Kawża C‑369/22 P
Société Air France SA
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas‑26 ta’ Frar 2026
“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru – Koordinazzjoni tal-elementi tal-prezz tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija bl-ajru (sovrataxxa tal-fjuwil, sovrataxxa tas-sigurtà u rifjut li jitħallsu kummissjonijiet fuq is-sovrataxxi) – Servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound – Kompetenza territorjali tal-Kummissjoni – Effetti kkwalifikati – Kalkolu tal-multa – Ċirkustanza attenwanti – Teħid inkunsiderazzjoni tas-sistemi regolamentari fis-seħħ fil-pajjiżi terzi – Ugwaljanza fit-trattament – Tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur uniku u kontinwu – Prova – Parteċipazzjoni fid-diversi elementi tal-ksur uniku u kontinwu”
Kompetizzjoni – Trasport – Regoli tal-kompetizzjoni – Trasport bl-ajru – Regolament Nru 411/2004 – Kamp ta’ applikazzjoni – Rotot Unjoni-pajjiżi terzi u rotot ŻEE minbarra dawk Unjoni-pajjiżi terzi – Servizzi ta’ trasport tal-merkanzija bl-ajru – Inklużjoni
(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53, Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 40/2005; Regolamenti tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 32, u Nru 411/2004)
(ara l-punti 55 sa 61)
Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Kamp ta’ applikazzjoni territorjali – Kompetenza tal-Kummissjoni – Ammissibbiltà fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku – Implimentazzjoni jew effetti kkwalifikati ta’ prattiki abbużivi fiż-ŻEE – Rimedji alternattivi – Kriterju ta’ effett immedjat, sostanzjali u prevedibbli – Portata
(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)
(ara l-punti 70 sa 94)
Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Kamp ta’ applikazzjoni territorjali – Kompetenza tal-Kummissjoni – Ammissibbiltà fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku – Implimentazzjoni jew effetti kkwalifikati ta’ prattiki abbużivi fiż-ŻEE – Rimedji alternattivi – Kriterju ta’ effett immedjat, sostanzjali u prevedibbli – Oneru tal-prova – Tqassim bejn il-Kummissjoni u l-impriżi kkonċernati
(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)
(ara l-punti 95 sa 101)
Rikors għal annullament – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Portata – Setgħa tal-Qorti Ġenerali li tissostitwixxi l-motivazzjoni tal-awtur tal-att ikkontestat bil-motivazzjoni tagħha stess – Esklużjoni – Setgħa tal-Qorti Ġenerali li tispjega l-motivazzjoni tal-att ikkontestat b’risposta għall-argumenti mressqa quddiemha – Inklużjoni
(Artikolu 263 TFUE)
(ara l-punti 102 sa 106)
Appell – Aggravji – Aggravju indirizzat kontra raġuni superfluwa – Aggravju ineffettiv
(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)
(ara l-punti 109 sa 113, 120 sa 125, u 177)
Rikors għal annullament – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Portata – Projbizzjoni li tingħata deċiżjoni ultra petita – Eżami ex officio mill-qorti tal-Unjoni ta’ motiv mhux invokat li jirrigwarda l-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni kkontestata – Inammissibbiltà
(Artikolu 263 TFUE)
(ara l-punt 128)
Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni – Portata – Determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta – Osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Assenza ta’ ksur mill-Qorti Ġenerali
(Artikoli 101(1) u 261 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31)
(ara l-punti 129 sa 131)
Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni – Portata tal-oneru probatorju – Ksur uniku u kontinwu – Assenza ta’ parteċipazzjoni fil-laqgħat kollużivi matul perijodu partikolari – Assenza ta’ effett fil-preżenza ta’ elementi oġġettivi u konkordanti li jistabbilixxu t-tkomplija tal-parteċipazzjoni fil-ksur matul l-istess perijodu
(Artikolu 101 TFUE)
(ara l-punti 140 sa 155)
Appell – Aggravji – Motiv imressaq għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appell – Inammissibbiltà – Aggravju intiż biss sabiex jikkontesta l-fondatezza tas-sentenza appellata – Aggravju mislut mis-sentenza appellata stess – Ammissibbiltà
(Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja Artikolu 170)
(ara l-punti 163 sa 171)
Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni – Portata tal-oneru probatorju – Ksur uniku u kontinwu – Prova tat-tul ta’ żmien dedotta minn ċertu numru ta’ indizji u koinċidenzi
(Artikolu 101 TFUE)
(ara l-punti 172 sa 176, u 179 sa 182)
Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi – Inammissibbiltà – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament
(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)
(ara l-punti 183 sa 185)
Sunt
F’sensiela ta’ tlettax-il sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet kważi l-appelli kollha ppreżentati minn diversi kumpanniji tal-ajru ( 1 ) involuti fil-“kartell tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru” kontra s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali ( 2 ) li ddeċidew dwar ir-rikorsi għal annullament tagħhom li kienu jirrigwardaw id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea imponiet fuqhom multi talli pparteċipaw f’dan l-akkordju ( 3 ). Għalhekk, kien biss l-appell ippreżentat minn SAS Cargo Group li ntlaqa’ parzjalment mill-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fil-kalkolu tal-multa imposta fuq din il-kumpannija tal-ajru ( 4 ).
