SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Jannar 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Artikolu 9(3) sa (5) – Aċċess għall-ġustizzja – Soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati – Rikors intiż li jikkontesta atti amministrattivi – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali – Assenza ta’ ksur tad-drittijiet jew interessi leġittimi – Spejjeż mhux projbittivi tal-proċeduri ġudizzjarji – Tqassim tal-ispejjeż – Kriterji”

Fil-Kawża C‑252/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Târgu-Mureş (il-Qorti tal-Appell ta’ Târgu-Mureş, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ April 2022, fil-proċedura

Societatea Civilă Profesională de Avocaţi AB & CD

vs

Consiliul Judeţean Suceava,

Preşedintele Consiliului Judeţean Suceava,

Agenţia pentru Protecţia Mediului Bacău,

Consiliul Local al Comunei Pojorâta,

fil-preżenza ta’:

QP,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, J.-C. Bonichot (Relatur), S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: R. Şereş, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Mejju 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għas-Societatea Civilă Profesională de Avocaţi AB & CD, minn D. Ionescu, P. F. Plopeanu u I. Stoia, avocaţi,

għall-Preşedintele Consiliului Judeţean Suceava,u għall-Consiliul Judeţean Suceava, minn Y. Beşleagă u V. Stoica, avocaţi,

għall-Gvern Irlandiż, minn M. Browne, Chief State Solicitor, A. Joyce u M. Tierney, bħala aġenti, assistiti minn B. Foley u D. McGrath, SC, E. Burke-Murphy, BL,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u M. Ioan, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Lulju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(4), kif ukoll tal-Artikolu 9(3) sa (5) tal- Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, li ġiet iffirmata f’Aarhus fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u li ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, is-Societatea Civilă Profesională de Avocaţi AB & CD, soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati rregolata mid-dritt Rumen, (iktar ’il quddiem “AB & CD”) u, min-naħa l-oħra, diversi entitajiet pubbliċi dwar il-legalità ta’ atti amministrattivi adottati minn dawn tal-aħħar bil-għan tal-bini ta’ landfill f’Pojorâta (ir-Rumanija), jiġifieri l-pjan ta’ tqassim f’żoni tas‑16 ta’ Settembru 2009 u l-permess tal-iżvilupp tat‑3 ta’ Ottubru 2012.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

3

L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punti 4 u 5 tiegħu:

“4.   Il-kelma ‘pubbliku’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika waħda jew iktar u, konformement mal-leġiżlazzjoni jew mal-użanza tal-pajjiż, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi mwaqqfa minn dawn il-persuni.

5.   L-espressjoni ‘pubbliku kkonċernat’ tfisser il-pubbliku li huwa affettwat jew li jista’ jiġi affettwat mid-deċiżjonijiet meħuda fi kwistjonijiet ambjentali jew li jkollu interess x’jinvoka fir-rigward tat-teħid ta’ deċiżjonijiet; għall-finijiet ta’ din id-definizzjoni, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu favur il-protezzjoni tal-ambjent u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jistgħu jkunu meħtieġa mid-dritt intern huma meqjusa li għandhom interess” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4

L-Artikolu 3(8) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprovdi:

“Kull Parti għandha tiżgura li l-persuni li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni bl-ebda mod ma jkunu ppenalizzati jew suġġetti għal prosekuzzjoni jew miżuri vessatorji minħabba l-azzjoni tagħhom. Din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma tippreġudika s-setgħa tal-qrati nazzjonali li jagħtu spejjeż raġonevoli mal-eżitu ta’ proċedura ġudizzjarja” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5

L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, intitolat “Aċċess għall-ġustizzja”, jipprevedi fil-paragrafi 2 sa 5 tiegħu:

“2.   Kull parti għandha tiżgura li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, il-membri tal-pubbliku kkonċernat

a)

li jkollhom interess ġuridiku suffiċjenti jew, jekk le

b)

li jinvokaw ksur ta’ dritt, meta l-kodiċi ta’ proċedura amministrattiva ta’ Parti jeżiġi tali kundizzjoni,

ikunu jistgħu jippreżentaw rikors quddiem istanza ġudizzjarja u/jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit mil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità, kemm fil-mertu u kemm minn aspett proċedurali, ta’ kwalunkwe deċiżjoni, att jew ommissjoni li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u, jekk id-dritt intern jipprevedi dan u bla ħsara għall-paragrafu 3 iktar ’il quddiem, taħt dispożizzjonijiet rilevanti oħra ta’ din il-Konvenzjoni.

X’jikkostitwixxi interess suffiċjenti u ksur ta’ dritt għandu jiġi ddeterminat skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern u konformement mal-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-Konvenzjoni. Għal dan il-għan, l-interess ta’ kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattivi li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fil-punt 5 tal-Artikolu 2 għandu jitqies li huwa suffiċjenti fis-sens tal-punt (a) iktar ’il fuq. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ksur fis-sens tal-punt (b) iktar ’il fuq.

[…]

3.   Barra minn hekk, u bla ħsara għall-proċeduri ta’ rikors imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 iktar ’il fuq, kull Parti għandha tiżgura li l-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji eventwalment previsti mid-dritt intern tagħha jkunu jistgħu jiftħu proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ individwi jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent.

4.   Barra minn hekk, u bla ħsara għall-paragrafu 1, il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 iktar ’il fuq għandhom joffru rimedji suffiċjenti u effettivi, inkluż rimedju permezz ta’ ordni jekk ikun il-każ, u dawn ir-rimedji għandhom ikunu oġġettivi, ekwi u rapidi, mingħajr ma jkunu jinvolvu spejjeż projbittivi. […]

5.   Sabiex id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu jkunu iktar effettivi, kull Parti għandha tiżgura li l-pubbliku jiġi informat dwar il-possibbiltà mogħtija lilu li jibda proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji, u għandha tikkunsidra l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi adegwati ta’ għajnuna intiżi li jeliminaw jew inaqqsu l-ostakoli finanzjarji jew oħrajn li jfixklu l-aċċess għall-ġustizzja. [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Id‑dritt Rumen

6

L-Artikolu 56 tal-Legea nr. 134/2010 privind Codul de procedură civilă (il-Liġi Nru 134/2010 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 247 tal‑10 ta’ April 2015), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”), jipprovdi:

“1.   Kull persuna li jkollha t-tgawdija tad-drittijiet ċivili tista’ tkun parti fil-proċedura.

