SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

26 ta’ Frar 2026 ( *1 )

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru – Koordinazzjoni tal-elementi tal-prezz tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija bl-ajru (sovrataxxa tal-fjuwil, sovrataxxa tas-sigurtà u rifjut li jitħallsu kummissjonijiet fuq is-sovrataxxi) – Servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound – Kompetenza territorjali tal-Kummissjoni – Effetti kkwalifikati – Ksur uniku u kontinwu kkunsidrat fl-intier tiegħu – Sostituzzjoni tal-motivi – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba ‘l-għan’ – Eżami tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku – Portata – Kriterji għall-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu – Responsabbiltà għall-aġir kollu li jikkostitwixxi dan il-ksur – Kundizzjonijiet – Tul tal-parteċipazzjoni f’tali ksur – Assenza ta’ prova tal-parteċipazzjoni f’komponent tiegħu matul perijodi sinjifikattivi – Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża C‑401/22 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis‑16 ta’ Ġunju 2022,

Cargolux Airlines International SA, stabbilita f’Sandweiler (Il-Lussemburgu), irrappreżentata minn E. Aliende Rodríguez, abogada,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn A. Dawes, N. Khan u I. Söderlund, bħala aġenti, sussegwentement minn A. Dawes u I. Söderlund, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn I. Jarukaitis (Relatur), President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, E. Regan u D. Gratsias, imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ April 2024,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Settembru 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Cargolux Airlines International SA (iktar ’il quddiem “Cargolux”) qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑30 ta’ Marzu 2022, Cargolux Airlines International SA vs Il‑Kummissjoni (T‑334/17, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2022:178), li permezz tagħha l-imsemmija qorti ċaħdet ir-rikors tagħha intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1742 final tas‑17 ta’ Marzu 2017 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Każ AT.39258 – Trasport ta’ merkanzija bl-ajru) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”), sa fejn din tikkonċernaha, u, sussidjarjament, għat-tħassir tal-multa li ġiet imposta fuqha f’din id-deċiżjoni jew għat-tnaqqas tal-ammont tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru KE‑Svizzera

2

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru, iffirmat fil-Lussemburgu fil‑21 ta’ Ġunju 1999 u approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, tal‑4 ta’ April 2002 dwar il-konklużjoni tas-seba’ Ftehim[iet] mal-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41, p. 89, rettifika fil-ĠU 2015, L 210, p. 38) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru KE‑Svizzera”) daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Ġunju 2002. L-Artikoli 8 u 9 ta’ dan il-ftehim jikkorrispondu, mutatis mutandis, għall-Artikoli 101 u 102 TFUE, rispettivament.

3

Skont l-Artikolu 11 tal-imsemmi ftehim:

“1.   Id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 8 u 9 għandhom jiġu applikati […] mill-istituzzjonijiet Komunitarji skond il-leġislazzjoni Komunitarja hekk kif iddikjarata fl-Anness ta’ dan il-Ftehim, waqt li tingħata kull konsiderazzjoni lill-bżonn ta’ koperazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji u l-awtoritajiet Svizzeri.

2.   L-awtoritajiet Svizzeri għandhom jiddeċiedu, skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 8 u 9, dwar l-ammissibilità ta’ kull ftehim, deċiżjoni u prattika […] li jolqtu rotot bejn l-Isvizzera u pajjiżi terzi.”

It-Trattat FUE

4

L-Artikolu 101(1) TFUE jipprovdi:

“Is-segwenti għandhom ikunu inkompatibbli mas-suq intern u għandhom ikunu projbiti: l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ deċiżjonijiet assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, partikolarment dawk li jinvolvu:

a)

l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju,

b)

il-limitazzjoni jew kontroll tal-produzzjoni, tas-swieq, ta’ l-iżvilupp tekniku jew ta’ l-investiment,

c)

it-taqsim tas-swieq jew it-taqsim ta’ fonti ta’ provvista,

[…]”

Il-Ftehim ŻEE

5

L-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) jikkorrispondi, mutatis mutandis, għall-Artikolu 101 TFUE.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-Deċiżjoni kontenzjuża

6

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-Deċiżjoni kontenzjuża, kif tfissru fil-punti 1 sa 60 tas-sentenza appellata, jistgħu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jinġabru bil-mod kif ġej.

7

Cargolux hija kumpannija tat-trasport bl-ajru li topera fis-suq tas-servizzi tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru.

8

Fis-settur tat-trasport tal-merkanzija, kumpanniji tal-ajru jiżguraw it-trasport tal-merkanzija bl-ajru (iktar ’il quddiem it-“trasportaturi”). Bħala regola ġenerali, it-trasportaturi jipprovdu servizzi ta’ trasport tal-merkanzija lill-ispedizjoniera, li jieħdu ħsieb it-trasport ta’ din il-merkanzija f’isem l-ispedituri. Bħala korrispettiv, dawn l-ispedizjoniera jħallsu lit-trasportaturi prezz li huwa magħmul minn tariffi kkalkolati għal kull kilogramma u wkoll minn diversi sovrataxxi.

Il-proċedura amministrattiva

9

Fis‑7 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet, taħt l-Avviż tagħha dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis fl-ammont tagħha f’każijiet ta’ akkordji (ĠU 2002, C 45, p. 3), applikazzjoni għal immunità ppreżentata minn Deutsche Lufthansa AG u minn tnejn mis-sussidjarji tagħha, Lufthansa Cargo AG u Swiss International Air Lines AG. Skont din l-applikazzjoni, kienu jeżistu kuntatti antikompetittivi bejn diversi trasportaturi, li kienu jikkonċernaw elementi tal-prezz tas-servizzi pprovduti fis-suq tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru, jiġifieri l-introduzzjoni ta’ sovrataxxi tal-“fjuwil” u tas-“sigurtà”, kif ukoll ir-rifjut ta’ dawn it-trasportaturi li jħallsu lill-ispedizjoniera kummissjoni fuq is-sovrataxxi (iktar ’il quddiem ir-“rifjut li jitħallsu kummissjonijiet”).

10

Fl‑14 u fil‑15 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni għamlet spezzjonijiet għal għarrieda fil-bini ta’ diversi trasportaturi.

11

Wara dawn l-ispezzjonijiet, diversi trasportaturi, fosthom Cargolux, ippreżentaw applikazzjoni għal immunità taħt l-Avviż dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis fl-ammont tagħhom f’każijiet ta’ akkordji, imsemmi fil-punt 9 ta’ din is-sentenza.

12

Fid‑19 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil 27 trasportatur, fosthom Cargolux, li sussegwentement ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Saret seduta mit‑30 ta’ Ġunju sal‑4 ta’ Lulju 2008.

Id-Deċiżjoni inizjali

13

Fid‑9 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2010) 7694 finali li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 [TFUE], l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru (Każ C.39258 – Trasport tal-merkanzija bl-ajru) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni inizjali”). Din id-deċiżjoni kienet indirizzata lil 21 trasportatur, fosthom Cargolux.

14

L-imsemmija deċiżjoni spjegat, fil-motivi tagħha, li t-trasportaturi inkriminati kienu kkoordinaw l-aġir tagħhom fir-rigward tat-tarifikazzjoni għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport tal-merkanzija, billi ftehmu fuq is-sovrataxxa tal-fjuwil u fuq is-sovrataxxa tas-sigurtà u rrifjutaw li jħallsu kummissjonijiet, u kienu, b’dan il-mod, ipparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru KE‑Svizzera, li jkopri t-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u tal-Isvizzera.

Is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2015

15

Permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Cargolux Airlines vs Il‑Kummissjoni (T‑39/11, EU:T:2015:991), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni inizjali sa fejn din kienet tikkonċerna lil Cargolux. Permezz ta’ tnax‑il sentenza oħra mogħtija dakinhar stess, il-Qorti Ġenerali annullat ukoll, kompletament jew parzjalment, din id-deċiżjoni sa fejn din kienet tikkonċerna tnax‑il trasportatur ieħor jew gruppi ta’ trasportaturi oħra.

16

Il-Qorti Ġenerali qieset li l-imsemmija deċiżjoni kienet ivvizzjata b’difett ta’ motivazzjoni.

Id-Deċiżjoni kontenzjuża

17

Fl‑20 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni bagħtet lit-trasportaturi msemmija fid-Deċiżjoni inizjali u li ppreżentaw rikors kontra din tal-aħħar quddiem il-Qorti Ġenerali ittra li tinformahom bl-intenzjoni tagħha li tadotta mill-ġdid deċiżjoni li tikkonstata li huma kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim dwar l-Ajru KE‑Svizzera fir-rotot kollha msemmija f’din id-deċiżjoni inizjali. Huma ngħatalhom terminu ta’ xahar sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Kollha ħadu l-opportunità li jagħmlu dan.

18

Fis‑17 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kontenzjuża, li hija indirizzata lil 19‑il trasportatur, fosthom Cargolux.

19

Id-Deċiżjoni kontenzjuża tispjega li t-trasportaturi inkriminati kkoordinaw l-aġir tagħhom fir-rigward tat-tarifikazzjoni għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport tal-merkanzija madwar id-dinja permezz tas-sovrataxxa tal-fjuwil, tas-sovrataxxa tas-sigurtà u tar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet (iktar ’il quddiem l-“akkordju kontenzjuż”), u b’hekk wettqu ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim dwar l-Ajru KE‑Svizzera.

20

Fit-Taqsima 4 ta’ din id-deċiżjoni, intitolata “Deskrizzjoni tal-fatti” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni indikat, b’mod partikolari, li l-investigazzjoni kienet żvelat akkordju fuq skala globali b’network ta’ kuntatti bilaterali u multilaterali tul perijodu twil ta’ żmien bejn il-kompetituri, li kien jikkonċerna l-aġir li huma kienu ddeċidew, ipprevedew jew għamlu l-ħsieb li jadottaw b’rabta mal-varji elementi tal-prezz tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija msemmija fil-punt ta’ qabel. Hija enfasizzat li dan in-network ta’ kuntatti kellu l-għan komuni li jikkoordina l-aġir tal-kompetituri fir-rigward tat-tarifikazzjoni jew li jnaqqas l-inċertezza sa fejn għandha x’taqsam il-politika ta’ pprezzar tagħhom. Hija mbagħad iddeskriviet il-kuntatti li jikkonċernaw, rispettivament, is-sovrataxxa tal-fjuwil, is-sovrataxxa tas-sigurtà u r-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet, u evalwat il-provi fattwali li jikkonċernaw, minn naħa, l-akkordju kontenzjuż kollu kemm hu u, min-naħa l-oħra, kull wieħed mid-destinatarji tal-imsemmija deċiżjoni.

21

Fit-Taqsima 5 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, intitolata “Applikazzjoni tar-regoli rilevanti tal-kompetizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 101 TFUE għall-fatti tal-każ u ppreċiżat li r-riferimenti għal dan l-artikolu kellhom jinftiehmu wkoll bħala riferimenti għall-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u għall-Artikolu 8 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru KE‑Svizzera, peress li, sakemm ma jkunx previst mod ieħor, dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw mutatis mutandis.

22

F’dan ir-rigward, sa fejn għandha x’taqsam il-kompetenza tagħha, il-Kummissjoni eżaminat il-limiti tal-kompetenza ratione temporis u territorjali tagħha sabiex tikkonstata u tissanzjona ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni f’dan il-każ.

23

Minn naħa, fil-premessi 822 sa 832 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li jagħmlu s-Sottotaqsima 5.2 ta’ din id-deċiżjoni, intitolata “Kompetenza tal-Kummissjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], hija rrilevat, essenzjalment, li hija ma kinitx ser tapplika, l-ewwel nett, l-Artikolu 101 TFUE għall-akkordji u għall-prattiki li saru qabel l‑1 ta’ Mejju 2004 li għandhom x’jaqsmu mar-rotot bejn ajruporti fl-Unjoni Ewropea u ajruporti barra ż-ŻEE (iktar ’il quddiem ir-“rotot Unjoni‑pajjiżi terzi”), it-tieni nett, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għall-akkordji u għall-prattiki li saru qabel id‑19 ta’ Mejju 2005 li għandhom x’jaqsmu mar-rotot Unjoni‑pajjiżi terzi u r-rotot bejn ajruporti f’pajjiżi li huma partijiet kontraenti fil-Ftehim ŻEE u li ma humiex membri tal-Unjoni u ajruporti f’pajjiżi terzi (iktar ’il quddiem ir-“rotot ŻEE minbarra dawk Unjoni‑pajjiżi terzi”) u, fl-aħħar nett, l-Artikolu 8 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru KE‑Svizzera għall-akkordji u għall-prattiki li saru qabel l‑1 ta’ Ġunju 2002 li għandhom x’jaqsmu mar-rotot bejn ajurporti fl-Unjoni u ajruporti fl-Isvizzera (iktar ’il quddiem ir-“rotot Unjoni‑Svizzera”). Hija ppreċiżat, fil-premessa 832 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-istess deċiżjoni ma kellhiex “l-iskop li tirrileva kwalunkwe ksur tal-Artikolu 8 tal-Ftehim [dwar it-Trasport bl-Ajru KE‑Svizzera] fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija [bejn] l-Isvizzera [u] pajjiżi terzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

24

Min-naħa l-oħra, fil-premessi 1036 sa 1046 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li jagħmlu s-Sottotaqsima 5.3.8 ta’ din id-deċiżjoni, intitolata “[A]pplikabbiltà tal-Artikolu 101 [TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għar-rotot inbound” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet għaliex hija ċaħdet l-argumenti ta’ diversi trasportaturi inkriminati li hija marret lil hinn mil-limiti tal-kompetenza territorjali tagħha fid-dawl tar-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku billi kkonstatat u ssanzjonat ksur ta’ dawk iż-żewġ dispożizzjonijiet dwar ir-rotot li jitilqu minn pajjiżi terzi u li sejrin iż-ŻEE (iktar ’il quddiem ir-“rotot inbound” u, sa fejn għandhom x’jaqsmu s-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija offruti f’dawn ir-rotot, is-“servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound”).

25

B’mod partikolari, fil-premessa 1045 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni rrilevat li l-prattiki antikompetittivi sa fejn kellhom x’jaqsmu s-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound “setgħu jkollhom effetti immedjati, sostanzjali u prevedibbli fl-Unjoni u fiż-ŻEE, peress li ż-żieda fl-ispejjeż tat-trasport bl-ajru lejn iż-ŻEE u għalhekk il-prezzijiet ogħla tal-merkanzija importata jistgħu, min-natura tagħhom, ikollhom effetti fuq il-konsumaturi fiż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija żiedet tgħid li, f’dan il-każ, dawn il-prattiki setgħu jkollhom tali effetti wkoll fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport tal-merkanzija bl-ajru minn trasportaturi oħra fiż-ŻEE, bejn iċ-ċentri (“hubs”) fiż-ŻEE użati mit-trasportaturi ta’ pajjiżi terzi u l-ajruporti ta’ destinazzjoni ta’ dawn il-kunsinni fiż-ŻEE li t-trasportatur tal-pajjiż terz ma joperax minnhom.

26

Barra minn hekk, fil-premessa 1046 tal-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni rrilevat li l-akkordju kontenzjuż kien ġie “implimentat globalment”, li l-arranġamenti li jikkonċernaw ir-rotot inbound kienu jagħmlu parti integrali mill-ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, u li l-applikazzjoni uniformi tas-sovrataxxi fuq livell globali kienet element ewlieni ta’ dan l-akkordju.

27

Is-Sottotaqsima 5.3 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li tirrigwarda l-applikazzjoni f’dan il-każ tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru KE-Svizzera, tinkludi l-premessi 833 sa 1052 tagħha. L-ewwel nett, fil-premessa 846 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li t-trasportaturi inkriminati kienu kkoordinaw l-aġir tagħhom jew influwenzaw it-tarifikazzjoni, u dan kien “finalment jammonta għal iffissar tal-prezzijiet b’rabta” [traduzzjoni mhux uffiċjali] mas-sovrataxxa tal-fjuwil, mas-sovrataxxa tas-sigurtà u mal-ħlas ta’ kummissjoni lill-ispedizjoniera fuq is-sovrataxxi. Fil-premessa 861 tal-imsemmija deċiżjoni, hija kkunsidrat li s-“sistema ġenerali ta’ koordinazzjoni tal-aġir fejn tidħol it-tarifikazzjoni tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija” li kixfet l-investigazzjoni tagħha kienet tixhed l-eżistenza ta’ “ksur kumpless li jikkonsisti f’diversi azzjonijiet li [setgħu] jiġu kklassifikati jew bħala ftehim jew bħala prattika miftiehma li fil-kuntest tagħhom il-kompetituri [kienu] bi ħsieb issostitwixxew il-kooperazzjoni prattika bejniethom bir-riskji tal-kompetizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

28

It-tieni nett, fil-premessa 869 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li l-“aġir inkwistjoni [kien] jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 [TFUE]” u ppreċiżat, fil-premessi 870 sa 902 tagħha, li l-arranġamenti inkwistjoni kienu jfittxu li jilħqu għan antikompetittiv uniku, jiġifieri li tiġi ostakolata l-kompetizzjoni fis-settur tat-trasport tal-merkanzija fi ħdan iż-ŻEE, li kienu jirrigwardaw il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport tal-merkanzija u t-tarifikazzjoni tagħhom, li kienu jikkonċernaw l-istess impriżi, kienu uniċi u kontinwi u li kienu jirrigwardaw tliet elementi, jiġifieri s-sovrataxxa tal-fjuwil, is-sovrataxxa tas-sigurtà u r-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 881 ta’ din id-deċiżjoni, li Cargolux kienet implikata f’dawn it-tliet elementi.

29

It-tielet nett, fil-premessa 903 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li l-aġir antikompettiv inkwistjoni kellu l-għan li jillimita l-kompetizzjoni tal-inqas fi ħdan l-Unjoni, fiż-ŻEE u fl-Isvizzera. Fil-premessa 917 ta’ din tal-aħħar, hija essenzjalment żiedet tgħid li ma kienx meħtieġ, għaldaqstant, li tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti konkreti ta’ dan l-aġir.

30

Ir-raba’ nett, fil-premessi 972 sa 1021 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni eżaminat il-leġiżlazzjoni ta’ seba’ pajjiżi terzi li diversi trasportaturi inkriminati sostnew li kienet ġegħlithom jiftiehmu bejniethom dwar is-sovrataxxi u b’hekk fixklet l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni rilevanti. Il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn it-trasportaturi ma kienu ġabu ebda prova li l-imsemmija pajjiżi terzi kienu ġegħluhom jaġixxu b’dan il-mod.

31

Il-ħames nett, fil-premessi 1024 sa 1035 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li l-ksur uniku u kontinwu seta’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn l-Istati Membri, bejn il-partijiet kontraenti fil-Ftehim ŻEE u bejn il-partijiet kontraenti fil-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru KE‑Svizzera.

32

It-Taqsima 7 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, intitolata “Tul tal-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali], tinkludi l-premessi 1146 sa 1169 ta’ din id-deċiżjoni. Kif jirriżulta mill-premessa 1146 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-akkordju kontenzjuż kien beda fis‑7 ta’ Diċembru 1999 u dam sal‑14 ta’ Frar 2006. F’din il-premessa 1146, hija ppreċiżat li dan l-akkordju kien kiser:

–

l-Artikolu 101 TFUE, mis‑7 ta’ Diċembru 1999 sal‑14 ta’ Frar 2006, sa fejn kellu x’jaqsam it-trasport bl-ajru bejn ajruporti fl-Unjoni;

–

l-Artikolu 101 TFUE, mill‑1 ta’ Mejju 2004 sal‑14 ta’ Frar 2006, sa fejn kellu x’jaqsam it-trasport bl-ajru fir-rotot Unjoni‑pajjiżi terzi;

–

l-Artikolu 53 tal-Ftehim EEE, mis‑7 ta’ Diċembru 1999 sal‑14 ta’ Frar 2006, sa fejn kellu x’jaqsam it-trasport bl-ajru bejn ajruporti fiż-ŻEE;

–

l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, mid‑19 ta’ Mejju 2005 sal‑14 ta’ Frar 2006, sa fejn kellu x’jaqsam it-trasport bl-ajru fir-rotot ŻEE minbarra dawk Unjoni‑pajjiżi terzi;

–

l-Artikolu 8 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru KE‑Svizzera, mill‑1 ta’ Ġunju 2002 sal‑14 ta’ Frar 2006, sa fejn kellu x’jaqsam it-trasport bl-ajru fir-rotot Unjoni‑Svizzera.

33

Fil-premessa 1169 tal-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni rrilevat li t-tul tal-ksur kien, sa fejn kellha x’taqsam Cargolux, mit‑22 ta’ Jannar 2001 sal‑14 ta’ Frar 2006.

