SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

22 ta’ Ġunju 2023 ( *1 ) ( i )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika kummerċjali – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina u l-Indoneżja – Validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1194/2013 – Ammissibbiltà – Nuqqas ta’ preżentata ta’ rikors għal annullament mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali – Importatur – Determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping – Fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni”

Fil-Kawża C‑268/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Marzu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ April 2022, fil-proċedura

Vitol SA

vs

Belgische Staat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen u N. Wahl (Relatur), Imħallfin,

Avukata Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Vitol SA, minn P. De Baere u J. Van den Bon, avukati,

għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens u J.-C. Halleux kif ukoll minn C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn V. Baroutas u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn B. Driessen u P. Mahnič, bħala aġenti, assistiti minn N. Tuominen, avukata,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P.-J. Loewenthal, G. Luengo u J. Zieliński, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1194/2013 tad‑19 ta’ Novembru 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina u l-Indoneżja (ĠU 2013, L 315, p. 2, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1578 tat‑18 ta’ Settembru 2017 (ĠU 2017, L 239, p. 9).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Vitol SA u Belgische Staat (l-Istat Belġjan) dwar ir-rimbors ta’ dazji antidumping li hija ħallset fuq l-importazzjoni ta’ bijodiżil li joriġina mill-Arġentina.

Il‑kuntest ġuridiku

Ir‑Regolament bażiku

3

Fid-data tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping mill-Unjoni kienu jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-[Unjoni] Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51 u rettifiki fil-ĠU 2010, L 7, p. 22, ĠU 2011, L 293, p. 39, u ĠU 2016, L 44, p. 20, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).

4

L-Artikolu 1 tar-Regolament bażiku kien jipprovdi:

“1.   Dazju kontra dumping jista’ jiġi applikat għal kwalunkwe prodott oġġett ta’ dumping li l-liberazzjoni tiegħu għal ċirkulazzjoni ħielsa [fl-Unjoni] tikkawża ħsara.

2.   Prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala oġġett ta’ dumping jekk il-prezz ta’ l-esportazzjoni tiegħu għall-[Unjoni] ikun inqas minn prezz paragonabbli għal prodott simili, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur.

3.   Il-pajjiż esportatur għandu normalment ikun il-pajjiż ta’ oriġini. Madanakollu, jista’ jkun pajjiż intermedjarju, ħlief fejn, per eżempju, il-prodotti jkunu sempliċiment trasbordati minn dak il-pajjiż, jew il-prodotti konċernati ma jkunux ġew magħmula f’dak il-pajjiż, jew ma jkunx hemm prezz paragunabbli għalihom f’dak il-pajjiż.

4.   Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu “prodott simili” għandu jiġi interpretat biex ifisser prodott li jkun identiku, jiġifieri, l-istess f’kull lat, bħall-prodott taħt kunsiderazzjoni, jew fin-nuqqas ta’ prodott bħal dan, prodott ieħor li għalkemm ma jkunx l-istess f’kull lat, ikollu karatteristiċi li jixbħu mill-qrib dawk tal-prodott ikkunsidrat.”

5

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, jikkonċerna d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping. Il-paragrafi 3 u 5 tiegħu, dwar il-valur normali, kienu jipprevedu:

“3.   Meta ma jkun hemm l-ebda bejgħ jew meta ma jkunx hemm biżżejjed bejgħ tal-prodott simili fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, jew fejn, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tas-suq bejgħ bħal dan ma jippermettix paragun xieraq, il-valur normali ta’ prodott simili għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta’ l-ispiża tal-produzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi u għal profitti, jew fuq il-bażi tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, lill-pajjiż terz xieraq, sakemm dawk il-prezzijiet ikunu rappreżentattivi.

Jitqies li jkun hemm sitwazzjoni partikolari tas-suq għall-prodott ikkonċernat fit-tifsira tal-ewwel subparagrafu meta, inter alia, il-prezzijiet ikunu baxxi artifiċjalment, meta jkun hemm kummerċ ta’ skambju sinjifikattiv jew fejn ma jkunx hemm arranġamenti ta’ proċessar mhux kummerċjali.

[…]

5.   L-ispejjeż għandhom normalment jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta’ records miżmuma mill-parti taħt investigazzjoni, sakemm records bħal dawn ikunu bi qbil mal-prinċipji tal-kontijiet ġeneralment aċċettati tal-pajjiż konċernat u sakemm ikun muri li r-records jirriflettu b’mod raġjonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt konsiderazzjoni.

Jekk l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt investigazzjoni ma humiex riflessi b’mod raġonevoli fir-reġistrazzjonijiet tal-parti interessata, dawn għandhom jiġu aġġustati jew stabbiliti fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż ta’ produtturi jew esportaturi oħra fl-istess pajjiż jew, fejn din l-informazzjoni mhix disponibbli jew ma tistax tintuża, fuq kull bażi oħra raġonevoli, inkluża informazzjoni minn swieq oħra rappreżentattivi.

Għandha tingħata konsiderazzjoni lill-evidenza sottomessa dwar l-allokazzjoni xierqa ta’ l-ispejjeż, sakemm ikun muri li allokazzjonijiet bħal dawn kienu ġew utilizzati storikament. Fin-nuqqas ta’ metodu aktar xieraq, għandha tingħata preferenza għall-allokazzjoni ta’ l-ispejjeż fuq il-bażi tal-fatturat. Sakemm mhux diġà riflessi fl-allokazzjonijiet ta’ l-ispejjeż taħt dan is-subparagrafu, l-ispejjeż għandhom jiġu aġġustati kif xieraq għal dawk l-oġġetti ta’ spejjeż mhux rikurrenti li jagħmlu tajjeb għall-produzzjoni fil-ġejjieni u/jew kurrenti.

Fejn l-ispejjeż għal parti mill-perjodu għall-irkupru ta’ l-ispejjeż jiġu affettwati mill-użu ta’ faċilitajiet ġodda ta’ produzzjoni li jeħtieġu investiment addizzjonali sostanzjali u permezz ta’ rati ta’ utilizzazzjoni ta’ volum baxx, li huma r-riżultat ta’ operazzjonijiet tal-bidu li jseħħu fi ħdan jew matul parti minn perjodu ta’ investigazzjoni, l-ispejjeż medji għall-fażi tal-bidu għandhom ikunu dawk applikabbli, taħt ir-regoli ta’ l-allokazzjoni msemmija hawn fuq, fit-tmiem ta’ fażi bħal din, u għandhom jiġu inklużi f’dak il-livell, għall-perjodu konċernat, fl-ispejjeż medji kkalkulati msemmija fit-tieni sub-paragrafu tal-paragrafu 4. It-tul ta’ fażi tal-bidu għandu jiġi determinat skond iċ-ċirkustanzi tal-produttur u l-esportatur konċernat, imma m’għandux jaqbeż proporzjon inizjali xieraq tal-perjodu għall-irkupru ta’ l-ispejjeż. Għal dan l-aġġustament għall-ispejjeż matul il-perjodu ta’ investgazzjoni, informazzjoni li għandha x’taqsam ma’ fażi tal-bidu li testendi l bogħod minn dak il-perjodu għandu jittieħed kont tagħha fejn hi sottomessa qabel żjajjar ta’ verifika u fi żmien tlett xhur mill-bidu ta’ l-investigazzjoni.”

