SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

25 ta’ Mejju 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika dwar l-ażil – Proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 33(2)(d) – Proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni – Applikazzjonijiet inammissibbli – Applikazzjoni sussegwenti – Ritorn volontarju u tneħħija”

Fil-Kawża C‑364/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Minden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Minden, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Marzu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura

J.B.,

S.B.,

F.B., legalment irrappreżentat minn J.B. u S.B.,

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (is-Seba’ Awla),

Komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal‑Awla, N. Wahl u J. Passer (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u A. Hoesch, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u H. Leupold, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, J.B., S.B. u binthom F.B. u, min-naħa l-oħra, il-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) dwar iċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet għall-ażil tagħhom bħala inammissibbli.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2004/83/KE

3

Espost fil-Kapitolu V tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96), intitolat “Kwalifika għal Protezzjoni Sussidjarja”, l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, intitolat “Periklu serju”, kien jesponi:

“Periklu serju jikkonsisti minn:

a)

piena kapitali jew eżekuzzjoni; jew

b)

tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig ta’ applikant fil-pajjiż ta’ l-oriġini; jew

ċ)

theddida serja u individwali għal ħajja ta’ pajżan jew persuna minħabba fi vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern.”

4

L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Esklużjoni”, kien jipprevedi r-raġunijiet li jippermettu li ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida tiġi eskluża mill-persuni li jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni sussidjarja.

5

L-Artikolu 18 tal-istess direttiva, intitolat “L-għoti ta’ stat ta’ protezzjoni sussidjarja”, kien jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jagħtu stat ta’ protezzjoni sussidjarja lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew [lil persuna apolida li tissodisfa r-rekwiżiti sabiex tkun] persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Kapitoli II u V.”

6

Id-Direttiva 2004/83 tħassret bid-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

Id-Direttiva 2013/32

7

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

b)

‘applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali’ jew ‘applikazzjoni’, tfisser talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna apolida għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li qed tfittex stat [status] ta’ rifuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni barra mill-ambitu [kamp ta’ applikazzjoni] tad-Direttiva [2011/95], li tista’ ssir applikazzjoni separata għaliha;

[…]

e)

‘deċiżjoni finali’ tfisser deċiżjoni dwar jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida jingħatawx status ta’ rifuġjat jew protezzjoni sussidjarja taħt id-Direttiva [2011/95] u li ma tkunx suġġetta aktar għal rimedju fil-qafas tal-Kapitolu V ta’ din id-Direttiva irrispettivament jekk tali rimedju għandux l-effett li jippermetti applikanti jibqgħu fl-Istati Membri konċernati sal-eżitu tagħha;

[…]

q)

‘applikazzjoni sussegwenti’ tfisser applikazzjoni oħra għall-protezzjoni internazzjonali li ssir wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti, inklużi każijiet fejn l-applikant ikun irtira b’mod espliċitu l-applikazzjoni tiegħu u każijiet fejn l-awtorità determinanti tkun irrifjutat applikazzjoni wara l-irtirar impliċita tagħha taħt l-Artikolu 28(1).”

8

L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Applikazzjonijiet inammissibbli”, jipprevedi, fil-paragrafu 2(d) tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

[…]

d)

l-applikazzjoni tkun applikazzjoni sussegwenti, fejn ebda elementi jew sejbiet ġodda relatati mal-eżami dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95] ma’ jkunu rriżultaw jew ġew ippreżentati mill-applikant”.

9

L-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Applikazzjoni sussegwenti”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Fejn persuna li applikat għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru tagħmel sottomissjonijiet ulterjuri jew applikazzjoni sussegwenti fl-istess Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jeżamina dawn is-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-elementi tal-applikazzjoni sussegwenti fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni preċedenti jew fil-kuntest tal-eżami tad-deċiżjoni li tkun qiegħda tiġi riveduta jew appellata safejn l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu kont ta’ u jikkunsidraw l-elementi kollha li fuqhom ikunu bażati s-sottomissjonijiet ulterjuri jew l-applikazzjoni sussegwenti f’dan il-qafas.