2.   Madankollu, jista’ jkollhom locus standi in judicio l-assoċjazzjonijiet, il-kumpanniji jew l-entitajiet l-oħra mingħajr personalità ġuridika, sakemm dawn ikunu kkostitwiti skont il-liġi.

[…]”

7

L-Artikolu 451 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-ispejjeż jinkludu t-taxxi tal-boll u l-bolla ġudizzjarja, l-onorarji tal-avukati, tal-esperti u tal-ispeċjalisti maħtura skont l-Artikolu 330(3), l-ammonti dovuti lix-xhieda għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u t-telf sostnut minħabba l-preżenza tagħhom fil-proċess, l-ispejjeż tat-trasport u, jekk ikun il-każ, l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, kif ukoll l-ispejjeż l-oħra kollha neċessarji għall-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura.

2.   Il-qorti tista, anki ex officio, tnaqqas, fuq bażi rraġunata, il-parti tal-ispejjeż li tikkorrispondi għall-onorarji tal-avukat meta dawn ikunu manifestament sproporzjonati għall-valur u l-kumplessità tal-kawża jew għax-xogħol imwettaq mill-avukat, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. Il-miżura meħuda mill-qorti hija mingħajr effett fir-relazzjoni bejn l-avukat u l-klijent tiegħu.

[…]

4.   Madankollu, ma jista’ jsir ebda tnaqqis tal-ispejjeż fir-rigward tal-ħlas tat-taxxi tal-boll u tal-boll ġudizzjarju, kif ukoll tal-ħlas tal-ammonti dovuti lix-xhieda skont il-paragrafu 1.”

8

L-Artikolu 452 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprovdi:

“Il-parti li titlob il-kundanna għall-ispejjeż għandha tipprova, fil-kundizzjonijiet previsti mil-liġi, l-eżistenza u l-portata ta’ dawn l-ispejjeż sa mhux iktar tard mid-data tal-għeluq tad-dibattiti fuq il-mertu.”

9

Skont l-Artikolu 453 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili:

“1.   Il-parti telliefa għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-parti rebbieħa, jekk din titlob dan.

2.   Meta t-talba tkun intlaqgħet biss parzjalment, l-Imħallfin għandhom jiddeterminaw sa liema estent kull waħda mill-partijiet tista’ tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Jekk ikun il-każ, l-Imħallfin jistgħu jordnaw il-kumpens tal-ispejjeż.”

10

L-Artikolu 1 tal-Legea contenciosului administrativ nr. 554/2004 (il-Liġi dwar il-Kontenzjuż Amministrattiv Nru 554/2004) (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 1154 tas‑7 ta’ Diċembru 2004), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kontenzjuż Amministrattiv”), jipprevedi:

“1.   Kull persuna li jidhrilha li xi wieħed mid-drittijiet jew interessi leġittimi tagħha nkisru minn xi awtorità pubblika, permezz ta’ miżura amministrattiva jew permezz tan-nuqqas ta’ din l-awtorità li tipproċessa xi applikazzjoni fit-terminu stabbilit mil-liġi, tista’ titlob lill-qorti amministrattiva kompetenti biex tannulla din il-miżura, biex tirrikonoxxi d-dritt jew l-interess leġittimu invokat u l-kumpens għad-dannu mġarrab. L-interess leġittimu jista’ jkun jew privat jew pubbliku.

2.   Kull persuna li d-drittijiet jew l-interessi leġittimi tagħha inkisru minħabba miżura amministrattiva individwali indirizzata lil persuna oħra tista’ tippreżenta rikors quddiem il-qorti amministrattiva.

[…]”

11

L-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar il-Kontenzjuż Amministrattiv jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din il-Liġi, il-kliem u l-espressjonijiet mogħtija hawn taħt għandu jkollhom it-tifsira li ġejja:

[…]

p)

‘interess privat leġittimu’ għandu jfisser il-possibbiltà li wieħed jippretendi ċertu aġir fir-rigward tal-għoti ta’ dritt suġġettiv futur u prevedibbli antiċipat;

r)

‘interess pubbliku leġittimu’ għandu jfisser interess fir-rigward tas-sistema legali u d-demokrazija kostituzzjonali, il-garanzija tad-drittijiet, libertajiet u obbligi fundamentali taċ-ċittadini, l-osservanza tal-bżonnijiet tal-komunità u l-eżerċizzju tas-setgħat tal-awtoritajiet pubbliċi;

s)

‘organizzazzjonijiet soċjali kkonċernati’ għandu jfisser strutturi mhux governattivi, sindakati, assoċjazzjonijiet, fondazzjonijiet u kopri simili oħra, li l-iskop tagħhom huwa li jipproteġu d-drittijiet ta’ kategoriji differenti ta’ ċittadini jew il-funzjonament tajjeb tas-servizzi amministrattivi pubbliċi, skont il-każ;

[…]”

12

L-Artikolu 8(1)bis tal-Liġi dwar il-Kontenzjuż Amministrattiv jipprovdi:

“Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi rregolati mid-dritt privat jistgħu jressqu azzjoni biex jipproteġu l-interess pubbliku leġittimu biss b’mod sussidjarju, fejn il-ksur tal-interess pubbliku leġittimu jirriżulta loġikament mill-ksur ta’ dritt suġġettiv jew ta’ interess privat leġittimu.”

