ sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2020, qorti tal-ewwel istanza annullat din id-deċiżjoni minħabba li s-Segretarju tal-Istat ma kienx immotiva b’mod suffiċjenti, minn naħa, li l-atti mwettqa minn M.A. kienu tant serji li kienu jiġġustifikaw ir-rifjut li jingħata l-istatus ta’ refuġjat u, min-naħa l-oħra, li M.A. kien jikkostitwixxi periklu reali, attwali u suffiċjentement serju għal interess fundamentali tas-soċjetà.

15

Is-Segretarju tal-Istat appella minn din is-sentenza quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), li huwa l-qorti tar-rinviju.

16

Insostenn ta’ dan l-appell, huwa jsostni, l-ewwel, li l-fatti allegati fil-konfront ta’ M.A. għandhom jitqiesu bħala ksur uniku li jikkostitwixxi delitt partikolarment serju, fid-dawl tan-natura ta’ dawn il-fatti, tal-piena mogħtija u tal-effett ta’ ħsara tagħhom għas-soċjetà Olandiża. It-tieni, huwa jsostni li l-kundanna ta’ M.A. għal delitt partikolarment serju turi bħala prinċipju li dan jirrappreżenta theddida għas-soċjetà.

17

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk reat li għalih ġie kkundannat ċittadin ta’ pajjiż terz permezz ta’ sentenza finali għandux jitqies bħala partikolarment serju, fis-sens tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95. Barra minn hekk, fid-dawl tan-nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-portata tal-kunċett ta’ “theddida għas-soċjetà”, il-qorti tar-rinviju taqbel mad-domandi preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) fil-Kawża C‑8/22.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

a) Meta huwa delitt tant ‘partikolarment serju’, fis-sens tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva [2011/95], li Stat Membru jista’ jiċħad l-istatus ta’ refuġjat lil persuna li teħtieġ protezzjoni internazzjonali?

b) Il-kriterji li huma applikabbli għal ‘delitt serju’ previst fl-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, kif imsemmija fil-punt 56 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed (C‑369/17, EU:C:2018:713), huma rilevanti meta jiġi eżaminat jekk jeżistix ‘delitt partikolarment serju’? Jekk dan huwa l-każ, jeżistu kriterji oħra li jirrendu delitt ‘partikolarment’ serju?

2)

L-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li persuna li ngħatat l-istatus ta’ refuġjat ġiet ikkundannata permezz ta’ sentenza li saret finali għal delitt partikolarment serju diġà juri li din il-persuna tirrappreżenta theddida għas-soċjetà, jew għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundanna finali għal ksur partikolarment serju minnha nfisha ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li teżisti theddida għas-soċjetà?

3)

Fil-każ li l-kundanna finali għal ksur partikolarment serju, inkwantu tali, ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li teżisti theddida għas-soċjetà, l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru għandu juri li, sa mill-kundanna tiegħu, ir-rikorrent jikkostitwixxi theddida għas-soċjetà? L-Istat Membru għandu jistabbilixxi li din it-theddida hija reali u attwali jew huwa suffiċjenti li tkun theddida potenzjali? L-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, moqri individwalment jew flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istatus ta’ refuġjat jista’ jitneħħa biss fil-każ li din it-tneħħija tkun proporzjonata u fil-każ li t-theddida li l-benefiċjarju ta’ dan l-istatus jirrappreżenta tkun suffiċjentement serja sabiex tiġġustifika t-tneħħija?

4)

Fil-każ li l-Istat Membru ma huwiex meħtieġ jistabbilixxi li, sa mill-kundanna finali tiegħu, ir-rikorrent għadu jirrappreżenta theddida għas-soċjetà u li din it-theddida hija reali, attwali u suffiċjentement serja sabiex tiġġustifika t-tneħħija tal-istatus ta’ refuġjat, l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-theddida għas-soċjetà hija stabbilita, bħala prinċipju, permezz tal-fatt li l-benefiċjarju tal-istatus ta’ refuġjat ġie kkundannat b’mod finali għal ksur partikolarment serju, iżda li l-persuna kkonċernata tista’ turi li hija ma tirrappreżentax, jew ma għadhiex tirrappreżenta, theddida?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

19

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, abbażi ta’ liema kriterji reat jista’ jitqies li jikkostitwixxi “delitt partikolarment serju” fis-sens tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95.

20

L-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jirrevokaw l-istatus mogħti lil refuġjat meta, wara li jkun instab ħati permezz ta’ sentenza finali għal delitt partikolarment serju, ikun jikkostitwixxi theddida għas-soċjetà fl-Istat Membru li fih ikun jinsab.

