SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
18 ta’ Ġunju 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 21(1) – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 9(2) u (3) – Għoti definittiv tal-istatus ta’ refuġjat minn Stat Membru – Refuġjat li jirrisjedi, wara dan l-għoti, fi Stat Membru ieħor – Talba għall-estradizzjoni tal-Istat terz ta’ oriġini ta’ dan ir-refuġjat indirizzata lill-Istat Membru ta’ residenza – Effett tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat fuq il-proċedura ta’ estradizzjoni kkonċernata – Artikolu 18 u Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni tal-imsemmi refuġjat mill-estradizzjoni hekk mitluba”
Fil-Kawża C‑352/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Hamm (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamm, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Mejju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura dwar l-estradizzjoni ta’
A. A.
fil-preżenza ta’:
Generalstaatsanwaltschaft Hamm,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, K. Jürimäe (Relatriċi), E. Regan, T. von Danwitz, Z. Csehi u O. Spineanu–Matei, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.–C. Bonichot, L. S. Rossi, I. Jarukaitis, A. Kumin, M. L. Arastey Sahún u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: D. Dittert, kap ta’ diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Ġunju 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal A., minn H.-J. Römer u U. Sommer, Rechtsanwälte, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u A. Hoesch, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn D. G. Pintus, avvocato dello Stato, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma, S. Grünheid u J. Hottiaux, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tad‑19 ta’ Ottubru 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), u tal-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9). |
|
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura dwar l-estradizzjoni ta’ A., ċittadin Tork li jibbenefika mill-istatus ta’ refuġjat fl-Italja u li jirrisjedi fil-Ġermanja, wara talba għal estradizzjoni li kienet ġiet indirizzata mill-awtoritajiet Torok lill-awtoritajiet Ġermaniżi għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali kontrih. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt internazzjonali
Il‑Konvenzjoni ta’ Genève
|
3 |
Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”). Hija kienet issupplimentata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967 u li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967. |
|
4 |
L-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Genève. Madankollu l-Unjoni Ewropea ma hijiex parti kontraenti għal din il-konvenzjoni. |
|
5 |
L-Artikolu 1(A) tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din il-konvenzjoni, it-terminu ‛refuġjat’ għandu japplika għal kwalunkwe persuna: […] 2. Li, […] minħabba f’biża’ ġġustifikata li tiġi ppersegwitata għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, appartenenza għal grupp soċjali partikolari jew opinjoni politika partikolari, tkun barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha u li ma tistax jew, minħabba din il-biża’, ma tixtieqx titlob il-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż; jew li, jekk ma jkollhiex nazzjonalità u tkun tinsab barra mill-pajjiż fejn qabel kellha r-residenza abitwali tagħha, minħabba f’dawn l-avvenimenti, ma tistax jew, minħabba din il-biża’, ma tkunx trid tirritorna fih. Fil-każ ta’ persuna li għandha iktar minn nazzjonalità waħda, l-espressjoni ‘pajjiż tan-nazzjonalità tagħha’ tkopri kull wieħed minn dawn il-pajjiżi li tagħhom din il-persuna għandha n-nazzjonalità. Kull persuna li, mingħajr raġuni valida bbażata fuq tħassib iġġustifikat, ma tkunx talbet il-protezzjoni ta’ wieħed mill-pajjiżi tan-nazzjonalità tagħha, ma titqiesx li ġiet miċħuda mill-protezzjoni tal-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
6 |
L-Artikolu 33(1) tal-istess konvenzjoni jipprovdi: “Ebda wieħed mill-Istati kontraenti ma għandu jkeċċi jew jirritorna (‘refouler’), bi kwalunkwe mod, refuġjat lejn il-fruntieri tat-territorji fejn il-ħajja jew il-libertà tiegħu tkun mhedda minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, l-appartenenza tiegħu fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjoni politika tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Il‑Konvenzjoni Ewropea dwar l‑Estradizzjoni
|
7 |
L-Artikolu 3(1) u (2) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, iffirmata f’Pariġi fit‑13 ta’ Diċembru 1957, jipprovdi dan li ġej: “1 L-estradizzjoni ma għandhiex tingħata jekk ir-reat li għalih tintalab l-estradizzjoni jitqies bħala reat politiku jew att relatat ma’ tali reat mill-Parti mitluba. 2 L-istess regola għandha tapplika jekk il-Parti mitluba jkollha raġunijiet serji biex temmen li t-talba għall-estradizzjoni bbażata fuq reat tad-dritt komuni tkun saret għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni jew kastig ta’ individwu għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità jew opinjoni politika jew li s-sitwazzjoni ta’ dan l-individwu tista’ tiġi aggravata għal xi waħda minn dawn ir-raġunijiet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2011/95
|
8 |
Il-premessa 21 tad-Direttiva 2011/95 hija redatta kif ġej: “L-għarfien ta’ status ta’ refuġjat huwa att dikjaratorju.” |
|
9 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
[…]
[…]” |
|
10 |
Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Kwalifika Biex Wieħed Ikun Refuġjat”, jinkludu l-Artikoli 9 sa 12 ta’ din id-direttiva. L-Artikoli 11 u 12 ta’ din id-direttiva jiddefinixxu, rispettivament, il-każ li fih ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat tieqaf milli tkun refuġjat u dak li fih ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat tkun eskluża mill-istatus ta’ refuġjat. |
|
11 |
L-Artikoli 13 u 14 tal-imsemmija direttiva jinsabu fil-Kapitolu IV tagħha, li huwa intitolat “Status ta’ Refuġjat”. |
|
12 |
Skont l-Artikolu 13 tal-istess direttiva: “L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ refuġjat lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, li tikkwalifika bħala refuġjat bi qbil mal-Kapitoli II u III.” |
|
13 |
L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95 jirrigwarda r-“[r]evoka ta’, tmiem ta’ jew [iċ-]ċaħda għat-tiġdid ta’ status ta’ refuġjat”. Fi kliem dan l-artikolu: “1. Rigward applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitati wara d-dħul fis-seħħ tad-(Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96)), l-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta’ rifuġjat ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat mogħti minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju jekk hija tkun waqfet milli tkun refuġjat bi qbil mal-Artikolu 11. 2. Mingħajr preġudizzju għad-dmir tar-refuġjat bi qbil mal-Artikolu 4(1) li jiżvela l-fatti rilevanti kollha u jipprovdi d-dokumentazzjoni rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu jew/tagħha, l-Istat Membru, li jkun ta l-istatus ta’ refuġjat għandu, fuq bażi individwali, juri li l-persuna interessata tkun waqfet milli tkun jew qatt ma kienet refuġjat bi qbil mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. 3. L-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta’ refuġjat ta’ persuna li tkun ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat jekk, wara li hija tkun ingħatat status ta’ refuġjat, jiġi stabbilit mill-Istat Membru interessat li:
4. L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus mogħti lil refuġjat minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju, meta:
5. F’sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 4, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtux status lil refuġjat, fejn din id-deċiżjoni ma tkunx għadha ttieħdet. 6. Persuni li għalihom japplikaw il-paragrafi 4 jew 5 huma intitolati għal drittijiet dikjarati jew simili għal dawk dikjarati fl-Artikoli 3, 4, 16, 22, 31, 32 u 33 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra safejn huma preżenti fl-Istat Membru.” |
|
14 |
Il-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva, intitolat “Kontenut ta’ Protezzjoni Internazzjonali”, jinkludi l-Artikoli 20 sa 35 tagħha. |
|
15 |
L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Protezzjoni minn refoulement”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement bi qbil mal-obbligi internazzjonali tagħhom.” |
|
16 |
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 36 tal-istess direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom, b’konnessjoni mal-Kummissjoni [Ewropea], jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jistabbilixxu kooperazzjoni diretta u skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti.” |
Id‑Direttiva 2013/32
|
17 |
L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Id-dritt li wieħed jibqa’ fl-Istat Membru matul l-eżami tal-applikazzjoni”, jipprovdi: “1. L-applikanti għandhom jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru, għall-fini tal-proċedura biss, sa meta l-awtorità determinanti tkun ħadet deċiżjoni fl-ewwel istanza skont il-proċeduri stabbiliti fil-Kapitolu III. Dak id-dritt li jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru m’għandux jikkostitwixxi intitolament għall-permess ta’ residenza. 2. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu eċċezzjoni biss fejn persuna tagħmel applikazzjoni sussegwenti kif imsemmi fl-Artikolu 41 jew fejn dawn iċedu jew jestradixxu, skont il-każ, persuna lejn Stat Membru ieħor skont obbligi f’konformità ma’ mandat ta’ arrest Ewropew […] jew diversament, jew lejn pajjiż terz jew lejn qrati jew tribunali kriminali internazzjonali. 3. Stat Membru jista’ jestradixxi applikant f’pajjiż terz taħt il-paragrafu 2 biss fejn l-awtoritajiet kompetenti huma sodisfatti li deċiżjoni ta’ estradizzjoni mhux se tirriżulta f’refoulement diretta jew indiretta fi vjolazzjoni tal-obbligi ta’ dak l-Istat Membru taħt il-liġi internazzjonali u l-liġi tal-Unjoni.” |
|
18 |
L-Artikoli 44 u 45 ta’ din id-direttiva jistabbilixxu r-regoli li jirregolaw il-proċedura tal-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali. B’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 45(1) u (3) tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-awtorità kompetenti tkun qiegħda tikkunsidra li tirtira l-protezzjoni internazzjonali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew ta’ persuna apolida taħt l-Artikolu 14 jew l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95/UE, il-persuna konċernata għandha tgawdi mill-garanziji li ġejjin:
[…] 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti li tirtira l-protezzjoni internazzjonali tingħata bil-miktub. Ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt għandhom jiġu dikjarati fid-deċiżjoni u l-informazzjoni dwar kif tiġi kontestata d-deċiżjoni għandha tingħata bil-miktub.” |
|
19 |
Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 49 tad-Direttiva 2013/32: “L-Istati Membri għandhom, f’kuntatt mal-Kummissjoni, jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex tiġi stabbilita kooperazzjoni diretta u bdil ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti.” |