13

L-Artikolu 196(3) tal-iStatul profesiei de avocat (l-Istatut tal-Professjoni ta’ Avukat) (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 898 tat‑3 ta’ Diċembru 2011) huwa fformulat kif ġej:

“Għal kwistjonijiet li jirriżultaw mit-twettiq tal-attività professjonali, is-soċjetà ċivili tista’ tieħu azzjoni legali bħala rikorrenti jew konvenuta, anki jekk ma jkollhiex personalità ġuridika”.

14

Skont l-Artikolu 20(5) u (6) tal-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 195/2005 privind protecția mediului (l-Ordni ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 195/2005 dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent) (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 1196 tat‑30 ta’ Diċembru 2005, iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 195/2005”):

“5.   L-aċċess tal-pubbliku għall-ġustizzja għandu jkun ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

6.   L-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent għandu jkollhom id-dritt li jieħdu azzjoni legali fi kwistjonijiet ambjentali u jkollhom locus standi fi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-ambjent.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

15

Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem it-Tribunalul Cluj (il-Qorti tal-Kontea ta’ Cluj, ir-Rumanija), f’Ottubru 2018, soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati, AB & CD, talbet l-annullament ta’ diversi atti amministrattivi adottati mill-awtoritajiet Rumeni bil-għan tal-kostruzzjoni ta’ landfill f’Pojorâta, jiġifieri l-pjan ta’ tqassim f’żoni tas‑16 ta’ Settembru 2009 u l-permess tal-iżvilupp tat‑3 ta’ Ottubru 2012.

16

Insostenn tar-rikors tagħha, AB & CD invokat, b’mod partikolari, l-Artikolu 35 tal-Kostituzzjoni Rumena dwar id-dritt għal ambjent b’saħħtu, kif ukoll diversi dispożizzjonijiet tal-OUG Nru 195/2005 u tal-Hotărârea de Guvernului nr. 1.1076/2004 privind stabilirea procedurii de realizare a evaluării de mediu pentru planuri și programe, (id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 1 1076/2004 dwar l-Istabbiliment tal-Proċedura tal-Evalwazzjoni Ambjentali tal-Pjanijiet u Programmi) filwaqt li l-konvenuti sostnew li l-landfill inkwistjoni kienet tosserva r-rekwiżiti tekniċi kollha li jirriżultaw mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE, tas‑26 ta’ April 1999, dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 4, p. 228; rettifika fil-ĠU 2018, L 91, p. 30).

17

Barra minn hekk, il-konvenuti qajmu tliet eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà.

18

Minn naħa, skont id-dritt Rumen, AB & CD ma għandhiex personalità ġuridika u ma tistax tkun parti fi proċeduri legali, ħlief fir-rigward tal-kawżi li jirriżultaw mill-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħha, li ma huwiex il-każ hawnhekk. Min-naħa l-oħra, peress li ma invokatx il-ksur tad-drittijiet suġġettivi tagħha jew tal-interessi leġittimi privati tagħha, din is-soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati la ġġustifikat il-locus standi tagħha u lanqas l-interess ġuridiku tagħha fil-konfront tal-atti amministrattivi.

19

Permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Frar 2019, it-Tribunalul Cluj (il-Qorti Reġjonali ta’ Cluj) ċaħdet il-locus standi in judicio ta’ AB & CD. Din, għall-kuntrarju, laqgħet iż-żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà l-oħra minħabba li AB & CD ma ġġustifikatx il-locus standi tagħha u l-interess ġuridiku tagħha. Fil-fatt, mil-Liġi dwar il-Kontenzjuż jirriżulta li rikorrent jista’ jinvoka l-interess pubbliku biss b’mod sussidjarju, sa fejn il-ksur ta’ dan l-interess pubbliku joħroġ mill-ksur ta’ dritt suġġettiv jew ta’ interess privat leġittimu. Issa, AB & CD, bħala soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati, ma semmiet ebda ksur ta’ interess privat leġittimu. Għalhekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn l-aħħar żewġ eċċezzjonijiet ġew eżaminati flimkien, peress li AB & CD ma kellhiex locus standi sa fejn hija ma ġġustifikatx interess privat leġittimu.

20

AB & CD appellat quddiem il-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija). Ġie ppreżentat appell inċidentali mill-Consiliul Județean Suceava (il-Kunsill tal-Kontea ta’ Suceava, ir-Rumanija) sabiex tiġi kkontestata ċ-ċaħda tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-assenza ta’ locus standi in judicio.

21

Permezz ta’ sentenza tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) li laqgħet talba tal--Kunsill tal-Kontea ta’ Suceava intiża li tneħħi l-ġurisdizzjoni lill-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj), dawn l-appelli ġew ittrasferiti lill-Curtea de Apel Târgu-Mureș (il-Qorti tal-Appell ta’ Târgu-Mureș, ir-Rumanija), jiġifieri l-qorti tar-rinviju.

22

Din tal-aħħar tirrileva li, f’dan il-każ, għandha l-obbligu li tapplika l-Artikolu 20 tal-OUG Nru 195/2005. Skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, l-aċċess għall-ġustizzja fil-qasam tal-ambjent isir skont id-“dispożizzjonijiet legali fis-seħħ”, filwaqt li, skont il-paragrafu 6 tal-imsemmi artikolu, sistema partikolari tapplika għar-rikorsi tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent.

23

Huwa paċifiku li AB & CD ma tibbenefikax mis-sistema prevista għal dawn l-organizzazzjonijiet u li, konsegwentement, l-ammissibbiltà tar-rikors tagħha kontra l-atti amministrattivi inkwistjoni u, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk hija għandhiex locus standi, għandha tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli ġenerali tal-Liġi dwar il-Kontenzjuż Amministrattiv.