2.   Għall-finijiet tat-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali taħt l-Artikolu 33(2)(d), applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali għandha tkun suġġetta l-ewwel għal eżami preliminari dwar jekk, ikunux instabu, jew ġew ippreżentati mill-l-applikant elementi jew sejbiet ġodda dwar l-eżami jekk dan jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95].

3.   Jekk l-eżami preliminari msemmi fil-paragrafu 2 jwassal għall-konklużjoni li elementi jew fatti ġodda tfaċċaw jew ġew preżentati mill-applikant u li dawn iżidu sostanzjalment il-probabbiltà li l-applikant jikkwalifika bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95], l-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata ulterjorment skont il-Kapitolu II. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal raġunijiet oħrajn għal eżami ulterjuri ta’ applikazzjoni sussegwenti.

[…]”.

Ir-Regolament Dublin III

10

L-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, bir-rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”), jipprevedi:

“L-obbligi speċifikati fl-Artikolu 18(1)(c) u (d), għandhom jieqfu fejn l-Istat Membru responsabbli jista’ jistabbilixxi, meta mitlub li jieħu lura applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)(c) jew (d), li l-persuna kkonċernata ħalliet it-territorju tal-Istati Membri f’konformità ma’ deċiżjoni ta’ ritorn jew ordni ta’ tkeċċija [tneħħija] li kien ħareġ wara l-irtirar jew ir-rifjut tal-applikazzjoni.

Applikazzjoni ddepożitata wara li sseħħ tkeċċija effettiva għandha titqies bħala applikazzjoni ġdida u twassal għal proċedura ġdida għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli.”

Id-Dritt Ġermaniż

Il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil

11

Il-punt 5 tal-Artikolu 29(1) tal-Asylgesetz (il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil) (BGBl. 2008 I, p. 1798), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Applikazzjoni għall-ażil hija inammissibbli meta:

5.

Fil-preżenza ta’ applikazzjoni sussegwenti, fis-sens tal-Artikolu 71, jew ta’ tieni applikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 71 bis, ma hemmx lok li jkun hemm proċedura ġdida għall-ażil.”

12

L-Artikolu 71 ta’ din il-liġi, intitolat “Applikazzjoni sussegwenti”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk, wara l-irtirar jew iċ-ċaħda definittiva ta’ applikazzjoni għall-ażil preċedenti, il-barrani jippreżenta applikazzjoni ġdida għall-ażil (applikazzjoni sussegwenti), għandu jkun hemm proċedura għall-ażil ġdida biss jekk ikun ssodisfatti r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 51(1) sa (3) tal-Verwaltungsverfahrensgesetz [(il-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva) (BGBl. 2013 I, p. 102)]; l-eżami għandu jitwettaq mill-Bundesamt [für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Immigrazzjoni u tar-Refuġjati, il-Ġermanja)]. […]”

Il-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva

13

L-Artikolu 51 tal-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, intitolat “Reviżjoni tal-proċedura”, jipprevedi, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“L-awtorità għandha, fuq applikazzjoni tal-persuna kkonċernata, tiddeċiedi dwar l-annullament jew l-emendar ta’ att amministrattiv definittiv:

1.

jekk is-sitwazzjoni ta’ fatt jew ta’ liġi li tat lok għall-att amministrattiv sussegwentement inbidlet favur il-persuna kkonċernata;

2.

jekk jeżistu provi ġodda li kienu jwasslu għal deċiżjoni iktar favorevoli għall-persuna kkonċernata;

[…]”.

Il-Liġi dwar is-Soġġorn tal-Barranin

14

L-Artikolu 60 tal-Aufenthaltsgesetz (il-Liġi dwar is-Soġġorn tal-Barranin) (BGBl. 2008 I, p. 162), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-Soġġorn tal-Barranin”), intitolat “Projbizzjoni ta’ tneħħija”, jipprovdi, fil-paragrafi 2, 3, 5 u 7 tiegħu:

“(2)   Barrani ma jistax ikun is-suġġett ta’ miżura ta’ tneħħija lejn Stat li fih huwa jkun konkretament mhedded li jiġu suġġett għal tortura jew għal trattament jew għal piena inumani jew degradanti.

