SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

23 ta’ Novembru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/95/UE – Regoli dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Missier ta’ tfal minuri refuġjati mwielda fil-Belġju – Missier mhux ‘membru tal-familja’ fis-sens tal-Artikolu 2(j) ta’ din id-direttiva – – Applikazzjoni għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali dderivata ppreżentata minn dan il-missier – Ċaħda – Assenza ta’ obbligu tal-Istati Membri li jirrikonoxxu lill-persuna kkonċernata d-dritt li tibbenefika minn din il-protezzjoni jekk din ma tissodisfax individwalment il-kundizzjonijiet għall-għoti – Artikolu 23(2) tal-imsemmija direttiva – Inapplikabbiltà”

Fil-Kawża C‑374/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Mejju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura

XXX

vs

Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl, J. Passer (Relatur) u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal XXX, minn S. Janssens, avocate,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, C. Pochet u M. Van Regemorter, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma u J. Hottiaux, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ April 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(j) u tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn XXX, ċittadin Ginean, residenti fil-Belġju, u l-Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (il-Kummissarju Ġenerali għar-Refuġjati u l-Persuni Mingħajr Stat, il-Belġju) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn XXX f’dan l-Istat Membru.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 18, 19 u 38 tad-Direttiva 2011/95 jesponu:

“(18)

L-‘aħjar interessi tat-tfal’, għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja tal-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw din id-Direttiva, skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal‑1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal [, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl‑20 ta’ Novembru 1989 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1577, p. 3), u li daħlet fis-seħħ fit‑2 ta’ Settembru 1990]. Fl-evalwazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal, l-Istati Membri għandhom partikolarment jikkunsidraw b’mod xieraq il-prinċipju tal-unità tal-familja, il-benesseri tal-minuri u l-iżvilupp soċjali, il-kunsiderazzjonijiet tas-sikurezza u tas-sigurtà u l-opinjonijiet tal-minuri skont l-età u l-maturità tiegħu/jew tagħha.

(19)

Hu meħtieġ li wieħed iwessa’ l-kunċett ta’ membri tal-familja, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi differenti partikolari tad-dipendeza u l-attenzjoni speċjali li għandha tingħata fl-aħjar interessi tat-tfal.

[…]

(38)

Meta jiddeċiedu dwar il-jedd għall-benefiċċji inklużi f’din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw b’mod dovut l-aħjar interessi tat-tfal, kif ukoll iċ-ċirkostanzi partikolari tad-dipendenza fuq il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali ta’ qraba viċini li diġà huma preżenti fl-Istat Membru u li mhumiex membri tal-familja ta’ dak il-benefiċjarju. F’ċirkustanzi eċċezzjonali, fejn persuna relatata mill-qrib mal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali tkun minuri miżżewġa iżda mhux akkumpanjata mill-konjuġi tagħha, l-aħjar interessi tal-minuri jistgħu jitqiesu bħala dawk tal-familja oriġinali tagħha.”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

j)

‘membri tal-familja’ ifisser, safejn il-familja tkun diġa’ eżistiet fil-pajjiż tal-oriġini, il-membri tal-familja li ġejjin tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali li huma preżenti fl-istess Stat Membru rigward l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali:

il-konjuġi tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali jew is-sieħeb/sieħba tiegħu f’relazzjoni stabbli, fejn il-liġi jew il-prassi tal-Istat Membru interessat tittratta koppji mhux miżżewġa b’mod paragunabbli għal koppji miżżewġa skont il-liġi li tirrigwarda ċittadini nazzjonali minn pajjiż terz;

it-tfal minuri tal-koppji msemmija fl-ewwel inċiż jew il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, fuq kundizzjoni li mhumiex miżżewġin u indipendentement mill-fatt jekk twildux fiż-żwieġ jew barra ż-żwieġ jew ġew adottati kif definit skont liġi nazzjonali;

il-missier, l-omm jew adult ieħor responsabbli għall-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali sew jekk bil-liġi jew bil-prattika tal-Istat Membru kkonċernat, meta dak il-benefiċjarju hu minuri jew mhux miżżewweġ”.

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Standards stabbiliti aktar favorevoli”, jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu jew jżommu standards aktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u biex jistabbilixxu l-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, safejn dawk l-istandards stabbiliti huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva.”

6

L-Artikolu 23 tal-istess direttiva, intitolat “Żamma ta’ unità tal-familja”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-unità tal-familja tista’ tinżamm.

2.   L-Istati Membru għandhom jiżguraw li membri tal-familja tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali, li ma jikkwalifikawx individwalment għal tali protezzjoni, huma intitolati li jitolbu l-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 24 sa 35, bi qbil mal-proċeduri nazzjonali safejn huwa kompatibbli mal-istatus legali personali tal-membru tal-familja.