34

Fit-Taqsima 8 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni eżaminat il-miżuri korrettivi li kellhom jittieħdu u l-multi li kellhom jiġu imposti fid-dawl tal-Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2). Hija applikat, b’mod partikolari, abbażi tal-punt 37 tagħhom, tnaqqis ta’ 50 % fl-ammonti bażiċi tal-multi, billi parti mis-servizzi relatati mar-rotot inbound, kif ukoll mar-rotot li jitilqu miż-ŻEE u li sejrin f’pajjiżi terzi, minbarra r-rotot Unjoni‑Svizzera, hija pprovduta barra mit-territorju kopert mill-Ftehim ŻEE u għalhekk parti mid-dannu tista’ sseħħ barra minn dan it-territorju. Barra minn hekk, skont il-punt 29 ta’ dawn il-linji gwida, hija tat lit-trasportaturi inkriminati tnaqqis addizzjonali fl-ammonti bażiċi ta’ 15 % billi ċerti sistemi regolamentari kienu ħeġġew l-akkordju kontenzjuż.

35

L-Artikoli 1, 3 u 4 tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni kontenzjuża huma fformulati kif ġej:

“Artikolu 1

Billi kkoordinaw l-aġir tagħhom fir-rigward tat-tarifikazzjoni għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport tal-merkanzija madwar id-dinja sa fejn għandhom x’jaqsmu s-sovrataxxa tal-fjuwil, is-[sovrataxxa tas-sigurtà] u l-ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi, l-impriżi li ġejjin ikkommettew il-ksur uniku u kontinwu li ġej tal-Artikolu 101 [TFUE], tal-Artikolu 53 tal-[Ftehim ŻEE] u tal-Artikolu 8 tal-[Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru KE‑Svizzera] sa fejn għandhom x’jaqsmu ir-rotot li ġejjin u matul il-perijodi li ġejjin.

1)

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE sa fejn għandhom x’jaqsmu r-rotot bejn ajruporti li jinsabu fiż-ŻEE, matul il-perijodi li ġejjin:

[…]

f)

[Cargolux], mit‑22 ta’ Jannar 2001 sal‑14 ta’ Frar 2006;

[…]

2)

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 [TFUE] sa fejn għandhom x’jaqsmu r-[rotot Unjoni‑pajjiżi terzi], matul il-perijodi li ġejjin:

[…]

f)

[Cargolux], mill‑1 ta’ Mejju 2004 sal‑14 ta’ Frar 2006;

[…]

3)

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE sa fejn għandhom x’jaqsmu r-[rotot ŻEE minbarra dawk Unjoni‑pajjiżi terzi], matul il-perijodi li ġejjin:

[…]

f)

[Cargolux], mid‑19 ta’ Mejju 2005 sal‑14 ta’ Frar 2006

[…]

4)

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 8 tal-[Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru KE‑Svizzera] sa fejn għandhom x’jaqsmu r-[rotot Unjoni‑Svizzera], matul il-perijodi li ġejjin:

[…]

f)

[Cargolux], mill‑1 ta’ Ġunju 2002 sal‑14 ta’ Frar 2006;

[…]

Artikolu 3

Għall-ksur uniku u kontinwu msemmi fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, huma imposti l-multi li ġejjin […]:

[…]

f)

[Cargolux]: [EUR] 79900000;

[…]

Artikolu 4

L-impriżi msemmija fl-Artikolu 1 għandhom immedjatament itemmu l-ksur uniku u kontinwu msemmi f’dak l-artikolu, sakemm ma jkunux diġà temmewh.

Huma għandhom iżommu ruħhom ukoll milli jagħmlu kwalunkwe att jew iġibu ruħhom b’mod li jkollu għan jew effett identiku jew simili.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

36

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑31 ta’ Mejju 2017, Cargolux ippreżentat rikors intiż għall-annullament, totali jew parzjali, tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn jikkonċernaha, u għall-annullament tal-multa li ġiet imposta fuqha fl-Artikolu 3(f) ta’ din id-deċiżjoni jew, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tagħha, kif ukoll għall-“adozzjoni korrelattiva [ta’] miżuri neċessarji fir-rigward tal-Artikolu 4 [tal-imsemmija deċiżjoni]”, sa fejn dan jikkonċernaha.

37

Insostenn ta’ dan ir-rikors, Cargolux invokat seba’ motivi ta’ annullament u ressqet disa’ argumenti intiżi għall-annullament tal-multa li ġiet imposta fuqha jew għat-tnaqqis tal-ammont tagħha.

38

Fost dawn il-motivi, it-tielet motiv kien ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur minħabba l-għan. Ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll fuq ksur ta’ formalità sostanzjali, tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dritt għal smigħ fir-rigward tad-definizzjoni tal-portata u tal-kriterji tal-ksur uniku u kontinwu. Permezz tal-ħames motiv tagħha, Cargolux invokat żbalji ta’ fatt u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-istabbiliment tal-konstatazzjoni ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u tal-parteċipazzjoni tagħha fihom. Permezz tas-sitt motiv tagħha, hija allegat nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound. Is-seba’ motiv tagħha kien ibbażat fuq żbalji fil-kalkolu tal-ammont tal-multa.

39

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qajmet ex officio motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni fid-dawl tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru KE‑Svizzera sabiex tikkonstata u tissanzjona ksur tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fir-rigward tar-rotot bejn ajruporti f’pajjiżi li huma partijiet kontraenti fil-Ftehim ŻEE u li ma humiex membri tal-Unjoni u ajruporti fl-Isvizzera.

40

L-argumenti insostenn tat-talba tagħha għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa kienu jikkorrispondu, f’dak li jirrigwarda tmienja minnhom, għall-argumenti mressqa insostenn tas-seba’ motiv ta’ annullament tagħha. Cargolux żiedet ma’ dan, b’risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali dwar il-motiv li hija kienet qajmet ex officio, id-disa’ argument, dwar il-bejgħ imwettaq fuq dawn ir-rotot tal-aħħar.

41

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn il-motivi ta’ annullament kollha, inkluż dak li hija kienet qajmet ex officio. B’mod partikolari, hija kkonstatat, essenzjalment, fil-punt 401 ta’ din is-sentenza, li l-portata tal-kuntatti li jinvolvu lil Cargolux u msemmija fil-premessi 250 u 350 tad-Deċiżjoni kontenzjuża kellha tiġi kkwalifikata u, fil-punt 445 tal-imsemmija sentenza, li l-Kummissjoni kienet qieset b’mod żbaljat, fil-premessi 750 u 880 ta’ din id-deċiżjoni, li Cargolux kienet ipparteċipat fil-laqgħa msemmija fil-premessa 387 tagħha. Madankollu, hija qieset, essenzjalment, fil-punt 447 tas-sentenza appellata, li dan ma kienx jiġġustifika l-għoti lil Cargolux ta’ tnaqqis addizzjonali tal-multa minħabba ċirkustanzi attenwanti. Fi tmiem l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 647 tas-sentenza appellata, iffissat l-ammont finali tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Cargolux għal EUR 79900000. Peress li dan l-ammont kien identiku għall-ammont tal-multa imposta fuq Cargolux fid-Deċiżjoni kontenzjuża, hija ċaħdet it-talbiet ta’ din l-impriża intiżi għall-modifika tal-ammont tal-multa.

It-talbiet tal-partijiet fl-appell

42

Permezz tal-appell tagħha, Cargolux titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla s-sentenza appellata;

–

tannulla l-Artikolu 1(1) sa (4) tad-Deċiżjoni kontenzjuża sa fejn jikkonċernaha;

–

sussidjarjament, tannulla parzjalment dawn id-dispożizzjonijiet sa fejn dawn jikkonċernawha u jirrigwardaw l-aġir relatat mar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet u/jew mas-sovrataxxa tas-sigurtà, u/jew tannulla l-Artikolu 1(2) u (3) ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn jikkonċernaha u jirrigwarda r-rotot inbound u, f’kull każ, tnaqqas konsegwentement il-multa imposta fuqha fl-Artikolu 3(f) tal-imsemmija deċiżjoni;

–

tannulla l-multa imposta fuqha fl-Artikolu 3(f) tad-Deċiżjoni kontenzjuża jew, sussidjarjament, tnaqqasha sostanzjalment;

–

sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–

tordna kull miżura xierqa fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża.

43

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tiċħad l-appell u tikkundanna lil Cargolux għall-ispejjeż;

–

sussidjarjament, kemm‑il darba l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tilqa’ l-appell, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva l-ispejjeż.

Fuq l-appell

44

Insostenn tal-appell tagħha, Cargolux tqajjem erba’ aggravji. Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta kkonfermat il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata u tissanzjona ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fir-rigward tar-rotot inbound. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha meta kkonfermat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-aġir li Cargolux kienet ipparteċipat fih kien jikkostitwixxi ksur minħabba l-għan. It-tielet aggravju tagħha huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta stabbilixxiet u applikat il-kriterju ġuridiku li jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu kif ukoll meta kkonfermat id-Deċiżjoni kontenzjuża sa fejn tissanzjona lil Cargolux għal tali ksur. Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, invokat sussidjarjament, hija tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li hija kienet responsabbli għall-aspetti kollha tal-ksur uniku u kontinwu, meta l-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur kienet limitata.

Fuq l-ewwel aggravju, relatat mal-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound

45

L-ewwel aggravju ta’ Cargolux għandu jinqasam f’sitt partijiet. Permezz tal-ewwel parti, hija tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat kriterju ġuridiku żbaljat sabiex tikkonferma l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tissanzjona l-aġir relatat mar-rotot inbound. Permezz tat-tieni parti, hija ssostni li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni kienet issodisfat l-obbligu tagħha li tistabbilixxi li l-kriterju bbażat fuq l-effetti kkwalifikati tal-prattiki antikompetittivi fl-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“kriterju tal-effetti kkwalifikati”) kien issodisfatt f’dan il-każ. Permezz tat-tielet parti, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi l-kompetenza tagħha għas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound abbażi tal-ksur uniku u kontinwu kkunsidrat fl-intier tiegħu. Permezz tar-raba’ parti, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali illegalment qalbet l-oneru tal-prova meta kkonfermat il-kompetenza tal-Kummissjoni. Permezz tal-ħames parti, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali illegalment issostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha stess dwar il-kompetenza tal-Kummissjoni ma’ dik li tinsab fid-Deċiżjoni kontenzjuża. Is-sitt parti hija bbażata fuq żball ta’ liġi u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża li allegatament twettqu mill-Qorti Ġenerali meta evalwat il-legalità tad-Deċiżjoni kontenzjuża abbażi ta’ argumenti u ta’ analiżi prodotti għall-ewwel darba matul il-proċedura quddiemha.

46

Għandhom jiġu eżaminati suċċessivament l-ewwel, it-tieni, ir-raba’ sas-sitt parti u t-tielet parti.

Fuq l-ewwel parti, relatata mal-kriterju li jippermetti li tiġi stabbilita l-kompetenza tal-Kummissjoni fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound

– L-argumenti tal-partijiet

47

Filwaqt li tagħmel riferiment għall-punti 103 u 115 tas-sentenza appellata, Cargolux issostni li d-dritt internazzjonali pubbliku ma huwiex il-bażi xierqa sabiex tiġi stabbilita l-kompetenza tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ aġir adottat barra mill-Unjoni jew miż-ŻEE. Hija r-regola stabbilita mid-dritt tal-Unjoni, konformement mal-formulazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, li għandha tiġi osservata. Il-Kummissjoni hija għalhekk obbligata turi li l-ftehimiet jew il-prattiki miftiehma inkwistjoni għandhom bħala għan jew riżultat il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni “fi ħdan is-suq intern”.

48

Dan ikun il-każ meta jiġi ssodisfatt il-kriterju bbażat fuq il-post tal-implimentazzjoni tal-prattiki antikompetittivi (iktar ’il quddiem il-“kriterju tal-implimentazzjoni”), kif iddefinit fis-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni (89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, EU:C:1988:447, punt 12). Għal dan l-għan, huwa neċessarju li l-bejgħ isir direttament lil xerrejja fl-Unjoni jew li jiġu applikati żidiet fil-prezzijiet fi ħdan is-suq intern, u li jkun hemm ordnijiet minn klijenti stabbiliti fiż-ŻEE. Jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfatti, ikun neċessarju li jintwera li l-aġir inkwistjoni għandu l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq intern konformement mal-punti 22 u 28 tas-sentenza tat‑28 ta’ April 1998, Javico (C‑306/96, EU:C:1998:173). Il-produzzjoni ta’ din il-prova tmur lil hinn mis-sempliċi sodisfazzjon tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati li jirriżultaw mid-dritt internazzjonali pubbliku.

49

Is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632), ma teżentax lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tosserva r-rekwiżiti tal-Artikolu 101 TFUE. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma indikatx fiha li l-kriterju tal-effetti kkwalifikati huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-kompetenza tal-Kummissjoni skont id-dritt tal-Unjoni. Dan il-kriterju jservi biss sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE hijiex kompatibbli mad-dritt internazzjonali pubbliku.

50

Il-konklużjoni li tinsab fil-punt 183 tas-sentenza appellata hija għalhekk allegatament żbaljata, peress li l-premessi 1042 sa 1046 tad-Deċiżjoni kontenzjuża ma jissodisfawx il-kriterju ġuridiku applikabbli sabiex tiġi stabbilita l-kompetenza tal-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 101(1) TFUE, fir-rigward ta’ aġir li seħħ barra mill-Unjoni. Fil-fatt, kif indikat fil-punt 131 ta’ din is-sentenza, kważi l-bejgħ kollu ta’ servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound sar barra miż-ŻEE. Il-prova li l-aġir inkwistjoni kellu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq intern għalhekk ma ġietx prodotta.

51

Il-punt 121 tas-sentenza appellata huwa wkoll allegatament żbaljat sa fejn il-Qorti Ġenerali teżenta lill-Kummissjoni milli twettaq kwalunkwe analiżi tal-effetti antikompetittivi fis-suq intern, bi ksur tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-punt 15 tas-sentenza tat‑28 ta’ April 1998, Javico (C‑306/96, EU:C:1998:173), li minnha jirriżulta, skont Cargolux, li aġir li jikkostitwixxi dannu għall-kompetizzjoni jista’ jiġi ssanzjonat b’applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE biss jekk ikun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, inkluż meta dan ikun ksur minħabba l-għan. Il-punti 20 u 21 ta’ din is-sentenza jistabbilixxu, barra minn hekk, li ftehimiet intiżi li japplikaw biss f’territorju li jinsab barra mill-Unjoni Ewropea ma għandhomx l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni, anki li kieku kellhom jiġu kklassifikati bħala ksur minħabba l-għan jekk jiġu applikati fi ħdan l-Unjoni.

52

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li fis-sentenza tagħha tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632), il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’aggravju li lmenta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata u tissanzjona skont l-Artikolu 102 TFUE aġir adottat barra mill-Unjoni abbażi tar-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku setgħet tiġi stabbilita jew fid-dawl tal-kriterju tal-implimentazzjoni, jew fid-dawl tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati, iddeċidiet, fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, li l-kriterju tal-effetti kkwalifikati jista’, waħdu, iservi bħala bażi għall-kompetenza tal-Kummissjoni.

54

Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal din il-konklużjoni wara li fakkret, fil-punti 42 u 45 tal-imsemmija sentenza, minn naħa, li r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikoli 101 u 102 TFUE huma intiżi li jindirizzaw l-aġir, kollettiv u unilaterali, tal-impriżi li jillimitaw il-kompetizzjoni fis-suq intern u, min-naħa l-oħra, li l-kriterju tal-implimentazzjoni u dak tal-effetti kkwalifikati għandhom l-istess għan, jiġifieri li jindirizzaw aġir li ċertament ma ġiex adottat fit-territorju tal-Unjoni, iżda li l-effetti antikompetittivi tiegħu jistgħu jinħassu fis-suq tal-Unjoni.

55

Minn dan isegwi li l-kriterju tal-implimentazzjoni u dak tal-effetti kkwalifikati huma ta’ natura alternattiva u li wieħed biss minn dawn il-kriterji huwa, waħdu, suffiċjenti sabiex jiġġustifika, abbażi tar-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku, il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tapplika d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ aġir adottat barra mill-Unjoni.

56

Għaldaqstant, Cargolux ma tistax issostni b’mod utli li l-kompetenza tal-Kummissjoni, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward ta’ aġir adottat barra mill-Unjoni jew miż-ŻEE tista’ tiġi stabbilita biss jekk jintwera li l-ftehimiet jew il-prattiki miftiehma inkwistjoni għandhom bħala għan jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, ħaġa li tista’ tiġi stabbilita biss fuq il-bażi tal-kriterju tal-implimentazzjoni.

57

Huwa wkoll għalxejn li Cargolux tinvoka, f’dan ir-rigward, il-punti 20 sa 22 u 28 tas-sentenza tat‑28 ta’ April 1998, Javico (C‑306/96, EU:C:1998:173). Fil-fatt, dawn il-punti ma jirrigwardawx il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikoli 101 jew 102 TFUE għal aġir adottat barra mill-Unjoni jew miż-ŻEE, iżda jirrigwardaw il-kriterju sostantiv li jirregola l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għal aġir partikolari. Għalhekk dawn jirrigwardaw il-kwistjoni distinta tan-natura antikompetittiva tal-ftehimiet inkwistjoni f’din il-kawża, u b’mod iktar preċiż il-punt dwar jekk l-aġir ikkunsidrat f’din il-kawża kellux l-għan jew l-effett li jirrestrinġi b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni u setax jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, kif ukoll l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex issir din l-evalwazzjoni.

58

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, essenzjalment, fil-punti 115 u 183 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq il-kriterju tal-effetti kkwalifikati sabiex tistabbilixxi l-kompetenza tagħha fir-rigward tal-akkordju kontenzjuż sa fejn dan kien jirrigwarda s-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound.

59

Fit-tieni lok, sa fejn, permezz tal-kritika magħmula kontra l-punt 121 tas-sentenza appellata, Cargolux issostni, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, eżentat lill-Kummissjoni milli twettaq analiżi tal-effetti antikompetittivi fis-suq intern, hija għandha, sa fejn hija bbażata fuq il-punt 15 tas-sentenza tat‑28 ta’ April 1998, Javico (C‑306/96, EU:C:1998:173), tiġi miċħuda għal raġuni analoga għal dik diġà esposta fil-punt 57 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-punt 15, sempliċement fakkret, essenzjalment, li aġir li jikkostitwixxi dannu għall-kompetizzjoni jista’ jiġi ssanzjonat skont l-Artikolu 101(1) TFUE biss jekk, barra minn hekk, ikun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

60

Min-naħa l-oħra, ċertament, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 121 tas-sentenza appellata, li, fil-każ ta’ aġir li l-Kummissjoni tkun qieset, bħal f’dan il-każ, li jikkawża livell ta’ dannu għall-kompetizzjoni fis-suq intern jew fiż-ŻEE b’tali mod li seta’ jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni fuq il-kompetizzjoni minħabba l-“għan” fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, l-applikazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati ma tistax teħtieġ il-prova tal-effetti konkreti li tippreżupponi l-klassifikazzjoni ta’ aġir bħala restrizzjoni fuq il-kompetizzjoni minħabba r-“riżultat”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

61

Madankollu, minn qari tal-punti 117 sa 135 tas-sentenza appellata kollha kemm huma jirriżulta li dan il-punt 121 jaqa’ fil-kuntest tal-analiżi tal-Qorti Ġenerali li permess tagħha hija sempliċement ċaħdet l-argument li Cargolux ressqet quddiemha, indikat fil-qosor fil-punt 107 u 108 ta’ din is-sentenza. Għalhekk, f’dawn il-punti 117 sa 135, il-Qorti Ġenerali esponiet il-motivi għalfejn Cargolux ma setgħetx issostni b’mod utli li, billi għamlet riferiment għall-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”, il-Kummissjoni naqset milli twettaq kwalunkwe analiżi tal-effetti tal-aġir inkwistjoni. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti ta’ Cargolux fis-sens li l-Kummissjoni, billi indikat, fil-premessa 917 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li ma kienx neċessarju li jintwerew effetti antikompetittivi reali, kienet, minħabba l-għan antikompetittiv tal-aġir ikkritikat, naqset milli tevalwa jekk dan l-aġir kienx ipproduċa l-effetti kkwalifikati meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-kompetenza tagħha sabiex tapplika l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound.

62

Issa, il-Qorti Ġenerali, billi essenzjalment irrispondiet li l-kriterju tal-effetti kkwalifikati, li jservi bħala bażi għall-kompetenza ekstraterritorjali tal-Kummissjoni, huwa differenti mill-kwistjoni ta’ jekk l-akkordju kontenzjuż jistax jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni fuq il-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, ma għamlet ebda żball ta’ liġi. Kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kriterju tal-effetti kkwalifikati, li jista’ jservi bħala bażi għall-kompetenza ta’ applikazzjoni ekstraterritorjali tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u taż-ŻEE mill-Kummissjoni fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku, ma jikkoinċidix mal-kriterju sostanzjali relatat mar-restrizzjoni fuq il-kompetizzjoni, minħabba l-għan jew minħabba l-effett, fi ħdan is-suq intern tal-Unjoni jew fiż-ŻEE, li għalih hija suġġetta l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata u tissanzjona, taħt id-dritt tal-Unjoni, ksur ta’ dawn ir-regoli tal-kompetizzjoni.

