Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

25 ta’ April 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Regolament (KE) Nru 1107/2009 – Awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Eżami għall-awtorizzazzjoni – Artikolu 36 – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 36(2) dwar l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji mwettqa mill-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 36(1) – Artikolu 44 – Irtirar jew emenda ta’ awtorizzazzjoni – Prinċipju ta’ prekawzjoni – Rimedju ġuridiku effettiv – Stat attwali tal-għarfien xjentifiku u tekniku”

Fil-Kawża C‑308/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Mejju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Mejju 2022, fil-proċedura

Pesticide Action Network Europe (PAN Europe)

vs

College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden,

fil-preżenza ta’:

Corteva Agriscience Netherlands BV, li qabel kienet Dow AgroScience BV (Dow),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, N. Piçarra u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Pesticide Action Network Europe (PAN Europe), minn H. Muilerman u G. Simon, esperti, kif ukoll minn R. J. Baneke, avukat,

–        għal Corteva Agriscience Netherlands BV, li qabel kienet Dow AgroScience BV (Dow), minn E. J. H. Gielen u N. E. Kuijer, avukati,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn M. Browne, Chief State Solicitor, A. Joyce u M. Lane, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL,

–        għall-Gvern Elleniku, minn K. Konsta, E. E. Krompa, E. Leftheriotou u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. C. Becker u M. ter Haar, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑28 ta' Settembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 36(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1) kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Pesticide Action Network Europe (PAN Europe) (iktar ’il quddiem “PAN Europe”) u l-College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden (il-Kunsill għall-Awtorizzazzjoni tal-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti u tal-Prodotti Bijoċidali, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem iċ-“CTGB”) dwar iċ-ċaħda, minn dan tal-aħħar, tal-ilment ta’ PAN Europe kontra d-deċiżjoni tiegħu li tapprova l-estensjoni tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-Pajjiżi l-Baxxi tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti Closer li fih is-sustanza attiva sulfoksaflor.

 Ilkuntest ġuridiku

 Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009

3        Il-premessi 5, 8, 9, 24, 25, 28 u 29 tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprovdu:

“(5)      Sabiex tiġi simplifikata l-applikazzjoni tal-att il-ġdid u sabiex tkun żgurata l-konsistenza fl-Istati Membri kollha, dan għandu jieħu l-forma ta’ Regolament.

[...]

(8)      L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jassigura livell għoli ta’ protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll dik tal-annimali u tal-ambjent u fl-istess ħin li jissalvagwardja l-kompetittività tal-agrikoltura Komunitarja. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-protezzjoni ta’ gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni, inklużi nisa’ tqal, trabi u tfal. Għandu jkun applikat il-prinċipju ta’ prekawzjoni u dan ir-Regolament għandu jassigura li l-industrija turi li s-sustanzi jew il-prodotti maħduma jew imqiegħda fis-suq ma jkollhomx effett negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew kwalunkwe effett inaċċettabbli fuq l-ambjent.

(9)      Sabiex jitneħħew, safejn huwa possibbli, l-ostakoli għall-kummerċ fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jeżistu minħabba l-livelli differenti ta’ protezzjoni fl-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi wkoll regoli armonizzati għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti gall-protezzjoni tal-pjanti, inklużi r-regoli dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet u dwar il-kummerċ parallel. L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa għalhekk li jiżdiedu l-moviment liberu ta’ tali prodotti u d-disponibbiltà ta’ dawn il-prodotti fl-Istati Membri.

[...]

(24)      Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-awtorizzazzjoni għandhom jiżguraw standard għoli ta’ protezzjoni. B’mod partikolari, meta jingħataw l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, l-objettiv tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent għandu jieħu prijorità fuq l-objettiv li titjieb il-produzzjoni tal-pjanti. Għalhekk, għandu jintwera, qabel ma l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jitqiegħdu fis-suq, li dawn joffru benefiċċju ċar għall-produzzjoni tal-pjanti u li m’għandhom ebda effett ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali, inkluż dik ta’ gruppi vulnerabbli, jew xi effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent.

(25)      Fl-interess tal-prevedibbiltà, l-effiċjenza u l-konsistenza, għandhom jiġu armonizzati l-kriterji, il-proċeduri u l-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, b’kont meħud tal-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-annimali u tal-ambjent.

[...]

(28)      Għandha tiżdied il-kooperazzjoni amministrattiva tajba bejn l-Istati Membri tul il-fażijiet kollha tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni.

(29)      Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku huwa wieħed mill-mezzi li bih jiġi żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija fil-Komunità. Sabiex tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni tax-xogħol, biex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-industrija u għall-Istati Membri u biex tiġi prevista disponibbiltà iktar armonizzata tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, l-awtorizzazzjonijiet mogħtija minn Stat Membru wieħed għandhom ikunu aċċettati mill-Istati Membri l-oħra fejn il-kondizzjonijiet agrikoli, tas-saħħa tal-pjanti u ambjentali (inkluż dawk klimatiċi) ikunu komparabbli. Għalhekk, il-Komunità għandha tiġi maqsuma f’żoni b’tali kondizzjonijiet komparabbli sabiex ikun iffaċilitat tali rikonoxximent reċiproku. Madankollu, iċ-ċirkostanzi ambjentali jew agrikoli speċifiċi għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew iżjed jistgħu jirrekjedu li, mal-applikazzjoni, l-Istati Membri jirrikonoxxu jew jemendaw awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru ieħor, jew jirrifjutaw li jawtorizzaw il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorju tagħhom, fejn dan ikun ġustifikat bħala riżultat taċ-ċirkostanzi ambjentali jew agrikoli speċifiċi jew fejn ma jkunx jista’ jinkiseb il-livell għoli ta’ protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent meħtieġ minn dan ir-Regolament. Għandu jkun possibbli wkoll li jiġu imposti kondizzjonijiet adatti b’kont meħud tal-objettivi stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni nazzjonali adottat skont id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi [(ĠU 2009, L 309, p. 71, rettifika fil-ĠU 2010, L 161, p. 11)].”

4        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett u għan”, jipprovdi, fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu:

“3.      L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent u li jtejjeb it-tħaddim tas-suq intern permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli fuq it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, filwaqt li jtejjeb il-produzzjoni agrikola.

4.      Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma msejsa fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni sabiex ikun żgurat li s-sustanzi attivi jew il-prodotti mqiegħda fis-suq ma jagħmlux ħsara lis-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew lill-ambjent. B’mod partikolari, l-Istati Membri m’għandhomx jitwaqqfu milli japplikaw il-prinċipju tal-prekawzjoni fejn ikun hemm inċertezza xjentifika fir-rigward tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew għall-ambjent li jkunu ppreżentati mill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkunu ser jiġu awtorizzati fit-territorju tagħhom.”

5        L-Artikolu 4 tar-regolament imsemmi, intitolat “Kriterji għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu:

“1.      Sustanza attiva għandha tkun approvata skont l-Anness II jekk jista’ jkun mistenni, fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku attwali, li, meta jitqiesu l-kriterji għall-approvazzjoni li ġew stabbiliti fil-punti 2 u 3 ta’ dak l-Anness, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dik is-sustanza attiva jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fil-paragrafi 2 u 3.

Il-valutazzjoni tas-sustanza attiva għandha l-ewwel tistabbilixxi jekk il-kriterji ta’ approvazzjoni mniżżla fil-punti 3.6.2 sa 3.6.4 u 3.7 tal-Anness II humiex sodisfatti. Jekk dawn il-kriterji huma sodisfatti l-valutazzjoni għandha tkompli tistabbilixxi jekk il-kriterji l-oħra ta’ approvazzjoni mniżżla fil-punti 2 u 3 tal-Anness II humiex sodisfatti.

2.      Ir-residwi tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, b’konsegwenza għall-applikazzjoni li hija konsistenti ma’ prattika tal-protezzjoni tal-pjanti tajba u meta jitqiesu l-kondizzjonijiet realistiċi tal-użu, għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)      m’għandu jkollhom l-ebda effett ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem, inklużi dawk fuq gruppi vulnerabbli, jew fuq is-saħħa tal-annimali, meta jitqiesu l-effetti kumulattivi u sinerġistiċi magħrufa fejn il-metodi xjentifiċi aċċettati mill-[Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA)] biex issir valutazzjoni ta’ effetti bħal dawn ikunu disponibbli, jew fuq l-ilma ta’ taħt l-art;

(b)      m’għandu jkollhom l-ebda effett inaċċettabbli fuq l-ambjent.

Għar-residwi li għandhom rilevanza tossikoloġika, ekotossikoloġika, ambjentali jew għall-ilma għax-xorb, għandu jkun hemm metodi ta’ użu ġenerali sabiex dawn jitkejlu. Standards analitiċi għandhom ikunu disponibbli b’mod komuni.