24

Minn din il-liġi jirriżulta li l-leġiżlatur Rumen għażel kontenzjuż “suġġettiv”, li jimplika li, inizjalment, rikorrent għandu jinvoka interess proprju, jiġifieri “interess privat leġittimu”, kif imsemmi fl-Artikolu 2(1)(p) tal-imsemmija liġi. Huwa biss sussegwentement, wara li jkun wera’ l-eżistenza ta’ tali interess proprju, li rikorrent jista’ jinvoka wkoll “interess pubbliku leġittimu”.

25

Għall-kuntrarju, skont l-Artikolu 20(6) tal-OUG Nru 195/2005, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi għall-protezzjoni tal-ambjent ma humiex obbligati li jiġġustifikaw interess privat leġittimu u għalhekk jistgħu jaċċedu għall-ġustizzja fil-kuntest ta’ kontenzjuż oġġettiv.

26

Dawn id-dispożizzjonijiet kollha jirriflettu dawk tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus li jirregola l-aċċess għall-ġustizzja tal-“pubbliku kkonċernat”, jiġifieri, konformement mal-punt 5 tal-Artikolu 2 ta’ din il-konvenzjoni, “il-pubbliku li huwa affettwat jew li jista’ jiġi affettwat mid-deċiżjonijiet meħuda fi kwistjonijiet ambjentali” [traduzzjoni mhux uffiċċjali].

27

Minn dan isegwi li, sabiex jintwera li hija għandha locus standi, AB & CD kellha tiġġustifika interess privat leġittimu jew l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ġuridika marbuta direttament mal-għan tagħha, billi turi li hija kienet ġiet affettwata mill-atti amministrattivi inkwistjoni.

28

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk, f’tilwima fil-qasam tal-ambjent, tali rekwiżit jistax ikun konformi mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

29

Barra minn hekk, din il-qorti tirrileva li, fir-rigward tas-soċjetajiet ċivili professjonali ta’ avukati li ma għandhomx personalità ġuridika, bħal AB & CD, l-Artikolu 196(3) tal-Istatut tal-Professjoni ta’ Avukat jirrikonoxxilhom id-dritt ta’ locus standi in judicio bħala rikorrenti jew konvenuta biss għat-tilwimiet li jirriżultaw mill-eżerċizzju tal-attività professjonali.

30

F’dan il-każ, AB & CD ma invokatx ksur tad-drittijiet tagħha stess, iżda dak tal-interess pubbliku u tad-drittijiet tal-avukati li din hija kkostitwita minnhom, billi sostniet li l-landfill ta’ Pojorâta kellu impatt qawwi fuq dawn tal-aħħar u, potenzjalment, fuq is-saħħa tal-persuni li jgħixu fir-reġjun ikkonċernat kif ukoll fuq it-turiżmu. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jagħtix locus standi lil AB & CD fil-kuntest tar-rikors tagħha kontra l-atti amministrattivi inkwistjoni.

31

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tirrileva li AB & CD issostni li jeżisti riskju li spejjeż projbittivi jiġu imposti fuqha u li d-dritt Rumen ma jippermettilhiex li tipprevedi l-ammont li hija jista’ jkollha tħallas.

32

F’dan ir-rigward, l-Artikoli 451 sa 453 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jirregolaw, b’mod ġenerali, il-kwistjoni tal-ispejjeż. Dawn jinkludu, b’mod partikolari, spejjeż legali u l-onorarji tal-avukati. Il-parti telliefa tista’ tiġi kkundannata għall-ispejjeż fuq talba tal-parti rebbieħa. Fil-każ fejn l-onorarji tal-avukat ikunu manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-kumplessità tal-kawża jew max-xogħol imwettaq mill-avukat, il-qorti adita tista’ tnaqqas il-parti tal-ispejjeż li jikkorrispondu għall-onorarji tal-avukat.

33

Il-qorti tar-rinviju tixtieq tistabbilixxi jekk dawn ir-regoli tad-dritt Rumen humiex konformi mar-rekwiżit ta’ spejjeż mhux projbittivi tal-proċeduri ġudizzjarji fil-qasam tal-ambjent, previst fl-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Barra minn hekk, ma huwiex ċert li l-Artikoli 451 sa 453 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jinkludu kriterji suffiċjenti li jippermettu lil persuna rregolata mid-dritt privat tevalwa u tantiċipa l-ispejjeż tal-proċedura għolja.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Târgu-Mureş (il-Qorti tal-Appell ta’ Târgu-Mureş) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-“Karta”], ikkunsidrat flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, [Artikolu 2(4)] ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni [ta’ Aarhus], għandhom jiġu interpretati fis-sens li entità legali bħal soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati, li ma tistrieħ fuq ebda ksur ta’ dritt jew interess ta’ dik l-entità, iżda pjuttost fuq il-ksur ta’ drittijiet u ta’ interessi ta’ persuni fiżiċi – avukati li jikkostitwixxu dik il-forma ta’ organizzazzjoni tal-professjoni – taqa’ taħt il-kunċett ta’ “pubbliku”, u tali entità tista’ tiġi assimilata, fis-sens tal-[Artikolu 2(4)] tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, għal grupp ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu permezz ta’ assoċjazzjoni jew organizzazzjoni?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, fid-dawl kemm tal-għanijiet tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus kif ukoll tal-għan tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-[Karta] ikkunsidrati flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tissuġġetta l-aċċess għall-qrati għal tali soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati għall-ġustifikazzjoni tal-interess tagħhom stess jew għall-fatt li r-rikors huwa intiż li jipproteġi sitwazzjoni legali direttament relatata mal-għan innifsu tat-twaqqif ta’ dik il-forma ta’ organizzazzjoni, f’dan il-każ soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel u għat-tieni domanda, jew indipendentement mir-risposti għaż-żewġ domandi msemmija iktar ’il fuq, l-Artikolu 9(3), (4) u (5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-[Karta], ikkunsidrati flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li [l-ħtieġa li] r-rimedju xieraq u effettiv, inkluża l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, “ma tkunx wisq oneruża”, jippreżupponi regoli u/jew kriterji sabiex jiġu limitati l-ispejjeż li jistgħu jiġu imposti fuq il-parti li titlef, fis-sens li l-qorti nazzjonali tiggarantixxi l-osservanza tar-rekwiżit fl-assenza ta’ spejjeż projbittivi fid-dawl kemm tal-interessi tal-persuna li tfittex li tipproteġi d-drittijiet tagħha kif ukoll fl-interess ġenerali tal-ħarsien ambjentali?”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

35

Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika l-proċedura mħaffa għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-kawża ilha pendenti quddiem il-qrati nazzjonali mit‑3 ta’ Ottubru 2018.

