SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

21 ta’ Diċembru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Direttiva 2006/123/KE – Artikolu 2(2)(b) – Kamp ta’ applikazzjoni – Esklużjoni ta’ servizzi finanzjarji – Kiri ta’ vetturi bil-mutur għal żmien twil – Artikoli 9(1) kif ukoll Artikolu 10(1) u (2) – Servizzi suġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel”

Fil-Kawża C‑278/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Upravni sud u Zagrebu (il-Qorti Amministrattiva ta’ Żagreb, il-Kroazja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ April 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ April 2022, fil-proċedura

AUTOTECHNICA FLEET SERVICES d.o.o., li kienet ANTERRA d.o.o.,

vs

Hrvatska agencija za nadzor financijskih usluga,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ħames Awla, M. Ilešič, I. Jarukaitis u D. Gratsias (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑1 ta’ Marzu 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal AUTOTECHNICA FLEET SERVICES d.o.o., minn G. Božić, odvjetnik, A. Komninos, dikigoros, D. Simeunović, odvjetnica, u J. Tomas, odvjetnik,

għall-Hrvatska agencija za nadzor financijskih usluga, minn K. Brkljačić u I. Budiša,

għall-Gvern Kroat, minn G. Vidović Mesarek, bħala aġent,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Auvret, M. Mataija, R. Mrljić, A. Nijenhuis u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Mejju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE, tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), kif ukoll tal-punt 26 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6, fil-ĠU 2017, L 20, p. 2 u fil-ĠU 2023, L 92, p. 29).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn AUTOTECHNICA FLEET SERVICES d.o.o., li kienet ANTERRA d.o.o. (iktar ’il quddiem “Autotechnica”) u l-Hrvatska agencija za nadzor financijskih usluga Republike Hrvatske (l-Aġenzija Kroata ta’ Sorveljanza tas-Servizzi Finanzjarji tar-Repubblika tal-Kroazja, iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) dwar deċiżjoni li tipprojbixxi lil Autotechnica milli teżerċita attivitajiet ta’ lokazzjoni mingħajr ma tkun kisbet minn qabel l-awtorizzazzjoni tal-Aġenzija.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2006/123

3

Il-premessi 18, 33 u 54 tad-Direttiva 2006/123 jistabbilixxu:

“(18)

Servizzi finanzjarji għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva peress li dawn l-attivitajiet huma suġġetti għal leġislazzjoni Komunitarja speċifika, immirata, bħal f’din id-Direttiva, li tikseb suq ġenwin intern għas-servizzi. Għalhekk, din l-esklużjoni għandha tkopri s-servizzi kollha finanzjarji bħas-servizzi bankarji, tal-kreditu, l-assigurazzjoni, inkluża l-assigurazzjoni mill-ġdid, il-pensjonijiet tax-xogħol u dawk personali, it-titoli, fondi ta’ investiment, il-pagamenti u l-pariri ta’ investiment, inklużi s-servizzi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l‑14 ta’ Ġunju 2006 dwar il-bidu u t-twettiq tan-negozju ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu [(ĠU 2006, L 177, p. 1)].

[…]

(33)

Is-servizzi koperti b’din id-Direttiva jkopri varjetà wiesgħa ta’ attivitajiet li dejjem jinbidlu […]. Dak il-kunċett ikopri wkoll servizzi pprovduti kemm lil negozji kif ukoll lil konsumaturi, bħal […] kiri ta’ karozzi; […]

[…]

(54)

Il-possibilità li jinkiseb aċċess għal attività ta’ servizz għandha ssir soġġetta għal awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti biss jekk dik id-deċiżjoni tissodisfa l-kriterji ta’ non-diskriminazzjoni, ħtieġa u proporzjonalità. Dan ifisser, b’mod partikolari, li l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu permissibbli biss fejn spezzjoni a posteriori ma tkunx effettiva minħabba l-impossibilità li jiġu aċċertati d-difetti tas-servizzi kkonċernati a posteriori, b’konsiderazzjoni mogħtija lir-riskji u l-perikli li jistgħu jinqalgħu fl-assenza ta’ spezzjoni minn qabel. […]”

4

Kif jistabbilixxi l-Artikolu 1(1) tagħha, din id-direttiva tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri kif ukoll il-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas-servizzi.

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru.

2.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:

[…]

(b)

servizzi finanzjarji, bħal dawk bankarji, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni, il-pensjonijiet tax-xogħol jew personali, titoli, il-fondi ta’ investiment, il-pagamenti, il-parir dwar investiment, inklużi s-servizzi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva [2006/48];

[…]”

6

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

‘servizz’ tfisser attività ekonomika mhux imħallsa, normalment magħmula għal remunerazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu [57 TFUE];

[…]

6)

‘skema ta’ awtorizzazzjoni’ tfisser kull proċedura li fiha kull fornitur jew riċevitur hu tabilħaqq meħtieġ jieħu passi sabiex jikseb deċiżjoni formali minn awtorità kompetenti, jew deċiżjoni impliċita, rigward l-aċċess għal attività ta’ servizz jew għall-eżerċizzju tagħha;

[…]

8)