3.      Prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, b’konsegwenza għall-applikazzjoni li hija konsistenti ma’ prattika tal-protezzjoni tal-pjanti tajba u meta jitqiesu l-kondizzjonijiet realistiċi għall-użu, għandu jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)      għandu jkun effettiv b’mod suffiċjenti;

(b)      m’għandu jkollu l-ebda effett ta’ ħsara immedjata jew ittardjata fuq is-saħħa tal-bniedem, inklużi dawk fuq is-saħħa tal-gruppi vulnerabbli, jew fuq is-saħħa tal-annimali, b’mod dirett jew permezz tal-ilma tax-xorb (meta jitqiesu s-sustanzi li jirriżultaw mit-trattament tal-ilma tax-xorb), l-ikel, l-għalf jew l-arja, jew konsegwenzi fil-post tax-xogħol jew permezz ta’ effetti indiretti oħra, meta jitqiesu l-effetti kumulattivi u sinerġistiċi magħrufa fejn il-metodi xjentifiċi aċċettati mill-[EFSA] biex issir valutazzjoni ta’ effetti bħal dawn ikunu disponibbli; jew fuq ilma li jkun hemm taħt l-art;

(c)      m’għandu jkollu l-ebda effetti inaċċettabbli fuq pjanti jew prodotti tal-pjanti;

(d)      m’għandu jikkawża l-ebda tbatija u uġigħ bla bżonn lill-vertebrati li jridu jiġu kkontrollati;

(e)      m’għandu jkollu l-ebda effett inaċċettabbli fuq l-ambjent, meta jitqiesu b’mod partikolari l-konsiderazzjonijiet li ġejjin fejn il-metodi xjentifiċi aċċettati mill-[EFSA] biex issir valutazzjoni ta’ effetti bħal dawn ikunu disponibbli:

[...]

4.      Ir-rekwiżiti tal-paragrafi 2 u 3 għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-prinċipji uniformi kif imsemmi fl-Artikolu 29(6).”

6        L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1107/2009 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u r-restrizzjonijiet li għalihom tista’ tkun suġġetta approvazzjoni.

7        L-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Reviżjoni tal-approvazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Fejn il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 m’għadx għadhom jiġu sodisfatti, jew li ma ġietx provduta aktar informazzjoni meħtieġa skont il-punt (f) tal-Artikolu 6, għandu jiġi adottat Regolament għall-irtirar jew għall-emenda tal-approvazzjoni skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 79(3).

[...]”

8        Fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1107/2009, intitolat “Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti”, hemm it-Taqsima 1, dwar l-awtorizzazzjoni, li s-subtaqsima 1 tagħha, intitolata “Rekwiżiti u kontenut”, tinkludi fiha l-Artikoli 28 sa 32 ta’ dan ir-regolament.

9        L-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament, intitolat “Awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq u għall-użu”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu li prodott għall-protezzjoni tal-pjanti ma jistax jitqiegħed fis-suq jew jintuża, mingħajr preġudizzju għall-każijiet previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, ħlief jekk ikun ġie awtorizzat fl-Istat Membru kkonċernat skont l-istess regolament.

10      L-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1107/2009, intitolat “Rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq”, jipprovdi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 50 prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jiġi awtorizzat biss meta skont il-prinċipji uniformi msemmija fil-paragrafu 6 dan jikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)      is-sustanzi attivi, l-aġenti protettivi u s-sinerġisti tiegħu ġew approvati;

[...]

(e)      fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku attwali, dan jikkonforma mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 4(3);

[...]

6.      Il-prinċipji uniformi għall-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jkun fihom ir-rekwiżiti mniżżla fl-Anness VI għad-[Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti] u għandhom ikunu stabbiliti fir-Regolamenti adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 79(2) mingħajr l-ebda modifika sostanzjali. Emendi sussegwenti għal dawn ir-Regolamenti għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 78(1)(c).

Skont dawn il-prinċipji, l-interazzjoni bejn is-sustanza attiva, l-aġenti protettivi u sinerġisti u l-ko-formulantigħandha titqies fl-evalwazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.”

11      L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1107/2009, intitolat “Kontenut tal-awtorizzazzjonijiet”, jipprovdi:

“1.      L-awtorizzazzjoni għandha tiddefinixxi l-pjanti jew il-prodotti tal-pjanti u ż-żoni non-agrikoli (per eżempju ferroviji, żoni pubbliċi, imħażen) fejn jista’ jintuża l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti u l-finijiet ta’ dan.

2.      L-awtorizzazzjoni għandha tistabbilixxi r-rekwiżiti relatati mat-tqegħid fis-suq u mal-użu tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti. Dawk ir-rekwiżiti għandhom mill-inqas jinkludu l-kondizzjonijiet għall-użu meħtieġa sabiex ikun hemm konformità mal-kondizzjonijiet u mar-rekwiżiti previsti fir-Regolament li japprova s-sustanzi attivi, l-aġenti protettivi u s-sinerġisti.

[...]

3.      Ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jinkludu wkoll fejn ikun applikabbli:

(a)      id-doża massima għal kull ettaru f’kull applikazzjoni;

(b)      il-perijodu bejn l-aħħar applikazzjoni u l-ħsad;

(c)      in-numru massimu ta’ applikazzjonijiet fis-sena.

4.      Ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jinkludu dan li ġej:

(a)      restrizzjoni fir-rigward tad-distribuzzjoni u l-użu tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti [...]; [...] ;

(b)      l-obbligu, qabel ma jintuża l-prodott, li jiġi infurmat kwalunkwe ġar li jista’ jkun espost għal spray drift u li talab li jiġi infurmat;

(c)      indikazzjonijiet għal użu xieraq skont il-prinċipji tal-Ġestjoni Integrata ta’ Organiżmi ta’ Ħsara [...] ;

(d)      l-għażla ta’ kategoriji ta’ utenti, bħal professjonali u mhux professjonali;

(e)      it-tikketta approvata;

(f)      l-intervall bejn l-applikazzjonijiet;

(g)      il-perijodu bejn l-aħħar applikazzjoni u l-konsum tal-prodott tal-pjanti fejn applikabbli;

(h)      l-intervall ta’ dħul mill-ġdid;

(i) id-daqs u l-materjal tal-imballaġġ.”

12      Is-subtaqsima 2, intitolata “Proċedura”, li tinsab fit-Taqsima 1, dwar l-awtorizzazzjoni, ta’ dan il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1107/2009, tinkludi l-Artikoli 33 sa 39 tiegħu.

13      L-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew emenda ta’ awtorizzazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Applikant li jixtieq iqiegħed fis-suq prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu japplika għal awtorizzazzjoni jew emenda ta’ awtorizzazzjoni huwa stess jew permezz ta’ rappreżentant, għand kull Stat Membru fejn hemm il-ħsieb li dak il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jitqiegħed fis-suq.”

14      L-Artikolu 35 tal-imsemmi regolament, intitolat “L-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“L-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata mill-Istat Membru propost mill-applikant, sakemm Stat Membru ieħor fl-istess żona ma jaqbilx li jeżaminaha. L-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni għandu jinforma lill-applikant.

Fuq it-talba tal-Istat Membru li jkun qed jeżamina l-applikazzjoni, l-Istati Membri l-oħra fl-istess żona li quddiemhom tressqet applikazzjoni għandhom jikkooperaw biex tkun żgurata diviżjoni ġusta tal-ammont ta’ xogħol.

L-Istati Membri l-oħrajn fiż-żona li quddiemhom tressqet applikazzjoni għandhom joqogħdu lura milli jipproċedu bil-fajl sakemm issir il-valutazzjoni mill-Istat Membru li jkun qed jeżamina l-applikazzjoni.

Fejn applikazzjoni tkun saret f’iżjed minn żona waħda, l-Istati Membri li jkunu qed jevalwaw l-applikazzjoni għandhom jaqblu dwar l-evalwazzjoni ta’ data li mhijiex relatata mal-kondizzjonijiet ambjentali u agrikoli.”

15      Skont l-Artikolu 36 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Eżami għall-awtorizzazzjoni”:

“1.      L-Istat Membru li jkun qed jeżamina l-applikazzjoni għandu jagħmel valutazzjoni indipendenti, oġġettiva u trasparenti fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku attwali bl-użu tad-dokumenti ta’ gwida disponibbli fiż-żmien tal-applikazzjoni. Huwa għandu jagħti lill-Istati Membri kollha fl-istess żona l-opportunità li jippreżentaw kummenti li għandhom jitqiesu waqt il-valutazzjoni.

Huwa għandu japplika l-prinċipji uniformi għall-evalwazzjoni u għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, imsemmija fl-Artikolu 29(6), biex jistabbilixxi, safejn ikun possibbli, jekk il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 29 fl-istess żona, fejn intuża skont l-Artikolu 55, u f’kondizzjonijiet realistiċi tal-użu.

L-Istat Membru li jkun qed jeżamina l-applikazzjoni għandu jqiegħed il-valutazzjoni tiegħu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn fl-istess żona. Il-format tar-rapport ta’ valutazzjoni għandu jiġi stabbilit skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 79(2).

2.      L-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħtu jew jirrifjutaw awtorizzazzjonijiet kif meħtieġ abbażi tal-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tal-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni kif previst fl-Artikoli 31 u 32.

3.      B’deroga mill-paragrafu 2 u soġġett għal-liġi Komunitarja, jistgħu jiġu imposti kondizzjonijiet adatti fir-rigward tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 31 (3) u (4) u miżuri oħra ta’ tnaqqis tar-riskju li joħorġu minn kondizzjonijiet speċifiċi tal-użu.

