SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

5 ta’ Ottubru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) 2018/858 – Approvazzjoni u sorveljanza tas-suq ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi – Artikolu 61(1) u (4) – Anness X, punt 2.9 – Informazzjoni dwar is-sistema dijanjostika abbord (OBD) tal-vetturi bil-mutur – Aċċess illimitat, standardizzat u mhux diskriminatorju – Obbligi tal-manifatturi – Drittijiet tal-operaturi indipendenti”

Fil-Kawża C‑296/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ April 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Mejju 2022, fil-proċedura

A.T.U. Auto-Teile-Unger GmbH & Co. KG,

Carglass GmbH

vs

FCA Italy SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, N. Piçarra (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A.T.U. Auto-Teile-Unger GmbH & Co. KG kif ukoll għal Carglass GmbH, minn E. Macher, M. Sacré u P. Schmitz, Rechtsanwälte,

għal FCA Italy SpA, minn M. Ruttloff u C. Steinle, Rechtsanwälte,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Huttunen u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 61(1) u (4), kif ukoll il-punt 2.9 tal-Anness X tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU 2018, L 151, p. 1).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, A.T.U. Auto-Teile-Unger GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “ATU”), katina ta’ garaxxijiet ta’ tiswija indipendenti, u Carglass GmbH, impriża ta’ tiswija u sostituzzjoni tal-ħġieġ tal-vetturi, u, min-naħa l-oħra, FCA Italy SpA (iktar ’il quddiem “FCA”), sussidjarja tal-grupp tal-karozzi Fiat Chrysler Automobiles NV, li timmanifattura vetturi ħfief għall-passiġġieri u kummerċjali, dwar id-disponibbiltà, maħluqa minn din tal-aħħar, tal-fluss dirett ta’ data tal-vetturi tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Ir-Regolament tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) Nru 155 – Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi fir-rigward taċ-ċibersigurtà u s-sistemi tal-ġestjoni taċ-ċibersigurtà [2021/387] (ĠU 2021, L 82, p. 30), jipprovdi, fil-punt 1.3 tiegħu:

“Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal Regolamenti tan‑NU, leġiżlazzjonijiet reġjonali jew nazzjonali oħra li jirregolaw l-aċċess minn partijiet awtorizzati għall-vettura, id-data, il-funzjonijiet u r-riżorsi tagħha, u l-kundizzjonijiet ta’ tali aċċess. […]”

Id-dritt tal-Unjoni

Ir‑Regolament 2018/858

4

Il-premessi 50 u 52 tar-Regolament Nru 2018/858 jipprovdu:

“(50)

L-aċċess mhux ristrett għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, permezz ta’ format standardizzat li jista’ jintuża sabiex tiġi rkuprata l-informazzjoni teknika, kif ukoll il-kompetizzjoni effettiva fis-suq tas-servizzi li jipprovdu tali informazzjoni, huma meħtieġa sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern, b’mod partikolari fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, tal-libertà tal-istabbiliment u tal-libertà fil-forniment tas-servizzi. […]

[…]

(52)

Sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni effettiva fis-suq għal servizzi ta’ informazzjoni dwar tiswija u manutenzjoni ta’ vetturi, u sabiex jiġi ċċarat li l-informazzjoni kkonċernata tkopri wkoll l-informazzjoni li jeħtieġ li tingħata lil operaturi indipendenti minbarra s-sewwejja, sabiex jiġi żgurat li s-suq indipendenti tat-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi inġenerali jkun jista’ jikkompeti ma’ negozjanti awtorizzati, irrispettivament minn jekk il-manifattur tal-vettura jagħtix tali informazzjoni direttament lil negozjanti u sewwejja awtorizzati jew jużax huwa stess tali informazzjoni għar-raġunijiet ta’ tiswija u manutenzjoni, jenħtieġ li jiġu stipulati d-dettalji tal-informazzjoni li għandha tingħata għall-finijiet ta’ aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi.”