(3)   Barrani ma jistax ikun is-suġġett ta’ miżura ta’ tneħħija lejn Stat jekk dan l-Istat qiegħed ifittxu għal ksur u jekk jeżisti perikolu ta’ kundanna għal mewt jew ta’ eżekuzzjoni tal-piena tal-mewt. […]

[…]

(5)   Barrani ma jistax ikun is-suġġett ta’ miżura ta’ tneħħija meta b’applikazzjoni tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950,] jirriżulta li t-tneħħija ma hijiex permessa.

[…]

(7)   It-tneħħija ta’ barrani lejn Stat ieħor għandha ġeneralment tiġi eskluża meta, fl-imsemmi Stat, l-integrità fiżika, il-ħajja jew il-libertà tal-imsemmi barrani jkunu esposti għal theddida konkreta u sostanzjali. It-tneħħija ta’ barrani lejn Stat ieħor hija eskluża meta dan il-barrani, inkwantu membru tal-popolazzjoni ċivili, ikun, fl-imsemmi Stat, espost għal theddida individwali kunsiderevoli għall-integrità fiżika tiegħu jew għall-ħajtu fil-kuntest ta’ kunflitt armat internazzjonali jew intern. Id-digrieti msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 60a(1) għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni t-theddidiet, fis-sens tal-ewwel jew tat-tieni sentenza, li għalihom hija esposta l-popolazzjoni jew parti mill-popolazzjoni li minnha jifforma parti l-barrani”.

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma ċittadini Libaniżi. J.B. daħal fil-Ġermanja matul ix-xahar ta’ Novembru 2000 u ppreżenta applikazzjoni għall-ażil fid-29 ta’ Novembru 2000. Fit-13 ta’ Diċembru 2000, l-uffiċċju kompetenti ċaħad din l-applikazzjoni bħala manifestament infondata u kkonstata li ma kienx hemm raġuni li tipprojbixxi t-tneħħija tiegħu. Fit-13 ta’ Awwissu 2001, J.B. ġie mneħħi lejn il-Libanu.

16

Fix-xahar ta’ Marzu 2010, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali daħlu fil-Ġermanja u ppreżentaw applikazzjonijiet għall-ażil fid-29 ta’ Marzu 2010. Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2010, l-uffiċċju kompetenti ċaħad l-applikazzjonijiet ta’S.B u ta’ F.B., billi kkonstata li r-rekwiżiti għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat ma kinux issodisfatti u li ma kienx hemm raġuni li tipprojbixxi t-tneħħija tagħhom. Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2010, l-uffiċċju kompetenti ċaħad l-applikazzjoni ta’ J.B. intiża għall-ftuħ ta’ proċedura ġdida għall-ażil. Fis-17 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali telqu volontarjament mill-Ġermanja u marru lura l-Libanu.

17

Matul ix-xahar ta’ Jannar 2021, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali daħlu mill-ġdid fil-Ġermanja. Fil-11 ta’ Frar 2021, huma ppreżentaw applikazzjonijiet għall-ażil ibbażati, essenzjalment, fuq il-fatt li s-sitwazzjoni tagħhom ma kinitx żgura fil-Libanu. Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Awwissu 2021, l-uffiċċju kompetenti ddikjara dawn l-applikazzjonijiet inammissibbli. L-istess uffiċċju ċaħad ukoll l-applikazzjonijiet għal emendar tad-deċiżjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, ordna lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitilqu mit-territorju Ġermaniż taħt piena ta’ tneħħija lejn il-Libanu u ddikjara projbizzjoni ta’ dħul u ta’ soġġorn għal perijodu ta’ 30 xahar b’effett mid-data ta’ din it-tneħħija.

18

Fit-18 ta’ Awwissu 2021, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni, huma invokaw il-punt li kienu għamlu iktar minn għaxar snin fil-Libanu u l-bidla tas-sitwazzjoni f’dan il-pajjiż wara li kienu marru lura.

