Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
25 ta’ April 2024 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 49 u 54 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Kumpannija stabbilita fi Stat Membru iżda li teżerċita l-attivitajiet tagħha fi Stat Membru ieħor – Funzjonament u ġestjoni tal-kumpannija – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat Membru li fih kumpannija teżerċita l-attivitajiet tagħha – Restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment – Ġustifikazzjoni – Protezzjoni tal-interessi tal-kredituri, tal-azzjonisti minoritarji u tal-impjegati – Ġlieda kontra l-prattiki abbużivi u l-arranġamenti artifiċjali – Proporzjonalità”
Fil-Kawża C‑276/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ April 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ April 2022, fil-proċedura
Edil Work 2 Srl,
S.T. Srl
vs
STE Sàrl,
fil-preżenza ta’:
CM,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Lulju 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Edil Work 2 Srl u S.T. Srl, minn R. Vaccarella, avvocato,
– għal STE Sàrl, minn A. Pontecorvo u P. Sammarco, avvocati,
– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Meloncelli, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, L. Malferrari u M. Mataija, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Ottubru 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 54 TFUE.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Edil Work 2 Srl u S.T. Srl u, min-naħa l-oħra, STE Sàrl dwar il-legalità tat-trasferiment tas-sjieda tal-kumpless ta’ proprjetà immobbli bl-isem ta’ Castello di Tor Crescenza (iktar ’il quddiem il-“Kastell”) favur l-ewwel żewġ kumpanniji.
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 Il-premessa 2 tad-Direttiva (UE) 2019/2121 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 fir-rigward ta’ konverżjonijiet, mergers u diviżjonijiet transkonfinali (ĠU 2019, L 321, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 20, p. 24), tgħid li:
“Il-libertà tal-istabbiliment hija wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Unjoni. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 49 [TFUE], meta moqri flimkien mal-Artikolu 54 [TFUE], il-libertà tal-istabbiliment għall-kumpaniji jew għad-ditti tinkludi, fost l-oħrajn, id-dritt li jiffurmaw u jiġġestixxu tali kumpaniji jew ditti taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-istabbiliment. Dan ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jinkludi d-dritt ta’ kumpanija jew ditta ffurmata f’konformità mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tikkonverti lilha nfisha f’kumpanija jew ditta regolata bil-liġi ta’ Stat Membru ieħor, dment li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor u, b’mod partikolari, li jkun sodisfatt it-test adottat mill-Istat imsemmi l-aħħar għad-determinazzjoni tal-konnessjoni ta’ kumpanija jew ditta mas-sistema ġuridika nazzjonali tiegħu.”
Id‑dritt Taljan
4 L-Artikolu 25 tal-legge n. 218 – Riforma del sistema italiano di diritto internazionale privato (il-Liġi Nru 218, li Tirriforma s-Sistema Taljana tad-Dritt Internazzjonali Privat), tal‑31 ta’ Mejju 1995 (GURI Nru 128, tat‑3 ta’ Ġunju 1995, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 218/1995”), jipprevedi li:
“1. Il-kumpanniji, l-assoċjazzjonijiet, il-fondazzjonijiet u kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra, anki jekk ma jkunux assoċjati, għandhom ikunu rregolati mid-dritt tal-Istat li fit-territorju tiegħu tkun ġiet konkluża l-proċedura ta’ kostituzzjoni relattiva. Madankollu, għandu japplika d-dritt Taljan jekk is-sede tal-amministrazzjoni jinsab fl-Italja jew jekk l-għan prinċipali ta’ dawn l-entitajiet jinsab fl-Italja.
