SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

7 ta’ Settembru 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Servizzi postali fl-Unjoni Ewropea – Direttiva 97/67/KE – Ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 9(3) – Artikolu 22 – Impriżi tas-settur postali – Kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-funzjonament tal-awtorità regolatorja tas-settur postali – Obbligu – Piż finanzjarju sostnut esklużivament mill-atturi tas-suq, mingħajr distinzjoni skont it-tip tas-servizzi pprovduti – Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni”

Fil-Kawża C‑226/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Marzu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Marzu 2022, fil-proċeduri

Nexive Commerce Srl,

Nexive Scarl,

Nexive Services Srl,

Nexive Network Srl,

Nexive SpA,

General Logistics Systems Enterprise Srl,

General Logistics Systems Italy SpA,

vs

Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni,

Presidenza del Consiglio dei Ministri,

Ministero dell’Economia e delle Finanze,

Ministero dello Sviluppo economico,

u

BRT SpA

vs

Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni,

Presidenza del Consiglio dei Ministri,

Ministero dell’Economia e delle Finanze,

u

AICAI – Associazione Italiana Corrieri Aerei Internazionali,

DHL Express (Italy) Srl,

TNT Global Express Srl,

United Parcel Service Italia Srl,

Fedex Express Italy Srl,

Federal Express Europe Inc. Filiale Italiana

vs

Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni,

Presidenza del Consiglio dei Ministri,

Ministero dell’Economia e delle Finanze,

Ministero dello Sviluppo economico,

fil-preżenza ta’:

Nexive SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, D. Gratsias (Relatur), M. Ilešič, I. Jarukaitis u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal BRT SpA, minn E. Fumagalli, A. Manzi, u L. Scambiato, avvocati,

għal A.I.C.A.I. – Associazione Italiana Corrieri Aerei Internazionali, DHL Express (Italy) Srl, TNT Global Express Srl, Federal Express Europe Inc. Filiale Italiana u United Parcel Service Italia Srl minn M. Giordano, avvocato,

għal General Logistics Systems Enterprise Srl u General Logistics Systems Italy SpA, minn M. Giordano, avvocato,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn E. De Bonis u minn B. G. Fiduccia, avvocati dello Stato,

għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin u J.-C. Halleux, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn V. Baroutas u K. Boskovits, bħala aġenti,

għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis u S. Grigonis, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, A. Pimenta, M. J. Ramos, bħala aġenti, assistiti minn S. Gonçalves do Cabo, advogado,

għall-Gvern Norveġiż, minn I. Collett, V. Hauan u L. Tvedt, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Malferrari u M. Mataija, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati matul is-seduta tat‑23 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2) u (3), u tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71), kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Frar 2008, (ĠU 2008, L 52, p. 3, rettifika fil-ĠU 2015, L 225, p. 49) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 97/67”) kif ukoll tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Nexive Commerce Srl u operaturi ekonomiċi oħra li jipprovdu servizzi ta’ posta espressa (iktar ’il quddiem “Nexive Commerce et”) u, min-naħa l-oħra, l-Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (l-Awtorità għall-Garanzija tal-Komunikazzjonijiet, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“AGCOM”), il-Presidenza del Consiglio dei Ministri (il-President tal-Kunsill tal-Ministri, l-Italja), il-Ministero dell’Economia e delle Finanze (il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, l-Italja) u l-Ministero dello Sviluppo economico (il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, l-Italja), dwar id-Deċiżjonijiet Nri 182/17/CONS, 427/17/CONS u 528/18/CONS li permezz tagħhom l-AGCOM iddeterminat, għas-snin 2017 sa 2019, l-ammont u l-modalitajiet ta’ ħlas tal-kontribuzzjoni dovuta mill-entitajiet li jeżerċitaw attivitajiet fis-settur tas-servizzi postali għall-finijiet tal-finanzjament tal-ispejjeż tal-funzjonament tagħha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 97/67

3

Skont kliem il-premessa 39 tad-Direttiva 97/67:

“Billi sabiex jiġi żgurat l-iffunzjonar xieraq tas-servizz universali u sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni mingħajr xkiel fis-settur mhux riżervat, huwa importanti li l-funzjonijiet tar-regolatur jiġu separati, minn naħa l-waħda, u l-operatur, minn naħa l-oħra; billi ebda operatur postali ma jista’ jkun kemm l-imħallef kif ukoll il-parti interessata; billi huwa l-Istat Membru li għandu jistabbilixxi l-istatut ta’ awtorità nazzjonali regolatorja waħda jew aktar [(iktar ’il quddiem l-“ARN”)], li tista’ tintagħżel minn [fost] awtoritajiet pubbliċi jew entitajiet indipendenti maħtura għal dak l-iskop”.

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni dwar:

[…]

il-ħolqien ta’ [ARN] indipendenti.”

5

L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   Għal servizzi li jaqgħu barra l-ambitu tas-servizz universali, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu awtorizzazzjonijiet ġenerali sal-limitu meħtieġ sabiex tiġi garantita konformità mar-rekwiżiti essenzjali.

2.   Għal servizzi li jaqgħu fl-ambitu tas-servizz universali, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, inklużi liċenzji individwali, sal-limitu meħtieġ biex tiġi garantita konformità mar-rekwiżiti essenzjali u biex jiġi żgurat il-forniment tas-servizz universali.

L-għoti ta’ l-awtorizzazzjonijiet jista’:

ikun soġġett għall-obbligi ta’ servizz universali,

jekk meħtieġ u ġġustifikat, jimponi rekwiżiti li jirrigwardaw il-kwalità, id-disponibbiltà u l-prestazzjoni tas-servizzi rilevanti,

fejn xieraq, ikun soġġett għal obbligu li jingħata kontribut finanzjarju lill-mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni msemmijin fl-Artikolu 7, jekk il-forniment tas-servizz universali jkun jimplika spiża netta u jirrappreżenta piż inġust għall-fornitur(i) ta’ servizz universali, innominat skond l-Artikolu 4,

fejn xieraq, ikun suġġett għal obbligu li jingħata kontribut finanzjarju lill-ispejjeż operazzjonali [tal-funzjonament] ta’ l-[ARN] msemmija fl-Artikolu 22,

fejn xieraq, jiġi magħmul soġġett għal jew jimponi obbligu għar-rispett tal-kondizzjonijiet tax-xogħol stabbiliti mil-leġislazzjoni nazzjonali.