5

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u l-atti regolatorji elenkati fl-Anness II, ħlief kif stipulat mod ieħor fihom, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(2)

‘approvazzjoni tat-tip tal-UE’ tfisser il-proċedura li biha awtorità tal-approvazzjoni tiċċertifika li tip ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata jissodisfa d-dispożizzjonijiet amministrattivi u r-rekwiżiti tekniċi rilevanti ta’ dan ir-Regolament;

[…]

(40)

‘manifattur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-aspetti kollha tal-approvazzjoni tat-tip ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata, jew għall-approvazzjoni ta’ vettura individwali, jew għall-proċess ta’ awtorizzazzjoni għal parts u tagħmir, sabiex tkun żgurata l-konformità tal-produzzjoni u li hija responsabbli wkoll għal kwistjonijiet tas-sorveljanza tas-suq għal dawk il-vetturi, sistemi, komponenti, unitajiet tekniċi separati, parts u tagħmir immanifatturati, irrispettivament minn jekk dik il-persuna tkunx involuta direttament jew le fl-istadji kollha tad-disinn u l-kostruzzjoni tal-vettura, tas-sistema, tal-komponent jew tal-unità teknika separata kkonċernata;

[…]

(45)

‘operatur indipendenti’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, minbarra negozjant jew sewwej awtorizzat, li hija direttament jew indirettament involuta fit-tiswija u fil-manutenzjoni tal-vetturi, u inklużi sewwejja, manifatturi jew distributuri ta’ tagħmir tat-tiswija, għodod jew spare parts, kif ukoll pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika, assoċjazzjonijiet tal-karozzi, operaturi tal-assistenza fit-triq, operaturi li joffru servizzi ta’ spezzjoni u ttestjar, operaturi li joffru taħriġ għall-installaturi, il-manifatturi u sewwejja ta’ tagħmir għall-vetturi li jaħdmu b’karburanti alternattivi;

[…]

(48)

‘informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi’ tfisser l-informazzjoni kollha, inklużi l-emendi u supplimenti sussegwenti kollha tagħha, li tkun meħtieġa għad-dijanjożi, l-għoti ta’ service u l-ispezzjoni ta’ vettura, it-tħejjija tagħha għall-kontroll tekniku, it-tiswija, l-ipprogrammar mill-ġdid jew l-inizjalizzazzjoni mill-ġdid ta’ vettura jew li tkun meħtieġa għall-appoġġ djanjostiku mill-bogħod ta’ vettura jew għall-immuntar fuq vettura ta’ parts u tagħmir, u li tiġi pprovduta mill-manifattur lis-sħab, negozjanti jew sewwejja awtorizzati tiegħu u li tintuża mill-manifattur għal finijiet ta’ tiswija jew manutenzjoni;

(49)

‘informazzjoni dwar id-dijanjostika abbord (OBD) tal-vetturi’ tfisser l-informazzjoni ġġenerata minn sistema li hija abbord vettura jew li tkun konnessa ma’ magna u li tkun kapaċi tidentifika ħsara u, fejn applikabbli, li tkun kapaċi tindika l-okkorrenza tagħha permezz ta’ sistema ta’ twissija, li tkun kapaċi tidentifika dik il-parti relatata mal-ħsara permezz tal-informazzjoni maħżuna fil-memorja ta’ kompjuter, u li tkun kapaċi tikkomunika dik l-informazzjoni off-board;

[…]”

6

L-Artikolu 61 tal-imsemmi regolament, intitolat, “L-obbligi tal-manifatturi li jipprovdu informazzjoni dwar l-OBD tal-vetturi u informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi”, jipprovdi:

“1.   Il-manifatturi għandhom jipprovdu lill-operaturi indipendenti aċċess mhux ristrett, standardizzat u mhux diskriminatorju għal informazzjoni dwar l-OBD tal-vetturi, tagħmir dijanjostiku u tagħmir ieħor, għodod, inklużi r-riferenzi kompluti, u d-downloads disponibbli, tas-softwer applikabbli, u informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi. L-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata b’mod faċilment aċċessibbli f’forma ta’ settijiet ta’ data li jistgħu jinqraw b’magna u li jistgħu jiġu pproċessati elettronikament. […]

[…]

4.   Id-dettalji tar-rekwiżiti tekniċi għall-aċċess għal informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura u għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura, b’mod partikolari l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar kif għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura u l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura, huma stipulati fl-Anness X.