‘ir-raġunijiet aktar importanti fir-rigward ta’ l-interess pubbliku’ [raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali] tfisser ir-raġunijiet rikonoxxuti bħala tali fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, inklużi dawn ir-raġunijiet li ġejjin: politika pubblika, sigurtà pubblika; saħħa pubblika; il-preservazzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali; il-protezzjoni tal-konsumatur; riċevituri ta’ servizzi u ħaddiema; l-ekwità fi transazzjonijiet kummerċjali; il-ġlieda kontra l-frodi; il-protezzjoni ta’ l-ambjent u ta’ l-ambjent urban; is-saħħa ta’ l-annimali; il-proprjetà intellettwali; il-konservazzjoni tal-wirt storiku u artistiku nazzjonali; l-objettivi tal-politika soċjali u l-objettivi tal-politika kulturali;

[…]”

7

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/123, intitolat “Skemi ta’ awtorizzazzjoni”, jiddisponi:

“1.   L-Istati Membri m’għandhomx jissoġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għal skema ta’ awtorizzazzjoni ħlief jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

l-iskema ta’ awtorizzazzjoni ma tiddiskriminax kontra l-fornitur ikkonċernat;

(b)

il-ħtieġa għal skema ta’ awtorizzazzjoni hi ġġustifikata minn raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku [raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali];

(ċ)

l-objettiv segwit ma jistax jinkiseb b’mezzi inqas ristrettivi, b’mod partikolari peress li spezzjoni a posteriori isseħħ tard wisq biex tkun ġenwinament effettiv.

[…]

3.   Din is-sezzjoni m’għandhiex tapplika għal dawk l-aspetti ta’ skemi ta’ awtorizzazzjoni li huma regolati direttament jew indirettament minn strumenti Komunitarji oħrajn.”

8

L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet biex tingħata l-awtorizzazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Skemi ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq kriterji li jżommu lill-awtoritajiet kompetenti milli jeżerċitaw is-setgħa tagħhom ta’ evalwazzjoni b’mod arbitrarju.

2.   Il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu:

(a)

mhux-diskriminatorji;

(b)

iġġustifikati mir-raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku [raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali];

(ċ)

proporzjonati ma’ dak l-objettiv ta’ interess pubbliku;

(d)

ċari u mingħajr ambigwità;

(e)

oġġettivi;

(f)

magħmulin disponibbli għal pubbliku minn qabel;

(g)

trasparenti u aċċessibbli.”

9

L-Artikoli 11 sa 13 tal-imsemmija direttiva jirrigwardaw, rispettivament, it-tul tal-awtorizzazzjoni, l-għażla bejn diversi kandidati u l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni.

Id‑Direttiva 2013/36/UE

10

Bis-saħħa tal-Artikolu 163 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1 u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95), id-Direttiva 2006/48 tħassret. Minn dan l-Artikolu 163, moqri flimkien mal-Anness II tad-Direttiva 2013/36, jirriżulta li r-riferimenti għall-Anness I tad-Direttiva 2006/48 għandhom jinftiehmu bħala li saru għall-Anness I tad-Direttiva 2013/36. Dan l-aħħar Anness I, intitolat “Lista tal-attivitajiet soġġetti għar-rikonoxximent reċiproku”, isemmi, fil-punt 3 tiegħu, il-“[l]easing finanzjarju”.

Ir‑Regolament Nru 575/2013

11

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 575/2013 jirrigwarda regoli uniformi dwar ir-rekwiżiti prudenzjali ġenerali li għandhom josservaw l-istituzzjonijiet kollha li huma s-suġġett ta’ sorveljanza skont id-Direttiva 2013/36.

12

It-terminu “istituzzjoni finanzjarja”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, huwa ddefinit fil-punt 26 tal-Artikolu 4(1) tiegħu.

Id‑dritt Kroat

Il‑Liġi dwar l‑Aġenzija Kroata ta’ Sorveljanza tas‑Servizzi Finanzjarji

13

L-Artikolu 15(1) taż-Zakon o Hrvatskoj agenciji za nadzor financijskih usluga (il-Liġi dwar l-Aġenzija Kroata ta’ Sorveljanza tas-Servizzi Finanzjarji), (Narodne novine, br. 140/05, 154/11 u 12/12) jipprovdi li l-Aġenzija hija awtorizzata tadotta dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni, jiġifieri dispożizzjonijiet li jikkonċernaw, b’mod partikolari, is-servizzi finanzjarji. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 15, l-Aġenzija hija awtorizzata twettaq sorveljanza tal-attivitajiet tal-entitajiet taħt sorveljanza msemmija fil-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 15 u timponi miżuri sabiex tirrimedja l-illegalitajiet u l-irregolaritajiet ikkonstatati.

Il‑Liġi dwar il‑Lokazzjoni

14

Skont l-Artikolu 2(4) taż-Zakon o leasingu (il-Liġi dwar il-Lokazzjoni) (Narodne novine, br.141/13), “kumpannija tal-lokazzjoni” ta’ Stat Membru hija persuna ġuridika stabbilita fi Stat Membru li hija awtorizzata, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, teżerċita attivitajiet ta’ lokazzjoni.

15

L-Artikolu 3(1) ta’ din il-liġi jiddefinixxi l-“kumpannija tal-lokazzjoni” bħala kumpannija kummerċjali stabbilita fil-Kroazja, irreġistrata fir-reġistru kummerċjali abbażi ta’ awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ lokazzjoni maħruġa mill-Aġenzija skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmija liġi.

