SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Ottubru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – Il-punt 1 tal-Artikolu 1 – Kunċett ta’ ‘vettura’ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-kumpens awtomatiku ta’ ċerti utenti tat-triq li jkunu vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku – Persuna li ma ssuq l-ebda ‘vettura bil-mutur’ fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni – Kunċett ekwivalenti għal dak ta’ ‘vettura’ fis-sens tad-Direttiva 2009/103 – Rota mgħammra b’mutur elettriku li jipprovdi assistenza għall-użu ta’ pedali, b’funzjoni ta’ aċċelerazzjoni li tista’ tiġi attivata biss wara l-użu tal-forza muskolari”

Fil-Kawża C‑286/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ April 2022, fil-proċedura

KBC Verzekeringen NV

vs

P&V Verzekeringen CVBA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, Z. Csehi, M. Ilešič, I. Jarukaitis (Relatur) u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal KBC Verzekeringen NV, minn B. Maes, advocaat,

għal P&V Verzekeringen CVBA, minn J. Verbist, advocaat,

għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens, P. Cottin u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, P. Busche u M. Hellmann, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Nijenhuis u H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009, L 263, p. 11).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn KBC Verzekeringen NV (iktar ’il quddiem “KBC”) u P&V Verzekeringen CVBA (iktar ’il quddiem “P&V”) dwar id-dritt eventwali ta’ assiguratur fil-qasam tal-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, li jiġi ssurrogat fid-drittijiet ta’ ċiklist li kien qiegħed riekeb fuq rota megħjuna bl-enerġija elettrika, li jiġi kkumpensat mill-assiguratur għar-responsabbiltà ċivili tas-sewwieq tal-vettura involuta fl-inċident li wassal għall-mewt ta’ dan iċ-ċiklist.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessa 2 tad-Direttiva 2009/103 tiddikjara:

“Assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur) hi ta’ importanza speċjali għaċ-ċittadini Ewropej, kemm għal dawk li għandhom polza ta’ assigurazzjoni kif ukoll għall-vittmi ta’ inċident.”

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

1)

‘vettura’ tfisser kull vettura bil-mutur intiża għal vjaġġi fuq l-art u mmexxija minn forza mekkanika, imma li ma timxix fuq il-linji, u kull karru, kemm jekk agganċjat u kemm jekk le;

[...]”

5

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Assigurazzjoni obbligatorja għall-vetturi”, jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Kull Stat Membru għandu […] jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu ikun kopert minn assigurazzjoni.”

6

L-Artikolu 13 tal-istess direttiva, intitolat “Klawsoli ta’ esklużjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura li l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 titqies nulla fir-rigward ta’ pretensjonijiet minn partijiet terzi li kienu vittmi ta’ inċident, fejn dik id-dispożizzjoni statutorja jew klawsola kuntrattwali tkun teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi minn:

[...]

(b)

persuni li ma jkollhomx liċenza li tippermettilhom isuqu l-vettura konċernata,

[...]”

7

Fl‑24 ta’ Novembru 2021, id-Direttiva (UE) 2021/2118 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li temenda d-Direttiva 2009/103 (ĠU 2021, L 430, p. 1), ġiet adottata. Id-Direttiva 2021/2118 temenda b’l-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103. Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2021/2118, din l-emenda għandha tapplika mit‑23 ta’ Diċembru 2023.

Id‑dritt Belġjan

8

L-Artikolu 1 tal-wet betreffende de verplichte aansprakelijkheidsverzekering inzake motorrijtuigen (il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja tar-Responsabbiltà fil-Qasam tal-Vetturi bil-Mutur), tal‑21 ta’ Novembru 1989 (Belgisch Staatsblad, 8 ta’ Diċembru 1989, p. 20122), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑21 ta’ Novembru 1989”), jinkludi b’mod partikolari d-definizzjoni li ġejja:

“Għall-iskopijiet ta’ din il-liġi:

Għal kull vettura bil-mutur: il-vetturi intiżi għal vjaġġi fuq l-art u li jistgħu jiġu mħaddma b’forza mekkanika mingħajr ma jkunu mwaħħla ma’ linja ferrovjarja; dak kollu li huwa konness mal-vettura huwa kkunsidrat bħala parti minnu.