[…]”

7

L-Anness II tal-istess regolament, intitolat “Rekwiżiti għall-finijiet ta’ approvazzjoni tat-tip tal-UE tal-vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati”, jinkludi Parti I li għandha t-titolu “Atti regolatorji għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE ta’ vetturi prodotti f’serje illimitati”. Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sas-6 ta’ Lulju 2022, il-partita 63 ta’ din il-parti kienet issemmi r-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom, u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom (ĠU 2009, L 200, p. 1). Fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, kif ukoll għas-sistemi, għall-komponenti u għall-unitajiet tekniċi separati maħsubin għat-tali vetturi, fir-rigward tas-sikurezza ġenerali tagħhom u tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-vetturi u l-utenti vulnerabbli tat-triq, li jemenda r-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 78/2009, (KE) Nru 79/2009 u (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 631/2009, (UE) Nru 406/2010, (UE) Nru 672/2010, (UE) Nru 1003/2010, (UE) Nru 1005/2010, (UE) Nru 1008/2010, (UE) Nru 1009/2010, (UE) Nru 19/2011, (UE) Nru 109/2011, (UE) Nru 458/2011, (UE) Nru 65/2012, (UE) Nru 130/2012, (UE) Nru 347/2012, (UE) Nru 351/2012, (UE) Nru 1230/2012 u (UE) 2015/166 (ĠU 2019, L 325, p. 1), din il-partita 63 kienet issemmi r-Regolament 2019/2144.

8

L-Anness X tar-Regolament 2018/858, intitolat “L-aċċess għall-informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura u għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura”, jipprovdi, fil-punt 2.9 tiegħu:

“Għall-fini tal-OBD, id-dijanjostika, it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura, il-fluss dirett tad-data tal-vettura għandu jsir disponibbli permezz tal-port serjali tad-data fuq il-konnettur standardizzat li jillinkja d-data […]

Meta l-vettura tkun miexja, id-data għandha tkun disponibbli biss għal funzjonijiet li jinqraw.”

9

Dan l-anness jispeċifika, fil-punt 6.2 tiegħu, li “[l]-aċċess għall-karatteristiċi tas-sigurtà tal-vettura li jintużaw min-negozjanti u sewwejja awtorizzati għandu jkun disponibbli għall-operaturi indipendenti taħt il-protezzjoni tat-teknoloġija tas-sigurtà”.

10

Skont il-punt 6.4 tal-imsemmi anness:

“Ir-riprogrammazzjoni tal-unitajiet ta’ kontroll tal-vetturi għandha titwettaq skont l-istandard internazzjonali ISO 22900-2 jew l-SAE J2534 jew it-TMC RP1210B, bl-użu ta’ ħardwer komuni.

Għall-validazzjoni tal-kompatibbiltà tal-applikazzjoni speċifika għall-manifattur u l-interfaċċji ta’ komunikazzjoni tal-vetturi (VCI) li jikkonformaw mal-istandard internazzjonali ISO 22900‑2 jew SAE J2534 jew TMC RP1210B, il-manifattur għandu joffri validazzjoni tal-VCIs żviluppati indipendentement jew inkella l-informazzjoni, u s-self ta’ kwalunkwe ħardwer speċjali, meħtieġ sabiex manifattur tal-VCI jagħmel validazzjoni bħal din hu stess.