Id‑dritt Ġermaniż
|
20 |
L-Artikolu 6(2) tal-Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen (IRG) (il-Liġi dwar l-Assistenza Ġudizzjarja Internazzjonali Reċiproka f’Materji Kriminali), tat‑23 ta’ Diċembru 1982 (BGBl. 1982 I, p. 2071), jipprovdi dan li ġej: “L-estradizzjoni hija eskluża meta jkun hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li, fil-każ ta’ estradizzjoni, l-individwu mitlub ser jiġi pproċessat jew ikkastigat minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjonijiet politiċi tiegħu, jew li s-sitwazzjoni ta’ dan l-individwu tista’ tiġi aggravata għal waħda minn dawn ir-raġunijiet.” |
|
21 |
L-Artikolu 6 tal-Asylgesetz (AsylG) (il-Liġi dwar l-Ażil), tas‑26 ta’ Ġunju 1992 (BGBl. 1992 I, p. 1126), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fit‑2 ta’ Settembru 2008 (BGBl. 2008 I p. 1798), kif emendata l-aħħar bl-Artikolu 9 tal-Gesetz zur Weiterentwicklung des Ausländerzentralregisters (il-Liġi dwar l-Iżvilupp tar-Reġistru Ċentrali taċ-Ċittadini Barranin), tad‑9 ta’ Lulju 2021 (BGBl. 2021 I p. 2467), jipprovdi: “Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-ażil hija vinkolanti fil-kawżi kollha li fihom ir-rikonoxximent tal-benefiċċju tal-ażil jew l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 1(1) huwa rilevanti. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-proċedura ta’ estradizzjoni u lanqas għall-proċedura prevista fl-Artikolu 58a tal-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (Aufenthaltsgesetz – AufenthG) (il-Liġi dwar ir-Residenza, l-Attività Professjonali u l-Integrazzjoni taċ-Ċittadini Barranin fit-Territorju Federali), tat‑30 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1950).” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
22 |
A. huwa ċittadin Tork ta’ oriġini Kurda. Huwa telaq mit-Turkija fl-2010. |
|
23 |
Permezz ta’ deċiżjoni definittiva tad‑19 ta’ Mejju 2010, l-awtoritajiet Taljani rrikonoxxew lil A. l-istatus ta’ refuġjat minħabba li kien hemm riskju ta’ persekuzzjonijiet politiċi mill-awtoritajiet Torok minħabba s-sostenn tiegħu lill-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (PKK). Dan l-istatus huwa validu sal‑25 ta’ Ġunju 2030. |
|
24 |
A. ilu mix-xahar ta’ Lulju tas-sena 2019 jirrisjedi fil-Ġermanja. |
|
25 |
Abbażi ta’ mandat ta’ arrest, maħruġ fit‑3 ta’ Ġunju 2020 minn qorti Torka, A. kien is-suġġett ta’ senjalazzjoni mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (Interpol) sabiex jiġi arrestat bl-għan tal-estradizzjoni tiegħu lejn it-Turkija għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali għal omiċidju volontarju. Huwa jinsab akkużat li, fid‑9 ta’ Settembru 2009 f’Bingöl (it-Turkija), huwa spara arma tan-nar, u laqat lil ommu, wara tilwima verbali ma’ missieru u ma’ ħuh. Omm A. mietet bħala konsegwenza tal-feriti tagħha. |
|
26 |
A. ġie arrestat fil-Ġermanja fit‑18 ta’ Novembru 2020 u tqiegħed taħt detenzjoni provviżorja, imbagħad taħt arrest għall-estradizzjoni sal‑14 ta’ April 2022. |
|
27 |
Permezz ta’ digriet tat‑2 ta’ Novembru 2021, l-Oberlandesgericht Hamm (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamm, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, iddikjarat ammissibbli l-estradizzjoni ta’ A. lejn it-Turkija. Din il-qorti qieset li, skont id-dritt Ġermaniż, id-deċiżjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat meħuda mill-awtoritajiet Taljani ma kinitx tipproduċi effett vinkolanti fir-rigward tal-proċedura ta’ estradizzjoni mmexxija fil-Ġermanja, iżda setgħet tikkostitwixxi indizju sabiex jiġi ddeterminat, għall-finijiet tal-eżami tat-talba għal estradizzjoni, jekk A. kienx jinsab f’riskju serju u konkret li jkun suġġett, fit-Turkija, għal persekuzzjonijiet politiċi. L-imsemmija qorti għalhekk wettqet eżami awtonomu ta’ din it-talba għal estradizzjoni abbażi tal-argumenti ppreżentati minn A., minn naħa, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ażil immexxija fl-Italja, li hija setgħet tieħu konjizzjoni tagħha wara t-trażmissjoni tad-dokumenti relatati ma’ din il-proċedura, u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-proċedura ta’ estradizzjoni. Hija ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-garanziji pprovduti mill-awtoritajiet Torok, fis-sens li l-proċedura kriminali li titmexxa wara l-estradizzjoni għandha tosserva r-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq. Il-qorti tar-rinviju kkonkludiet li ma kienx hemm riskju ta’ persekuzzjonijiet politiċi u lanqas raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li l-imsemmija talba għal estradizzjoni, motivata mit-twettiq ta’ reat tad-dritt ordinarju, kienet ġiet ippreżentata għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni jew ta’ kastig lil A. għall-opinjonijiet politiċi tiegħu jew li s-sitwazzjoni tiegħu tirriskja, fil-każ ta’ konsenja, li tiġi aggravata għal tali raġunijiet. |
|
28 |
Dan id-digriet ġie annullat mill-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja), wara azzjoni kostituzzjonali ppreżentata minn A. Skont din il-qorti, l-Oberlandesgericht Hamm (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamm) kisret id-dritt fundamentali ta’ A. li jirriżulta mill-Artikolu 101(1) tal-Grundgesetz (il-Liġi Fundamentali), li jipprovdi li ħadd ma għandu jitneħħa mill-ġurisdizzjoni legali tiegħu. Fil-fatt, din il-qorti, bi ksur tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, naqset milli tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-kwistjoni, mingħajr preċedent u neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima, dwar jekk, skont id-dritt tal-Unjoni, ir-rikonoxximent definittiv, minn Stat Membru, tal-istatus ta’ refuġjat lil ċittadin ta’ pajjiż terz, huwiex vinkolanti fir-rigward tal-proċedura ta’ estradizzjoni mwettqa, fl-okkażjoni ta’ talba li toriġina mill-Istat terz ta’ oriġini ta’ dan ir-refuġjat, mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor. |