2. Dawn li ġejjin għandhom, b’mod partikolari, jiġu rregolati mil-liġi li tirregola dawn l-entitajiet:
a) in-natura ġuridika;
b) l-isem tal-kummerċ jew l-isem tal-kumpannija;
c) il-kostituzzjoni, il-konverżjoni u x-xoljiment;
d) il-locus standi;
e) il-ħolqien ta’ korpi tal-kumpanniji u l-kompetenzi u l-proċeduri ta’ operazzjoni tagħhom;
f) ir-rappreżentanza tal-entità;
g) il-proċeduri għall-akkwist u għat-telfien ta’ status ta’ azzjonist, ta’ kollaboratur jew ta’ soċju, u d-drittijiet u l-obbligi inerenti għal dan l-istatus;
h) ir-responsabbiltà għall-obbligi tal-entità;
i) il-konsegwenzi ta’ ksur tal-liġi jew tal-istatut ta’ assoċjazzjoni.
3. It-trasferimenti tas-sede statutorja għal Stat ieħor u l-inkorporazzjonijiet ta’ entitajiet li jkollhom is-sede tagħhom fi Stati differenti, ikollhom effett biss jekk isiru skont il-leġiżlazzjoni ta’ dawn l-Istati.”
5 It-tieni paragrafu tal-Artikolu 2381 tal-Codice civile (il-Kodiċi Ċivili), huwa fformulat kif ġej:
“Jekk l-istatuti ta’ assoċjazzjoni jew il-laqgħa ġenerali jippermettu dan, il-bord tad-diretturi jista’ jiddelega s-setgħat tiegħu lil kumitat eżekuttiv kompost minn xi wħud mill-membri tiegħu, jew lil wieħed jew iktar mill-membri tiegħu.”
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
6 Il-Kastell, li jinsab fl-inħawi ta’ Ruma (l-Italja), kien jikkostitwixxi l-unika proprjetà tal-patrimonju ta’ Agricola Torcrescenza srl, kumpannija li l-attività tagħha kienet tikkonsisti fil-ġestjoni ta’ din il-proprjetà immobbli. Matul l‑2004, l-imsemmija kumpannija, qabelxejn, biddlet isimha, billi saret STA Srl u, sussegwentement, ittrasferixxiet is-sede tagħha lejn il-Lussemburgu, fejn ikkonvertiet ruħha f’kumpannija Lussemburgiża, STE, filwaqt li kompliet topera l-Kastell.
7 Fl‑2010, f’laqgħa ġenerali straordinarja ta’ STE, li saret fil-Lussemburgu, S.B. inħatret bħala amministratriċi unika. F’din l-okkażjoni, S.B. ħatret lil F.F., li la kien azzjonist u lanqas membru tal-bord tad-diretturi ta’ STE, bħala mandatarju ġenerali, billi tatu s-setgħa li jwettaq “l-atti u t-tranżazzjonijiet kollha neċessarji, mingħajr eċċezzjoni jew esklużjoni, b’osservanza tal-limiti tal-għanijiet tal-kumpannija” (iktar ’il quddiem l-“għoti tas-setgħat kontenzjużi”).
8 Fl‑2012, F.F., li aġixxa f’isem u għan-nom ta’ STE, ittrasferixxa s-sjieda tal-Kastell lil S.T., li sussegwentement ittrasferixxietha lil Edil Work 2. Fl‑2013, STE ressqet kawża quddiem it-Tribunale di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma, l-Italja) kontra S.T. u Edil Work 2 sabiex tikseb l-annullament taż-żewġ trasferimenti tas-sjieda tal-Kastell, għar-raġuni li l-għoti tas-setgħat kontenzjużi kien, skont id-dritt Taljan, illegali.
9 Peress li qieset li din l-attribuzzjoni kienet regolari, it-Tribunale di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma) ċaħdet ir-rikors. Peress li s-sentenza ta’ din il-qorti ġiet mibdula mill-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma, l-Italja), Edil Work 2 u S.T. ippreżentaw appell quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju.
10 Din il-qorti tosserva li mill-Artikolu 25(3) tal-Liġi Nru 218/1995 jirriżulta li d-dritt Taljan jawtorizza l-konverżjoni, imwettqa permezz tat-trasferiment tas-sede fi Stat Membru ieħor, ta’ kumpanniji Taljani f’kumpanniji barranin, bil-kundizzjoni li t-trasferiment ikun validu kemm fl-Istat Membru ta’ oriġini kif ukoll fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.