Fis‑7 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni kienet irċeviet, skont l-Avviż dwar il-klemenza tal‑2002, talba għal immunità mressqa minn Lufthansa u tnejn mis-sussidjarji tagħha. Din it-talba kienet issemmi l-eżistenza ta’ kuntatti antikompetittivi bejn diversi impriżi li joperaw fis-suq tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru (iktar ’il quddiem it-“trasportaturi”), dwar l-introduzzjoni ta’ sovrataxxi tal-fjuwil u tas-sigurtà għas-servizzi tagħhom tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru kif ukoll, essenzjalment, ir-rifjut li jingħata lill-ispedizjoniera tnaqqis fuq dawn is-sovrataxxi. Il-provi miġbura mill-Kummissjoni u l-investigazzjonijiet tagħha wassluha sabiex tadotta, fid‑9 ta’ Novembru 2010, l-ewwel deċiżjoni ( 5 ) fir-rigward ta’ 21 trasportatur.
F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li t-trasportaturi kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru KE-Svizzera, billi kkoordinaw l-aġir tagħhom fir-rigward tat-tarifikazzjoni għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport tal-merkanzija. Madankollu, l-imsemmija deċiżjoni ġiet annullata, kompletament jew parzjalment, mill-Qorti Ġenerali minħabba kontradizzjonijiet li kienu jivvizzjaw il-motivazzjoni tagħha.
Wara dawn is-sentenzi ta’ annullament, il-Kummissjoni kkonstatat, permezz tad-Deċiżjoni kontenzjuża, l-eżistenza ta’ tali ksur uniku u kontinwu, li permezz tiegħu 19-il kumpannija tal-ajru kienu kkoordinaw, matul perijodi inklużi bejn l‑1999 u l‑2006, l-aġir tagħhom fir-rigward tat-tarifikazzjoni għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport tal-merkanzija fid-dinja kollha billi qablu dwar l-introduzzjoni ta’ sovrataxxi tal-fjuwil u tas-sigurtà u dwar ir-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet. Għalhekk, hija imponiet fuqhom miżuri korrettivi u multi għall-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-ksur.
Adita b’diversi rikorsi ppreżentati mill-appellanti intiżi, essenzjalment, għall-annullament, totali jew parzjali, tad-Deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tagħhom, kif ukoll għat-tħassir tal-multa imposta jew għat-tnaqqis tal-ammont tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi ta’ Martinair, KLM, Cargolux, Air France-KLM, Air France, Lufthansa u Singapore Airlines. Mill-banda l-oħra, hija annullat parzjalment id-Deċiżjoni kontenzjuża u naqqset il-multa fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-ksur tal-appellanti l-oħra.
L-appellanti għalhekk adixxew lill-Qorti tal-Ġustizzja b’diversi appelli minn dawn is-sentenzi.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Insostenn tal-appelli rispettivi tagħhom, l-appellanti invokaw diversi aggravji, li jirrigwardaw, b’mod partikolari:
|
1. |
il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata u tissanzjona ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija minn ajruporti li jinsabu f’pajjiżi terzi lejn f’dawk li jinsabu fi Stati Membri tal-Unjoni jew fi Stati oħra li huma parti miż-ŻEE li ma humiex membri tal-Unjoni (iktar ’il quddiem is-“servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound”); |
|
2. |
l-eżami, mill-Qorti Ġenerali, tal-fondatezza tad-Deċiżjoni kontenzjuża; |
|
3. |
il-ksur tad-drittijiet tad-difiża; |
|
4. |
l-eżerċizzju, mill-Qorti Ġenerali, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. |
1) Fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata u tissanzjona ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound
Filwaqt li ppreċiżat li, billi jsemmi t-trasport bl-ajru “bejn” l-Unjoni u pajjiżi terzi, ir-Regolament Nru 1/2003 ( 6 ), kif emendat bir-Regolament Nru 411/2004 ( 7 ), japplika kemm għat-trasport bl-ajru mill-Unjoni lejn pajjiżi terzi kif ukoll għat-trasport bl-ajru minn pajjiżi terzi lejn l-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-motivi bbażati fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata u tissanzjona ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound.