|
29 |
Wara r-rinviju, wara dan l-annullament, tal-kawża kkonċernata quddiem l-Oberlandesgericht Hamm (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamm), din tal-aħħar għandha tiddeċiedi mill-ġdid dwar it-talba għal estradizzjoni ta’ A. Din il-qorti tenfasizza li l-kwistjoni msemmija fil-punt preċedenti, mhux deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija kontroversjali fid-duttrina. |
|
30 |
Skont l-ewwel approċċ, mill-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li, meta persuna tingħata, permezz ta’ deċiżjoni definittiva, l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru, l-estradizzjoni lejn pajjiż terz ma tibqax ammissibbli skont id-dritt tal-Unjoni. Dan il-qari huwa sostnut mill-Artikoli 11, 12 u 14 tad-Direttiva 2011/95 kif ukoll mill-Artikoli 44 u 45 tad-Direttiva 2013/32, li jipprevedu regoli u proċeduri relatati mat-terminazzjoni, mal-esklużjoni u mat-tmiem tal-istatus ta’ refuġjat. Issa, ikun hemm riskju li dawn ir-regoli u proċeduri jiġu evitati jekk ikun possibbli għall-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jilqgħu talba għall-estradizzjoni ta’ refuġjat rrikonoxxut bħala tali mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor. |
|
31 |
Skont it-tieni approċċ, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li l-proċeduri ta’ ażil u ta’ estradizzjoni huma indipendenti minn xulxin, b’tali mod li deċiżjoni ta’ għoti, minn Stat Membru, tal-istatus ta’ refuġjat lil ċittadin ta’ pajjiż terz ma jistax jipproduċi effett vinkolanti fir-rigward tal-proċedura ta’ estradizzjoni mwettqa, fl-okkażjoni ta’ talba li toriġina mill-Istat terz ta’ oriġini ta’ dan ir-refuġjat, mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor. Din il-proċedura ta’ estradizzjoni tista’ tikkostitwixxi l-ewwel okkażjoni sabiex jiġu eżaminati l-kawżi ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat, li jistgħu jiġġustifikaw revoka ta’ dan l-istatus. Madankollu, għandha tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement, previst fl-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2011/95. |
|
32 |
Il-qorti tar-rinviju tadotta dan it-tieni approċċ u ssostni, barra minn hekk, l-evalwazzjonijiet li diġà saru fid-digriet tagħha tat‑2 ta’ Novembru 2021. |
|
33 |
Din il-qorti tenfasizza li ebda dispożizzjoni tad-Direttivi 2011/95 u 2013/32 ma tipprevedi li deċiżjoni li permezz tagħha Stat Membru jkun ta l-istatus ta’ refuġjat lil ċittadin ta’ pajjiż terz tipproduċi effett vinkolanti fir-rigward tal-proċedura ta’ estradizzjoni mwettqa, fil-każ ta’ talba li toriġina mill-Istat terz ta’ oriġini ta’ dan ir-refuġjat, mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor. |
|
34 |
Ir-rikonoxximent ta’ tali effett jimplika li, fil-każ ta’ skoperta, waqt il-proċedura ta’ estradizzjoni, ta’ elementi ġodda li jiġġustifikaw evalwazzjoni differenti tar-riskju ta’ persekuzzjoni politika mġarrba mill-individwu mitlub, wieħed għandu jistenna li l-awtorità tal-Istat Membru li fih ingħata l-istatus ta’ refuġjat tipproċedi, jekk ikun il-każ, għall-irtirar ta’ dan l-istatus. Dan itawwal l-imsemmija proċedura ta’ estradizzjoni, li jkun inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ħeffa, applikabbli b’mod partikolari meta l-persuna mitluba titqiegħed taħt arrest għall-estradizzjoni. |
|
35 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li huwa konformi mal-għan leġittimu li tiġi evitata l-impunità li jitqies li, minkejja r-rikonoxximent definittiv tal-istatus ta’ refuġjat liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, l-estradizzjoni tiegħu lejn il-pajjiż terz ta’ oriġini tiegħu hija ammissibbli, sa fejn din l-estradizzjoni la tmur kontra d-dritt internazzjonali u lanqas kontra d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 18 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). F’dan ir-rigward, din il-qorti tippreċiża li, fin-nuqqas ta’ estradizzjoni, id-dritt Ġermaniż jippermetti, fit-teorija, li jinbdew proċeduri kriminali kontra l-individwu mitlub. Madankollu, hija tqis li, peress li l-fatti seħħew fit-Turkija, tali proċeduri ma humiex, fil-prattika, possibbli fid-dawl tal-impossibbiltà, għall-awtoritajiet Ġermaniżi tal-infurzar tal-liġi, li jiksbu l-provi jew li jisimgħu xhieda fit-Turkija. |
|
36 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Hamm (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamm) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 9(2) u (3) tad-Direttiva [2013/32] ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 21(1) tad-[Direttiva 2011/95] għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rikonoxximent definittiv ta’ persuna bħala refuġjat fis-sens tal-[Konvenzjoni ta’ Genève] fi Stat Membru ieħor […] huwa, bis-saħħa tal-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u l‑Artikolu 4(3) TUE), vinkolanti fir-rigward tal-proċedura ta’ estradizzjoni mmexxija fl-Istat Membru rikjest għall-finijiet tal-estradizzjoni ta’ tali persuna fis-sens li l-estradizzjoni tal-persuna lejn il-pajjiż terz jew lejn il-pajjiż ta’ oriġini hija obbligatorjament eskluża sakemm ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat ma jkunx ġie rrevokat jew ma jkunx skada ratione temporis?” |
Fuq id‑domanda preliminari
|
37 |