[…]”

Ir-Regolament Nru 661/2009

11

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 661/2009, intitolat “Rekwiżiti ġenerali u testijiet”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-vetturi jiġu disinjati, mibnija u montati b’mod li jiġi minimizzat ir-riskju ta’ korriment għall-okkupanti tal-vettura u għall-utenti oħra tat-triq.”

Ir‑Regolament 2019/2144

12

Il-premessa 27 tar-Regolament 2019/2144 tipprovdi:

“Modifiki ta’ softwer jistgħu jbiddlu b’mod sinifikanti l-funzjonalitajiet ta’ vettura. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli u rekwiżiti tekniċi armonizzati għal modifiki ta’ softwer f’konformità mal-proċeduri tal-approvazzjoni tat-tip. Għalhekk, ir-Regolamenti tan-NU jew atti regolatorji oħrajn dwar proċessi tal-aġġornament ta’ softwer jenħtieġ li jiġu applikati fuq bażi obbligatorja mill-aktar fis possibbli wara d-dħul fis-seħħ tagħhom. Madankollu, dawk il-miżuri ta’ sikurezza jenħtieġ li ma jikkompromettux l-obbligi tal-manifattur tal-vettura biex jipprovdi aċċess għal informazzjoni dijanjostika komprensiva u data fil-vettura rilevanti għat-tiswija u l-manutenzjoni ta’ vettura.”

13

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Obbligi ġenerali u rekwiżiti tekniċi”, jipprovdi, fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu:

“4.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-vetturi jiġu ddisinjati, mibnija u armati b’mod li jiġi minimizzat ir-riskju ta’ korriment għall-okkupanti tal-vettura u għall-utenti vulnerabbli tat-triq.

5.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw ukoll li l-vetturi, is-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli elenkati fl-Anness II, b’effett mid-dati speċifikati fl-istess Anness bir-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri tal-ittestjar iddettaljati stipulati fl-atti delegati u bi proċeduri uniformi u speċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont dan ir-Regolament, […]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14

ATU u Carglass huma operaturi indipendenti, fis-sens tal-punt 45 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/858, li l-attività tagħhom tinkludi t-twettiq ta’ dijanjostiċi ta’ vetturi.

15

FCA, bħala manifattur, fis-sens tal-punt 40 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, jipprovdi l-vetturi tiegħu bis-sistema msejħa “Secure Gateway”. Sabiex ikunu jistgħu jwettqu operazzjonijiet ta’ kitba, ineħħu mill-kodiċijiet anomaliji, iwettqu kalibrazzjonijiet u jattivaw elementi ta’ dawn il-vetturi, kemm il-garaxxi tat-tiswija indipendenti kif ukoll il-garaxxi tat-tiswija awtorizzati għandhom josservaw ir-rekwiżiti ddefiniti minn FCA, jiġifieri jirreġistraw ruħhom magħha minn qabel, jidentifikaw ruħhom bl-għajnuna ta’ data ta’ konnessjoni personali fuq server indikat minn FCA, jixtru abbonament bi ħlas għall-użu tal-għodod dijanjostiċi ġeneriċi u jqabbdu lil dawn tal-aħħar, permezz tal-internet, ma’ dan is-server.

16

Billi qiesu li l-impożizzjoni unilaterali, minn FCA, ta’ dawn ir-rekwiżiti tikkostitwixxi ksur tal-obbligi imposti fuqha skont l-Artikolu 61(1) u (4) tar-Regolament 2018/858, moqri flimkien mal-punt 2.9 tal-Anness X ta’ dan ir-regolament, ATU u Carglass adixxew lil-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’azzjoni intiża sabiex FCA tiġi kkundannata tieqaf milli tissuġġetta, fil-Ġermanja, id-dijanjostika, it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi għal dawn ir-rekwiżiti, sa fejn dan ma jirrigwardax il-programmazzjoni mill-ġdid sħiħa tal-unitajiet ta’ kontroll.

