SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

15 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Nomenklatura Magħquda – Intestaturi 1511 u 1517 – Żejt tal-palm raffinat, ibbliċjat u deodorizzat – Assenza ta’ metodu previst għall-analiżi tal-konsistenza ta’ prodott”

Fil-Kawża C‑292/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ April 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Mejju 2022, fil-proċedura

Teritorialna direktsia Mitnitsa Varna

vs

“NOVA TARGOVSKA KOMPANIA 2004” AD,

fil-preżenza ta’:

Okrazhna prokuratura ‑ Varna,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn D. Gratsias (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għat-Teritorialna direktsia Mitnitsa Varna, minn Y. Kulev,

għall-Gvern Bulgaru, minn T. Mitova u L. Zaharieva, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Drambozova u M. Salyková, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestaturi tariffarja 1511 u 1517 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjonijiet tiegħu li jirriżultaw mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1602 tal‑11 ta’ Ottubru 2018 (ĠU 2018, L 273, p. 1), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1776 tad‑9 ta’ Ottubru 2019 (ĠU 2019, L 280, p. 1, rettifiki fil‑ĠU 2019, L 296, p. 63, ĠU 2020, L 13, p. 59, ĠU 2020, L 13, p. 60, u ĠU 2020, L 31, p. 10).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn it-Teritorialna direktsia Mitnitsa Varna (id-Direttorat Territorjali tad-Dwana ta’ Varna, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem id-“Direttorat Doganali”) u “NOVA TARGOVSKA KOMPANIA 2004” AD (iktar ’il quddiem “NTK 2004”) dwar deċiżjoni li timponi fuq din tal-aħħar sanzjoni pekunjarja għal frodi doganali minħabba li l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija importata u ddikjarata minn din il-kumpannija fix-xahar ta’ April 2019 u fix-xahar ta’ Settembru 2020 kienet żbaljata.

Il‑kuntest ġuridiku

Is‑SA

3

Is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) twaqqfet mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983, fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (WCO), u approvata, flimkien mal-Protokoll ta’ Emenda tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4

In-Noti ta’ Spjega tas-SA ġew elaborati fi ħdan il-WCO, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.

5

Skont l-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmija konvenzjoni, kull parti kontraenti tintrabat li n-nomenklaturi tariffarji u l-istatistika tagħha jkunu konformi mas-SA, l-ewwel, billi tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tas-SA, mingħajr żieda jew modifika, kif ukoll il-kodiċijiet numeriċi konnessi magħhom, it-tieni, billi tapplika kemm ir-“Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA”, kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi mingħajr ma tibdel il-portata tagħhom, u, it-tielet, billi ssegwi l-ordni numeriku tas-SA.

6

It-Taqsima III tas-SA, intitolata “Xaħmijiet u żjut ta’ annimali jew ħxejjex u prodotti mill-qsim tagħhom; xaħmijiet ippreparati tajbin għall-ikel; xamgħat ta’ annimali jew ħxejjex” tinkludi l-Kapitolu 15 tagħha, bl-istess titolu.

7

L-intestatura 1511 tas-SA, intitolata “Żejt tal-palm u l-frazzjonijiet tiegħu, kemm raffinat u kemm jekk le, iżda mhux modifikat kimikament”, tinkludi s-subintestaturi li ġejjin:

“1511.10 – Żejt grezz

1511.90 – Oħrajn” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

Skont kliem in-nota ta’ spjega dwar din l-intestatura:

“Iż-żejt tal-palm huwa xaħam veġetali miksub mill-polpa tal-frott tal-palm taż-żejt differenti. […] Iż-żejt inkwistjoni jinkiseb permezz ta’ estrazzjoni jew ta’ pressar, u l-kulur tiegħu jvarja skont il-kundizzjoni tiegħu u jekk ikunx ġie raffinat. Huwa jiddistingwi ruħu miż-żejt tal-qalba tal-ġewż tal-palm (Nru 1513) li jinkiseb mill-istess palm taż-żejt, minħabba l-kontenut għoli ħafna ta’ aċidu palmitiku u l-aċidu olejku.

Iż-żejt tal-palm jintuża għall-manifattura tas-sapun, tax-xemgħat, tal-kożmetiċi jew tal-preparazzjonijiet tat-twaletta, bħala lubrikant, għall-kisi tal-landa bis-sħana, għall-manifattura tal-aċidu palmitiku, eċċ. Iż-żejt tal-palm raffinat jintuża fl-ikel, b’mod partikolari bħala xaħam tat-tisjir u fil-manifattura tal-marġerina.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9

L-intestatura 1516 tas-SA intitolat “Xaħmijiet u żjut ta’ annimali jew veġetali u l-frazzjonijiet tagħhom, parzjalment jew kompletament idroġenati, inter-esterifikati, riesterifikati jew elajdinizzati, kemm raffinati u kemm jekk le, iżda mhux ippreparati mod ieħor”, tinkludi s-subintestaturi li ġejjin.