16

L-Artikolu 4(1) tal-istess liġi jipprevedi li t-tranżazzjoni ta’ lokazzjoni hija tranżazzjoni legali li permezz tagħha l-lokatur jixtri assi lokat b’tali mod li, permezz ta’ dan ix-xiri, huwa jakkwista mingħand il-fornitur ta’ dan l-assi d-dritt għall-proprjetà tal-assi lokat u jippermetti lil-lokatarju juża l-assi lokat għal ċertu perijodu ta’ żmien, u dan il-lokatur jintrabat li jħallas remunerazzjoni għal dan l-użu.

17

L-Artikolu 5(1) tal-istess liġi jipprevedi li, skont il-kontenut u l-karatteristiċi tat-tranżazzjoni ta’ lokazzjoni, din tista’ tkun kwistjoni ta’ “lokazzjoni finanzjarja (financijski leasing)” jew “lokazzjoni operattiva (operativni leasing)”.

18

Il-“lokazzjoni finanzjarja” hija ddefinita fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 5 bħala tranżazzjoni legali li permezz tagħha l-lokatarju jħallas lil-lokatur, matul il-perijodu tal-użu tal-assi lokat, remunerazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-valur totali ta’ dan l-assi, isostni l-ispiża tad-deprezzament tiegħu u jista’, permezz ta’ possibbiltà ta’ xiri, jakkwista d-dritt għall-proprjetà fuq l-imsemmi assi bi prezz fiss li, fil-mument tal-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà, ikun inqas mill-valur attwali ta’ dan l-assi f’dak il-mument, peress li r-riskji u l-vantaġġi marbuta mal-proprjetà fuq l-assi huma, fil-parti l-kbira tagħhom, ittrasferiti lil-lokatur.

19

Il-paragrafu 3 tal-imsemmi Artikolu 5 jipprevedi li t-tranżazzjoni ta’ “lokazzjoni operattiva” tikkostitwixxi tranżazzjoni legali li fil-kuntest tagħha l-lokatur iħallas lil-lokatarju remunerazzjoni fissa matul il-perijodu ta’ użu tal-assi lokat li ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-valur totali ta’ dan l-assi, fejn il-lokatur għandu jbati l-ispejjeż tad-deprezzament tiegħu u l-lokatur ma għandux għażla kuntrattwali ta’ xiri, ir-riskji u l-vantaġġi marbuta mal-proprjetà fuq l-assi li jibqgħu, fil-parti l-kbira tagħhom, sostnuti mil-lokatarju, jiġifieri li ma jiġux ittrasferiti lil-lokatur.

20

L-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar il-Lokazzjoni jipprevedi li l-attivitajiet ta’ lokazzjoni għandhom jiġu eżerċitati minn kumpanniji ta’ lokazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, kumpannija ta’ lokazzjoni minn Stat Membru msemmija fl-Artikolu 46 ta’ din il-liġi u fergħa ta’ kumpannija ta’ lokazzjoni minn pajjiż terz imsemmija fl-Artikolu 48 ta’ din il-liġi.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

21

Autotechnica hija kumpannija rreġistrata fil-Kroazja li teżerċita attivitajiet ta’ “lokazzjoni ta’ vetturi bil-mutur”, ta’ “kiri u lokazzjoni ta’ karozzi u ta’ trakkijiet (b’xufier jew mingħajru)” kif ukoll ta’ “kiri u lokazzjoni ta’ roti, ta’ scooters u ta’ vetturi simili”. Hija s-sussidjarja ta’ kumpannija omm stabbilita fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea u li tipprovdi, f’dan l-Istat Membru, servizzi tal-istess tip.

22

L-Aġenzija kkonstatat, waqt awditu ta’ Autotechnica, li din il-kumpannija kienet ikkonkludiet total ta’ tliet kuntratti ta’ kiri għal żmien twil ta’ erba’ karozzi u li, imbagħad, fuq talba espressa tal-klijenti tagħha, hija kienet xtrat dawn il-karozzi mingħand il-fornitur, b’tali mod li hija saret il-proprjetarja tagħhom u qegħdithom għad-dispożizzjoni tal-klijenti għall-użu tagħhom.

23

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-Aġenzija kkunsidrat li Autotechnica kienet teżerċita attività ta’ lokazzjoni, fis-sens tal-Liġi dwar il-Lokazzjoni, mingħajr awtorizzazzjoni valida. B’deċiżjoni tal‑14 ta’ Frar 2019, hija għalhekk ipprojbixxiet lil Autotechnica milli teżerċita tali attività.

24

Autotechnica ppreżentat rikors quddiem l-Upravni sud u Zagrebu (il-Qorti Amministrattiv ta’ Żagreb, il-Kroazja) intiż għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni. Hija tinvoka ksur tad-drittijiet li hija tislet mid-dritt tal-Unjoni, billi ssostni li r-Repubblika tal-Kroazja ma setgħetx tassimila l-lokazzjoni operattiva ma’ servizz finanzjarju, b’tali mod li l-provvista ta’ tali servizzi ma għandhiex tkun suġġetta għas-sorveljanza tal-Aġenzija.