36

Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukata Ġenerali, ċaħad din it-talba permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Ġunju 2022. Fil-fatt, il-fatt li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tagħmel kull sforz sabiex tiżgura li l-kawża prinċipali tiġi riżolta malajr ma jistax fih innifsu jkun biżżejjed sabiex jiġġustifika l-użu tal-proċedura mħaffa (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑31 ta’ Lulju 2017, Mobit,C‑350/17 u C‑351/17, EU:C:2017:626, punt 6 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

37

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni semmiet il-mistoqsijiet tagħha dwar iċ-ċarezza tat-talba għal deċiżjoni preliminari, minħabba d-deskrizzjoni inkompleta, mill-qorti tar-rinviju, tal-motivi invokati minn AB & CD insostenn tar-rikors tagħha u tad-drittijiet li hija tislet mid-dritt tal-Unjoni.

38

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2023, WertInvest Hotelbetrieb,C‑575/21, EU:C:2023:425, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tixtieq tkun taf, b’mod partikolari, jekk AB & CD tistax tinvoka d-dritt għal azzjoni legali ggarantit fl-Artikolu 9(3) ta’ din il-konvenzjoni.

40

Skont din id-dispożizzjoni, “kull Parti għandha tiżgura li l-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji eventwalment previsti mid-dritt intern tagħha jkunu jistgħu jiftħu proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ individwi jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

41

Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 32 sa 34 tal-konklużjonijiet tagħha, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-kawża prinċipali tinvolvi verifika tal-legalità tal-atti amministrattivi fid-dawl tal-obbligi li, fil-qasam tar-rimi ta’ skart f’landfill jirriżultaw mid-Direttiva 1999/31. Minn dan isegwi li din it-tilwima tikkonċerna r-rispett tad-“dritt nazzjonali tal-ambjent”, imsemmi fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, u taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Deutsche Umwelthilfe (Approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur),C‑873/19, EU:C:2022:857, punti 505658).

42

Konsegwentement, din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq it‑tieni domanda

43

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li għandu jiġi rrikonoxxut biss locus standi lil entità ġuridika, li ma hijiex organizzazzjoni mhux governattiva għall-protezzjoni tal-ambjent, fir-rigward ta’ att amministrattiv li din ma hijiex id-destinatarja tiegħu meta din tinvoka l-ksur ta’ interess privat leġittimu jew ta’ interess marbut ma’ sitwazzjoni legali marbuta direttament mal-għan tagħha.

44

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, skont l-Artikoli 1, 2 u 8 tal-Liġi dwar il-Kontenzjuż Amministrattiv, persuna leża, kemm jekk tkun persuna fiżika jew ġuridika rregolata mid-dritt privat jew organu soċjali, għandha tinvoka l-ksur ta’ interess proprju, jiġifieri ta’ interess privat leġittimu. Fir-rigward, b’mod speċifiku, ta’ soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati li ma għandhiex personalità ġuridika, bħal AB & CD, il-qorti tar-rinviju tinvoka wkoll l-Artikolu 196(3) tal-Istatut tal-Professjoni ta’ Avukat, li jipprovdi li tali soċjetà jista’ biss ikollha locus standi in judicio sabiex tipproteġi interessi marbuta ma’ sitwazzjoni legali marbuta direttament mal-għan tagħha, jiġifieri l-eżerċizzju tal-attività professjonali. Essenzjalment, jistgħu jinvokaw tali interessi proprji b’mod partikolari l-persuni li huma milquta jew li jirriskjaw li jintlaqtu minn att amministrattiv.

45

Barra minn hekk, għandha ssir distinzjoni bejn l-interessi privati leġittimi u l-interessi pubbliċi leġittimi. Dawn tal-aħħar jistgħu jiġu invokati minn rikorrent biss jekk jiġġustifika, prinċipalment, interess privat leġittimu.

46

Fil-qasam tal-ambjent, eċċezzjoni għal din l-aħħar regola hija prevista fl-Artikolu 20(6) tal-OUG Nru 195/2005, għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent. Din id-dispożizzjoni tippermettilhom jinvokaw, prinċipalment, interess pubbliku leġittimu mingħajr ma jkunu obbligati jiġġustifikaw interess privat leġittimu.

47

F’dan il-każ, huwa paċifiku li s-soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati AB & CD, rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi assimilata ma’ tali organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent u li, konsegwentement, skont id-dritt nazzjonali, hija tagħmel parti mill-kategorija tar-rikorrenti li għandhom locus standi biss meta jiġġustifikaw interess privat leġittimu.

48

F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta wkoll li, fil-kuntest tar-rikors tagħha kontra l-atti amministrattivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-pjan ta’ tqassim f’żoni tas‑16 ta’ Settembru 2009 u l-permess tal-iżvilupp tat‑3 ta’ Ottubru 2012, AB & CD ma invokatx ksur tad-drittijiet tagħha stess u, b’mod partikolari, hija la ġġustifikat interess privat leġittimu u lanqas interess marbut ma’ sitwazzjoni legali marbuta direttament mal-għan tagħha. Minn dan isegwi li hija ma għandhiex locus standi quddiem il-qorti tar-rinviju. L-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll is-sottomissjonijiet orali waqt is-seduta tal‑4 ta’ Mejju 2023 ikkonfermaw li la din is-soċjetà ċivili professjonali ta’ avukati u lanqas il-grupp ta’ persuni li hija kkostitwita minnhom ma għandhom rabta konkreta mal-proġett ikkonċernat mill-atti amministrattivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li dan il-grupp ta’ persuni ma kienx iġġustifika interess privat leġittimu.