21

L-Artikolu 14(5) ta’ din id-direttiva jipprevedi li, fis-sitwazzjonijiet deskritti fl-Artikolu 14(4) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtux l-istatus ta’ refuġjat lil ċittadin ta’ pajjiż terz, meta d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali tkun għadha ma tteħditx.

22

Mill-punti 27 sa 42 tas-sentenza tal-lum, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Refuġjat li wettaq delitt serju) (C‑8/22), jirriżulta li l-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tal-istess direttiva hija suġġetta għall-eżistenza ta’ żewġ kundizzjonijiet distinti li jirrigwardaw, minn naħa, li ċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz ikun ġie kkundannat permezz ta’ sentenza finali għal delitt partikolarment serju u, min-naħa l-oħra, li jkun ġie stabbilit li dan jikkostitwixxi theddida għas-soċjetà tal-Istat Membru li jinsab fiha.

23

Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, għandu jitfakkar qabelxejn li, konformement mar-rekwiżiti, kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, il-kliem ta’ dispożizzjoni ta’ dan id-dritt li, bħall-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri għad-determinazzjoni tas-sens u tal-portata tiegħu, normalment għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed, C‑369/17, EU:C:2018:713, punt 36, u tal‑15 ta’ Novembru 2022, Senatsverwaltung für Inneres und Sport, C‑646/20, EU:C:2022:879, punt 40).

24

F’dan ir-rigward, peress li l-Artikolu 14(4)(b) ta’ din id-direttiva, jew l-ebda dispożizzjoni oħra tal-imsemmija direttiva, ma jiddefinixxi l-frażi “delitt partikolarment serju”, dan għandu jiġi interpretat konformement mat-tifsira abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li jintuża fih u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Natura tad-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE), C‑624/20, EU:C:2022:639, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Fir-rigward, qabelxejn, tas-sens abitwali fil-lingwaġġ ta’ kuljum tal-kliem “delitt partikolarment serju”, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-kelma “delitt” tikkaratterizza, f’dan il-kuntest, att jew ommissjoni li tikkostitwixxi ksur serju tal-ordinament ġuridiku tas-soċjetà kkonċernata u li huwa, minħabba f’hekk, issanzjonat kriminalment bħala tali fi ħdan din is-soċjetà.

26

Min-naħa l-oħra, l-espressjoni “partikolarment gravi”, sa fejn iżżid żewġ klassifikazzjonijiet għal dan il-kunċett ta’ “delitt”, tirreferi, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, għal reat li huwa ta’ serjetà eċċezzjonali.

27

F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-kuntest li fih jintużaw il-kliem “delitt partikolarment serju”, għandu, fl-ewwel lok, jiġi enfasizzat li l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 jikkostitwixxi deroga mir-regola, stabbilita fl-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, li tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jagħtu l-istatus ta’ refuġjat lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jitqies bħala refuġjat. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed, C‑369/17, EU:C:2018:713, punt 52).

28

Fit-tieni lok, filwaqt li ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95, bħall-Artikolu 12(2)(a), jippreċiżaw in-natura speċifika tar-reati li huma jsemmu, l-Artikolu 14(4)(b) ta’ din id-direttiva jirreferi għal kull “delitt partikolarment serju”.

29

Fit-tielet lok, peress li l-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva 2011/95, li jirreferi għal “delitt serju mhux politiku”, u l-Artikolu 17(1)(b) ta’ din id-direttiva, li jirreferi għal “delitt serju”, għandhom ukoll l-għan li jċaħħdu mill-protezzjoni internazzjonali ċittadin ta’ pajjiż terz li wettaq reat li għandu ċertu grad ta’ serjetà, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dawn id-dispożizzjonijiet għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) ta’ din id-direttiva.

30

Issa, minn naħa, jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tista’ tinvoka l-kawżi ta’ esklużjoni previsti fl-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva 2011/95 u fl-Artikolu 17(1)(b) ta’ din id-direttiva, li jirrigwardaw it-twettiq, mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali, ta’ “delitt serju”, biss wara li tkun wettqet, għal kull każ individwali, evalwazzjoni tal-fatti preċiżi li dwarhom hija jkollha għarfien sabiex tiddetermina jekk jeżistux raġunijiet serji li temmen li l-atti mwettqa mill-persuna kkonċernata, li altrimenti tissodisfa l-kriterji sabiex tingħata l-istatus mitlub, jaqgħu taħt din il-kawża ta’ esklużjoni, filwaqt li l-evalwazzjoni tas-serjetà tar-reat inkwistjoni teħtieġ eżami komplet taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, L-Ungerija u r-Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punt 154, kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság et, C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 92).