25

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Anness I tad-Direttiva 2013/36, fil-verżjoni tiegħu bil-lingwa Kroata, isemmi biss il-“financijski lizing (leasing)” u ma jkoprix l-“operativni lizing (lokazzjoni operattiva)”, li għaliha għalhekk għandhom jiġu applikati, permezz ta’ raġunament a contrario, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123. Mill-premessa 33 u mill-Artikolu 2 ta’ din l-aħħar direttiva jirriżulta li din tkopri varjetà kbira ta’ servizzi, inkluż il-kiri ta’ vetturi bil-mutur, li jista’ jitqies bħala lokazzjoni operattiva.

26

Il-qorti tar-rinviju żżid li l-leġiżlazzjoni Kroata inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tipprekludi jew tiddisswadi lil Autotechnica u lil persuni stabbiliti fi Stati Membri oħra li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fil-Kroazja milli jeżerċitaw attivitajiet ta’ kiri kummerċjali jew ta’ lokazzjoni operattiva, b’tali mod li din il-leġiżlazzjoni tista’ tmur kontra r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 49 TFUE.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Upravni sud u Zagrebu (il-Qorti Amministrattiva ta’ Żagreb) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

a)

Is-servizzi ta’ lokazzjoni operattiva u/jew is-servizzi ta’ kiri fit-tul ta’ vetturi bil-mutur jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2006/123] kif imsemmi fil-Manwal dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi, tat‑13 ta’ Marzu 2008, ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern u s-Servizzi [tal-Kummissjoni Ewropea]?

b)

Entità li teżerċita attivitajiet ta’ lokazzjoni operattiva (u mhux ta’ lokazzjoni finanzjarja) u/jew attivitajiet ta’ kiri fit-tul ta’ vetturi bil-mutur hija kkunsidrata bħala istituzzjoni ta’ kreditu fis-sens tal-punt 26 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament [Nru 575/2013]?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel [parti tal-ewwel] domanda tkun fl-affermattiv, iżda r-risposta għat-tieni [parti ta’ din id-domanda] tkun fin-negattiv, l-awtorizzazzjoni tal-[Aġenzija] biex tikkontrolla, abbażi tal-Artikolu 6(1) taz-Zakon o leasingu (il-Liġi dwar il-Lokazzjoni), il-provvista ta’ servizzi ta’ lokazzjoni operattiva u/jew ta’ servizzi ta’ kiri fit-tul ta’ vetturi bil-mutur kif ukoll l-awtorizzazzjoni li timponi rekwiżiti u restrizzjonijiet addizzjonali fuq l-impriżi li jwettqu dawn l-attivitajiet huma konformi mal-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva [2006/123]?

3)

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, fejn kumpannija omm fi Stat Membru għandha l-intenzjoni li tipprovdi, permezz ta’ sussidjarja, fi Stat Membru ieħor servizzi tal-istess tip bħal dawk li hija tipprovdi fl-Istat Membru ta’ oriġini, l-Artikolu 49 TFUE u d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva [2006/123] għandhom jiġu interpretati b’mod li jista’ jippermetti li l-leġiżlazzjoni nazzjonali [Zakon o leasingu (il-Liġi dwar il-Lokazzjoni)] timponi rekwiżiti u restrizzjonijiet addizzjonali fuq sussidjarja, u b’dan il-mod tagħmel l-eżerċizzju tal-attivitajiet inkwistjoni iktar diffiċli/inqas attraenti?”

Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

28

Fl-osservazzjonijiet tagħhom, l-Aġenzija u l-Gvern Kroat esprimew dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li, fil-fehma tagħhom, l-elementi kollha tal-kawża prinċipali huma limitati għal Stat Membru wieħed biss, f’dan il-każ ir-Repubblika tal-Kroazja.

29

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-Artikolu 49 TFUE, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-libertà ta’ stabbiliment, stabbilita f’dan l-artikolu, tinkludi, konformement mal-Artikolu 54 TFUE, għall-kumpanniji kkostitwiti f’konformità mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom, l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom jew l-istabbiliment prinċipali tagħhom fl-Unjoni, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fi Stati Membri oħra permezz, b’mod partikolari, ta’ sussidjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Lexel, C‑484/19, EU:C:2021:34, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Issa, f’dan il-każ, huwa stabbilit li Autotechnica hija s-sussidjarja ta’ kumpannija kkostitwita fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika tal-Kroazja. Konsegwentement, la jista’ jiġi allegat li l-elementi kollha tal-kawża prinċipali huma limitati ġewwa Stat Membru wieħed biss u lanqas li t-tieni u t-tielet domanda, sa fejn dawn jirrigwardaw l-Artikolu 49 TFUE, huma ta’ natura ipotetika. Konsegwentement, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa ammissibbli fir-rigward tal-Artikolu 49 TFUE.

31

Fit-tieni lok, it-talba għal deċiżjoni preliminari lanqas ma tista’ tiġi ddikjarata inammissibbli sa fejn hija tirrigwarda d-Direttiva 2006/123. Fil-fatt, u fi kwalunkwe każ, l-Artikoli 9 sa 13 ta’ din id-direttiva, imsemmija fit-tieni u fit-tielet domanda preliminari, japplikaw ukoll għal sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha huma limitati ġewwa Stat Membru wieħed biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, Kirschstein, C‑393/17, EU:C:2019:563, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali, mill-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-talba għal domanda preliminari għandu jkun fiha espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33

Issa, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma osservatx dan l-obbligu, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-punt 26 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013, imsemmi fit-tieni parti tal-ewwel domanda. Fil-fatt, dik il-qorti bl-ebda mod ma spjegat liema rabta hija tistabbilixxi bejn din id-dispożizzjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.