L-obbligi u r-rekwiżiti msemmijin fl-ewwel inċiż u fl-Artikolu 3 jistgħu jiġu imposti biss fuq il-fornituri nnominati ta’ servizz universali.

[…]

3.   Il-proċeduri, l-obbligi u r-rekwiżiti msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu trasparenti, aċċessibbli, non-diskriminatorji, proporzjonati, preċiżi u mhux ambigwi, jkunu pubbliċi [ppubblikati] minn qabel u bbażati fuq kriterji oġġettivi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-raġunijiet għar-rifjut jew l-irtirar totali jew parzjali ta’ awtorizzazzjoni jiġu kkomunikati lill-applikant u għandhom jistabbilixxu proċedura ta’ appell.”

6

L-Artikolu 22(1) u (2) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   Kull Stat Membru għandu jinnomina [ARN] waħda jew aktar għas-settur postali li jkunu ġuridikament separati mill-operaturi postali u joperaw b’mod indipendenti minnhom. L-Istati Membri li jżommu l-pussess jew il-kontroll ta’ fornituri ta’ servizz postali għandhom jiżguraw is-separazzjoni strutturali effettiva tal-funzjonijiet regolatorji minn attivitajiet assoċjati mal-pussess jew il-kontroll.

[…]

2.   L-[ARN] għandu jkollhom bħala kompitu partikolari li jiżguraw konformità ma’ l-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva, b’mod partikolari billi jistabbilixxu proċeduri ta’ monitoraġġ u regolatorji biex jiżguraw il-forniment ta’ servizz universali. Jistgħu wkoll jiġu fdati li jiżguraw il-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni fis-settur postali.

[…]”

Id‑Direttiva 2008/6

7

Il-premessa 47 tad-Direttiva 2008/6 tipprevedi:

“Ir-rwol ta’ l-[ARN] probabbli jibqa’ kruċjali, b’mod partikolari f’dawk l-Istati Membri fejn it-transizzjoni lejn il-kompetizzjoni għadha teħtieġ titlesta. Skond il-prinċipju ta’ separazzjoni tal-funzjonijiet regolatorji u operattivi, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta’ l-[ARN] b’hekk jiżguraw l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tagħhom. Din il-ħtieġa ta’ indipendenza hija mingħajr preġudizzju għall-awtonomija istituzzjonali u l-obbligi kostituzzjonali ta’ l-Istati Membri u għall-prinċipju tan-newtralità fir-rigward tar-regoli fl-Istati Membri li jirregolaw is-sistema tal-proprjetà stabbilita fl-Artikolu 295 tat-Trattat. L-[ARN] għandhom jingħataw ir-riżorsi kollha meħtieġa, fir-rigward tal-persunal, il-kompetenza, u l-mezzi finanzjarji, għall-prestazzjoni tal-kompiti tagħhom.”

Id‑Direttiva “ta’ awtorizzazzjoni”

8

Id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337), imħassra, fil‑21 ta’ Diċembru 2020, bl-Artikolu 125 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU 2018, L 321, p. 36, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi”), kienet tipprevedi, fl-Artikolu 12(1) tagħha intitolat “Ħlasijiet amministrattivi”:

“Kull ħlas amministrattiv impost fuq impriżi li jfornu servizz jew network taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali jew li lilhom ikun ingħata dritt ta’ użu, għandu:

a)

fit-total, ikopri biss l-ispejjeż amministrattivi magħmula fl-amministrazzjoni, kontroll u infurzar ta’ l-iskema ta’ l-awtorizzazzjoni ġenerali u tad-drittijiet ta’ użu u l-obbligi speċifiċi kif imsemmija f’Artikolu 6(2), li jistgħu jinkludu spejjeż għall-kooperazzjoni internazzjonali, armonizzazzjoni u standardizzazzjoni, analiżi tas-suq, solveljanza tal-konformità u kontrolli oħra tas-suq, kif ukoll ħidma regolatorja li tinvolvi l-preparazzjoni u l-infurzar ta’ leġislazzjoni sekondarja u deċiżjonijiet amministrattivi, bħal deċiżjonijiet dwar l-aċċess u l-interkonnessjoni; u

b)

jiġi mpost fuq impriżi ndividwali b’mod oġġettiv, trasparenti u proporzjonat li jimminimizza spejjeż amministrattivi addizzjonali u l-ħlasijiet li jġibu magħhom.”

Il-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi

9

Skont kliem l-Artikolu 16(1) tal-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, intitolat “Ħlasijiet amministrattivi”:

“Kull ħlas amministrattiv impost fuq impriżi li jipprovdu netwerk jew servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali jew li lilhom ingħata dritt tal-użu, għandu:

a)

ikopri, fit-total, biss l-ispejjeż amministrattivi mġarrba bil-ġestjoni, bil-kontroll u bl-infurzar tas-sistema tal-awtorizzazzjoni ġenerali u tad-drittijiet tal-użu u l-obbligi speċifiċi kif imsemmija fl-Artikolu 13(2), li jistgħu jinkludu l-ispejjeż għall-kooperazzjoni internazzjonali, l-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni, l-analiżi tas-suq, il-monitoraġġ tal-konformità u kontrolli oħra tas-suq, kif ukoll il-ħidma regolatorja li tinvolvi l-preparazzjoni u l-infurzar ta’ leġislazzjoni sekondarja u deċiżjonijiet amministrattivi, bħal deċiżjonijiet dwar l-aċċess u l-interkonnessjoni; u

b)

jiġi mpost fuq l-impriżi individwali b’mod oġġettiv, trasparenti u proporzjonat li jnaqqas kemm jista’ jkun l-ispejjeż amministrattivi addizzjonali u l-ħlasijiet assoċjati.