“1516.10 – Xaħmijiet u żjut ta’ annimali u l-frazzjonijiet tagħhom

1516.20 – Xaħmijiet u żjut veġetali u l-frazzjonijiet tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

10

L-intestatura 1517 tas-SA intitolata “Marġerina; taħlitiet jew preparazzjonijiet tajbin għall-ikel ta’ xaħmijiet jew żjut ta’ annimali jew veġetali jew ta’ frazzjonijiet ta’ xaħmijiet u żjut differenti ta’ dan il-kapitolu, għajr xaħmijiet jew żjut tajbin għall-ikel jew il-frazzjonijiet tagħhom tal-intestatura 1516”, tinkludi s-subintestaturi li ġejjin:

“1517.10 – Marġerina, ħlief marġerina likwida:

1517.90 – Oħrajn” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

11

In-nota ta’ spjega li tirrigwarda l-intestatura 1517 tas-SA tipprovdi dan li ġej:

“Din l-intestatura tkopri l-marġerina u taħlitiet u preparazzjonijiet oħra tajbin għall-ikel ta’ xaħmijiet jew żjut ta’ annimali, veġetali jew ta’ frazzjonijiet ta’ xaħmijiet jew żjut differenti ta’ dan il-Kapitolu minbarra dawk tal-intestatura 1516. Dawn huma ġeneralment taħlitiet jew preparazzjonijiet likwidi jew solidi:

1)

ta’ xaħmijiet jew żjut differenti tal-annimali jew tal-frazzjonijiet tagħhom;

2)

ta’ xaħmijiet jew żjut veġetali differenti jew il-frazzjonijiet tagħhom;

3)

ta’ xaħmijiet jew żjut ta’ annimali u veġetali jew il-frazzjonijiet tagħhom.

Il-prodotti ta’ din l-intestatura fosthom iż-żjut jew ix-xaħmijiet tagħhom jistgħu jkunu ġew idroġenati minn qabel, jistgħu jiġu emulsjonati (pereżempju, b’ħalib xkumat) jew jiġu mħallta jew ikunu ġew ittrattati b’testuriżazzjoni (modifika tas-sawra jew tal-istruttura kristallina) jew inkella, jew miżjuda bi kwantitajiet żgħar ta’ leċitina, lamtu, koloranti organiċi, sustanzi aromatiċi, vitamini, butir jew xaħam ieħor tal-ħalib […].

F’din l-intestatura jaqgħu wkoll il-preparazzjonijiet miksuba minn xaħam wieħed (jew minn frazzjonijiet tiegħu) jew żejt (jew mill-frazzjonijiet tiegħu), anki idroġenati, li jkunu ġew ittrattati b’emulsifikazzjoni, b’taħlit, b’testuriżazzjoni, eċċ.

Din l-intestatura tkopri x-xaħmijiet, iż-żjut jew il-frazzjonijiet tagħhom, idroġenati, interesterifikati, riesterifikati jew elajdinizzati, meta l-modifika tkun tinvolvi iktar minn xaħam jew żejt wieħed.

Il-prodotti prinċipali li jaqgħu taħt din l-intestatura huma:

A)

Marġerina (għajr marġerina likwida) li hija massa plastika ġeneralment safra, miksuba minn xaħam jew żejt li joriġina mill-pjanti jew mill-annimali, jew taħlita tagħhom. Hija emulsjoni tat-tip ilma fiż-żejt, li ġeneralment tkun għaddiet minn preparazzjoni li tista’ tixbah il-butir minħabba d-dehra, il-konsistenza, il-kulur, eċċ.

B)

Taħlitiet jew preparazzjonijiet tajbin għall-ikel ta’ xaħmijiet jew żjut ta’ annimali jew veġetali jew ta’ frazzjonijiet ta’ xaħmijiet jew żjut differenti ta’ dan il-kapitolu, minbarra xaħmijiet u żjut tajbin għall-ikel jew il-frazzjonijiet tagħhom tal-intestatura 1516, bħal imitazzjonijiet tal-lardu (imsejħa wkoll, f’ċerti pajjiżi, is-sostituti tal-lardu jew il-bejken), il-marġerina likwida kif ukoll il-prodotti msejħa ‘shortenings’ (miksuba biż-żjut jew bix-xaħmijiet ipproċessati b’testuriżazzjoni).

[…]

Ix-xaħmijiet u ż-żjut sempliċi li jkunu ġew sempliċement raffinati jibqgħu kklassifikati fl-intestaturi rispettivi tagħhom, anki jekk ikunu ġew ippakkjati għall-bejgħ bl-imnut. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 952/2013

12

Skont l-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2), intitolat “Il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija”:

“1.   Għall-applikazzjoni tat-Tariffa Doganali Komuni, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandha tikkonsisti fid-determinazzjoni ta’ waħda mis-subintestaturi jew sottodiviżjonijiet ulterjuri tan-[NM] li taħtha ser tiġi kklassifikata dik il-merkanzija.

2.   Għall-applikazzjoni ta’ miżuri mhux tariffarji, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandha tikkonsisti fid-determinazzjoni ta’ waħda mis-subintestaturi jew sottodiviżjonijiet ulterjuri tan-[NM], jew ta’ kwalunkwe nomenklatura oħra li hi stabbilita mill-provvedimenti tal-Unjoni u li hi għalkollox jew parzjalment ibbażata fuq in-[NM] jew li tipprovdi sottodiviżjonijiet ulterjuri fiha, li taħtha ser tiġi kklassifikata dik il-merkanzija.

3.   Is-subintestatura jew is-sottodiviżjoni ulterjuri determinata skont il-paragrafi 1 u 2 għandha tintuża għall-għan tal-applikazzjoni tal-miżuri marbuta ma’ dik is-subintestatura.

4.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri biex tiddetermina l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija skont il-paragrafi 1 u 2.”

In‑NM

13

Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000 tal‑31 ta’ Jannar 2000 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2658/87 dwar n-nomenklatura tat-tariffa u l-statistika u t-Tariffa Doganali Komuni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357), in-NM, stabbilita mill-Kummissjoni, tirregola l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2658/87, in-NM tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri tas-SA, u huma biss is-seba’ u t-tmien ċifra li joħolqu subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha.