34

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-kunċett ta’ “istituzzjoni finanzjarja” huwa ddefinit fil-punt 26 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013 għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, li, kif jistabbilixxi l-Artikolu 1 tiegħu, jistabbilixxi regoli uniformi dwar ir-rekwiżiti prudenzjali ġenerali li għandhom josservaw l-istituzzjonijiet kollha li huma s-suġġett ta’ sorveljanza bis-saħħa tad-Direttiva 2013/36. Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-kawża prinċipali tikkonċerna l-osservanza ta’ tali rekwiżiti.

35

Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-ewwel domanda hija inammissibbli.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel parti tal‑ewwel domanda

36

Preliminarjament, sa fejn il-formulazzjoni tal-ewwel parti tal-ewwel domanda tirreferi għas-“servizzi ta’ lokazzjoni operattiva u/jew is-servizzi ta’ kiri fit-tul ta’ vetturi bil-mutur”, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-dritt nazzjonali jagħmel distinzjoni bejn lokazzjoni operattiva u lokazzjoni finanzjarja. B’differenza minn dan tal-aħħar, il-lokazzjoni operattiva tikkostitwixxi forma speċifika ta’ kiri ta’ vetturi bil-mutur, ikkaratterizzata mill-fatt li l-lokatur jakkwista oġġett mikri fuq talba tal-lokatarju u bl-għan li jikri lil dan tal-aħħar, permezz tal-ħlas ta’ remunerazzjonijiet, li ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-valur totali tal-imsemmi oġġett, peress li l-ispiża ta’ deprezzament tiegħu ma hijiex sostnuta mil-lokatarju, li lanqas ma għandu għażla ta’ xiri fi tmiem il-perijodu ta’ kiri.

37

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2006/123 għandux jiġi interpretat fis-sens li s-servizzi pprovduti taħt kuntratt ta’ kiri għal żmien twil ta’ vetturi bil-mutur akkwistati mil-lokatur fuq talba tal-lokatarju bl-għan li jinkrew lil dan tal-aħħar permezz tal-ħlas ta’ remunerazzjonijiet jikkostitwixxu “servizzi finanzjarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

38

Mill-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2006/123 jirriżulta li din ma tapplikax għas-servizzi finanzjarji bħal dawk relatati b’mod partikolari mal-kreditu, inklużi s-servizzi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2006/48.

39

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “servizzi finanzjarji”, għandu jiġi rrilevat li dan ma huwa ddefinit la f’din id-direttiva u lanqas, b’mod indirett, permezz ta’ riferiment għad-drittijiet nazzjonali tal-Istati Membri. Għalhekk, dan il-kunċett għandu jitqies li huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2006/123, iżda wkoll il-kuntest li fih tinsab din id-dispożizzjoni u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, EUROAPTIEKA, C‑530/20, EU:C:2022:1014, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

L-ewwel, sa fejn l-imsemmija dispożizzjoni ssemmi, fost l-eżempji li hija telenka, is-servizzi li jirrigwardaw il-kreditu, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2006/123 ma tinkludix definizzjoni tat-terminu “kreditu”. Madankollu, fil-lingwaġġ ġuridiku kurrenti, dan it-terminu jirreferi għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ somma flus jew ta’ termini jew ta’ faċilitajiet ta’ ħlas mill-persuna li ssellef lil min jissellef għal finijiet ta’ finanzjament jew ta’ ħlas iddifferit, b’tali mod li kuntratt ta’ kreditu għandu jitqies bħala kuntratt li permezz tiegħu kreditur jagħti jew jimpenja ruħu li jagħti lil konsumatur kreditu fil-forma ta’ ħlas differit, ta’ self jew ta’ kwalunkwe faċilità oħra ta’ ħlas simili (sentenza tal-lum, BMW et, C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, punt 144).

41

Minn dan isegwi li kuntratt ta’ servizz finanzjarju relatat mal-kreditu huwa kkaratterizzat mill-fatt li huwa jagħmel parti minn loġika ta’ finanzjament jew ta’ ħlas iddifferit, bl-għajnuna ta’ fondi jew ta’ termini jew ta’ faċilitajiet ta’ ħlas imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-konsumatur mill-professjonist għal dan l-għan (sentenza tal-lum, BMW et, C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, punt 145).

42

Sabiex jiġi ddeterminat jekk kuntratt ta’ kiri għal żmien twil ta’ vettura bil-mutur jirrigwardax il-kreditu u, għaldaqstant, jirrigwardax il-provvista ta’ servizzi finanzjarji, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2006/123, għandu jsir riferiment għall-għan prinċipali tiegħu, b’mod li jiġi vverifikat jekk l-element relatat mal-kreditu jipprevalix fuq l-element relatat mal-kiri jew jekk huwiex bil-kontra (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-lum, BMW et, C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, punt 147).