17

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-eżitu tat-tilwima jiddependi mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 61(1) u (4) u tal-punt 2.9 tal-Anness X tar-Regolament 2018/858.

18

Hija tirrileva, minn naħa, li l-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 61(1), kif ukoll l-ispirtu u l-iskop finali ta’ dan ir-regolament, jimmilitaw favur interpretazzjoni tal-obbligu li jiġi pprovdut aċċess “illimitat”, previst f’din id-dispożizzjoni, fis-sens li FCA hija obbligata tipprovdi aċċess sħiħ għall-fluss dirett ta’ data tal-vettura permezz tal-interface tas-sistema OBD, mingħajr ma tista’ tissuġġetta l-użu ta’ għodod dijanjostiċi għal rekwiżiti imposti unilateralment. Dik il-qorti tibbaża ruħha fuq il-punt 28 tas-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2019, Gesamtverband Autoteile-Handel (C‑527/18, EU:C:2019:762), sabiex tqis li l-obbligu li jingħata aċċess “mingħajr restrizzjoni”, previst mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ qabel l-adozzjoni tal-imsemmi regolament, kien jirrigwarda l-kontenut tal-informazzjoni u mhux il-modalitajiet sabiex din l-informazzjoni ssir disponibbli. Madankollu, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar il-possibbiltà li jiġi interpretat bl-istess mod il-kunċett ta’ aċċess “illimitat”, fis-sens tal-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858, fid-dawl tal-fatt li, fil-fehma tagħha, dan ir-regolament jistabbilixxi sistema legali ġdida f’dan il-qasam.

19

Jekk dan il-kunċett kellu jinftiehem fis-sens li jkopri mhux biss il-kontenut tal-informazzjoni, iżda wkoll il-kundizzjonijiet għall-użu tal-għodod dijanjostiċi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-garanzija ta’ sigurtà ġenerali tal-vetturi, imsemmija fil-partita 63 tal-Parti I tal-Anness II tar-Regolament 2018/858, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sas-6 ta’ Lulju 2022 jew f’dik li tirriżulta mir-Regolament 2019/2144, timponix interpretazzjoni restrittiva tal-imsemmi kunċett.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 61(1) u (4) tar-Regolament [2018/858], moqri flimkien mal-punt 2.9 tal-Anness X ta’ dan ir-regolament, […], fid-dawl ukoll tar-rekwiżiti imposti fuq il-manifatturi ta’ vetturi sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà ġenerali tal-vetturi, skont l-element 63 tal-Parti I tal-Anness II tal-imsemmi regolament,

moqri flimkien mar-Regolament [Nru 661/2009], f’dak li jirrigwarda l-vetturi tat-tip approvat qabel is-6 ta’ Lulju 2022, b’mod partikolari [ma]l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, u

moqri flimkien mar-Regolament [2019/2144], [applikabbli mis-]6 ta’ Lulju 2022, b’mod partikolari [ma]l-Artikolu 4(4) u (5) ta’ dan ir-regolament,

għandu jiġi interpretat fis-sens li l-manifattur ta’ vetturi għandu dejjem jiżgura ruħu, anki meta jimplimenta miżuri ta’ sigurtà skont dawn ir-rekwiżiti, li jibqa’ possibbli għal persuni li jsewwu u li huma indipendenti li jwettqu [l-konsultazzjoni tal-informazzjoni tas-]sistema OBD tal-vetturi kif ukoll id-dijanjostika, it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, inkluż l-operazzjonijiet tal-kitba neċessarji għal dan il-għan, bl-għajnuna ta’ għodda ta’ dijanjostika universali u ġenerika, mingħajr ma jkun neċessarju li din l-għodda tiġi konnessa permezz tal-internet ma’ server indikat mill-manifattur u/jew li l-utent jirreġistra ruħu personalment minn qabel ma’ dan il-manifattur, kundizzjonijiet li ma humiex previsti b’mod espliċitu mir-Regolament 2018/858?”