14

Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni għandha tadotta, kull sena, regolament li jirriproduċi l-verżjoni kompleta tan-NM, u tar-rati tad-dazji doganali skont l-Artikolu 1, kif jirriżulta minn miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan l-aħħar regolament għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mhux iktar tard mill‑31 ta’ Ottubru u għandu japplika mill‑1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

15

Ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 2018/1602 u 2019/1776 ġew adottati abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. Kull wieħed minn dawn ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni emenda n-NM mill‑1 ta’ Jannar 2019, u mill‑1 ta’ Jannar 2020 rispettivament. Il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din in-nomenklatura rilevanti għall-kawża prinċipali madankollu baqgħet l-istess.

16

Skont ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fis-sezzjoni A tat-Taqsima I tal-Ewwel Parti tal-Anness I, fil-verżjonijiet tagħha li jirriżultaw minn kull wieħed mill-imsemmija regolamenti ta’ implimentazzjoni:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1. It-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal finijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skont it-termini tal-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin..

2. […]

(b)

Kwalunkwe referenza f’intestatura għal materjal jew sustanza għandha titqies li tinkludi referenza għal taħlitiet jew kombinamenti ta’ dak il-materjal jew is-sustanza b’materjali jew sustanzi oħra. Kwalunkwe referenza għal oġġetti ta’ ċertu materjal jew sustanza għandha titqies li tinkludi referenza għal oġġetti li jikkonsistu totalment jew parzjalment minn materjal jew sustanza bħal din. Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti magħmulin minn iżjed minn materjal jew sustanza waħda għandha ssir skont il-prinċipji ta’ regola 3.

3. Meta permezz tal-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu kklassifikati prima facie f’intestatura waħda jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

(a)

l-intestatura li tagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun ippreferuta għall-intestaturi li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. […]”

17

It-tieni parti ta’ dan l-Anness I, intitolat “Skeda ta’ Dazji tad-Dwana” tinkludi t-Taqsima III intitolata “Xaħmijiet u żjut ta’ annimali jew veġetali u prodotti mill-qsim tagħhom; xaħmijiet ippreparati tajbin għall-ikel; xamgħat tal-annimali jew ħxejjex”. Din it-taqsima tinkludi l-Kapitolu 15 intitolat “Xaħmijiet u żjut ta’ annimali jew veġetali u prodotti mill-qsim tagħhom; xaħmijiet ippreparati tajbin għall-ikel; xemgħat ta’ anninali jew ħxejjex”. Skont in-nota addizzjonali 1 ta’ dan il-kapitolu:

“Għall-finijiet tas-subintestaturi […] 151110, […]:

(a)

żjut veġetali fissi, fluwidi jew solidi, miksubin bil-pressjoni, għandhom jitqiesu bħala ‘mhux raffinati’ jekk ma jkunux għaddew minn proċessar ieħor ħlief:

dikantazzjoni fil-limiti normali taż-żmien,

ċentrifugazzjoni jew filtrazzjoni, sakemm, biex ikunu separati ż-żjut mill-konstitwenti solidi tagħhom kienu użati biss forza mekkanika, bħall-gravità, il-pressjoni jew il-forza ċentrifuga (ħlief xi proċess ta’ filtrazzjoni b’assorbiment jew xi proċess ieħor fiżiku jew kimiku);

(b)

żjut veġetali fissi, fluwidi jew solidi, miksubin b’estrazzjoni għandhom jibqgħu jitqiesu li huma ‘mhux raffinati’ meta ma jistgħux jintgħarfu, mil-lewn, mir-riħa jew mit-togħma, lanqas minn proprjetajiet analitiċi speċjali rikonoxxuti, minn żjut u xaħmijiet veġetali miksubin bil-pressjoni;

[…]”

18

L-imsemmi Kapitolu 15 jinkludi l-intestatura segwenti:

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

[…]

 

1511

Żejt tal-palm u l-frazzjonijiet tiegħu, kemm raffinat u kemm jekk le, iżda mhux modifikat kimikament

1511 10

– Żejt grezz

1511 10 10

– – Għal użi tekniċi jew industrijali għajr għall-manifattura ta’ oġġetti tal-ikel għall-konsum mill-bniedem

1511 10 90

– – Oħrajn

1511 90

Oħrajn

 

– – Frazzjonijiet solidi:

1511 90 11

‐ ‐ ‐ f’ippakkjar immedjat ta’ kontenut nett li ma jaqbiżx il-1 kg

1511 90 19

– – – Oħrajn

 

– – Oħrajn

1511 90 91

– – – Għal użi tekniċi jew industrijali għajr għall-manifattura ta’ oġġetti tal-ikel għall-konsum mill-bniedem

1511 90 99

– – – Oħrajn

[…]

 

1516

Xaħmijiet u żjut ta’ annimali jew veġetali u l-frazzjonijiet tagħhom, parzjalment jew kompletament idroġenati, inter-esterifikati, riesterifikati jew elajdinizzati, kemm raffinati u kemm jekk le, iżda mhux ippreparati mod ieħor

[…]

 

1517

Marġerina; taħlitiet jew preparazzjonijiet tajbin għall-ikel ta’ xaħmijiet jew żjut ta’ annimali jew veġetali jew ta’ frazzjonijiet ta’ xaħmijiet u żjut differenti ta’ dan il-kapitolu, għajr xaħmijiet jew żjut tajbin għall-ikel jew il-frazzjonijiet tagħhom tal-intestatura 1516