11 Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-kostituzzjoni ta’ STE bħala kumpannija Lussemburgiża timplikax l-issuġġettar tal-atti ta’ ġestjoni ta’ din il-kumpannija, li madankollu żammet iċ-ċentru tal-attivitajiet tagħha fl-Italja, għal-liġi Lussemburgiża.
12 F’dan ir-rigward, din il-qorti tirrileva, minn naħa, li l-kriterju ġenerali li jippermetti li tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għall-għoti tas-setgħat kontenzjużi huwa, fis-sens tal-Artikolu 25(1) tal-Liġi Nru 218/1995, dak tal-post fejn il-kumpannija ġiet ikkostitwita.
13 Issa, skont it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, il-liġi Taljana tapplika għall-kumpanniji li l-“għan prinċipali” tagħhom jinsab fl-Italja. Sa fejn iċ-ċentru ta’ attività ta’ STE, jiġifieri l-Kastell, li huwa l-uniku attiv tagħha, jinsab fl-Italja, il-liġi applikabbli għall-għoti tas-setgħat kontenzjużi hija l-liġi Taljana.
14 Issa, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2381 tal-Kodiċi Ċivili, il-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata jista’ jiddelega s-setgħat tiegħu biss lill-membri ta’ dan il-bord. Għalhekk, l-għoti ta’ dawn is-setgħat lil parti terza għall-kumpannija huwa illegali.
15 Il-qorti tar-rinviju tosserva, min-naħa l-oħra, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-libertà ta’ stabbiliment tinkludi d-dritt għal kumpannija kkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru li tikkonverti ruħha f’kumpannija ta’ Stat Membru ieħor, sakemm il-kundizzjonijiet previsti mid-dritt ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor ikunu ssodisfatti u, b’mod partikolari, sakemm il-kriterju ta’ rabta stabbilit minn dan tal-aħħar ikun issodisfatt. Minn dan isegwi li l-fatt li hija biss is-sede statutorja li tiġi ttrasferita, u mhux l-amministrazzjoni ċentrali jew l-istabbiliment prinċipali, ma jeskludix fih innifsu l-applikabbiltà tal-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE.
16 Barra minn hekk, skont din id-dispożizzjoni, il-libertà ta’ stabbiliment tinkludi mhux biss il-kostituzzjoni iżda wkoll il-“ġestjoni ta’ impriżi”. L-attivitajiet ta’ ġestjoni għandhom isiru, skont il-premessa 2 tad-Direttiva 2019/2121, fil-kundizzjonijiet iddefiniti mid-dritt tal-Istat Membru ta’ stabbiliment, jiġifieri, f’dan il-każ, il-Lussemburgu.
17 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikoli 49 u 54 [TFUE] jipprekludu li Stat Membru, li fih kumpannija (kumpannija b’responsabbiltà limitata) ġiet oriġinarjament ikkostitwita, japplika fil-konfront tagħha d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tiegħu dwar il-funzjonament u l-ġestjoni tal-kumpannija fil-każ fejn il-kumpannija, wara li ttrasferiet is-sede prinċipali tagħha u ġiet ikkostitwita mill-ġdid skont id-dritt ta’ Stat Membru ta’ destinazzjoni, iżżomm iċ-ċentru tal-attivitajiet tagħha fl-Istat Membru tat-tluq u fejn l-att ta’ ġestjoni inkwistjoni għandu effett determinanti fuq l-attività tal-kumpannija?”
Fuq id‑domanda preliminari
18 Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Minn din il-perspettiva, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-obbligu li tifformula mill-ġdid id-domanda li tkun saritilha. Għal dawn il-finijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Wild fil-ġuf fil-mument tal-applikazzjoni għall-ażil), C‑745/21, EU:C:2023:113, punt 43).