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma japplikawx ħlasijiet amministrattivi lil impriżi li l-fatturat tagħhom ikun inqas minn ċertu limitu jew li l-attivitajiet tagħhom ma jilħqux ċertu sehem minimu mis-suq jew li għandhom ambitu territorjali limitat ħafna.”

Id‑dritt Taljan

10

Id-Direttiva 97/67 ġiet trasposta fid-dritt Taljan permezz tad-Decreto legislativo n. 261 – Attuazione della direttiva 97/67/CE concernente regole comuni per lo sviluppo del mercato interno dei servizi postali comunitari e per il miglioramento della qualità del servizio (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 261 li Jimplimenta d-Direttiva 97/67/KE dwar Regoli Komuni għall-Iżvilupp tas-Suq Intern tas-Servizzi Postali tal-Komunità u t-Titjib fil-Kwalità tas-Servizz), tat‑22 ta’ Lulju 1999, (GURI Nru 182, tal‑5 ta’ Awwissu 1999), li l-Artikolu 2(1) tiegħu kien jipprovdi li l-ARN tas-settur postali l-Ministeru għall-Komunikazzjonijiet.

11

Din id-dispożizzjoni ġiet emendata bl-Artikolu 1 tad-Decreto legislativo n. 58 – Attuazione della direttiva 2008/6/CE che modifica la direttiva 97/67/CE, per quanto riguarda il pieno completamento del mercato interno dei servizi postali della Comunità (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 58, li Jittrasponi d-Direttiva 2008/6/KE li Temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-Tlestija Kompleta tas-Suq Intern tas-Servizzi Postali Komunitarji), tal‑31 ta’ Marzu 2011 (GURI Nru 98, tad‑29 ta’ April 2011).

12

Mill-Artikolu 2(1) ta’ dan id-digriet leġiżlattiv jirriżulta li l-awtorità regolatorja nazzjonali tas-settur postali ġiet maħtura bħala ARN għal dan is-settur, fis-sens tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/67. Skont l-Artikolu 2(12) tal-imsemmi digriet, il-funzjonijiet relatati, li kienu darba eżerċitati mill-ministeru kompetenti, “bir-riżorsi umani, finanzjarji u funzjonali rilevanti” ġew ittrasferiti lil din l-aġenzija. F’dak li jirrigwarda l-ispejjeż ta’ funzjonament tal-imsemmija aġenzija, kien previst li dawn għandhom jiġu ffinanzjati, parzjalment, minn fond speċifiku inkluż fil-baġit tal-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku u, parzjalment, minn kontribuzzjoni mħallsa mill-operaturi kollha tas-settur.

13

Il-kompetenzi tal-aġenzija msemmija fil-punt preċedenti ġew ittrasferiti lill-AGCOM bl-Artikolu 21(13) u (14) tad-Decreto-Legge, n. 201 – Disposizioni urgenti per la crescita, l’equità e il consolidamento dei conti pubblici (id-Digriet Liġi Nru 201 li Jistabbilixxi d-Dispożizzjonijiet Urġenti għat-Tkabbir, għall-Ekwità u għall-Konsolidazzjoni tal-Kontijiet Pubbliċi), tas‑6 ta’ Diċembru 2011 (GURI Nru 284 tas‑6 ta’ Diċembru 2011), ikkonvertita fil-Liġi Nru 214 tat‑22 ta’ Diċembru 2011.

14

Skont kliem tal-Artikolu 1(65) u (66) tal-Legge n. 266 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2006) (il-Liġi Nru 266 għall-Istabbiliment tal-Baġit Annwali u Pluriennali tal-Istat (il-Liġi Finanzjarja 2006)), tat‑23 ta’ Diċembru 2005 (GURI Nru 302, tad‑29 ta’ Diċembru 2005, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 266/2005”):

“65.   Mill‑2007, l-ispejjeż relatati mal-funzjonament […] tal-Awtorità għall-Garanzija tal-Komunikazzjonijiet […] ser ikunu ffinanzjati mis-settur ikkonċernat fil-parti mhux koperta mill-finanzjament li ġej mill-baġit tal-Istat, skont il-modalitajiet previsti mir-regolamenti fis-seħħ u skont l-ammonti ta’ kontribuzzjoni ddeterminati b’deċiżjoni [tal-imsemmija] awtorità, b’osservanza tal-limiti previsti mil-liġi, u mħallsa direttament [lilha]; […]

66.   Sa mill-ewwel applikazzjoni tagħha matul is-sena 2006, l-ammont tal-kontribuzzjoni mħallas mill-entitajiet li joperaw fis-settur tal-komunikazzjonijiet […] huwa stabbilit għal 1.5 għal kull elf tad-dħul iddikjarat fl-aħħar baġit qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi. Għas-snin ta’ wara, il-varjazzjonijiet eventwali tal-ammont u tal-modalitajiet tal-ħlasijiet għandhom jiġu adottati mill-[AGCOM] skont il-paragrafu 65, fil-limitu ta’ 2 % tad-dħul iddikjarat fl-aħħar baġit qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni.”