Fuq dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Kummissjoni tista’ tikkonstata u tissanzjona aġir adottat barra mit-territorju tal-Unjoni jew taż-ŻEE, sakemm dan ikun ġie implimentat f’dan it-territorju (iktar ’il quddiem il-“kriterju tal-implimentazzjoni”) jew sakemm ikun prevedibbli li jipproduċi effett immedjat u sostanzjali fit-territorju msemmi (iktar ’il quddiem il-“kriterju tal-effetti kkwalifikati”).
Filwaqt li l-Kummissjoni kienet qieset, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, li dawn iż-żewġ kriterji kienu ssodisfatti f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonfermat il-kompetenza territorjali tal-Kummissjoni billi rreferiet esklużivament għall-kriterju tal-effetti kkwalifikati.
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, qabelxejn, li l-Qorti Ġenerali ma kinitx wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat il-kompetenza tal-Kummissjoni b’riferiment biss għall-kriterju tal-“effetti kkwalifikati”, peress li dan il-kriterju u dak tal-implimentazzjoni huma ta’ natura alternattiva.
Barra minn hekk, peress li diversi appellanti kkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ddeduċiet li kien hemm effetti kkwalifikati mill-klassifikazzjoni tal-akkordju bħala “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, sussegwentement, li dawn l-ilmenti kienu jirriżultaw minn interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata.
Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ukoll l-ilmenti li jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha stess għal dik tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati. F’dan ir-rigward, hija fakkret li, meta l-Qorti Ġenerali sempliċement tirrispondi għall-argument imressaq quddiemha u b’hekk tispjega l-motivazzjoni tal-att ikkontestat, ma setax jitqies li hija ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha stess għal dik tal-awtur ta’ dan l-att. Barra minn hekk, il-fatt li l-elementi li ppermettew lill-Qorti Ġenerali tivverifika li l-Kummissjoni kienet iġġustifikat il-kompetenza ekstraterritorjali tagħha fid-dawl tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati kienu bbażati fuq premessi esterni għat-taqsima tad-Deċiżjoni kontenzjuża dwar il-kompetenza internazzjonali tal-Kummissjoni, lanqas ma seta’ jistabbilixxi l-eżistenza ta’ sostituzzjoni illegali ta’ motivazzjoni
Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet id-diversi lmenti bbażati fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali waqt l-istħarriġ tagħha tal-implimentazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati mill-Kummissjoni.
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, skont dan il-kriterju, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi li l-prattiki kkonċernati għandhom effetti prevedibbli, immedjati u sostanzjali fl-Unjoni jew, bħal f’dan il-każ, fiż-ŻEE.
Fir-rigward tan-natura prevedibbli tal-prattiki kkonċernati, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fl-ewwel lok, li huma prevedibbli d-danni kollha li l-partijiet f’akkordju għandhom raġonevolment ikunu jafu li ser iseħħu, fil-limiti ta’ dak li huwa ġeneralment magħruf, b’kuntrast mad-danni li jirriżultaw minn żvolġiment kompletament inabitwali ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali.
Issa, peress li s-sovrataxxa tal-fjuwil, is-sovrataxxa tas-sigurtà u r-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet jikkostitwixxu aġir kollużiv ta’ ffissar orizzontali tal-prezzijiet u li tali aġir seta’ partikolarment jaffettwa l-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kien stabbilit li dawn il-prattiki kienu jwasslu għal żieda fil-prezz totali tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound. Minn dan kien isegwi li l-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata tivverifika b’mod konkret l-effett tas-sovrataxxi fuq il-prezz tal-bejgħ totali tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija u lanqas ma kellha għalfejn tiddetermina jekk u sa fejn l-ispedizjoniera kienu effettivament għaddew din iż-żieda fil-prezz fuq l-ispedituri jew jekk u sa fejn dawn kienu effettivament għaddew din iż-żieda fl-ispiża tat-trasport fuq il-konsumaturi.
Skont ir-regoli ġenerali tal-produzzjoni tal-provi, il-Qorti Ġenerali lanqas ma qalbet l-oneru tal-prova meta eżaminat jekk l-appellanti kinux ipproduċew provi li jippermettu li tiġi kkonfutata l-konstatazzjoni tan-natura prevedibbli tal-effetti tal-aġir inkwistjoni fiż-ŻEE.