Huma meqjusa bħala vetturi bil-mutur, il-karrijiet mibnija speċjalment sabiex jitwaħħlu ma’ vettura bil-mutur għat-trasport ta’ persuni jew ta’ oġġetti u li huma ddeterminati mir-Re. Ir-Re jista’, permezz ta’ digriet deliberat fil-Kunsill tal-Ministri, jippreċiża liema huma l-mezzi ta’ trasport li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ vettura bil-mutur.”

9

L-Artikolu 29a tal-imsemmija liġi jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu, li:

“§ 1.   Fil-każ ta’ inċident tat-traffiku li jinvolvi vettura bil-mutur waħda jew iktar [...] u bl-eċċezzjoni tad-danni materjali u danni subiti mis-sewwieq ta’ kull vettura bil-mutur involuta, id-danni kollha mġarrba mill-vittmi u mill-aventi kawża tagħhom u li jirriżultaw minn korrimenti personali jew mill-mewt [...] huma kkumpensati in solidum mill-assiguraturi li, skont din il-liġi, ikopru r-responsabbiltà tal-proprjetarju, tas-sewwieq jew tad-detentur tal-vetturi bil-mutur. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll jekk id-danni jkunu ġew ikkawżati b’mod volontarju mis-sewwieq.

[...]

§ 2.   Is-sewwieq ta’ vettura bil-mutur u l-aventi kawża tiegħu ma jistgħux jinvokaw dan l-artikolu sakemm is-sewwieq ma jaġixxix bħala aventi kawża ta’ vittma li ma kinitx sewwieq u sakemm is-sewwieq ma kkawżax id-dannu intenzjonalment.

§ 3.   Vettura bil-mutur tfisser kull vettura msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din il-liġi, bl-esklużjoni tas-siġġijiet tar-roti bil-mutur li jistgħu jitqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni minn persuna b’diżabbiltà.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

10

Fl‑14 ta’ Ottubru 2017, BV (iktar ’il quddiem il-“vittma”), li kienet qiegħda tiċċirkula fuq rota megħjuna bl-enerġija elettrika fit-toroq pubbliċi, ġiet milquta minn karozza assigurata minn KBC skont il-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 1989. Il-vittma sarilha feriment gravi u mietet fl‑11 ta’ April 2018. Dan l-inċident kien jikkostitwixxi, għal din il-vittma, “inċident tal-ivjaġġar”, P&V, assiguratur tal-persuna li timpjegah fir-rigward ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol, ħallas kumpens u ġie ssurrogat fid-drittijiet tiegħu u dawk tal-aventi kawża tiegħu.

11

P&V ħarrket lil KBC quddiem il-politierechtbank West-Vlaanderen, afdeling Brugge (il-Qorti tal-Pulizija ta’ West-Vlaanderen, Diviżjoni ta’ Brugge, il-Belġju) sabiex tikseb ir-rimbors tal-ispejjeż tagħha abbażi tal-Artikolu 1382 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan preċedenti jew tal-Artikolu 29a tal-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 1989. KBC ressqet kontrotalba intiża sabiex jinkiseb rimbors mingħand P&V għal somma ta’ flus li kienet tħallset indebitament. Fid-difiża tagħha, P&V sostniet, billi invokat dan l-Artikolu 29a, li l-vittma ma setgħetx titqies li kienet is-sewwieq ta’ vettura bil-mutur.

12

Permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2019, din il-qorti kkonstatat li s-sewwieq tal-vettura kkonċernata ma kienx responsabbli għall-inċident inkwistjoni, iżda li, skont l-imsemmi Artikolu 29a, KBC kienet madankollu obbligata li tikkumpensa lill-vittma kif ukoll lil P&V, li kienet issurrogata fid-drittijiet ta’ din il-vittma, minħabba li din tal-aħħar ma kinitx is-sewwieq ta’ vettura bil-mutur u li għalhekk kellha dritt għal kumpens skont l-istess artikolu.

13

KBC appellat minn din is-sentenza quddiem ir-rechtbank van eerste aanleg West-Vlaanderen, afdeling Brugge (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ West-Vlaanderen, Diviżjoni ta’ Brugge, il-Belġju). P&V ippreżentat appell inċidentali.