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

21

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ġunju 2023, FCA talbet il-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi bbażat ruħha fuq dokument maħruġ miċ-Centro Prova Autoveicoli Torino (iċ-Ċentru ta’ Kontroll tal-Vetturi bil-Mutur ta’ Torino, l-Italja), awtorità reġjonali kompetenti fil-qasam tal-approvazzjoni tal-vetturi, u fuq ittra tal-Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti (il-Ministeru għall-Infrastruttura u għat-Trasport, l-Italja), li permezz tagħha din l-awtorità tiċċertifika l-kompatibbiltà mal-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858 tas-sistema “Secure Gateway” li FCA tinstalla fil-vetturi tagħha.

22

Bis-saħħa tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed, jew meta waħda mill-partijiet tkun issottomettiet, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma ġiex ittrattat.

23

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tqis, abbażi tat-talba għal deċiżjoni preliminari u tal-osservazzjonijiet bil-miktub, li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tittratta dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari u li d-dokumenti invokati minn FCA fit-talba tagħha tad-19 ta’ Ġunju 2023, imsemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, li r-rilevanza tagħhom għall-proċedura fil-kawża prinċipali għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju, ma jikkostitwixxux fatti ġodda ta’ natura li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja.

24

Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id-domanda preliminari

25

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 61(1) u (4) tar-Regolament 2018/858, moqri flimkien mal-punt 2.9 tal-Anness X ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li manifattur tal-karozzi jissuġġetta l-aċċess tal-operaturi indipendenti għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi kif ukoll għal dik tas-sistema OBD, inkluż l-aċċess bil-kitba għal din l-informazzjoni, għal kundizzjonijiet oħra għajr dawk previsti mill-imsemmi regolament.

26

Għandu jitfakkar qabelxejn li, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2022, IMPERIAL TOBACCO BULGARIA,C‑55/21, EU:C:2022:459, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-oriġini ta’ tali dispożizzjoni tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, l-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858 jimponi fuq il-manifatturi ta’ vetturi l-obbligu li jipprovdu lill-operaturi indipendenti aċċess illimitat, standardizzat u mhux diskriminatorju għall-informazzjoni tas-sistema OBD, fis-sens tal-punt 49 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, għat-tagħmir u għall-għodod dijanjostiċi jew oħrajn, kif ukoll għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, fis-sens tal-punt 48 ta’ dan l-Artikolu 3. Din l-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata b’mod faċilment aċċessibbli, fil-forma ta’ settijiet ta’ data li jistgħu jinqraw b’magna u li jistgħu jintużaw b’mod elettroniku.

28

L-Artikolu 61(4) tal-imsemmi regolament jipprovdi li “[i]d-dettalji tar-rekwiżiti tekniċi għall-aċċess għal informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura u għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura, b’mod partikolari l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar kif għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni dwar l-OBD tal-vettura u l-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura, huma stipulati fl-Anness X”. Dan l-anness jippreskrivi, fil-punt 2.9 tiegħu, li, “[g]ħall-fini tal-OBD, id-dijanjostika, it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura, il-fluss dirett tad-data tal-vettura għandu jsir disponibbli permezz tal-port serjali tad-data fuq il-konnettur standardizzat li jillinkja d-data”. Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tispeċifika wkoll, fit-tieni paragrafu tagħha, li, meta l-vettura tkun miexja, id-data għandha tkun disponibbli biss għal funzjonijiet aċċessibbli bil-qari biss.