1517 10

– Marġerina, ħlief marġerina likwida

1517 10 10

– – B’kontenut, skont il-piż, iktar minn 10 % iżda inqas minn 15 % tax-xaħmijiet tal-ħalib

1517 10 90

– – Oħrajn

1517 90

– Oħrajn

1517 90 10

– – B’kontenut, skont il-piż, iktar minn 10 % iżda inqas minn 15 % tax-xaħmijiet tal-ħalib

 

– – Oħrajn:

1517 90 91

– – – Żjut veġetali fissi, fluwidi, imħalltin

1517 90 93

– – – Taħlitiet jew preparazzjonijiet tajbin għall-ikel ta’ tip użat bħala preparazzjonijiet għall-qligħ mill-forom

1517 90 99

– – – Oħrajn

[…]

 

Id‑dritt Bulgaru

19

L-Artikolu 234 taż-zakon za mitnitsite (il-Liġi dwar id-Dwana) (DV Nru 15 tas‑6 ta’ Frar 1998), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“1)   Kull min jevita jew jipprova jevita:

1.

Parzjalment jew totalment il-ħlas ta’ dazji doganali jew ta’ dejn pubbliku ieħor tal-Istat, miġbura mill-awtoritajiet doganali, jew l-għoti ta’ garanzija għal dan l-għan, jew

2.

Il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni ta’ merkanzija, jew l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali, ser jiġi ssanzjonat għal frodi doganali.

2)   Il-frodi doganali hija ssanzjonata permezz ta’ multa, għall-persuni fiżiċi, jew permezz ta’ sanzjoni pekunjarja, għall-persuni ġuridiċi u għall-imprendituri indipendenti, minn 100 sa 200 %:

1.

tal-ammont tad-dejn pubbliku tal-Istat mhux imħallas, għall-ksur imsemmi fil-punt 1 tal-paragrafu 1 […]”.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

20

Fit‑8 ta’ April 2019, tmien kontejners esportati minn Louis Dreyfus Company Asia Pte. Ltd., u li kellhom bħala destinatarju NTK 2004, waslu fit-terminal tal-port ta’ Varna tal-Punent (il-Bulgarija) mit-Turkija. Skont id-dikjarazzjoni doganali, il-merkanzija li kienet tinsab kienet taż-“żejt tal-palm MP 36–39 f’CA 20– 20 kg nett f’kaxxi”, taħt il-kodiċi TARIC 1511909900, li għalih ir-rata applikabbli ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni hija ta’ 9 %.

21

Fit‑28 ta’ Settembru 2020, ħames kontejners bl-istess oriġini, l-istess esportatur u l-istess destinatarju, waslu fl-istess terminal tal-port u kienu s-suġġett ta’ dikjarazzjoni doganali li ssemmi l-istess subintestatura tariffarja bħal dik imsemmija fil-punt preċedenti. L-awtoritajiet doganali kompetenti wettqu kontroll u ħadu kampjun tal-merkanzija inkwistjoni, li ġie eżaminat mit-Tsentralna mitnicheska laboratoria (il-Laboratorju Ċentrali tad-Dwana, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem il-“LCD”).

22

Fis‑7 ta’ Jannar 2021, il-LCD ippreżenta rapport li jindika li, skont il-metodoloġija użata, dan il-kampjun kien jikkostitwixxi “shortening taż-żejt tal-palm”, jiġifieri preparazzjoni magħmula esklużivament minn żejt tal-palm jew minn frazzjonijiet tiegħu mhux immodifikata kimikament iżda miksuba permezz ta’ testuriżazzjoni, intiża għall-użu fi prodotti tal-ikel, bħall-għaġina.

23

Abbażi ta’ dawn il-karatteristiċi, id-Direttorat Doganali Ċentrali ddeċieda li l-merkanzija inkwistjoni kellha tiġi kklassifikata fis-subintestatura 15179099 u, konsegwentement, kellha tiġi suġġetta għal rata ta’ dazju doganali ta’ 16 %, peress li hija kienet ġarrbet, minbarra r-raffinar, trasformazzjoni addizzjonali irriversibbli intiża sabiex tbiddel l-istruttura kristallina, permezz ta’ proċess ta’ testuriżazzjoni msemmi speċifikament fin-noti ta’ spjega tas-SA fir-rigward tal-intestatura 1517.

24

Barra minn hekk, din l-awtorità qieset li r-riżultati tar-rapporti ta’ espert tal-LCD kienu validi wkoll għall-merkanzija ddikjarata fit‑8 ta’ April 2019, peress li din il-merkanzija kienet identika għal dik iddikjarata fit‑28 ta’ Settembru 2020. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Mejju 2021, meħuda abbażi tal-Artikolu 234 tal-Liġi dwar id-Dwana, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, id-Direttorat Doganali impona fuq NTK 2004 sanzjoni pekunjarja li tammonta għal 17 895.95 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 9153), li jirrappreżentaw 100 % tad-dazji mhux imħallsa.

25

Permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2021, ir-Rayonen sad Devnia (il-Qorti Distrettwali ta’ Devnia, il-Bulgarija), adita b’rikors minn NTK 2004, annullat id-deċiżjoni tal‑20 ta’ Mejju 2021, minħabba li l-frodi doganali ma kinitx ġiet stabbilita. Din il-qorti qieset, b’mod partikolari, li ma kienx ġie stabbilit li l-metodoloġija użata mil-LCD kienet ġiet ivvalidata uffiċjalment u li kien b’mod żbaljat li din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq in-noti ta’ spjega tas-SA, li jagħmlu riferiment għall-proċess ta’ testuriżazzjoni, peress li dawn in-noti ma kellhomx saħħa vinkolanti.

