Kawża C-298/22

Caixa Geral de Depósitos SA
u Banco Português de Investimento SA (BPI)
u Caixa Central de Crédito Agrícola Mútuo CRL
u Banco Santander Totta SA
u Banco Comercial Português SA
u Banco BPN/ BIC Português SA
u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA, fergħa fil-Portugall,
u Barclays Bank Plc
u Caixa Económica Montepio Geral - Caixa Económica Bancária SA
u Unión de Creditos Imobiliarios SA - Estabelecimento Financeiro de Crédito SOC
u Banco Espírito Santo SA, fi stralċ,

vs

Autoridade da Concorrência

(talba għal deċiżjoni preliminari,
imressqa mit-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-29 ta’ Lulju 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Projbizzjoni ta’ akkordji – Artikolu 101 TFUE – Ftehimiet bejn impriżi – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan – Skambji ta’ informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Informazzjoni li tikkonċerna l-kundizzjonijiet kummerċjali u l-valuri ta’ produzzjoni – Informazzjoni strateġika”

  1. Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Distinzjoni bejn restrizzjonijiet minħabba l-għan u minħabba l-effett – Restrizzjoni minħabba l-għan – Grad suffiċjenti ta’ noċività – Konstatazzjoni suffiċjenti

    (Artikolu 101(1) TFUE)

    (ara l-punti 35, 36)

  2. Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Kontenut u għan ta’ akkordju kif ukoll kuntest ekonomiku u ġuridiku ta’ żvilupp tiegħu – Distinzjoni bejn restrizzjonijiet minħabba l-għan u minħabba l-effett – Intenzjoni tal-partijiet li jilħqu ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni – Kriterju mhux neċessarju – Ksur minħabba l-għan – Grad suffiċjenti ta’ noċività – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Neċessità li jiġu eżaminati l-effetti tal-aġir antikompetittiv fuq il-kompetizzjoni – Assenza

    (Artikolu 101(1) TFUE)

    (ara l-punti 37 sa 43)

  3. Akkordji – Prattika miftiehma – Kunċett – Koordinazzjoni u kooperazzjoni inkompatibbli mal-obbligu għal kull impriża li tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq – Skambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali u strateġika bejn istituzzjonijiet ta’ kreditu – Skambju li jista’ jelimina l-inċertezzi dwar l-aġir previst mill-impriżi kkonċernati – Restrizzjoni minħabba l-għan – Neċessità li jintwera teħid inkunsiderazzjoni effettiv tal-informazzjoni mill-parteċipanti fl-iskambju – Assenza

    (Artikolu 101(1) TFUE)

    (ara l-punti 44 sa 57, 63, 64, 66, 70 sa 72, 75 sa 77, 79, 81, 84, 85, 88)

Sunt

Adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari mit-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, tar-Regolazzjoni u tal-Kontroll, il-Portugall), il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni dwar il-kundizzjonijiet li fihom jista’ jiġi kklassifikat bħala “restrizzjoni minħabba l-għan” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, skambju ta’ informazzjoni “awtonomu”, jiġifieri skambju li ma jkunx anċillari għal prattika miftiehma li tirrestrinġi l-kompetizzjoni.

F’dan il-każ, l-Autoridade de Concorrência (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni, il-Portugall, iktar ’il quddiem l-“AdC”) ikkonstatat li diversi stabbilimenti ta’ kreditu kienu kisru d-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-dritt tal-kompetizzjoni, kif ukoll l-Artikolu 101 TFUE, billi pparteċipaw, bejn ix-xahar ta’ Mejju 2002 u x-xahar ta’ Marzu 2013, fi prattika miftiehma li kellha l-għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq tal-kreditu immobiljari, is-suq tal-kreditu għall-konsum u s-suq tal-kreditu lill-impriżi.

Din il-prattika miftiehma kienet tieħu l-forma ta’ skambju ta’ informazzjoni “awtonomu” dwar il-kundizzjonijiet applikabbli għall-operazzjonijiet ta’ kreditu, b’mod partikolari d-differenzi fir-rati ta’ kreditu u l-varjabbli tar-riskju, attwali u futuri, kif ukoll iċ-ċifri ta’ produzzjoni individwalizzati tal-parteċipanti f’dan l-iskambju.

Konsegwentement, permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Settembru 2019, l-AdC issanzjonat l-imsemmija stabbilimenti ta’ kreditu billi imponiet fuqhom multa. Il-parti l-kbira ta’ dawn tal-aħħar ippreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

Peress li qieset li dan l-iskambju ta’ informazzjoni, li seħħ fi swieq li għandhom konċentrazzjoni qawwija kif ukoll ostakoli għad-dħul, seta’ jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-pressjoni kummerċjali u l-inċertezza marbuta mal-aġir strateġiku tal-kompetituri fis-suq, li seta’ jwassal għal koordinazzjoni informali li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà ta’ tali skambju mal-Artikolu 101 TFUE.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Preliminarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li skambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri jista’ jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni, inkluż minħabba l-għan, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, jekk ikun jaqa’ taħt forma ta’ koordinazzjoni li għandha titqies, min-natura tagħha stess, li tippreġudika l-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni fil-kuntest tal-iskambju kkonċernat.