31

Min-naħa l-oħra, fir-rigward b’mod iktar preċiż tal-kriterji li għandhom jintużaw sabiex jiġi evalwat il-grad ta’ serjetà ta’ reat għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kriterju tal-piena mġarrba skont il-leġiżlazzjoni kriminali tal-Istat Membru kkonċernat huwa ta’ importanza partikolari għal dan l-għan, mingħajr madankollu ma huwa deċiżiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed, C‑369/17, EU:C:2018:713, punt 55).

32

Barra minn hekk, fil-punt 56 ta’ din l-istess sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed (C‑369/17, EU:C:2018:713), il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għar-rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO) tax-xahar ta’ Jannar 2016, intitolat “Esklużjoni: Artikoli 12 u 17 tad-Direttiva ta’ Klassifikazzjoni (2011/95/UE)” li jirrakkomanda, fil-punt 3.2.2 dwar l-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, li s-serjetà tar-reat li jista’ jeskludi lil persuna mill-protezzjoni sussidjarja għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ diversi kriterji bħal, b’mod partikolari, in-natura tal-att inkwistjoni, id-dannu kkawżat, il-forma ta’ proċedura użata sabiex jinbdew proċeduri, in-natura tal-piena inflitta u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk il-biċċa l-kbira tal-qrati jqisu wkoll l-att inkwistjoni bħala delitt serju.

33

Madankollu, fir-raba’ lok, mill-paragun tal-Artikoli 12, 14, 17 u 21 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni impona rekwiżiti differenti fir-rigward tal-grad ta’ serjetà tar-reati li jistgħu jiġu invokati sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni ta’ kawża ta’ esklużjoni jew ta’ revoka tal-protezzjoni internazzjonali jew ir-refoulement ta’ refuġjat.

34

Għalhekk, l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2011/95 isemmi t-twettiq ta’ “delitt wieħed jew aktar”. L-Artikolu 12(2)(b) u l-Artikolu 17(1)(b) ta’ din id-direttiva jirreferu, kif ġie rrilevat fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, għat-twettiq ta’ “delitt serju”. Għall-kuntrarju, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li juża l-istess kliem fl-Artikolu 14(4)(b) u fl-Artikolu 21(2)(b) tal-imsemmija direttiva, billi eżiġa li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun ġie kkundannat permezz ta’ sentenza finali għal “delitt partikolarment serju”.

35

Minn dan jirriżulta li l-użu, fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, tal-espressjoni “delitt partikolarment serju” jindika l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jissuġġetta l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-fatt li tkun issodisfatta, b’mod partikolari, il-kundizzjoni partikolarment rigoruża, marbuta mal-eżistenza ta’ kundanna definittiva għal reat li jippreżenta serjetà eċċezzjonali, superjuri għal dik tar-reati li jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2)(b) jew tal-Artikolu 17(1)(b) u (3) ta’ din id-direttiva.

36

Fl-aħħar nett, l-għan prinċipali tad-Direttiva 2011/95, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva u mill-premessa 12 tagħha, jiġifieri li jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali u li jiġi żgurat livell minimu ta’ benefiċċji għal dawn il-persuni fl-Istati Membri kollha, jitlob ukoll interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 14(4)(b) ta’ din id-direttiva.

37

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 jista’ jiġi applikat biss għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ġie kkundannat permezz ta’ sentenza finali għal reat li l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu jippermettu li jitqies li huwa ta’ serjetà eċċezzjonali, sa fejn jagħmel parti mir-reati li l-iktar jippreġudikaw l-ordinament ġuridiku tas-soċjetà kkonċernata.

38

F’dan ir-rigward, għalkemm l-evalwazzjoni tal-grad ta’ serjetà ta’ reat partikolari għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/95 għandha ssir, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, abbażi ta’ standard u ta’ kriterji komuni, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, id-dritt kriminali tal-Istati Membri ma huwiex is-suġġett ta’ miżuri ġenerali ta’ armonizzazzjoni. Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni għandha ssir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għażliet magħmula, fil-kuntest tas-sistema kriminali tal-Istat Membru kkonċernat, fir-rigward tal-identifikazzjoni tar-reati li l-iktar jippreġudikaw l-ordinament ġuridiku tas-soċjetà.

39

Madankollu, peress li din id-dispożizzjoni tirreferi għal kundanna definittiva għal “delitt partikolarment serju” fis-singular u li għandha tiġi interpretata b’mod strett, l-applikazzjoni tagħha tista’ tiġi ġġustifikata biss fil-każ ta’ kundanna permezz ta’ sentenza finali għal reat li, meħud waħdu, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “delitt partikolarment serju”, li jippreżupponi li għandu l-grad ta’ serjetà msemmi fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, filwaqt li huwa ppreċiżat li dan il-grad ta’ serjetà ma jistax jintlaħaq permezz ta’ kumulu ta’ ksur distinti li l-ebda wieħed minnhom ma jikkostitwixxi, bħala tali, delitt partikolarment serju.