63

Barra minn hekk, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali intiża li jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni kinitx korrettament qieset li, f’dan il-każ, il-kriterju tal-effetti kkwalifikati kien issodisfatt, hija spjegata fil-punti 136 sa 171 tas-sentenza appellata fir-rigward tal-koordinazzjoni relatata mas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound ikkunsidrata b’mod iżolat u fil-punti 172 sa 182 ta’ din is-sentenza fir-rigward tal-ksur uniku u kontinwu kkunsidrat fl-intier tiegħu.

64

F’dawn iċ-ċirkustanzi, Cargolux issostni b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eżentat lill-Kummissjoni milli twettaq kwalunkwe analiżi tal-effetti tal-aġir kontenzjuż għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati.

65

Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tieni parti, relatata mal-kriterju tal-effetti kkwalifikati

– L-argumenti tal-partijiet

66

Cargolux issostni li l-Qorti Ġenerali, fi kwalunkwe każ, wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-Kummissjoni kienet issodisfat l-obbligu tagħha li tistabbilixxi li l-kriterju tal-effetti kkwalifikati kien issodisfatt f’dan il-każ.

67

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632), sabiex tiddikjara li l-aġir inkwistjoni kellu effetti suffiċjentement probabbli fiż-ŻEE, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża li tat lok għal din is-sentenza, li huma differenti ħafna miċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet uriet b’mod validu l-kompetenza tagħha abbażi ta’ sensiela ta’ fatturi, esposti fil-punti 131 sa 134 tas-sentenza appellata, li fil-parti l-kbira tagħhom kienu dgħajfa u fil-biċċa l-kbira remoti mill-fatti eżaminati f’din il-kawża l-oħra.

68

It-tieni nett, filwaqt li, fil-punt 130 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li l-applikazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati għandha ssir fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jaqa’ l-aġir inkwistjoni, hija ma analizzatx dan il-kuntest. Il-konklużjoni tagħha, ibbażata fuq il-punti 142, 148 u 150 tas-sentenza appellata, fis-sens li l-kundizzjoni dwar il-prevedibbiltà kienet is-sodisfatta, hija għalhekk żbaljata fid-dritt.

69

It-tielet nett, il-ġurisprudenza li fuqha bbażat ruħha l-Qorti Ġenerali fil-punt 152 ta’ din is-sentenza sabiex tikkonferma n-natura sostanzjali tal-effett li hija analizzat tikkonċerna ċirkustanzi fattwali mhux paragunabbli mas-sitwazzjoni ta’ Cargolux. L-ewwel sentenza ċċitata kienet tikkonċerna aġir li kien jestendi fuq għaxar snin u li kien jinvolvi parteċipanti li jirrappreżentaw kważi s-suq kollu, filwaqt li t-tieni waħda kienet tikkonċerna aġir li kien jestendi fuq disa’ snin u nofs u li jinvolvi ffissar tal-prezzijiet u limitazzjoni kkoordinata tal-produzzjoni. Għall-kuntrarju, l-aġir allegat fil-konfront ta’ Cargolux dam biss 21 xahar għar-rotot Unjoni-pajjiżi terzi u 8 xhur għar-rotot ŻEE minbarra dawk Unjoni pajjiżi terzi u l-partijiet involuti kienu jirrappreżentaw biss 34 % tas-suq.

70

Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex raġun meta qieset li l-aġir li jikkonċerna r-rotot inbound kien jissodisfa l-kundizzjoni ta’ immedjatezza. F’dan ir-rigward, huwa b’mod żbaljat li, fil-punt 170 tal-imsemmija sentenza, hija qieset li s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, InnoLux vs Il‑Kummissjoni (T‑91/11, EU:T:2014:92), kienet irrilevanti. Ebda prova li s-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound mibjugħa lill-ispedizjoniera kienu eventwalment intiżi għall-bejgħ fiż-ŻEE ma hija ċċitata fis-sentenza appellata, peress li l-punt 132 tagħha sempliċement jindika li kien “tal-inqas probabbli” li l-ispedituri jkunu stabbiliti fiż-ŻEE. Konsegwentement, il-bejgħ minn Cargolux ta’ servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound lil ispedizjoniera li jinsabu barra miż-ŻEE huwa ekwivalenti għall-bejgħ ta’ prodotti suġġetti għal kartell lil terzi li jinsabu barra miż-ŻEE, bħal fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza InnoLux vs Il‑Kummissjoni. Ir-rabta bejn l-aġir inkwistjoni u l-effett allegat fiż-ŻEE hija għalhekk insuffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li din il-kundizzjoni ta’ immedjatezza hija ssodisfatta, għax inkella l-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi l-kompetenza tagħha fir-rigward ta’ kull aġir li jikkostitwixxi ksur li jseħħ barra miż-ŻEE.

71

Il-Kummissjoni ssostni li din il-parti hija parzjalment infondata u parzjalment inammissibbli.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

72

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-punti 131 sa 134 tas-sentenza appellata jagħmlu parti mill-analiżi tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punti 117 sa 135 ta’ din is-sentenza, dwar l-evalwazzjoni tar-rilevanza tal-ewwel wieħed mit-tliet motivi li fuqhom qagħdet il-Kummissjoni fil-premessi 1045 u 1046 tad-Deċiżjoni kontenzjuża sabiex tibbaża l-konstatazzjoni tagħha li, f’dan il-każ, il-kriterju tal-effetti kkwalifikati kien issodisfatt. Dan il-motiv kien jikkonsisti fl-“ispejjeż miżjuda tat-trasport bl-ajru lejn iż-ŻEE u għalhekk fil-prezzijiet ogħla tal-merkanzija importata [li setgħu], min-natura tagħhom, ikollhom effetti fuq il-konsumaturi fi ħdan iż-ŻEE” (iktar ’il quddiem l-“effett fuq il-prezzijiet tal-merkanzija importata”), liema motiv il-Qorti Ġenerali rreferiet għalih bħala “effett inkwistjoni”, li fir-rigward tiegħu Cargolux sostniet, kif jirriżulta mill-punt 116 tas-sentenza appellata, li ma kienx fost l-effetti li pproduċa l-aġir kontenzjuż u li l-Kummissjoni kellha teħodhom inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati.

73

Huwa minnu li, f’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali indikat b’mod partikolari, fil-punt 119 tas-sentenza appellata, li l-applikazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati ma teħtieġx li jiġi stabbilit li l-aġir kontenzjuż effettivament ipproduċa effetti fis-suq intern jew fiż-ŻEE. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, billi għamlet riferiment għall-punt 51 tas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632), li huwa biżżejjed li jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett probabbli ta’ dan l-aġir fuq il-kompetizzjoni.

74

Madankollu, minn naħa, il-Qorti Ġenerali għalhekk sempliċement fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kriterju tal-effetti kkwalifikati, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi. Fil-fatt, konformement ma’ din il-ġurisprudenza, il-kriterju tal-effetti kkwalifikati jippermetti li tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jew taż-ŻEE fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku, meta jkun prevedibbli li l-aġir inkwistjoni jipproduċi effett immedjat u sostanzjali fl-Unjoni jew fiż-ŻEE. F’dan ir-rigward, sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni dwar ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà, huwa biżżejjed li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti probabbli ta’ aġir partikolari fuq il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, sabiex ir-rekwiżit ta’ immedjatezza jiġi ssodisfatt huwa biżżejjed li l-aġir inkwistjoni jkun “jista’” jkollu effett immedjat fl-Unjoni jew fiż-ŻEE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 49, 51 u 52).

75

Issa, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi Cargolux, permezz tal-formulazzjoni ġenerali tiegħu, it-tagħlim li jinsab fil-punti 49, 51 u 52 tas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632), imfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, huwa intiż li japplika mhux biss għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża li tat lok għas-sentenza Intel vs Il‑Kummissjoni, iżda wkoll kull darba li jkollu jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni tkunx kompetenti sabiex tapplika, b’mod partikolari, l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għal aġir adottat barra miż-ŻEE.

76

Min-naħa l-oħra, ċertament, fil-punt 131 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li mill-premessi 14, 17 u 70 tad-Deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll mit-tweġibiet għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jirriżulta li hija kienet adottat, li t-trasportaturi jbiegħu esklużivament jew kważi esklużivament is-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija tagħhom lil ispedizjoniera. Hija żiedet li, fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound, kważi l-bejgħ kollu jsir fil-punt tal-oriġini tar-rotot inkwistjoni, barra miż-ŻEE, fejn huma stabbiliti l-imsemmija ispedizjoniera, billi rrilevat, f’dan ir-rigward, li mir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kien jirriżulta li, bejn l‑1 ta’ Mejju 2004 u l‑14 ta’ Frar 2006, Cargolux kienet wettqet biss proporzjon negliġibbli tal-bejgħ tagħha ta’ servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound lil klijenti stabbiliti fiż-ŻEE.

77

Madankollu, hija osservat, fil-punt 132 ta’ din is-sentenza, li l-ispedizjoniera kienu jixtru dawn is-servizzi bħala intermedjarji, sabiex jikkonsolidawhom f’lott ta’ servizzi li l-għan tagħhom huwa, mid-definizzjoni tagħhom, li jorganizzaw it-trasport integrat ta’ merkanzija lejn it-territorju taż-ŻEE f’isem l-ispedituri, li setgħu, kif jirriżulta mill-premessa 70 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, b’mod partikolari jkunu x-xerrejja jew il-proprjetarji tal-merkanzija ttrasportata u li għalhekk kien tal-inqas probabbli li jkunu stabbiliti fiż-ŻEE.

78

Il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dan, fil-punt 133 tal-imsemmija sentenza, li, kemm-il darba l-ispedizjoniera jżidu mal-prezz tal-lott ta’ servizzi tagħhom kull spiża addizzjonali possibbli li tirriżulta mill-akkordju kontenzjuż, kien b’mod partikolari fuq il-kompetizzjoni bejn l-ispedizjoniera sabiex jattiraw lill-klijenti ta’ dawn l-ispedituri li l-effetti tal-ksur uniku u kontinwu, sa fejn jikkonċerna r-rotot inbound, seta’ jkollu impatt. F’dan l-istess punt, hija rrilevat li, sussegwentement, kien fis-suq intern jew fiż-ŻEE li l-effett fuq il-prezzijiet tal-merkanzija importata seta’ jimmaterjalizza ruħu.

79

Hija kkonkludiet, fil-punt 134 tal-istess sentenza, li l-ispiża addizzjonali li l-ispedituri seta’ kellhom iħallsu u ż-żieda fil-prezz tal-merkanzija importata fiż-ŻEE li setgħet tirriżulta minn dan huma fost l-effetti prodotti mill-aġir kontenzjuż li l-Kummissjoni ġustament ibbażat ruħha fuqhom għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati.

80

Sussegwentement hija indikat, fil-punt 135 tas-sentenza appellata, li l-kwistjoni kienet għalhekk dwar jekk dan l-effett kellux in-natura prevedibbli, sostanzjali u immedjata meħtieġa, ħaġa li hija eżaminat fil-punti 136 sa 171 ta’ din is-sentenza.

81

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma huwiex fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632), iżda pjuttost fid-dawl tal-kriterji ġenerali stabbiliti f’din is-sentenza u taċ-ċirkustanzi speċifiċi li jikkaratterizzaw il-każ ineżami li l-Qorti Ġenerali qieset li l-effett fuq il-prezzijiet tal-merkanzija importata kien effett tal-akkordju kontenzjuż li l-Kummissjoni kellha ġustament tieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati.

82

L-argument imfisser fil-punt 67 ta’ din is-sentenza għandu, konsegwentement, jiġi miċħud bħala infondat.

83

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar il-prevedibbiltà, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 142, 148 u 150 tas-sentenza appellata, li jagħmlu parti mill-analiżi tal-Qorti Ġenerali dwar in-natura prevedibbli tal-effett fuq il-prezzijiet tal-merkanzija importata, il-Qorti Ġenerali, qabelxejn, enfasizzat li l-partijiet fl-akkordju kontenzjuż setgħu raġonevolment jipprevedu li l-ksur uniku u kontinwu jkollu bħala effett, sa fejn jikkonċerna s-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound, żieda fil-prezz tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija fuq ir-rotot inbound. Sussegwentement, hija qieset, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet tagħha fil-punti 143 sa 147 ta’ din is-sentenza, li kien prevedibbli għat-trasportaturi inkriminati li l-ksur uniku u kontinwu kellu bħala effett, sa fejn kien jirrigwarda r-rotot inbound, żieda fil-prezz tal-merkanzija importata. Fl-aħħar nett, filwaqt li enfasizzat li l-effett fuq il-prezzijiet tal-merkanzija importata kien jikkostitwixxi parti mill-kors normali tal-affarijiet u tar-razzjonalità ekonomika, hija żiedet li bl-ebda mod ma kien neċessarju għal Cargolux li jkollha għarfien eżatt tal-funzjonament tas-swieq downstream sabiex tkun tista’ tipprevedi dan l-effett.

84

Issa, fil-punt 144 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li mill-premessi 14 u 70 tad-Deċiżjoni kontenzjuża kien jirriżulta li l-prezz tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija kien jikkostitwixxi input għall-ispedizjoniera u li din kienet spiża varjabbli, li ż-żieda tagħha kellha, bħala prinċipju, l-effett li żżid l-ispiża marġinali li fuq il-bażi tagħha dawn l-ispedizjoniera kienu jiddefinixxu l-prezzijiet tagħhom stess. Hija żiedet, fil-punt 145 ta’ din is-sentenza, li Cargolux ma pproduċiet ebda prova li turi li ċ-ċirkustanzi tal-każ ma kinux iwasslu għal mgħoddija downstream, fuq l-ispedituri, tal-ispiża addizzjonali li tirriżulta mill-ksur uniku u kontinwu fuq ir-rotot inbound. Minn dan hija ddeduċiet, fil-punt 146 tal-imsemmija sentenza, li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, kien raġonevolment prevedibbli għat-trasportaturi inkriminati li l-ispedizjoniera kienu ser jgħaddu tali spiża addizzjonali fuq l-ispedituri permezz ta’ żieda fil-prezz tas-servizzi ta’ tranżitu. Hija rrilevat ukoll, fil-punt 147 tal-istess sentenza, li kif kien jirriżulta mill-premessi 70 u 1031 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, l-ispiża tal-merkanzija li l-ispedizjoniera ġeneralment jorganizzaw it-trasport integrat tagħha f’isem l-ispedituri tinkludi l-prezz tas-servizzi ta’ tranżitu u b’mod partikolari dak tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija, li huma komponent tagħhom.

85

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 138 sa 142 tas-sentenza appellata, esponiet il-motivi għalfejn, fid-dawl tal-elementi rrilevati fid-Deċiżjoni kontenzjuża u relatati, b’mod partikolari, man-natura tal-aġir inkwistjoni u mal-mod li bih huwa kompost il-prezz tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija, il-partijiet fl-akkordju kontenzjuż setgħu raġonevolment jipprevedu li l-ksur uniku u kontinwu jkollu bħala effett, sa fejn kien jikkonċerna s-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound, żieda fil-prezz tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija fuq ir-rotot inbound, b’tali mod li kien għad baqa’ li jiġi evalwat, kif indikat fil-punt 143 ta’ din is-sentenza, jekk kienx prevedibbli għat-trasportaturi inkriminati li l-ispedizjoniera jgħaddu tali spiża addizzjonali fuq il-klijenti tagħhom stess, jiġifieri l-ispedituri.

86

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, li, billi rreferiet b’mod partikolari għan-natura tal-aġir inkwistjoni, għall-funzjonament tas-suq, għall-mod li bih huma komposti l-prezzijiet rilevanti kif ukoll għar-relazzjonijiet eżistenti bejn id-diversi atturi tas-suq, il-Qorti Ġenerali, fi kwalunkwe każ, fil-kuntest tal-analiżi tagħha li biha kkonkludiet li l-effett fuq il-prezzijiet tal-merkanzija importata kien prevedibbli, ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih seħħ l-aġir inkwistjoni.

87

L-argument imfisser fil-punt 68 ta’ din is-sentenza għandu, konsegwentement, jiġi miċħud bħala infondat.

88

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar in-“natura sostanzjali”, għandu jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-punt dwar jekk il-Kummissjoni kinitx stabbilixxiet b’mod suffiċjenti li l-effett fuq il-prezzijiet tal-merkanzija importata kellu n-natura sostanzjali meħtieġa mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, imsemmija wkoll mill-Qorti Ġenerali fil-punt 115 tas-sentenza appellata, tinsab, prinċipalment, fil-punti 152 sa 157 ta’ din is-sentenza, fejn il-punti 158 sa 161 tagħha jinkludu, ukoll, motivi li l-Qorti Ġenerali kklassifikat bħala superfluwi.

89

F’dan ir-rigward, fil-punt 152 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat, ġustament, li l-evalwazzjoni tan-natura sostanzjali tal-effetti prodotti mill-aġir kontenzjuż għandha ssir fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ, fosthom b’mod partikolari t-tul, in-natura u l-portata tal-ksur. Hija żiedet li ċirkustanzi oħra, bħalma huma d-daqs tal-impriżi li pparteċipaw f’dan l-aġir, jistgħu wkoll ikunu rilevanti.

90

Issa, xejn, f’dawn il-punti, ma jindika li dawn iċ-ċirkustanzi huma rilevanti biss għal aġir ta’ ċertu tul jew li jimplika ċertu daqs tal-atturi tas-suq. L-argument imfisser fil-punt 69 ta’ din is-sentenza għandu, għalhekk, jiġi miċħud bħala infondat.

91

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ immedjatezza, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li, fil-punt 170 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li Cargolux ma kellhiex raġun tinvoka l-punt 87 tas-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, InnoLux vs Il‑Kummissjoni (T‑91/11, EU:T:2014:92), minħabba li l-fatti tal-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienu fundamentalment differenti minn dawk ta’ din il-kawża, fatt li sussegwentement hija spjegat f’dan il-punt 170. Madankollu, kif jindika l-punt 169 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fl-imsemmi punt 170, sempliċement ċaħdet l-argument ta’ Cargolux intiż li jikkontesta l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali, fil-punt 168 ta’ din is-sentenza, fis-sens li l-effett fuq il-prezzijiet tal-merkanzija importata kellu n-natura immedjata meħtieġa, peress li din il-konklużjoni hija bbażata diġà b’mod suffiċjenti fuq il-punti 163 sa 167 tas-sentenza appellata, li ma humiex ikkontestati minn Cargolux. L-istess punt 170 għandu, konsegwentement, jitqies bħala superfluwu.

92

Sussegwentement, l-argument dwar il-punt 170 tas-sentenza appellata għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li lmenti diretti kontra motivi superfluwi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u huma, għalhekk, ineffettivi (sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 537, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, thyssenkrupp vs Il‑Kummissjoni, C‑581/22 P, EU:C:2024:821, punt 263 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93

Min-naħa l-oħra, sa fejn, permezz tal-argument tagħha espost fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, Cargolux tikkontesta b’mod ġenerali l-evalwazzjoni tan-natura immedjata tal-effett fuq il-prezzijiet tal-merkanzija importata mwettqa mill-Qorti Ġenerali fid-dawl, b’mod partikolari, tal-elementi li hija rrilevat fil-punt 132 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-punt 132, il-Qorti Ġenerali indikat li, jekk l-ispedizjoniera jixtru servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound, huwa sabiex jikkonsolidawhom f’lott ta’ servizzi li l-għan tagħhom huwa preċiżament li jorganizzaw it-trasport integrat ta’ merkanzija lejn it-territorju taż-ŻEE f’isem l-ispedituri.

94

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan l-argument, Cargolux tipprova tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali f’dan il-punt 132, mingħajr madankollu ma tinvoka l-iżnaturament tagħhom.

95

Issa, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell għandu jkun limitat għall-punti ta’ liġi.

96

Għalhekk, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll li tevalwa l-provi. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari, u l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura li japplikaw fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu nġiebu quddiemha. Għalhekk, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u provi ma hijiex, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju tal-appell (sentenza tat‑28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il‑Kummissjoni, C‑7/95 P, EU:C:1998:256, punt 22, u tat‑18 ta’ Marzu 2021, Pometon vs Il‑Kummissjoni, C‑440/19 P, EU:C:2021:214, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

97

Konsegwentement, l-imsemmi argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

98

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment infondata u bħala parzjalment ineffettiva.