43

Għalhekk, kuntratt ta’ kiri ta’ vettura għal żmien twil li fil-kuntest tiegħu l-konsumatur għandu jħallas kera għad-dritt li juża l-vettura ma jistax jiġi kklassifikat bħala “kuntratt ta’ servizz finanzjarju”, sakemm ma jkunx akkumpanjat minn obbligu ta’ xiri tal-vettura fi tmiem il-perijodu ta’ lokazzjoni, sakemm il-konsumatur ma jkollux iħallas id-deprezzament sħiħ tal-ispejjeż sostnuti mill-fornitur tal-vettura għax-xiri tagħha u sakemm ma jsostnix ir-riskji marbuta mal-valur residwu tal-vettura mal-iskadenza tal-kuntratt. L-obbligu għall-konsumatur li jikkumpensa t-telf fil-valur tal-vettura jekk jiġi kkonstatat, mar-restituzzjoni tagħha, li l-istat tagħha ma jikkorrispondix mal-età tagħha jew li l-kilometraġġ massimu miftiehem inqabeż lanqas ma jippermetti li ssir distinzjoni bejn dawn it-tipi ta’ kuntratti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-lum, BMW et, C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, punti 148 u 149).

44

It-tieni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-Anness I tad-Direttiva 2013/36, li għalih jirreferi l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2006/123. Dan l-Anness I isemmi, fil-punt 3 tiegħu, fost is-servizzi finanzjarji, il-“[l]easing finanzjarju”.

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2013/36 la tiddefinixxi l-kunċett ta’ “leasing” u lanqas ma tirreferi għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens jew il-portata ta’ dan il-kunċett. Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, l-imsemmi kunċett għandu jitqies li huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar. Minn dan isegwi li s-sempliċi fatt li kuntratt ta’ kiri għal żmien twil ta’ vettura bil-mutur ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “lokazzjoni finanzjarja”, fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jeskludix, waħdu, li dan il-kuntratt jikkostitwixxi kuntratt ta’ leasing, fis-sens tal-punt 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2013/36 u jkopri, għalhekk, il-provvista ta’ servizzi finanzjarji, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2006/123.

46

Il-kunċett ta’ “leasing”, kif jinsab fil-punt 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2013/36 għandu, għaldaqstant, jiġi interpretat billi jittieħed inkunsiderazzjoni s-sens ta’ dan it-terminu fil-lingwaġġ ġuridiku kurrenti, li fih il-kunċett ta’ “kuntratt ta’ leasing” ikopri kuntratt li permezz tiegħu waħda mill-partijiet tagħti kreditu lill-parti l-oħra sabiex tiffinanzja l-użu tal-kiri ta’ oġġett li hija tibqa’ l-proprjetarja tiegħu u li l-parti l-oħra tista’, fi tmiem il-kuntratt, tagħti lura jew tixtri, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-maġġoranza tal-vantaġġi u tar-riskji inerenti għall-proprjetà legali huma ttrasferiti lil din il-parti l-oħra matul il-perijodu kollu tal-kuntratt (sentenza tal-lum, BMW et, C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, punt 134 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47

It-tielet, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2006/123, għandha tissemma l-premessa 33 ta’ din id-direttiva, li minnha jirriżulta li l-kiri ta’ vetturi bil-mutur jikkostitwixxi servizz li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva u ma jistax, għaldaqstant, jiġi kklassifikat bħala “servizz finanzjarju”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tal-istess direttiva.

48

Ir-raba’, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mill-esklużjoni tas-servizzi finanzjarji mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 skont l-Artikolu 2(2)(b) tagħha, mill-premessa 18 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-imsemmija esklużjoni hija ġġustifikata mill-fatt li tali attivitajiet huma s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni. Kif jirriżulta mid-Direttiva 2013/36 u mir-Regolament Nru 575/2013, li jagħmlu parti minn din il-leġiżlazzjoni speċifika, din tal-aħħar tipprevedi s-sorveljanza tal-provvista ta’ servizzi finanzjarji minn ċerti tipi ta’ istituzzjonijiet u tistabbilixxi rekwiżiti prudenzjali li dawn l-istituzzjonijiet għandhom jissodisfaw.

49

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-lokazzjoni, operattiva jew finanzjarja, hija differenti, fid-dritt nazzjonali, minn sempliċi kuntratt ta’ kiri għal żmien twil minħabba l-fatt li l-lokatur ma huwiex il-proprjetarju oriġinali tal-oġġett mikri, iżda jiksibha fuq talba tal-lokatarju, preċiżament sabiex jikrih lil dan tal-aħħar.

50

Huwa minnu li, fil-kuntest ta’ tranżazzjoni ta’ leasing, il-persuna li tagħti l-leasing takkwista l-proprjetà ta’ oġġett, u wara tikri lill-persuna li tieħu l-leasing, filwaqt li r-remunerazzjonijiet dovuti skont il-kuntratt ta’ leasing iservu sabiex jiġu rrimborsati l-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni mill-persuna li tagħti l-leasing.

51

Madankollu, ma jistax jiġi preżunt li kull kuntratt ta’ kiri għal żmien twil ta’ vettura bil-mutur li l-lokatur ikun akkwista fuq talba tal-lokatarju sabiex jikri lil dan tal-aħħar jikkostitwixxi neċessarjament kuntratt ta’ leasing, li għandu bħala suġġett il-provvista ta’ “servizz finanzjarju”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2006/123. Fil-fatt, l-akkwist tal-vettura mil-lokatur fuq talba speċifika tal-klijent tiegħu ma għandux, huwa nnifsu, effett fuq il-punt dwar jekk is-servizzi pprovduti taħt dan il-kuntratt jissodisfawx xi wieħed mill-kriterji rilevanti elenkati fil-punt 43 ta’ din is-sentenza sabiex jiġu kklassifikati bħala “servizzi finanzjarji”.