6

L-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, dwar l-istabbiliment ta’ ħsara, kien jipprevedi fil-paragrafi (4), (6) u (7) tiegħu:

“4.   Fejn l-importazzjonijiet ta’ prodott minn iktar minn pajjiż wieħed huma fl-istess ħin soġġetti għal investigazzjonijiet kontra dumping, l-effetti ta’ importazzjonijiet bħal dawn għandhom jiġu stmati b’mod kumulattiv biss jekk huwa stabbilit li:

(a)

il-marġini ta’ dumping stabbilit fejn jidħlu l-importazzjonijiet minn kull pajjiż huwa iktar minn de minimis kif definit fl-Artikolu 9(3) u li l-volum ta’ l-importazzjonijiet minn kull pajjiż mhuwiex negleġibbli; u

(b)

stima kumulattiva ta’ l-effetti ta’ l-importazzjonijiet hija xierqa fid-dawl tal-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn prodotti impurtati u l-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-prodotti impurtati u l-prodott [tal-Unjoni] simili.

[…]

6.   Għandu jiġi muri, mill-evidenza rilevanti kollha ppreżentata fejn jidħol il-paragrafu 2, li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping qegħdin jikkawżaw ħsara skond it-tifsira ta’ dan ir-Regolament. B’mod speċifiku, dan għandu jinvolvi dimostrazzjoni li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati skond il-paragradfu 3 huma responsabbli għal impatt fuq l-industrija [tal-Unjoni] kif stabbilita fil-paragrafu 5, u li dan l-impatt jeżisti sa grad li jagħmlu possibbli li jiġi kklasifikat bħala materjali.

7.   Fatturi magħrufa għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping li fl-istess ħin qegħdin jagħmlu ħsara lill-industrija [tal-Unjoni] għandhom ukoll jiġu eżaminati sabiex jiżguraw li l-ħsara kkawżata minn dawn il-fatturi l-oħra mhix attribwita għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping taħt paragrafu 6. Fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati f’dan ir-rigward jinkludu l-volum u l-prezzijiet ta’ importazzjonijiet mhux mibjugħin bi prezzijiet taħt il-prezz tagħhom, tnaqqis fid-domanda jew tibdiliet fil-mudelli tal-konsum, prattiċi restritti tal-kummerċ, u kompetizzjoni bejn, produtturi [tal-Unjoni] u ta’ pajjiżi terzi, żviluppi fit-teknoloġija u l-atteġġament ta’ l-esportazzjoni u l-produttività ta’ l-industrija [tal-Unjoni].”

Ir-Regolament provviżorju

7

Fis‑27 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 490/2013 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina u mill-Indoneżja (ĠU 2013, L 141, p. 6, iktar ’il quddiem, ir-“Regolament provviżorju”). F’dan ir-regolament, hija kkonstatat, b’mod partikolari, li l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw fl-Arġentina huma suġġetti għal dumping, li tikkawża dannu lill-industrija tal-Unjoni, u kkunsidrat li l-adozzjoni ta’ dazju antidumping fir-rigward tal-imsemmija importazzjonijiet kienu fl-interess tal-Unjoni.

8

L‑Artikolu 1(1) ta’ dan ir‑regolament kien jistabbilixxi:

“Bil-preżenti qiegħed jiġi impost dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ esteri monoalkiliċi ta’ aċidi xaħmin u/jew ta’ żejt tal-gass paraffiniku, miksuba minn sinteżi u/jew minn trattament idriku, ta’ oriġini mhux fossili, f’forma pura jew f’taħlita, li attwalment jaqgħu fi ħdan il-kodiċi […] u li joriġinaw mill-Arġentina u mill-Indoneżja.”

Ir-Regolament ikkontestat

9

Fid‑19 ta’ Novembru 2013, permezz tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina u l-Indoneżja.

10

Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-valur normali tal-prodott simili f’dak li jirrigwarda l-Arġentina, il-Kunsill ikkonferma l-konklużjonijiet tar-Regolament provviżorju skont liema dan għandu jiġi kkalkolat konformement għall-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, peress li s-suq Arġentin tal-bijodiżil huwa rregolat ħafna mill-Istat (premessa 28 tar-regolament ikkontestat).

11

Fir-rigward tal-ispejjeż tal-produzzjoni, il-Kunsill aċċetta l-proposta tal-Kummissjoni li jiġu emendati l-konklużjonijiet tar-Regolament provviżorju u li ma jittieħdux inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tal-materja prima ewlenija indikati fir-reġistri tal-produtturi esportaturi Arġentini eżaminati b’applikazzjoni tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. Skont il-Kunsill, din l-informazzjoni ma tirriflettix b’mod raġonevoli l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni tal-bijodiżil fl-Arġentina, minħabba l-fatt li s-sistema tat-taxxa differenzjali tal-esportazzjoni kienet toħloq distorsjoni tal-prezzijiet tal-materja prima ewlenija fis-suq intern Arġentin. Għaldaqstant, huwa ssostitwixxihom bil-medja tal-prezzijiet ta’ referenza tal-fażola tas-sojja ppubblikati mill-Ministeru għall-Agrikoltura Arġentin għall-esportazzjoni franco abbord (FAB) matul il-perijodu ta’ investigazzjoni (premessi 35 sa 40 tar-Regolament ikkontestat).

12

Fit-tieni lok, filwaqt li kkonferma l-parti l-kbira tal-kunsiderazzjonijiet li jidhru fir-Regolament provviżorju, il-Kunsill ikkonstata li l-industrija tal-Unjoni ssubixxiet dannu kbir fis-sens tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku (premessi 105 sa 142 tar-regolament ikkontestat) u li dan id-dannu ġie kkawżat mill-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina li kienu suġġetti għal dumping (premessi 144 sa 157 tar-regolament ikkontestat). F’dan il-kuntest, huwa kkonstata li fatturi oħra, fosthom, b’mod partikolari, l-importazzjonijiet imwettqa mill-industrija tal-Unjoni (premessi 151 sa 160 tar-Regolament ikkontestat), l-użu dgħajjef tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni (premessi 161 sa 171 tar-Regolament ikkontestat) u s-sistema ta’ għadd doppju ta’ bijodiżil prodott minn żejt użat eżistenti f’ċerti Stati Membri (premessi 173 sa 179 tar-Regolament ikkontestat) ma kinux f’pożizzjoni li jiksru din ir-rabta kawżali bejn l-imsemmi dannu u l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina li huma s-suġġett ta’ dumping.