Fuq ir-raba’ parti, relatata ma’ inverżjoni illegali tal-oneru tal-prova

– L-argumenti tal-partijiet

99

Cargolux tallega li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 145 u 167 tas-sentenza appellata, qalbet l-oneru tal-prova b’mod illegali. Minn naħa, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-kundizzjoni dwar il-prevedibbiltà tal-effett fuq il-prezzijiet tal-merkanzija importata, il-Qorti Ġenerali lmentat li Cargolux ma pproduċietx provi li juru li r-riperkussjoni tal-ispiża addizzjonali downstream kienet ftit probabbli. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-analiżi tagħha dwar il-kundizzjoni ta’ immedjatezza ta’ dan l-effett, il-Qorti Ġenerali kkritikatha li la stabbilixxiet u lanqas allegat li r-riperkussjoni prevedibbli tal-ispiża addizzjonali fuq l-ispedituri fiż-ŻEE hija żbaljata jew estranja għall-funzjonament normali tas-suq. Issa, ma hijiex Cargolux li għandha tistabbilixxi l-prova tal-kompetenza tal-Kummissjoni.

100

Il-Kummissjoni twieġeb li din il-parti għandha tiġi miċħuda.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

101

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-provi xierqa sabiex turi, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Għall-kuntrarju, hija l-impriża li tqajjem eċċezzjoni kontra l-konstatazzjoni ta’ tali ksur li għandha tipproduċi l-prova li din l-eċċezzjoni għandha tintlaqa’. Madankollu, anki jekk, skont dawn il-prinċipji, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-Kummissjoni jew fuq l-impriża kkonċernata, il-provi fattwali li parti tipproduċi jistgħu jobbligaw lill-parti l-oħra tagħti spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni u, fin-nuqqas ta’ dan, ikun jista’ jiġi konkluż li l-oneru tal-prova ġie ssodisfatt (ara, f’dan is-sens, sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club, C‑680/21, EU:C:2023:1010, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102

Ibbażata fuq ir-regoli ġenerali ta’ amministrazzjoni tal-provi, din il-ġurisprudenza tista’ tiġi applikata għas-sitwazzjoni li fiha l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-kompetenza territorjali tagħha fir-rigward ta’ aġir li joriġina barra mit-territorju tal-Unjoni jew taż-ŻEE.

103

F’dan il-każ, fir-rigward tal-ilment li jirrigwarda l-punt 145 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali indikat li Cargolux ma pproduċiet ebda prova li turi li kien ftit probabbli li ċ-ċirkustanzi tal-każ kienu jwasslu għar-riperkussjoni downstream, fuq l-ispedituri, tal-ispiża addizzjonali li tirriżulta mill-ksur uniku u kontinwu fuq ir-rotot inbound. Kif ġie preċedentement ikkonstatat, qabelxejn, fil-punti 138 sa 142 ta’ din is-sentenza, minn diversi elementi tad-Deċiżjoni kontenzjuża kien jirriżulta li l-partijiet fl-akkordju kontenzjuż setgħu raġonevolment jipprevedu li l-ksur uniku u kontinwu kellu l-effett, sa fejn kien jikkonċerna s-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound, ta’ żieda fil-prezz tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija fuq ir-rotot inbound.

104

Sussegwentement kien ġie rrilevat, fil-punt 143 tal-imsemmija sentenza, li l-kwistjoni kienet għalhekk dwar jekk kienx prevedibbli għat-trasportaturi inkriminati li l-ispedizjoniera jgħaddu tali spiża addizzjonali lill-klijenti tagħhom, jiġifieri lill-ispedituri. F’dan ir-rigward, hija kienet ikkonstatat, fil-punt 144 tal-istess sentenza, li mill-premessi 14 u 70 tad-Deċiżjoni kontenzjuża kien jirriżulta li l-prezz tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija kien jirrappreżenta input għall-ispedizjoniera, li tikkostitwixxi spiża varjabbli li ż-żieda tagħha kellha, bħala prinċipju, l-effett li żżid l-ispiża marġinali li fuq il-bażi tagħha dawn l-ispedizjoniera kienu jiddefinixxu l-prezzijiet tagħhom stess.

105

Minn dan isegwi li, peress li l-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat preċedentement li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet b’mod suffiċjenti ċ-ċirkustanzi li hija kienet irrilevat fil-punti 138 sa 144 tas-sentenza appellata, ma jistax jitqies li, permezz tal-konstatazzjoni li hija għamlet fil-punt 145 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali illegalment qalbet l-oneru tal-prova. L-ilment li jirrigwarda dan il-punt 145 għandu, konsegwentement, jiġi miċħud bħala infondat.

106

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-ilment dwar il-punt 167 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li Cargolux la stabbilixxiet, u lanqas allegat, li r-riperkussjoni prevedibbli tal-ispiża addizzjonali fuq l-ispedituri stabbiliti fiż-ŻEE kienet żbaljata jew estranja għall-funzjonament normali tas-suq.

107

Issa, il-Qorti Ġenerali għamlet din il-konstatazzjoni wara li rrilevat, fil-punti 163 sa 166 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari fil-punt 165 tagħha, li, f’dan il-każ, l-intervent tal-ispedizjoniera, li, kif seta’ jiġi previst kienu, b’awtonomija sħiħa, ser jgħaddu fuq l-ispedituri l-ispiża addizzjonali li kellhom iħallsu, kien, ċertament, ta’ natura li kkontribwixxa għall-effett fuq il-prezzijiet tal-merkanzija importata, iżda, madankollu, dan l-intervent ma kienx, waħdu, ta’ natura li jikser il-katina kawżali bejn l-aġir kontenzjuż u l-imsemmi effett u, għalhekk, li jċaħħdu min-natura immedjata tiegħu.

108

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, mhux ikkontestati fl-appell, u fid-dawl ta’ dak li tfakkar fil-punt 101 ta’ din is-sentenza, ma jistax jitqies li, f’dan il-punt 167, il-Qorti Ġenerali illegalment qalbet l-oneru tal-prova. Għaldaqstant, l-ilment dirett kontra l-imsemmi punt 167 huwa wkoll infondat.

109

Konsegwentement, ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq il-ħames parti tal-ewwel aggravju, dwar sostituzzjoni tal-motivi

– L-argumenti tal-partijiet

110

Cargolux issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni waqt l-eżami tagħha tal-applikazzjoni, minn din tal-aħħar, tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati. Hija żviluppat motivazzjoni tagħha stess, billi bbażat ruħha fuq fatturi li ma ttieħdux inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni u fuq kunsiderazzjonijiet li ma jinsabux fost dawk li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża. B’mod partikolari, l-elementi li jikkostitwixxu dan il-kriterju ma ġewx eżaminati f’din id-deċiżjoni. Għalhekk, huma biss żewġ premessi tal-imsemmija deċiżjoni li jirrigwardaw l-imsemmi kriterju, filwaqt li l-Qorti Ġenerali ddedikatlu 69 punt tas-sentenza appellata. Cargolux tirreferi, b’mod partikolari, għall-punt 165 tas-sentenza appellata, li jirrigwarda r-riperkussjoni tal-ispiża addizzjonali fuq l-ispedituri fiż-ŻEE, filwaqt li l-premessa 1045 tad-Deċiżjoni kontenzjuża tirrigwarda biss lill-konsumaturi fiż-ŻEE. Bl-istess mod, il-punti 155 sa 161 ta’ din is-sentenza jirreferu għal partijiet minn din id-deċiżjoni li ma jirrigwardawx l-applikazzjoni tal-istess kriterju. Huwa irrilevanti li l-Qorti Ġenerali rrispondiet għall-argumenti mressqa minn Cargolux, peress li ntweriet in-nuqqas ta’ analiżi, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, tal-elementi li jikkostitwixxu l-kriterju tal-effetti kkwalifikati.

111

Il-Kummissjoni ssostni li din il-parti ma hijiex fondata.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

112

Ċertament mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-portata tal-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE tkopri l-elementi kollha tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE li l-Qorti Ġenerali għandha tiżgura stħarriġ iddettaljat tagħhom, kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt, fid-dawl tal-motivi li jqajjem ir-rikorrent u tal-provi kollha li jipproduċi dan tal-aħħar. Madankollu, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qrati tal-Unjoni ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jissostitwixxu l-motivazzjoni tal-awtur tal-att inkwistjoni b’tagħhom stess (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2024, Westfälische Drahtindustrie u Pampus Industriebeteiligungen vs Il‑Kummissjoni, C‑70/23 P, EU:C:2024:580, punt 38, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

113

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax timla, bil-motivazzjoni tagħha stess, lakuna fil-motivazzjoni tal-att ikkontestat, b’tali mod li l-eżami tagħha ma jkun marbut ma’ ebda evalwazzjoni f’dan tal-aħħar (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, UEFA vs Il‑Kummissjoni, C‑201/11 P, EU:C:2013:519, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114

Madankollu, meta l-Qorti Ġenerali sempliċement tirrispondi għall-argument imressaq quddiemha u b’hekk tispjega l-motivazzjoni tal-att appellat, ma jistax jitqies li hija qiegħda tissostitwixxi l-motivazzjoni tal-awtur ta’ dan l-att b’tagħha stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Deltafina vs Il‑Kummissjoni, C‑578/11 P, EU:C:2014:1742, punt 56, u tat‑23 ta’ Novembru 2023, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑209/21 P, EU:C:2023:905, punt 49).

115

F’dan il-każ, huwa minnu li l-Qorti Ġenerali ma bbażatx il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 165 tas-sentenza appellata fuq premessa tad-Deċiżjoni kontenzjuża. Madankollu, kif jirriżulta minn qari tal-motivi kollha ta’ din is-sentenza ddedikati għall-evalwazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati, u b’mod partikolari tal-punti 111 u 127 tal-imsemmija sentenza, l-ewwel sentenza tal-premessa 1045 tad-Deċiżjoni kontenzjuża kien fiha, anki jekk fuq fuq, il-provi li ppermettew lill-Qorti Ġenerali tivverifika li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet il-kompetenza ekstraterritorjali tagħha fid-dawl tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati. Fil-fatt, huma dawn il-provi li, moqrija fid-dawl tal-premessi rilevanti l-oħra ta’ din id-deċiżjoni, imsemmija fil-punti 131, 132, 138 sa 141, 144, 147, 155 sa 157, 160 u 161 tal-istess sentenza, ippermettew lill-Qorti Ġenerali tivverifika li l-Kummissjoni kienet effettivament stabbilixxiet l-eżistenza ta’ tali effetti. Barra minn hekk, mill-punti 116 sa 171 tas-sentenza appellata jirriżulta li, f’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali sempliċement irrispondiet għall-argumenti mressqa quddiemha minn Cargolux u spjegat il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża, billi, b’mod iktar speċifiku, ġibdet ċerti konklużjonijiet mill-provi li kienu jinsabu f’din id-deċiżjoni.

116

Il-fatt li l-elementi rrilevati fil-punti msemmija, u b’mod partikolari fil-punti 155 sa 161 tas-sentenza appellata, ma ġewx espressament invokati mill-Kummissjoni fil-parti ta’ din id-deċiżjoni ddedikata għall-istabbiliment tal-kompetenza territorjali tagħha ma jistax jistabbilixxi l-eżistenza ta’ sostituzzjoni illegali tal-motivi. Fil-fatt, il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 113 ta’ din is-sentenza teżiġi biss li l-eżami tal-Qorti Ġenerali jkun marbut mal-evalwazzjonijiet li jinsabu fl-att suġġett għall-istħarriġ tagħha. Barra minn hekk, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt preċedenti, l-ewwel sentenza tal-premessa 1045 tad-Deċiżjoni kontenzjuża kien fiha l-provi li ppermettew lill-Qorti Ġenerali tivverifika li l-Kummissjoni kienet effettivament stabbilixxiet il-kompetenza territorjali tagħha fid-dawl tal-effetti kkwalifikati.

117

Għaldaqstant, is-sostituzzjoni tal-motivi allegata ma hijiex stabbilita. Konsegwentement, il-ħames parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq is-sitt parti, relatata ma’ żball ta’ liġi u ksur tad-drittijiet tad-difiża

– L-argumenti tal-partijiet

118

Cargolux issostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha meta evalwat il-legalità tad-Deċiżjoni kontenzjuża abbażi ta’ argumenti u ta’ analiżi prodotti għall-ewwel darba quddiemha. F’dan ir-rigward, is-sostituzzjoni tal-motivi li hija wettqet sabiex tevalwa l-kriterju tal-effetti kkwalifikati ċaħdet lil Cargolux mid-dritt li tieħu pożizzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju matul il-proċedura amministrattiva, bi ksur tal-ġurisprudenza li tgħid li l-impriża kkonċernata għandu jkollha l-possibbiltà li tesprimi l-opinjoni tagħha dwar il-veraċità u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll tad-dokumenti użati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha. Għalkemm huwa minnu li l-problema indirizzata fis-sentenza appellata setgħet tiġi identifikata minn Cargolux matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq analiżi u argumenti ġodda dwar il-kriterju tal-effetti kkwalifikati, li ma jinsabux fil-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni.

119

Il-Kummissjoni ssostni li din il-parti ma hijiex fondata.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

120

Din il-parti hija bbażata fuq il-premessa li, meta l-Qorti Ġenerali evalwat jekk il-Kummissjoni kinitx stabbilixxiet b’mod suffiċjenti li l-kriterju tal-effetti kkwalifikati kien issodisfatt f’dan il-każ, hija illegalment issostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha għal dik li kienet tinsab fid-Deċiżjoni kontenzjuża. Issa, mill-analiżi tal-ħames parti ta’ dan l-aggravju jirriżulta li din il-premessa ma hijiex fondata.

121

Konsegwentement, is-sitt parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tielet parti, relatata mal-istabbiliment tal-kompetenza internazzjonali tal-Kummissjoni abbażi tal-ksur uniku u kontinwu kkunsidrat fl-intier tiegħu

– L-argumenti tal-partijiet

122

Cargolux tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 174, 176 u 177 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet validament tistabbilixxi l-kompetenza tagħha sabiex tapplika l-Artikolu 101 TFUE għar-rotot inbound fuq il-bażi tan-natura unika u kontinwa tal-ksur ikkunsidrat fl-intier tiegħu.

123

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali allegatament ħawdet il-kunċett ta’ “ksur uniku u kontinwu”, minn naħa, u l-istabbiliment tal-kompetenza tal-Kummissjoni, min-naħa l-oħra. Dan il-kunċett, intiż li jtaffi l-oneru tal-prova li għandha l-Kummissjoni, ma jistax jestendi l-kompetenza ta’ din tal-aħħar sabiex tapplika l-Artikolu 101 TFUE, inkella dan iwassal li tiġi rrikonoxxuta lilha kompetenza illimitata fir-rigward ta’ kull aġir li jseħħ barra miż-ŻEE li allegatament jagħmel parti minn ksur uniku u kontinwu, li huma biss ċerti elementi tiegħu li jipproduċu effetti fiż-ŻEE.

124

It-tieni nett, il-kunċett ta’ “ksur uniku u kontinwu” jippreżupponi li kull aspett sostanzjali ta’ dan il-ksur jikkostitwixxi fih innifsu ksur. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuqu sabiex testendi l-kompetenza tagħha għal aġir li jikkonċerna rotot inbound li la kellu bħala għan u lanqas bħala effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fi ħdan iż-ŻEE.

125

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632), kienet tikkonċerna ċirkustanzi fattwali mhux relatati ma’ dawk ta’ dan il-każ.

126

Ir-raba’ nett, il-punt 177 tas-sentenza appellata huwa żbaljat sa fejn fih il-Qorti Ġenerali qieset li, fil-premessa 1046 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet eżaminat l-effetti tal-ksur ikkunsidrat fl-intier tiegħu, filwaqt li din il-premessa ma tinkludi ebda eżami f’dan is-sens.

127

Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, Cargolux effettivament ikkontestat il-premessa 1046 tad-Deċiżjoni kontenzjuża fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza, kif jirriżulta espressament mir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, din il-premessa 1046 kienet imsemmija fit-Taqsima 5.3.2 ta’ dan ir-rikors. Minbarra dan, ma huwiex abbażi tad-Deċiżjoni kontenzjuża, iżda huwa abbażi tat-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali li din tal-aħħar stabbilixxiet li l-imsemmija premessa 1046 kienet tikkostitwixxi wieħed mill-motivi li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni kienet qieset li l-kriterju tal-effetti kkwalifikati kien issodisfatt.

128

Il-Kummissjoni ssostni li din il-parti hija inammissibbli, peress li Cargolux ma kkontestatx il-premessa 1046 tad-Deċiżjoni kontenzjuża quddiem il-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, din hija infondata.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

129

Għandu jiġi rrilevat li, permezz tas-sitt motiv għal annullament tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, Cargolux sempliċement ikkontestat il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għall-aġir kontenzjuż sa fejn dan kien jirrigwarda s-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 171 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kellha raġun tqis li l-kriterju tal-effetti kkwalifikati kien issodisfatt fir-rigward tal-koordinazzjoni relatata mas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound ikkunsidrata b’mod iżolat, b’tali mod li l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għall-aġir inkwistjoni, sa fejn din kienet ikkontestata, kienet stabbilita. Minn dan isegwi li kien superfluwu għall-Qorti Ġenerali li teżamina, fil-punti 172 sa 182 tas-sentenza appellata, jekk il-Kummissjoni, sabiex tistabbilixxi l-kompetenza tagħha li tapplika l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għall-aġir kontenzjuż, kellhiex ukoll raġun tqis, fil-premessa 1046 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li l-kriterju tal-effetti kkwalifikati kien issodisfatt fid-dawl tal-effetti tal-ksur uniku u kontinwu kkunsidrat fl-intier tiegħu.

130

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-analiżi tal-ewwel, tat-tieni u tar-raba’ sas-sitt parti ta’ dan l-aggravju, il-Qorti Ġenerali, meta kkonkludiet f’dan is-sens fil-punt 171 tas-sentenza appellata, ma għamlet ebda żball ta’ liġi jew ebda sostituzzjoni tal-motivi allegati.

131

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li t-tielet parti ta’ dan l-aggravju tikkonċerna motivi superfluwi tas-sentenza appellata.

132

Konsegwentement, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi miċħuda bħala ineffettiva, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 92 ta’ din is-sentenza.

133

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli, parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat.

Fuq it-tieni aggravju, relatat mal-klassifikazzjoni tal-aġir inkwistjoni bħala ksur minħabba l-għan

134

It-tieni aggravju ta’ Cargolux għandu jinqasam f’żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha meta kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet analizzat b’mod suffiċjenti l-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-akkordju kontenzjuż. Permezz tat-tieni waħda, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha meta kkonkludiet li l-evalwazzjoni strettament neċessarja tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku mwettqa mill-Kummissjoni kienet suffiċjenti sabiex l-aġir inkwistjoni jiġi kklassifikat bħala ksur minħabba l-għan.

Fuq l-ewwel parti, relatata mal-portata tal-analiżi tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li għandha twettaq il-Kummissjoni

– L-argumenti tal-partijiet

135

Cargolux tallega, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 303 sa 305 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet tillimita ruħha għal eżami tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku rilevanti limitat “għal dak li kien strettament neċessarju” peress li hija kienet tqis li l-aġir inkwistjoni kien jappartjeni għal akkordju orizzontali dwar l-iffissar tal-prezzijiet, u, barra minn hekk, li hija kienet issodisfat dan il-livell ta’ eżami. Tliet paġni biss tad-Deċiżjoni kontenzjuża huma ddedikati għall-klassifikazzjoni tal-akkordju kontenzjuż bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Barra minn hekk, dawn ma jinkludu ebda analiżi tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tas-suq, kif diġà ġie espost fir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

136

Huwa wkoll b’mod żbaljat li din tal-aħħar ikkunsidrat, fil-punt 305 tas-sentenza appellata, li l-imsemmi livell ta’ eżami kien issodisfatt biss fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni li jipprovdu li l-prezz kien l-istrument prinċipali tal-kompetizzjoni, il-prattiki inkwistjoni kienu intiżi sabiex ineħħu l-inċertezza fil-qasam tat-tarifikazzjoni fis-suq kif ukoll sabiex jiggarantixxu li d-dixxiplina fis-suq tinżamm, u ż-żidiet kienu applikati fit-totalità tagħhom. B’kuntrast, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, l-analiżi tal-Kummissjoni hija żviluppata iktar, minkejja li dan kien ukoll eżami limitat għal dak li kien strettament neċessarju.

137

Kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali indikat fil-punt 309 tas-sentenza appellata, Cargolux tinvoka l-prassi preċedenti tal-Kummissjoni mhux biex turi li din tal-aħħar kellha tissodisfa standard iktar strett, iżda biex turi li d-disparità fl-approċċi adottati minnha sabiex twettaq l-“eżami strettament neċessarju” hija daqshekk profonda li l-Kummissjoni lanqas ma użat il-prassi preċedenti tagħha b’mod indikattiv. Din tal-aħħar indebitament injorat diversi fatturi rilevanti fl-allegat eżami tagħha tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-fatti tal-każ, fosthom in-natura tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija bl-ajru u l-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru, il-kumplessità tiegħu u s-saħħa tal-ispedizjoniera. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv.