19

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li, sa issa, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma ppreżentawx punti ta’ fatt jew provi ġodda li jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ proċedura oħra għall-ażil.

20

Fl-opinjoni tal-konvenuta fil-kawża prinċipali l-applikazzjonijiet għall-ażil tal-11 ta’ Frar 2021 għandhom jiġu kklassifikati bħala “applikazzjonijiet sussegwenti”, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 2(q) u tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32. Ir-ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ element jew ta’ fatt ġdid, fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija l-aħħar.

21

Il-qorti tar-rinviju ddikjarat li r-rikors tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellu effett sospensiv fir-rigward tal-ordni ta’ tluq mit-territorju Ġermaniż stipulata fid-deċiżjoni tal-11 ta’ Awwissu 2021.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Minden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Minden, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva [2013/32] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali li tipprovdi li applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli irrispettivament minn jekk l-applikant ikkonċernat kienx intbagħat lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u qabel il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali?

2)

Għall-finijiet tar-risposta għall-ewwel domanda, tagħmel differenza l-kwistjoni ta’ jekk l-applikant ikkonċernat kienx is-suġġett ta’ miżura ta’ tneħħija lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew jekk marx lura minn rajh?

3)

L-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva [2013/32] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi li Stat Membru jiċħad bħala inammissibbli applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali f’sitwazzjoni fejn id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni preċedenti ma tkunx ikkonċernat l-għoti tal-istatus marbut mal-protezzjoni sussidjarja iżda tkun tat lok għal stħarriġ tal-eżistenza tar-raġunijiet li jipprojbixxu t-tneħħija u fejn dan l-istħarriġ ikun sostanzjalment paragunabbli mal-istħarriġ imwettaq sabiex jingħata l-istatus marbut mal-protezzjoni sussidjarja?

4)

L-istħarriġ tal-eżistenza tar-raġunijiet li jipprojbixxu t-tneħħija u l-istħarriġ imwettaq sabiex jingħata l-istatus marbut mal-protezzjoni sussidjarja huma paragunabbli meta, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-eżistenza tar-raġunijiet li jipprojbixxu t-tneħħija, kellu jiġi vverifikat b’mod kumulattiv jekk, fl-Istat li lejh għandu jitneħħa, l-applikant ikkonċernat,

a)

huwiex mhedded konkretament li jkun suġġett għal tortura jew għal trattament jew piena inumani jew degradanti,

b)

huwiex fil-perikolu li jiġi kkundannat għall-mewt jew fil-perikolu li tiġi eżegwita kundanna għall-mewt,

c)

huwiex espost għar-riskju ta’ ksur tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali [, iffirmata f’ Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950],

d)

huwiex espost għal theddida konkreta u sostanzjali fir-rigward tal-persuna tiegħu, tal-ħajja tiegħu jew tal-libertà tiegħu,

jew inkella

e)

jekk huwiex espost, bħala membru tal-popolazzjoni ċivili, għal theddida individwali kunsiderevoli fir-rigward tal-persuna [għall-integrità fiżika] tiegħu jew tal-ħajja tiegħu fil-kuntest ta’ kunflitt b’armi [armat] internazzjonali jew nazzjonali?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

23

Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, minn naħa, l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda bħala inammissibbli irrispettivament mill-fatt li l-applikant mar lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu wara li l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ġiet miċħuda u qabel ma ppreżenta din l-applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali, u, min-naħa l-oħra, jekk iċ-ċirkustanza li dan l-applikant tneħħa jew mar lura volontarjament lejn dan il-pajjiż huwiex rilevanti f’dan ir-rigward.

24

Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 jelenka b’mod eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija inammissibbli (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2020, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Tompa), C‑564/18, EU:C:2020:218, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Fost dawn is-sitwazzjonijiet hemm dik, prevista fl-imsemmi Artikolu 33(2)(d), li fiha l-applikazzjoni inkwistjoni hija applikazzjoni sussegwenti, li ma tinkludi l-ebda element jew fatt ġdid dwar l-eżami intiż għad-determinazzjoni ta’ jekk l-applikant jissodisfax ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex ikollu dritt għall-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali abbażi tad-Direttiva 2011/95.