13

Fit-tielet lok, il-Kunsill ikkonferma li l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping inkwistjoni kienu jibqgħu fl-interess tal-Unjoni (premessi 190 sa 201 tar-Regolament ikkontestat).

14

Fid-dawl tal-marġni ta’ dumping ikkonstatati u l-livell ta’ dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, il-Kunsill b’mod partikolari ddeċieda li l-ammonti ddepożitati bħala dazji antidumping provviżorji, stabbiliti bir-Regolament provviżorju, kellhom definittivament jinġabru (premessa 228 u Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat) u li dazju antidumping definittiv kellu jiġi stabbilit fuq l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw fl-Arġentina (Artikolu 1(1) tar-Regolament ikkontestat).

15

Permezz tas-sentenzi, kollha ddatati tal‑15 ta’ Settembru 2016, PT Musim Mas vs Il‑Kunsill (T‑80/14, EU:T:2016:504), Unitec Bio vs Il‑Kunsill (T‑111/14, EU:T:2016:505); Molinos Río de la Plata et vs Il‑Kunsill (T‑112/14 sa T‑116/14 u T‑119/14, EU:T:2016:509), Cargill vs Il‑Kunsill (T‑117/14, EU:T:2016:503), LDC Argentina vs Il‑Kunsill (T‑118/14, EU:T:2016:502), PT Ciliandra Perkasa vs Il‑Kunsill (T‑120/14, EU:T:2016:501) u PT Pelita Agung Agrindustri vs Il‑Kunsill (T‑121/14, EU:T:2016:500) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, is-“sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2016”), il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament ikkontestat sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lir-rikorrenti f’dawn il-kawżi.

16

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma kinux stabbilixxew b’mod suffiċjenti fid-dritt li kienet teżisti distorsjoni sinjifikattiva tal-prezzijiet tal-materja prima ewlenija użata għall-produzzjoni ta’ bijodiżil fl-Arġentina u fl-Indoneżja li tirriżulta minn sistema ta’ taxxa differenzjali fuq l-esportazzjoni li permezz tagħha jiġu applikati rati ta’ tassazzjoni differenti għall-materja prima u l-bijodiżil fil-konfront tagħhom. Il-Qorti Ġenerali qieset li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma kellhomx iqisu li l-prezzijiet tal-materja prima ma kinux riflessi b’mod raġonevoli fid-dokumenti tal-kontabbiltà tal-produtturi esportaturi Arġentini u Indoneżjani u, għaldaqstant, ma kellhomx iwarrbu dawn id-dokumenti waqt il-kalkolu tal-valur normali tal-bijodiżil prodott fl-Arġentina u fl-Indoneżja.

Ir‑Regolament (UE) 2015/476

17

L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2015/476 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2015 fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Unjoni wara rapport adottat mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO dwar kwistjonijiet fuq anti-dumping u anti-sussidji (ĠU 2015, L 83, p. 6) jipprovdi:

“1.   Kull meta d-[‘DSB’ - il-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim] jadotta rapport dwar miżura mill-Unjoni meħuda skont ir-Regolament [bażiku] (iktar ’il quddiem indikata ‘miżura kkontestata’) il-Kummissjoni tista’ twettaq waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin, kif tqis xieraq, f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 4(3):

(a)

tħassar jew temenda il-miżura kontestata; jew

(b)

tadotta kwalunkwe miżura speċjali ta’ implimentazzjoni oħra meqjusa xierqa fiċ-ċirkostanzi sabiex l-Unjoni tkun konformi mar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet li jinsabu fir-rapport.

[…]

3.   Sakemm ikun xieraq li ssir reviżjoni qabel jew fl-istess żmien li jittieħdu kwalunkwe miżuri skont il-paragrafu 1, dik ir-reviżjoni għandha tinbeda mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħti informazzjoni lill-Istati Membri ladarba tiddeċiedi li tibda reviżjoni.”

18

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Kwalunkwe miżura adottata skont dan ir-Regolament għandha tieħu effett mid-data li din tidħol fis-seħħ u ma tipprovdi l-ebda bażi għar-rimborż tad-dazju li nġabar qabel dik id-data, sakemm ma jiġix indikat mod ieħor.”

Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1578

19

Fit‑18 ta’ Settembru 2017, il‑Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1578 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1194/2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina u l-Indoneżja (ĠU 2017, L 239, p. 9).

20

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1578 isegwi b’mod partikolari r-rapport tal-panel, adottat fis‑26 ta’ Ottubru 2016 mid-DSB tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fit-tilwima tal-UE – Il-bijodiżil (l-Arġentina), fejn ġie konkluż li l-Unjoni aġixxiet b’mod inkompatibbli mal-liġi tal-WTO meta imponiet dazji antidumping fuq il-bijodiżil li joriġina mill-Arġentina. Kif jirriżulta mill-premessa 12 tiegħu, l-imsemmi regolament “ifittex li jirrimedja l-aspetti inkonsistenti tal-WTO fir-Regolament [ikkontestat] u biex iġibu konformi mar-[rapport tal-grupp speċjali u r-rapport tal-Korp tal-Appell]”.

21

Il-premessi 130, 134 u 135 tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni kienu jistabbilixxu:

“(130)

Il-Kummissjoni fakkret li dan ir-rieżami huwa mibdi abbażi tar-Regolament ta’ awtorizzazzjoni tad-WTO għall-għan li jiġu implimentati s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord u tal-Korp tal-Appell fit-tilwima ‘Unjoni Ewropea — Miżuri Antidumping fuq il-Bijodiżil mill-Arġentina’ (WT/DS473/15). Ir-rieżami huwa għalhekk limitat għal kwistjonijiet quddiem id-WTO u bidliet tekniċi u/jew konsegwenzjali possibbli li joħorġu minnhom. Għaldaqstant, l-ebda waħda mill-pretensjonijiet ta’ Wilmar [produttur-esportatur Indoneżjan] ma hija ammissibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li pretensjoni simili fir-rigward tal-marġni tal-profitt diġà kienet saret minn Wilmar fl-investigazzjoni oriġinali u ma kinitx intlaqgħetx [ara l-premessi minn (43) sa (46) tar-Regolament ikkontestat]. Wara l-iżvelar, il-produttur esportatur Arġentin li kkoopera COFCO Argentina S.A. (li qabel kien magħruf bħala Noble Argentina S.A.) ressaq talba li l-kumpanija tiġi trattata bħala “esportatur ġdid” u tiġi inkluża fil-lista tal-kumpaniji b’rati ta’ dazju individwali bħala ‘kumpaniji oħra li kkooperaw’.