Meta t-tħassib ta’ Stat Membru dwar is-saħħa tal-bniedem jew l-annimali jew tal-ambjent ma jistax ikun ikkontrollat billi jiġu stabbiliti l-miżuri nazzjonali ta’ tnaqqis tar-riskju msemmija fl-ewwel subparagrafu, Stat Membru jista’ jirrifjuta l-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorju tiegħu jekk, minħabba ċ-ċirkostanzi ambjentali jew agrikoli speċifiċi tiegħu, huwa għandu raġunijiet sostanzjati biex iqis li l-prodott in kwistjoni għadu joħloq riskju serju jew inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew tal-ambjent.

Dak l-Istat Membru għandu jinforma minnufih lill-applikant u lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tiegħu u jagħti ġustifikazzjoni teknika jew xjentifika għaliha.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu possibbiltà li tiġi sfidata deċiżjoni li tirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta’ tali prodott quddiem il-qrati nazzjonli jew istanzi oħra ta’ appell.”

16      Is-subtaqsima 4, intitolata “Tiġdid, irtirar u emendar”, li tinsab fit-Taqsima 1, dwar l-awtorizzazzjoni, tal-imsemmi Kapitolu III tar-Regolament Nru 1107/2009, tinkludi fiha l-Artikoli 43 sa 46 tiegħu.

17      L-Artikolu 44 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Irtirar jew emenda ta’ awtorizzazzjoni”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jirrevedu awtorizzazzjoni fi kwalunkwe ħin fejn ikun hemm indikazzjonijiet li ħtieġa msemmija fl-Artikolu 29 m’għadhiex sodisfatta.

[...]

2.      Fejn Stat Membru jkollu l-ħsieb li jirtira jew jemenda awtorizzazzjoni, għandu jinforma lid-detentur tal-awtorizzazzjoni u jagħtih il-possibbiltà li jippreżenta kummenti jew informazzjoni ulterjuri.

3.      L-Istat Membru għandu jirtira jew jemenda l-awtorizzazzjoni, kif xieraq, fejn:

(a)      ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 29 mhumiex jew m’għadhomx jiġu sodisfatti;

(b)      tkun ingħatat informazzjoni falza jew qarrieqa dwar il-fatti li abbażi tagħhom ingħatat l-awtorizzazzjoni;

(c)      kondizzjoni inkluża fl-awtorizzazzjoni ma ġietx sodisfatta;

(d)      fuq il-bażi tal-iżviluppi fl-għarfien xjentifiku u tekniku, il-mod kif jintużaw u l-ammonti li jintużaw jistgħu jiġu modifikati; jew

(e)      id-detentur tal-awtorizzazzjoni jonqos milli jikkonforma mal-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-Regolament.

4.      Fejn Stat Membru jirtira jew jemenda awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 3, għandu jinforma immedjatament lid-detentur tal-awtorizzazzjoni, lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-[EFSA]. L-Istati Membri l-oħra li jappartjenu għall-istess żona għandhom jirtiraw jew jemendaw l-awtorizzazzjoni skont il-każ b’kont meħud tal-kondizzjonijiet nazzjonali u l-miżuri ta’ tnaqqis tar-riskju ħlief għall-każijiet fejn ikunu ġew applikati t-tieni, it-tielet jew ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 36(3). Fejn huwa xieraq għandu japplika l-Artikolu 46.”

18      Skont l-Artikolu 56(1) tal-imsemmi regolament:

“Id-detentur ta’ awtorizzazzjoni għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jinnotifika immedjatament lill-Istati Membri li taw awtorizzazzjoni bi kwalunkwe informazzjoni ġdida li tikkonċerna dak il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, is-sustanza attiva, il-metaboliti tiegħu, aġent protettiv, sinerġist jew ko-formulant li jinsab fil-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, li tissuġġerixxi li l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti m’għadux konformi mal-kriterji mniżżla fl-Artikoli 29 u 4 rispettivament.”

19      Il-Kapitolu IX tar-Regolament Nru 1107/2009, intitolat “Emerġenzi”, jinkludi fih l-Artikoli 69 sa 71 tiegħu.

20      L-Artikolu 69 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Miżuri ta’ emerġenza”, jaqra kif ġej:

“Fejn ikun ċar li sustanza attiva approvata, aġent protettiv, sinerġist jew ko-formulant jew prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li kien awtorizzat skont dan ir-Regolament huwa probabbli li jikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew għall-ambjent, u li riskju bħal dan ma jistax jitrażżan b’mod sodisfaċenti permezz tal-miżuri meħuda mill-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i), għandhom jittieħdu immedjatament miżuri biex jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu u/jew il-bejgħ ta’ dik is-sustanza jew ta’ dak il-prodott skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 79(3), jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess jew fuq it-talba ta’ Stat Membru. Qabel ma tieħu miżuri bħal dawn il-Kummissjoni għandha teżamina l-evidenza u tista’ titlob opinjoni mingħand l-[EFSA]. Il-Kummissjoni tista’ tiffissa limitu ta’ żmien li fih [l-EFSA għandha tagħti] opinjoni bħal din.”

21      Il-Kapitolu X tal-imsemmi regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet Amministrattivi u Finanzjarji”, jinkludi fih, b’mod partikolari, l-Artikolu 77, intitolat “Dokumenti ta’ gwida”, li jipprovdi:

“Il-Kummissjoni tista’, skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 79(2), tadotta jew temenda dokumenti ta’ gwida tekniċi jew oħrajn bħan-noti ta’ spjegazzjoni jew id-dokumenti ta’ gwida dwar il-kontenut tal-applikazzjoni rigward il-mikro-organiżmi, il-feromoni u l-prodotti bijoloġiċi, għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-[EFSA] biex tipprepara jew tikkontribwixxi għal dokumenti ta’ gwida bħal dawn.”

22      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 84 tal-istess regolament:

“Sal-14 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni għandha tadotta dan li ġej:

[...]

(d)      Regolament dwar il-prinċipji uniformi għall-valutazzjoni tar-riskju għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, kif imsemmija fl-Artikolu 36”.

23      L-Anness I tar-Regolament Nru 1107/2009 jistabbilixxi tliet żoni ta’ awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (iż-Żona A (Tramuntana), iż-Żona B (Ċentru) u ż-Żona C (Nofsinhar)) u jiddefinixxi l-Istati Membri li jappartjenu għal kull waħda minn dawn iż-żoni.

24      L-Anness II ta’ dan ir-regolament jirrigwarda l-proċedura u l-kriterji għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi, tal-aġenti protettivi u tas-sinerġisti skont il-Kapitolu II.

 Ir-Regolament (KE) Nru 546/2011

25      Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 546/2011 tal‑10 ta’ Ġunju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prinċipji uniformi għall-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU 2011, L 155, p. 127), adottat abbażi tal-Artikolu 29(6) u tal-Artikolu 84 tar-Regolament Nru 1107/2009:

“Il-prinċipji uniformi għall-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti stipulati fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament [Nru 1107/2009] għandhom ikunu dawk stabbiliti fl-Anness għal dan ir-Regolament.”

26      Il-Parti I tal-Anness tar-Regolament Nru 546/2011, dwar il-“[p]rinċipji uniformi għall-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti [kimiċi] għall-protezzjoni tal-pjanti”, tinkludi Titolu A, intitolat “Introduzzjoni”, li l-punt 2 tiegħu huwa fformulat kif ġej:

“2.      Fl-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet u l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom:

[...]

(c)      iqisu kull informazzjoni teknika u xjentifika oħra rilevanti illi jistgħu raġonevolment jippossjedu dwar il-prestazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jew rigward l-effetti negattivi potenzjali tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, il-komponenti jew ir-residwi tiegħu.”

27      Din il-Parti I tinkludi Titolu B, intitolat “Evalwazzjoni”, li l-punt 1.1 tiegħu jipprovdi:

“Wara li jikkunsidraw l-għarfien xjentifiku u tekniku preżenti, l-Istati Membri għandhom jevalwaw l-informazzjoni msemmija [fil-punt 2 tat-Titolu A] u b’mod partikolari:

(a)      jivvalutaw il-prestazzjoni f’termini tal-effikaċja u l-fitotossiċità tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għal kull użu li għalih tiġi mitluba l-awtorizzazzjoni; u

(b)      jidentifikaw il-perikli li jinħolqu, jivvalutaw is-sinifikat tagħhom u jagħmlu ġudizzju dwar il-perikli probabbli għall-bniedem, l-annimali jew l-ambjent.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

28      Il-Closer huwa prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li fih is-sustanza attiva sulfoksaflor.

29      Is-sulfoksaflor ġie approvat fl-Unjoni Ewropea, bħala sustanza attiva, skont ir-Regolament Nru 1107/2009 permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1295 tas‑27 ta’ Lulju 2015 li japprova s-sustanza attiva sulfoksaflor, b’konformità mar-Regolament Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU 2015, L 199, p. 8), suġġett għall-kundizzjonijiet previsti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1295.