40

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, l-evalwazzjoni tal-grad ta’ serjetà ta’ reat li għalih ikun ġie kkundannat ċittadin ta’ pajjiż terz timplika evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-motivi tad-deċiżjoni ta’ kundanna għandhom rilevanza sinjifikattiva sabiex jiġu identifikati dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn dawn il-motivi jesprimu l-evalwazzjoni, mill-qorti kriminali kompetenti, tal-aġir taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat.

41

Barra minn hekk, fost iċ-ċirkustanzi l-oħra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk reat jilħaqx il-grad ta’ serjetà msemmi fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, in-natura kif ukoll il-quantum tal-piena inflitta u, a fortiori, tal-piena mogħtija huma ta’ importanza essenzjali.

42

Għalhekk, sa fejn l-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 hija limitata għal reati ta’ serjetà eċċezzjonali, huwa biss reat li jkun iġġustifika l-għoti ta’ piena partikolarment severa fid-dawl tal-iskala tal-pieni applikati, b’mod ġenerali, fl-Istat Membru kkonċernat, li jista’ jitqies li jikkostitwixxi “delitt partikolarment serju”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

43

Minbarra l-pieni inflitti u imposti, hija l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni, taħt l-istħarriġ tal-qrati kompetenti, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura tar-reat imwettaq, sa fejn din tista’ tikkontribwixxi sabiex turi l-portata tal-preġudizzju lill-ordinament ġuridiku tas-soċjetà kkonċernata, u ċ-ċirkustanzi kollha madwar it-twettiq tar-reat, b’mod partikolari eventwali ċirkustanzi attenwanti jew aggravanti, in-natura intenzjonali jew le ta’ dan ir-reat, kif ukoll in-natura u l-portata tad-dannu kkawżat mill-imsemmi reat.

44

In-natura tal-proċedura kriminali applikata għall-kastig tar-reat inkwistjoni tista’ wkoll tkun rilevanti, jekk din tirrifletti l-grad ta’ serjetà li l-awtoritajiet responsabbli għar-repressjoni kriminali attribwixxew lil dan ir-reat.

45

Għall-kuntrarju, l-eventwali reżonanza tar-reat inkwistjoni fil-mezzi tax-xandir jew mal-pubbliku ma tistax, fid-dawl tan-natura essenzjalment suġġettiva u partikolari ta’ tali ċirkustanza, tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95.

46

Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 40 ta’ din is-sentenza, l-evalwazzjoni tar-reat inkwistjoni timplika evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, il-kriterji ta’ evalwazzjoni esposti fil-punti 40 sa 44 ta’ din is-sentenza ma humiex ta’ natura eżawrjenti u jistgħu għalhekk, jekk ikun il-każ, jiġu kkompletati permezz ta’ kriterji addizzjonali.

47

F’dan il-kuntest, għalkemm huwa b’mod partikolari possibbli għall-Istati Membri li jistabbilixxu limiti minimi intiżi sabiex jiffaċilitaw applikazzjoni uniformi ta’ din id-dispożizzjoni, tali limiti għandhom neċessarjament ikunu koerenti mal-grad ta’ serjetà msemmi fil-punt 37 ta’ din is-sentenza u fl-ebda każ ma għandhom jippermettu li tiġi stabbilita n-natura “partikolarment serja” tar-reat inkwistjoni mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun wettqet eżami komplet taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali kkonċernat (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed, C‑369/17, EU:C:2018:713, punt 55).

48

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “delitt partikolarment serju”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, reat li, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tiegħu, jippreżenta serjetà eċċezzjonali, sa fejn jagħmel parti mir-reati li l-iktar jippreġudikaw l-ordinament ġuridiku tas-soċjetà kkonċernata. Sabiex jiġi evalwat jekk reat li għalih ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ġie kkundannat permezz ta’ sentenza finali jippreżentax tali grad ta’ serjetà, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-piena inflitta u l-piena mogħtija għal dan ir-reat, in-natura tiegħu, eventwali ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, in-natura intenzjonali jew le tal-imsemmi reat, in-natura u l-portata tad-dannu kkawżat mill-istess reat kif ukoll il-proċedura applikata sabiex dan jiġi ssanzjonat.