Permezz tad-domanda unika tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(2) u (3) tad-Direttiva 2013/32 kif ukoll l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2011/95 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun kiseb l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru jkun suġġett, fi Stat Membru ieħor, li fit-territorju tiegħu jirrisjedi, għal talba għal estradizzjoni li toriġina mill-Istat terz ta’ oriġini tiegħu, dan l-Istat Membru l-ieħor ikun marbut, fil-kuntest tal-eżami ta’ din it-talba għal estradizzjoni, bid-deċiżjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat lil dan iċ-ċittadin, b’tali mod li din id-deċiżjoni tobbligah jirrifjuta l-estradizzjoni mitluba. |
|
38 |
B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ konvenzjoni internazzjonali fil-qasam tal-estradizzjoni bejn l-Unjoni u l-Istat terz ikkonċernat, f’dan il-każ ir-Repubblika tat-Turkija, ir-regoli ta’ dan is-suġġett jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri. Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri huma obbligati li jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija (C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 48). |
|
39 |
Qabel ma jiġu eżaminati d-dispożizzjonijiet speċifikament imsemmija mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/95, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-istatus ta’ refuġjat, fis-sens tal-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva, lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat li tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex titqies li hija refuġjat konformement mal-Kapitoli II u III tal-imsemmija direttiva, mingħajr ma għandhom setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2015, T., C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 63; tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 89, kif ukoll tas‑16 ta’ Jannar 2024, Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika), C‑621/21, EU:C:2024:47, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
Ir-rikonoxximent, minn Stat Membru, tal-istatus ta’ refuġjat huwa, bħalma jirriżulta mill-premessa 21 tad-Direttiva 2011/95, ta’ natura dikjaratorja u ma jikkostitwixxix il-kwalità ta’ refuġjat. Minn dan isegwi li, fis-sistema implimentata minn din id-direttiva, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat li tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet ikollha, minħabba dan il-fatt biss, il-kwalità ta’ refuġjat, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tal-imsemmija direttiva u tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punti 85 u 86). |
|
41 |
Ir-rikonoxximent formali tal-kwalità ta’ refuġjat, li jikkostitwixxi l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, għandu l-konsegwenza li r-refuġjat ikkonċernat huwa, skont l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2011/95, benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, fis-sens ta’ din id-direttiva, b’tali mod li għandu d-drittijiet u l-vantaġġi kollha previsti mill-Kapitolu VII tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 91). |
|
42 |
Madankollu, l-Istat Membru li jkun irrikonoxxa l-istatus ta’ refuġjat lil ċittadin ta’ pajjiż terz jew lil persuna mingħajr Stat jista’, konformement mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikoli 44 u 45 tad-Direttiva 2013/32, jasal sabiex jirrevoka jew jirtira dan l-istatus ta’ refuġjat, b’mod partikolari, meta jkun jidher li dan ikun waqaf milli jibbenefika minn dan l-istatus skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/95 jew meta jkun ġie eskluż jew kellu jiġi eskluż mill-imsemmi status skont l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva tal-aħħar. |
|
43 |
Fit-tieni lok, fl-istat attwali tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, il-leġiżlatur tal-Unjoni għadu ma kkonkretizzax kompletament l-għan li għalih huwa intiż l-Artikolu 78(2)(a) TFUE, jiġifieri status uniformi ta’ ażil favur ċittadini ta’ pajjiżi terzi, validu fl-Unjoni kollha. B’mod partikolari, il-leġiżlatur tal-Unjoni, f’dan l-istadju, ma stabbilixxiex prinċipju li l-Istati Membri huma obbligati jirrikonoxxu b’mod awtomatiku d-deċiżjonijiet ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat adottati minn Stat Membru ieħor, u lanqas ma ppreċiża l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ tali prinċipju (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2024, Bundesrepublik Deutschland (Effett ta’ deċiżjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat), C‑753/22, EU:C:2024:XXX, punt 68). |
|
44 |
L-Istati Membri huma għalhekk, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, liberi li jissuġġettaw ir-rikonoxximent tad-drittijiet kollha relatati mal-istatus ta’ refuġjat fit-territorju tagħhom għall-adozzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom, ta’ deċiżjoni ġdida ta’ għoti ta’ dan l-istatus (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2024, Bundesrepublik Deutschland (Effett ta’ deċiżjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat), C‑753/22, EU:C:2024:XXX, punt 69). |
|
45 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ddeterminat, fit-tielet lok, jekk, skont id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali, deċiżjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat meħuda mill-awtorità kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni ta’ Stat Membru tistax tipproduċi effett vinkolanti fir-rigward ta’ proċedura ta’ estradizzjoni li tikkonċerna lir-refuġjat ikkonċernat u li titwettaq, fl-okkażjoni ta’ talba li toriġina mill-Istat terz ta’ oriġini ta’ dan ir-refuġjat, mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, sal-punt li din l-awtorità tal-aħħar għandha tirrifjuta l-estradizzjoni tal-imsemmi refuġjat minħabba l-eżistenza ta’ tali deċiżjoni. |