30      Fit‑30 ta’ April 2015, Dow AgroScience BV (Dow), li saret Corteva Agriscience Netherlands BV (iktar ’il quddiem “Corteva”), talbet lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi l-estensjoni tal-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-Closer għall-użu fil-koltivazzjoni miftuħa ta’ kaboċċi u ta’ patata. Corteva ressqet l-istess applikazzjoni, fir-rigward taż-Żona B (ċentru), li kienet tinkludi l-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja u r-Renju Unit.

31      L-Irlanda pproċediet, bħala Stat Membru li jeżamina l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, għall-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji li jikkonċernaw il-Closer, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri l-oħra. Fir-rigward tal-effetti fuq in-naħal, dan l-eżami twettaq abbażi tad-Dokument ta’ Gwida tal-EFSA dwar l-ekotossikoloġija terrestri, ippubblikat fis‑17 ta’ Ottubru 2002. L-Irlanda għalqet l-eżami tagħha fl‑2016.

32      Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji, l-Irlanda ma użatx id-dokument “Guidance Document on the risk assessment of plant protection products on bees” (Dokument ta’ Gwida għall-evalwazzjoni tar-riskji tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għan-naħal) (iktar ’il quddiem id-“Dokument ta’ Gwida tal-2013”), ippubblikat fl‑4 ta’ Lulju 2013, li l-EFSA fasslet wara talba magħmula mill-Kummissjoni fl-2011.

33      Abbażi tal-imsemmija evalwazzjoni xjentifika tar-riskji mwettqa mill-Irlanda, iċ-CTGB estenda, b’deċiżjoni tal‑5 ta’ April 2019, l-awtorizzazzjoni tal-Closer għall-użu tiegħu fl-uċuħ tar-raba’ miftuħa ta’ pastard u ta’ patata, filwaqt li stabbilixxa restrizzjoni li hija fformulata kif ġej:

“Perikoluż għan-naħal tal-għasel u għan-naħal bagħli. Sabiex jiġu protetti n-naħal u insetti oħra tad-dakkara, dan il-prodott ma għandux jiġi applikat matul il-fjoritura tal-għelejjel jew fuq l-uċuħ tar-raba’ li ma jkunux bil-fjuri meta jiġu aċċessati b’mod attiv min-naħal tal-għasel u min-naħal bagħli. L-applikazzjoni għandha tkun awtorizzata biss wara li l-għelejjel tal-patata jkunu ffjorixxew. Dan il-prodott ma għandux jintuża qrib ħaxix ħażin iffjoriti. Il-ħaxix ħażin għandu jitneħħa qabel ma jiffjorixxi.”

34      PAN Europe ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni, li ġie miċħud, bħala infondat, miċ-CTGB permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Frar 2020.

35      Għalhekk PAN Europe adixxiet lill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi), il-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni tal‑5 ta’ Frar 2020.

36      Quddiem il-qorti tar-rinviju, PAN Europe ssostni li ċ-CTGB ma kellux jestendi l-awtorizzazzjoni tal-Closer għall-użu mitlub fis-suq tal-Pajjiżi l-Baxxi. Hija ssostni li l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji mwettqa mill-Irlanda, li ħa inkunsiderazzjoni ċ-CTGB, ma kinitx ibbażata fuq l-għarfien xjentifiku u tekniku attwali. Din l-evalwazzjoni kellha tkun ibbażata fuq id-Dokument ta’ Gwida tal-2013, li jsemmi għarfien xjentifiku ġdid. Billi astjena milli jieħu inkunsiderazzjoni dan id-dokument, iċ-CTGB ikkomprometta l-livell għoli ta’ protezzjoni mfittex mir-Regolament Nru 1107/2009. PAN Europe żżid li evalwazzjoni xjentifika tar-riskji ta’ prodott tista’ tkun ibbażata fuq kull għarfien xjentifiku jew tekniku ġdid, irrispettivament mis-sors jew mid-dokument li toriġina minnu. Barra minn hekk, mill-prinċipju ta’ prekawzjoni jirriżulta li, fil-każ ta’ inċertezza dwar l-effetti ta’ prodott, huma neċessarji riċerki addizzjonali qabel ma jkun jista’ jiġi awtorizzat.

37      Iċ-CTGB isostni, quddiem il-qorti tar-rinviju, li applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandha tiġi eżaminata abbażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-mument meta din tiġi ppreżentata, sa fejn iċ-ċertezza legali teħtieġ li applikant ikun jista’ jkun jaf il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti fil-mument ta’ din il-preżentata. Huwa jsostni wkoll li d-dokument ta’ gwida tal-2013 ma kienx “disponibbli”, fis-sens tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, peress li, fil-mument tal-imsemmija introduzzjoni, kien għadu ma ġiex “adottat” mill-Kummissjoni, fid-dawl tal-inċertezzi xjentifiċi u tal-assenza ta’ kunsens bejn l-Istati Membri. Fi kwalunkwe każ, ir-riskji marbuta mal-użu tal-Closer jiġu eliminati permezz tar-restrizzjoni inkluża miċ-CTGB fid-deċiżjoni tal‑5 ta’ April 2019 imsemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, peress li, għall-uċuħ tar-raba’ bil-fjuri, ma ngħatat l-ebda awtorizzazzjoni.

38      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, jekk l-Istat Membru li jiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti (iktar ’il quddiem l-“Istat Membru kkonċernat”) jistax iwettaq l-evalwazzjoni tiegħu stess tar-riskji ta’ tali prodott meta l-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 jkun diġà wettaq tali evalwazzjoni konformement ma’ din id-dispożizzjoni jew jekk, abbażi tal-Artikolu 36(2) ta’ dan ir-regolament, l-Istat Membru kkonċernat huwiex marbut mill-imsemmija evalwazzjoni għall-finijiet tal-awtorizzazzjoni tal-imsemmi prodott, mingħajr ma jkun jista’ jwettaq l-evalwazzjoni tiegħu stess.

39      F’dan ir-rigward, din il-qorti tirrileva li, għalkemm il-paragrafu 3 tal-Artikolu 36 tal-imsemmi regolament jipprevedi li, b’deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, jistgħu jiġu imposti kundizzjonijiet xierqa f’dak li jirrigwarda l-osservanza tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 31(3) u (4) tal-istess regolament u miżuri oħra ta’ mitigazzjoni tar-riskji, dawn għandhom jirriżultaw minn kundizzjonijiet ta’ użu speċifiċi. Issa, dan ma huwiex il-każ fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn id-diskussjoni tirrigwarda l-punt dwar jekk l-evalwazzjoni tar-riskji inkwistjoni għandhiex issir abbażi tad-Dokument ta’ Gwida tal-EFSA dwar l-ekotossikoloġija terrestri, ippubblikat fis‑17 ta’ Ottubru 2002 jew abbażi tad-Dokument ta’ Gwida tal-2013. Fi kwalunkwe każ, peress li tqis li obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni mwettqa mill-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 jmur kontra l-prinċipju ta’ prekawzjoni, l-imsemmija qorti tqis li l-Istat Membru kkonċernat ma huwiex marbut minn din l-evalwazzjoni.

40      It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ li l-Istat Membru kkonċernat ikun marbut bl-imsemmija evalwazzjoni, id-dritt għal rimedju effettiv imsemmi fl-Artikolu 47 tal-Karta jistax jitqies li ġie osservat u, b’mod partikolari, jekk l-evalwazzjoni mwettqa mill-Istat Membru li jeżamina t-talba skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 tistax tiġi kkontestata quddiem il-qrati tal-Istat Membru kkonċernat. F’dan ir-rigward, hija tindika li, skont id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, jekk isir ilment amministrattiv kontra l-evalwazzjoni tar-riskji mwettqa mill-Istat Membru li jeżamina t-talba skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, iċ-CTGB għandu jeżamina mill-ġdid fid-dettall din l-evalwazzjoni. Jekk hija tqis li l-motivazzjoni ta’ tali evalwazzjoni hija insuffiċjenti, hija għandha tkun tista’ tissostitwixxiha bil-motivazzjoni tagħha stess.

41      It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fil-każ li jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni tar-riskji mwettqa mill-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 ma hijiex motivata b’mod adegwat, dan l-Istat Membru huwiex obbligat li jeżamina mill-ġdid din l-evalwazzjoni jew jekk huwiex l-Istat Membru kkonċernat li għandu, bi ftehim jew le mal-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, iwettaq huwa stess evalwazzjoni ġdida. Sa fejn l-Istat Membru kkonċernat għandu d-dritt li jwettaq l-evalwazzjoni tiegħu stess, tqum il-kwistjoni dwar jekk dan jippreġudikax il-prinċipji ta’ uniformità u ta’ armonizzazzjoni li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru1107/2009.

42      Ir-raba’, din il-qorti tistaqsi, billi tirreferi għall-adozzjoni tad-dokumenti ta’ gwida msemmija fl-Artikolu 77 tar-Regolament Nru 1107/2009, dwar l-interpretazzjoni tal-espressjoni “fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku attwali bl-użu tad-dokumenti ta’ gwida disponibbli fiż-żmien tal-applikazzjoni”, li tinsab fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1107/2009. Hija tindika li dan il-kliem jista’ jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li l-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni skont din id-dispożizzjoni jwettaq l-evalwazzjoni tiegħu billi jieħu inkunsiderazzjoni biss dokumenti ta’ gwida diġà adottati mill-Kummissjoni, minkejja li l-għarfien xjentifiku u tekniku li jinkludu fihom dawn id-dokumenti jista’, għal uħud minnhom, ma jibqax attwali.