52

Barra minn hekk, fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi enfasizzat li l-assenza ta’ għażla ta’ xiri fil-kuntratt ta’ kiri għal żmien twil ta’ vettura ma tistax titqies li hija, waħedha, suffiċjenti sabiex jitqies li s-servizzi pprovduti fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt ma humiex ta’ natura finanzjarja.

53

Fil-fatt, skont in-natura tal-oġġett mikri u r-rata ta’ deprezzament tiegħu, huwa possibbli li, wara kiri għal żmien twil dan l-oġġett ikun tilef kważi l-valur kollu tiegħu, b’tali mod li l-lokatarju ma jkollu l-ebda interess li jsir il-proprjetarju tiegħu.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel parti tal-ewwel domanda hija li l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizzi pprovduti taħt kuntratt ta’ kiri għal żmien twil ta’ vetturi bil-mutur akkwistati mil-lokatur fuq talba tal-lokatarju bl-għan li jinkrew lil dan tal-aħħar permezz tal-ħlas ta’ remunerazzjonijiet ma jikkostitwixxux “servizzi finanzjarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm:

il-kuntratt ta’ kiri ma jkunx akkumpanjat minn obbligu ta’ xiri tal-vettura fi tmiem il-perijodu ta’ kiri,

ir-remunerazzjonijiet imħallsa skont dan il-kuntratt mil-lokatarju ma jkunux intiżi sabiex jippermettu lil-lokatur iħallas lura kompletament l-ispejjeż sostnuti minn dan tal-aħħar għall-akkwist tal-vettura jew

l-imsemmi kuntratt ma jinvolvix it-trasferiment tar-riskji marbuta mal-valur residwu tal-vettura mal-iskadenza tal-istess kuntratt.

Fuq it‑tieni domanda

55

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li kull miżura nazzjonali f’qasam li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni kompleta fil-livell tal-Unjoni għandha tiġi evalwata mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, iżda fid-dawl ta’ dawk ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva 2006/123 iwettqu armonizzazzjoni eżawrjenti fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et, C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558, punti 5961). F’dawn iċ-ċirkustanzi u kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-tieni domanda għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta’ din id-direttiva, mingħajr ma huwa neċessarju li jsir riferiment għall-Artikolu 49 TFUE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment.

56

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1) kif ukoll l-Artikolu 10(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tistabbilixxi skema ta’ awtorizzazzjoni, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, għall-provvista ta’ servizzi ta’ kiri għal żmien twil ta’ vetturi bil-mutur u tawtorizza lill-awtorità nazzjonali inkarigata mill-ġestjoni ta’ din l-iskema li timponi rekwiżiti u restrizzjonijiet fuq l-impriżi li jipprovdu tali servizzi.

57

Għandu jiġi ppreċiżat, qabel kollox, li, kif tikkonferma l-formulazzjoni tagħha, it-tieni domanda tirrigwarda l-provvista ta’ servizzi ta’ kiri għal żmien twil ta’ vetturi bil-mutur u mhux is-servizzi finanzjarji pprovduti taħt kuntratt relatat ma’ tali kiri. Dawn l-aħħar servizzi huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123, skont l-Artikolu 2(2)(b) tagħha.

58

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/123, l-Istati Membri ma għandhomx jissuġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għal skema ta’ awtorizzazzjoni ħlief jekk din l-iskema ma tkunx diskriminatorja, jekk tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku u jekk l-għan li għandu jintlaħaq ma jistax jinkiseb b’miżura inqas ristrettiva, b’mod partikolari peress li spezzjoni a posteriori sseħħ tard wisq sabiex tkun ġenwinament effettiva.

59

F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-imsemmija kundizzjonijiet humiex issodisfatti fir-rigward tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din tirrigwarda l-provvista ta’ servizzi ta’ kiri għal żmien twil ta’ vetturi li ma jikkostitwixxux servizz finanzjarju.

60

Sabiex il-qorti tar-rinviju tiġi ggwidata fl-evalwazzjoni tagħha, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li, kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludi l-ebda element li jagħti x’jifhem li l-iskema inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija diskriminatorja fir-rigward ta’ Autotechnica. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq, jekk ikun il-każ, il-verifiki neċessarji.

61

It-tieni, fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Aġenzija u l-Gvern Kroat sostnew li l-iskema ta’ awtorizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ssegwi għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Kif jirriżulta mill-punt 8 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123, il-protezzjoni tal-konsumaturi tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, li tista’ tiġi invokata sabiex tiġġustifika skema ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva.

62

Xorta jibqa’ l-fatt li ma jidhirx li d-dritt Kroat jissuġġetta l-eżerċizzju ta’ attivitajiet analogi għall-kiri ta’ vetturi bil-mutur għal żmien twil, b’mod partikolari l-kiri għal żmien qasir ta’ tali vetturi, għal skema ta’ awtorizzazzjoni. Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li la l-Aġenzija u lanqas il-Gvern Kroat ma invokaw, fl-osservazzjonijiet tagħhom, raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw dan it-trattament partikolari biss għas-servizzi ta’ kiri ta’ vetturi bil-mutur għal żmien twil.