15

L-Artikolu 65 tad-Decreto-Legge n. 50 convertito con modificazioni dalla L. 21 giugno 2017, n. 96 – Disposizioni urgenti in materia finanziaria, iniziative a favore degli enti territoriali, ulteriori interventi per le zone colpite da eventi sismici e misure per lo sviluppo (id-Digriet Liġi Nru 50, ikkonvertit, b’emendi, bil-Liġi Nru 96 tal‑21 ta’ Ġunju 2017 dwar Dispożizzjonijiet Urġenti fil-Qasam Finanzjarju, Inizjattivi Favur Awtoritajiet Territorjali, Interventi Addizzjonali fiż-Żoni Affettwati mit-Terremoti u l-Miżuri ta’ Żvilupp) tal‑24 ta’ April 2017 (GURI Nru 95, tal‑24 ta’ April 2017, iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 50/2017”), jistipula:

“Mill‑2017, l-ispejjeż tal-funzjonament tal-[AGCOM] marbuta mal-funzjonijiet tagħha bħala [ARN] tas-settur postali ser ikunu esklużivament issussidjati permezz tal-modalitajiet previsti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 1(65) u (66) tal-Liġi. […]”

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Permezz tad-deċiżjonijiet ikkontestati, l-AGCOM identifikat il-persuni responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjoni kif ukoll il-modalitajiet ta’ kalkolu tagħha msemmija fl-Artikolu 1(65) u (66), tal-Liġi Nru 266/2005 rispettivament għas-snin 2017 sa 2019.

17

Minn dawn id-deċiżjonijiet jirriżulta li l-persuni responsabbli għall-ħlas ta’ din il-kontribuzzjoni huma “il-fornitur tas-servizz universali postali u l-persuni li għandhom liċenzja jew awtorizzazzjoni ġenerali”, fis-sens tad-Digriet Leġiżlattiv li jittrasponi d-Direttiva 97/67. Wara dan, l-imsemmija deċiżjonijiet jindikaw li l-bażi tal-kontribuzzjoni hija komposta mid-dħul magħmul mill-impriżi responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjoni. Fl-aħħar, ir-rata applikabbli kienet tammonta għal 1.4 għal kull elf għas-snin 2017 u 2018 u għal 1.35 għal kull elf għas-sena 2019. Skont il-qorti tar-rinviju, l-applikazzjoni ta’ din ir-rata għandha tippermetti li jiġu koperti l-ispejjeż kollha annwali li l-AGCOM kienet qiegħda tipprevedi li ssostni għall-finijiet ta’ regolamentazzjoni tal-imsemmi suq matul kull waħda minn dawn is-snin.

18

Nexive Commerce et, li huma prinċipalment kumpanniji li jipprovdu servizzi ta’ posta espressa fi ħdan is-suq Taljan, ippreżentaw rikorsi quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja) sabiex jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

19

Sa fejn dawn ir-rikorsi ġew miċħuda fl-ewwel istanza, Nexive Commerce et appellaw mis-sentenzi inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Insostenn tal-appelli tagħhom, huma jsostnu, l-ewwel, li mill-Artikolu 9(2) u mill-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/67 jirriżulta li l-ispejjeż tal-funzjonament ta’ din l-awtorità imputabbli għall-attivitajiet tagħha relatati mas-settur postali għandhom jiġu kofinanzjati mill-operaturi tas-suq u mill-baġit tal-Istat, it-tieni, li l-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva jippermetti li dawn l-operaturi jinżammu responsabbli biss għall-ħlas tal-“ispejjeż operazzjonali [tal-funzjonament]”, jiġifieri biss l-ispejjeż diretti u strettament marbuta mat-twettiq tal-kompiti ta’ regolamentazzjoni ta’ dan is-settur li jaqgħu taħt is-servizz universali, u, it-tielet, li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma humiex konformi mal-Artikolu 9(2) tal-imsemmija direttiva sa fejn dawn ma humiex ibbażati fuq evalwazzjoni konkreta u sa fejn dawn la jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tad-dħul tal-operaturi responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjoni, la s-sitwazzjoni tas-suq u lanqas, fl-aħħar, il-fatt li l-attività ta’ ċerti impriżi ma teħtieġ l-ebda intervent ta’ regolamentazzjoni.

20

Min-naħa tagħha, quddiem il-qorti tar-rinviju, l-AGCOM issostni, l-ewwel, li d-dispożizzjonijiet applikabbli f’dan il-każ ma kienu jimponu ebda kofinanzjament u li l-parti tal-ispejjeż tal-funzjonament ta’ din l-awtorità koperta mill-Istat tista’, għall-kull sena inkwistjoni, tkun ekwivalenti għal żero. Min-naħa l-oħra, is-sistema hija allegatament ibbażata fuq in-neċessità li tiġi ggarantita l-indipendenza u l-awtonomija neċessarja tal-ARN fil-konfront tal-Gvern. Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ indipendenza funzjonali ta’ dawn l-ARN fil-konfront tal-operaturi rregolati, stipulat fl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 97/67, dan ma jirrigwardax il-finanzjament tal-imsemmija awtoritajiet, iżda l-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħhom. It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva, fis-sens li l-possibbiltà, li Stat Membru għandu, li jissuġġetta l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet li huwa joħroġ għall-obbligu ta’ kontribuzzjoni finanzjarja għall-ispejjeż tal-funzjonament tal-ARN kompetenti tirrigwarda l-awtorizzazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ servizzi postali li jaqgħu kemm taħt is-servizz universali kif ukoll taħt is-servizzi ta’ posta espressa. Finalment, it-tielet, l-ispejjeż ġġenerati mis-servizzi “transversali” sostnuti mill-ARN għandhom jitqiesu bħala li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “spejjeż tal-funzjonament”, fis-sens tal-Artikolu 9(2) tal-imsemmija direttiva.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2), l-Artikolu 9(3), u l-Artikolu 22 tad-Direttiva [97/67] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regola nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fl-ordinament Taljan (kif ifformulata fl-Artikoli 1(65) u (66) [tal-Liġi Nru 266/2005], u 65 tad-Digriet Liġi [Nru 50/2017]), li tippermetti li jintefa’ esklużivament fuq il-fornituri tas-settur postali, inklużi dawk li [ma jipprovdux servizzi li] jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizz universali, l-obbligu li jikkontribwixxu finanzjarjament għall-ispejjeż operattivi [tal-funzjonament] tal-[ARN] tas-settur postali, u b’dan il-mod tammetti l-possibbiltà li tiġi eskluża kull forma ta’ kofinanzjament pubbliku mill-fondi statali?