[…]

(134)

Abbażi tar-rivalutazzjoni [li fetħet skont l-Artikolu 1(3) tar-Regolament 2015/476], il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dumping dannuż stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali huwa kkonfermat.

(135)

Għalhekk jenħtieġ li l-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġina fl-Arġentina u fl-Indoneżja imposti bir-Regolament [ikkontestat] jinżammu, bil-marġnijiet ta’ dumping riveduti kkalkulati mill-ġdid għall-Arġentina kif stabbilit hawn fuq.”

Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1570

22

Skont il-premessi 89 sa 94 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1570 tat‑18 ta’ Ottubru 2018 li jtemm il-proċedimenti li jikkonċernaw l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw fl-Arġentina u l-Indoneżja u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1194/2013 (ĠU 2018, L 262, p. 40):

“(89)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li mhux possibbli li tiġi stabbilita relazzjoni kawżali ġenwina u sostanzjali bejn importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping mill-Arġentina u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni minħabba l-importanza ta’ fatturi magħrufa oħra li jikkontribwixxu għal dan id-dannu.

(90)

Kumpanija waħda, COFCO Argentina […] ippreżentat lilha nnifisha wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1578 fejn sostniet li hija ssodisfat it-tliet kriterji kollha għal produtturi esportaturi ġodda stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament [ikkontestat] u pprovdiet evidenza ta’ sostenn. Il-Kummissjoni analizzat it-talba u l-evidenza. Madankollu, fid-dawl tar-riżultati tal-investigazzjoni li nfetħet mill-ġdid, it-talba saret irrilevanti.

[…]

(91)

L-investigazzjoni jenħtieġ li tintemm (i) minħabba li l-marġnijiet ta’ dumping mill-Indoneżja huma de minimis u (ii) minħabba l-fatt li ma jistax jiġi stabbilit li hemm relazzjoni kawżali ġenwina u sostanzjali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-Arġentina u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni kif meħtieġ skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament [(UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21)]. Dan ifisser li l-miżuri eżistenti li għadhom fis-seħħ għal dawk il-produtturi esportaturi mill-Arġentina u l-Indoneżja li ma kkontestawx il-miżuri antidumping b’suċċess quddiem il-Qorti Ġenerali għandhom jiġu mħassra. Għal raġunijiet ta’ ċarezza u ċertezza tad-dritt, ir-Regolament [ikkontestat] għalhekk jenħtieġ li jiġi mħassar.

(92)

Id-dazji antidumping definittivi mħallsa skont ir-Regolament [ikkontestat] rigward importazzjonijiet ta’ bijodiżil mill-Arġentina u mill-Indoneżja u d-dazji provviżorji miġbura definittivament skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu rimborżati jew jitnaqqsu sal-punt li huma relatati ma’ importazzjonijiet ta’ bijodiżil mibjugħ għal esportazzjoni lejn l-Unjoni mill-kumpaniji li kkontestaw b’suċċess dan ir-Regolament fil-qorti, jiġifieri, il-produtturi esportaturi Arġentini Unitec Bio SA, Molinos Rio de la Plata SA, Oleaginosa Moreno Hermanos SACIFI y A, Vicentin SAIC, Aceitera General Deheza SA, Bunge Argentina SA, Cargill SACI, Louis Dreyfus Commodities S.A. (LDC Argentina SA), u l-produtturi esportaturi Indoneżjani PT Pelita Agung Agrindustri, PT Ciliandra Perkasa, PT Wilmar Bioenergi Indonesia, PT Wilmar Nabati Indonesia, PT Perindustrian dan Perdagangan Musim Semi Mas (PT Musim Mas). Ir-rimborż jew tnaqqis għandu jintalab mill-awtoritajiet doganali nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

(93)

Wara d-divulgazzjoni, PT Cermerlang Energi Perkasa, sostniet li l-ħlas lura u r-remissjoni ta’ dazji ta’ antidumping għandha tkun disponibbli għall-kumpaniji kollha li kienu sofrew dawn id-dazji u mhux biss għal dawk il-kumpaniji li kkontestaw b’suċċess ir-Regolament [ikkontestat] quddiem il-Qorti. Hija ssostni wkoll li mhux biss ir-Regolament [ikkontestat], iżda wkoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1578 għandu jiġi revokat.

(94)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni fakkret li r-Regolament (UE) 2017/1578 biss emenda r-Regolament [ikkontestat]. Peress li r-regolament tal-aħħar huwa mħassar ir-Regolament emendatorju jsir null minn kwalunkwe effett legali. Għalhekk, m’hemmx għalfejn li tħassar ukoll b’mod espliċitu dak ir-regolament. Fit-tieni, l-annullament tal-Qorti Ġenerali tar-Regolament [ikkontestat] japplika biss għal dawk il-kumpaniji li kkontestaw dak ir-regolament quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, id-dazji antidumping li ġew imposti fuq kumpaniji oħra ġew legalment miġbura skont il-liġi tal-Unjoni. […]”

23

L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2018/1570 jipprovdi li “[i]l-proċediment antidumping dwar importazzjonijiet ta’ esteri monoalkiliċi ta’ aċidi xaħmin u/jew żjut tal-gass paraffiniċi miksuba minn sintesi u/jew idrotrattament, ta’ oriġini mhux mill-fossili, f’għamla pura jew kif inklużi f’taħlita li toriġina fl-Arġentina u fl-Indoneżja, li attwalment jaqgħu taħt kodiċi […](‘bijodiżil’) huwa b’dan mitmum.”

24

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li “[i]r-Regolament [ikkontestat] huwa mħassar.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

25

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Vitol, hija kumpannija rregolata mid-dritt Svizzeru, li hija importatur indipendenti ta’ bijodiżil. Din la tissemma fir-Regolament ikkontestat u lanqas fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1578. Madankollu, il-kumpannija COFCO Argentina, il-fornitur Arġentin tal-bijodiżil tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija msemmija fil-premessa 130 ta’ dan l-aħħar regolament u inkluża fil-lista ta’ kumpanniji li jibbenefikaw minn rati ta’ dazju individwali fost il-“kumpaniji l-oħra li kkooperaw”.