49

Huwa f’dan il-kuntest li għandha titqiegħed it-tieni domanda li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tfittex li tiddetermina jekk l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tissuġġetta l-ammissibbiltà tar-rikors għall-ġustifikazzjoni ta’ interess privat leġittimu u li l-applikazzjoni tagħha twassal, f’dan il-każ, għall-inammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn AB & CD.

50

Għandu jitfakkar, qabelxejn, li minn din id-dispożizzjoni u b’mod partikolari mill-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, ir-rimedji previsti fiha jistgħu jkunu suġġetti għal “kriterji”, jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lilhom f’dan ir-rigward, jistabbilixxu regoli tad-dritt proċedurali dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jiġu eżerċitati tali azzjonijiet (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Deutsche Umwelthilfe (Approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur),C‑873/19, EU:C:2022:857, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-portata ta’ din is-setgħa ta’ evalwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li skont l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, il-kriterji li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu fid-dritt nazzjonali tagħhom jirrigwardaw id-determinazzjoni taċ-ċirku ta’ detenturi ta’ dritt għal azzjoni legali, u mhux id-determinazzjoni tas-suġġett tar-rikors sa fejn dan jirrigwarda l-ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Deutsche Umwelthilfe (Approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur),C‑873/19, EU:C:2022:857, punt 64).

52

Barra minn hekk, fis-sistema stabbilita mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus, l-Artikolu 9(2) ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi dritt għal azzjoni legali fir-rigward tal-atti li jaqgħu taħt l-Artikolu 6 tagħha għall-benefiċċju ta’ ċirku ristrett ta’ persuni, jiġifieri l-membri tal-pubbliku “kkonċernat”, imsemmija fl-Artikolu 2(5) tal-imsemmija konvenzjoni.

53

L-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandu kamp ta’ applikazzjoni iktar wiesa’ sa fejn ikopri kategorija ta’ atti u ta’ deċiżjonijiet iktar estiża u huwa indirizzat lill-membri tal-“pubbliku” b’mod ġenerali. Għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni tagħti setgħa ta’ evalwazzjoni ikbar lill-Istati Membri meta dawn jistabbilixxu l-kriterji li jippermettu li jiġu ddeterminati, fost il-membri kollha tal-pubbliku, id-detenturi effettivi tad-dritt għal azzjoni legali li din tipprevedi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, Stichting Varkens in Nood et (C‑826/18, EU:C:2021:7, punti 363762).

54

Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal azzjoni legali previst fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jitlef kull effett utli jekk, permezz tal-impożizzjoni ta’ tali kriterji, ċerti kategoriji ta’ “membri tal-pubbliku” jiġu mċaħħda minn kull dritt għal azzjoni legali (sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, Stichting Varkens in Nood et (C‑826/18, EU:C:2021:7, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat ukoll, bħalma għamlet l-Avukata Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tagħha, li mid-dokument ippubblikat mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, intitolat “Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, Gwida għall-Implimentazzjoni” (It-tieni edizzjoni, 2014), jirriżulta li l-partijiet għal din il-konvenzjoni “ma humiex obbligati jistabbilixxu sistema ta’ azzjoni popolari (actio popularis) b’tali mod li kull persuna tkun tista’ tikkontesta kwalunkwe deċiżjoni, att jew ommissjoni li jikkonċerna l-ambjent” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

56

F’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punti 44 sa 46 ta’ din is-sentenza, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Kontenzjuż Amministrattiv, ir-rikorrenti, li ma humiex l-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent, għandhom locus standi kontra att amministrattiv li huma ma humiex id-destinatarji tiegħu biss jekk jiġġustifikaw “interess privat leġittimu” li huwa speċifiku għalihom, li huwa b’mod partikolari l-każ meta huma jintlaqtu jew jirriskjaw li jiġu affettwati minn tali att.

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li din il-kundizzjoni prevista mid-dritt Rumen tippermetti li jiġu ddeterminati d-detenturi effettivi tad-dritt għal azzjoni legali stabbilit fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, mingħajr ma jiġi limitat is-suġġett tar-rikors.

58

Fit-tieni lok, ma jidhirx li, skont l-imsemmija kundizzjoni, ċerti “kategoriji” tal-membri tal-pubbliku huma miċħuda minn kull dritt għal azzjoni legali. Għall-kuntrarju, in-neċessità li jiġi ġġustifikat interess privat leġittimu twassal biss għall-inammissibbiltà tar-rikorsi tal-persuni li ma għandhomx rabta konkreta mal-att amministrattiv li huma jixtiequ jikkontestaw. Għalhekk, il-leġiżlatur Rumen evita li joħloq azzjoni popolari, mingħajr ma rrestrinġa indebitament l-aċċess għall-ġustizzja.

59

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44), li timplimenta l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li l-leġiżlatur nazzjonali jista’ jillimita d-drittijiet li l-ksur tagħhom jista’ jiġi invokat minn individwu sabiex ikun jista’ jifformula rikors skont dan l-Artikolu 11 għad-drittijiet suġġettivi biss, jiġifieri d-drittijiet individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen,C‑535/18, EU:C:2020:391, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw, iktar u iktar, f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Kif ġie rrilevat fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni tagħti setgħa ta’ evalwazzjoni ikbar lill-Istati Membri meta jistabbilixxu l-kriterji li jippermettu li jiġu ddeterminati d-detenturi effettivi tad-dritt għal azzjoni legali li hija tipprevedi milli meta jimplimentaw l-Artikolu 9(2) ta’ din il-konvenzjoni.