2)

Ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 22 tad-Direttiva [97/67] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu li jiġu inklużi wkoll fost l-ispejjeż operattivi li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-fornituri ta’ servizzi postali l-ispejjeż li jkollhom jiġu sostnuti għall-attivitajiet regolatorji [ta’ regolamentazzjoni] li jkunu jirrigwardaw servizzi postali li jaqgħu [ma jaqgħux] fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizz universali, kif ukoll l-ispejjeż għal strutturi amministrattivi u ta’ natura politika (magħrufa bħala strutturi ‘trażversali’) li l-attivitajiet tagħha, anki jekk ma tkunx direttament intiża [jkunux direttament intiżi] għar-regolamentazzjoni tas-swieq tas-servizzi postali, tirriżulta madankollu funzjonali għat-twettiq tal-kompetenzi istituzzjonali tal-[AGCOM] bil-possibbiltà konsegwenti ta’ attribuzzjoni indiretta u parzjali tagħha (pro quota) fis-settur tas-servizzi postali?

3)

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2), [it-tielet inċiż ta]l-Artikolu 9[…], u l-Artikolu 22 tad-Direttiva [97/67] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regola nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fl-ordinament Taljan (kif ifformulata fl-Artikoli 1(65) u (66) tal-[Liġi Nru 266/2005], u 65 tad-Digriet Liġi [Nru 50/2017]), li timponi li jintefa’ fuq il-fornituri tas-settur postali l-obbligu li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-[ARN] tas-settur postali, mingħajr il-possibbiltà li ssir distinzjoni tal-pożizzjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ posta espressa mill-pożizzjoni tal-fornituri tas-servizz universali u, għaldaqstant, mingħajr il-possibbiltà ta’ evalwazzjoni tal-intensità differenti tal-attività ta’ regolamentazzjoni mwettqa mill-[ARN] fir-rigward tat-tipi differenti ta’ servizzi postali?”

Fid‑domandi preliminari

22

Ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 jippermetti li l-Istati Membri jissuġġettaw, “fejn xieraq”, l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet lill-operaturi tas-settur postali għall-“obbligu li jingħata kontribut finanzjarju lill-ispejjeż operazzjonali [tal-funzjonament] tal-ARN tas-settur. Id-domandi kollha magħmula jirrigwardaw, essenzjalment, il-portata ta’ dan l-obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-finanzjament tal-“ispejjeż tal-funzjonament” tal-ARN ta’ dan is-settur. Issa, dan l-aħħar kunċett huwa s-suġġett tat-tieni domanda preliminari, li għandha, għalhekk, tiġi eżaminata l-ewwel.

Fuq it‑tieni domanda

23

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67, moqri flimkien mal-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “spejjeż tal-funzjonament”, li jinsab fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, jinkludi, fl-ewwel lok, l-ispejjeż sostnuti mill-ARN tas-settur postali għall-finijiet tal-attivitajiet tagħhom ta’ regolamentazzjoni relatati mas-servizzi postali li ma jaqgħux taħt is-servizz universali u, fit-tieni lok, l-ispejjeż iġġenerati mill-attivitajiet ta’ dawn l-ARN li, filwaqt li ma humiex direttament marbuta mal-kompitu ta’ regolamentazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, huma intiżi għat-twettiq tal-kompetenzi istituzzjonali ta’ dawn l-awtoritajiet fit-totalità tagħhom, jiġifieri l-ispejjeż sostnuti mill-imsemmija ARN minħabba l-attivitajiet tagħhom ta’ natura amministrattiva u istituzzjonali, preparatorji jew neċessarji għat-twettiq tal-attivitajiet tagħhom ta’ regolamentazzjoni (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż trażversali”).

24

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, konformement mal-formulazzjoni tar-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67, l-obbligu li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu abbażi ta’ din id-dispożizzjoni jirrigwarda l-finanzjament tal-ispejjeż tal-funzjonament tal-ARN imsemmija fl-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, jiġifieri dik li kull Stat Membru għandu jaħtar għas-settur postali, b’mod partikolari sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-imsemmija direttiva.

25

Dan espost, din id-direttiva ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “spejjeż [tal-funzjonament”. B’mod partikolari, ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva huwa, f’dan ir-rigward, ifformulat f’termini partikolarment ġenerali. Għandu, għalhekk, jiġi osservat, hekk kif jagħmel l-Avukat Ġenerali, fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, li r-riferiment għad-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-direttiva ma jipprovdix elementi li jistgħu jiċċaraw iktar l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett.

26

Issa, skont il-ġurisprudenza, jekk il-formulazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva ma tippermettix, fiha nnifisha, li tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jitqies il-kuntest tagħha, kif ukoll l-istruttura ġenerali u l-iskop ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Haqbin,C‑233/18, EU:C:2019:956, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, l-ewwel parti tat-tieni domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tispeċifika li l-attivitajiet li għandhom jitwettqu mill-ARN tas-settur postali jikkonċernaw dan is-settur kollu u mhux biss il-provvisti ta’ servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali. Għaldaqstant, sa fejn l-attivitajiet tal-ARN, li huma inkarigati, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 97/67, li jiżguraw l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva u tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-settur postali, jirrigwardaw dan is-settur fl-intier tiegħu u sa fejn ir-rwol u l-kompiti ta’ dawn l-awtoritajiet ġew ikkonċepiti mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea bħala li għandhom ikunu ta’ benefiċċju għall-atturi kollha tas-settur postali, ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fornituri kollha ta’ servizzi postali, inklużi dawk li ma jipprovdux servizzi postali li jaqgħu taħt is-servizz universali jistgħu, bħala korrispettiv, jiġu suġġetti għall-obbligu li jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ dawn l-awtoritajiet (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2016, DHL Express (Austria) (C‑2/15, EU:C:2016:880), punti 293132).