43      Il-ħames nett, jekk jitqies li l-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 ma jistax jillimita ruħu li jibbaża l-evalwazzjoni tiegħu fuq id-dokumenti ta’ gwida adottati mill-Kummissjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex biżżejjed għal dan l-Istat li jwettaq l-imsemmija evalwazzjoni abbażi ta’ dokument ta’ gwida li d-data tiegħu tkun diġà disponibbli meta dan id-dokument ikun għadu ma ġiex adottat mill-Kummissjoni jew jekk għandux ukoll jieħu inkunsiderazzjoni t-tagħrif xjentifiku u tekniku kollu, inkluż dak li ma huwiex espost fid-dokumenti ta’ gwida. Hija tindika f’dan ir-rigward li, fid-dawl tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, l-Artikolu 29(1)(e) tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi r-rekwiżit li, fl-istat attwali tal-għarfien xjentifiku u tekniku, l-imsemmi prodott għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament. Issa, id-dokumenti ta’ gwida ma jissemmewx f’din id-dispożizzjoni. Il-qorti msemmija tenfasizza li l-prinċipju ta’ prekawzjoni jimmilita wkoll favur it-teħid inkunsiderazzjoni tal-għarfien xjentifiku u tekniku disponibbli kollu, peress li dan il-prinċipju jinvolvi evalwazzjoni globali bbażata fuq l-iktar data xjentifika affidabbli disponibbli u fuq l-iktar riżultati reċenti tar-riċerka internazzjonali.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għal Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Istat Membru kkonċernat, li jieħu deċiżjoni li tikkonċerna l-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti skont l-Artikolu 36(2) tar-Regolament [Nru 1107/2009] għandu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex ma jiħux inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tal-Istat Membru relatur għaż-żona li abbażi tal-Artikolu 36(1) tal-istess regolament ikun eżamina l-applikazzjoni, u, fl-affermattiv, liema hija din il-marġni?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija li l-Istat Membru kkonċernat ma għandu ebda marġni ta’ diskrezzjoni jew li għandu biss marġni ta’ diskrezzjoni limitata, kif għandu jiġi implimentat id-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea? Il-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Istat Membru relatur għaż-żona tista’ għalhekk tiġi għal kollox ikkontestata quddiem il-qrati nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat?

3)      Jekk l-Istat Membru kkonċernat, jew qorti ta’ dan l-Istat Membru, jaslu għall-konklużjoni li l-evalwazzjoni tal-Istat Membru relatur għaż-żona hija bbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti, sa fejn l-Istat Membru kkonċernat għandu l-obbligu li jinvolvi lill-Istat Membru relatur għaż-żona kkonċernata mat-tfassil ta’ evalwazzjoni suffiċjentement motivata?

4)      Huwa suffiċjenti għal Stat Membru relatur għaż-żona li jibbaża ruħu unikament fuq evalwazzjoni abbażi ta’ linji gwida adottati, anki jekk l-għarfien xjentifiku u tekniku li jinsab fihom ma huwiex iktar kompletament attwali?

5)      Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti hija fin-negattiv, l-Istat Membru relatur għaż-żona jista’ jibbaża ruħu minbarra dan fuq l-għarfien xjentifiku u tekniku li jinsab f’linji gwida diġà mfassla iżda li għadhom mhux adottati, jew għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-għarfien xjentifiku u tekniku disponibbli kollu, inkluż dak li ma huwiex fil-linji gwida?”

 Fuq ittalba għal ftuħ millġdid talfażi orali talproċedura

45      Wara l-qari tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat‑28 ta’ Settembru 2023, Corteva talbet, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Ottubru 2023, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

46      Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma jkollhiex informazzjoni biżżejjed, jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma jkunx ġie diskuss mill-partijiet jew mill-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

47      Fit-talba tagħha, Corteva ssostni li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ma humiex imparzjali, li jinkludu interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni contra legem kif ukoll interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u li r-risposti mogħtija minnhom ma jippermettux li tingħata risposta għal dawn id-domandi preliminari.

48      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, ir-rwol tal-Avukat Ġenerali huwa dak li jippreżenta pubblikament, b’imparzjalità sħiħa u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati fuq il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu, sabiex jassistiha fit-twettiq tal-missjoni tagħha li hija dik li tiżgura l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati.

49      Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li abbażi tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom. Barra minn hekk, la l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u lanqas l-imsemmija Regoli tal-Proċedura ma jipprevedu l-possibbiltà li l-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, LACD, C-133/22, EU:C:2023:710, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’dan il-każ, peress li Corteva sempliċement tikkontesta ċerti siltiet mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u tippreżenta osservazzjonijiet dwar il-kontenut tagħhom, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

51      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1107/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru li jieħu deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, skont l-Artikolu 36(2) u (3) ta’ dan ir-regolament, jista’ jeskludi l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji li jikkonċernaw dan il-prodott imwettqa mill-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni, skont l-Artikolu 36(1) tal-imsemmi regolament.

52      Il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1107/2009 huwa ddedikat għall-“Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti”. It-Taqsima 1 ta’ dan il-kapitolu tirregola l-awtorizzazzjonijiet ta’ dawn il-prodotti. Is-subtaqsima 1, li tinkludi fiha l-Artikoli 28 sa 32 ta’ dan ir-regolament, tistabbilixxi r-rekwiżiti li huma suġġetti għalihom dawn l-awtorizzazzjonijiet u l-kontenut tagħhom. Is-subtaqsima 2, li tinkludi fiha l-Artikoli 33 sa 39 tal-imsemmi regolament, tirregola min-naħa tagħha l-proċedura li għandha tiġi segwita.

53      Mill-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 jirriżulta li applikant huwa obbligat jippreżenta applikazzjoni għal awtorizzazzjoni quddiem kull Stat Membru li fih prodott għall-protezzjoni tal-pjanti huwa maħsub li jitqiegħed fis-suq. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 35 ta’ dan ir-regolament, l-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata mill-Istat Membru, jiġifieri dak propost mill-applikant, sakemm Stat Membru ieħor fl-istess żona ma jaqbilx li jeżaminaha.

54      Konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 35, u mat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 36(1) tal-imsemmi regolament, l-Istati Membri l-oħra taż-żona kkonċernata għandhom jikkooperaw sabiex jiżguraw distribuzzjoni ekwa tal-piż ta’ xogħol. Dawn l-Istati Membri għandhom ukoll il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, li ser jiġu eżaminati matul il-valutazzjoni tar-riskju ta’ tali prodott.

55      Madankollu, l-evalwazzjoni tar-riskji skont l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 għandha titwettaq esklużivament mill-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 36(1) ta’ dan ir-regolament, mingħajr ma din l-evalwazzjoni għandha tiġi approvata mill-Istati Membri l-oħra li jappartjenu għall-istess żona.

56      Issa, skont l-Artikolu 36(2) tal-imsemmi regolament, huwa abbażi tal-imsemmija evalwazzjoni li l-Istati Membri kkonċernati, jiġifieri l-Istati Membri li lilhom tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq fit-territorju tagħhom, għandhom jagħtu jew jirrifjutaw din l-awtorizzazzjoni.

57      F’dan il-kuntest, ma huwiex eskluż li Stat Membru kkonċernat ma jaqbilx mal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tar-riskju li tkun twettqet, skont l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1107/2009. Din is-sitwazzjoni tista’ tirriżulta indipendentement mill-fatt jekk dan l-Istat Membru kkonċernat ikunx sostna jew le l-osservazzjonijiet tiegħu fil-kuntest tal-proċedura dwar din l-evalwazzjoni tar-riskji.

58      F’dan ir-rigward, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 36(3) ta’ dan ir-regolament jipprevedi l-possibbiltà għall-Istat Membru kkonċernat li jimponi, minn naħa, kundizzjonijiet xierqa dwar il-kontenut u t-tul tal-awtorizzazzjoni mogħtija fit-territorju tiegħu kif ukoll, min-naħa l-oħra, miżuri oħra ta’ mitigazzjoni tar-riskji li jirriżultaw minn kundizzjonijiet ta’ użu speċifiċi.

59      Barra minn hekk, meta l-implimentazzjoni ta’ tali miżuri nazzjonali ta’ mitigazzjoni tar-riskji ma tippermettix li jiġi indirizzat it-tħassib tal-Istat Membru kkonċernat, marbut mas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew mal-ambjent, huwa jista’ jirrifjuta l-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorju tiegħu, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 36(3) tal-imsemmi regolament, għar-raġuni li, minħabba l-karatteristiċi ambjentali jew agrikoli partikolari tiegħu, il-prodott inkwistjoni dejjem jippreżenta riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew għall-ambjent.

60      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Istati Membri kkonċernati, fis-sens tal-Artikolu 36(2) tar-Regolament Nru 1107/2009, li għandhom evalwazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jistgħu, fil-limiti previsti fil-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, jimponu miżuri ta’ mitigazzjoni, jew saħansitra jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni ta’ tali prodott fit-territorju tagħhom, sabiex jiġi evitat riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew għall-ambjent.