26

Fis‑6 ta’ Marzu 2018, il-kumpannija rregolata mid-dritt Belġjan BVBA Vandevyver ippreżentat, f’isem ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, żewġ dikjarazzjonijiet għall-importazzjoni ta’ bijodiżil mill-Arġentina, li waħda minnhom biss hija inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-kuntest tad-dikjarazzjoni msemmija, din ir-rikorrenti ħallset, abbażi tar-regolament ikkontestat, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1578, dazji antidumping fl-ammont ta’ EUR 1272 023.58.

27

Fit‑3 ta’ April 2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti talba għal rimbors tad-dazji antidumping li hija kienet ħallset. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Ġunju 2018, din it-talba għal rimbors ġiet miċħuda. Fl‑20 ta’ Settembru 2018, hija ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni, li ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Mejju 2019. Ir-rikors tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat quddiem l-Adviseur-generaal (Kunsillier Ġenerali, il-Belġju) kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar ġie miċħud ukoll fil‑25 ta’ Awwissu 2020.

28

Fit‑13 ta’ Novembru 2020, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju. F’dan il-kuntest, hija talbet lil din il-qorti tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari dwar il-kompatibbiltà tar-Regolament ikkontestat, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1578, mar-Regolament bażiku applikabbli dak iż-żmien.

29

Il-qorti tar-rinviju tosserva, fl-ewwel lok, li huwa biss jekk jiġi stabbilit li rikors dirett ta’ persuna skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE kien ikun, mingħajr ebda dubju, ammissibbli li din il-persuna hija prekluża milli teċċepixxi l-invalidità tagħha quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, twettaq din il-verifika fil-kuntest tad-deċiżjoni preliminari, xejn ma jipprekludi lill-qorti tar-rinviju milli twettaq diġà stħarriġ marġinali fir-rigward tal-kwistjoni tan-neċessità li ssir domanda preliminari. Issa, abbażi tad-dokumenti li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tqis li ma jistax jiġi kkonstatat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellha mingħajr ebda dubju d-dritt li tippreżenta rikors għal annullament kontra r-Regolament ikkontestat skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

30

Il-qorti tar-rinviju tqis, fit-tieni lok, li l-kwistjoni dwar jekk il-validità tar-regolament ikkontestat, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1578, għadha tista’ tiġi kkontestata u l-kwistjoni dwar jekk tistax eventwalment tqum problema ta’ validità huma rilevanti sabiex tingħata s-sentenza fil-kawża prinċipali. Hija tikkonstata li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali rrendiet plawżibbli li d-dazji antidumping previsti mir-Regolament ikkontestat huma eventwalment kuntrarji għar-Regolament bażiku. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għas-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2016 u tirrileva li la r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1578, li naqqas id-dazji antidumping, u lanqas ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1570, li ħassar ir-Regolament ikkontestat għall-futur, ma jikkontesta l-eventwali inkompatibbiltà ta’ dan ir-regolament tal-aħħar mar-Regolament bażiku.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-Regolament [ikkontestat] kif emendat permezz tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni] (UE) 2017/1578 imur kontra r-Regolament [bażiku] għar-raġuni, fost l-oħrajn, li:

ma ntweriex li l-kundizzjonijiet li jippermettu li ssir devjazzjoni mill-infiq marbut mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott simili, kif jidhru fir-reġistri tal-prodotturi-esportaturi tal-Arġentina taħt investigazzjoni, ġew issodisfatti fil-kuntest tal-kalkolu tal-valur normali tal-prodott simili, skont ir-regola stabbilita fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament Bażiku;

l-effetti tal-importazzjoni kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni kumulattiva żbaljata, skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Bażiku u għaldaqstant ma kienx hemm provi suffiċjenti ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping li jikkawża ħsara fis-sens tar-Regolament Bażiku, skont l-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament Bażiku,

u għaldaqstant ma ġie kkonstatat l-ebda dumping u l-ebda dazju antidumping ma seta’ jiġi impost fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Bażiku?”

Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

32

L-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li għandha bħala suġġett l-evalwazzjoni tal-validità tar-regolament ikkontestat, hija kkontestata għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, fir-rigward tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Belġjan u dak Elleniku kif ukoll tal-Kunsill, tqum il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhiex il-possibbiltà li tikkontesta l-imsemmi regolament, minkejja li hija ma ppreżentatx rikors għal annullament kontra dan tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-osservazzjonijiet speċifikament ifformulati mill-Kummissjoni, għandha tingħata deċiżjoni fuq il-punt dwar jekk il-qorti tar-rinviju ssemmix suffiċjentement ir-raġunijiet li għalihom il-validità tar-Regolament ikkontestat tirriżulta problematika f’dan il-każ.

Fuq il‑locus standi għall‑annullament tar‑Regolament ikkontestat, skont ir‑raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE

33

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Belġjan u dak Elleniku kif ukoll il-Kunsill jesprimu dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari fid-dawl tal-ġurisprudenza li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90), u tal‑15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101), minħabba li mingħajr ebda dubju r-rikorrenti fil-kawża prinċipali setgħet tippreżenta, quddiem il-qorti tal-Unjoni, rikors għal annullament kontra r-Regolament ikkontestat skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

34

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-possibbiltà għal parti f’kawża li tinvoka, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem qorti nazzjonali, l-invalidità ta’ dispożizzjonijiet li jinsabu f’att tal-Unjoni, li jikkostitwixxi l-bażi ta’ deċiżjoni nazzjonali meħuda fir-rigward tagħha, tippreżupponi, jew li hija tkun ippreżentat ukoll, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, rikors għal annullament kontra dan l-att tal-Unjoni fit-termini stabbiliti, jew ma jkunx għamel dan, minħabba li mingħajr ebda dubju jkollu d-dritt li jippreżenta tali rikors (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Georgsmarienhütte et, C‑135/16, EU:C:2018:582, punt 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Vítkovice Steel, C‑524/20, EU:C:2021:1048, punt 59).

35

Għaldaqstant, huwa biss fil-każ li jista’ jitqies li persuna kienet mingħajr ebda dubju ammissibbli, quddiem il-qorti tal-Unjoni, fir-rikors dirett tagħha għall-annullament ta’ att tal-Unjoni, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li hija tkun prekluża milli teċċepixxi l-invalidità tiegħu quddiem il-qrati nazzjonali u, għaldaqstant, li twassal lil dawn tal-aħħar sabiex eventwalment jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, b’domandi preliminari. Għalhekk, peress li jista’ jkun hemm dubji dwar il-fatt li l-parti inkwistjoni hija direttament u individwalment affettwata mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li tirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza ma tistax tiġi invokata.