26

Id-Direttorat tad-Dwana appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, li ntalbet tiddeċiedi fl-aħħar istanza.

27

Din il-qorti tindika li l-qrati Bulgari waslu għal soluzzjonijiet diverġenti fir-rigward tal-klassifikazzjoni tariffarja tax-“shortening taż-żejt tal-palm”. Uħud minnhom ivvalidaw deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-awtoritajiet doganali kklassifikaw mill-ġdid dawn l-oġġetti taħt l-intestatura 1517, filwaqt li oħrajn annullaw deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid simili, b’mod partikolari minħabba li l-proċess ta’ “testuriżazzjoni”, jissemma biss fin-noti ta’ spjega tas-SA, li ma jistgħux ibiddlu l-portata tan-NM.

28

Skont NTK 2004, il-merkanzija inkwistjoni li ġiet ipproċessata permezz ta’ proċessi fiżiċi li ma biddlux il-kompożizzjoni kimika tagħha taqa’, għaldaqstant, taħt l-intestatura 1511. Skont l-awtoritajiet doganali, din il-merkanzija hija “msawra”, jiġifieri għaddiet minn ipproċessar addizzjonali li jbiddel l-istruttura kristallina tagħha u għandha, konsegwentement, tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 1517.

29

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-produttur tal-merkanzija inkwistjoni ddeskriviha fiċ-ċertifikati li huwa ħareġ fix-xahar ta’ Frar 2019 bħala li hija x-“xaħam tal-palm msawwar”. Madankollu, NTK 2004 ssostni li t-terminu “msawwar” jintuża biss sabiex jiddistingwi mingħajr ambigwità ż-żejt tal-palm raffinat u ppakkjat, bħall-merkanzija inkwistjoni, miż-żejt raffinat tal-istess speċifikazzjoni, li ma huwiex ippakkjat, iżda li jikkostitwixxi materja prima għall-manifattura ta’ xaħmijiet idroġenati speċjali u marġerini, u ż-żejt tal-palm mhux raffinat. Iż-żjut raffinati kollha jgħaddu minn ċerti stadji tal-proċess ta’ testuriżazzjoni, li jagħmel parti integrali mir-raffinar u mill-ippakkjar, mingħajr ma dan jirrendi l-prodott “msawwar”, fis-sens tal-intestatura 1517. Fil-fatt, din l-intestatura tagħmel riferiment ċar għal trasformazzjoni kimika ulterjuri sabiex jinkisbu ċerti karatteristiċi strutturali addizzjonali. Għalhekk, NTK 2004 ssostni li, minkejja li l-merkanzija inkwistjoni kienet suġġetta għal trasformazzjoni addizzjonali sabiex tinbidel l-istruttura kristallina tagħha, tali “testuriżazzjoni” ma jikkostitwixxix trattament kimiku.

30

Il-qorti tar-rinviju tindika, madankollu, li mir-rapport tal-LCD jirriżulta li ż-żejt tal-palm raffinat, ibbliċjat u deodorizzat huwa suġġett għal trattamenti teknoloġiċi oħra, li jistgħu jinkludu l-frazzjonar, jiġifieri s-separazzjoni tal-frazzjonijiet solidi u likwidi ta’ dan iż-żejt, it-taħlita sussegwenti tagħhom fi proporzjonijiet differenti u “trattament finali ta’ plastifikazzjoni (testuriżazzjoni) permezz ta’ kristallizzazzjoni sabiex tinbidel l-istruttura kristallina”. Skont dan ir-rapport, kien hemm “bidla sinjifikattiva fil-konsistenza” tal-kampjun meħud mill-merkanzija inkwistjoni, li jipprova li din il-merkanzija għaddiet minn “trasformazzjoni finali ta’ bidla fl-istruttura kristallina tagħha, imsejħa ‘testuriżazzjoni’”.

31

NTK 2004 ssostni li l-LCD ma kienx awtorizzat sabiex iwettaq analiżi skont il-metodoloġija li huwa uża, metodoloġija li l-valur xjentifiku tagħha kien ġie kkontestat quddiem il-qrati Bulgari f’kawżi oħra. Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li la n-NM, la n-noti ta’ spjega tan-NM, u lanqas in-noti ta’ spjega tas-SA ma jipprevedu regoli, metodi, kriterji jew indikaturi għall-analiżi tal-konsistenza taż-żejt tal-palm, u dan jagħmel oġġettivament impossibbli li ssir evalwazzjoni korretta tal-oġġettività u tal-validità tal-konklużjonijiet tal-LCD.

32

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Abbażi ta’ liema kriterji prodott, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri żejt tal-palm raffinat, ibbliċjat u deodorizzat bl-isem kummerċjali PALM FAT MP 36-39, li fil-kuntest tal-produzzjoni tiegħu kien ‘imħawwad, iffiltrat, imkessaħ, ittemprat u ppakkjat’ permezz ta’ proċessi fiżiċi biss li ma jibdluhx kimikament, għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 1511 jew taħt l-intestatura 1517 tal-Kapitolu 15 tan-[NM]?

2.