138

Min-naħa l-oħra, billi kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur minħabba l-għan mingħajr ma ħadet debitament inkunsiderazzjoni l-argumenti li Cargolux kienet ippreżentat fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-każ, il-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha, billi ċaħditha minn dibattitu fil-fond u kontradittorju dwar il-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-aġir tagħha.

139

Il-Kummissjoni twieġeb li din il-parti għandha tiġi miċħuda.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

140

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk ftehim bejn impriżi jew deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi għandux grad suffiċjenti ta’ dannu sabiex jitqies bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” fis-sens tal-Artikolu 101(1) KE wieħed għandu jiffoka fuq il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, fuq l-għanijiet li huwa intiż li jilħaq kif ukoll fuq il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jinsab fih. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-imsemmi kuntest, hemm lok ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 53, u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punti 165 u 166).

141

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fir-rigward ta’ ftehimiet jew prattiki kollużivi li jikkostitwixxu ksur partikolarment gravi tal-kompetizzjoni, l-analiżi tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li taqa’ fih din il-prattika tista’ tkun limitata għal dak li jirriżulta li huwa strettament neċessarju sabiex jiġi konkluż li teżisti restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il‑Kummissjoni, C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punti 28 u 29, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata u tas‑26 ta’ Ottubru 2023, EDP– Energias de Portugal et, C‑331/21, EU:C:2023:812, punti 100 sa 102).

142

Fost dawn it-tipi ta’ ftehimiet jew ta’ prattiki kollużivi hemm il-ftehimiet orizzontali ta’ ffissar tal-prezzijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 82, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 163), peress li l-akkordji orizzontali li jipprevedu l-iffissar tal-prezzijiet jaqgħu barra minn hekk fil-kategorija ta’ ftehimiet espressament ipprojbiti mill-Artikolu 101(1)(a) TFUE.

143

Il-ġurisprudenza esposta fil-punti 140 sa 142 ta’ din is-sentenza tfakkret, essenzjalment, mill-Qorti Ġenerali fil-punti 300 u 302 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, fil-punt 303 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, fil-premessi 908, 909, 1199 u 1208 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet qieset li l-aġir kontenzjuż kien jammonta għal akkordju ta’ ffissar ta’ prezzijiet orizzontali, minkejja li ma kienx jirrigwarda t-totalità tal-prezz finali tas-servizzi inkwistjoni. Minn dan hija ddeduċiet, fil-punt 304 tal-imsemmija sentenza, li l-Kummissjoni ġustament sostniet fir-risposta tagħha li hija setgħet tillimita ruħha għal eżami tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku rilevanti limitat għal dak li kien strettament neċessarju sabiex il-ftehimiet u l-prattiki kontenzjużi jiġu kklassifikati bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”.

144

Huwa għalhekk b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li, peress li l-Kummissjoni qieset li l-aġir inkwistjoni kien jixbah akkordju orizzontali dwar l-iffissar tal-prezzijiet, l-analiżi minn din tal-aħħar tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jaqa’ dan l-aġir seta’ jkun limitat għal dak li kien strettament neċessarju sabiex tiġi konkluża l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

145

Fit-tieni lok, fir-rigward speċifikament tal-argument ta’ Cargolux dwar il-punt 305 tas-sentenza appellata, ċertament, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fih li l-eżami tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku rilevanti li l-Kummissjoni kienet wettqet fid-Deċiżjoni kontenzjuża kien jissodisfa dan ir-rekwiżit. F’dan ir-rigward, hija rrilevat li, fil-premessi 909 u 916 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet spjegat li l-prezz kien l-istrument prinċipali tal-kompetizzjoni, li l-ftehimiet u l-prattiki kontenzjużi kienu intiżi li jeliminaw l-inċertezza fil-qasam tat-tariffi fis-suq tat-trasport tal-merkanzija, b’tali mod li jiġi ggarantit li d-dixxiplina fis-suq tinżamm u li ż-żidiet li jirriżultaw mill-indiċijiet tal-fjuwil jiġu applikati fl-intier tagħhom u b’mod ikkoordinat.

146

Madankollu, f’dan il-punt 305, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li din l-analiżi kienet ibbażata b’mod partikolari fuq it-Taqsima 4 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, fejn kienu deskritti, b’mod partikolari, il-prinċipji bażiċi u l-istruttura tal-akkordju kontenzjuż, u li l-imsemmija analiżi kellha tinqara wkoll fid-dawl tad-deskrizzjoni tas-settur tat-trasport tal-merkanzija u tal-modalitajiet ta’ tarifikazzjoni applikabbli, li Cargolux stess irrikonoxxiet li kienet saret fit-Taqsima 2.1 ta’ din id-deċiżjoni.

147

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma llimitatx ruħha, fil-punt 305 tas-sentenza appellata, għas-sempliċi konstatazzjoni esposta minn Cargolux fil-punt 136 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, hija kkompletat il-konstatazzjoni billi għamlet riferiment għall-elementi rilevanti l-oħra esposti mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri, kif jindika dan il-punt 305, il-prinċipji bażiċi u l-istruttura tal-akkordju kontenzjuż kif ukoll id-deskrizzjoni tas-settur tat-trasport tal-merkanzija u tal-modalitajiet ta’ tarifikazzjoni applikabbli f’dan is-settur, li huma barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 140 ta’ din is-sentenza, elementi rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk aġir partikolari jikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

148

Il-kritika li Cargolux tagħmel kontra l-imsemmi punt 305 hija għalhekk ibbażata fuq qari inkomplet tas-sentenza appellata.

149

F’dan ir-rigward, Cargolux ma tistax tiġbed argument utli mill-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, anki jekk, kif tallega f’dan l-appell, hija tinvokaha biss sabiex turi li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, naqset milli tikkritika lill-Kummissjoni talli indebitament injorat diversi fatturi rilevanti tal-analiżi li hija kienet obbligata twettaq. Fil-fatt, kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 309 tas-sentenza appellata, il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni jista’ jkollha biss natura indikattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Il‑Kummissjoni vs CK Telecoms UK Investments, C‑376/20 P, EU:C:2023:561, punt 164 u l-ġurisprudenza ċċitata).

150

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument espost fil-punt 138 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li hija ġurisprudenza stabbilita li l-aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ tweġiba mill-Qorti Ġenerali għal argumenti mressqa fl-ewwel istanza jwassal, essenzjalment, sabiex jiġi invokat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-Istatut, u mill-Artikolu 117 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni, C‑123/21 P, EU:C:2023:708, punt 185 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn Cargolux issostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni l-argumenti li hija kienet ressqet quddiemha fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-każ, hija takkużaha, fir-realtà, bl-iskuża ta’ allegazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża, li kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

151

Għalhekk, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni, impost fuq il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tagħha, jimponilha li tgħarraf b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament li hija segwiet, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (sentenzi tal‑11 ta’ April 2013, Mindo vs Il‑Kummissjoni, C‑652/11 P, EU:C:2013:229, punt 29, kif ukoll tas‑26 ta’ Settembru 2024, Covestro Deutschland u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑790/21 P u C‑791/21 P, EU:C:2024:792, punt 113 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

152

Madankollu, dan l-obbligu ma jeżiġix li l-Qorti Ġenerali tipprovdi espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fit-tilwima. Il-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li fuqhom tibbaża ruħha l-Qorti Ġenerali u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ appell (sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 372, kif ukoll tas‑26 ta’ Settembru 2024, Covestro Deutschland u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑790/21 P u C‑791/21 P, EU:C:2024:792, punt 114 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

153

Għandu jitfakkar ukoll li l-imsemmi obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità fil-mertu tal-att kontenzjuż (sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’ s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67, u tal‑4 ta’ Ottubru 2024, UPL Europe u Indofil Industries (Netherlands) vs Il‑Kummissjoni, C‑262/23 P, EU:C:2024:862, punt 134 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

154

F’dan il-każ, fil-punti 293 sa 304 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali esponiet il-motivi ta’ liġi u ta’ fatt li għalihom hija kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet qieset, ġustament, li hija setgħet tillimita ruħha għal eżami tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku rilevanti limitat għal dak li jirriżulta strettament neċessarju sabiex il-ftehimiet u l-prattiki kontenzjużi jiġu kklassifikati bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Barra minn hekk, fil-punti 305 sa 310 ta’ din is-sentenza, hija esponiet il-motivi li għalihom hija qieset li, kuntrarjament għal dak li Cargolux sostniet quddiemha, l-eżami tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku rilevanti mwettaq mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża kien jissodisfa dawn ir-rekwiżiti. Fil-punt 306 tal-imsemmija sentenza, hija ċaħdet ukoll l-argument li Cargolux kienet ressqet ibbażat fuq effett waterbed possibbli, kif ukoll, fil-punt 309 tagħha, l-argument tagħha bbażat fuq il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, fil-punt 310 tal-istess sentenza, hija ċaħdet l-argument tagħha li jikkontesta l-klassifikazzjoni tal-aġir kontenzjuż bħala “akkordju ċar”.

155

Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 151 u 152 ta’ din is-sentenza, ma jistax għalhekk jitqies li, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha li timmotiva s-sentenza appellata meta ċaħdet l-argument ta’ Cargolux intiż sabiex jistabbilixxi li l-Kummissjoni kienet wettqet żball meta kklassifikat l-aġir inkwistjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, mingħajr ma evalwat minn qabel il-kuntest ekonomiku u ġuridiku rilevanti.

156

L-argument imfisser fil-punt 138 ta’ din is-sentenza għandu, konsegwentement, jiġi miċħud bħala infondat.

157

Barra minn hekk, sa fejn, permezz tiegħu, Cargolux riedet issostni li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, ikkonkludiet li l-Kummissjoni kellha raġun tikklassifika l-aġir inkwistjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, dan l-argument ma jistax jistabbilixxi ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 153 ta’ din is-sentenza, iżda jirrigwarda l-fondatezza tal-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali. Issa, Cargolux tikkontesta l-fondatezza ta’ din l-analiżi fit-tieni parti ta’ dan l-aggravju, b’tali mod li dan l-argument ser jiġi għalhekk, f’dan ir-rigward, eżaminat ma’ din it-tieni parti.

158

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tieni parti, relatata mal-analiżi li ppermettiet lill-Kummissjoni tikklassifika l-aġir inkwistjoni bħala ksur minħabba l-għan

– L-argumenti tal-partijiet

159

Cargolux issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha meta kkonkludiet li l-evalwazzjoni strettament neċessarja tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku mwettqa mill-Kummissjoni kienet suffiċjenti sabiex l-aġir inkwistjoni jiġi kklassifikat bħala ksur minħabba l-għan, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi li jikkaratterizzaw dan il-kuntest, jew saħansitra mingħajr ma analizzat il-provi li jistabbilixxu dawn l-elementi.

160

Minn naħa, l-aġir inkwistjoni ma jistax validament jiġi kklassifikat bħala ksur minħabba l-għan, peress li dan ma seta’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru, la direttament u lanqas indirettament. Kif ġie espost fir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, il-klijenti jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom ta’ xiri abbażi tal-prezz globali li għandu jiġi ffatturat lilhom. Barra minn hekk, iż-żieda fis-sovrataxxi tista’ tiġi nnewtralizzata mill-kompetizzjoni fuq it-tariffi bażiċi, peress li l-aġir li jikkonċerna s-sovrataxxi ma kien jikkonsisti la fl-iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ fir-rigward tal-klijenti u lanqas fit-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet. Il-punti 298 u 299 tas-sentenza appellata huma għalhekk żbaljati, peress li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, injorat fihom il-fatturi li għandhom rwol essenzjali fil-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-kawżi ċċitati f’dawn il-punti, li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi ksur minħabba l-għan f’dawn il-kawżi, iżda li ma jeżistux hawnhekk.

161

Barra minn hekk, l-aġir inkwistjoni lanqas ma seta’ jirrestrinġi indirettament il-kompetizzjoni fis-suq intern, peress li l-prezzijiet fis-suq tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru kienu fil-biċċa l-kbira opaki u l-partijiet ikkonċernati kellhom biss, matul is-sena 2005, 34 % tas-suq dinji tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru, li barra minn hekk huwa fframmentat ħafna. Għaldaqstant, anki jekk tiġi pprovata l-koordinazzjoni tagħhom, huwa improbabbli ħafna li din setgħet toħloq distorsjoni kunsiderevoli tal-kompetizzjoni.

162

Min-naħa l-oħra, ir-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet lanqas ma jista’ jiġi validament ikklassifikat bħala ksur minħabba l-għan. Kif ġie espost ukoll fir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku speċifiku li fih il-partijiet iddiskutew il-kummissjonijiet fuq is-sovrataxxi. Din kienet reazzjoni leġittima għall-prattiki tal-ispedizjoniera, li teskludi li r-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet jista’ validament jiġi kklassifikat bħala ksur minħabba l-għan. Fil-punt 485 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali madankollu qablet mal-premessi 675 sa 702 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kawżi mal-ispedizjoniera u t-theddid li fuqu huma bbażati d-diskussjonijiet bejn it-trasportaturi u l-ispedizjoniera.

163

Barra minn hekk, fil-punti 487 sa 490 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali allegatament interpretat b’mod inkorrett l-argumenti ta’ Cargolux. Fil-fatt, din tal-aħħar ma allegatx li kienet awtorizzata żżomm kuntatti mat-trasportaturi l-oħra dwar ir-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet minħabba l-aġir illegali tal-ispedizjoniera, iżda sostniet li l-Kummissjoni ma kinitx applikat il-kriterju legali korrett sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur minħabba l-għan u lanqas ma rrispettat id-drittijiet tad-difiża tagħha billi ma eżaminatx l-argumenti tagħha dwar il-kuntest ġuridiku u ekonomiku madwar dan ir-rifjut.

164

Il-Kummissjoni ssostni li din it-tieni parti hija parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

165

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell għandu jkun limitat għall-punti ta’ liġi.

166

Għalhekk, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom u l-konsegwenzi ta’ dritt li nsiltu minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il‑Kummissjoni, C‑7/95 P, EU:C:1998:256, punt 21, kif ukoll tal‑11 ta’ Jannar 2024, Planistat Europe u Charlot vs Il‑Kummissjoni, C‑363/22 P, EU:C:2024:20, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

167

Għall-kuntrarju, kif diġà tfakkar fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll li tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u provi ma tikkostitwixxix, għalhekk, kwistjoni ta’ liġi li bħala tali hija suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-ambitu ta’ appell, ħlief f’każ li dawn jiġu żnaturati.

168

F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-klassifikazzjoni tal-akkordju kontenzjuż bħala ksur minħabba l-għan tikkostitwixxi klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti. Madankollu, minn naħa, kif jirriżulta mill-argumenti esposti fil-punti 160 u 163 ta’ din is-sentenza, bl-iskuża ta’ żball fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti, Cargolux qiegħda timmira, essenzjalment, għat-twettiq mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi diġà ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma tinvoka l-iżnaturament tagħhom minn din tal-aħħar. Fil-fatt, Cargolux tesponi dak li hija tqis li huwa l-funzjonament tas-suq tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija bl-ajru u l-effett limitat li l-aġir inkwistjoni kellu fuq il-prezz ta’ dawn is-servizzi. Konsegwentement, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 96 ta’ din is-sentenza.

169

Min-naħa l-oħra, sa fejn, permezz ta’ dan l-argument, Cargolux issostni li, fil-punti 298 u 299 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, abbażi ta’ ġurisprudenza li hija essenzjalment irrilevanti, li aġir li jikkonsisti fl-iffissar biss ta’ parti mill-prezz tal-prodott jew tas-servizz ikkonċernat jista’ jiġi kklassifikat bħala akkordju orizzontali ta’ ffissar tal-prezzijiet, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa li ftehim bejn kompetituri li jikkonsisti fl-iffissar biss ta’ parti mill-prezz jew mis-servizz ikkonċernat ma jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

170

F’dan ir-rigward, ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv u jista’ jiġi applikat biss għal ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li jikkawżaw livell suffiċjenti ta’ dannu għall-kompetizzjoni sabiex ikun jista’ jitqies li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju. Din il-ġurisprudenza tirrigwarda l-fatt li ċerti forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jistgħu jiġu kkunsidrati, min-natura tagħhom stess, bħala dannużi għall-funzjonament tajjeb tal-iżvolġimenti normali tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Il‑Kummissjoni vs KRKA, C‑151/19 P, EU:C:2024:546, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

171

F’dan ir-rigward huwa preżunt li ċertu aġir kollużiv, bħal dak li jwassal għall-iffissar orizzontali tal-prezzijiet permezz ta’ kartelli, jista’ jitqies li, min-natura tiegħu, ikollu effetti negattivi fuq, b’mod partikolari, il-prezz, il-kwantità jew fuq il-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi, b’tali mod li jista’ jitqies inutli, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, li jintwera li dan għandu effetti konkreti fuq is-suq (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 115 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, tali aġir iwassal għal tnaqqis tal-produzzjoni u għal żidiet fil-prezzijiet, li jagħtu lok għal tqassim żbaljat tar-riżorsi għad-detriment, b’mod partikolari, tal-konsumaturi (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 163).

172

Il-kriterju ġuridiku essenzjali sabiex jiġi ddeterminat jekk ftehim jinvolvix restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, jinsab għalhekk fil-konstatazzjoni li tali ftehim jew li tali prattika taqa’ taħt forma li tippreżenta livell suffiċjenti ta’ dannu għall-kompetizzjoni sabiex jitqies li ma hemmx lok li jiġu mfittxija l-effetti tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company, C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 162), peress li din il-konstatazzjoni għandha ssir fid-dawl tal-elementi mfakkra fil-punt 140 ta’ din is-sentenza.

173

Minn dan isegwi li s-sempliċi fatt li l-aġir kollużiv inkwistjoni kien jikkonċerna biss parti mill-prezz tal-prodott jew tas-servizz ikkonċernat bl-ebda mod ma jista’ jistabbilixxi li dan l-aġir ma jaqax taħt forma ta’ koordinazzjoni li għandha titqies, min-natura tagħha stess, li tikkawża dannu lill-iżvolġiment normali tal-kompetizzjoni. Għall-kuntrarju, tali aġir iwassal, min-natura tiegħu stess, għal żieda fil-prezzijiet, li twassal għal tqassim ħażin tar-riżorsi għad-detriment, b’mod partikolari, tal-konsumaturi.

174

L-argument li jirrigwarda l-punti 298 u 299 tas-sentenza appellata huwa bbażat, konsegwentement, fuq premessa żbaljata, b’tali mod li għandu jiġi miċħud bħala infondat.

175

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet bħala ksur minħabba l-għan, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-argument espost fil-punti 162 u 163 ta’ din is-sentenza, Cargolux tikkontesta l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tan-natura antikompetittiva tal-kuntatti li hija ħadet sehem fihom dwar ir-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet, li tinsab fil-punti 483 sa 491 tas-sentenza appellata.

176

Issa, fil-punt 485 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement semmiet dak li jirriżulta mill-premessi 675 sa 702 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li żnaturament tagħhom mill-Qorti Ġenerali ma huwiex allegat minn Cargolux. Il-kritika li tirrigwarda dan il-punt 485 għandha għalhekk tiġi miċħuda bħala inammissibbli, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 96 ta’ din is-sentenza.

177

Fir-rigward tal-punti 487 sa 490 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali esponiet fihom, essenzjalment, li Cargolux sostniet li r-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet kien jikkostitwixxi risposta leġittima għall-aġir allegatament illegali tal-ispedizjoniera, iżda li mill-ġurisprudenza ċċitata f’dawn il-punti 487 u 488 kien jirriżulta li Cargolux ma setgħetx tinvoka l-aġir allegatament antikompetittiv tal-ispedizjoniera sabiex tiċħad li l-kuntatti relatati mar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet li fihom hija kienet involuta kienu ta’ natura antikompetittiva.

178

Issa, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret, fl-imsemmi punt 488, li huma l-awtoritajiet pubbliċi u mhux l-impriżi privati li għandhom jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti legali, peress li din it-tfakkira hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni, C‑591/16 P, EU:C:2021:243, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).

179

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, essenzjalment, qieset li dan il-fatt, li jaqa’ fil-kuntest li fih jidħol l-aġir kontenzjuż, u anki li kieku kellu jitqies li huwa stabbilit, ma jistax fi kwalunkwe każ jilleġittima ksur tal-Artikolu 101 TFUE u wisq inqas prattika kollużiva li fir-rigward tagħha ġie kkonstatat, kif kienet għamlet fil-punti 293 sa 311 tas-sentenza appellata, li tikkawża livell suffiċjenti ta’ dannu għall-kompetizzjoni sabiex tiġi kklassifikata bħala “restrizzjoni minħabba l-għan”.

180

L-argument espost fil-punt 163 ta’ din is-sentenza huwa għalhekk infondat.

181

Konsegwentement, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata. Minn dan isegwi li dan it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet aggravju, relatat mal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu u mal-parteċipazzjoni ta’ Cargolux fih

182

It-tielet aggravju ta’ Cargolux għandu jinqasam f’żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta esponiet b’mod żbaljat il-kriterju ġuridiku li jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu. Permezz tat-tieni waħda, hija tallega li l-Qorti Ġenerali kkonfermat b’mod żbaljat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi r-responsabbiltà tagħha għall-ksur uniku u kontinwu kkunsidrat fl-intier tiegħu.