3.   Il-Paragrafi 1 u 2 mhumiex applikabbli fejn il-membru tal-familja huwa jew jista’ jiġi eskluż minn protezzjoni internazzjonali skont il-Kapitoli III u V.

4.   Minkejja paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw, inaqqsu jew jirtiraw il-benefiċċji msemmija fihom għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku.

5.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li dan l-Artikolu japplika wkoll għal qraba oħra qrib li għexu flimkien bħala parti mill-familja fil-mument meta telqu mill-pajjiż ta’ oriġini, u li kienu dipendenti għal kollox jew prinċipalment fuq il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali f’dak il-ħin.”

7

Il-benefiċċji mniżżla fl-Artikoli 24 sa 35 tad-Direttiva 2011/95 relatati mad-dritt ta’ residenza, mad-dokumenti tal-ivvjaġġar, mal-aċċess għal impjieg, mal-aċċess għal edukazzjoni u għall-proċeduri għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki, mal-għajnuna soċjali, mal-kura tas-saħħa, mal-minuri mhux akkumpanjati, mal-aċċess għal akkomodazzjoni, mal-libertà ta’ moviment fi ħdan l-Istat Membru, mal-aċċess għal faċilitajiet ta’ integrazzjoni u, finalment, mar-ripatrijazzjoni.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

XXX, ta’ ċittadinanza tal-Ginea, wasal fil-Belġju fl‑2007. Huwa ppreżenta l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li ġiet miċħuda, u sussegwentement ippreżenta żewġ applikazzjonijiet oħra, fl‑2010 u fl‑2011, li l-awtorità Belġjana kompetenti rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni.

9

Fid‑29 ta’ Jannar 2019, huwa ppreżenta r-raba’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Insostenn ta’ din l-applikazzjoni, huwa indika li kien missier ta’ żewġt itfal, imwielda fil-Belġju fl‑2016 u fl‑2018 u li ngħataw l-istatus ta’ refuġjati, bħal ommhom.

10

Peress li din ir-raba’ talba ġiet miċħuda bħala inammissibbli, XXX ippreżenta rikors quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju), li ċaħadha permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ April 2020.

11

Il-Qorti tar-rinviju, adita b’appell ta’ kassazzjoni minn din id-deċiżjoni, tistaqsi dwar l-applikabbiltà, invokata minn XXX, tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95 għas-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar, peress li mill-Artikolu 2(j) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-membri tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, li huma koperti mill-imsemmija direttiva, huma koperti “safejn il-familja tkun diġa’ eżistiet fil-pajjiż tal-oriġini” u li mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn XXX jirriżulta li l-familja tiegħu ma kinitx stabbilita fil-pajjiż ta’ oriġini, iżda fil-Belġju. Dan huwa s-suġġett tal-ewwel u tat-tieni domanda preliminari.

12

Fl-eventwalità ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95, il-qorti tar-rinviju tirrileva li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li, fin-nuqqas ta’ traspożizzjoni valida fid-dritt Belġjan, l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95 ikollu effett dirett li jimplika l-obbligu għar-Renju tal-Belġju li jagħtih il-protezzjoni internazzjonali. Minkejja li tiddubita mill-fondatezza ta’ din l-allegazzjoni, peress li dan l-Artikolu 23 isemmi biss l-għoti tal-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 24 sa 35 ta’ din id-direttiva u li dan l-għoti huwa l-massimu li jista’ jirriżulta minn effett dirett eventwali tal-imsemmi Artikolu 23, il-qorti tar-rinviju tqis li, peress li f’dan il-każ hija mitluba tiddeċiedi fl-aħħar istanza, hija għandha tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward. Dawn il-kunsiderazzjonijiet iwasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tagħmel it-tielet u r-raba’ domandi preliminari. Barra minn hekk, din il-qorti tindika li jidhrilha xieraq li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ħames domanda li t-termini tagħha ġew issuġġeriti lilha mir-rikorrent fil-kawża prinċipali.

13

Minkejja li hemm dubju, għal darba oħra, dwar il-fondatezza tal-argument tar-rikorrent fil-kawża prinċipali li l-aħjar interess tal-wild u r-rispett tal-ħajja tal-familja jimplikaw li, skont l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, il-protezzjoni internazzjonali tingħata lill-missier ta’ wlied irrikonoxxuti bħala refuġjati fil-Belġju u li twieldu hemm, anki jekk dan il-missier ma jissodisfax il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jikseb din il-protezzjoni, peress li tali sfidi jidhru li jistgħu jiġu żgurati bl-għoti ta’ permess ta’ residenza li jippermetti lill-imsemmi missier li jgħix legalment fil-Belġju, il-qorti tar-rinviju tqis ukoll li hija obbligata tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, fid-dawl ta’ dak li hija tiddeċiedi fl-aħħar istanza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-qorti ddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-sitt domanda preliminari li l-formulazzjoni tagħha kienet ukoll ġiet issuġġerita lilha mir-rikorrent fil-kawża prinċipali.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

L-Artikoli 2(j) u 23 tad-[Direttiva 2011/95] għandhom jiġu interpretati bħala li japplikaw għall-missier ta’ żewġt itfal imwielda fil-Belġju u li ġew hemmhekk irrikonoxxuti bħala refuġjati filwaqt li l-Artikolu 2(j) hawn fuq iċċitat jippreċiża li l-membri tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, li huma koperti [minn din id-direttiva], huma tali ‘safejn il-familja tkun diġa’ eżistiet fil-pajjiż tal-oriġini’?