61      Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest li fih jidħol l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1107/2009. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament jippreċiża espressament, fil-paragrafu 1 tiegħu, li prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jista’ jitqiegħed fis-suq jew jintuża biss jekk ikun ġie awtorizzat fl-Istat Membru kkonċernat “skont dak ir-regolament”, li jimplika l-osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1107/2009.

62      L-osservanza tal-modalitajiet ta’ din il-proċedura tippermetti, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tagħha, li jiġi żgurat tqassim tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri. Huwa f’idejn l-Istat Membru li jkun qed jeżamina l-applikazzjoni li għandu jwettaq il-valutazzjoni tar-riskju filwaqt li l-Istati Membri kkonċernati jassumu l-ġestjoni tar-riskji billi jieħdu d-deċiżjoni finali ta’ awtorizzazzjoni fit-territorji rispettivi tagħhom.

63      Tali limitazzjoni tal-marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri fil-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti tirriżulta mill-armonizzazzjoni tar-regoli applikabbli, bl-għan li jiġu ssimplifikati dawn il-proċeduri u li tiġi żgurata koerenza fl-Istati Membri kollha, kif jirriżulta, fir-rigward tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, mill-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1107/2009, moqri fid-dawl tal-premessi 5, 9, 25 u 29 ta’ dan ir-regolament.

64      It-tieni nett, fil-kuntest ta’ kawża li tirrigwarda d-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li tinsab fis-subtaqsima 3 tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1107/2009, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, meta Stat Membru jirċievi talba għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li t-tqegħid fis-suq tiegħu diġà ġie awtorizzat għall-istess użu minn Stat Membru ieħor, huwa ma huwiex obbligat jagħti din l-awtorizzazzjoni meta l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 36(3) ta’ dan ir-regolament japplikaw minħabba karatteristiċi ambjentali jew agrikoli speċifiċi għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Région de Bruxelles-Capitale vs Il‑Kummissjoni, C‑352/19 P, EU:C:2020:978, punti 51 u 53).

65      It-tielet nett, ma jistax jiġi injorat li l-Istati Membri jistgħu, skont l-Artikolu 44(1) u (3) tar-Regolament Nru 1107/2009, minn naħa, jeżaminaw mill-ġdid awtorizzazzjoni fi kwalunkwe mument jekk ċerti elementi juru li wieħed mir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 29(1) ta’ dan ir-regolament ma għadux jiġi osservat u, min-naħa l-oħra, jirtiraw jew jemendaw din l-awtorizzazzjoni jekk jikkonkludu li dawn ir-rekwiżiti ma għadhomx issodisfatti.

66      Għalhekk, Stat Membru huwa, b’mod partikolari, obbligat jirtira awtorizzazzjoni, skont l-Artikolu 29(1)(e) u l-Artikolu 44(3)(a) tar-Regolament Nru 1107/2009, jekk jikkonstata li l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, fl-istat attwali tal-għarfien xjentifiku u tekniku, għandu effett dannuż fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew effett inaċċettabbli fuq l-ambjent, fis-sens tal-Artikolu 4(3)(b) u/jew (e) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ llum, PAN Europe (Evalwazzjoni tal-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali), C‑309/22 u C‑310/22, punt 81, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

67      Issa, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tagħha, Stat Membru jista’ jirtira awtorizzazzjoni meta l-għarfien xjentifiku jew tekniku l-iktar affidabbli għad-dispożizzjoni tiegħu jindika li jista’ jkun hemm effett dannuż immedjat jew ittardjat fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent. Għaldaqstant, Stat Membru kkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 36(2) tar-Regolament Nru 1107/2009, lanqas ma jista’ jkun obbligat jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jekk ikun hemm għarfien xjentifiku jew tekniku li jidentifika riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew għall-ambjent marbut mal-użu ta’ dan il-prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ llum, PAN Europe (Evalwazzjoni tal-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali), C‑309/22 u C‑310/22, punt 83).

68      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1107/2009 hija sostnuta mill-għan ta’ dan ir-regolament li, kif huwa ppreċiżat fl-Artikolu 1(3) tiegħu, u kif tirrifletti l-premessa 8 tiegħu, huwa, b’mod partikolari, li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent. F’dan ir-rigward, billi għamlet riferiment għall-premessa 24 tar-Regolament Nru 1107/2009, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li waqt il-ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent “għandu jieħu prijorità” fuq l-għan ta’ titjib tal-produzzjoni tal-pjanti (sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2023, Pesticide Action Network Europe et, C‑162/21, EU:C:2023:30, punti 46 u 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

69      Bl-istess mod, il-premessa 29 tar-Regolament Nru 1107/2009, filwaqt li tinsisti fuq in-neċessità li jiġi previst tqegħid għad-dispożizzjoni iktar armonizzat tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, tirrikonoxxi li ċirkustanzi ambjentali jew agrikoli speċifiċi għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew iktar jistgħu jiġġustifikaw li dan jew dawn l-Istati Membri jirrifjutaw li jawtorizzaw il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorju tagħhom meta dan ikun iġġustifikat minn ċirkustanzi agrikoli jew ambjentali partikolari jew jekk il-livell għoli ta’ protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll tal-annimali u tal-ambjent ma jkunx jista’ jiġi żgurat.

70      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1107/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru li jieħu deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, skont l-Artikolu 36(2) ta’ dan ir-regolament, jista’ jitbiegħed mill-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji li jikkonċernaw dan il-prodott imwettqa mill-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni, skont l-Artikolu 36(1) tal-imsemmi regolament, fil-każijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 36(3) tal-istess regolament, b’mod partikolari meta jkollu l-iktar data xjentifika jew teknika affidabbli, li dan l-Istat Membru tal-aħħar ma jkunx ħa inkunsiderazzjoni fit-tħejjija tal-evalwazzjoni tiegħu, li tidentifika riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew għall-ambjent.

 Dwar ittieni domanda

71      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1107/2009, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Istat Membru kompetenti skont l-Artikolu 36(1) ta’ dan ir-regolament jistgħu jiġu suġġetti għall-istħarriġ tal-qorti tal-Istat Membru kkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 36(2) tal-imsemmi regolament, adita b’rikors dirett kontra deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 36(2) jew (3) tal-istess regolament.

72      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi osservat, preliminarjament, li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 1107/2009 jimponi biss fuq l-Istati Membri li jipprevedu l-possibbiltà li tiġi kkontestata deċiżjoni li tirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti quddiem il-qrati nazzjonali jew ta’ istanzi oħra tal-appell. Madankollu, mis-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2020, Associazione GranoSalus vs Il‑Kummissjoni (C‑313/19 P, EU:C:2020:869), jirriżulta li huma wkoll l-Istati Membri li għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li tippermetti wkoll li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv ta’ terzi li jiġġustifikaw interess fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-regolament mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ dawn l-Istati.

73      F’dan ir-rigward, peress li d-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 36(2) jew (3) tar-Regolament Nru 1107/2009 jittieħdu abbażi tal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Istat Membru kompetenti skont l-Artikolu 36(1) ta’ dan ir-regolament, dawn il-konklużjonijiet neċessarjament jifformaw parti mill-elementi rilevanti tas-sitwazzjoni li dawn id-deċiżjonijiet għandhom l-għan li jirregolaw. L-imsemmija konklużjonijiet għandhom għalhekk jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qrati tal-Istat Membru kkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 36(2) tal-imsemmi regolament, meta dawn jiddeċiedu fuq il-fondatezza tal-imsemmija deċiżjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C‑343/09, EU:C:2010:419, punt 34).

74      Min-naħa l-oħra, peress li d-deċiżjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza huma r-riżultat ta’ evalwazzjonijiet ta’ punti fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna, dawn il-qrati nazzjonali ma jistgħux jissostitwixxu l-evalwazzjoni tagħhom ta’ dawn l-elementi fattwali minflok dik tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 1999, Upjohn, C‑120/97, EU:C:1999:14, punti 33 sa 35).

75      Minn dan isegwi li l-qrati tal-Istat Membru kkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 36(2) tar-Regolament Nru 1107/2009, li huma msejħa jiddeċiedu dwar il-fondatezza tad-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 36(2) jew (3) ta’ dan ir-regolament, għandhom ġurisdizzjoni biex jevalwaw il-legalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet fid-dawl tal-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Monsanto et, C‑58/10 sa C‑68/10, EU:C:2011:553, punt 79), peress li dawn il-qrati, minn naħa, jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Istat Membru kompetenti skont l-Artikolu 36(1) tal-imsemmi regolament, iżda, min-naħa l-oħra, ma jistgħux jissostitwixxu l-evalwazzjoni tagħhom tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

76      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1107/2009, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Istat Membru kompetenti skont l-Artikolu 36(1) ta’ dan ir-regolament jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti tal-Istat Membru kkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 36(2) tal-imsemmi regolament, li hija mitluba tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 36(2) jew (3) tal-istess regolament, fid-dawl tal-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet, bil-kundizzjoni li din il-qorti ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika minflok dik tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

 Fuq ittielet domanda

77      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 36(2) u (3) tar-Regolament Nru 1107/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-Istat Membru li jieħu deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti skont dawn id-dispożizzjonijiet iqis li l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji mwettqa mill-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni skont l-Artikolu 36(1) ta’ dan ir-regolament tkun insuffiċjentement motivata, huwa għandu l-obbligu li jassoċja lil dan l-Istat Membru tal-aħħar mat-twettiq ta’ evalwazzjoni ġdida li abbażi tagħha l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti tista’ tiġi adottata.