26

Il-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32 bħala applikazzjoni oħra għall-protezzjoni internazzjonali li ssir wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar applikazzjoni preċedenti.

27

Din id-definizzjoni, għalhekk, tinkludi l-kunċetti ta’ “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” u ta’ “deċiżjoni finali”, li huma wkoll iddefiniti fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, rispettivament fil-punt (b) u fil-punt (e) tiegħu (sentenza tat-22 ta’ Settembru 2022, Bundesrepublik Deutschland (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda mid-Danimarka), C‑497/21, EU:C:2022:721, punt 41).

28

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kunċett ta’ “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali“ jew ta’ “applikazzjoni”, dan huwa ddefinit fl-Artikolu 2(b) tal-imsemmija direttiva bħala applikazzjoni għal protezzjoni ppreżentata lil Stat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida, li tista’ tinftiehem bħala intiża għall-ksib tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, fis-sens tad-Direttiva 2011/95.

29

Skont l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw, diversi drabi, applikazzjonijiet f’dan is-sens.

30

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kunċett ta’ “deċiżjoni finali”, dan huwa ddefinit l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2013/32 bħala kull deċiżjoni dwar jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida jingħatawx status ta’ rifuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja taħt id-Direttiva 2011/95 u li ma tkunx suġġetta aktar għal rimedju fil-qafas tal-Kapitolu V tad-Direttiva 2013/32.

31

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-awtorità nazzjonali kompetenti adottat tali deċiżjoni finali fir-rigward tar-rikorrenti kollha fil-kawża prinċipali.

32

Barra minn hekk, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li r-ritorn temporanju, lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ta’ applikant għall-ażil wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma għandha l-ebda effett fuq il-klassifikazzjoni ta’ applikazzjoni ġdida għall-ażil bħala “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) tad-Direttiva 2013/32.

33

Fil-fatt, il-formulazzjonijiet tal-Artikolu 33(2)(d) u tal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva ma jindikawx li tali ritorn jikkostitwixxi kriterju rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali tikkostitwixxix applikazzjoni sussegwenti u tista’, bħala tali, tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

34

Ċertament, jekk elementi jew fatti ġodda, fis-sens tal-Artikolu 33(2)(d) u tal-Artikolu 40(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32, relatati mal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, feġġew jew ġew ippreżentati mill-applikant, hemm lok li jitwettaq eżami ġdid fuq il-mertu. F’dan is-sens, il-fatt li, qabel ma ppreżenta din l-applikazzjoni sussegwenti, dan l-applikant issoġġorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jista’ jkollu effett fuq l-evalwazzjoni tal-perikolu li għandha titwettaq u għalhekk fuq id-deċiżjoni ta’ għoti tal-protezzjoni internazzjonali, per eżempju jekk fil-pajjiż inkwistjoni l-imsemmi applikant kien espost għar-riskju ta’ persekuzzjoni. Madankollu, is-sempliċi fatt li kien hemm ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini ma jimplikax neċessarjament, minnu nnifsu, l-eżistenza ta’ “element jew ta’ fatt ġdid”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

35

Dan espost, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tispjega li l-ewwel u t-tieni domanda tagħha ġew ippreżentati minħabba kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 34 et seq tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-Kawża L.R. (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda min-Norveġja) (C‑8/20, EU:C:2021:221), li jgħidu li l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli inkwantu “applikazzjoni sussegwenti”, kemm il-darba l-applikant tneħħa lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu qabel ma ppreżentaha. Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar dawn il-kunsiderazzjonijiet fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Mejju 2021, L.R. (Applikazzjoni għall-ażil miċħuda min-Norveġja) (C-8/20, EU:C:2021:404).

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-imsemmija kunsiderazzjonijiet kienu prinċipalment ibbażati fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(3) tar-Regolament Dublin III, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 38 u 47 tal-imsemmija konklużjonijiet. Skont din id-dispożizzjoni, kull applikazzjoni ppreżentata mill-applikant wara li sseħħ tneħħija effettiva għandha titqies bħala applikazzjoni ġdida u twassal għal proċedura ġdida għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli.