X’tifsira għandu l-kunċett ‘testuriżazzjoni’ li jintuża fid-deskrizzjoni tal-proċess li permezz tiegħu jinkisbu l-prodotti identifikati bħala ‘shortenings’ fin-Noti ta’ Spjega tas-[SA] fir-rigward tal-intestatura 1517?

3.

Fil-każ li ż-‘Żejt tal-palm u l-frazzjonijiet tiegħu, raffinat jew le, iżda mhux modifikat kimikament’ ikun għadda minn proċess ta’ ‘testuriżazzjoni’, dan jikkostitwixxi raġuni suffiċjenti sabiex jiġi eskluż mill-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 1511?

4.

Fl-assenza, [fin-Nomenklatura Magħquda, fin-Noti ta’ Spjega tan-Nomenklatura Magħquda u fin-Noti ta’ Spjega tas-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u għall-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija], ta’ standards, metodi, kriterji u indikaturi li jippermettu li tiġi eżaminata l-konsistenza taż-żejt tal-palm u li jiġi stabbilit li kien ġie pproċessat permezz ta’ ‘testuriżazzjoni’, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija taħt l-intestatura 1511 jew taħt l-intestatura 1517, il-korpi doganali kompetenti jistgħu huma stess ifasslu u japplikaw proċeduri analitiċi ta’ ħidma, bħalma hija l-proċedura applikata [fil-kawża prinċipali], RAP 66 verżjoni 02/17.11.2020, li hija intiża li tistabbilixxi t-testuriżazzjoni ta’ xaħam permezz ta’ penetrazzjoni u li hija bbażata fuq il-metodu ppubblikat uffiċjalment AOCS Cc-16-[60]?

Fil-każ li dan ma jkunx permess, skont liema standards, metodi, kriterji u indikaturi jista’ jitwettaq l-eżami tal-prodott sabiex jiġi stabbilit li għadda minn proċess ta’ ‘testuriżazzjoni’ jew li jikkostitwixxi ‘shortening [taż-żejt] tal-palm’?

5.

In-[NM] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-prodotti kklassifikati bħala ‘shortenings’ miksuba minn żejt tal-palm ir-raffinat permezz ta’ testuriżazzjoni għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 1517 ta’ din in-nomenklatura, u b’mod partikolari taħt is-subintestatura 15179099 tagħha?”

Fuq id‑domandi preliminari

33

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qorti tar-rinviju dwar il-kriterji li permezz tagħhom il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti kkonċernati fin-NM iktar milli li tikklassifikahom hija stess. Din il-klassifikazzjoni tirriżulta minn evalwazzjoni purament fattwali li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li twettaq fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, SOMEO, C‑725/21, EU:C:2023:194, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Hija konsegwentement il-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-klassifikazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni fid-dawl tar-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula.

35

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lil qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ t-tilwima li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi mressqa quddiemha (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, BalevBio, C‑76/20, EU:C:2021:441, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Fil-każ ineżami, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel lok, permezz tal-ewwel sat-tielet u l-ħames domanda tagħha, dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-intestaturi 1511 u 1517 tan-NM għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija inkwistjoni u, fit-tieni lok, permezz tar-raba’ domanda tagħha, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk, fin-nuqqas ta’ metodi u ta’ kriterji leġiżlattivi dwar l-analiżi tal-konsistenza ta’ prodott bħal dak inkwistjoni sabiex jiġi pprovat it-trattament tiegħu permezz ta’ testuriżazzjoni, l-awtoritajiet doganali humiex awtorizzati jiżviluppaw u japplikaw il-proċeduri ta’ analiżi tagħhom stess.

Fuq l‑ewwel sat‑tielet u l‑ħames domanda

37

Permezz tal-ewwel sat-tielet u l-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li merkanzija deskritta mill-produttur tagħha bħala li hija “żejt tal-palm msawwar”, taqax taħt l-intestatura 1511 jew taħt l-intestatura 1517 ta’ din in-nomenklatura.

38

Skont ir-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandha tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli ta’ din in-nomenklatura. Fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja ta’ din il-merkanzija għandu jinstab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-kwalitajiet oġġettivi tagħha, hekk kif dawn huma ddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura inkwistjoni tal-imsemmija nomenklatura u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli korrispondenti (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, SOMEO, C‑725/21, EU:C:2023:194, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Fir-rigward tan-noti ta’ spjega tas-SA u tan-NM, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li, għalkemm dawn ma għandhomx saħħa vinkolanti, huma jikkostitwixxu strumenti importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jipprovdu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, SOMEO,C‑725/21, EU:C:2023:194, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

L-intestatura 1511 tan-NM tkopri, skont il-kliem tagħha, iż-“żejt tal-palm u l-frazzjonijiet tiegħu, kemm raffinat u kemm jekk le, iżda mhux modifikat kimikament”.

41

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li min-nota ta’ spjega tas-SA, dwar l-intestatura 1511 tas-SA, li l-formulazzjoni tagħha hija identika għal dik tal-intestatura 1511 tan-NM, jirriżulta li ż-żejt tal-palm huwa intiż għal diversi użi u li, meta jiġi rraffinat, jintuża fl-ikel, b’mod partikolari bħala xaħam tat-tisjir u fil-manifattura tal-marġerina.