78      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-awtoritajiet nazzjonali msejħa biex jintervjenu skont l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1107/2009 għandhom jikkonformaw ruħhom mal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar amministrazzjoni tajba, li jinkludi rekwiżiti li l-Istati Membri għandhom josservaw meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Fost dawn ir-rekwiżiti, l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet nazzjonali għandu importanza partikolari, sa fejn dan jippermetti lid-destinatarji ta’ dawn id-deċiżjonijiet jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jiddeċiedu b’għarfien sħiħ tal-kawża jekk hemmx lok li jippreżentaw rikors ġudizzjarju kontrihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, EU:C:1987:442, punt 15, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Infraestruturas de Portugal u Futrifer Indústrias Ferroviárias, C‑66/22, EU:C:2023:1016, punt 87).

79      Madankollu, kif osservat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-Regolament Nru 1107/2009 ma jipprevedix modalitajiet speċifiċi sabiex jiġu rregolati d-diverġenzi ta’ opinjonijiet bejn l-Istati Membri fil-każ fejn l-Istat Membru kkonċernat iqis, waqt l-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, li evalwazzjoni xjentifika tar-riskji mwettqa mill-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni skont l-Artikolu 36(1) ta’ dan ir-regolament tippreżenta motivazzjoni insuffiċjenti fir-rigward tat-tħassib tal-Istat ikkonċernat dwar is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew tal-ambjent, b’rabta ma’ karatteristiċi ambjentali jew agrikoli partikolari għat-territorju tiegħu.

80      Madankollu, mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 1107/2009 jirriżulta li l-Istat Membru kkonċernat, li jirrifjuta l-awtorizzazzjoni tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorju tiegħu skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 36(3) ta’ dan ir-regolament, minkejja l-evalwazzjoni tar-riskji mwettqa mill-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni skont l-Artikolu 36(1) tal-imsemmi regolament, għandu jinforma immedjatament lill-applikant u lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tiegħu u jipprovdi l-elementi tekniċi jew xjentifiċi insostenn ta’ din id-deċiżjoni.

81      Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar it-tiġdid, l-irtirar u l-varjazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jinsabu fis-subtaqsima 4 tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1107/2009, l-Istati Membri jistgħu, skont l-Artikolu 44(1) ta’ dan ir-regolament, jirrevedu awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq f’kull ħin jekk ċerti elementi jwasslu biex wieħed jemmen li wieħed mir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 29 tal-imsemmi regolament ma għadux osservat.

82      Issa, fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid imwettaq abbażi tal-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 1107/2009, l-irtirar jew il-modifika tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq bl-ebda mod ma hija suġġetta għall-varjazzjoni minn qabel tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Istat Membru li eżamina l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 36(1) ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 44(4) tal-imsemmi regolament, meta Stat Membru jirtira jew jemenda awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 44(3) tal-istess regolament, huwa għandu jinforma immedjatament, fost l-oħrajn, lid-detentur, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

83      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Istat Membru kkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 36(2) tar-Regolament Nru 1107/2009, ma jistax ikun obbligat li jassoċja, abbażi ta’ dan ir-regolament biss, lill-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni skont l-Artikolu 36(1) tal-imsemmi regolament, u lanqas lill-Istati Membri l-oħra li jappartjenu għall-istess żona, meta jipproċedi għat-twettiq tal-evalwazzjoni tiegħu tar-riskji fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorju tiegħu, skont l-Artikolu 36 (2) u (3) tal-imsemmi regolament.

84      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 36(2) u (3) tar-Regolament Nru 1107/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-Istat Membru li jieħu deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti skont dawn id-dispożizzjonijiet iqis li l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji mwettqa mill-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni skont l-Artikolu 36(1) ta’ dan ir-regolament ma tkunx suffiċjentement motivata fid-dawl tat-tħassib tiegħu dwar is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew dwar l-ambjent, b’rabta ma’ karatteristiċi ambjentali jew agrikoli partikolari fit-territorju tiegħu, huwa ma huwiex obbligat li jassoċja lil dan l-aħħar Stat Membru mat-twettiq ta’ evalwazzjoni ġdida li abbażi tagħha tista’ tiġi adottata l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.

 Fuq irraba’ u lħames domanda

85      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Għal dan il-għan, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 1997, Krüger, C-334/95, EU:C:1997:378, punti 22 u 23, kif ukoll tat‑18 ta’ Novembru 2021, A. S.A., C‑212/20, EU:C:2021:934, punt 36).

86      Għal dawn il-finijiet, mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tislet l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali. Jista’ jkun meħtieġ ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni regoli ta’ dan id-dritt li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 1984, Haug-Adrion, 251/83, EU:C:1984:397, punt 9, tal‑20 ta’ Marzu 1986, Tissier, 35/85, EU:C:1986:143, punt‑9, u tad‑29 ta’ April 2021, Banco de Portugal et, C‑504/19, EU:C:2021:335 punt 30).

87      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-raba’ u l-ħames domanda jirrigwardaw lill-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, f’dan il-każ l-Irlanda, filwaqt li l-kawża li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju għandha bħala suġġett iċ-ċaħda, miċ-CTGB, tal-ilment li PAN Europe ressqet quddiemha kontra d-deċiżjoni tagħha li tapprova l-estensjoni tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq fil-Pajjiżi l-Baxxi tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti inkwistjoni.

88      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jitqies li, permezz tar-raba’ u tal-ħames domanda tagħha, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 29(1)(e) u l-Artikolu 36(2) tar-Regolament Nru 1107/2009 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, sabiex tiġi kkontestata l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorju tal-Istat Membru li jieħu deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti skont din l-aħħar dispożizzjoni, tista’ tiġi invokata quddiem l-awtoritajiet jew il-qrati ta’ dan l-Istat Membru d-data xjentifika jew teknika disponibbli l-iktar affidabbli, sabiex jiġi stabbilit li l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji mwettqa mill-Istat Membru li jeżamina t-talba skont l-Artikolu 36(1) ta’ dan ir-regolament, dwar l-imsemmi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, ma hijiex suffiċjentement motivata.

89      L-ewwel nett, fir-rigward tal-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1107/2009, li jikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, jipprevedi, fil-paragrafu 1(e) tiegħu, li, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 50 ta’ dan ir-regolament, prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jista’ jiġi awtorizzat biss jekk jissodisfa r-rekwiżit li jgħidu li, “fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku attwali, dan jikkonforma mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 4(3)” tal-imsemmi regolament.

90      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, l-Istat Membru li quddiemu titressaq applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jwettaq evalwazzjoni oġġettiva u trasparenti ta’ din l-applikazzjoni fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali. Minn din il-perspettiva, huma l-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari, li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-data xjentifika disponibbli l-iktar affidabbli kif ukoll ir-riżultati l-iktar reċenti tar-riċerka internazzjonali u li ma għandhomx jagħtu f’kull każ piż predominanti lill-istudji prodotti mill-applikant (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Blaise et, C‑616/17, EU:C:2019:800, punti 66 u 94).

91      Minn dan isegwi li la l-formulazzjoni tal-Artikolu 29(1)(e) u lanqas dik tal-Artikolu 36(2) tar-Regolament Nru 1107/2009 ma jindikaw li, meta deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja jkollha tiġi adottata fl-Istat Membru kkonċernat dwar l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq nazzjonali tiegħu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni biss ċerti kategoriji ta’ għarfien xjentifiku jew tekniku, skont is-sors tagħhom jew il-mument li fih dan l-għarfien ikun sar aċċessibbli.

92      Il-kliem tal-Artikolu 29(1)(e) u tal-Artikolu 36(2) tar-Regolament Nru 1107/2009 ma jipprekludix għalhekk li tiġi invokata, quddiem dawn l-awtoritajiet u qrati, id-data xjentifika jew teknika disponibbli l-iktar affidabbli, sabiex tiġi kkontestata l-awtorizzazzjoni ta’ tali prodott fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, u dan mingħajr kunsiderazzjoni għas-sors tagħhom jew għall-mument li fih dawn ikunu saru aċċessibbli.

93      Ir-riferiment, fl-Artikolu 36(1) ta’ dan ir-regolament, għall-użu tad-dokumenti ta’ gwida disponibbli fil-mument tal-applikazzjoni ma jpoġġix indiskussjoni din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni ma jistax jiġi dedott li l-Istat Membru li jeżamina din l-applikazzjoni għandu sempliċement jibbaża l-evalwazzjoni tiegħu tar-riskji fuq id-dokumenti ta’ gwida disponibbli biss, meta jqis li dawn id-dokumenti ma jirriflettux b’mod suffiċjenti l-istat attwali ta’ dan l-għarfien xjentifiku u tekniku li fid-dawl tiegħu huwa għandu jwettaq l-evalwazzjoni tiegħu.