29

Minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-obbligu, għall-manifatturi tal-karozzi, li jipprovdu aċċess illimitat, standardizzat u nondiskriminatorju għall-informazzjoni tas-sistema OBD kif ukoll għal dik dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, previst fl-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858, jinkludi l-obbligu li l-operaturi indipendenti jkunu jistgħu jipproċessaw u jużaw din l-informazzjoni mingħajr ma jkunu suġġetti għal kundizzjonijiet oħra għajr dawk previsti minn dan ir-regolament. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2022, ADPA u Gesamtverband Autoteile-Handel, C‑390/21, EU:C:2022:837, punt 29). Min-naħa l-oħra, mit-tieni paragrafu tal-punt 2.9 tal-Anness X tal-imsemmi regolament, jirriżulta li meta l-vettura ma tkunx miexja, dawn l-operaturi għandhom jibbenefikaw minn aċċess iktar estiż minn aċċess bil-qari biss għad-data msemmija f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

30

Fir-rigward tal-interpretazzjoni kuntestwali tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, il-punti 6.2 u 6.4 tal-Anness X tar-Regolament 2018/858 jiddefinixxu, minn naħa, ir-rekwiżiti dwar l-aċċess għall-karatteristiċi ta’ sigurtà tal-vettura u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti relatati mal-programmazzjoni mill-ġdid tal-unitajiet ta’ kontroll. Kif il-Kummissjoni Ewropea rrilevat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, dawn il-punti jidentifikaw il-każijiet li fihom l-aċċess għall-informazzjoni tas-sistema OBD kif ukoll għal dik dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi jista’ jkun suġġett għal ċerti kundizzjonijiet minħabba l-importanza tagħhom għas-sigurtà. Apparti dawn il-każijiet, l-operaturi indipendenti għandhom għalhekk jibbenefikaw minn dritt ta’ aċċess għal din l-informazzjoni mingħajr ma jkunu suġġetti għal kundizzjonijiet differenti minn dawk previsti mill-imsemmi regolament. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2022, ADPA u Gesamtverband Autoteile-Handel, C‑390/21, EU:C:2022:837, punt 32).

31

L-interpretazzjoni li tinsab fil-punt 29 ta’ din is-sentenza hija kkorroborata mill-għan imsemmi fil-premessi 50 u 52 tar-Regolament 2018/858, jiġifieri li tiġi permessa kompetizzjoni effettiva fis-suq tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, b’mod li s-suq tat-tiswija u tal-manutenzjoni tal-vetturi mill-operaturi indipendenti jkun jista’ jikkompeti ma’ dak tal-konċessjonarji awtorizzati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2022, ADPA u Gesamtverband Autoteile-Handel, C‑390/21, EU:C:2022:837, punt 30).

32

Għalhekk, l-operaturi indipendenti għandhom jiksbu aċċess illimitat għall-informazzjoni meħtieġa biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom fil-katina tal-provvista tas-suq tat-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi. Issa, l-issuġġettar tal-aċċess għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858 għal kundizzjonijiet li ma humiex previsti minn dan tal-aħħar jirriskja li jnaqqas in-numru ta’ garaxxi ta’ tiswija indipendenti li għandhom aċċess għal din l-informazzjoni, b’effett potenzjali li titnaqqas il-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi kif ukoll, għaldaqstant, l-offerta lill-konsumaturi. Barra minn hekk, kieku l-manifatturi setgħu jillimitaw kif iridu l-aċċess għall-fluss dirett tad-data tal-vettura, fis-sens tal-punt 2.9 tal-Anness X ta’ dan ir-regolament, huma kienu jkunu jistgħu jissuġġettaw l-aċċess għal dan il-fluss għal kundizzjonijiet li jistgħu jirrenduh, fil-prattika, impossibbli.

33

L-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza hija kkorroborata wkoll mill-oriġini tal-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858. Fil-fatt, filwaqt li l-leġiżlazzjoni preċedenti – li kienet tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi u, min-naħa l-oħra, il-format li fih kellu jingħata dan l-aċċess – kienet teskludi restrizzjonijiet biss fir-rigward tal-kontenut ta’ din l-informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2019, Gesamtverband Autoteile-Handel,C‑527/18, EU:C:2019:762, punt 28), dan l-Artikolu 61(1) jimponi fuq il-manifattur l-obbligu mhux biss li jipprovdi aċċess illimitat għall-informazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni, iżda wkoll li jippreżenta din l-informazzjoni b’mod “faċilment aċċessibbli”.