42

Fir-rigward tal-intestatura 1517 tan-NM, din tinkludi, minbarra l-“marġerina”, “taħlitiet jew preparazzjonijiet tajbin għall-ikel ta’ xaħmijiet jew żjut ta’ annimali jew veġetali jew ta’ frazzjonijiet ta’ xaħmijiet u żjut differenti ta’ dan il-kapitolu, għajr xaħmijiet jew żjut tajbin għall-ikel jew il-frazzjonijiet tagħhom tal-intestatura 1516”, jiġifieri minbarra x-“xaħmijiet u żjut ta’ annimali jew veġetali u l-frazzjonijiet tagħhom, parzjalment jew kompletament idroġenati, inter-esterifikati, riesterifikati jew elajdinizzati, kemm raffinati u kemm jekk le, iżda mhux ippreparati mod ieħor”.

43

Minn naħa, min-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 1517 tas-SA, li l-formulazzjoni tagħha hija identika għal dik tal-intestatura 1517 tan-NM, jirriżulta li din l-intestatura tkopri, b’mod partikolari, prodotti “li ż-żjut jew ix-xaħmijiet tagħhom jistgħu jkunu ġew idroġenati minn qabel, jistgħu jiġu emulsjonati […] jew jiġu mħallta jew ikunu ġew ittrattati b’testuriżazzjoni […] jew [b’xi mod ieħor]”. Fir-rigward b’mod iktar speċifiku tal-kunċett ta’ “testuriżazzjoni”, dan huwa ddefinit fl-imsemmija nota ta’ spjega tas-SA bħala “modifika tas-sawra jew tal-istruttura kristallina” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, fiha hemm ippreċiżat li l-imsemmija intestatura tkopri wkoll il-preparazzjonijiet miksuba minn xaħam jew żejt wieħed, anki idroġenati, li jkunu ġew ipproċessati skont wieħed mill-proċessi ċċitati, b’mod mhux eżawrjenti, minn din in-nota ta’ spjega u li fosthom hemm it-testuriżazzjoni. L-imsemmija nota ta’ spjega tiċċita espressament, fost il-“prodotti prinċipali” li jaqgħu taħt l-intestatura 1517, il-prodotti msejħa “shortenings” li, skont din l-istess nota, huma “miksuba biż-żjut jew bix-xaħmijiet ipproċessati b’testuriżazzjoni”. Fl-aħħar nett, fiha hemm ippreċiżat li “[i]x-xaħmijiet u ż-żjut sempliċi li jkunu ġew sempliċement raffinati jibqgħu kklassifikati fl-intestaturi rispettivi tagħhom, anki jekk ikunu ġew ippakkjati għall-bejgħ bl-imnut”.

44

Minn dan għandu jiġi dedott li l-karatteristika essenzjali tal-oġġetti li jistgħu jaqgħu taħt l-intestatura 1517 hija li dawn jikkostitwixxu “taħlitiet”, jiġifieri prodotti miksuba minn taħlitiet ta’ xaħmijiet u/jew ta’ żjut, jew minn “preparazzjonijiet”, jiġifieri prodotti miksuba minn xaħam jew żejt wieħed li jkun għadda minn ipproċessar, permezz ta’ proċessi li huma, b’mod indikattiv, iċċitati min-Noti ta’ Spjega tas-SA relatati magħhom. Għandu jiġi kkonstatat li xejn fin-NM, u lanqas fin-noti ta’ spjega tan-NM jew tas-SA ma jindika li, sabiex taqa’ taħt l-intestatura 1517, taħlita jew preparazzjoni għandha tkun għaddiet minn ipproċessar li jwassal għal bidla kimika tal-prodotti li jikkostitwixxuha.

45

Min-naħa l-oħra, l-intestatura 1511 tkopri kemm iż-żejt tal-palm mhux raffinat u l-frazzjonijiet tiegħu kif ukoll iż-żejt tal-palm raffinat u l-frazzjonijiet raffinati tiegħu iżda mhux immodifikati kimikament. Għaldaqstant, ma jistgħux jaqgħu taħt din l-intestatura ż-żjut tal-palm li jkunu għaddew minn ipproċessar differenti minn raffinar. F’dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar jekk dawn il-prodotti ġewx immodifikati kimikament minħabba dan l-ipproċessar hija irrilevanti.

46

Għaldaqstant, sabiex tiġi eskluża l-klassifikazzjoni tal-prodotti inkwistjoni fl-intestatura 1511, huwa biżżejjed li jiġi ddeterminat jekk dawn il-prodotti kinux suġġetti għal xi pproċessar ieħor differenti mir-raffinar, bħat-testuriżazzjoni, li tikkonsisti, skont in-nota ta’ spjega tas-SA relatata magħha, fil-modifika tas-sawra jew tal-istruttura kristallina tal-prodott ikkonċernat.

47

Bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-fatti kollha li għandha l-qorti tar-rinviju u li għandha twettaq f’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-prodott inkwistjoni huwa żejt tal-palm raffinat, ibbliċjat u deodorizzat. Hekk kif tindika l-qorti tar-rinviju, miċ-ċertifikati pprovduti mill-produttur ta’ dan iż-żejt, jirriżulta, barra minn hekk, li dan huwa “msawwar”. Barra minn hekk, għandu jiġi dedott mit-talba għal deċiżjoni preliminari li NTK 2004 ma tikkontestax, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, li dan il-prodott seta’ kien suġġett għal ipproċessar differenti mir-raffinar. Hija tinsisti, f’dan ir-rigward, minn naħa, fuq il-fatt li ż-żjut raffinati kollha jkunu suġġetti għal ċerti stadji tal-proċess ta’ testuriżazzjoni li jifforma parti integrali mir-raffinar u mill-ippakkjar u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li l-imsemmi prodott ma ġie suġġett għal ebda bidla kimika, li huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika l-klassifikazzjoni tiegħu taħt l-intestatura 1511 u jeskludi l-klassifikazzjoni tiegħu taħt l-intestatura 1517.