19 F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikoli 49 u 54 TFUE jipprekludux li l-atti ta’ ġestjoni ta’ kumpannija li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ STE jkunu rregolati mid-dritt Taljan, b’riferiment għall-fatt li din il-kumpannija ġiet ikkostitwita bħala kumpannija ta’ Stat Membru, jiġifieri r-Repubblika Taljana, u li hija sussegwentement ittrasferixxiet is-sede tagħha u ġiet ikkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru ieħor, jiġifieri l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, filwaqt li żammet iċ-ċentru tal-attivitajiet tagħha fl-ewwel Stat Membru.
20 Issa, mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika, jirriżulta li ebda restrizzjoni ma ġiet imposta waqt dan it-trasferiment u waqt din il-konverżjoni tal-kumpannija.
21 Peress li t-trasferiment tas-sede u l-konverżjoni tal-kumpannija Taljana STA fil-kumpannija Lussemburgiża STE ma jifformawx parti miċ-ċirkustanzi rilevanti sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, id-domanda preliminari għandha tiġi rriformulata fis-sens li din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 49 u 54 TFUE jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi, b’mod ġenerali, l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha għall-atti ta’ ġestjoni ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor iżda li teżerċita l-parti prinċipali tal-attivitajiet tagħha fl-ewwel Stat Membru.
22 F’dan ir-rigward, għandu, fl-ewwel lok, jiġi ddeterminat jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-libertà ta’ stabbiliment.
23 L-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 54 TFUE, jagħti l-benefiċċju tal-libertà ta’ stabbiliment lill-kumpanniji kkostitwiti konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkollhom is-sede statutorja, l-amministrazzjoni ċentrali jew l-istabbiliment prinċipali tagħhom ġewwa l-Unjoni Ewropea (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 32).
24 Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 54 TFUE, il-libertà ta’ stabbiliment għall-kumpanniji msemmija f’dan l-aħħar artikolu tinkludi, b’mod partikolari, il-kostituzzjoni u l-ġestjoni ta’ dawn il-kumpanniji taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-kumpanniji lokali mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ stabbiliment (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 32).
25 Barra minn hekk, l-imsemmija kumpanniji għandhom id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fi Stat Membru ieħor, peress li l-post tas-sede statutorja, tal-amministrazzjoni ċentrali jew tal-istabbiliment prinċipali tagħhom iservi sabiex tiġi ddeterminata, bħan-nazzjonalità tal-persuni fiżiċi, ir-rabta tagħhom mal-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2002, Überseering, C‑208/00, EU:C:2002:632, punt 57).
26 Fl-assenza ta’ uniformità fid-dritt tal-Unjoni, id-definizzjoni tar-rabta li tiddetermina d-dritt nazzjonali applikabbli għal kumpannija taqa’, skont l-Artikolu 54 TFUE, taħt il-kompetenza ta’ kull Stat Membru, peress li dan l-artikolu qiegħed fuq l-istess livell is-sede statutorja, l-amministrazzjoni ċentrali u l-istabbiliment prinċipali ta’ kumpannija bħala kriterju ta’ tali rabta (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 34).
27 F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, l-ewwel nett, li STE ġiet ikkostitwita fl‑2004 bħala kumpannija Lussemburgiża, it-tieni nett, li din il-kumpannija għandha s-sede statutorja tagħha fil-Lussemburgu u, it-tielet nett, li hija teżerċita l-parti prinċipali tal-attivitajiet tagħha fi Stat Membru ieħor, jiġifieri r-Repubblika Taljana.
28 Fid-dawl tal-ġurisprudenza li tinsab fil-punti 23 sa 26 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li s-sitwazzjoni ta’ din il-kumpannija u, b’mod partikolari, l-atti ta’ ġestjoni li hija tadotta fir-rigward tal-attivitajiet li hija teżerċita fl-Italja, jaqgħu taħt il-libertà ta’ stabbiliment.
29 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ddeterminat, fit-tieni lok, jekk il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tiegħu għall-atti ta’ ġestjoni ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, minħabba li din il-kumpannija teżerċita l-parti prinċipali tal-attivitajiet tagħha fl-ewwel Stat Membru, tikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment.