Fuq l-ewwel parti, relatata mal-kriterju ġuridiku rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu

– L-argumenti tal-partijiet

183

Cargolux issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta esponiet b’mod żbaljat il-kriterju ġuridiku li jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu. Fil-punti 322 sa 324 u 335 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali affermat li l-istabbiliment ta’ tali ksur jeħtieġ l-eżistenza ta’ pjan globali li jsegwi għan komuni, il-kontribuzzjoni intenzjonali ta’ parti f’dan il-pjan u l-għarfien, ipprovat jew preżunt, minn din il-parti tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-parteċipanti l-oħra li fih hija ma pparteċipatx direttament. Sussegwentement, fil-punt 325 ta’ din is-sentenza, hija ttrattat il-kunċett ta’ “komplementarjetà”. Madankollu, fil-punti 325 sa 327 tagħha, hija kkunsidrat li, għalkemm il-komplementarjetà tista’ tikkostitwixxi indizju oġġettiv li jsostni l-eżistenza ta’ pjan ġenerali intiż għat-twettiq ta’ għan antikompetittiv, ma huwiex neċessarju, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, li jiġi vverifikat jekk aġir differenti jkollux rabtiet ta’ komplementarjetà. Tali affermazzjoni tmur kontra ġurisprudenza abbundanti tal-Qorti Ġenerali, li ġiet ikkonfermata impliċitament mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, Pometon vs Il‑Kummissjoni (C‑440/19 P, EU:C:2021:214). Mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni jirriżulta wkoll li hija tapplika dan il-kriterju, li barra minn hekk ġie applikat fil-premessa 879 tad-Deċiżjoni kontenzjuża.

184

F’dan il-kuntest, Cargolux tosserva li l-punti 107 u 108 tas-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Toshiba Samsung Storage Technology u Toshiba Samsung Storage Technology Korea vs Il‑Kummissjoni (C‑700/19 P, EU:C:2022:484), jagħtu portata wisq inklużiva lill-kunċett ta’ “ksur uniku u kontinwu” fir-rigward ta’ istanzi ta’ aġir li ma għandhom l-ebda rabtiet bejniethom, filwaqt li jtaffu b’mod sinjifikattiv l-oneru li jaqa’ fuq il-Kummissjoni. Issa, għandu jiġi evitat tali żball.

185

Il-Kummissjoni ssostni li din il-parti ma hijiex fondata.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

186

Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn att individwali, iżda wkoll minn sensiela ta’ atti jew minn aġir kontinwu, anki fil-każ li wieħed jew iktar minn dawn l-elementi ta’ din is-sensiela ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwu jistgħu jikkostitwixxu, fihom innifishom u individwalment, ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, meta istanzi ta’ aġir differenti jagħmlu parti minn “pjan globali”, minħabba l-għan identiku tagħhom li tinħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, il-Kummissjoni għandha d-dritt li timputa r-responsabbiltà ta’ dan l-aġir fuq il-bażi tal-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fl-intier tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Servier et vs Il-Kummissjoni, C‑201/19 P, EU:C:2024:552, punt 240).

187

Impriża li tkun ipparteċipat f’tali ksur uniku u kontinwu permezz ta’ aġir li kien speċifiku għaliha, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma li jkollhom għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u li kien intiż li jikkontribwixxi sabiex jitwettaq il-ksur fl-intier tiegħu, tista’ tkun responsabbli wkoll għal aġir implimentat minn impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Servier et vs Il‑Kummissjoni, C‑201/19 P, EU:C:2024:552, punt 241).

188

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex istanzi ta’ aġir differenti jiġu kklassifikati bħala ksur uniku u kontinwu, ma hemmx lok li jiġi vverifikat jekk dawn ikollhomx rabta ta’ komplementarjetà, fis-sens li kull wieħed minnhom huwa intiż li jittratta konsegwenza waħda jew iktar tal-iżvolġiment normali tal-kompetizzjoni, u jikkontribwixxu, permezz ta’ interazzjoni, għat-twettiq tal-effetti antikompetittivi kollha mixtieqa mill-awturi tagħhom, fil-kuntest ta’ pjan ġenerali li għandu għan uniku. B’kuntrast ma’ dan, il-kundizzjoni dwar il-kunċett ta’ “għan uniku” timplika li għandu jiġi vverifikat jekk ikunux jeżistu elementi li jikkaratterizzaw l-istanzi ta’ aġir differenti li jagħmlu parti mill-ksur li jistgħu jindikaw li l-istanzi ta’ aġir effettivament implimentati minn impriżi parteċipanti oħra ma għandhomx l-istess għan jew l-istess effett antikompetittiv u li konsegwentement ma jaqgħux taħt “pjan ġenerali” minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch vs Il‑Kummissjoni, C‑644/13 P, EU:C:2017:59, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata u tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Servier et vs Il‑Kummissjoni, C‑201/19 P, EU:C:2024:552, punt 242).

189

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, essenzjalment, fil-punti 325 u 326 tas-sentenza appellata li, sabiex istanzi ta’ aġir differenti jiġu kklassifikati bħala ksur uniku u kontinwu, ma huwiex neċessarju li jiġi vverifikat jekk dawn ikollhomx rabta ta’ komplementarjetà, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti u li minn dan hija ddeduċiet, fil-punt 327 ta’ din is-sentenza li, anki li kellu jitqies li hija pprovata, l-ommissjoni allegata tal-Kummissjoni li tistabbilixxi tali rabta ta’ komplementarjetà bejn il-ftehimiet u l-prattiki kontenzjużi ma kinitx ta’ natura, waħedha, li tivvizzja bi żball il-klassifikazzjoni tagħhom bħala ksur uniku u kontinwu.

190

Huwa għalxejn li Cargolux tinvoka, qabel kollox, f’dan ir-rigward, allegata ġurisprudenza kuntrarja tal-Qorti Ġenerali li ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, Pometon vs Il‑Kummissjoni (C‑440/19 P, EU:C:2021:214). Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx ġiet adita bil-kwistjoni dwar jekk, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, huwiex neċessarju jew le li jiġi vverifikat jekk l-istanzi ta’ aġir differenti inkwistjoni jkollhomx rabta ta’ komplementarjetà, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 188 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, is-silenzju tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan il-punt ma jistax jiġi interpretat bħala kontestazzjoni tal-ġurisprudenza stabbilita, imfakkra f’dan il-punt 188.

191

Sussegwentement, peress li din il-ġurisprudenza reġgħet ġiet ikkonfermata reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fil-punt 242 tas-sentenza tagħha tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Servier et vs Il‑Kummissjoni (C‑201/19 P, EU:C:2024:552), Cargolux ma tistax tingħata raġun meta tissuġġerixxi, permezz tal-argument tagħha espost fil-punt 183 ta’ din is-sentenza, li l-imsemmija ġurisprudenza la hija stabbilita u lanqas koerenti.

192

Fl-aħħar nett, lanqas ma jista’ jitqies li l-ġurisprudenza esposta fil-punt 188 ta’ din is-sentenza, li tfakkret ukoll, essenzjalment, fil-punti 107 u 108 tas-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Toshiba Samsung Storage Technology u Toshiba Samsung Storage Technology Korea vs Il‑Kummissjoni (C‑700/19 P, EU:C:2022:484), li Cargolux tinvoka, tagħti portata wiesgħa wisq lill-kunċett ta’ “ksur uniku u kontinwu”, billi tqiegħed taħt dan il-kunċett istanzi ta’ aġir li ma għandhom l-ebda rabta bejniethom. Fil-fatt, xorta jibqa’ l-fatt li, konformement ma’ din il-ġurisprudenza stabbilita, l-imsemmi kunċett jippreżupponi l-eżistenza ta’ “pjan ġenerali” li fih jaqgħu l-istanzi ta’ aġir differenti li jikkomponuh u li dawn tal-aħħar għandhom għan identiku ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

193

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tieni parti, relatata mat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Cargolux fil-ksur uniku u kontinwu

– L-argumenti tal-partijiet

194

Cargolux issostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonfermat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li hija tista’ tinżamm responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu kkunsidrat fl-intier tiegħu.

195

Minn naħa, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet debitament stabbilixxiet in-natura komplementari u kontinwa tal-ksur. Il-punt 509 tas-sentenza appellata huwa żbaljat sa fejn fih il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-fatt li l-aġir relatat mar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet beda kważi ħames snin wara l-bidu tal-ksur allegat fil-konfront ta’ Cargolux ma kien ineħħi xejn mill-kontribuzzjoni tagħha, permezz tal-interazzjoni tagħha mal-komponenti l-oħra tal-ksur, għat-twettiq tal-għan uniku mfittex. Fil-fatt, skont Cargolux, differenza fiż-żmien tant flagranti tippermetti, għall-kuntrarju, li jiġi preżunt li l-aġir relatat mar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet kien totalment indipendenti mill-kollużjoni dwar is-sovrataxxi. Il-provi fis-sens kuntrarju, imsemmija fil-premessa 880 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, huma irrilevanti.

196

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt, espost fir-rikors tal-ewwel istanza, li l-kuntatti relatati mas-sovrataxxa tal-fjuwil kienu jikkonsistu f’kuntatti dinjija fil-livell tas-sede tal-impriżi kkonċernati, filwaqt li dawk relatati mas-sovrataxxa tas-sigurtà kienu prinċipalment saru fuq livell lokali. Il-punt 466 tas-sentenza appellata li jiċħad dawn l-argumenti huwa żbaljat, peress li l-fatt li l-kuntatti dwar is-sovrataxxa tas-sigurtà jsemmu komunikazzjonijiet mas-sede ma jneħħi xejn mill-fatt li l-kuntatti multilaterali relatati ma’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ komponenti tal-ksur kienu saru lokalment. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-punt 473 tas-sentenza appellata huwa wkoll żbaljat, sa fejn il-Qorti Ġenerali tqis li Cargolux ma rnexxilhiex tikkontesta l-inklużjoni tal-komponenti relatati mas-sovrataxxa tal-fjuwil u mas-sovrataxxa tas-sigurtà fl-istess ksur wieħed li jsegwi għan uniku, minkejja li l-Kummissjoni ma għandhiex raġun li tirrikorri għal kuntatti li jinsabu’ l bogħod ħafna fiż-żmien sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur wieħed kontinwu.

197

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata b’kontradizzjoni ta’ motivi billi rrilevat, fil-punt 326 tagħha, li ma kienx neċessarju li jintwerew rabtiet ta’ komplementarjetà sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi ksur uniku u kontinwu, filwaqt li sussegwentement irreferiet għal tali rabtiet fil-konstatazzjonijiet tagħha kontra Cargolux, fil-punti 497 u 523 ta’ din is-sentenza, sabiex tiġġustifika li l-aġir relatat mar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet kien jagħmel parti mill-ksur uniku u kontinwu kkonstatat fid-Deċiżjoni kontenzjuża.

198

Il-Kummissjoni twieġeb li din il-parti għandha tiġi miċħuda.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

199

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li mill-analiżi tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 326 tas-sentenza appellata, li ma huwiex neċessarju, sabiex istanzi ta’ aġir differenti jiġu kklassifikati bħala ksur uniku u kontinwu, li jiġi vverifikat jekk dawn ikollhomx rabtiet ta’ komplementarjetà fis-sens li kull wieħed minnhom huwa intiż sabiex jittratta konsegwenza waħda jew iktar tal-iżvolġiment normali tal-kompetizzjoni u jekk jikkontribwixxux, permezz ta’ interazzjoni, għat-twettiq tal-effetti antikompetittivi kollha mixtieqa mill-awturi tagħhom.

200

Għalhekk, fil-punt 508 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li rreferiet għal dan il-punt 326, ikkonstatat li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tivverifika, sabiex tikklassifika istanzi ta’ aġir differenti bħala ksur uniku u kontinwu, jekk dawn ikollhomx tali rabtiet ta’ komplementarjetà. Minn dan hija ddeduċiet li, anki li kieku kellu jitqies li dan seħħ, ommissjoni li jiġu stabbiliti tali rabtiet bejn il-komponent tal-ksur relatat mar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet u l-komponenti tiegħu relatati mas-sovrataxxa tal-fjuwil u mas-sovrataxxa tas-sigurtà ma setgħetx għalhekk, fiha nnifisha, tivvizzja b’illegalità d-Deċiżjoni kontenzjuża.

201

Huwa għalhekk għall-finijiet ta’ kompletezza li, fil-punt 509 ta’ din is-sentenza, barra minn hekk, introdott bil-frażi “fi kwalunkwe każ”, hija eżaminat l-argument li Cargolux kienet siltet mill-bidu relattivament tardiv tal-komponent tal-ksur relatat mar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet fir-rigward ta’ dawn il-komponenti l-oħra. Minn dan jirriżulta li l-ilment ta’ Cargolux kontra dan il-punt tas-sentenza appellata, espost fil-punt 195 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 92 ta’ din is-sentenza.

202

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 466 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement indikat li t-tliet kuntatti li Cargolux invokat sabiex tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha fil-komponent tal-ksur relatat mas-sovrataxxa tas-sigurtà kienu juru, pjuttost milli jinvalidaw, l-organizzazzjoni f’diversi livelli deskritta mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn dawn il-kuntatti kollha kienu jsemmu istruzzjonijiet jew komunikazzjonijiet mas-sede tal-impriżi kkonċernati, fejn il-Qorti Ġenerali rreferiet, bħala eżempju, għall-ittri elettroniċi deskritti fil-premessi 594 u 595 tad-Deċiżjoni kontenzjuża.

203

Fir-rigward tal-punt 473 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat fih li Cargolux ma kinitx ikkontestat b’mod utli l-parteċipazzjoni tagħha fil-komponent tal-ksur relatat mas-sovrataxxa tal-fjuwil, li hija ma rnexxilhiex tikkontesta l-inklużjoni tal-komponenti relatati mas-sovrataxxa tal-fjuwil u mas-sovrataxxa tas-sigurtà fl-istess ksur wieħed li jsegwi għan uniku, u li kien paċifiku li l-parteċipazzjoni tagħha fil-komponent tal-ksur relatat mas-sovrataxxa tal-fjuwil baqgħet fis-seħħ sal‑14 ta’ Frar 2006, peress li “provi affidabbli” kienu jeżistu tal-inqas mill‑10 ta’ Ġunju 2005 u, peress li din il-parteċipazzjoni kienet ikkorroborata, qabel din id-data, minn volum sinjifikattiv ta’ provi u indizji ta’ kuntatti antikompetittivi.

204

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-punti 466 u 473 jinkludu biss evalwazzjonijiet fattwali. Għalhekk, permezz tal-argument espost fil-punt 196 ta’ din is-sentenza, Cargolux titlob, fir-realtà, lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi, li diġà saret mill-Qorti Ġenerali fl-imsemmija punti, mingħajr madankollu ma tallega li din tal-aħħar żnaturathom. Dan l-argument huwa għalhekk inammissibbli, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 96 ta’ din is-sentenza.

205

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegata kontradizzjoni tal-motivi, ċertament, fil-punt 497 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat b’mod partikolari li, fid-dawl tal-“komplementarjetà” bejn, minn naħa, il-komponenti tal-ksur relatati mas-sovrataxxa tal-fjuwil u mas-sovrataxxa tas-sigurtà u, min-naħa l-oħra, il-komponent tiegħu relatat mar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet, mill-elementi rrilevati f’dan il-punt 497 seta’ raġonevolment jiġi dedott li l-kuntatti relatati mar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet li Cargolux kienet ħadet sehem fihom kellhom portata ġeografika simili għal dawk relatati mas-sovrataxxi, jew qrib tagħhom. F’dan ir-rigward, hija indikat li din il-komplementarjetà ma kinitx ġiet ikkontestata b’mod utli minn Cargolux, billi rreferiet għall-punti 329 u 509 ta’ din is-sentenza.

206

Bl-istess mod, fil-punt 523 tal-imsemmija sentenza, hija kkonstatat li, sa fejn is-sovrataxxi kienu ġeneralment applikabbli għar-rotot kollha, fuq livell dinji, kien probabbli wkoll li r-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet kien applikabbli wkoll, billi osservat f’dan ir-rigward li, fil-premessa 879 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet qieset li r-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet u ż-żewġ komponenti l-oħra tal-ksur kienu komplementari sa fejn “kien ippermetta l-esklużjoni tas-sovrataxxi mill-kompetizzjoni marbuta man-negozjar ta’ kummissjonijiet (fir-realtà tnaqqis fuq is-sovrataxxi) mal-klijenti”.

207

Madankollu, minn naħa, mill-punt 496 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-motiv li jinsab fil-punt 497 ta’ din is-sentenza ġie espost mill-Qorti Ġenerali biss b’mod superfluwu, kif ukoll dawk li jinsabu fil-punti 329 u 520 tal-imsemmija sentenza, b’tali mod li l-ilment ta’ kontradizzjoni ta’ motivi li Cargolux tislet minn dan għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 92 ta’ din is-sentenza.

208

Min-naħa l-oħra, dan il-punt 523 ma jirrigwardax il-kunċett ta’ “ksur uniku u kontinwu”, iżda, kif jindika l-punt 511 tas-sentenza appellata, l-argument ta’ Cargolux, imressaq insostenn tar-raba’ parti tal-ħames motiv tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, li permezz tiegħu hija lmentat li l-Kummissjoni ma pproduċietx il-provi neċessarji sabiex tistabbilixxi l-portata “globali” tal-ksur uniku u kontinwu. Minn dan isegwi li l-kontradizzjoni ta’ motivi allegata ma hijiex stabbilita.

209

Konsegwentement, it-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment ineffettiva. Minn dan isegwi li dan it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq ir-raba’ aggravju, relatat mat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Cargolux fil-ksur uniku u kontinwu

210

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, li jinkludi tliet partijiet, Cargolux issostni li l-Qorti Ġenerali, fi kwalunkwe każ, wettqet żbalji ta’ liġi meta kkonstatat li hija kienet responsabbli għall-aspetti kollha tal-ksur uniku u kontinwu. Permezz tal-ewwel u tat-tieni parti, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali, minn naħa, wettqet żball ta’ liġi u żnaturat il-provi u, min-naħa l-oħra, kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi żammitha responsabbli talli pparteċipat fil-komponent tal-ksur relatat mar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet. Permezz tat-tielet parti, hija tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta evalwat ir-responsabbiltà tagħha għall-komponent tal-ksur relatat mas-sovrataxxa tas-sigurtà.

Fuq l-ewwel parti, dwar il-parteċipazzjoni ta’ Cargolux fir-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet

– L-argumenti tal-partijiet

211

Cargolux issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat il-provi meta qieset li hija kienet responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħha fil-komponent tal-ksur relatat mar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet.

212

Minn naħa, fil-punt 486 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-premessa 688 tad-Deċiżjoni kontenzjuża sabiex tafferma li diversi trasportaturi kienu skambjaw informazzjoni fuq livell bilaterali sabiex iserrħu ras xulxin dwar l-aderenza kontinwa tagħhom għar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet. Issa, din il-premessa tirrigwarda kuntatt bilaterali bejn Deutsche Lufthansa u Société Air France li ma jimplikax lil Cargolux, b’tali mod li ma tistax tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar f’dan il-komponent tal-ksur.

213

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina d-Deċiżjoni kontenzjuża fid-dettall fid-dawl tal-motivi mqajma minn Cargolux, bi ksur tal-istħarriġ tal-legalità li hija għandha twettaq. Fil-fatt, f’anness mehmuż mar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, Cargolux ikkontestat individwalment kull prova prodotta mill-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-komponent tal-ksur relatat mar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet. Issa, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma ssemmi dan fis-sentenza appellata, b’tali mod li din is-sentenza ma tippermettix lil Cargolux tifhem ir-raġunijiet li għalihom il-provi msemmija f’dan l-anness “intużaw kontriha”.

214

Il-Kummissjoni ssostni li din il-parti ma hijiex fondata.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

215

Fl-ewwel lok, sa fejn din il-parti tirrigwarda, permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-punt 486 tas-sentenza appellata, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, żnaturament jeżisti meta, mingħajr ma jsir riferiment għal provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tidher manifestament żbaljata jew manifestament kuntrarja għall-formulazzjoni tagħhom. Madankollu, dan l-iżnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi. Barra minn hekk, meta appellant jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, huwa għandu jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati minnha u juri l-iżbalji fl-analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2024, JCDecaux Street Furniture Belgium vs Il‑Kummissjoni, C‑710/22 P, EU:C:2024:787, punt 63, u tat‑22 ta’ Mejju 2025, Luossavaara-Kiirunavaara vs Il‑Kummissjoni, C‑621/23 P, EU:C:2025:368, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

216

F’dan il-punt 486, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li mid-Deċiżjoni kontenzjuża kien jirriżulta li diversi trasportaturi kienu skambjaw informazzjoni fuq livell bilaterali biex iserrħu ras xulxin dwar l-aderenza kontinwa tagħhom għar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet, miftiehem qabel. F’dan ir-rigward, hija esponiet, bħala eżempju, il-kontenut tal-premessa 688 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li tiddeskrivi konverżazzjoni telefonika bejn żewġ trasportaturi li ma humiex Cargolux.