Fir-rigward tan-natura immedjata tal-effetti tal-prattiki kkonċernati, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fit-tieni lok, li huwa biżżejjed li l-aġir antikompetittiv inkwistjoni jkun jista’ jkollu effett immedjat fl-Unjoni jew fiż-ŻEE sabiex din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta.
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet b’mod partikolari l-ilmenti bbażati fuq l-assenza ta’ natura immedjata tal-effetti tal-aġir tal-appellanti fuq il-kompetizzjoni fiż-ŻEE, sa fejn dawn l-effetti kienu jiddependu mill-intervent ta’ atturi oħra tal-katina kawżali, jiġifieri l-ispedizjoniera u l-ispedituri, peress li dan l-intervent kien jirriżulta oġġettivament mill-akkordju inkwistjoni, skont il-funzjonament normali tas-suq.
Fir-rigward tan-natura sostanzjali tal-effetti tal-prattiki kkonċernati, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet, fit-tielet lok, l-ilmenti fis-sens li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq karatteristiċi tal-akkordju kontenzjuż li ma kinux jinsabu fid-Deċiżjoni kontenzjuża sabiex ikkonkludiet li l-effett fuq il-prezzijiet tal-merkanzija importata kien ta’ natura sostanzjali.
Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni stabbilixxiet li l-kriterju tal-effetti kkwalifikati kien issodisfatt fir-rigward tal-koordinazzjoni relatata mas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija inbound ikkunsidrata b’mod iżolat, kien superfluwu għall-Qorti Ġenerali li teżamina jekk il-kriterju tal-effetti kkwalifikati kienx issodisfatt fid-dawl tal-effetti tal-ksur uniku u kontinwu kkunsidrat fl-intier tiegħu.
2) Fuq l-eżami tal-fondatezza tad-Deċiżjoni kontenzjuża
Fir-rigward tal-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-fondatezza tad-Deċiżjoni kontenzjuża, ċerti appellanti qajmu lmenti b’mod partikolari dwar:
(a) l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħhom fih;
(b) il-klassifikazzjoni tal-prattiki kkonċernati bħala restrizzjoni minħabba l-għan;
(c) l-annullament parzjali biss tad-Deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward ta’ Latam Airlines Group u Lan Cargo;
(d) il-preskrizzjoni tas-setgħa ta’ sanzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-aġir relatat mar-rotot fiż-ŻEE u Unjoni-Svizzera.
a) Fuq l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-appellanti fih
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-portata ġeografika tal-prattiki kkonċernati, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li ma kienet teżisti ebda kontradizzjoni bejn id-dispożittiv tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li tikklassifika bħala dinjija l-portata tal-aġir antikompetittiv inkwistjoni, u l-motivi ta’ din id-deċiżjoni, li esludew ċerti rotot Unjoni-pajjiżi terzi. Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “aġir”, li jkopri numru ta’ elementi fattwali, u dak ta’ “ksur”, li jirrigwarda l-klassifikazzjoni ġuridika li ngħatat lil dan l-aġir. Barra minn hekk, ikunu xi jkunu l-motivi li fuqhom tkun ibbażata deċiżjoni adottata minn istituzzjoni tal-Unjoni, huwa biss id-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni, moqri fid-dawl tal-motivi tagħha li jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tagħha, li jista’ jipproduċi effetti legali.
Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, sabiex istanzi ta’ aġir differenti jiġu kklassifikati bħala ksur uniku u kontinwu, ma hemmx lok li jiġi vverifikat jekk dawn għandhomx rabta ta’ komplementarjetà, fis-sens li kull wieħed minnhom ikun intiż li jindirizza konsegwenza waħda jew iktar tal-iżvolġiment normali tal-kompetizzjoni, u jekk jikkontribwixxux, permezz ta’ interazzjoni, għat-twettiq tal-effetti antikompetittivi kollha mixtieqa mill-awturi tagħhom, fil-kuntest ta’ pjan ġenerali b’għan uniku. Għaldaqstant, anki jekk il-Kummissjoni tkun naqset milli tistabbilixxi tali rabta ta’ komplementarjetà bejn il-ftehimiet u l-prattiki kontenzjużi, kif sostnew ċerti appellanti, din l-ommissjoni ma tkunx ta’ natura, waħedha, li tivvizzja bi żball il-klassifikazzjoni tagħhom bħala ksur uniku u kontinwu.
Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li hija rrikonoxxiet biss b’mod restrittiv il-possibbiltà li jiġi eskluż aġir antikompetittiv partikolari mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, fis-sens li ġie impost fuq l-impriżi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew li din tal-aħħar eliminat kwalunkwe possibbiltà ta’ aġir kompetittiv min-naħa tagħhom. Għalhekk, jekk liġi nazzjonali sempliċement tinkoraġġixxi jew tiffaċilita l-adozzjoni, mill-impriżi, ta’ aġir antikompetittiv awtonomu, dawn jibqgħu suġġetti għall-Artikoli 101 u 102 TFUE. Peress li din il-ġurisprudenza tapplika kemm għal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri kif ukoll għal dawk ta’ pajjiżi terzi, huma l-impriżi inkwistjoni li għandhom jipproduċu l-prova li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-pajjiżi terzi kkonċernati ma kinux inkoraġġixxuhom, iżda obbligawhom jadottaw l-aġir inkwistjoni.
Fir-raba’ lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argumenti mressqa mill-appellanti sabiex jikkontestaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu ssanzjonat mill-Kummissjoni.
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod partikolari li, fir-rigward ta’ ksur li jestendi fuq diversi snin, l-assenza ta’ prova diretta tal-implimentazzjoni ta’ ftehim minn impriża għal ċerti perijodi speċifiċi ma tipprekludix li l-parteċipazzjoni tagħha fih tiġi madankollu kkonstatata għal dawn il-perijodi, kemm il-darba tali konstatazzjoni tkun ibbażata fuq indizji oġġettivi u konkordanti. F’każ bħal dan, il-Qorti Ġenerali setgħet tibbaża l-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza u tat-tul ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv fuq evalwazzjoni globali tal-provi u tal-indizji rilevanti kollha prodotti mill-Kummissjoni, li fosthom hemm b’mod partikolari l-effetti prodotti mill-aġir antikompetittiv ikkonċernat.
Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet, barra minn hekk, l-aggravju ta’ Air Canada li jikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żbalji ta’ liġi meta kkonstatat ir-responsabbiltà tagħha għal rotot mhux operati minnha jew li ma setgħetx topera, jiġifieri r-rotot fiż-ŻEE u Unjoni-Svizzera.
Fuq dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata kien jirriżulta li Air Canada kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi bl-aġir tagħha għall-għanijiet komuni mfittxija mill-parteċipanti kollha u li hija kienet taf bl-aġir li jikkostitwixxi ksur previst jew implimentat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet. Kien għalhekk mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dan li l-Kummissjoni kellha raġun iżżomm lil Air Canada responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu sa fejn dan kien jirrigwarda r-rotot fiż-ŻEE u Unjoni-Svizzera, indipendentement mill-kwalità possibbli tagħha ta’ kompetitriċi potenzjali fuq dawn ir-rotot.
Fil-ħames lok, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, għalkemm hija l-Kummissjoni li għandha tiġbor provi suffiċjentement preċiżi u konkordanti insostenn tal-konvinzjoni li l-ksur twettaq, il-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata tannulla deċiżjoni tal-Kummissjoni minħabba s-sempliċi fatt li din tkun semmiet punti ta’ fatt li ma jikkostitwixxux provi diretti tal-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur allegat. Fil-fatt, huwa biżżejjed li l-Qorti Ġenerali tivverifika, kif għamlet f’dan il-każ, li l-elementi kollha eżaminati kienu ta’ natura li jissostanzjaw l-konklużjoni li l-impriża inkwistjoni pparteċipat fil-ksur uniku u kontinwu. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, barra minn hekk, li provi dwar kuntatti preċedenti għall-perijodu tal-ksur jew relatati ma’ aġir li ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni jistgħu jikkorroboraw l-interpretazzjoni ta’ provi oħra marbuta ma’ dan il-perijodu, sabiex jiġu kkuntestwalizzati dawn tal-aħħar jew sabiex tintwera r-rikorrenza ta’ ċerti tipi ta’ aġir jew ta’ prattiki.
Fis-sitt u fl-aħħar lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-aggravju ta’ Cargolux fis-sens li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi kkonfermat il-parteċipazzjoni tagħha fil-parti tal-ksur relatata mar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet filwaqt li eskludiet l-involviment ta’ British Airways f’dan ir-rigward, peress li dawn iż-żewġ trasportaturi ma kinux f’sitwazzjonijiet paragunabbli fir-rigward tal-provi kkunsidrati fil-konfront tagħhom sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-komponent tal-ksur.