61

Fit-tielet u l-aħħar lok, il-kundizzjoni dwar il-ġustifikazzjoni ta’ interess privat leġittimu ma tapplikax għall-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent rikonoxxuti mid-dritt Rumen. Dawn huma f’pożizzjoni li jiddefendu l-interess pubbliku mingħajr ma jkollhom għalfejn juru li kienu affettwati b’mod individwali.

62

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, li jidher li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 50 sa 55 ta’ din is-sentenza kundizzjoni li tissuġġetta l-locus standi tar-rikorrenti, li ma humiex l-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent, fil-konfront ta’ att amministrattiv li ma humiex id-destinatarju tiegħu għall-ġustifikazzjoni ta’ interess privat leġittimu.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li għandu jiġi rrikonoxxut biss locus standi lil entità ġuridika, li ma hijiex organizzazzjoni mhux governattiva għall-protezzjoni tal-ambjent, fil-konfront ta’ att amministrattiv li din ma hijiex id-destinatarja tiegħu meta din tinvoka l-ksur ta’ interess privat leġittimu jew ta’ interess marbut ma’ sitwazzjoni legali marbuta direttament mal-għan tagħha.

Fuq l‑ewwel domanda

64

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 47 ta’ din is-sentenza, huwa paċifiku li, fil-kuntest tar-rikors kontra l-atti amministrattivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, AB & CD għandha, sabiex turi l-locus standi tagħha, tiġġustifika interess marbut ma’ sitwazzjoni legali b’rabta diretta mal-għan tagħha jew, bħall-grupp ta’ persuni li jifformaw din il-kumpannija, ta’ interess privat leġittimu.

65

Kif ġie rrilevat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, la AB & CD u lanqas il-grupp ta’ persuni li hija kkostitwita minnhom ma ġġustifikaw interess privat leġittimu u AB & CD ma ġġustifikatx interess marbut ma’ sitwazzjoni legali b’rabta diretta mal-għan tagħha.

66

Minn dan isegwi li, fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma huwiex iktar neċessarju li tingħata risposta għall-ewwel domanda li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tfittex li tistabbilixxi jekk AB & CD taqax taħt il-kunċett ta’ “pubbliku”, jiġifieri fiċ-ċirku ta’ persuni msemmija fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus li jista’, bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri, jinvoka d-dritt għal azzjoni legali ggarantit fl-Artikolu 9(3) ta’ din il-konvenzjoni.

Fuq it‑tielet domanda

67

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(4) u (5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tar-rekwiżit marbut mal-assenza ta’ spejjeż projbittivi tal-proċeduri ġudizzjarji, il-qorti mitluba tiddeċiedi dwar il-kundanna għall-ispejjeż ta’ parti telliefa, f’tilwima fil-qasam tal-ambjent, għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-interess ta’ din il-parti u l-interess ġenerali marbut mal-protezzjoni tal-ambjent.

68

Preliminarjament, għandu jitfakkar li ġie stabbilit, fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, li l-kawża prinċipali tikkonċerna, fil-mertu, ir-rispett tad-dritt nazzjonali tal-ambjent, imsemmi fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, u għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-dispożizzjoni.

69

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, li jispeċifika l-karatteristiċi li għandu jkollhom ir-rikorsi, u b’mod partikolari l-karatteristika li ma għandux jinvolvi spejjeż projbittivi, japplika espressament għar-rikors imsemmi fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, North East Pylon Pressure Campaign u Sheehy, C‑470/16, EU:C:2018:185, punt 48).

70

Sussegwentement, ir-rekwiżit li ċerti proċeduri ġudizzjarji ma għandhomx jinvolvu spejjeż projbittivi, kif previst mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus, għandu jitqies li japplika għal proċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri proċedura li hija intiża li tikkontesta, fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali tal-ambjent, pjan ta’ tqassim f’żoni u permess tal-iżvilupp (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, North East Pylon Pressure Campaign u Sheehy, C‑470/16, EU:C:2018:185, punt 49).

71

Għandu jiġi ppreċiżat li tali rekwiżit japplika irrispettivament mill-eżitu tal-kawża prinċipali, anki jekk ir-rikors tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba l-assenza ta’ locus standi jew ta’ interess ġuridiku. Fil-fatt, xorta jibqa’ l-fatt li, kif tfakkar fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, il-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

72

Fuq il-mertu, għandu jitfakkar li r-rekwiżit dwar l-assenza ta’ spejjeż projbittivi tal-proċeduri ġudizzjarji fil-qasam tal-ambjent bl-ebda mod ma jipprekludi lill-qrati nazzjonali milli jimponu spejjeż fuq rikorrent. Dan jirriżulta espliċitament mill-Artikolu 3(8) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus li jippreċiża li s-setgħa tal-qrati nazzjonali li jattribwixxu spejjeż, ta’ ammont raġonevoli, fi tmiem proċedura ġudizzjarja ma hijiex ippreġudikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, North East Pylon Pressure Campaign u Sheehy, C‑470/16, EU:C:2018:185, punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

73

Għandu jitfakkar ukoll li r-rekwiżit li l-ispejjeż ta’ proċess ma għandhomx ikunu projbittivi jikkonċerna l-ispejjeż finanzjarji kollha li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni fil-proċedura ġudizzjarja u li, konsegwentement, in-natura projbittiva għandha tiġi evalwata globalment, fid-dawl tal-ispejjeż kollha sostnuti mill-parti kkonċernata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos, C‑260/11, EU:C:2013:221, punti 2728 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

74

F’dan il-kuntest, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kemm l-interess tal-persuna li tkun tixtieq tiddefendi d-drittijiet tagħha, kif ukoll l-interess ġenerali marbut mal-protezzjoni tal-ambjent. Għalhekk, din l-evalwazzjoni ma tistax tinvolvi biss is-sitwazzjoni ekonomika tal-parti kkonċernata, iżda għandha wkoll tkun ibbażata fuq analiżi oġġettiva tal-ammont tal-ispejjeż, u dan b’mod partikolari minħabba li l-individwi u l-assoċjazzjonijiet huma naturalment mitluba jassumu rwol attiv fid-difiża tal-ambjent. Għaldaqstant, l-ispejjeż ta’ proċedura la għandha tmur lil hinn mill-kapaċitajiet finanzjarji tal-parti kkonċernata u lanqas, fi kwalunkwe każ, ma għandha tidher li hija oġġettivament irraġonevoli (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos, C‑260/11, EU:C:2013:221, punti 3940).