36

F’dan il-każ, fir-rigward qabelxejn tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali setgħetx manifestament tippreżenta, quddiem il-qorti tal-Unjoni, rikors skont l-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE kontra r-Regolament ikkontestat sa fejn dan kien jikkostitwixxi att regolatorju li jikkonċernaha direttament u li ma kienx jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li huwa skont id-deċiżjoni tat‑22 ta’ Ġunju 2018 li l-ħlas tad-dazji antidumping ġie impost fuqha. Fil-fatt, in-natura mekkanika tal-miżuri meħuda fuq livell nazzjonali hija irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk att jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Internacional de Productos Metálicos vs Il‑Kummissjoni, C‑145/17 P, EU:C:2018:839, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li ma jistax jitqies li dan ir-regolament manifestament ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, Von Aschenbach &Voss, C‑708/19, EU:C:2021:190, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biss fil-każ fejn jista’ jitqies li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija, mingħajr ebda dubju, direttament u individwalment ikkonċernata mir-regolament ikkontestat, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li hija tiġi mċaħħda mid-dritt li teċċepixxi l-invalidità ta’ dan ir-regolament quddiem il-qrati nazzjonali.

38

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-regolamenti li jistabbilixxu dazju antidumping għandhom natura normattiva, sa fejn japplikaw għall-ġeneralità tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, Von Aschenbach &Voss, C‑708/19, EU:C:2021:190, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li operatur jista’ jkun ikkonċernat b’mod dirett u individwali minn regolament li jimponi dazju antidumping (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, Von Aschenbach &Voss, C‑708/19, EU:C:2021:190, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kinitx direttament ikkonċernata mir-Regolament ikkontestat, ma huwiex ikkontestat li dan ir-regolament affettwa direttament is-sitwazzjoni legali tagħha, sa fejn jikkostitwixxi l-bażi legali tad-dazju antidumping li ġie stabbilit fir-rigward tagħha.

41

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kinitx individwalment ikkonċernata mir-Regolament ikkontestat, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja identifikat ċerti kategoriji ta’ operaturi ekonomiċi li jistgħu jkunu kkonċernati individwalment minn regolament li jimponi dazju antidumping, bla ħsara għall-possibbiltà għal operaturi oħra li jkunu individwalment ikkonċernati minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom u li jikkaratterizzawhom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, Von Aschenbach &Voss, C‑708/19, EU:C:2021:190, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

Għalhekk, jistgħu jkunu individwalment ikkonċernati minn regolament li jistabbilixxi dazju antidumping, fl-ewwel lok, dawk bejn il-produtturi u l-esportaturi tal-prodott inkwistjoni li lilhom ġew imputati l-prattiki ta’ dumping, billi tintuża data relatata mal-attività kummerċjali tagħhom, fit-tieni lok, l-importaturi tal-imsemmi prodott li l-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid tagħhom ittieħdu inkunsiderazzjoni għat-tfassil tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni u li huma, għaldaqstant, ikkonċernati mill-konstatazzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping, u, fit-tielet lok, l-importaturi assoċjati ma’ esportaturi tal-prodott inkwistjoni, b’mod partikolari fl-ipoteżi fejn il-prezz tal-esportazzjoni ġie kkalkolat abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni pprattikati minn dawn l-importaturi u f’dik fejn id-dazju antidumping innifsu ġie kkalkolat skont dawn il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, Von Aschenbach & Voss, C‑708/19, EU:C:2021:190, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li l-kwalità ta’ importatur ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex jitqies li importatur huwa individwalment ikkonċernat minn regolament li jimponi dazju antidumping. Fil-fatt, importatur, anki jekk assoċjat mal-esportaturi tal-prodott inkwistjoni, huwa individwalment ikkonċernat biss meta jiġi pprovat li d-data relatata mal-attività kummerċjali tiegħu tkun ittieħdet inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-prattiki ta’ dumping jew, fin-nuqqas ta’ dan, li jkollu kwalitajiet oħra li huma partikolari għalih u li jikkaratterizzawh meta mqabbel ma’ kull persuna oħra (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, Von Aschenbach & Voss, C‑708/19, EU:C:2021:190, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

Barra minn hekk, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li importatur tal-prodott inkwistjoni jista’ jitqies li huwa individwalment ikkonċernat minn regolament li jistabbilixxi dazju antidumping, xorta huwa meħtieġ li dan juri l-eżistenza ta’ ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalih u li jikkaratterizzawh meta mqabbel ma’ kull persuna oħra.

45

Issa, il-qorti tar-rinviju tindika li, abbażi tad-dokumenti li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, ma jistax jiġi kkonstatat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellha mingħajr ebda dubju d-dritt li tippreżenta rikors abbażi tal-Artikolu 263 TFUE.

46

F’dan il-każ, jidher fil-fatt, fl-ewwel lok, li ma ntweriex li d-data dwar l-attività kummerċjali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ttieħdet inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-prattiki ta’ dumping. B’mod partikolari, ma ġiex ipprovat li l-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid eventwalment applikati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ntużaw għat-tfassil tal-prezzijiet għall-esportazzjoni u li hija, għalhekk, ikkonċernata mill-konstatazzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping.

47

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali lanqas ma pparteċipat fil-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-dazju antidumping, kif kien b’mod partikolari l-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, Von Aschenbach & Voss (C‑708/19, EU:C:2021:190).

48

Fl-aħħar nett, għalkemm huwa minnu li l-fornitur Arġentin tal-bijodiżil tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, COFCO Argentina, huwa ċċitat b’ismu fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1578 (premessa 130) u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1570 (premessa 90), dan il-fatt madankollu ma huwiex ta’ natura li jindividwalizza lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali b’tali mod li, kif teżiġi l-ġurisprudenza, din setgħet mingħajr ebda dubju titqies li għandha locus standi, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

49

F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali setgħet, jekk ikun il-każ, tingħaqad mar-rikors għal annullament ippreżentat mill-produttur assoċjat tagħha. Fil-fatt, din il-possibbiltà ma tistabbilixxix li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija mingħajr ebda dubju individwalment ikkonċernata mir-regolament ikkontestata.

50

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi konkluż li l-elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li Vitol kellha, mingħajr ebda dubju, locus standi għall-annullament tar-regolament ikkontestat, quddiem il-qorti tal-Unjoni, abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

Fuq in‑natura suffiċjenti tal‑elementi esposti fid‑deċiżjoni tar‑rinviju sabiex tiġi kkontestata l‑validità tar‑regolament ikkontestat

51

Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari billi ssostni li l-qorti tar-rinviju ma esponietx ir-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar il-validità tar-regolament ikkontestat.