34

Minn dan isegwi li l-obbligu impost, fl-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858, fuq il-manifatturi tal-karozzi li jagħtu lill-operaturi indipendenti aċċess għall-informazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni f’format li jista’ jiġi pproċessat elettronikament, obbligu li ġie introdott biss matul il-proċedura leġiżlattiva relatata ma’ dan ir-regolament, imur lil hinn minn dak li jeżiġi l-għoti ta’ dan l-aċċess permezz ta’ qari sempliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2019, Gesamtverband Autoteile-Handel,C‑527/18, EU:C:2019:762, punti 2634).

35

Barra minn hekk, fir-rigward tar-rekwiżiti dwar iċ-ċibersigurtà li jirriżultaw mir-Regolament Nru 155 tan-NU, invokati minn FCA, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan ir-regolament jipprevedi, fil-punt 1.3 tiegħu, li dan għandu jinftiehem mingħajr preġudizzju, b’mod partikolari, għal “leġiżlazzjonijiet reġjonali jew nazzjonali oħra li jirregolaw l-aċċess minn partijiet awtorizzati għall-vettura, id-data, il-funzjonijiet u r-riżorsi tagħha, u l-kundizzjonijiet ta’ tali aċċess”.

36

Fir-rigward tar-riferiment magħmul mill-partita 63 tal-Parti I tal-Anness II tar-Regolament 2018/858 għar-Regolament 2019/2144, il-premessa 27 ta’ dan ir-regolament tal-aħħar tistabbilixxi espressament li huwa meħtieġ li l-miżuri ta’ sigurtà li dan jipprevedi “ma jikkompromettux l-obbligi tal-manifattur tal-vettura biex jipprovdi aċċess għal informazzjoni dijanjostika komprensiva u data fil-vettura rilevanti għat-tiswija u l-manutenzjoni ta’ vettura”.

37

Fl-aħħar nett, bħall-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 661/2009, li għalih din il-partita 63 kienet tirreferi sas-6 ta’ Lulju 2022, l-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2019/2144, li għalih tirreferi l-imsemmija partita minn din id-data, jipprevedi li l-kwistjonijiet ta’ sigurtà għandhom jiġu żgurati fl-istadju tad-disinn, tal-kostruzzjoni u tal-assemblaġġ tal-vetturi, u mhux għad-detriment tal-operaturi l-oħra tas-suq, bħall-operaturi indipendenti, li jikkomprometti l-għan imfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza.

38

Minn dan jirriżulta li kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858, minbarra dawk previsti minn dan ir-regolament, bħal konnessjoni tal-għodda dijanjostika permezz tal-internet ma’ server iddesinjat mill-manifattur jew reġistrazzjoni minn qabel tal-operaturi indipendenti ma’ dan il-manifattur, ma humiex ammessi mill-imsemmi regolament.

39

Fid-dawl tar-raġunijiet premessi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 61(1) u (4) tar-Regolament 2018/858, moqri flimkien mal-Anness X ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li manifattur tal-karozzi jissuġġetta l-aċċess tal-operaturi indipendenti għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi kif ukoll għal dik tas-sistema OBD, inkluż l-aċċess bil-kitba għal din l-informazzjoni, għal kundizzjonijiet oħra għajr dawk previsti mill-imsemmi regolament.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 61(1) u (4) tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE, moqri flimkien mal-Anness X tar-Regolament 2018/858,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

jipprekludi manifattur tal-karozzi milli jissuġġetta l-aċċess ta’ operaturi independenti għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi kif ukoll għal dik tas-sistema dijanjostika installata, inkluż l-aċċess bil-kitba għal din l-informazzjoni, għal kundizzjonijiet oħra għajr dawk previsti mill-imsemmi regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.