Bl-istess mod, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ma tagħtix lil Cargolux tnaqqis tal-multa ekwivalenti għal dak mogħti lil SAS Cargo Group lanqas ma setgħet tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li SAS Cargo Group ibbenefikat minn dan it-tnaqqis minħabba l-annullament tal-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fil-parti tal-ksur relatata mar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet.
b) Fuq il-klassifikazzjoni tal-prattiki kkonċernati bħala restrizzjoni minħabba l-għan
Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, sabiex jiġi evalwat jekk ftehim bejn impriżi jew deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jkollhomx grad suffiċjenti ta’ ħsara sabiex jitqiesu li huma restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba għan” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, skont ġurisprudenza stabbilita, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tagħhom, l-għanijiet li huma maħsuba li jiksbu kif ukoll il-kuntest ekonomiku u ġuridiku tagħhom. Madankollu, għal ftehimiet jew prattiki kollużorji li jikkostitwixxu ksur partikolarment serju tal-kompetizzjoni, bħalma huwa, bħal f’dan il-każ, akkordju ta’ ffissar ta’ prezzijiet orizzontali, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-analiżi tagħha tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih il-prattika taqa’ għal dak li jirriżulta strettament neċessarju sabiex jiġi konkluż li teżisti restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.
Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-aġir kollużiv inkwistjoni kien jikkonċerna biss parti mill-prezz tal-prodott jew tas-servizz ikkonċernat, peress li dan il-fatt bl-ebda mod ma seta’ jistabbilixxi li dan l-aġir ma kienx jikkonsisti f’forma ta’ koordinazzjoni li kellha titqies, min-natura tagħha stess, li tippreġudika l-funzjonament tal-kompetizzjoni normali. Għall-kuntrarju, tali aġir iwassal min-natura tiegħu stess għal żieda fil-prezzijiet li twassal għal tqassim ħażin tar-riżorsi għad-detriment, b’mod partikolari, tal-konsumaturi.
Lanqas ma kien konvinċenti l-argument li r-rifjut li titħallas kummissjoni kien jikkostitwixxi risposta leġittima tal-kumpanniji tal-ajru għall-aġir allegatament illegali tal-ispedizjoniera, peress li kienu l-awtoritajiet pubbliċi u mhux l-impriżi privati li kellhom jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti legali. Għalhekk, anki li kieku kellu jitqies li kien stabbilit, dan il-fatt ma setax fi kwalunkwe każ jilleġittima ksur tal-Artikolu 101 TFUE u wisq inqas prattika kollużorja li fir-rigward tagħha ġie kkonstatat li kellha l-grad suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni sabiex tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni minħabba l-għan.
c) Fuq l-annullament parzjali biss tad-Deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċerna lil Latam Airlines Group u Lan Cargo
Permezz tas-sentenza tagħha Latam Airlines Group u Lan Cargo vs Il‑Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni kontenzjuża sa fejn kienet tikkonċerna l-parteċipazzjoni ta’ Latam Airlines Group u Lan Cargo fil-komponenti tal-ksur uniku u kontinwu relatati mas-sovrataxxa tas-sigurtà u mar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet, minħabba li l-Kummissjoni kienet qieset b’mod żbaljat li Lan Cargo kienet taf b’dawn il-komponenti tal-ksur.
Insostenn tal-appell tagħhom, Latam Airlines Group u Lan Cargo kkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli annullat biss parzjalment id-Deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tagħhom, filwaqt li l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni kellu jwassal għall-annullament sħiħ ta’ din id-deċiżjoni.
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-konstatazzjoni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li impriża, waqt il-parteċipazzjoni tagħha f’wieħed mill-istanzi ta’ aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu, kienet taf bl-aġir antikompetittiv l-ieħor adottat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet jew setgħet raġonevolment tipprevedih u kienet lesta li taċċetta r-riskju tiegħu, ma tistax twassal sabiex teżenta lil din l-impriża mir-responsabbiltà tagħha għall-parti tal-aġir li fir-rigward tagħha huwa stabbilit li hija pparteċipat fiha jew li fir-rigward tagħha huwa paċifiku li hija tista’ tinżamm responsabbli. F’dan il-każ, il-qorti tal-Unjoni għandha tillimita ruħha li tannulla parzjalment id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tkun ikkontestata quddiemha.
Minn dan kien isegwi li, sa fejn il-parteċipazzjoni ta’ Lan Cargo fl-iskambji relatati mas-sovrataxxa tal-fjuwil ma kinitx ġiet ikkontestata, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żbalji meta annullat biss parzjalment id-Deċiżjoni kontenzjuża.
Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li Lan Cargo la kellha għarfien tal-iskambji relatati mas-sovrataxxa tas-sigurtà u lanqas ta’ dawk relatati mar-rifjut li jitħallsu kummissjonijiet ma setax jibdel il-konstatazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu, li madankollu ma setax jiġi imputat fl-intier tiegħu lil dan it-trasportatur.
d) Fuq il-preskrizzjoni tas-setgħa ta’ sanzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-aġir relatat mar-rotot fiż-ŻEE u Unjoni-Svizzera
Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ukoll l-ilmenti li l-Qorti Ġenerali kellha tirrileva ex officio li s-setgħat ta’ sanzjoni tal-Kummissjoni kienu preskritti fir-rigward tal-aġir relatat mar-rotot fiż-ŻEE u Unjoni-Svizzera, konformement mal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003.
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li mill-formulazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003, mill-kuntest tiegħu kif ukoll mill-għanijiet li huwa jfittex li jilħaq, jirriżulta li t-termini previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 25 tiegħu jikkostitwixxu termini ta’ preskrizzjoni. Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-osservanza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ma tistax titqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni, iżda għandha titqajjem mill-parti kkonċernata.
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ukoll l-argument fis-sens li l-aggravju bbażat fuq l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tas-setgħat ta’ sanzjoni tal-Kummissjoni kellu jiġi assimilat ma’ aggravju ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni li timponi multi fuq l-appellanti. Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 jobbliga lill-Kummissjoni tissanzjona ksur partikolari f’ċertu terminu, din id-dispożizzjoni la għandha l-għan u lanqas l-effett li ċċaħħad lill-Kummissjoni mis-setgħa tagħha li tissanzjona ksur ieħor differenti minn dak kopert mill-preskrizzjoni. Barra minn hekk, anki fil-każ tal-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tas-setgħat ta’ sanzjoni tal-Kummissjoni, din tibqa’ kompetenti sabiex tikkonstata ksur preskritt, bil-kundizzjoni li turi interess leġittimu fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata li l-ksur twettaq.
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellanti kkonċernati lanqas ma setgħu jinvokaw il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta mqabbla mal-kumpanniji tal-ajru li rebħu l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali billi sostnew li l-azzjoni tal-Kummissjoni kienet parzjalment preskritta, peress li din id-differenza fit-trattament kienet tirriżulta esklużivament miċ-ċirkustanza oġġettiva li dawn l-appellanti naqsu milli jinvokaw dan il-motiv meta huma kellhom il-possibbiltà li jagħmlu dan.
Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, barra minn hekk, li t-terminu ta’ preskrizzjoni lanqas ma huwa paragunabbli għat-termini proċedurali, peress li dawn tal-aħħar ġew stabbiliti sabiex tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, iċ-ċarezza kif ukoll iċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali. Issa, dan ma huwiex il-każ tat-terminu ta’ preskrizzjoni li huwa intiż prinċipalment sabiex jiżgura l-protezzjoni tal-impriżi kkonċernati.
Barra minn hekk, il-fatt li l-multi imposti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għandhom jiġu kklassifikati bħala “kriminali” fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, ma jimplikax, waħdu, li l-preskrizzjoni tas-setgħa ta’ sanzjoni tal-Kummissjoni ssegwi għan ta’ interess pubbliku lil hinn mill-protezzjoni tal-impriżi kkonċernati.
3) Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża
Fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ma tatx aċċess sħiħ u awtomatiku għat-tweġibiet tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kienx jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati, li kellhom jipprovdu l-ewwel indizju tal-utilità, għad-difiża tagħhom, tad-dokumenti li ma ġewx ikkomunikati lilhom. Hija fakkret, f’dan ir-rigward, li ma jeżistix aċċess sħiħ u awtomatiku għall-fajl matul proċedura amministrattiva.
Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, barra minn hekk, li l-Kummissjoni ma tiksirx id-drittijiet tad-difiża tal-impriżi destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’mod partikolari d-dritt tagħhom għal smigħ fir-rigward tal-kompetenza internazzjonali tal-Kummissjoni sabiex tissanzjona aġir antikompetittiv adottat barra mit-territorju tal-Unjoni jew taż-ŻEE, minħabba s-sempliċi fatt li din id-dikjarazzjoni ma tindikax espressament il-kriterju li fuqu l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża ruħha sabiex tissanzjona dan l-aġir, kemm-il darba l-imsemmija komunikazzjoni tippreċiża li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tissanzjona lill-impriżi destinatarji għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għal tali aġir u li tesponi l-elementi essenzjali li hija għandha l-intenzjoni li tuża għal dan l-għan.
4) Fuq l-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha
Fir-rigward tal-eżerċizzju, mill-Qorti Ġenerali, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, għalkemm l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza ma setax iwassal, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, għal diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali ma kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta naqqset il-multa ta’ impriża li l-motiv tagħha f’dan is-sens intlaqa’, mingħajr ma wettqet tnaqqis simili għal impriżi oħra f’sitwazzjoni paragunabbli iżda li ma invokawx dan l-istess motiv quddiemha.