52

Għandu jitfakkar li mill-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jipprevali fil-funzjonament tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tesponi, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, ir-raġunijiet preċiżi għalfejn hija tqis li risposta għad-domandi tagħha dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53

Għaldaqstant, huwa importanti li l-qorti nazzjonali tindika b’mod partikolari r-raġunijiet preċiżi li wassluha sabiex tistaqsi dwar il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tesponi l-motivi ta’ invalidità li, konsegwentement, jidhrulha li jistgħu jintlaqgħu (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Tali rekwiżit jirriżulta wkoll mill-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

54

F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjonijiet tar-rinviju sservi mhux biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tagħti lill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati l-oħra l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet, skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li din il-possibbiltà tiġi ssalvagwardjata, fid-dawl tal-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-persuni kkonċernati (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Universiteit Antwerpen et, C‑265/20, EU:C:2022:361, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Minn dan jirriżulta li, minn naħa, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-validità ta’ att tal-Unjoni jew ta’ ċerti dispożizzjonijiet tiegħu fid-dawl tal-motivi ta’ invalidità meqjusa fid-deċiżjoni tar-rinviju. Min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni tar-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar il-validità ta’ dan l-att jew ta’ dawn id-dispożizzjonijiet twassal għall-inammissibbiltà tad-domandi dwar il-validità tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 50).

56

F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi biżżejjed indikazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tar-regolament ikkontestat. Il-qorti tar-rinviju tirreferi b’mod partikolari għall-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2016, li jgħidu li, waqt il-kalkolu tal-valur normali tal-bijodiżil prodott fl-Arġentina u fl-Indoneżja skont ir-regolament ikkontestat, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma kellhomx jikkunsidraw li d-dokumenti ta’ kontabbiltà tal-produtturi-esportaturi Arġentini u Indoneżjani ma kinux jirriflettu raġonevolment il-prezzijiet tal-materja prima u li skonthom, konsegwentement, dawn l-istituzzjonijiet ma kellhomx iwarrbu dawn id-dokumenti għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu. Din il-qorti ssemmi, barra minn hekk, il-fatt li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1578 ma rrettifikax il-konklużjonijiet legalment żbaljati li bihom kien ivvizzjat, ab initio, ir-Regolament ikkontestat fir-rigward tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping.

57

F’dan iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi fattwali u legali neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli d-domanda li saritilha. Barra minn hekk, dawn l-indikazzjonijiet ippermettew lill-Kummissjoni tieħu pożizzjoni utli fuq il-mertu tad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.

58

Il-fatt li l-kwistjoni tirriżulta, skont il-kliem użat mill-Kummissjoni, minn nuqqas ta’ ftehim eventwali fir-rigward tal-portata tas-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2016 jirrigwarda l-kwistjoni sostantiva dwar l-evalwazzjoni tal-validità tar-regolament ikkontestat.

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li t-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi ddikjarata ammissibbli.

Fuq id-domanda preliminari

60

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-regolament ikkontestat, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1578, huwiex invalidu minħabba ksur tar-regolament bażiku.

61

Hija tistaqsi b’mod iktar preċiż jekk ir-Regolament ikkontestat, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1578, fl-ewwel lok, jmurx kontra l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, sa fejn, fil-kuntest tal-kalkolu tal-valur normali tal-prodott simili, ma ntweriex li l-kundizzjonijiet li jippermettu li wieħed jitbiegħed mill-użu tal-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott inkwistjoni, kif jidhru fir-reġistri tal-produtturi esportaturi Arġentini li huma s-suġġett tal-investigazzjoni, kienu ssodisfatti. Fit-tieni lok, din il-qorti tistaqsi jekk ir-regolament ikkontestat, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1578, huwiex kuntrarju għar-Regolament bażiku, sa fejn l-effetti tal-importazzjonijiet kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni kumulattiva, bi ksur tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku, u sa fejn, għaldaqstant, ma ntweriex b’mod sodisfaċenti li l-importazzjonijiet kienu s-suġġett ta’ dumping li jikkawża dannu lill-industrija tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(6) u (7) ta’ dan ir-regolament.

62

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u politiċi li huma għandhom jeżaminaw (sentenza tal‑4 ta’ Frar 2021, eurocylinder systems, C‑324/19, EU:C:2021:94, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

L-istħarriġ ġudizzjarju tal-eżerċizzju ta’ tali setgħa għandu, kemm fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE kif ukoll ta’ talba għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità, skont l-Artikolu 267 TFUE, ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenza tal‑4 ta’ Frar 2021, eurocylinder systems, C‑324/19, EU:C:2021:94, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Stħarriġ li jillimita ruħu li jeżamina jekk l-elementi li fuqhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jibbażaw il-konstatazzjonijiet tagħhom humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet li huma jisiltu minnhom ma jaffettwax is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħhom fil-qasam tal-politika kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u l‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 68).

65

F’dan il-każ, ir-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-validità tar-Regolament ikkontestat, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1578, huma bbażati essenzjalment fuq l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2016 u fuq il-konstatazzjonijiet magħmula wara l-ftuħ mill-ġdid, fix-xahar ta’ Mejju 2018, tal-investigazzjoni antidumping li tirrigwarda l-prodotti inkwistjoni.

66

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-punt dwar jekk ir-Regolament ikkontestat, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1578, huwiex kuntrarju għall-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, għandu jitfakkar li din l-aħħar dispożizzjoni tippermetti li jitwarrbu l-ispejjeż li jinsabu fid-dokumenti ta’ kontabbiltà tal-produtturi-esportaturi suġġetti għall-investigazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-“valur normali” tal-prodott simili, filwaqt li huwa ppreċiżat li huwa dan il-valur li jservi sabiex jiġi ddeterminat jekk teżistix sitwazzjoni ta’ dumping, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament bażiku.

67

Issa, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, ma ntweriex fir-regolament ikkontestat, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1578, li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku għall-kalkolu tal-valur normali tal-prodott simili kienu ssodisfatti.

68

Din il-konklużjoni tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2016, li jsegwu diversi rikorsi għal annullament ippreżentati minn ċertu numru ta’ produtturi-esportaturi Arġentini u Indoneżjani. Fi tmiem l-eżami tagħha, il-Qorti Ġenerali kienet, essenzjalment, iddeċidiet li l-istituzzjonijiet ma kinux stabbilixxew suffiċjentement skont il-liġi l-eżistenza ta’ distorsjoni sinjifikattiva tal-prezzijiet tal-materja prima ewlenija użata għall-produzzjoni ta’ bijodiżil fl-Arġentina u fl-Indoneżja li tirriżulta minn sistema ta’ taxxa differenzjali fuq l-esportazzjoni li permezz tagħha ġew applikati rati ta’ tassazzjoni differenti għall-materja prima u l-bijodiżil fil-konfront tagħhom.