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li prodott li għandu karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi bħal dawk tal-prodott inkwistjoni jista’ jaqa’ taħt l-intestatura 1517, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-karatteristiċi fiżiċi ta’ dan il-prodott, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-allegazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali dwar dan il-prodott (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Lutz, C‑556/16, EU:C:2017:777, punt 53). B’mod iktar speċifiku, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmi prodott jaqax taħt l-intestatura 1511 jew taħt l-intestatura 1517, din il-qorti għandha tfittex, mill-elementi għad-dispożizzjoni tagħha u mir-riżultati tal-analiżi mwettqa mill-awtoritajiet doganali, jekk l-istess prodott kienx suġġett għal ipproċessar differenti mir-raffinar.

49

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet u l-ħames domanda għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li preparazzjoni tal-ikel ta’ żejt tal-palm li ma taqax taħt l-intestatura 1516 ta’ din in-nomenklatura u li tkun ġiet suġġetta għal ipproċessar differenti mir-raffinar taqa’ taħt l-intestatura 1517, filwaqt li l-kwistjoni dwar jekk din il-preparazzjoni ġietx immodifikata kimikament minħabba dan l-ipproċessar hija irrilevanti f’dan ir-rigward.

Fuq ir‑raba’ domanda

50

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk, fin-nuqqas ta’ metodi u ta’ kriterji leġiżlattivi dwar l-analiżi tal-konsistenza ta’ prodott bħal dak inkwistjoni sabiex jiġi pprovat l-ipproċessar tiegħu permezz ta’ testuriżazzjoni, l-awtoritajiet doganali humiex awtorizzati jiżviluppaw u japplikaw il-proċeduri ta’ analiżi tagħhom stess.

51

Għandu jiġi kkonstatat li la n-NM u lanqas in-noti ta’ spjega ta’ din tal-aħħar ma jindikaw metodu speċifiku li bih għandha, jekk ikun il-każ, tiġi analizzata l-konsistenza ta’ prodott bħal dak inkwistjoni.

52

Madankollu, anki meta metodu huwa speċifikament previst fin-noti ta’ spjega tan-NM, dan ma għandux jitqies bħala l-uniku metodu applikabbli għall-finijiet tal-analiżi tal-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti kkonċernati, bħall-konsistenza tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Lukoyl Neftohim Burgas, C‑330/13, EU:C:2014:1757, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Minn dan jirriżulta li, hekk kif il-Kummissjoni tirrimarka, jekk l-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru jew operatur ekonomiku jqisu li metodu previst min-noti ta’ spjega tan-NM ma jwassalx għal riżultat konformi man-NM, huma jistgħu jressqu azzjoni quddiem l-awtorità kompetenti. F’każ bħal dan, tkun il-qorti adita li jkollha tiddeċiedi liema huwa l-metodu l-iktar xieraq sabiex jiġu ddeterminati l-karatteristiċi tal-prodotti kkonċernati li huma essenzjali għall-klassifikazzjoni tagħhom. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Lukoyl Neftohim Burgas, C‑330/13, EU:C:2014:1757, punti 5455). A fortiori, għandu jitqies li, meta ebda metodu ma jkun previst mil-leġiżlazzjoni applikabbli, l-awtoritajiet doganali huma liberi japplikaw il-metodu tal-għażla tagħhom, bil-kundizzjoni li dan il-metodu jkun jista’ jwassal għal riżultati konformi man-NM, aspett li għandu, fil-każ ta’ kontestazzjoni, jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, in-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li, fl-assenza ta’ metodi u ta’ kriterji ddefiniti f’din in-nomenklatura sabiex jiġi ddeterminat jekk preparazzjoni tal-ikel ta’ żejt tal-palm li ma taqax taħt l-intestatura 1516 ta’ din in-nomenklatura kinitx suġġetta għal ipproċessar differenti mir-raffinar, l-awtoritajiet doganali jistgħu jagħżlu l-metodu xieraq għal dan l-għan, bil-kundizzjoni li dan ikun jista’ jwassal għal riżultati konformi mal-imsemmija nomenklatura, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

Fuq l‑ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, fil-verżjonijiet tagħha li jirriżultaw mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1602 tal‑11 ta’ Ottubru 2018, u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1776 tad‑9 ta’ Ottubru 2019,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

preparazzjoni tal-ikel ta’ żejt tal-palm li ma taqax taħt l-intestatura 1516 ta’ din in-nomenklatura u li tkun ġiet suġġetta għal ipproċessar differenti mir-raffinar taqa’ taħt l-intestatura 1517, filwaqt li l-kwistjoni dwar jekk din il-preparazzjoni ġietx immodifikata kimikament minħabba dan l-ipproċessar hija irrilevanti f’dan ir-rigward.

 

2)

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2658/87, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1602 u mir-Regolament ta’ Implimetazzjoni Nru 2019/1776,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

fl-assenza ta’ metodi u ta’ kriterji ddefiniti f’din in-nomenklatura sabiex jiġi ddeterminat jekk tali preparazzjoni kinitx suġġetta għal ipproċessar differenti mir-raffinar, l-awtoritajiet doganali jistgħu jagħżlu l-metodu xieraq għal dan l-għan, bil-kundizzjoni li dan ikun jista’ jwassal għal riżultati konformi mal-imsemmija nomenklatura, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.