37

Issa, għandha ssir distinzjoni bejn il-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni għall-ażil għandiex tiġi kkunsidrata bħala “applikazzjoni ġdida”, fis-sens tar-Regolament Dublin III u l-kwistjoni dwar jekk din l-applikazzjoni għandiex tiġi kklassifikata bħala “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(q) u tal-Artikolu 33(2)(d), tad-Direttiva 2013/32. Fil-fatt, fil-każ fejn applikant jerġa jidħol fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, il-portata tal-klassifikazzjoni ta’ applikazzjoni bħala “applikazzjoni ġdida”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(3) ta’ dan ir-regolament hija limitata, fil-kuntest tal-imsemmi regolament, għall-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali previst mill-istess regolament.

38

Barra minn hekk, il-fatt li jitqies li, irrispettivament mill-eżistenza ta’ elementi jew ta’ fatti ġodda fir-rigward tal-bżonn ta’ protezzjoni, ir-ritorn ta’ applikant lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu bejn l-ewwel applikazzjoni tiegħu u l-applikazzjoni l-ġdida tiegħu għal protezzjoni internazzjonali jimplika sistematikament eżami fuq il-mertu tal-applikazzjoni sussegwenti tiegħu, ikun ifisser li tiżdied raġuni speċifika li teskludi, f’tali każ, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ inammissibbiltà, peress li l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 jimponi eżami fuq il-mertu biss meta jkun hemm elementi jew fatti ġodda, jiġifieri każ b’każ.

39

Barra minn hekk, sa fejn ir-ritorn temporanju ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu huwa irrilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, il-fatt li telaq volontarjament jew li tneħħa mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat huwa neċessarjament ukoll irrilevanti f’dan ir-rigward.

40

Mill-elementi esposti iktar ’il fuq hemm lok li r-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda tkun li l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda bħala inammissibbli irrispettivament mill-fatt li, minn naħa, l-applikant mar lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu wara li l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ġiet miċħuda u qabel ma ppreżenta din l-applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali u mill-fatt li, min-naħa l-oħra, tali ritorn kien volontarju jew imġiegħel.

Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

41

Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu trattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil Stat Membru milli jiċħad applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli meta d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni preċedenti ma kinitx titratta l-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, iżda ġiet adottata wara kontroll tal-eżistenza ta’ raġunijiet li jipprojbixxu t-tneħħija u meta dan il-kontroll jikkorrispondi, essenzjalment, għal dak imwettaq fil-kuntest tal-għoti ta’dan l-istatus. Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, dik il-qorti tistaqsi jekk dawn il-kontrolli jistgħux jitqiesu bħala paragunabbli.

42

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn id-domandi għandhom jiġu analizzati fid-dawl tal-fatt li kien biss mill-1 ta’ Diċembru 2013 li l-leġiżlatur Ġermaniż ħoloq status awtonomu mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. Qabel din id-data, meta r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83 kienu jkunu ssodisfatti, l-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-ażil kienet tikkonstata l-eżistenza ta’ raġunijiet li jipprojbixxu t-tneħħija abbażi kemm tal-Artikolu 60(2) u (3) kif ukoll tat-tieni sentenza tal-Artikolu 60(7) tal-Liġi dwar is-Soġġorn tal-Barranin. Bla ħsara għall-eżami ta’ raġunijiet ta’ esklużjoni abbażi tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2004/83, tali konstatazzjoni kienet sussegwentement tagħti lok għall-għoti tad-drittijiet mogħtija, fil-qasam ta’ dritt ta’ soġġorn, lill-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja. Sa fejn din l-awtorità kienet tapplika, f’dan ir-rigward, l-istess “skala ta’ eżami” bħal dik meħtieġa mill-Artikoli 15 u 18 tad-Direttiva 2004/83 għall-verifika ta’ jekk kienx hemm lok li tingħata protezzjoni sussidjarja, minn dan kien jirriżulta li l-konsegwenzi ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-ordni ta’ projbizzjoni ta’ tneħħija kienu identiċi għal dawk ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-kontroll tal-eżistenza ta’ raġunijiet li jipprojbixxu t-tneħħija abbażi kemm tal-Artikolu 60(2) u (3) kif ukoll tat-tieni sentenza tal-Artikolu 60(7) tal-Liġi dwar is-Soġġorn tal-Barranin, hekk kif deskritt mill-qorti tar-rinviju, jidher li huwa, fuq livell sostantiv, paragunabbli għal dak previst fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83 u bħala li jagħti lill-applikanti livell ekwivalenti ta’ protezzjoni.

