Kawża C-281/22

G. K. et

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberlandesgericht Wien)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal‑21 ta’ Diċembru 2023

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew – Regolament (UE) 2017/1939 – Artikolu 31 – Investigazzjonijiet transkonfinali – Awtorizzazzjoni ġudizzjarja – Portata tal-istħarriġ – Artikolu 32 – Infurzar ta’ miżuri assenjati”

Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew – Regolament 2017/1939 – Miżuri ta’ investigazzjoni u miżuri oħra – Investigazzjonijiet transkonfinali – Miżura ta’ investigazzjoni assenjata li teżiġi awtorizzazzjoni ġudizzjarja skont id-dritt tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju – Elementi relatati mal-eżekuzzjoni tal-miżura – Stħarriġ fl-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew – Elementi relatati mal-ġustifikazzjoni u mal-adozzjoni tal-miżura – Indħil serju fid-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata – Stħarriġ fl-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Regolament tal-Kunsill 2017/1939, premessi 12, 14, 20, 60 u Artikoli 31 u 32)

(ara l-punti 53 sa 55, 64, 65, 67 sa 73, 75, 78, u d-dispożittiv)

Sunt

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew wettaq, permezz ta’ Prosekutur Delegat Ewropew fil-Ġermanja, investigazzjonijiet preliminari fir-rigward ta’ G.K., S. L. u B O. D. GmbH, issuspettati li kienu għamlu dikjarazzjonijiet doganali foloz u li b’hekk ikkawżaw dannu ta’ madwar EUR 1295000 għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Fil-kuntest tal-investigazzjoni li żvolġiet fil-Ġermanja, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew qies neċessarju li jinġabru provi fi Stati Membri oħra, fosthom l-Awstrija. Għal dan il-għan, il-Prosekutur Delegat Ewropew Ġermaniż inkarigat mill-każ assenja ( 1 ) lil assistent Prosekutur Delegat Ewropew Awstrijak it-tfittxijiet u l-qbid ta’ beni li jinsabu fl-Awstrija li kienu jappartjenu lill-persuni akkużati. Fid‑9 ta’ Novembru 2021, dan tal-aħħar ordna tfittxijiet u qbid, kemm fil-bini kummerċjali ta’ B O. D. u tal-kumpannija omm tagħha kif ukoll fid-djar ta’ G. K.u ta’ S.L., li kollha jinsabu fl-Awstrija. Huwa talab ukoll lill-qrati Awstrijaki kompetenti jawtorizzaw dawn il-miżuri ( 2 ). Dawn l-awtorizzazzjonijiet inkisbu, u l-miżuri ordnati ġew eżegwiti.

Fl‑1 ta’ Diċembru 2021, G.K., B O. D. u S. L. ippreżentaw rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tal-qrati Awstrijaċi li kienu awtorizzaw il-miżuri inkwistjoni quddiem l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju. B’mod partikolari, huma kkontestaw il-ġustifikazzjoni tal-miżuri ta’ investigazzjoni ordnati fil-konfront tagħhom.

Il-qorti tar-rinviju staqsiet jekk, fil-każ li miżura ta’ investigazzjoni assenjata teżiġi l-kisba ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja fl-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew, din il-miżura jkollhiex tiġi eżaminata minn qorti ta’ dan l-Istat Membru fid-dawl tar-regoli proċedurali u sostantivi kollha previsti minn dan l-istess Stat Membru.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, ipprovdiet kjarifiki dwar il-portata tal-istħarriġ li jista’ jiġi eżerċitat mill-qrati aditi b’talba tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew għall-awtorizzazzjoni ta’ miżura ta’ investigazzjoni assenjata.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

Qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, għalkemm l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament 2017/1939 jipprevedi l-kisba ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja skont id-dritt tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew meta miżura ta’ investigazzjoni assenjata tkun teżiġi tali awtorizzazzjoni skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru, l-Artikoli 31 u 32 ta’ dan ir-regolament ma jispeċifikawx il-portata tal-istħarriġ li għandu jitwettaq mill-qorti kompetenti. Madankollu, mill-formulazzjoni ta’ dawn iż-żewġ artikoli ( 3 ) jirriżulta li l-adozzjoni ta’ miżura ta’ investigazzjoni assenjata, kif ukoll il-ġustifikazzjoni tagħha, huma rregolati mid-dritt tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ, filwaqt li l-eżekuzzjoni ta’ tali miżura hija rregolata mid-dritt tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew. Id-distinzjoni hekk stabbilita minn dawn l-artikoli, bejn il-ġustifikazzjoni u l-adozzjoni ta’ miżura ta’ investigazzjoni assenjata, minn naħa, u l-eżekuzzjoni tagħha, min-naħa l-oħra, tirrifletti l-loġika wara s-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali bejn l-Istati Membri, li hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku. Fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja bbażata fuq dawn il-prinċipji, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ma hijiex mistennija tistħarreġ l-osservanza, mill-awtorità ta’ emissjoni, tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ tad-deċiżjoni ġudizzjarja li hija għandha teżegwixxi.

Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret sussegwentement li, permezz tal-istabbiliment ta’ Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, ir-Regolament 2017/1939 għandu l-għan li jiġġieled b’mod iktar effikaċi r-reati li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ( 4 ). Minn dan isegwi li, billi ddefinixxa l-proċeduri previsti minn dan ir-regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi mekkaniżmu li jiggarantixxi grad ta’ effikaċja tal-investigazzjonijiet transkonfinali mwettqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew tal-inqas daqstant għoli daqs dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-proċeduri previsti fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali bejn l-Istati Membri bbażata fuq il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku. Madankollu, għalkemm l-għoti tal-awtorizzazzjoni ġudizzjarja msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tal-imsemmi regolament jista’ jkun suġġett għal eżami, mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew, tal-elementi relatati mal-ġustifikazzjoni u mal-adozzjoni tal-miżura ta’ investigazzjoni assenjata kkonċernata, dan iwassal, fil-prattika, għal sistema inqas effikaċi minn dik stabbilita minn tali strumenti legali u għalhekk jippreġudika l-għan imfittex mill-istess regolament. Fil-fatt, minn naħa, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew għandha, b’mod partikolari, teżamina fid-dettall il-fajl kollu tal-każ, li għandu jiġi trażmess lilha u, jekk ikun il-każ, tradott. Min-naħa l-oħra, sabiex twettaq l-eżami tagħha, hija għandha tapplika d-dritt tal-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ, għalkemm ma tistax titqies li hija fl-aħjar pożizzjoni li twettaq dan.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li r-Regolament 2017/1939 jistabbilixxi, għall-finijiet tal-kooperazzjoni bejn il-Prosekuturi Delegati Ewropej fil-kuntest tal-investigazzjonijiet transkonfinali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, distinzjoni bejn ir-responsabbiltajiet marbuta mal-ġustifikazzjoni u mal-adozzjoni tal-miżura assenjata, li jaqgħu taħt il-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ, u dawk relatati mal-eżekuzzjoni ta’ din il-miżura, li jaqgħu taħt l-assistent Prosekutur Delegat Ewropew. Konformement ma’ dan it-tqassim ta’ responsabbiltajiet, l-istħarriġ relatat mal-awtorizzazzjoni ġudizzjarja li tkun meħtieġa skont id-dritt tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew jista’ jkopri biss l-elementi relatati mal-eżekuzzjoni ta’ din il-miżura, bl-esklużjoni tal-elementi relatati mal-ġustifikazzjoni u mal-adozzjoni tal-imsemmija miżura.

Fir-rigward tal-elementi relatati mal-ġustifikazzjoni u mal-adozzjoni tal-miżura assenjata, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat madankollu li dawn għandhom ikunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju minn qabel fl-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat Ewropew inkarigat mill-każ f’sitwazzjoni ta’ ndħil serju fid-drittijiet tal-persuna kkonċernata ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 31(2) tar-Regolament 2017/1939, huwa l-Istat Membru tal-Prosekutur Delegat inkarigat mill-każ li għandu jipprevedi stħarriġ ġudizzjarju minn qabel tal-kundizzjonijiet dwar il-ġustifikazzjoni u l-adozzjoni ta’ miżura ta’ investigazzjoni assenjata, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fil-każ ta’ miżuri ta’ investigazzjoni bħal tfittxijiet fi djar privati, miżuri kawtelatorji relatati ma’ beni personali jew l-iffriżar tal-assi, huwa għalhekk dan l-Istat Membru li għandu jipprevedi, fid-dritt nazzjonali, salvagwardji adegwati u suffiċjenti, bħalma huwa stħarriġ ġudizzjarju minn qabel, sabiex jiġu żgurati l-legalità u n-neċessità ta’ tali miżuri.


( 1 ) Skont l-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat‑12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU 2017, L 283, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament 2017/1939”)

( 2 ) L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament 2017/1939 jipprovdi li, jekk il-miżura teżiġi awtorizzazzjoni ġudizzjarja skont id-dritt tal-Istat Membru tal-assistent Prosekutur Delegat Ewropew, dan tal-aħħar għandu jikseb din l-awtorizzazzjoni skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

( 3 ) B’mod iktar speċifiku, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 31(1) u (2) u tal-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2017/1939.

( 4 ) Ara l-premessi 12, 14, 20 u 60 tar-Regolament 2017/1939.