28

Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxu “fornituri ta’ servizzi postali”, fis-sens ta’ din id-direttiva, l-impriżi ta’ trasport bit-triq, ta’ trasport ta’ merkanzija jew ta’ posta espressa li jipprovdu servizzi ta’ ġbir, ta’ ssortjar, ta’ trasport u ta’ tqassim ta’ oġġetti postali, ħlief fil-każ fejn l-attività tagħhom hija limitata għat-trasport ta’ oġġetti postali (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Confetra et, C‑259/16 u C‑260/16, EU:C:2018:370, punt 41). Għalkemm is-servizzi ta’ posta espress huma differenti minn dawk tas-servizz postali universali minħabba fil-valur miżjud tagħhom għall-klijenti, li għalih il-klijenti huma lesti li jħallsu iktar, fl-assenza ta’ indikazzjoni kuntrarja u fid-dawl tan-natura tal-obbligu inkwistjoni, ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tal-imsemmija direttiva ma għandux jiġi interpretat fis-sens li jeskludi l-operaturi ta’ dawn is-servizzi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tiegħu (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Ilves Jakelu,C‑368/15, EU:C:2017:462, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Għalhekk, meqjus dan il-kunċett globali tal-kompiti fdati f’idejn l-ARN tas-settur postali u meqjusa l-vantaġġi li l-operaturi kollha ta’ dan is-settur jistgħu jisiltu minnu, għandu jitqies li l-kunċett ta’ “spejjeż tal-funzjonament” għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi, fost l-ispejjeż li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-fornituri ta’ servizzi postali, kemm l-ispejjeż sostnuti mill-ARN inkarigati mis-settur għall-finijiet tal-kompiti tagħhom ta’ regolamentazzjoni tas-servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali kif ukoll dawk relatati mas-servizzi li ma jaqgħux taħtu.

30

F’dak li jirrigwarda t-tieni parti tat-tieni domanda, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li, fid-dawl ta’ dak li ġie kkonstatat fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, la mill-kuntest u lanqas mill-istruttura ġenerali tad-Direttiva 97/67 ma jirriżulta xi element li jista’ jillimita l-portata tal-kunċett ta’ “spejjeż tal-funzjonament”, imsemmi fir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva fis-sens li dan il-kunċett ma jinkludix l-ispejjeż trażversali.

31

Hekk kif josserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 34sa 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett lanqas ma tista’ tkun ispirata minn dik tal-kunċett ta’ “spejjeż amministrattivi” msemmi fil-kuntest leġiżlattiv li jirregola l-komunikazzjonijiet elettroniċi, imsemmi fid-deċiżjoni tar-rinviju.

32

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 16 tal-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi jindika l-ispejjeż marbutin mar-regolamentazzjoni tas-suq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jistgħu jkunu koperti mill-ħlasijiet amministrattivi imposti fuq impriżi li jipprovdu networks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Iktar speċifikament, skont kliem l-Artikolu 16(1)(a), it-taxxi previsti fih ikopru, fit-totalità tagħhom, biss l-ispejjeż amministrattivi mġarrba bil-ġestjoni, bil-kontroll u bl-infurzar tas-sistema tal-awtorizzazzjoni ġenerali u tad-drittijiet tal-użu u l-obbligi speċifiċi li jistgħu jiġu imposti fuq dawn l-impriżi, li jistgħu jinkludu l-ispejjeż għall-kooperazzjoni, għall-armonizzazzjoni u għall-istandardizzazzjoni internazzjonali, l-analiżi tas-suq, il-monitoraġġ tal-konformità u kontrolli oħra tas-suq, kif ukoll l-ispejjeż relatati max-xogħlijiet ta’ regolamentazzjoni li jinvolvu l-preparazzjoni u l-infurzar ta’ leġiżlazzjoni sekondarja u ta’ deċiżjonijiet amministrattivi, bħal deċiżjonijiet dwar l-aċċess u l-interkonnessjoni.

33

Kien fir-rigward tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva “ta’ awtorizzazzjoni”, li portata tiegħu hija, essenzjalment, identika għal dik tal-Artikolu 16(1)(a) tal-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi li s-suċċessur tiegħu, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-impriżi li joperaw fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet huma responsabbli għall-ħlas ta’ taxxa intiża li tkopri l-ispejjeż kollha sostnuti mill-ARN inkarigata mis-settur u mhux iffinanzjati mill-Istat, bil-kundizzjoni li din it-taxxa tkun esklużivament intiża li tkopri l-ispejjeż relatati mal-attivitajiet imsemmijin fl-imsemmija dispożizzjoni, u li d-dħul kollu miksub abbażi tal-imsemmija taxxa ma jeċċedix l-ispejjeż kollha relatati ma dawn l-attivitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Vodafone Omnitel et, C‑228/12 sa C‑232/12 u C‑254/12 sa C‑258/12, EU:C:2013:495, punt 43, kif ukoll id-Digriet tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Sky Italia,C‑376/12, EU:C:2013:701, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Issa, minn naħa, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li, bil-kontra tad-dispożizzjonijiet imsemmija fiż-żewġ punti preċedenti, li jelenkaw b’mod preċiż l-ispejjeż li jistgħu jkunu koperti mit-taxxi imposti fuq l-impriżi li joperaw fis-setturi kkonċernati, ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 huwa fformulat f’termini ġenerali mingħajr ma jagħmel distinzjoni skont l-oriġini jew in-natura tal-ispejjeż iġġenerati għall-funzjonament tal-ARN.

35

Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni letterali hija konformi mal-għan imfittex mid-Direttiva 2008/6, li minnu rriżultat il-formulazzjoni attwali tar-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67, li jiġi ggarantit li l-ARN ikollhom ir-“riżorsi kollha meħtieġa, fir-rigward tal-persunal, il-kompetenza, u l-mezzi finanzjarji, għall-prestazzjoni tal-kompiti tagħhom”.