14

Permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, din il-qorti ddikjarat l-appell prinċipali infondat u l-appell inċidentali fondat. Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 29a tal-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 1989, hija rrilevat b’mod partikolari li l-kunċett ta’ “vettura bil-mutur”, imsemmi f’dan l-artikolu, kien jikkorrispondi għal dak ta’ “vettura”, li jinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103. Peress li kkonstatat li l-kunċett ta’ “forza mekkanika” la kien iddefinit f’din il-liġi u lanqas f’din id-direttiva, hija kkunsidrat li dan il-kunċett kien madankollu espliċitu u li l-kliem “li jistgħu jitħaddmu b’forza mekkanika” għandhom jinftiehmu bħala li jfissru li vettura bil-mutur hija vettura kapaċi li tiċċaqlaq mingħajr sforz muskolari. Minn dan hija ddeduċiet li rota ma hijiex vettura bil-mutur, fis-sens tal-imsemmija liġi, jekk ikollha magna awżiljarja iżda li l-forza mekkanika ma tistax, waħedha, tiskatta r-rota jew iżżommha f’moviment.

15

Fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-manifattur tar-rota megħjuna bl-enerġija elettrika inkwistjoni, l-imsemmija qorti kkonstatat li l-mutur tiegħu kien jipprovdi biss assistenza għall-użu ta’ pedali, inkluż fir-rigward tal-funzjoni “turbo” ta’ dan il-mutur, u li din il-funzjoni setgħet tiġi attivata biss wara l-użu tal-forza muskolari, kemm bl-użu tal-pedali, kemm billi timxi bir-rota jew billi tiġi mbuttata. Minn dan hija ddeduċiet li l-vittma ma kinitx xufier ta’ vettura bil-mutur, fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 1989, u li hija setgħet titlob kumpens skont l-Artikolu 29a ta’ din il-liġi bħala “utent dgħajjef tat-triq”, kif ukoll l-assiguratur fil-qasam tal-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, issurrogati fid-drittijiet ta’ din il-vittma.

16

KBC appellat fil-kassazzjoni kontra s-sentenza msemmija fil-punt 14 ta’ din is-sentenza quddiem il-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju), il-qorti tar-rinviju. Quddiem din il-qorti, KBC tirrileva b’mod partikolari li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “vettura bil-mutur” li tinsab fl-Artikolu 1 tal-imsemmija liġi tikkorrispondi għal dik tat-terminu “vettura” li jinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103. Minn dan hija tiddeduċi li d-dritt Belġjan għandu jiġi interpretat konformement ma’ din id-direttiva.

17

Fuq il-mertu, KBC issostni li, peress li l-Artikolu 1 tal-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 1989 ma jagħmilx distinzjoni bejn il-vetturi intiżi li jiċċirkulaw fuq l-art li jistgħu jitħaddmu esklużivament permezz ta’ forza mekkanika u dawk li jistgħu jitħaddmu wkoll permezz ta’ forza mekkanika, huma biss il-vetturi mħaddma esklużivament bil-forza muskolari li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi. Minn dan hija tikkonkludi li r-rechtbank van eerste aanleg West-Vlaanderen, afdeling Brugge (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ West-Vlaanderen, Diviżjoni ta’ Brugge) kisret il-kunċett ta’ “vettura bil-mutur” u kisret l-Artikoli 1 u 29a tal-imsemmija liġi kif ukoll, b’mod partikolari, il-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103.

18

Il-qorti tar-rinviju ssostni li s-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemha teħtieġ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “vettura”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Hof van Cassatie (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva [2009/103], kif applikabbli qabel l-emenda tagħha permezz tad-Direttiva [2021/2118], li jiddefinixxi t-terminu “vettura” bħala “kull vettura bil-mutur intiża għal vjaġġi fuq l-art u mmexxija minn forza mekkanika, imma li ma timxix fuq il-linji, u kull karru, kemm jekk agganċjat u kemm jekk le” għandu jiġi interpretat fis-sens li rota elettrika (“speed pedelec”), li l-mutur tagħha jipprovdi biss assistenza bil-pedali, b’tali mod li r-rota ma tistax tiċċaqlaq b’mod awtonomu, mingħajr forza muskulari, iżda biss permezz tal-forza tal-mutur u tal-forza muskulari, u rota elettrika li hija mgħammra b’funzjoni “boost” li permezz tagħha r-rota taċċellera mingħajr użu ta’ pedali sa veloċità ta’ 20 kilometru fis-siegħa meta tintgħafas il-buttuna “boost”, iżda li teħtieġ il-forza muskulari sabiex tintuża l-funzjoni “boost”, ma humiex vetturi fis-sens tad-Direttiva 2009/103?”

Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

20

Il-Gvern Ġermaniż jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li din ma turix għalfejn l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni hija rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Din it-tilwima taqa’ esklużivament taħt id-dritt nazzjonali tar-responsabbiltà, li ma huwiex armonizzat mid-dritt tal-Unjoni, u mill-proċess ma jirriżultax li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ġew iddikjarati applikabbli mid-dritt nazzjonali.

21

Skont il-ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali skont l-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima, u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari biex hija tkun tista’ tagħti s-sentenza, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ Ottubru 2020, Pegaso u Sistemi di Sicurezza, C‑521/18, EU:C:2020:867, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

22

Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni Ewropea jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ Ottubru 2020, Pegaso u Sistemi di Sicurezza, C‑521/18, EU:C:2020:867, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

23

Barra minn hekk, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-obbligu ta’ kopertura mill-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tad-danni kkawżati lit-terzi minn vetturi bil-mutur huwa distint mill-portata tal-kumpens ta’ dawn id-danni, ibbażat fuq ir-responsabbiltà ċivili tal-assigurat. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel wieħed huwa ddefinit u żgurat mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, it-tieni wieħed huwa rregolat, essenzjalment, mid-dritt nazzjonali (sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, EU:C:2012:656, punt 28, kif ukoll tat‑30 ta’ Marzu 2023, AR et (Azzjoni diretta kontra l-assiguratur), C‑618/21, EU:C:2023:278, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Għalhekk, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma hijiex intiża li tarmonizza s-sistemi ta’ responsabbiltà ċivili tal-Istati Membri u, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, dawn tal-aħħar jibqgħu liberi li jiddeterminaw is-sistema ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli għall-inċidenti li jirriżultaw mill-użu tal-vetturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, EU:C:2012:656, punt 29, kif ukoll tat‑30 ta’ Marzu 2023, AR et (Azzjoni diretta kontra l-assiguratur), C‑618/21, EU:C:2023:278, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Konsegwentement, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, liberi li jiddeterminaw, fil-kuntest tas-sistemi tagħhom ta’ responsabbiltà ċivili, b’mod partikolari, id-danni kkawżati minn vetturi bil-mutur li għandhom ikunu kkumpensati, il-portata tal-kumpens ta’ dawn id-danni u l-persuni li għandhom dritt għal tali kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Drozdovs, C‑277/12, EU:C:2013:685, punt 32, kif ukoll tat‑30 ta’ Marzu 2023, AR et (Azzjoni diretta kontra l-assiguratur), C‑618/21, EU:C:2023:278, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Madankollu, meta, skont id-dritt ta’ Stat Membru, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni li taqa’ f’qasam mhux armonizzat, għandu jsir riferiment għal kunċett tad-dritt tal-Unjoni, jeżisti interess ċert tal-Unjoni li, sabiex jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni futuri, il-kunċett meħud mid-dritt tal-Unjoni jingħata interpretazzjoni uniformi, ikunu xi jkunu l-kundizzjonijiet li fihom huwa mitlub japplika (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Belgische Staat, C‑469/18 u C‑470/18, EU:C:2019:895, punt 22, kif ukoll tas‑27 ta’ April 2023, Banca A (Applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-amalgamazzjoni f’sitwazzjoni interna, C‑827/21, EU:C:2023:355, punt 44).

27

F’dan il-każ, id-domanda preliminari ma tirrigwardax l-oqsma msemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza. B’mod partikolari, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk vittma bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex id-dritt li tikseb kumpens skont id-Direttiva 2009/103, iżda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biss dwar il-portata tal-kunċett ta’ “vettura” li jinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.