2.

Il-fatt, invokat mir-rikorrent fis-seduta, li wliedu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ dipendenza fuqu u li l-aħjar interessi ta’ wliedu jeżiġu, skont ir-rikorrent, li tingħatalu protezzjoni internazzjonali, jimplika, fid-dawl tal-premessi 18, 19 u 38 tad-Direttiva 2011/95, li l-kunċett ta’ membri tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, koperti [minn din id-direttiva], jiġi estiż għal familja li ma kinitx teżisti fil-pajjiż tal-oriġini?

3.

Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel żewġ domandi preliminari, l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95, li ma ġiex traspost fid-dritt Belġjan sabiex jipprovdi għall-għoti ta’ permess ta’ residenza jew protezzjoni internazzjonali lil missier ta’ tfal irrikonoxxuti bħala refuġjati fil-Belġju u li twieldu hemmhekk, jista’ jkollu effett dirett?

4.

Jekk iva, l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95 jagħti, fl-assenza ta’ traspożizzjoni, lill-missier ta’ tfal irrikonoxxuti bħala refuġjati fil-Belġju u li twieldu hemmhekk id-dritt li jitlob il-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 24 sa 35 [ta’ din id-direttiva], inkluż permess ta’ residenza li jippermettilu jgħix legalment fil-Belġju mal-familja tiegħu, jew id-dritt li jikseb protezzjoni internazzjonali anki jekk dan il-missier ma jkunx jissodisfa individwalment il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jikseb protezzjoni internazzjonali?

5.

L-effett utli tal-Artikolu 23 tad-[Direttiva 2011/95], moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 18 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u tal-premessi 18, 19 u 38 [ta’ din id-direttiva], jobbliga lill-Istat Membru li ma jkunx adatta id-dritt nazzjonali tiegħu b’tali mod li l-membri tal-familja (fis-sens previst fl-Artikolu 2(j) tal-imsemmija direttiva jew li fir-rigward tagħhom hemm sitwazzjoni individwali ta’ dipendenza) tal-benefiċjarju ta’ tali status ikunu jistgħu, jekk ma jissodisfawx individwalment il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istess status, jasserixxu ċerti benefiċċji, jirrikonoxxi lill-imsemmija membri tal-familja dritt ta’ status ta’ refuġjat idderivat sabiex ikunu jistgħu jasserixxu l-imsemmija benefiċċji sabiex iżommu l-unità tal-familja?

6.

L-Artikolu 23 tad-[Direttiva 2011/95], moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 18 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-premessi 18, 19 u 38 ta’ [din id-direttiva], jobbliga lill-Istat Membru li ma jkunx addatta d-dritt nazzjonali tiegħu b’tali mod li l-ġenituri ta’ refuġjat irrikonoxxut ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-benefiċċji elenkati fl-Artikoli 24 sa 35 tad-Direttiva, [jippermetti lil dawn il-ġenituri] jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali dderivata sabiex tingħata importanza fundamentali lill-aħjar interessi tal-wild u tiġi żgurata l-effettività tal-istatus ta’ refuġjat ta’ dan tal-aħħar?”

Fuq id-domandi preliminari

15

Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li bis-saħħa tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li dawn jeħtieġu sabiex isolvu t-tilwim li jkunu meħtieġa jiddeċiedu. Il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-bżonn inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima. Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu adita biha (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punti 43 sa 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

16

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret repetutament li kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżumi, b’mod partikolari, li kawża hija effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma għandhom jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza dwar id-deċiżjoni preliminari (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

17

Issa, mid-dikjarazzjonijiet tad-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju hija adita b’rikors li jirrigwarda deċiżjoni li permezz tagħha r-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie rrifjutat il-benefiċċju tal-protezzjoni internazzjonali li huwa kien talab. Min-naħa l-oħra, bl-ebda mod ma jirriżulta minn din id-deċiżjoni u minn dan il-proċess li dan ir-rikorrent talab konkretament vantaġġ wieħed jew iktar elenkati fl-Artikoli 24 sa 35 tad-Direttiva 2011/95 li għalihom jirreferi l-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva u lanqas li d-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda rifjut ta’ tali vantaġġi.