36

Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li r-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67, moqri flimkien mal-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “spejjeż tal-funzjonament”, li jinsab fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, jinkludi, fl-ewwel lok, l-ispejjeż sostnuti mill-ARN tas-settur postali għall-finijiet tal-attivitajiet tagħhom ta’ regolamentazzjoni relatati mas-servizzi postali li ma jaqgħux taħt is-servizz universali u, fit-tieni lok, l-ispejjeż iġġenerati mill-attivitajiet ta’ dawn l-ARN li, filwaqt li ma humiex direttament marbuta mal-kompitu ta’ regolamentazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, huma intiżi għat-twettiq tal-funzjonijiet regolatorji tagħhom tas-settur postali.

Fuq l‑ewwel domanda

37

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2), u l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 97/67, moqri flimkien mal-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema ta’ finanzjament tal-ARN inkarigati mis-settur postali li hija sostnuta biss mill-kontribuzzjonijiet imposti fuq l-operaturi ta’ dan is-settur abbażi ta’ dan l-Artikolu 9, bl-esklużjoni ta’ kull finanzjament pubbliku.

38

F’dan ir-rigward, l-ewwel, mis-sempliċi użu tat-termini “li jingħata kontribut” li jinsabu fir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 ma jistax jiġi dedott li din id-dispożizzjoni tipprevedi biss il-possibbiltà li fuq l-operaturi tas-settur postali tiġi imposta sempliċi parteċipazzjoni fil-finanzjament tal-ispejjeż tal-funzjonament tal-ARN ta’ dan is-settur. Fil-fatt, għalkemm it-termini “li jingħata kontribut” jistgħu jinftiehmu bħala li jirreferu għall-azzjoni ta’ parteċipazzjoni fi proġett komuni, dan ma jimplikax, madankollu, l-intervent ta’ finanzjamenti li joriġinaw mill-baġit tal-Istat. Bil-kontra ta’ dan, fid-dawl tal-formulazzjoni ġenerali ħafna tal-istess dispożizzjoni, minnha għandu jiġi dedott li fiha l-Istati Membri jingħataw marġni wiesa’ ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tas-sorsi tas-sistema ta’ finanzjament tal-ARN inkarigati mis-settur postali.

39

Fil-fatt, hekk kif essenzjalment josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/67 jagħti lill-Istati Membri għażla bejn sistema ta’ finanzjament ibbażata esklużivament fuq it-taxxi imposti fuq l-operaturi postali, sistema ta’ finanzjament akkarigu tal-baġits nazzjonali jew, fl-aħħar, sistema mħallta ta’ kofinanzjament tal-ARN tas-settur postali, permezz ta’ kontribuzzjonijiet tal-operaturi ta’ dan is-settur u mill-baġit tal-Istat Membru kkonċernat. Il-paragrafu (3) ta’ dan l-artikolu jillimita ruħu, f’dan ir-rigward, li jispeċifika li l-obbligi msemmija fil-paragrafu (2) tal-imsemmi artikolu huma trasparenti, aċċessibbli, nondiskriminatorji, proporzjonati, preċiżi u mhux ambigwi, huma ppubblikati minn qabel u bbażati fuq kriterji oġġettivi.

40

It-tieni, f’dak li jirrigwarda l-kuntest li minnu tifforma parti d-dispożizzjoni msemmija fil-punt preċedenti, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 97/67, filwaqt li jispeċifika li jispeċifika li l-imsemmija direttiva tistabbilixxi regoli komuni li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, il-ħolqien tal-ARN tas-settur ikkonċernat, ma jipprovdi ebda preċiżazzjoni addizzjonali f’dak li jirrigwarda r-regoli li jirregolaw il-mod ta’ kif dawn jiġu ffinanzjati.

41

Ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma tippermetti li tiġi kkonfutata l-konklużjoni misluta fil-punt 39 ta’ din is-sentenza u lanqas, b’mod iktar speċifiku, il-kompatibbiltà mad-Direttiva 97/67 ta’ sistema ta’ finanzjament tal-ARN inkarigati mis-settur postali alimentata esklużivament permezz ta’ kontribuzzjonijiet tal-operaturi ta’ dan is-settur.

42

Ċertament, l-Artikolu 22 tal-imsemmija direttiva jinkariga lill-Istati Membri jaħtru ARN funzjonalment indipendenti mill-operaturi postali. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif jagħmel l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, sa fejn ARN effettivament ikollha riżorsi finanzjarji li jippermettulha li twettaq il-kompiti tagħha u li ma tkunx suġġetta għall-influwenza indebitu kemm tal-atturi tas-suq kif ukoll tal-awtoritajiet tal-Istat, il-metodu u s-sorsi tal-finanzjament tagħha ma humiex, bħala tali, determinanti.

43

Fl-aħħar, it-tielet, l-għan tar-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67, hekk kif imsemmi fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, ma jipprekludix li dan l-artikolu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li l-Istati Membri jagħżlu metodu ta’ finanzjament tal-ARN tas-settur postali alimentat esklużivament permezz ta’ kontribuzzjonijiet tal-operaturi ta’ dan is-settur, bil-kundizzjoni li jkun iggarantit li dawn l-ARN ikollhom ir-riżorsi indispensabbli għall-funzjonament tajjeb tagħhom u, għalhekk, li jkollhom mezzi legali li jippermettulhom li jeżiġu l-ħlas min-naħa ta’ dawn l-operaturi.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, hemm lok li r-risposta għal-ewwel domanda tkun li r-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 97/67, moqri flimkien mal-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jagħżel mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-ARN inkarigata mis-settur postali alimentat esklużivament permezz tal-kontribuzzjonijiet imposti fuq l-operaturi ta’ dan is-settur abbażi tar-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva, bl-esklużjoni ta’ kull finanzjament mill-baġit tal-Istat, sakemm din is-sistema tiggarantixxi li l-ARN ikkonċernata effettivament ikollha r-riżorsi indispensabbli sabiex tiżgura l-funzjonament tajjeb tagħha u t-twettiq, b’indipendenza sħiħa, tal-kompiti tagħha ta’ regolamentazzjoni tas-settur postali jew il-mezzi legali li jippermettulha tikseb dawn ir-riżorsi.

