SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

30 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u l-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea– Dritt għal proċess imparzjali – Dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza – Espożizzjoni tal-kuntest fattwali f’talba għal deċiżjoni preliminari f’materji kriminali – Stabbiliment tal-materjalità ta’ ċerti fatti sabiex tkun tista’ titressaq talba għal deċiżjoni preliminari ammissibbli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – Osservanza tal-garanziji proċedurali previsti mid-dritt nazzjonali għas-sentenzi fuq il-mertu”

Fil-Kawża C‑269/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ April 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ April 2022, fil-proċedura

IP,

DD,

ZI,

SS,

HYA

fil-preżenza ta’:

Spetsializirana prokuratura,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn M. Safjan (Relatur), President tal-Awla, N. Piçarra u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal IP, minn H. Georgiev, advokat,

għall-Gvern Elleniku, minn K. Boskovits, A. Magrippi u E. Tsaousi, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Ronkes Agerbeek, M. Wasmeier u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE kif ukoll tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra IP, DD, ZI, SS u HYA minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fi grupp kriminali organizzat.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt Bulgaru

3

In-nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi li kull sentenza fuq il-mertu f’materji kriminali għandha tingħata b’osservanza ta’ diversi garanziji proċedurali. B’mod partikolari, l-Artikoli 247 sa 253 ta’ dan il-kodiċi jimponu li l-prosekutur iressaq akkuża regolari, filwaqt li l-Artikoli 271 sa 310 tal-imsemmi kodiċi jipprovdu li l-provi kollha għandhom jinġabru bil-parteċipazzjoni tad-difiża, li l-partijiet għandhom jinstemgħu, li l-aħħar kelma għandha tingħata lill-imputat, u li s-sentenza għandha tingħata wara deliberazzjoni sigrieta.

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

4

Fid‑19 ta’ Ġunju 2020, l-iSpetsializirana prokuratura (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Speċjalizzat, il-Bulgarija) akkuża lil IP, DD, ZI, SS u HYA li pparteċipaw fi grupp kriminali organizzat intiż, bl-għan ta’ arrikkiment, għat-trasport ġewwa l-fruntieri Bulgari ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz u sabiex jgħinhom illegalment jaqsmu t-territorju Bulgaru kif ukoll jirċievu jew jagħtu tixħim marbut ma’ din l-attività. Fost l-akkużati hemm tliet uffiċjali tal-pulizija tal-fruntieri tal-ajruport ta’ Sofija.

5

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Speċjalizzat isostni li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz ikkonċernati kienu jirrisjedu f’Ċipru li kellhom viżi ta’ studenti u vvjaġġaw bl-ajru minn Ċipru lejn il-Bulgarija. Fil-fehma tiegħu, it-tliet uffiċjali tal-pulizija tal-fruntieri wettqu l-kontrolli mal-wasla tal-imsemmija ċittadini fl-ajruport ta’ Sofija u awtorizzaw id-dħul tagħhom bi ksur tal-obbligi professjonali tagħhom u, b’mod partikolari, tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 245, p. 32).

6

Il-qorti tar-rinviju tispjega li hija għadha ma stabbilixxietx jekk id-dikjarazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Speċjalizzat humiex sostnuti mill-annessi tal-proċess. Minkejja li jeżisti ċertu grad ta’ probabbiltà li dawn id-dikjarazzjonijiet huma fondati, din il-qorti tqis li għandha, wara li tkun ġabret il-provi, tisma’ lill-partijiet u tistabbilixxi l-kuntest fattwali sabiex tkun tista’ tiddetermina jekk, kif jallega l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Speċjalizzat, ir-Regolament 2016/399 setax ġie miksur. Fil-każ li hija tikkonkludi, fi tmiem dan l-eżami, li dan ir-regolament huwa applikabbli, il-qorti tar-rinviju tqis li hija tista’ għalhekk b’mod utli tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament u tat-TrattatFUE.