|
46 |
F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2011/95 u 2013/32, imsemmija mill-qorti tar-rinviju fid-domanda preliminari tagħha, id-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tad-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk tal-Karta. |
|
47 |
Fil-fatt, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti li ressqet id-domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li ma sarx riferiment għalihom mill-qorti nazzjonali fid-domanda tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 1986, Tissier, 35/85, EU:C:1986:143, punt 9, kif ukoll tat‑2 ta’ Marzu 2023, PrivatBank et (C‑78/21, EU:C:2023:137, punt 35). |
|
48 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, id-Direttiva 2013/32 tfittex, skont l-Artikolu 1 tagħha, “li jiġu stabbiliti proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali f’konformità mad-Direttiva [2011/95]”. |
|
49 |
L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/32 jinsab fil-Kapitolu II tagħha, iddedikat għall-prinċipji bażiċi u għall-garanziji fundamentali tal-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali. L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jagħti lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali d-dritt li jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat matul il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni tiegħu. L-Artikolu 9(2) tal-imsemmija direttiva jawtorizza lill-Istati Membri jipprevedu eċċezzjoni għal dan id-dritt fil-każijiet imsemmija fih, fosthom b’mod partikolari dak ta’ estradizzjoni tal-applikant lejn Stat terz. Tali estradizzjoni hija għalhekk suġġetta, konformement mal-Artikolu 9(3) tal-istess direttiva, għall-kundizzjoni li l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru jiżguraw ruħhom li d-deċiżjoni ta’ estradizzjoni kkonċernata ma twassalx għal refoulement dirett jew indirett tal-individwu mitlub bi ksur tal-obbligi internazzjonali u tal-obbligi fir-rigward tal-Unjoni imposti fuq l-istess Stat Membru. |
|
50 |
B’hekk, mill-formulazzjoni u mill-istruttura tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/32, kif ukoll mill-pożizzjoni tiegħu fl-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva, jirriżulta li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-artikolu jirregola biss il-każ ta’ estradizzjoni li sseħħ matul il-proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi artikolu ma jirregolax il-każ, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ estradizzjoni li sseħħ wara l-għoti ta’ din il-protezzjoni minn Stat Membru. |
|
51 |
It-tieni nett, l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2011/95, li jinsab fil-Kapitolu VII tagħha, intitolat “Kontenut ta’ Protezzjoni Internazzjonali”, ifakkar l-obbligu tal-Istati Membri li josservaw il-prinċipju ta’ non-refoulement skont l-obbligi internazzjonali tagħhom. Din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi għalhekk espressjoni speċifika tal-prinċipju ta’ non-refoulement iggarantit, bħala dritt fundamentali, mill-Artikolu 18 u mill-Artikolu 19(2) tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tkeċċija–Kannabis terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 55, kif ukoll tas‑6 ta’ Lulju 2023, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Refuġjat li wettaq delitt serju), C‑663/21, EU:C:2023:540, punt 49). |
|
52 |
Issa, sa fejn id-deċiżjoni ta’ Stat Membru li jilqa’ t-talba għal estradizzjoni maħruġa mill-Istat ta’ oriġini kontra ċittadin ta’ pajjiż terz, bħal A., li jkun kiseb l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor konformement mar-regoli tad-dritt sekondarju tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali, ikollha l-effett li ċċaħħad lil dan iċ-ċittadin mid-drittijiet u mill-vantaġġi previsti mill-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95, għandu jiġi kkonstatat li l-proċedura ta’ estradizzjoni mwettqa fl-ewwel Stat Membru taqa’ taħt l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. |
|
53 |
Għaldaqstant, id-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta, u b’mod partikolari dawk iggarantiti fl-Artikolu 18 u fl-Artikolu 19(2) tagħha, għandhom jiġu rrispettati b’mod sħiħ mill-awtorità tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ talba għal estradizzjoni li toriġina minn Stat terz u li tirrigwarda ċittadin ta’ pajjiż terz li kiseb l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor. |
|
54 |
Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 18 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta, jipprekludix estradizzjoni f’kundizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
55 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat qabelxejn li l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-estradizzjoni tal-Istat Membru rikjest ma tistax tawtorizza l-estradizzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ġie rrikonoxxut lilu l-istatus ta’ refuġjat minn Stat Membru ieħor lejn dan il-pajjiż terz, meta tali estradizzjoni tikser l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 18 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta. |
|
56 |
Fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar, minn naħa, skont l-Artikolu 18 tal-Karta, “[i]d-dritt għall-asil għandu jkun garantit b’rispett għar-regoli tal-[Konvenzjoni ta’ Genève], tal-[Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati] u skond it-[Trattat UE] u t-[Trattat FUE]”. |