94      Minbarra l-fatt li din l-interpretazzjoni tmur kontra l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 90 ta’ din is-sentenza, hemm ukoll lok li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura mhux vinkolanti ta’ dawn id-dokumenti. Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tagħha, peress li l-Artikolu 77 tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi biss il-possibbiltà tal-adozzjoni tagħhom mill-Kummissjoni, l-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza għandu jkun jista’ huwa wkoll, fil-każ ta’ assenza ta’ tali dokumenti, iwettaq l-evalwazzjoni tiegħu tar-riskji billi jibbaża ruħu fuq id-data xjentifika disponibbli l-iktar affidabbli kif ukoll fuq ir-riżultati l-iktar reċenti tar-riċerka internazzjonali.

95      It-tieni nett, fir-rigward tal-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 29(1) u l-Artikolu 36(2) tar-Regolament Nru 1107/2009, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji uniformi ta’ evalwazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li tirreferi għalihom l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet u li huma stabbiliti fl-Anness tar-Regolament Nru 546/2011.

96      Issa, skont il-punt 2(c), li jinsab taħt it-Titolu A tal-Parti I ta’ dan l-anness, fl-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni u tal-għoti tagħhom, l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi l-oħra ta’ informazzjoni ta’ natura teknika jew xjentifika li jistgħu raġonevolment ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom u li jirrigwardaw l-effetti dannużi potenzjali tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jew tal-komponenti tiegħu.

97      Għandu jiġi osservat ukoll li l-Artikoli 44 u 56 tar-Regolament Nru 1107/2009 jirreferu wkoll għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-iżvilupp tat-tagħrif xjentifiku u tekniku.

98      Fil-fatt, minn naħa, kif ġie kkonstatat fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 44(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jirrevedu awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti f’kull mument jekk ċerti elementi jwasslu biex wieħed jemmen li wieħed mir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 29 tal-imsemmi regolament ma għadux osservat. Għal dan l-għan, huwa espressament previst fl-Artikolu 44(3)(d) tal-istess regolament li l-Istat Membru kkonċernat jirtira jew jemenda l-awtorizzazzjoni mogħtija preċedentement meta, fid-dawl tal-evoluzzjoni tat-tagħrif xjentifiku u tekniku, il-mod ta’ użu u l-kwantitajiet użati jistgħu jiġu mmodifikati.

99      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi li d-detentur ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu jikkomunika immedjatament lill-Istati Membri li taw l-awtorizzazzjoni kull informazzjoni ġdida li tikkonċerna dan il-prodott u li tindika li huwa ma għadux jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 4 u 29 ta’ dan ir-regolament.

100    Issa, dan l-obbligu ta’ komunikazzjoni jinkludi, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 56(1) tal-imsemmi regolament, l-informazzjoni rilevanti dwar id-deċiżjonijiet jew l-evalwazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali jew ta’ organi pubbliċi li jawtorizzaw prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew sustanzi attivi fil-pajjiżi terzi.

101    It-tielet nett, l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 92 ta’ din is-sentenza hija sostnuta wkoll mill-għan tar-Regolament Nru 1107/2009.

102    Kif ġie indikat fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, ir-Regolament huwa intiż biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll tal-ambjent. Barra minn hekk, kif jipprovdi l-Artikolu 1(4) tal-imsemmi regolament, id-dispożizzjonijiet tiegħu huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u ma jipprekludux lill-Istati Membri milli japplikaw dan il-prinċipju meta tkun teżisti inċertezza xjentifika fir-rigward tar-riskji li jikkonċernaw is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew l-ambjent u li jirrappreżentaw il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għandhom jiġu awtorizzati fit-territorju tagħhom.

103    Issa, il-possibbiltà li jitqajjem kull għarfien xjentifiku jew tekniku li huwa rilevanti, affidabbli u attwali, quddiem l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istat Membru kkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 36(2) ta’ dan ir-regolament, sabiex tiġi kkontestata l-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, tikkontribwixxi, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, għat-twettiq ta’ dan l-għan.

104    Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti preċedenti ma jitpoġġewx indiskussjoni mir-rekwiżit tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

105    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Corteva ssostni essenzjalment li dan il-prinċipju jeżiġi li l-eżami ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jsir skont l-għarfien xjentifiku u tekniku eżistenti fid-data tal-preżentata ta’ din l-applikazzjoni.

106    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jorjentaw ruħhom f’sitwazzjonijiet u f’relazzjonijiet legali li jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, Bayer CropScience u Bayer vs Il‑Kummissjoni, C‑499/18 P, EU:C:2021:367, punt 101).

107    Madankollu, dan il-prinċipju għandu, fil-qasam speċifiku tal-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, jiġi bbilanċjat mal-prinċipju ta’ prekawzjoni li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Nru 1107/2009 u li l-għan tiegħu huwa, kif imfakkar fil-punti 68 u 102 ta’ din is-sentenza, li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent. Huwa għalhekk li, fil-każ ta’ elementi li jistabbilixxu li sustanza attiva jew prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu effett ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew effett inaċċettabbli fuq l-ambjent, il-Kummissjoni u/jew l-Istati Membri jistgħu jkunu obbligati li jirtiraw l-approvazzjoni ta’ din is-sustanza attiva jew l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ dan il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kif ukoll, jekk ikun il-każ, li jadottaw miżuri ta’ emerġenza.

108    Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ dan ir-regolament, kull applikant li jixtieq iqiegħed fis-suq prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jista’ jistenna li l-istat ta’ għarfien xjentifiku jew tekniku jiġi emendat matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni jew matul il-perijodu li għalih sustanza attiva hija approvata jew prodott għall-protezzjoni tal-pjanti huwa awtorizzat. Barra minn hekk, mill-Artikoli 46 u 69 sa 71 tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni jew l-adozzjoni ta’ miżura ta’ emerġenza jista’ jkollhom l-effett immedjat tagħhom, u ma jippermettux iktar it-tqegħid fis-suq kif ukoll l-użu tal-ħażniet eżistenti tal-prodott inkwistjoni.

109    Għaldaqstant, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ għarfien xjentifiku jew tekniku rilevanti u affidabbli li ma kienx għadu aċċessibbli fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti ma jistax jitqies li jmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

110    Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għar-raba’ u għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 29(1)(e) u l-Artikolu 36(2) tar-Regolament Nru 1107/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex tiġi kkontestata l-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorju tal-Istat Membru li jieħu deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti skont din l-aħħar dispożizzjoni, tista’ tiġi invokata quddiem l-awtoritajiet jew il-qrati ta’ dan l-Istat Membru d-data xjentifika jew teknika disponibbli l-iktar affidabbli, sabiex jiġi stabbilit li l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji mwettqa mill-Istat Membru li jeżamina t-talba skont l-Artikolu 36(1) ta’ dan ir-regolament, fir-rigward tal-imsemmi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, hija insuffiċjentement motivata.

 Fuq lispejjeż

111    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-Istat Membru li jieħu deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, skont l-Artikolu 36(2) ta’ dan ir-regolament, jista’ jitbiegħed mill-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji li jikkonċernaw dan il-prodott imwettqa mill-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni, skont l-Artikolu 36(1) tal-imsemmi regolament, fil-każijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 36(3) tal-istess regolament, b’mod partikolari meta jkollu l-iktar data xjentifika jew teknika affidabbli, li dan l-Istat Membru tal-aħħar ma jkunx ħa inkunsiderazzjoni fit-tħejjija tal-evalwazzjoni tiegħu, li tidentifika riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew għall-ambjent.

2)      L-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1107/2009, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Istat Membru kompetenti skont l-Artikolu 36(1) ta’ dan ir-regolament jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti tal-Istat Membru kkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 36(2) tal-imsemmi regolament, li hija mitluba tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 36, paragrafi 2 jew 3 tal-istess regolament, fid-dawl tal-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet, bil-kundizzjoni li din il-qorti ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

3)      L-Artikolu 36(2) u (3) tar-Regolament Nru 1107/2009:

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta l-Istat Membru li jieħu deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti skont dawn id-dispożizzjonijiet iqis li l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji mwettqa mill-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni skont l-Artikolu 36(1) ta’ dan ir-regolament ma tkunx suffiċjentement motivata fid-dawl tat-tħassib tiegħu dwar is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew dwar l-ambjent, b’rabta ma’ karatteristiċi ambjentali jew agrikoli partikolari fit-territorju tiegħu, huwa ma huwiex obbligat li jassoċja lil dan l-aħħar Stat Membru mat-twettiq ta’ evalwazzjoni ġdida li abbażi tagħha tista’ tiġi adottata l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.

4)      L-Artikolu 29(1)(e) u l-Artikolu 36(2) tar-Regolament Nru 1107/2009

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

sabiex tiġi kkontestata l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorju tal-Istat Membru li jieħu deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti skont din l-aħħar dispożizzjoni, tista’ tiġi invokata quddiem l-awtoritajiet jew il-qrati ta’ dan l-Istat Membru d-data xjentifika jew teknika disponibbli l-iktar affidabbli, sabiex jiġi stabbilit li l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji mwettqa mill-Istat Membru li jeżamina t-talba skont l-Artikolu 36(1) ta’ dan ir-regolament, dwar l-imsemmi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, ma hijiex suffiċjentement motivata.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.