69

B’hekk, il-Qorti Ġenerali qieset li l-istituzzjonijiet ma kellhomx iqisu li l-prezzijiet tal-materja prima li ma kinux riflessi b’mod raġonevoli fir-reġistri tal-produtturi esportaturi Arġentini u Indoneżjani u li huma ma kellhomx jeskludu din il-kontabbiltà waqt il-kalkolu tal-valur normali tal-bijodiżil prodott fl-Arġentina u fl-Indoneżja. Għaldaqstant, hija annullat l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament ikkontestat sa fejn dawn kienu jikkonċernaw il-kumpanniji li kkontestaw dan ir-regolament quddiemha billi ppreżentaw rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE.

70

Wara d-deċiżjoni tal-Kunsill li jirtira l-appelli tiegħu fil-Kawżi C‑602/16 P sa C‑609/16 P, diretti kontra s-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2016, dawn il-kawżi tħassru mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 u tas‑16 ta’ Frar 2018. Konsegwentement, is-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2016 saru definittivi u għandhom l-awtorità ta’ res judicata mid-data tal-għoti tagħhom, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li l-awtorità assoluta li tgawdi minnha sentenza ta’ annullament ta’ qorti tal-Unjoni hija marbuta kemm mad-dispożittiv tas-sentenza kif ukoll mal-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tagħha (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, British Airways vs Il‑Kummissjoni, C‑122/16 P, EU:C:2017:861, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Għalkemm is-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2016 jannullaw ir-Regolament ikkontestat biss sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti fil-kawżi inkwistjoni, u dan b’mod konformi mal-prinċipju li l-awtorità ta’ motiv ta’ sentenza ta’ annullament ma tistax tapplika għat-tip ta’ persuni li ma kinux partijiet fil-kawża u li fir-rigward tagħhom is-sentenza ma setgħetx għaldaqstant tkun iddeċidiet fi kwalunkwe każ (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, EU:C:1999:407, punt 55), hemm lok li jinsiltu l-konsegwenzi kollha tal-konstatazzjonijiet magħmula kemm mill-Qorti Ġenerali kif ukoll mill-Kummissjoni stess wara b’mod partikolari l-ftuħ mill-ġdid, fix-xahar ta’ Mejju 2018, tal-investigazzjoni antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina u mill-Indoneżja.

72

Issa, deher ċar li l-approċċ tal-Kunsill li jikkonsisti f’li jitbiegħed, fil-kuntest tal-kalkolu tal-valur normali tal-prodott simili, mill-ispejjeż tal-materja prima ewlenija li jidhru fir-reġistri tal-produtturi esportaturi Arġentini eżaminati, minħabba d-distorsjoni tal-prezzijiet tal-imsemmija materja prima kkawżata mis-sistema ta’ taxxa differenzjali fuq l-esportazzjoni, u fis-sostituzzjoni tagħhom bil-prezz ta’ referenza, ma kienx konformi mal-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku.

73

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li l-premessa 94 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1570 tindika li “l-annullament tal-Qorti Ġenerali tar-Regolament [ikkontestat] japplika biss għal dawk il-kumpaniji li kkontestaw dak ir-regolament quddiem il-Qorti Ġenerali [u li] id-dazji antidumping li ġew imposti fuq kumpaniji oħra ġew legalment miġbura skont il-liġi tal-Unjoni”. Tali konstatazzjoni ma tistax tippreġudika l-possibbiltà għal qorti nazzjonali, adita b’kontestazzjoni dwar l-atti individwali adottati mill-awtoritajiet nazzjonali skont ir-regolament ikkontestat, li tikkontesta l-validità ta’ dan ir-regolament fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, sakemm ma jkunx ġie pprovat li l-persuna kkonċernata kellha mingħajr ebda dubju dritt għal azzjoni legali sabiex tikseb l-annullament tal-imsemmi regolament.

74

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-regolament ikkontestat, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1578, huwiex kuntrarju għar-Regolament bażiku minħabba li l-effetti tal-importazzjonijiet kienu, b’mod żbaljat, is-suġġett ta’ evalwazzjoni kumulattiva skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku, b’tali mod li ma ntweriex b’mod suffiċjenti fid-dritt, skont l-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament bażiku, li hija kwistjoni ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping li kkawżaw dannu fis-sens ta’ dan ir-regolament, għandu jsir riferiment għall-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni antidumping li tirrigwarda l-prodotti inkwistjoni, li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1570 u għat-tħassir tar-regolament ikkontestat, it-tnejn li huma sussegwenti għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

75

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1570, il-Kummissjoni kkonkludiet, wara l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni b’mod partikolari wara s-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2016, li mhux biss il-marġni ta’ dumping tal-Indoneżja kienu de minimis, iżda wkoll li ma setax jitqies li kien hemm relazzjoni reali u sostanzjali ta’ kawża u effett bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ prattiki ta’ dumping fl-Arġentina u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni kif kien meħtieġ mir-Regolament bażiku (premessi 81 sa 89). Fil-fatt, meta wieħed jikkunsidra l-effett tal-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Arġentina indipendentement mill-Indoneżja, ma jistax jiġi stabbilit li kien hemm tali relazzjoni ta’ kawża u effett.

76

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li r-regolament ikkontestat, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1578, huwa invalidu minħabba li jmur kontra r-Regolament bażiku minħabba li ma ntweriex, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-importazzjonijiet kienu s-suġġett ta’ dumping li jikkawża dannu lill-industrija tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(6) u (7) ta’ dan l-aħħar regolament.

77

Għalhekk, għandhom jinsiltu l-konsegwenzi kollha mill-konstatazzjoni, imfakkra b’mod partikolari fil-premessa 91 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1570, li tgħid li ma kienx ġie stabbilit, waqt l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, li kien hemm relazzjoni reali u sostanzjali ta’ kawża u effett bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ prattiki ta’ dumping fl-Arġentina u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni kif meħtieġ skont l-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament bażiku. Minn dan jirriżulta neċessarjament li ma kienx ġie pprovat korrettament li kien jeżisti dannu kkawżat minn dumping u li, konsegwentement, ma setax jiġi stabbilit dazju antidumping, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament bażiku.

78

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi kkonstatat li r-regolament ikkontestat, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1578, huwa invalidu sa fejn jikser ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 2(5) kif ukoll mill-Artikolu 3(4), (6) u (7) tar-Regolament bażiku.

Fuq l‑ispejjeż

79

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1194/2013 tad‑19 ta’ Novembru 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina u l-Indoneżja kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1578 tat‑18 ta’ Settembru 2017 huwa invalidu sa fejn jikser ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 2(5) kif ukoll mill-Artikolu 3(4), (6) u (7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-[Unjoni] Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

( i ) F’dan it-test saret modifika fl-isem tar-Reġistratur, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.