30 Għandhom jitqiesu li huma restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment, fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE, il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France, C‑442/02, EU:C:2004:586, punt 11, u tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 46).
31 Issa, għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jeżerċitaw il-parti prinċipali tal-attivitajiet tagħhom fl-ewwel Stat Membru għandhom josservaw, fil-kuntest tat-twettiq tal-atti ta’ ġestjoni tagħhom, minbarra l-obbligi li jirriżultaw, jekk ikun il-każ, mid-dritt tal-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħhom, id-dritt tal-ewwel Stat Membru, tista’ tirrendi iktar diffiċli l-ġestjoni ta’ tali kumpanniji, peress li tista’ tobbligahom jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti imposti minn dawn iż-żewġ settijiet normattivi.
32 Minn dan isegwi li tali leġiżlazzjoni tista’ tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment u tikkostitwixxi, konsegwentement, ostakolu għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment.
33 F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li STE hija kumpannija rregolata mid-dritt Lussemburgiż, li s-sede statutorja tagħha tinsab fil-Lussemburgu. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li, fir-rigward tal-atti ta’ ġestjoni tagħha, l-applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 25(1) tal-Liġi Nru 218/1995, tissuġġetta lil din il-kumpannija għad-dritt Taljan, għas-sempliċi raġuni li hija teżerċita l-parti prinċipali tal-attivitajiet tagħha fl-Italja.
34 F’dawn iċ-ċirkustanzi, kumpannija li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ STE tista’ tiġi suġġetta, b’mod kumulattiv, kemm għad-dritt Lussemburgiż kif ukoll għad-dritt Taljan. Issa, tali applikazzjoni kumulattiva tad-dritt ta’ żewġ Stati Membri tista’ tirrendi iktar diffiċli l-ġestjoni ta’ din il-kumpannija.
35 Għaldaqstant, għandu jiġi analizzat, fit-tielet lok, jekk restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment li tirriżulta minn leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax madankollu tkun iġġustifikata.
36 Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi aċċettata biss jekk tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Jeħtieġ ukoll li din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan inkwistjoni u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C‑446/03, EU:C:2005:763, punt 35, u tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 52).
37 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-qorti tar-rinviju ma tindikax ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment li tinvolvi l-applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 25(1) tal-Liġi Nru 218/1995 għall-atti ta’ ġestjoni ta’ kumpannija validament ikkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru ieħor u li teżerċita l-parti prinċipali tal-attivitajiet tagħha fit-territorju Taljan. Tali indikazzjonijiet lanqas ma jirriżultaw mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas minn dik tal-Artikolu 2381 tal-Kodiċi Ċivili.
38 Min-naħa l-oħra, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Taljan jirriżulta, l-ewwel nett, li r-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment inkwistjoni hija ġġustifikata mill-għan tal-protezzjoni tal-azzjonisti, tal-kredituri, tal-impjegati u ta’ terzi.
39 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-protezzjoni tal-interessi tal-kredituri, tal-ħaddiema u tal-azzjonisti minoritarji tinsab fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
40 Għalhekk, l-Artikoli 49 u 54 TFUE ma jipprekludux, bħala prinċipju, miżuri ta’ Stat Membru intiżi sabiex l-interessi tal-kredituri, tal-azzjonisti minoritarji kif ukoll tal-ħaddiema ta’ kumpannija li tkun ġiet ikkostitwita konformement mad-dritt ta’ Stat Membru ieħor iżda li teżerċita l-parti prinċipali tal-attivitajiet tagħha fit-territorju nazzjonali ma jkunux indebitament affettwati.
41 Madankollu, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, ir-restrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tal-kredituri, tal-azzjonisti minoritarji kif ukoll tal-ħaddiema u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.