28

Issa, għalkemm, ċertament, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju dwar ir-rabta eżistenti bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli u din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2009/103 — rabta li l-qrati nazzjonali huma obbligati jesponu lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha — huma qosra, din il-qorti tindika madankollu, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, li r-riżoluzzjoni tat-tilwima li hija adita biha tippreżupponi l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett. Barra minn hekk, minn din it-talba jirriżulta li, skont l-imsemmija qorti, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “vetturi bil-mutur” li tinsab fl-Artikolu 1 tal-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 1989 tikkorrispondi għal dik ta’ “vettura” li tinsab fl-imsemmija dispożizzjoni tad-Direttiva 2009/103.

29

Barra minn hekk, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domanda magħmula lilha u, min-naħa l-oħra, ma hemm ebda dubju dwar ir-realtà tal-kawża prinċipali kif ukoll l-assenza ta’ natura ipotetika ta’ din id-domanda.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id‑domanda preliminari

31

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103 għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “vettura”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta rota li l-mutur elettriku tagħha jipprovdi biss għajnuna għall-użu ta’ pedali u li għandha funzjoni li tippermettilha taċċelera mingħajr użu ta’ pedali sa veloċità ta’ 20 kilometru fis-siegħa, iżda li madankollu din il-funzjoni tista’ tiġi attivata biss wara l-użu tal-forza muskolari.

32

Barra minn hekk, meta tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha.

33

Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprevedi li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “vettura” jkopri “kull vettura bil-mutur intiża għal vjaġġi fuq l-art u mmexxija minn forza mekkanika, imma li ma timxix fuq il-linji, u kull karru, kemm jekk agganċjat u kemm jekk le”. Għaldaqstant, konformement mas-sens abitwali ta’ dan il-kliem fil-lingwaġġ ta’ kuljum, dan il-kunċett, sa fejn jirreferi għal “kull vettura bil-mutur”, jirreferi neċessarjament għal inġenju maħsub sabiex jiċċaqlaq fuq l-art permezz ta’ forza prodotta minn magna, b’kuntrast mal-forza tal-bniedem jew tal-annimali, bl-eċċezzjoni tal-vetturi li jiċċaqilqu fuq il-binarji.

34

Għalkemm mill-formulazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103 jirriżulta li jaqgħu biss taħt il-kunċett ta’ “vettura”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, vetturi intiżi għal użu fuq l-art li jistgħu jitħaddmu b’forza mekkanika, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jiċċaqalqu fuq il-binarji, din il-formulazzjoni ma tippermettix, waħedha, li tingħata risposta għad-domanda magħmula, peress li ma tinkludix indikazzjoni li tippermetti li jiġi ddeterminat jekk tali forza mekkanika għandhiex ikollha rwol esklużiv fl-operat tal-vettura kkonċernata.

35

Fil-fatt, il-verżjonijiet ta’ dan il-punt 1 tal-Artikolu 1, b’mod partikolari bil-lingwa Franċiża, Taljana, Olandiża u Portugiża, sa fejn jirreferu, fir-rigward tas-saħħa mekkanika, għall-fatt li din “tista’” tħaddem il-vetturi kkonċernati, jistgħu jinqraw fis-sens li jikkostitwixxu “vetturi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mhux biss dawk li jaħdmu esklużivament b’forza mekkanika, iżda wkoll dawk li jistgħu jiċċaqilqu b’mezzi oħra. Madankollu, f’verżjonijiet lingwistiċi oħra, b’mod partikolari dawk bil-lingwa Spanjola, Ġermaniża, Griega, Ingliża u Litwana, l-imsemmija dispożizzjoni hija fformulata b’mod differenti, b’tali mod li ma tistax tinqara f’dan l-istess sens.

36

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2005, Jyske Finans, C‑280/04, EU:C:2005:753, punt 31, u tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Trapeza Peiraios, C‑243/20, EU:C:2021:1045, punt 32).