63

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-iskema ta’ awtorizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġestita mill-Aġenzija, li, skont id-dritt nazzjonali, hija awtorizzata tissorvelja l-attivitajiet finanzjarji. Issa, l-Aġenzija u l-Gvern Kroat lanqas ma ressqu, fl-osservazzjonijiet tagħhom, raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw il-ġestjoni ta’ skema ta’ awtorizzazzjoni li tkopri l-provvista ta’ servizzi mhux finanzjarji minn tali awtorità nazzjonali.

64

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistħarreġ, fid-dawl tal-fatt li l-iskema ta’ awtorizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkopri biss is-servizzi ta’ kiri ta’ vetturi bil-mutur għal żmien twil u mhux servizzi oħra analogi, kif ukoll tal-fatt li din l-iskema hija ġestita minn awtorità nazzjonali inkarigata mis-sorveljanza tas-servizzi finanzjarji, jekk l-imsemmija skema tistax titqies li hija ġġustifikata mit-tfittxija tal-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

65

It-tielet, anki jekk jitqies li dan huwa l-każ, ikun għadu neċessarju li jiġi vverifikat jekk, kif jeżiġi l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/123, moqri fid-dawl tal-premessa 54 tagħha, l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi jistax jintlaħaq f’dan il-każ permezz ta’ miżura inqas restrittiva, bħal spezzjonijiet perijodiċi regolari tal-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ kiri ta’ vetturi bil-mutur għal żmien twil.

66

Ir-raba’, jekk jirriżulta li l-iskema ta’ awtorizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/123, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, kif jeżiġi l-Artikolu 10(1) u (2) ta’ din id-direttiva, din l-iskema hijiex ibbażata fuq kriterji li jirregolaw l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-awtorità kompetenti għall-ġestjoni tagħha, f’dan il-każ l-Aġenzija, li huma ċari u mhux ambigwi, trasparenti u aċċessibbli, magħmula pubbliċi minn qabel, oġġettivi, nondiskriminatorji, iġġustifikati minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, bħall-protezzjoni tal-konsumaturi invokata mill-Aġenzija u mill-Gvern Kroat, u proporzjonati għal dan l-għan.

67

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 9(1) kif ukoll l-Artikolu 10(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, minn naħa, tistabbilixxi skema ta’ awtorizzazzjoni, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, għall-provvista ta’ servizzi ta’ kiri għal żmien twil ta’ vetturi bil-mutur fil-kuntest ta’ kuntratt li ma jirrigwardax il-provvista ta’ servizzi finanzjarji, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tal-imsemmija direttiva, u li, min-naħa l-oħra, tawtorizza lill-awtorità nazzjonali inkarigata mill-ġestjoni ta’ din l-iskema li timponi rekwiżiti u restrizzjonijiet fuq l-impriżi li jipprovdu tali servizzi, sakemm l-imsemmija skema ma tissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 9(1) u fl-Artikolu 10(1) u (2) tal-istess direttiva.

Fuq it‑tielet domanda

68

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost fil-punt 55 ta’ din is-sentenza u tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda, peress li din tirrigwarda sitwazzjoni transkonfinali li taqa’ taħt l-Artikolu 49 TFUE.

Fuq l‑ispejjeż

69

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

is-servizzi pprovduti taħt kuntratt ta’ kiri għal żmien twil ta’ vetturi bil-mutur akkwistati mil-lokatur fuq talba tal-lokatarju bl-għan li jinkrew lil dan tal-aħħar permezz tal-ħlas ta’ remunerazzjonijiet ma jikkostitwixxux “servizzi finanzjarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm:

il-kuntratt ta’ kiri ma jkunx akkumpanjat minn obbligu ta’ xiri tal-vettura fi tmiem il-perijodu ta’ kiri,

ir-remunerazzjonijiet imħallsa skont dan il-kuntratt mil-lokatarju ma jkunux intiżi sabiex jippermettu lil-lokatur iħallas lura kompletament l-ispejjeż sostnuti minn dan tal-aħħar għall-akkwist tal-vettura jew

l-imsemmi kuntratt ma jinvolvix it-trasferiment tar-riskji marbuta mal-valur residwu tal-vettura mal-iskadenza tal-istess kuntratt.

 

2)

L-Artikolu 9(1) kif ukoll l-Artikolu 10(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, minn naħa, tistabbilixxi skema ta’ awtorizzazzjoni, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, għall-provvista ta’ servizzi ta’ kiri għal żmien twil ta’ vetturi bil-mutur fil-kuntest ta’ kuntratt li ma jirrigwardax il-provvista ta’ servizzi finanzjarji, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tal-imsemmija direttiva, u li, min-naħa l-oħra, tawtorizza lill-awtorità nazzjonali inkarigata mill-ġestjoni ta’ din l-iskema li timponi rekwiżiti u restrizzjonijiet fuq l-impriżi li jipprovdu tali servizzi, sakemm l-imsemmija skema ma tissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 9(1) u fl-Artikolu 10(1) u (2) tal-istess direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Kroat.