217

Issa, mid-Deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-Qorti Ġenerali rreferiet b’mod korrett dak li huwa espost f’din il-premessa 688. Konsegwentement, l-allegat żnaturament ma ġiex stabbilit.

218

Barra minn hekk, sa fejn, permezz ta’ dan l-ilment li jirrigwarda l-punt 486 tas-sentenza appellata, Cargolux tikkontesta r-rilevanza ta’ dak li l-Qorti Ġenerali rrilevat f’dan il-punt 486 sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tagħha fil-komponent tal-ksur relatat mar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, peress li dan l-ilment jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi, diġà mwettqa mill-Qorti Ġenerali f’dan il-punt kif ukoll fil-punt 485 tas-sentenza appellata.

219

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment espost fil-punt 213 ta’ din is-sentenza, għandu, qabelxejn, jitfakkar li, meta tiġi adita, konformement mal-Artikolu 263 TFUE, b’rikors għal annullament ta’ deċiżjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha b’mod ġenerali teżerċita, abbażi tal-provi prodotti mir-rikorrent insostenn tal-motivi invokati, stħarriġ komplet dwar jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jkunux issodisfatti jew le. Il-Qorti Ġenerali għandha tivverifika wkoll jekk il-Kummissjoni tkunx immotivat id-deċiżjoni tagħha. Barra minn hekk, matul dan l-istħarriġ, il-Qorti Ġenerali ma tistax tibbaża ruħha fuq il-marġni ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni għandha, bis-saħħa tar-rwol assenjat lilha fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni, skont it-Trattati UE u FUE, sabiex tirrinunzja li teżerċita l-istħarriġ fil-fond kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punti 44 u 45, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

220

F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari mis-sottomissjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti Ġenerali, jirriżulta li l-provi prodotti minn Cargolux lill-Qorti Ġenerali, fl-anness imsemmi fil-punt 213 ta’ din is-sentenza, ġew prodotti insostenn tal-argument tagħha li l-Kummissjoni kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku speċifiku li fih kienu seħħew il-kuntatti li hija kellha ma’ trasportaturi oħra fir-rigward tar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet. Skont dak li Cargolux sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali, dan il-kuntest kien jistabbilixxi li l-għan tad-diskussjonijiet li saru fir-rigward ta’ dan ir-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet kien jirrifletti reazzjoni leġittima tat-trasportaturi għal prattiki miftiehma, kontenzjuż u theddid ta’ bojkott mill-ispedizjoniera. Dawn il-provi stabbilixxew għalhekk, skont Cargolux, li t-trasportaturi kienu kkonċentraw id-diskussjonijiet tagħhom fuq il-punt dwar jekk is-sovrataxxi setgħux jew le, fid-dritt, jagħtu lok bħala prinċipju għall-ġbir ta’ kummissjonijiet skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni applikabbli. B’mod partikolari, hija invokat dawn il-provi sabiex tistabbilixxi li, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt in-natura ta’ restrizzjoni minħabba l-għan tal-aġir tat-trasportaturi.

221

Issa, huwa preċiżament għal dan l-argument, miġbur fil-qosor fil-punt 479 tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali wieġbet fil-punti 482 sa 491 tas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, hija kkonstatat, fil-punti 484 sa 486 tagħha, li dan kien ibbażat fuq premessa żbaljata fil-fatti u, fil-punti 487 sa 490, li kien ibbażat ukoll fuq premessa żbaljata fid-dritt. Għalhekk, hija kkonstatat, b’mod partikolari, li Cargolux kienet żbaljata meta sostniet li t-trasportaturi kienu kkonċentraw id-diskussjonijiet tagħhom fuq il-punt dwar jekk is-sovrataxxi setgħux jagħtu lok bħala prinċipju għall-ġbir ta’ kummissjonijiet, billi f’dan ir-rigward analizzat il-premessi 675 sa 702 tad-Deċiżjoni kontenzjuża u l-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni, peress li dawn il-provi ssemmew ukoll minn Cargolux fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali.

222

Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, bl-iskuża ta’ allegat eżerċizzju insuffiċjenti, mill-Qorti Ġenerali, tal-istħarriġ ta’ legalità impost fuqha, Cargolux qegħda tipprova tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi, mingħajr ma tallega li l-Qorti Ġenerali żnaturathom. Għaldaqstant, sa fejn, permezz tal-ilment espost fil-punt 213 ta’ din is-sentenza, Cargolux tilmenta li l-Qorti Ġenerali qieset li l-argument tagħha intiż li jikkontesta n-natura antikompetittiva tal-kuntatti kontenzjużi kellu jiġi miċħud, minkejja li hija kkontestat individwalment kull prova prodotta mill-Kummissjoni, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 96 ta’ din is-sentenza.

223

Sussegwentement, sa fejn, permezz tal-imsemmi lment, Cargolux tallega li s-sentenza appellata ma tippermettilhiex tifhem ir-raġunijiet li għalihom il-provi msemmija f’dan l-anness “intużaw kontriha”, għandu jiġi rrilevat li mill-punt 485 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali rreferiet għal dawn il-provi, li jinsabu fil-premessi 675 sa 702 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, biss sabiex tistabbilixxi li t-trasportaturi inkriminati ma kinux sempliċement iddefinixxew pożizzjoni komuni dwar il-kwistjoni tal-ħlas ta’ kummissjonijiet, sabiex jiddefenduha b’mod ikkoordinat quddiem il-qrati kompetenti jew jippromwovuha kollettivament quddiem l-awtoritajiet pubbliċi, iżda kienu aġixxew flimkien billi qablu, fuq livell multilaterali, li jirrifjutaw li jinnegozjaw il-ħlas ta’ kummissjonijiet mal-ispedizjoniera u li jagħtuhom skontijiet fuq is-sovrataxxi. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma aċċettatx direttament dawn il-provi kontra Cargolux, iżda invokathom sabiex tiċħad l-argument li hija kienet ressqet quddiemha, li permezz tiegħu hija allegat li t-trasportaturi kienu kkonċentraw id-diskussjonijiet tagħhom fuq il-punt dwar jekk is-sovrataxxi setgħux jagħtu lok jew le, bħala prinċipju, għall-ġbir ta’ kummissjonijiet. Għaldaqstant, sa fejn l-istess ilment huwa għalhekk ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata, dan huwa infondat.

224

Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 151 u 152 ta’ din is-sentenza, ma jistax jitqies li, billi s-sentenza appellata ma semmiet b’mod espress la l-anness imsemmi fil-punt 213 ta’ din is-sentenza u lanqas kull element li Cargolux ikkontestat individwalment fih, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, sa fejn, permezz tal-ilment espost fil-punt 213 ta’ din is-sentenza, Cargolux tallega ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, dan għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

225

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

– L-argumenti tal-partijiet

226

Cargolux issostni li, billi żammitha responsabbli għall-komponent tal-ksur relatat mar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

227

Minn naħa, il-Qorti Ġenerali kisret dan il-prinċipju billi ttrattat lil Cargolux b’mod differenti minn British Airways plc meta dawn l-impriżi kienu jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli. Fil-punt 493 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tirreferi għall-premessi tad-Deċiżjoni kontenzjuża li juru l-parteċipazzjoni ta’ Cargolux fir-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet. Dawn il-premessi jistabbilixxu li hija kienet tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ dan it-trasportatur l-ieħor fir-rigward tal-provi dwar dan l-aġir. Fil-fatt, paragun tal-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 685, 686, 692, 694 u 696 ta’ din id-deċiżjoni, miġbura fil-qosor fil-premessa 743 tagħha, dwar British Airways, ma’ dawk li jikkonċernaw lil Cargolux, imfakkra f’dan il-punt 493, juri l-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet rispettivi tagħhom. Minn dan jirriżulta li dan it-trasportatur l-ieħor ipparteċipa f’seba’ kuntatti dwar ir-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet matul perijodu ta’ għaxar xhur, filwaqt li Cargolux ipparteċipat f’disa’ kuntatti matul perijodu ta’ għaxar xhur. Fost dawn id-disa’ kuntatti, tlieta kienu jinvolvu wkoll lill-imsemmi trasportatur l-ieħor.

228

Issa, dawn it-tliet kuntatti, irrilevati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 493, 497 u 499 tas-sentenza appellata bħala li jsostnu l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni ta’ Cargolux fir-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet, imsemmija fil-premessi 503, 560 u 695 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, ma ntużawx kontra British Airways, kif jirriżulta mill-punt 386 tas-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2022, British Airways vs Il‑Kummissjoni (T‑341/17, EU:T:2022:182), minkejja li dawn il-premessi 503 u 560 huma bbażati fuq laqgħat multilaterali li jinvolvu kemm lil Cargolux kif ukoll lil British Airways.

229

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali annullat is-sempliċi konstatazzjoni tal-involviment tal-imsemmi trasportatur f’dan il-komponent u naqqset il-multa tiegħu fid-dawl tal-parteċipazzjoni limitata tiegħu, iżda żammet il-konstatazzjoni tal-ksur fil-konfront ta’ Cargolux. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma tat l-ebda spjegazzjoni għal dan it-trattament inugwali.

230

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kisret dan il-prinċipju billi ttrattat lil Cargolux b’mod differenti minn SAS Cargo Group A/S, Scandinavian Airlines System Denmark-Norway-Sweden u SAS AB (iktar ’il quddiem, flimkien, “SAS Cargo Group et”). Fil-punt 958 tas-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2022, SAS Cargo Group et vs Il‑Kummissjoni (T‑324/17, EU:T:2022:175), hija naqqset b’21 % il-multa imposta fuq ir-rikorrenti f’din il-kawża, fid-dawl tat-tul limitat tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-komponent tal-ksur relatat mar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet, b’teħid inkunsiderazzjoni tat-tul ta’ dan il-ksur ikkunsidrat fl-intier tiegħu, kif indikat fil-punt 958 ta’ din is-sentenza. Cargolux tirrileva, f’dan ir-rigward, li t-tul totali tal-ksur ikkonstatat fil-konfront ta’ SAS Cargo Group et kien ta’ sitt snin u xahrejn, filwaqt li l-provi tal-aġir tagħhom dwar ir-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet kienu jirrigwardaw tul ta’ seba’ xhur. Cargolux tagħmel riferiment f’dan ir-rigward għall-premessi 1169, 680 u 686 tad-Deċiżjoni kontenzjuża. Issa, kif indikat fil-premessi 1169, 695 u 698 ta’ din id-deċiżjoni, it-tul totali tal-ksur ikkonstatat fil-konfront ta’ Cargolux kien ta’ ħames snin u l-provi tal-aġir tagħha marbut mar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet kienu jirrigwardaw tul ta’ ħames xhur. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx nota ta’ dan l-aġir parallel u lanqas ma tat l-iċken ġustifikazzjoni jew spjegazzjoni għal dan it-trattament inugwali. Għaldaqstant, hija żbaljat meta naqset milli tapplika perċentwali ta’ tnaqqis identiku għall-ammont tal-multa imposta fuq Cargolux.

231

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

232

Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat b’mod oġġettiv (sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punti 54 u 55, u tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Lupin vs Il‑Kummissjoni, C‑144/19 P, EU:C:2024:545, punt 137 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

233

Il-Qorti Ġenerali għandha tosserva dan il-prinċipju anki meta teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Fil-fatt dan l-eżerċizzju ma jistax iwassal, matul id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi li huma imposti fuqhom, għal diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il‑Kummissjoni, C‑291/98 P, EU:C:2000:631, punt 97, u tat‑18 ta’ Marzu 2021, Pometon vs Il‑Kummissjoni, C‑440/19 P, EU:C:2021:214, punt 138).

234

F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ta’ Cargolux meta pparagunata ma’ British Airways fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn it-trasportaturi fil-komponent tal-ksur relatat mar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 493 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kienet qieset il-parteċipazzjoni ta’ Cargolux f’dan il-komponent b’teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi msemmija fil-premessa 754 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li l-Qorti Ġenerali ċċitat f’dan il-punt.

235

Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni Cargolux, minn paragun tal-konstatazzjonijiet li jinsabu f’din il-premessa 754 ma’ dawk li jinsabu fil-premessa 743 ta’ din id-deċiżjoni, li telenka l-kuntatti invokati mill-Kummissjoni kontra dan it-trasportatur l-ieħor, ma jirriżultax li dawn iż-żewġ trasportaturi kienu f’sitwazzjonijiet paragunabbli fir-rigward tal-provi kkunsidrati fir-rigward tagħhom sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tagħhom fl-imsemmi komponent. Konsegwentement, huma lanqas ma kienu f’sitwazzjonijiet paragunabbli quddiem il-Qorti Ġenerali.

236

Għaldaqstant, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-premessa li fuqha Cargolux tibbaża l-argument espost fil-punti 227 sa 229 ta’ din is-sentenza hija, fi kwalunkwe każ, żbaljata. Konsegwentement, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

237

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ SAS Cargo Group et, kif espost fil-punt 230 ta’ din is-sentenza, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din l-allegazzjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2022, SAS Cargo Group et vs Il‑Kummissjoni (T‑324/17, EU:T:2022:175). Huwa minnu li l-formulazzjoni tal-punt 958 tagħha, li Cargolux tinvoka, tista’ tidher ambigwa, sa fejn il-Qorti Ġenerali tirreferi fih “għall-perijodu limitat li matulu t-trasportaturi inkriminati kkoordinaw bejniethom dwar ir-rifjut li jitħallsu kummissjoni fid-dawl tat-tul tal-ksur uniku u kontinwu kkunsidrat fl-intier tiegħu”. Madankollu, minn din is-sentenza, u b’mod partikolari mill-punti 698 sa 712, 901 u 957 tagħha, jirriżulta b’mod ċar li huwa minħabba li l-Kummissjoni kienet imputat b’mod żbaljat, lir-rikorrenti f’din il-kawża, ir-responsabbiltà għall-komponent tal-ksur marbut mar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet u li hija kienet, konsegwentement, issopravalutat il-livell tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu, li l-Qorti Ġenerali qieset li ma kienx xieraq li jingħatalhom tnaqqis ta’ 10 % biss mill-ammont bażiku tal-multa minħabba l-parteċipazzjoni limitata tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu, iżda li kellu jingħatalhom tnaqqis ta’ 21 % minħabba din il-parteċipazzjoni limitata.

238

Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx li l-Kummissjoni kienet, b’mod żbaljat, żammet lil Cargolux responsabbli għall-komponent tal-ksur relatat mar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet. Kif jirriżulta mill-analiżi tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju, Cargolux barra minn hekk ma rnexxilhiex tistabbilixxi li s-sentenza appellata hija, f’dan ir-rigward, ivvizzjata bi żball ta’ liġi jew bi żnaturament tal-fatti jew tal-provi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta tat lil SAS Cargo Group et tnaqqis addizzjonali tal-ammont bażiku tal-multa tagħhom minħabba l-parteċipazzjoni limitata tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu, fid-dawl tal-annullament tal-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-komponent, filwaqt li ma tatx tali tnaqqis lil Cargolux, li l-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi komponent ma kinitx ġiet annullata.

239

L-argument espost fil-punt 230 ta’ din is-sentenza huwa, konsegwentement, infondat.

240

Konsegwentement, it-tieni parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tar-responsabbiltà ta’ Cargolux għall-komponent tal-ksur relatat mas-sovrataxxa tas-sigurtà

– L-argumenti tal-partijiet

241

Cargolux issostni li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 477 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-Kummissjoni kellha raġun tiddeduċi mill-provi li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha li Cargolux kienet kompliet tipparteċipa fil-komponent tal-ksur relatat mas-sovrataxxa tas-sigurtà matul il-perijodi twal li għalihom ma kienet teżisti l-ebda prova kontriha, hija vvizzjata b’diversi żbalji ta’ liġi.

242

F’dan ir-rigward, Cargolux tirreferi għall-punti 467 u 468 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali kkonstatat l-eżistenza ta’ lakuni fid-dokumenti li juru l-parteċipazzjoni ta’ Cargolux fil-ksur bejn is‑26 ta’ Novembru 2002 u l‑14 ta’ Jannar 2004, kif ukoll bejn it‑28 ta’ Settembru 2004 u l‑14 ta’ Frar 2006, li tikkorrispondi għad-data tat-tmiem tal-ksur. Issa, kif ġie rrilevat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 471 ta’ din is-sentenza, il-ġurisprudenza timponi li, f’tali ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ tbegħid tal-impriża kkonċernata ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika l-konstatazzjoni ta’ parteċipazzjoni mhux interrotta tagħha fil-ksur meta, matul perijodu sinjifikattiv, ikunu seħħew diversi kuntatti kollużivi mingħajr ir-rappreżentanti tagħha. F’każ bħal dan, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi provi oħra. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali allegatament żbaljat meta qieset li l-evalwazzjoni ta’ dawn il-provi l-oħra, imwettqa fil-punti 473 sa 476 tas-sentenza appellata, kienet tippermetti li jitqies li l-parteċipazzjoni ta’ Cargolux fil-komponent tal-ksur relatat mas-sovrataxxa tas-sigurtà kienet kompliet matul dawn il-perijodi.

243

L-ewwel nett, peress li l-Kummissjoni ma wrietx debitament li s-sovrataxxa tas-sigurtà u s-sovrataxxa tal-fjuwil kienu jagħmlu parti mill-ksur uniku u kontinwu, peress li dan l-aġir ma kienx suffiċjentement komplementari u lanqas ma jaqa’ taħt pjan ġenerali, il-punt 473 tas-sentenza appellata huwa żbaljat. Fil-fatt, minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-kuntatti relatati mal-komponent tal-ksur relatat mas-sovrataxxa tal-fjuwil sabiex ittawwal il-parteċipazzjoni ta’ Cargolux fil-komponent ta’ dan il-ksur relatat mas-sovrataxxa tas-sigurtà u, għalhekk, tipposponi d-data tat-tmiem tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ikkunsidrat fl-intier tiegħu. Il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 229 tas-sentenza appellata lanqas ma tippermetti li tali approċċ ikun ibbażat fuqha, peress li din il-ġurisprudenza ma tirrigwardax il-possibbiltà li tiġi stabbilita l-estensjoni tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur meta kien hemm perijodi li matulhom l-eżistenza ta’ kuntatti li jimplikaw direttament lil din l-impriża ma ġietx stabbilita (iktar ’il quddiem il-“lakuni”).

244

It-tieni nett, il-punt 474 tas-sentenza appellata huwa allegatament żbaljat, peress li la dan il-punt, la din is-sentenza, u lanqas id-Deċiżjoni kontenzjuża ma jispjegaw kif in-natura okkażjonali tal-kuntatti dwar il-komponent relatat mas-sovrataxxa tas-sigurtà tippermetti li jiġi stabbilit li l-lakuni kienu jikkostitwixxu perijodi normali bejn tali kuntatti jew li Cargolux kienet kompliet tipparteċipa f’dan il-komponent matul dawn il-perijodi, u dan iktar u iktar peress li l-kuntatti bejn it-trasportaturi l-oħra dwar l-imsemmi komponent komplew matul dawn il-perijodi. Il-paragun tal-frekwenza tal-kuntatti li jikkonċernaw, minn naħa, is-sovrataxxa tal-fjuwil u, min-naħa l-oħra, is-sovrataxxa tas-sigurtà, huwa irrilevanti, peress li l-uniku element rilevanti huwa jekk il-kuntatti bejn it-trasportaturi l-oħra fir-rigward tas-sovrataxxa tas-sigurtà kinux komplew fl-assenza ta’ Cargolux. Jekk dan ikun il-każ, dan jistabbilixxi li n-natura tal-aġir relatat mas-sovrataxxa tas-sigurtà kienet teħtieġ tali kuntatti. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonkludi li l-Kummissjoni setgħet tqis li Cargolux kienet kompliet tipparteċipa f’dan il-komponent matul dawn il-perijodi, li matulhom hija ma kellha ebda kuntatt mat-trasportaturi l-oħra. Għal din l-istess raġuni, huwa wkoll insuffiċjenti li jiġi rrilevat li s-sovrataxxa tas-sigurtà kienet teħtieġ biss kuntatti okkażjonali sabiex minnha jiġi dedott li Cargolux kienet kompliet tipparteċipa f’dan il-komponent matul l-imsemmija perijodi, peress li l-kuntatti relatati mas-sovrataxxa tas-sigurtà kienu komplew bejn it-trasportaturi l-oħra matul dawn l-istess perijodi. L-analiżi tal-Qorti Ġenerali hija għalhekk żbaljata sa fejn tinjora li l-kuntatti bejn it-trasportaturi l-oħra dwar is-sovrataxxa tas-sigurtà komplew, b’mod repetut, matul il-lakuni kollha ta’ Cargolux.