75

Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni wkoll is-sitwazzjoni tal-partijiet ikkonċernati, il-possibbiltajiet raġonevoli ta’ suċċess tal-parti li tagħmel it-talba, l-importanza tal-interessi involuti ta’ din il-parti u tal-protezzjoni tal-ambjent, il-kumplessità tad-dritt u tal-proċedura applikabbli, kif ukoll in-natura possibbilment frivola tal-azzjoni fid-diversi stadji tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos, C‑260/11, EU:C:2013:221, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

76

Fir-rigward tal-konsegwenzi li għandha tislet il-qorti nazzjonali minn din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, f’tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni ma tinkludix obbligu inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż li jista’ jirregola direttament is-sitwazzjoni legali tal-individwi u li, konsegwentement, hija nieqsa minn effett dirett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, North East Pylon Pressure Campaign u Sheehy, C‑470/16, EU:C:2018:185, punti 52 u 53, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

77

L-istess jgħodd għall-Artikolu 9(5) ta’ din il-konvenzjoni sa fejn dan jipprevedi li l-partijiet għall-imsemmija konvenzjoni għandhom jikkunsidraw l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi xierqa ta’ għajnuna li huma intiżi sabiex jeliminaw jew inaqqsu l-ostakoli finanzjarji jew ostakoli oħra li jfixklu l-aċċess għall-ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C‑543/14, EU:C:2016:605, punt 55).

78

Madankollu, għandu jiġi osservat li dawn id-dispożizzjonijiet, minkejja li ma għandhomx effett dirett, għandhom l-għan li jippermettu li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-ambjent (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, North East Pylon Pressure Campaign u Sheehy, C‑470/16, EU:C:2018:185, punt 53).

79

Barra minn hekk, ir-rekwiżit tal-“spejjeż mhux projbittivi” jikkontribwixxi, fil-qasam tal-ambjent, għall-osservanza tad-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll għall-prinċipju ta’ effettività li jipprovdi li l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos, C‑260/11, EU:C:2013:221, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

80

Fid-dawl tal-indikazzjonijiet limitati li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddetermina sa fejn l-Artikoli 451 sa 453 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li jirregolaw, b’mod ġenerali, il-kwistjoni tal-ispejjeż fid-dritt Rumen u li jidhru li japplikaw għall-kawża prinċipali, jippermettu lill-qorti tar-rinviju twettaq evalwazzjoni globali tal-ispejjeż sostnuti mill-parti kkonċernata u li tieħu inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni tagħha dwar l-ispejjeż, il-kriterji msemmija fil-punti 74 u 75 ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, jidher li din il-qorti tista’ biss tnaqqas parti mill-ispejjeż, jiġifieri dawk li jikkorrispondu għall-onorarji tal-avukati.

81

Kif ġie rrilevat, essenzjalment, mill-Avukata Ġenerali fil-punti 75 u 76 tal-konklużjonijiet tagħha, fid-dawl tas-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa li għandhom l-Istati Membri fil-kuntest tal-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, l-assenza ta’ determinazzjoni ddettaljata tal-ispejjeż fil-kontenzjuż fil-qasam tal-ambjent mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax titqies inkompatibbli, bħala tali, mar-regola tal-ispejjeż mhux projbittivi. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika sa fejn il-mekkaniżmi eżistenti fid-dritt Rumen huma konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan l-Artikolu 9(4).

82

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li, sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva meta, bħal f’dan il-każ, tkun inkwistjoni l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent, il-qorti tar-rinviju hija obbligata tagħti lid-dritt proċedurali nazzjonali interpretazzjoni li, sa fejn huwa possibbli, tkun konformi mal-għan stabbilit fl-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, b’tali mod li l-ispejjeż tal-proċeduri ġudizzjarji ma jkunux projbittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie,C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 50, kif ukoll tal‑15 ta’ Marzu 2018, North East Pylon Pressure Campaign u Sheehy, C‑470/16, EU:C:2018:185, punt 57).

83

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(4) u (5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tar-rekwiżit marbut mal-assenza ta’ spejjeż projbittivi tal-proċeduri ġudizzjarji, il-qorti mitluba tiddeċiedi dwar il-kundanna għall-ispejjeż ta’ parti telliefa, f’tilwima fil-qasam tal-ambjent, għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, inkluż l-interess ta’ din il-parti u l-interess ġenerali marbut mal-protezzjoni tal-ambjent.

Fuq l‑ispejjeż

84

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas‑17 ta’ Frar 2005,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li għandu jiġi rrikonoxxut biss locus standi lil entità ġuridika, li ma hijiex organizzazzjoni mhux governattiva għall-protezzjoni tal-ambjent, fil-konfront ta’ att amministrattiv li din ma hijiex id-destinatarja tiegħu meta din tinvoka l-ksur ta’ interess privat leġittimu jew ta’ interess marbut ma’ sitwazzjoni legali marbuta direttament mal-għan tagħha.

 

2)

L-Artikolu 9(4) u (5) tal- Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tar-rekwiżit marbut mal-assenza ta’ spejjeż projbittivi tal-proċeduri ġudizzjarji, il-qorti mitluba tiddeċiedi dwar il-kundanna għall-ispejjeż ta’ parti telliefa, f’tilwima fil-qasam tal-ambjent, għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, inkluż l-interess ta’ din il-parti u l-interess ġenerali marbut mal-protezzjoni tal-ambjent.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.