42 Issa, li kieku t-tieni sentenza tal-Artikolu 25(1) tal-Liġi Nru 218/1995 kellha tiġi interpretata fis-sens li timplika li kull att ta’ ġestjoni ta’ kumpannija validament ikkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru ieħor iżda li teżerċita l-parti prinċipali tal-attivitajiet tagħha fl-Italja għandu jkun suġġett għal-leġiżlazzjoni Taljana, ma jkunx possibbli li tiġi vverifikata l-eżistenza, f’każ konkret, ta’ riskju ta’ preġudizzju għall-interessi tal-kredituri, tal-azzjonisti minoritarji jew tal-ħaddiema. Fil-fatt, għandu jiġi ppreċiżat li tali riskju jista’ jiddependi, b’mod partikolari, mit-tip ta’ att adottat u jvarja skont il-kompożizzjoni tal-azzjonisti tal-kumpannija inkwistjoni. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn il-kumpannija inkwistjoni ġiet ikkostitwita setgħet ħadet inkunsiderazzjoni l-interessi msemmija iktar ’il fuq, liema ċirkustanza l-applikazzjoni awtomatika tal-leġiżlazzjoni Taljana ma tippermettix li tittieħed inkunsiderazzjoni.
43 F’dawn iċ-ċirkustanzi, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi msemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza.
44 It-tieni nett, il-Gvern Taljan isostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija intiża għall-ġlieda kontra l-prattiki abbużivi, billi tostakola aġir li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ arranġamenti purament artifiċjali, li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika.
45 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, ċertament, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jadottaw kull miżura sabiex tiġi evitata jew tiġi ssanzjonata l-frodi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1999, Centros, C‑212/97, EU:C:1999:126, punt 38, u tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 61).
46 Barra minn hekk, il-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u l-frodi tista’ tiġġustifika restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikolu 49 TFUE sakemm l-għan speċifiku ta’ tali restrizzjoni jkun li jiġi ostakolat aġir li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ arranġamenti purament artifiċjali, nieqsa mir-realtà ekonomika, bl-għan li tiġi evaża t-taxxa normalment dovuta fuq il-profitti ġġenerati minn attivitajiet imwettqa fit-territorju nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C‑196/04, EU:C:2006:544, punt 55, kif ukoll tal‑20 ta’ Jannar 2021, Lexel, C‑484/19, EU:C:2021:34, punt 49).
47 Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li l-fatt li s-sede, statutorja jew reali, ta’ kumpannija tiġi stabbilita konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bil-għan li tibbenefika minn leġiżlazzjoni iktar vantaġġuża ma jikkostitwixxix, fih innifsu, abbuż (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1999, Centros, C‑212/97, EU:C:1999:126, punt 27, u tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 40).
48 Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li kumpannija, filwaqt li jkollha s-sede tagħha fi Stat Membru, teżerċita l-parti prinċipali tal-attivitajiet tagħha fi Stat Membru ieħor, ma jistax jistabbilixxi preżunzjoni ġenerali ta’ frodi u jiġġustifika miżura li tippreġudika l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 63).
49 Issa, f’dan il-każ, jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha tiġi interpretata fis-sens li timponi l-applikazzjoni sistematika tal-liġi Taljana għal kull att ta’ ġestjoni ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor iżda li teżerċita l-parti prinċipali tal-attivitajiet tagħha fl-Italja, din twassal sabiex tiġi stabbilita preżunzjoni li l-aġir ta’ tali kumpannija jkun abbużiv. Tali leġiżlazzjoni, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 47 u 48 ta’ din is-sentenza, hija sproporzjonata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 64).
50 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi, b’mod ġenerali, l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tiegħu għall-atti ta’ ġestjoni ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor iżda li teżerċita l-parti prinċipali tal-attivitajiet tagħha fl-ewwel Stat Membru.
Fuq l‑ispejjeż
51 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi, b’mod ġenerali, l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tiegħu għall-atti ta’ ġestjoni ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor iżda li teżerċita l-parti prinċipali tal-attivitajiet tagħha fl-ewwel Stat Membru.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.