|
57 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-Istati Membri li għandhom jiggarantixxu lill-applikanti u lill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali t-tgawdija effettiva tad-dritt stabbilit f’din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Dikjarazzjoni tal-intenzjoni minn qabel għal applikazzjoni għall-ażil), C‑823/21, EU:C:2023:504, punt 52). |
|
58 |
Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, sakemm l-individwu mitlub ikollu l-kwalità ta’ refuġjat, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95 u tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, estradizzjoni ta’ dan l-individwu lejn il-pajjiż terz ta’ oriġini tiegħu jkollha l-effett li ċċaħħdu mit-tgawdija effettiva tad-dritt mogħti lilu mill-Artikolu 18 tal-Karta. Għaldaqstant, sakemm l-imsemmi individwu jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex igawdi minn din il-kwalità, l-Artikolu 18 tal-Karta jipprekludi l-estradizzjoni tiegħu lejn il-pajjiż terz li minnu huwa ħarab u li fih huwa jirriskja li jiġi ppersegwitat. |
|
59 |
F’dan il-każ, dan ifisser li sakemm jibqa’ riskju li A. jġarrab fit-territorju tal-Istat terz ta’ oriġini tiegħu, li minnu toriġina t-talba għal estradizzjoni, il-persekuzzjonijiet politiċi li minħabba fihom l-awtoritajiet Taljani tawh l-istatus ta’ refuġjat, l-estradizzjoni tiegħu lejn dan l-Istat terz hija eskluża skont l-Artikolu 18 tal-Karta. |
|
60 |
F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li l-proċeduri kriminali li fid-dawl tagħhom intalbet l-estradizzjoni ta’ A. huma bbażati fuq fatti li ma humiex dawn il-persekuzzjonijiet ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi eskluż dan ir-riskju. |
|
61 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 19(2) tal-Karta jipprojbixxi f’termini assoluti t-tneħħija ta’ persuna lejn Stat fejn ikun hemm riskju serju li din tiġi suġġetta għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2023, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Refuġjat li wettaq delitt serju), C‑663/21, EU:C:2023:540, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
62 |
Konsegwentement, meta l-persuna prevista minn talba għal estradizzjoni tinvoka riskju serju ta’ trattament inuman jew degradanti fil-każ ta’ estradizzjoni, l-Istat Membru rikjest għandu jivverifika, qabel jipproċedi b’eventwali estradizzjoni, li din tal-aħħar ma tkunx ser tippreġudika d-drittijiet previsti fl-Artikolu 19(2) tal-Karta (sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 60, u tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija, C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 64). |
|
63 |
Sabiex isir dan, dan l-Istat Membru, konformement mal-Artikolu 4 tal-Karta, li jipprojbixxi pieni jew trattamenti inumani jew degradanti, ma jistax sempliċement jieħu inkunsiderazzjoni biss id-dikjarazzjonijiet tal-Istat terz rikjedenti jew l-aċċettazzjoni, minn dan l-Istat tal-aħħar, ta’ trattati internazzjonali li jiggarantixxu, fil-prinċipju, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest għandha tibbaża ruħha, għall-finijiet ta’ din il-verifika, fuq elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati, li jistgħu joħorġu, b’mod partikolari, minn deċiżjonijiet ġudizzjarji internazzjonali, bħalma huma s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, minn deċiżjonijiet ġudizzjarji tal-Istat terz rikjedent kif ukoll minn deċiżjonijiet, rapporti u dokumenti oħra stabbiliti mill-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa jew li jagħmlu parti mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 55 sa 59, u tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija, C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 65). |
|
64 |
Issa, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-riskju ta’ ksur tal-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2011/95 kif ukoll tal-Artikolu 18 tal-Artikolu 19(2) tal-Karta, il-fatt li Stat Membru ieħor ta lill-individwu mitlub l-istatus ta’ refuġjat, konformement mad-Direttivi 2011/95 u 2013/32, jikkostitwixxi element partikolarment serju li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest għandha tieħu inkunsiderazzjoni. Għalhekk, deċiżjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat għandha, sakemm dan l-istatus ma jkunx ġie rrevokat jew irtirat mill-Istat Membru li jkun tah, twassal lil din l-awtorità sabiex tirrifjuta l-estradizzjoni, b’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
65 |
Fil-fatt, is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, li tinkludi kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, kif tenfasizza l-premessa 12 tad-Direttiva 2011/95, hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, li skontu għandu jiġi preżunt, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li t-trattament mogħti lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali f’kull Stat Membru huwa konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk tal-Karta, tal-Konvenzjoni ta’ Genève, kif ukoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 78 sa 80, kif ukoll tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punti 84 u 85). |
|
66 |
Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, l-Istat Membru li jkun irrikonoxxa l-istatus ta’ refuġjat lil ċittadin ta’ pajjiż terz jew lil persuna mingħajr Stat jista’, konformement mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikoli 44 u 45 tad-Direttiva 2013/32, jirrevoka jew jirtira dan l-istatus ta’ refuġjat, b’mod partikolari, meta jkun jidher li dan ikun waqaf milli jibbenefika minn dan l-istatus skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/95 jew meta jkun ġie eskluż jew kellu jiġi eskluż mill-imsemmi status skont l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva tal-aħħar. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2013/32 jistabbilixxi r-regoli proċedurali marbuta mal-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, u b’mod partikolari l-garanziji li għandha tibbenefika minnhom il-persuna kkonċernata fil-kuntest ta’ din il-proċedura. |
|
67 |
Issa, dawn id-dispożizzjonijiet u l-proċedura li huma jipprevedu jiġu evitati jekk l-Istat Membru rikjest ikun jista’ jestradixxi ċittadin ta’ pajjiż terz, li lilu Stat Membru ieħor irrikonoxxa l-istatus ta’ refuġjat skont dawn id-direttivi, lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, sa fejn tali estradizzjoni twassal, de facto, għat-terminazzjoni ta’ dan l-istatus u għal konsegwenza li l-persuna kkonċernata tiġi mċaħħda mit-tgawdija effettiva tal-protezzjoni li joffrilha l-Artikolu 18 tal-Karta, tad-drittijiet u tal-benefiċċji previsti fil-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95 kif ukoll tal-garanziji stabbiliti fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 2013/32. |
|
68 |
Fid-dawl tal-importanza li għandha tali deċiżjoni ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ talba għal estradizzjoni li toriġina mill-pajjiż ta’ oriġini ta’ benefiċjarju tal-istatus ta’ refuġjat, għandu jitqies, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 112 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, abbażi tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, li jipprovdi li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jirrispettaw lil xulxin u jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li jirriżultaw mit-trattati (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 42), u li huwa espress b’mod konkret fl-Artikolu 36 tad-Direttiva 2011/95 kif ukoll fl-Artikolu 49 tad-Direttiva 2013/32, l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-estradizzjoni tal-Istat Membru rikjest għandha tibda, fl-iqsar żmien possibbli, skambju ta’ informazzjoni mal-awtorità tal-Istat Membru l-ieħor li jkun ta lill-individwu mitlub l-istatus ta’ refuġjat. F’dan ir-rigward, huwa l-kompitu tagħha li tinforma lil din l-awtorità tal-aħħar bit-talba għal estradizzjoni li tirrigwarda lil dan l-individwu, li tittrażmettilha l-opinjoni tagħha dwar din it-talba u li titlob min-naħa tagħha t-trażmissjoni, f’terminu raġonevoli, kemm tal-informazzjoni fil-pussess tagħha li wasslet għall-għoti ta’ dan l-istatus kif ukoll tad-deċiżjoni tagħha dwar jekk hemmx lok jew le li jiġi rrevokat jew irtirat l-istatus ta’ refuġjat lill-imsemmi individwu. |
|
69 |
Minn naħa, dan l-iskambju ta’ informazzjoni huwa intiż li jqiegħed lill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-estradizzjoni tal-Istat Membru rikjest f’pożizzjoni li twettaq b’mod kompletament informat il-verifiki li hija għandha twettaq skont l-Artikolu 18 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta. |
|
70 |
Min-naħa l-oħra, l-iskambju ta’ informazzjoni jippermetti lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor li tirrevoka jew tirtira, jekk ikun il-każ, l-istatus ta’ refuġjat abbażi tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95, b’osservanza sħiħa tal-garanziji stabbiliti fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 2013/32. |
|
71 |
Fid-dawl tal-premess, huwa biss fl-ipoteżi fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li tkun tat lill-individwu mitlub l-istatus ta’ refuġjat tiddeċiedi li tirrevoka jew tirtira dan l-istatus abbażi tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/95 u sa fejn l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-estradizzjoni tal-Istat Membru rikjest tasal għall-konklużjoni li dan l-individwu ma għandux jew ma għadx għandu l-kwalità ta’ refuġjat u li ma jeżisti ebda riskju serju li, fil-każ ta’ estradizzjoni tal-imsemmi individwu lejn l-Istat terz rikjedenti, l-istess individwu jkun suġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti, li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix estradizzjoni. |
|
72 |
Fid-dawl tar-raġunijiet kollha premessi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 18 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun kiseb l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru jkun is-suġġett, fi Stat Membru ieħor, li fit-territorju tiegħu jirrisjedi, ta’ talba għal estradizzjoni li toriġina mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, l-Istat Membru rikjest ma jistax, mingħajr ma jkun beda skambju ta’ informazzjoni mal-awtorità li tkun tat dan l-istatus lill-individwu mitlub u fl-assenza ta’ revoka tal-imsemmi status minn din l-awtorità, jawtorizza l-estradizzjoni. |
Fuq l‑ispejjeż
|
73 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, moqri flimkien mal-Artikolu 18 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
meta ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun kiseb l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru jkun is-suġġett, fi Stat Membru ieħor, li fit-territorju tiegħu jirrisjedi, ta’ talba għal estradizzjoni li toriġina mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, l-Istat Membru rikjest ma jistax, mingħajr ma jkun beda skambju ta’ informazzjoni mal-awtorità li tkun tat dan l-istatus lill-individwu mitlub u fl-assenza ta’ revoka tal-imsemmi status minn din l-awtorità, jawtorizza l-estradizzjoni. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.