Mill-banda l-oħra, fir-rigward tal-kalkolu mill-Qorti Ġenerali tal-multa imposta fuq SAS Cargo Group, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, billi inkludiet, fil-bażi ta’ kalkolu ta’ din il-multa, id-dħul mill-bejgħ imwettaq minn din l-impriża fuq ir-rotot interni sabiex tiżgura ugwaljanza fit-trattament mat-trasportaturi inkriminati l-oħra, il-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. B’mod partikolari, il-provi prodotti quddiemha bl-ebda mod ma kienu jistabbilixxu li fir-rigward tal-kumpanniji tal-ajru kollha li kienu inkriminati u li kkontestaw id-Deċiżjoni kontenzjuża, b’differenza minn SAS Cargo Group, id-dħul mill-bejgħ tagħhom possibbilment imwettaq fuq rotot operati fi ħdan Stat wieħed li jifforma parti miż-ŻEE kien ġie integrat fil-valur tal-bejgħ tagħhom li serva bħala bażi għall-kalkolu tal-multi tagħhom. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex elementi li kienu jippermettulha tikkonstata b’ċertezza ksur tal-ugwaljanza fit-trattament li kien ikollha tirrettifika.
Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat parzjalment is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża SAS Cargo Group et u, billi ddeċidiet b’mod definittiv fuq din il-kawża, imponiet fuq dawn l-impriżi multi ta’ ammont inqas minn dawk imposti fis-sentenza appellata.
Mill-banda l-oħra, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appelli l-oħra kollha ppreżentati mill-kumpanniji tal-ajru involuti fil-kartell “tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru”.
( 1 ) F’dan il-każ, Air Canada, Air France-KLM, Société Air France (iktar ’il quddiem “Air France”), Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV (iktar ’il quddiem “KLM”), British Airways plc, Cargolux Airlines International SA (iktar ’il quddiem “Cargolux”), Cathay Pacific Airways Ltd, Deutsche Lufthansa AG (iktar ’il quddiem “Lufthansa”), Japan Airlines International Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Japan Airlines”), Latam Airlines Group SA u Lan Cargo SA, Martinair Holland NV (iktar ’il quddiem “Martinair”), SAS Cargo Group et (iktar ’il quddiem “SAS Cargo Group”), Singapore Airlines Ltd u Singapore Airlines Cargo Pte Ltd (iktar ’il quddiem “Singapore Airlines”) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“appellanti”).
( 2 ) Sentenzi tat‑30 ta’ Marzu 2022, Martinair Holland vs Il‑Kummissjoni (T‑323/17, EU:T:2022:174), Koninklijke Luchtvaart Maatschappij vs Il‑Kummissjoni (T‑325/17, EU:T:2022:176), Air Canada vs Il‑Kummissjoni (T‑326/17, EU:T:2022:177), Cargolux Airlines vs Il‑Kummissjoni (T‑334/17, EU:T:2022:178), Air France-KLM vs Il‑Kummissjoni (T‑337/17, EU:T:2022:179), Air France vs Il‑Kummissjoni (T‑338/17, EU:T:2022:180), Japan Airlines vs Il‑Kummissjoni (T‑340/17, EU:T:2022:181), British Airways vs Il‑Kummissjoni (T‑341/17, EU:T:2022:182), Deutsche Lufthansa et vs Il‑Kummissjoni (T‑342/17, EU:T:2022:183), Cathay Pacific Airways vs Il‑Kummissjoni (T‑343/17, EU:T:2022:184), Latam Airlines Group u Lan Cargo vs Il‑Kummissjoni (T‑344/17, EU:T:2022:185), Singapore Airlines u Singapore Airlines Cargo vs Il‑Kummissjoni (T‑350/17, EU:T:2022:186).
( 3 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1742 final tas‑17 ta’ Marzu 2017 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Każ AT.39258 – Trasport tal-merkanzija bl-ajru) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”).
( 4 ) Sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2022, SAS Cargo Group et vs Il‑Kummissjoni, (T‑324/17, EU:T:2022:175).
( 5 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 7694 final tad‑9 ta’ Novembru 2010 li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 [TFUE], l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru (Każ C.39258 - Trasport ta’ merkanzija bl-ajru).
( 6 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas‑16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
( 7 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 411/2004 tas‑26 ta’ Frar 2004 i jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 3975/87 u jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 3976/87 u (KE) Nru 1/2003, f’konnessjoni ma’ trasport bl-ajru bejn il-Komunità u pajjiżi terzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 17)