7

Madankollu, peress li hija mħassba dwar il-fatt li, fil-każ li hija tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja wara li tkun għalhekk iddeterminat il-kuntest fattwali, hija jkollha, skont id-dritt Bulgaru, tastjeni mill-kawża taħt piena ta’ annullament tad-deċiżjoni tagħha li tintervjeni fuq il-mertu, il-qorti tar-rinviju għamlet domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (Kawża C‑609/21) intiża, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix tali regola nazzjonali.

8

Permezz ta’ digriet tal‑25 ta’ Marzu 2022, IP (Stabbiliment tal-materjalità tal-fatti fil-kawża prinċipali), (C‑609/21, mhux ippubblikat, EU:C:2022:232), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 267 TFUE u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 4(3) TUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regola nazzjonali li timponi fuq il-qrati li jiddeċiedu f’materji kriminali, meta jagħtu deċiżjonijiet fuq il-fatti fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li jastjenu mill-kawża taħt piena ta’ annullament tad-deċiżjoni ta’ intervent fuq il-mertu. Il-Qorti tal-Ġustizzja żżid li tali regola għandha tiġi eskluża minn dawn il-qrati kif ukoll minn kull korp awtorizzat li japplikaha.

9

Wara dan id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, billi tistabbilixxi fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-persuna akkużata wettqet ċerti atti, hija tiksirx id-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza msemmi fl-Artikolu 48(1) tal-Karta u jekk id-deċiżjoni tagħha li tintervjeni fuq il-mertu wara r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tistax tikser id-dritt għal proċess imparzjali, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

10

Filwaqt li tirrileva li d-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza u dak għal proċess imparzjali, stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet tal-Karta, jikkorrispondu mad-drittijiet identiċi msemmija fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), il-qorti tar-rinviju tispjega li d-domandi tagħha huma partikolarment ibbażati fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar dan l-Artikolu 6, ġurisprudenza li hija għandha tosserva minħabba l-fatt li r-Repubblika tal-Bulgarija hija parti fil-KEDB. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li jkun hemm ksur ta’ dawn iż-żewġ drittijiet meta, meta tiddeċiedi dwar kwistjonijiet li ma jkunux fuq il-mertu, b’mod partikolari kwistjonijiet proċedurali, qorti tiddeċiedi jew tesprimi opinjoni preliminari jew idea stabbilita minn qabel fuq il-mertu.

11

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża madankollu li, sabiex tistabbilixxi l-fatti li jidhrulha indispensabbli sabiex tressaq talba għal deċiżjoni preliminari ammissibbli, hija għandha l-intenzjoni li tapplika l-istess garanziji proċedurali bħal dawk previsti mill-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali għas-sentenzi fuq il-mertu.

12

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-[Karta], li jistabbilixxi r-rekwiżit ta’ qorti imparzjali, u l-Artikolu 48(1) tal-[Karta], li jirrikonoxxi l-preżunzjoni ta’ innoċenza tal-imputat, jipprekludu rinviju għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE li fih jitqies li huwa stabbilit [li] l-persuna mressqa quddiem qorti ta’ ġudikatura kriminali wettqet ċerti fatti jekk qabel dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tkun applikat il-garanziji proċedurali kollha meħtieġa għal deċiżjoni fuq il-mertu”

13

Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Awwissu 2022, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, wara emenda leġiżlattiva li daħlet fis-seħħ fis‑27 ta’ Lulju 2022, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) ġiet xolta u li xi wħud mill-kawżi kriminali mressqa quddiem din il-qorti tal-aħħar, inkluża l-kawża prinċipali, kienu ġew ittrasferiti lilha minn din id-data.

Fuq id‑domanda preliminari

14

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 267 TFUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, qabel kull sentenza fuq il-mertu, qorti nazzjonali f’materji kriminali tistabbilixxi, fl-osservanza tal-garanziji proċedurali previsti mid-dritt nazzjonali, il-materjalità ta’ ċerti fatti sabiex tkun tista’ tressaq talba għal deċiżjoni preliminari ammissibbli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

15

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, billi jesponu, fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħhom, il-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża prinċipali, il-qrati tar-rinviju sempliċement jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 267 TFUE u mill-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura u jissodisfaw għalhekk ir-rekwiżit ta’ kooperazzjoni inerenti għall-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, mingħajr ma jkun jista’ jitqies li hemm ksur, fih innifsu, tad-dritt għal proċess imparzjali stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jew id-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza, iggarantit mill-Artikolu 48(1) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C-614/14, EU:C:2016:514, punti 2223).