245

It-tielet nett, il-punt 475 tas-sentenza appellata huwa allegatament żbaljat sa fejn fih il-Qorti Ġenerali tiddikjara li Cargolux ma kkontestatx li l-effetti tal-koordinazzjoni dwar is-sovrataxxa tas-sigurtà komplew matul il-perijodu li matulu ma kienx hemm prova ta’ kuntatti.

246

Qabel kollox, la l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti Ġenerali ma taw l-iċken indikazzjoni dwar l-effetti li allegatament baqgħu fis-seħħ. Dan l-approċċ imur kontra l-ġurisprudenza li tgħid li l-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha fuq provi relatati ma’ fatti li seħħew fi żmien qrib biżżejjed sabiex ikun jista’ jiġi raġonevolment irrikonoxxut li l-ksur kompla mingħajr interruzzjoni bejn żewġ dati preċiżi. F’dan ir-rigward, il-prova tat-tul tal-ksur taqa’ fuq il-Kummissjoni u kull dubju f’moħħ din tal-aħħar għandu jkun ta’ benefiċċju għall-impriża kkonċernata. F’dan il-kuntest, Cargolux tirreferi wkoll, b’mod partikolari, għall-punt 30 tas-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, Kilpailu- ja kuluttajavirasto (C‑450/19, EU:C:2021:10), li jillimita, meta ma jkunx hemm provi suffiċjenti, il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tqis li t-tul tal-ksur jestendi lil hinn mid-data tal-aħħar kuntatti bejn il-partijiet fil-ksur.

247

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-Deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx stabbilixxiet li l-ftehimiet konklużi matul l-aħħar kuntatti li jinkludu lil Cargolux, imsemmija fil-premessi 618 u 640 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, kellhom ikomplu jipproduċu l-effetti tagħhom sa data sussegwenti, kif madankollu meħtieġ mill-punti 125 u 128 tas-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Caffaro vs Il‑Kummissjoni (T‑192/06, EU:T:2011:278). Għalhekk huwa ċar li l-parteċipazzjoni ta’ Cargolux fl-aġir relatat mas-sovrataxxa tas-sigurtà ntemmet hekk kif hija ma baqgħetx f’kuntatt mat-trasportaturi l-oħra, jiġifieri wara l-kuntatti tas‑26 ta’ Novembru 2002 u tat‑28 ta’ Settembru 2004, imsemmija f’dawn il-premessi.

248

Fl-aħħar nett, dan il-punt 475 huwa vvizzjat minn inverżjoni illegali tal-oneru tal-prova, peress li ma hijiex l-impriża kkonċernata li għandha tikkonfuta li l-effetti tal-koordinazzjoni komplew u lanqas li tallega li hija ma kinitx taf bil-fatt li t-trasportaturi l-oħra kienu komplew il-koordinazzjoni tagħhom. Għall-kuntrarju, hija l-Kummissjoni li għandha turi li dawn l-effetti komplew matul it-tul allegat tal-perijodu tal-ksur u li turi li l-impriża kienet taf bl-aġir li jikkostitwixxi ksur jew setgħet raġonevolment tipprevedih. Issa, il-Kummissjoni ma tispjegax kif Cargolux setgħet tipprevedi l-aġir li jikkostitwixxi ksur inkwistjoni u tkun lesta li taċċetta r-riskju.

249

Ir-raba’ nett, il-punt 476 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali rrilevat li Cargolux ma kinitx stabbilixxiet li kienet tbiegħdet pubblikament mill-koordinazzjoni dwar is-sovrataxxa tas-sigurtà matul il-lakuni jew li reġgħet adottat aġir ta’ kompetizzjoni leali u indipendenti matul dawn il-perijodi, huwa wkoll żbaljat. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali stess irrikonoxxiet, fil-punt 471 ta’ din is-sentenza, li t-tbegħid huwa biss element wieħed fost oħrajn li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk impriża kinitx kompliet tipparteċipa fi ksur matul perijodi ta’ assenza sostanzjali, fin-nuqqas ta’ prova ta’ parteċipazzjoni.

250

Jekk, kuntrarjament għal dak li ssostni Cargolux, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li ma hemmx lok li jiġu annullati s-sentenza appellata u d-Deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn din tikkonċernaha, abbażi ta’ dan ir-raba’ aggravju, hija titlob, sussidjarjament, l-annullament parzjali tagħha u t-tnaqqis tal-multa b’applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, għar-raġunijiet esposti fl-aggravji tagħha jew kwalunkwe raġuni oħra mqajma ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja.

251

Il-Kummissjoni tqis li din il-parti hija parzjalment inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondata.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

252

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha, fil-parti l-kbira tal-każijiet, tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, ikkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni raġonevoli oħra, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 57, kif ukoll tat‑18 ta’ Marzu 2021, Pometon vs Il‑Kummissjoni, C‑440/19 P, EU:C:2021:214, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

253

Tali indizji u koinċidenzi, meta jiġu evalwati globalment, jistgħu juru mhux biss l-eżistenza ta’ aġir jew ftehim antikompetittiv, iżda wkoll it-tul ta’ aġir antikompetittiv kontinwu u l-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ ftehim konkluż bi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, EU:C:2006:592, punt 95, u tat‑18 ta’ Marzu 2021, Pometon vs Il‑Kummissjoni, C‑440/19 P, EU:C:2021:214, punt 111, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

254

Sa fejn għandu x’jaqsam in-nuqqas ta’ prova tal-eżistenza ta’ ftehim matul ċerti perijodi speċifiċi jew, tal-inqas, tal-implimentazzjoni tiegħu minn impriża matul perijodu partikolari, il-fatt li tali prova ma tkunx ġiet prodotta għal ċerti perijodi speċifiċi ma jżommx milli dan il-ksur jitqies li jkopri perijodu globali iktar estiż minn dawn tal-aħħar, kemm‑il darba tali konstatazzjoni tkun ibbażata fuq indizji oġġettivi u konkordanti. Fil-kuntest ta’ ksur li jestendi fuq diversi snin, il-fatt li l-akkordju jimmanifesta ruħu f’perijodi differenti, li jistgħu jiġu sseparati b’intervalli ftit jew wisq twal, ma jaffettwax l-eżistenza ta’ dan l-akkordju, kemm‑il darba l-varji azzjonijiet li jagħmlu parti minn dan il-ksur ikunu jfittxu li jilħqu għan wieħed u jkunu jaqgħu fil-kuntest ta’ ksur uniku u kontinwu (sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, C‑113/04 P, EU:C:2006:593, punt 169, u tat‑18 ta’ Marzu 2021, Pometon vs Il‑Kummissjoni, C‑440/19 P, EU:C:2021:214, punt 112, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

255

Sa fejn għandu x’jaqsam, b’mod partikolari, ksur li jestendi fuq diversi snin, il-fatt li ma tkunx ġiet prodotta l-prova diretta tal-parteċipazzjoni ta’ kumpannija f’dan il-ksur matul perijodu speċifiku ma jżommx milli tiġi kkonstatata din il-parteċipazzjoni, ukoll matul dan il-perijodu, kemm‑il darba din il-konstatazzjoni tkun ibbażata fuq indizji oġġettivi u konkordanti (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Total Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, C‑634/13 P, EU:C:2015:614, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

256

B’hekk, il-Kummissjoni tista’ tqis li l-ksur, jew il-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur, ma jkunx ġie interrott, anki jekk hija ma jkollhiex provi tal-ksur għal ċerti perijodi speċifiċi, meta d-diversi azzjonijiet li jagħmlu parti minn dan il-ksur ikunu jfittxu li jilħqu għan wieħed u jkunu jistgħu jaqgħu fil-kuntest ta’ ksur uniku u kontinwu u meta l-impriża kkonċernata ma tkunx invokat indizji jew provi li jistabbilixxu li, għall-kuntrarju, il-ksur, jew il-parteċipazzjoni tagħha fih, ma kompliex matul dawn il-perijodi (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2021, Pometon vs Il‑Kummissjoni (C‑440/19 P, EU:C:2021:214, punt 114).

257

F’dan il-kuntest, in-nuqqas ta’ tbegħid pubbliku huwa sitwazzjoni fattwali li l-Kummissjoni tista’ tinvoka sabiex tipprova li tkompla l-aġir antikompetittiv ta’ kumpannija. Madankollu, fil-każ fejn, matul perijodu twil ta’ żmien, ikunu saru diversi laqgħat kollużivi mingħajr il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-kumpannija kkonċernata, il-Kummissjoni ma għandhiex sempliċement tikkonstatata n-nuqqas ta’ din tal-aħħar li titbiegħed, iżda għandha wkoll tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq provi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2015, Total Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, C‑634/13 P, EU:C:2015:614, punt 28, u tat‑28 ta’ Novembru 2019, LS Cable & System vs Il‑Kummissjoni, C‑596/18 P, EU:C:2019:1025, punt 33).

258

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, kif issostni Cargolux, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 467 tas-sentenza appellata, li d-Deċiżjoni kontenzjuża żvelat li kien hemm “vojt” fid-dokumenti intiżi li jikkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħha fil-komponent tal-ksur relatat mas-sovrataxxa tas-sigurtà bejn is‑26 ta’ Novembru 2002 u l‑14 ta’ Jannar 2004, kif ukoll mit‑28 ta’ Settembru 2004 sat-tmiem tal-ksur uniku u kontinwu, fl‑14 ta’ Frar 2006. Għaldaqstant, hija indikat, fil-punt 468 ta’ din is-sentenza li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, tali perijodi kienu twal biżżejjed sabiex ikun neċessarju li jiġi vverifikat jekk il-parteċipazzjoni ta’ Cargolux fil-komponent tal-ksur relatat mas-sovrataxxa tas-sigurtà kinitx ġiet interrotta bejn is‑26 ta’ Novembru 2002 u l‑14 ta’ Jannar 2004, u kinitx intemmet fit‑28 ta’ Settembru 2004 minflok fl‑14 ta’ Frar 2006. Sussegwentement, f’dan ir-rigward, fil-punti 469 sa 471 tagħha, hija fakkret, essenzjalment, il-ġurisprudenza esposta fil-punti 254 sa 257 ta’ din is-sentenza.

259

Barra minn hekk, fil-punt 472 tas-sentenza appellata, li Cargolux ma tikkontestax, il-Qorti Ġenerali esponiet li, fost l-elementi li jistgħu juru t-tkomplija ta’ aġir antikompetittiv minn impriża matul perijodi li matulhom hija ma pparteċipatx f’kuntatt kollużiv wieħed jew iktar hemm, b’mod partikolari, in-natura tal-ksur inkwistjoni, il-funzjonament tal-akkordju kkonċernat, l-aġir tal-impriża kkonċernata fis-suq inkwistjoni, l-inklużjoni ta’ dan l-aġir fi ksur uniku u kontinwu li jinkludi diversi komponenti oħra jew ukoll l-effetti prodotti mill-imsemmi aġir.

260

Skont Cargolux, huwa fl-applikazzjoni tal-kriterji li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza, fil-punti 473 sa 476 tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali wettqet l-iżbalji ta’ liġi li hija tallega.

261

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabelxejn li mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 252 sa 257 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali tista’, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tibbaża l-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza u tat-tul ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv fuq evalwazzjoni globali tal-provi u tal-indizji rilevanti kollha. L-elementi esposti fil-punti 473 sa 476 tas-sentenza appellata ma jistgħux għalhekk jiġu evalwati b’mod iżolat. Il-kwistjoni dwar liema valur probatorju ngħata mill-Qorti Ġenerali lil kull element ta’ dawn il-provi u indizji prodotti mill-Kummissjoni tikkostitwixxi, madankollu, kwistjoni ta’ evalwazzjoni tal-fatti li ma taqax, bħala tali, taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, EU:C:2006:592, punt 96).

262

F’dan il-kuntest, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ilment ta’ Cargolux li jirrigwarda l-punt 473 tas-sentenza appellata, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan huwa bbażat fuq il-premessa li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex raġun tikkonstata li l-Kummissjoni kienet uriet b’mod suffiċjenti li s-sovrataxxa tas-sigurtà u s-sovrataxxa tal-fjuwil kienu jagħmlu parti mill-istess ksur uniku u kontinwu. Issa, mill-analiżi tat-tieni parti tat-tielet aggravju jirriżulta li din il-premessa hija żbaljata. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

263

Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-ilment intiż kontra l-punt 474 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali osservat li l-implimentazzjoni tas-sovrataxxa tas-sigurtà kienet tirrikjedi kuntatti kunsiderevolment inqas frekwenti mill-implimentazzjoni tas-sovrataxxa tal-fjuwil, peress li s-sovrataxxa tas-sigurtà ma kinitx ibbażata fuq indiċi li l-evoluzzjoni tiegħu kien jirrikjedi aġġustamenti regolari. Hija kkonstatat li dan kien jispjega għaliex, ladarba ġiet introdotta, hija kienet biss is-suġġett ta’ kuntatti okkażjonali bejn it-trasportaturi għall-implimentazzjoni tagħha.

264

Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li, fl-imsemmi punt 474, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat li l-fatt li dan kien aġir relatat ma’ sovrataxxa li l-ammont tagħha ma kienx jeħtieġ, min-natura tiegħu, aġġustamenti regolari, kien indizju li jikkontribwixxi sabiex tiġi stabbilita t-tkomplija ta’ aġir antikompetittiv minn Cargolux, minkejja n-nuqqas ta’ prova tal-parteċipazzjoni diretta tagħha fil-kuntatti kollużivi dwar is-sovrataxxa tas-sigurtà matul il-perijodi ta’ assenza. Issa, din l-evalwazzjoni tal-fatti, li ma tistax tiġi kkontestata mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell, peress li l-iżnaturament tagħhom ma huwiex allegat, tirrigwarda, essenzjalment, in-natura tal-ksur u, skont il-ġurisprudenza li hija esponiet fil-punt 472 tas-sentenza appellata, li ma huwiex ikkontestat f’dan l-appell, in-natura tal-ksur inkwistjoni tista’ effettivament tittieħed inkunsiderazzjoni bħala prova li tippermetti li tiġi stabbilita t-tkomplija ta’ aġir antikompetittiv minn impriża, minkejja n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni diretta tagħha fih matul ċerti perijodi.

265

Barra minn hekk, sa fejn Cargolux issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li n-natura tal-aġir dwar is-sovrataxxa tas-sigurtà ma kinitx teħtieġ kuntatti regolari, hija tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali, li ma taqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 96 u 261 ta’ din is-sentenza.

266

Dan l-ilment għandu għalhekk jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

267

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ilment dirett kontra l-punt 475 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali indikat li Cargolux ma kkontestatx li l-effetti tal-koordinazzjoni relatata mas-sovrataxxa tas-sigurtà kienu komplew matul il-perijodu li għalih il-prova ta’ kuntatti hija ineżistenti. Hija żiedet li, barra minn hekk, Cargolux ma allegatx li ma kinitx taf li t-trasportaturi inkriminati l-oħra kienu komplew jikkoordinaw bejniethom dwar is-sovrataxxa tas-sigurtà matul dan il-perijodu.

268

F’dan ir-rigward, sa fejn Cargolux tilmenta, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali naqset milli timmotiva s-sentenza appellata billi ma indikatx liema kienu dawn l-effetti, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, minn naħa, li minn dan il-punt jirriżulta manifestament li l-Qorti Ġenerali kienet qiegħda tirreferi għall-effetti antikompetittivi li jirriżultaw mill-aġir relatat mas-sovrataxxa tas-sigurtà, jiġifieri żieda fil-prezz tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija bl-ajru, għad-detriment finali tal-konsumaturi taż-ŻEE. Issa, skont il-ġurisprudenza li hija esponiet fil-punt 472 tas-sentenza appellata, li ma hijiex ikkontestata f’dan l-appell, l-effetti prodotti mill-aġir antikompetittiv ikkonċernat jistgħu effettivament jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala prova li tippermetti li tiġi stabbilita t-tkomplija ta’ aġir antikompetittiv minn impriża, minkejja n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni dirett tagħha fih matul ċerti perijodi.

269

F’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument ta’ Cargolux li permezz tiegħu hija tallega li l-Qorti Ġenerali illegalment qalbet l-oneru tal-prova billi imponitilha li tikkonfuta l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi li l-Kummissjoni ma identifikatx jew ma stabbilixxietx minn qabel kif ukoll li tipprova li hija ma kinitx taf bil-fatt li t-trasportaturi l-oħra kienu komplew jikkoordinaw bejniethom.

270

Barra minn hekk, sa fejn Cargolux tilmenta li l-Kummissjoni ma spjegatx kif hija setgħet tipprevedi l-aġir li jikkostitwixxi ksur inkwistjoni, din tal-aħħar kritika ma hijiex immirata għas-sentenza appellata, iżda għad-Deċiżjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, f’dan ir-rigward, din għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, TUIfly vs Il‑Kummissjoni, C‑763/21 P, EU:C:2023:528, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

271

Fir-rigward tas-sentenzi invokati minn Cargolux, dawn lanqas ma jistgħu jistabbilixxu li dan il-punt 475 tas-sentenza appellata huwa żbaljat, peress li dawn is-sentenzi invokati jirrigwardaw ċirkustanzi differenti minn dawk inkwistjoni f’dan il-każ. Minn naħa, il-punt 30 tas-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, Kilpailu- ja kuluttajavirasto (C‑450/19, EU:C:2021:10), jirrigwarda l-akkordji li ma baqgħux fis-seħħ. Issa, huwa paċifiku li l-Kummissjoni kkonstatat, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, li l-ksur uniku u kontinwu kien intemm fl‑14 ta’ Frar 2006 u li din id-data tikkorrispondi għall-ewwel jum tal-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, f’dan il-każ, ma huwiex inkwistjoni ksur li t-tul tiegħu ġie evalwat skont il-perijodu li matulu l-impriżi inkriminati implimentaw aġir ipprojbit mill-Artikolu 101 TFUE, minkejja li l-akkordju kien diġà waqaf formalment milli jkun fis-seħħ.

272

Min-naħa l-oħra, il-punti 125 u 128 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Caffaro vs Il‑Kummissjoni (T‑192/06, EU:T:2011:278), jirrigwardaw ċirkustanzi li fihom il-ftehim antikompetittiv inkwistjoni allegatament ma kienx ġie applikat, li ma huwiex il-każ hawnhekk.

273

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argument espost fil-punti 245 u 248 ta’ din is-sentenza huma parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati.

274

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-ilment dirett kontra l-punt 476 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali rrilevat li Cargolux la stabbixxiet, u lanqas allegat, li hija tbiegħdet pubblikament mill-koordinazzjoni dwar is-sovrataxxa tas-sigurtà matul il-perijodi li għalihom il-prova ta’ kuntatti hija ineżistenti u li hija lanqas ma kienet uriet li kienet reġgħet adottat aġir ta’ kompetizzjoni leali u indipendenti fis-suq inkwistjoni matul dawn il-perijodi.

275

Madankollu, dan in-nuqqas ta’ tbegħid ma huwiex l-uniku element li ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali insostenn tal-konklużjoni tagħha, li tinsab fil-punt 477 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-Kummissjoni kellha raġun tiddeduċi mill-provi li hija kellha li l-parteċipazzjoni ta’ Cargolux fil-komponent tal-ksur relatat mas-sovrataxxa tas-sigurtà kienet kompliet kemm bejn is‑26 ta’ Novembru 2002 u l‑14 ta’ Jannar 2004 kif ukoll mit‑28 ta’ Settembru 2004 sat-tmiem tal-ksur, kif jindikaw il-kliem “f’dawn iċ-ċirkustanzi” li jippreċedu din il-konklużjoni u kif jirriżulta mill-analiżi preċedenti, dwar it-tielet parti tar-raba’ aggravju. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li, permezz tal-konstatazzjoni li għamlet fil-punt 476 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali marret kontra l-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 257 ta’ din is-sentenza, li tinsab ukoll fil-punt 471 tas-sentenza appellata, li tgħid li, fil-każ fejn, matul perijodu sinjifikattiv, seħħew diversi laqgħat kollużivi mingħajr il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-kumpannija kkonċernata, il-Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha li tikkonstata n-nuqqas ta’ tbegħid pubbliku, iżda għandha tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq provi oħra.

276

Minn dan isegwi li l-ilment dirett kontra l-punt 476 tas-sentenza appellata huwa infondat.

277

Konsegwentement, it-tielet parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata, bl-istess mod, għalhekk, bħar-raba’ aggravju kollu kemm hu.

278

Peress li ebda wieħed mill-aggravji mqajma minn Cargolux insostenn tal-appell tagħha ma ntlaqa’, dan tal-aħħar għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

279

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

280

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, li, bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, japplika għall-proċedura ta’ appell, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, sakemm dawn ikunu ntalbu.

281

Billi l-Kummissjoni talbet li Cargolux tiġi kkundannata għall-ispejjeż u billi l-aggravji tagħha ma ntlaqgħux, hija għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Cargolux Airlines International SA hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.