L-ewwel nett, fir-rigward tal-kontenut tiegħu, dan jimplika li dan l-iskambju jkollu karatteristiċi li jorbtuh ma’ forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li tista’ toħloq kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni. Issa, il-funzjonament tajjeb tal-iżvolġiment normali tal-kompetizzjoni f’suq jippreżupponi ċerta trasparenza fir-rigward tas-sitwazzjoni attwalment prevalenti f’dan tal-aħħar. Fil-fatt, huwa biss taħt din il-kundizzjoni li suq jista’ jkun effiċjenti. Għalhekk, it-trasparenza bejn l-operaturi ekonomiċi hija, tal-inqas f’suq mhux oligopolistiku, ta’ natura li tikkontribwixxi għall-intensifikazzjoni tal-kompetizzjoni bejn l-offerenti. Min-naħa l-oħra, sabiex suq jopera f’kundizzjonijiet normali, kull operatur għandu, minn naħa, ikun obbligat jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li huwa jkollu l-intenzjoni li jsegwi fis-suq uniku u, min-naħa l-oħra, għandu jkun f’inċertezza tal-inqas fir-rigward tad-data, tal-portata u tal-modalitajiet ta’ bidla futura tal-aġir tal-kompetituri tiegħu f’dan is-suq.

Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest li fih jidħol l-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni, huwa neċessarju li, fih, kull koordinazzjoni li jkollha karatteristiċi simili għal dawk tal-imsemmi skambju tista’ twassal biss għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali ta’ funzjonament tas-suq inkwistjoni, fid-dawl tan-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi inkwistjoni, tal-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament tas-suq u tal-istruttura ta’ dan tal-aħħar.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-“għanijiet” imħaddna mill-imsemmi skambju, dan tal-aħħar jista’ jikkostitwixxi restrizzjoni minħabba l-għan jekk, minkejja li ma jkunx formalment ippreżentat bħala li jsegwi għan antikompetittiv, dan l-iskambju ma jkunx jista’ jiġi spjegat mod ieħor, fid-dawl tal-forma tiegħu u tal-kuntest li fih ikun seħħ, ħlief sabiex jintlaħaq għan li jmur kontra wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu l-prinċipju ta’ kompetizzjoni libera.

Minn dan isegwi li, sa fejn kull operatur ekonomiku għandu l-obbligu li jibqa’ fl-inċertezza fir-rigward tal-aġir futur tal-parteċipanti l-oħra fl-imsemmi suq, skambju ta’ informazzjoni li jippermetti li tiġi eliminata tali inċertezza jista’ jitqies li jaqa’ taħt forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li tkun, min-natura tagħha stess, ta’ dannu għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni.

F’dan ir-rigward, lanqas ma huwa neċessarju li jiġi stabbilit li, fil-kuntest ta’ dan l-iskambju, l-informazzjoni skambjata tista’ twassal biss lill-parteċipanti li jkunu raġonevolment attivi u ekonomikament razzjonali sabiex isegwu b’mod taċitu l-istess linja ta’ aġir fir-rigward ta’ wieħed mill-parametri li fid-dawl tagħhom tiġi stabbilita l-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni.

Fil-fatt, huwa biżżejjed li l-informazzjoni skambjata tkun, minn naħa, kunfidenzjali, jiġifieri mhux diġà magħrufa minn kull operatur ekonomiku attiv fis-suq ikkonċernat, u, min-naħa l-oħra, strateġika, jiġifieri ta’ natura li tiżvela, jekk ikun il-każ, wara li tiġi kkombinata ma’ informazzjoni oħra diġà magħrufa mill-parteċipanti fi skambju ta’ informazzjoni, l-istrateġija li wħud minn dawn il-parteċipanti jkollhom l-intenzjoni jimplimentaw fir-rigward ta’ dak li jikkostitwixxi parametru wieħed jew iktar li fid-dawl tagħhom tiġi stabbilita l-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni.

B’mod iktar preċiż, il-kunċett ta’ “informazzjoni strateġika” huwa kunċett wiesa’ li jinkludi kull data mhux diġà magħrufa mill-operaturi ekonomiċi li, fil-kuntest ta’ tali skambju, hija ta’ natura li tnaqqas l-inċertezza fir-rigward tal-aġir futur tal-parteċipanti l-oħra fl-imsemmi suq fir-rigward ta’ dak li jikkostitwixxi, minħabba n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, kundizzjonijiet reali tal-funzjonament tas-suq u tal-istruttura tiegħu, parametru wieħed jew iktar li fid-dawl tagħhom tiġi stabbilita l-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni.

Meta l-informazzjoni skambjata ma tirrigwardax intenzjonijiet ta’ bidla fl-aġir tal-parteċipanti fl-iskambju fis-suq inkwistjoni, iżda fatti attwali jew tal-passat, hija tista’ wkoll tiġi kklassifikata bħala informazzjoni strateġika jekk parteċipant fl-iskambji inkwistjoni jista’ jiddeduċi minn dan bi preċiżjoni suffiċjenti l-aġir futur tal-parteċipanti l-oħra f’dan l-iskambju jew ir-reazzjonijiet tagħhom għal eventwali moviment strateġiku fis-suq.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li skambju ta’ informazzjoni li jkun seħħ bejn istituzzjonijiet ta’ kreditu fi swieq li għandhom konċentrazzjoni qawwija kif ukoll ostakoli għad-dħul u li jirrigwarda l-kundizzjonijiet applikabbli għat-tranżazzjonijiet ta’ kreditu mwettqa f’dawn is-swieq għandu jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni minħabba l-għan, peress li jinkludi b’mod partikolari informazzjoni strateġika dwar l-intenzjonijiet futuri tal-parteċipanti l-oħra f’dan l-iskambju dwar wieħed mill-parametri li fid-dawl tagħhom il-kompetizzjoni tiġi stabbilita fl-imsemmija swieq.