16

L-istess konklużjoni tapplika meta, sabiex ma tirrendix inammissibbli talba għal deċiżjoni preliminari li hija jkollha l-intenzjoni tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja qabel kull sentenza fuq il-mertu, qorti tar-rinviju f’materji kriminali tqis li hija għandha tistabbilixxi minn qabel il-materjalità ta’ ċerti fatti meta dan ma kienx ikun neċessarju, f’dan l-istadju tal-proċedura, li kieku ma ddeċidietx li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari.

17

Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li qorti tar-rinviju għandha tistabbilixxi l-materjalità ta’ ċerti fatti fl-istadju tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jimplikax, fih innifsu, ksur tad-dritt għal proċess imparzjali jew tad-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza, peress li, kif dan jirriżulta f’dan il-każ mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, il-qorti kkonċernata ma hijiex prekluża milli tapplika, f’dan l-istadju, il-garanziji proċedurali kollha previsti mid-dritt nazzjonali tagħha b’mod li għalhekk jiġi żgurat ir-rispett kemm tad-dritt għal proċess imparzjali kif ukoll tad-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza.

18

Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6 tal-KEDB, imsemmija mill-qorti tar-rinviju.

19

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jistabbilixxu d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, jikkorrispondu għad-dritt għal smigħ xieraq kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB, filwaqt li l-Artikolu 48(1) tal-Karta dwar il-preżunzjoni tal-innoċenza jikkorrispondi mal-Artikolu 6(2) u (3) tal-KEDB. Minn dan isegwi, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 6 tal-KEDB għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, bħala limitu ta’ protezzjoni minima (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, AH et (Preżunzjoni tal-innoċenza), C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑4 ta’ Diċembru 2019, H vs Il‑Kunsill, C‑413/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1044, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

20

Hekk kif tammetti l-qorti tar-rinviju, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem imsemmija fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda sitwazzjonijiet li fihom il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonstatat ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB minħabba li l-qrati li kellhom jiddeċiedu dwar kwistjonijiet li ma jkunux fuq il-mertu, bħal kwistjonijiet proċedurali jew ta’ ġurisdizzjoni, kienu, bi ksur tad-dritt għal proċess imparzjali jew tad-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza, esprimew opinjoni preliminari jew idea stabbilita minn qabel fuq il-mertu, b’mod partikolari dwar il-materjalità ta’ ċerti fatti allegati kontra l-persuna akkużata jew dwar il-ħtija ta’ din tal-aħħar.

21

Madankollu, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li din għandha l-intenzjoni f’dan il-każ, sabiex tistabbilixxi l-materjalità tal-fatti fil-kawża prinċipali li hija tqis indispensabbli sabiex tkun tista’ tifformula talba għal deċiżjoni preliminari ammissibbli, mhux li tesprimi opinjoni preliminari jew idea stabbilita minn qabel fuq il-mertu, iżda li tiddeċiedi fuq dawn il-fatti billi tapplika l-garanziji proċedurali kollha previsti mid-dritt nazzjonali għas-sentenzi fuq il-mertu.

22

Fid-dawl tal-motivi preċedenti, id-domanda magħmula għandha tiġi risposta li l-Artikolu 267 TFUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, qabel kull sentenza fuq il-mertu, qorti nazzjonali f’materji kriminali tistabbilixxi, fl-osservanza tal-garanziji proċedurali previsti mid-dritt nazzjonali, il-materjalità ta’ ċerti fatti sabiex tkun tista’ tressaq talba għal deċiżjoni preliminari ammissibbli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Fuq l‑ispejjeż

23

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 267 TFUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

ma jipprekludix li, qabel kull sentenza fuq il-mertu, qorti nazzjonali f’materji kriminali tistabbilixxi, fl-osservanza tal-garanziji proċedurali previsti mid-dritt nazzjonali, il-materjalità ta’ ċerti fatti sabiex tkun tista’ tressaq talba għal deċiżjoni preliminari ammissibbli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.