44

Madankollu, għandu jiġi osservat, fit-tieni lok, li t-tieni sentenza tal-Artikolu 60(7) tal-Liġi dwar is-Soġġorn tal-Barranin ma kinitx issemmi espliċitament il-kriterju tal-eżistenza ta’ theddida “minħabba fi vjolenza indiskriminatorja”, prevista fl-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva 2004/83. Dan espost, mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li din id-dispożizzjoni nazzjonali kellha tiġi interpretata b’riferiment għall-imsemmi Artikolu 15(ċ), li hija kienet tittrasponi espliċitament fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż. B’mod partikolari, bis-saħħa ta’ sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2008 tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), din it-tieni sentenza tal-Artikolu 60(7) kellha tiġi interpretata bħala li tinkludi dan il-kriterju. Skont il-ġurisprudenza u l-prassi amministrattiva Ġermaniża, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ raġuni li tipprojbixxi t-tneħħija stipulata fl-imsemmija tieni sentenza tal-Artikolu 60(7) għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji kollha stipulati fl-imsemmi Artikolu 15(ċ).

45

Hekk kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punti 25 sa 27 u 30 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “applikazzjoni sussegwenti”, fis-sens tal-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32, huwa relatat mal-eżistenza ta’ deċiżjoni finali preċedenti li tistabbilixxi, b’mod partikolari, jekk l-applikant għandux dritt għall-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

46

Issa, għalkemm, f’dan il-każ, id-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet preċedenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinux jirrigwardaw l-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, dawn ġew adottati wara kontroll tal-eżistenza ta’ raġunijiet li jipprojbixxu t-tneħħija konformament kemm mal-Artikolu 60(2) u (3) kif ukoll mat-tieni sentenza tal-Artikolu 60(7) tal-Liġi dwar is-Soġġorn tal-Barranin, li, skont l-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, huwa paragunabbli, fuq livell sostantiv, għall-kontroll imwettaq fil-kuntest tal-għoti ta’dan l-istatus.

47

Mill-elementi esposti iktar ’il fuq hemm lok li r-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda tkun li l-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lil Stat Membru milli jiċħad applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli meta d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni preċedenti ma kinitx titratta l-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, iżda ġiet adottata wara kontroll tal-eżistenza ta’ raġunijiet li jipprojbixxu t-tneħħija u meta dan il-kontroll huwa paragunabbli, fuq livell sostantiv, għal dak imwettaq fil-kuntest tal-għoti ta’dan l-istatus.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż, L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ ħlas lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (is-Seba’ Awla) taqta u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix li applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda bħala inammissibbli irrispettivament mill-fatt li, minn naħa, l-applikant mar lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu wara li l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ġiet miċħuda u qabel ma ppreżenta din l-applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali, u mill-fatt li, min-naħa l-oħra, tali ritorn kien volontarju jew imġiegħel.

 

2)

L-Artikolu 33(2)(d) tad-Direttiva 2013/32

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix lil Stat Membru milli jiċħad applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli meta d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni preċedenti ma kinitx titratta l-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, iżda ġiet adottata wara kontroll tal-eżistenza ta’ raġunijiet li jipprojbixxu t-tneħħija u meta dan il-kontroll huwa paragunabbli, fuq livell sostantiv, għal dak imwettaq fil-kuntest tal-għoti ta’dan l-istatus.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.