18

Fil-fatt, pjuttost milli jitlob b’mod konkret vantaġġ partikolari fost dawk elenkati fl-Artikoli 24 sa 35 tad-Direttiva 2011/95 billi jindirizza lill-awtorità nazzjonali li tista’ tirrikonoxxilu jew jirrifjutalha l-benefiċċju tiegħu u sussegwentement jikkontesta rifjut eventwali quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti billi jesponi r-raġunijiet li għalihom huwa jqis li jista’ jibbenefika mill-vantaġġ jew mill-vantaġġi kkonċernati skont id-Direttiva 2011/95, u, b’mod partikolari tal-Artikolu 23 tagħha, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għażel li jitlob il-benefiċċju tal-protezzjoni internazzjonali billi jallega li tali benefiċċju huwa l-uniku li jista’ jirrimedja allegata assenza ta’ traspożizzjoni korretta ta’ dan l-Artikolu 23 fid-dritt nazzjonali.

19

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, kif essenzjalment iddeċieda korrettament il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) fid-deċiżjoni tiegħu tas‑17 ta’ April 2020 ikkontestata quddiem il-qorti tar-rinviju, indipendentement anki mill-punti dwar jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li l-familja tiegħu ma kinitx ġiet stabbilita fil-pajjiż ta’ oriġini, jistax, jekk ikun il-każ u minkejja l-kliem tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 2(j), minn din tal-aħħar, li jippretendi l-benefiċċju ta’ vantaġġi skont dan l-Artikolu 23 u jekk din l-aħħar dispożizzjoni ġiet trasposta jew le b’mod korrett fid-dritt nazzjonali, il-persuna kkonċernata ma tistax, fi kwalunkwe każ, tibbenefika mill-protezzjoni internazzjonali, peress li ma tissodisfax, individwalment, il-kundizzjonijiet li għalihom id-dritt tal-Unjoni jissuġġetta l-għoti ta’ tali protezzjoni.

20

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2011/95 ma tipprevedix l-estensjoni, b’mod idderivat, tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lill-membri tal-familja ta’ persuna li tkun ingħatat dan l-istatus, li, individwalment, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan l-istatus. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din sempliċement timponi fuq l-Istati Membri li jorganizzaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod li tali membri tal-familja jkunu jistgħu jitolbu, konformement mal-proċeduri nazzjonali u sa fejn dan huwa kompatibbli mal-istatus ġuridiku personali ta’ dawn il-membri tal-familja, ċerti vantaġġi, li jinkludu b’mod partikolari l-għoti ta’ permess ta’ residenza, l-aċċess għall-impjieg jew l-aċċess għall-edukazzjoni u li għandhom l-għan li jżommu l-unità tal-familja (sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova, C‑652/20, EU:C:2018:801, punt 68, u tad‑9 ta’ Novembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Żamma tal-unità tal-familja), C‑91/20, EU:C:2021:898, punt 36).

21

Ċertament, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li Stat Membru, skont dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli, kif imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95, jagħti, b’mod idderivat u għall-finijiet taż-żamma tal-unità tal-familja, l-istatus ta’ refuġjat lill-“membri tal-familja” ta’ benefiċjarju ta’ tali protezzjoni, bil-kundizzjoni madankollu li din tkun kompatibbli ma’ din id-direttiva.

22

Madankollu, din tibqa’ fakultà għall-Istati Membri li, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlatur Belġjan ma eżerċitax fir-rigward tal-membri tal-familja ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali li, individwalment, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ din il-protezzjoni.

23

Barra minn hekk, mill-punti 12 u 13 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-qorti tar-rinviju stess għandha dubji dwar il-possibbiltà li dritt għall-protezzjoni internazzjonali bħal dak mitlub fil-kawża prinċipali jkun ibbażat fuq l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95, iżda li, peress li f’dan il-każ hija mitluba tiddeċiedi fl-aħħar istanza, hija madankollu qieset li għandha tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 15 u 16 ta’ din is-sentenza u tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ippreċiżat fil-punti 17 u 18 ta’ din is-sentenza, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi preliminari magħmula biss sa fejn dawn id-domandi huma intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna li tinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali hijiex fondata li tibbenefika minn protezzjoni internazzjonali, peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli għall-bqija.

25

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, u, b’mod partikolari, tal-elementi mfakkra fil-punti 20 sa 22 ta’ din is-sentenza, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jirrikonoxxu lill-ġenitur ta’ wild li għandu l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru dritt li jibbenefika mill-protezzjoni internazzjonali f’dan l-Istat Membru.

Fuq l-ispejjeż

26

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

ma jimponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jirrikonoxxu lill-ġenitur ta’ wild li għandu l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru dritt li jibbenefika mill-protezzjoni internazzjonali f’dan l-Istat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.