Fuq it‑tieni domanda

49

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ theddida għas-soċjetà tal-Istat Membru li fih jinsab iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat tista’ titqies li hija stabbilita minħabba s-sempliċi fatt li dan ikun ġie kkundannat permezz ta’ sentenza finali għal delitt partikolarment serju.

50

Kif ġie rrilevat fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, mill-punti 27 sa 42 tas-sentenza tal-lum, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Refuġjat li wettaq delitt serju) (C‑8/22), jirriżulta li l-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 hija suġġetta għall-fatt li jkunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet distinti li huma, minn naħa, li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun ġie kkundannat permezz ta’ sentenza finali għal delitt partikolarment serju u, min-naħa l-oħra, li jkun ġie stabbilit li dan jikkostitwixxi theddida għas-soċjetà tal-Istat Membru li jinsab fiha.

51

Għaldaqstant, ma jistax jitqies, mingħajr ma tiġi injorata l-għażla hekk magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li l-fatt li waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet hija ssodisfatta huwa biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li t-tieni waħda hija ssodisfatta wkoll.

52

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ theddida għas-soċjetà tal-Istat Membru li fih jinsab iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma tistax titqies li hija stabbilita minħabba s-sempliċi fatt li dan ġie kkundannat permezz ta’ sentenza finali għal delitt partikolarment serju.

Fuq it‑tielet u r‑raba’ domanda

53

Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija suġġetta għall-fatt li jiġi stabbilit, mill-awtorità kompetenti, li t-theddida rrappreżentata miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għas-soċjetà tal-Istat Membru li fih jinsab hija ta’ natura reali, attwali u serja u li r-revoka tal-istatus ta’ refuġjat tikkostitwixxi miżura proporzjonata għal din it-theddida.

54

Mill-punti 47 sa 65 tas-sentenza tal-lum, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Refuġjat li wettaq delitt serju) (C‑8/22), jirriżulta li miżura msemmija fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 tista’ tiġi adottata biss meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jikkostitwixxi theddida reali, attwali u suffiċjentement serja għal interess fundamentali tas-soċjetà tal-Istat Membru li fih jinsab. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ din it-theddida, hija l-awtorità kompetenti li għandha twettaq evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali inkwistjoni.

55

Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punti 66 sa 70 ta’ din is-sentenza, din l-awtorità għandha tibbilanċja, minn naħa, it-theddida li jikkostitwixxi ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għas-soċjetà tal-Istat Membru li jinsab fih u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet li għandhom jiġu ggarantiti, konformement mad-Direttiva 2011/95, lill-persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet materjali tal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-adozzjoni ta’ miżura msemmija fl-Artikolu 14(4)(b) tal-imsemmija direttiva tikkostitwixxix miżura proporzjonata għal din it-theddida.

56

Minn dan isegwi li r-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija suġġetta għall-fatt li jiġi stabbilit, mill-awtorità kompetenti, li t-theddida rrappreżentata miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għal interess fundamentali tas-soċjetà tal-Istat Membru li fih jinsab hija ta’ natura reali, attwali u suffiċjentement serja u li r-revoka tal-istatus ta’ refuġjat tikkostitwixxi miżura proporzjonata għal din it-theddida.

Fuq l‑ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jikkostitwixxi “delitt partikolarment serju”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, reat li, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tiegħu, jippreżenta serjetà eċċezzjonali, sa fejn jagħmel parti mir-reati li l-iktar jippreġudikaw l-ordinament ġuridiku tas-soċjetà kkonċernata. Sabiex jiġi evalwat jekk reat li għalih ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ġie kkundannat permezz ta’ sentenza finali jippreżentax tali grad ta’ serjetà, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-piena inflitta u l-piena mogħtija għal dan ir-reat, in-natura tiegħu, eventwali ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, in-natura intenzjonali jew le tal-imsemmi reat, in-natura u l-portata tad-dannu kkawżat mill-istess reat kif ukoll il-proċedura applikata sabiex dan jiġi ssanzjonat.

 

2)

L-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

3)

l-eżistenza ta’ theddida għas-soċjetà tal-Istat Membru li fih jinsab iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma tistax titqies li hija stabbilita minħabba s-sempliċi fatt li dan ġie kkundannat permezz ta’ sentenza finali għal delitt partikolarment serju.

 

4)

L-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

5)

l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija suġġetta għall-fatt li jiġi stabbilit, mill-awtorità kompetenti, li t-theddida rrappreżentata miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għal interess fundamentali tas-soċjetà tal-Istat Membru li fih jinsab hija ta’ natura reali, attwali u suffiċjentement serja u li r-revoka tal-istatus ta’ refuġjat tikkostitwixxi miżura proporzjonata għal din it-theddida.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.