37

Għalhekk, fir-rigward tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2009/103, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, skont il-premessa 2 ta’ din id-direttiva, l-obbligu ta’ “[a]ssigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur”, li l-imsemmija direttiva tipprevedi, tirreferi għall-“assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur”, espressjoni li tradizzjonalment tkopri, fil-lingwaġġ ta’ kuljum, l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ inġenji bħall-muturi, il-vetturi u t-trakkijiet li, ħlief fil-każijiet fejn ma għadhomx jintużaw, ikunu joperaw esklużivament b’forza mekkanika.

38

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/103 jippreċiża, fil-paragrafu 1(b) tiegħu, li kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tagħha, jitqies ineffettiv, f’dak li jirrigwarda pretensjonijiet minn terzi li jkunu vittmi ta’ inċident, kull dispożizzjoni legali jew klawżola kuntrattwali li tinsab f’polza ta’ assigurazzjoni maħruġa skont dan l-Artikolu 3 li teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi minn persuni li ma għandhomx liċenzja li tippermettilhom isuqu l-vettura kkonċernata. Issa, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (ĠU 2006, L 403, p. 18), jirriżulta li, bħala prinċipju, huwa biss is-sewqan ta’ vetturi li jistgħu joperaw bil-qawwa tagħhom stess, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jimxu fuq il-binarji tal-ferrovija, li huwa suġġett għal liċenzja tas-sewqan nazzjonali.

39

Fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2009/103, għandu jitfakkar li din hija intiża li tiżgura l-moviment liberu kemm tal-vetturi normalment ipparkjati fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll tal-persuni li jkunu abbord dawn il-vetturi u li tiggarantixxi li l-vittmi tal-inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi jibbenefikaw minn trattament paragunabbli, ikun fejn ikun il-post fit-territorju tal-Unjoni fejn seħħ l-inċident, kif ukoll sabiex b’hekk tiġi żgurata l-protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti kkawżati mill-vetturi bil-mutur, peress li dan l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ġie segwit u msaħħaħ b’mod kostanti mil-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Línea Directa Aseguradora, C‑100/18, EU:C:2019:517, punti 33, 3446 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Mejju 2021, K.S. (Spejjeż ta’ rmonk ta’ vettura li ġarrbet ħsara), C‑707/19, EU:C:2021:405, punt 27).

40

Issa, inġenji li ma jitħaddmux esklużivament b’forza mekkanika u li għalhekk ma jistgħux jiċċaqilqu fuq l-art mingħajr użu tal-forza muskolari, bħar-rota megħjuna bl-enerġija elettrika inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, barra minn hekk, tista’ taċċelera mingħajr użu ta’ pedali sa veloċità ta’ 20 kilometru fis-siegħa, ma jidhrux li huma ta’ natura li jikkawżaw lil terzi danni fiżiċi jew materjali paragunabbli, fir-rigward tal-gravità jew tal-kwantità tagħhom, għal dawk li jistgħu jikkawżaw il-muturi, il-karozzi, it-trakkijiet jew vetturi oħra, li jiċċirkulaw fuq l-art, imħaddma esklużivament minn forza mekkanika, peress li dawn tal-aħħar jistgħu jilħqu veloċità ċerta, kunsiderevolment ogħla minn dik li tista’ tintlaħaq minn tali inġenji, u għadhom sal-lum, użati l-iktar għall-finijiet taċ-ċirkulazzjoni. L-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku kkawżati mill-vetturi bil-mutur, segwit mid-Direttiva 2009/103, għalhekk ma jimponix li tali makkinarju jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “vettura”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “vettura”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta rota li l-mutur elettriku tagħha jipprovdi biss assistenza għall-użu ta’ pedali u li għandha funzjoni li tippermettilha taċċelera mingħajr użu ta’ pedali sa veloċità ta’ 20 kilometru fis-siegħa, iżda li madankollu din il-funzjoni tista’ tiġi attivata biss wara l-użu tal-forza muskolari.

Fuq l‑ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “vettura”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta rota li l-mutur elettriku tagħha jipprovdi biss għajnuna għall-użu ta’ pedali u li għandha funzjoni li tippermettilha taċċelera mingħajr użu ta’ pedali sa veloċità ta’ 20 kilometru fis-siegħa, iżda li madankollu din il-funzjoni tista’ tiġi attivata biss wara l-użu tal-forza muskolari.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.