Fuq it‑tielet domanda

45

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li jiġi impost obbligu ta’ kontribuzzjoni finanzjarja fuq l-operaturi kollha tas-settur postali, inkluż fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ posta espressa, u b’mod uniformi, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad ta’ intensità allegatament varjabbli tal-attività ta’ regolamentazzjoni tal-ARN li għaliha dawn huma suġġetti, skont jekk il-provvista li huma jwettqu taqax jew ma taqax taħt is-servizz universali.

46

F’dan ir-rigward, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li d-Direttiva 97/67 ma tipprevedix metodu speċifiku ta’ kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni inkwistjoni. Madankollu, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, tali obbligu ta’ kontribuzzjoni, impost abbażi tar-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva, ma għandux ikun biss, konformament mal-paragrafu (3) ta’ dan l-artikolu, trasparenti, aċċessibbli, preċiż u mhux ambigwu, ikun ippubblikat minn qabel u bbażat fuq kriterji oġġettivi, iżda għandu josserva wkoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità.

47

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-proporzjonalità ta’ obbligu ta’ kontribuzzjoni impost abbażi tar-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2), tal-imsemmija direttiva, b’mod uniformi fuq l-operaturi kollha tas-settur postali, għandu jitfakkar li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, waqt evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti, jekk tali leġiżlazzjoni hijiex adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għanijiet imfittxija u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu. Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdilha għal dan il-għan l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ser jippermettulha tiddeċiedi (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Confetra et, C‑259/16 u C‑260/16, EU:C:2018:370, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48

Għal dak li jikkonċerna, minn naħa, il-kapaċità li tali obbligu jiggarantixxi t-twettiq tal-għan li huwa jipprova jilħaq, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan invokat biss jekk verament tirrifletti l-intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (sentenza tal‑31 Mejju 2018, Confetra et, C‑259/16 u C‑260/16, EU:C:2018:370, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

Dan espost, f’din il-kawża, ma huwiex ikkontestat li l-miżura inkwistjoni, li tikkonsisti fl-impożizzjoni b’mod uniformi, fuq l-operaturi kollha tas-settur postali, tal-istess obbligu ta’ finanzjament u, b’mod partikolari, tal-istess rata ta’ kontribuzzjoni, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad ta’ intensità tal-attività ta’ regolamentazzjoni tal-ARN fir-rigward tal-provvisti ta’ servizz imwettqa minn kull operatur, hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex jew li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tfittex li tilħaq tali għan b’mod koerenti. Mill-kumplament, sa fejn l-għan ta’ din il-miżura nazzjonali huwa, essenzjalment, dak li jiggarantixxi li l-ARN ikkonċernata jkollha l-iktar finanzjament wiesa’ possibbli, li jkun jista’ jippermettilha twettaq il-kompiti tagħha f’indipendenza sħiħa, l-imsemmija miżura għandha, bħala prinċipju, titqies bħala li hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ tali għan.

50

Min-naħa l-oħra, din l-istess miżura ma tistax titqies bħala li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-għan imfittex jintlaħaq biss minħabba l-fatt li, għall-ħtiġijiet ta’ kalkolu tal-kontribuzzjoni kontenzjuża, ma jitteħidx inkunsiderazzjoni l-grad ta’ intensità, jekk ikun il-każ, għola tal-attività ta’ din l-ARN fil-qasam tal-provvisti li jaqgħu taħt servizz universali.

51

Fil-fatt, ċertament, hekk kif tindika l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-regolamentazzjoni tas-servizz universali timplika t-teħid ta’ miżuri speċifiċi u, f’ċerti kuntesti, akkompanjament intens min-naħa tal-ARN ikkonċernata. Xorta jibqa’ l-fatt li din l-attività ma tiddistingwix ruħha mill-attivitajiet l-oħra ta’ tali ARN intiżi għar-regolamentazzjoni tas-suq ikkonċernat fit-totalità tiegħu u għandha, għalhekk, tiġi kkunsidrata fil-kuntest globali tal-liberalizzazzjoni tas-settur postali. Ma jistax, f’dan ir-rigward, fid-dawl tal-iżvilupp ta’ dan is-settur, jiġi eskluż li d-diversi operaturi jistgħu jeżerċitaw attivitajiet dejjem iktar simili u li jeżisti, hekk kif josserva l-Gvern Portugiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, interkambjabbiltà tas-servizzi postali.

52

Għalhekk, fid-dawl tal-marġni ta’ evalwazzjoni msemmi fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2), u l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 97/67, ma għandhomx jiġu interpretati fis-sens li għandu jkun hemm korrelazzjoni preċiża bejn l-ammont tal-kontribuzzjoni imposta fuq l-operatur u l-ispejjeż effettivament sostnuti mill-ARN ikkonċernata minħabba l-attività tagħha ta’ regolamentazzjoni fir-rigward ta’ dan l-operatur.

53

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, skont ġurisprudenza stabbilita l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, dejjem sakemm tali differenza fit-trattament ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, RPO,C‑390/15, EU:C:2017:174, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Issa, għalkemm, hekk kif huwa mfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, mill-fatt li s-servizzi ta’ posta espressa jiddistingwu ruħhom mis-servizz postali universali minħabba l-valur miżjud mogħti lill-klijenti, ma jistax jiġi dedott li l-fornituri ta’ tali servizzi jinstabu, mill-perspettiva tal-eventwali obbligu tagħhom li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-ispejjeż tal-funzjonament tal-ARN inkarigati mis-settur postali abbażi tar-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67, f’sitwazzjoni li tiġġustifika trattament differenti minn dak mogħti lill-operaturi l-oħra ta’ dan is-settur.

55

Dan jgħodd, b’mod iktar ġenerali, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, għall-operaturi li ma jipprovdux servizzi li jaqgħu taħt servizz universali, li s-sitwazzjoni tagħhom ma tiġġustifikax, waħedha, trattament differenti meta mqabbel ma’ dak mogħti għal dawk li jipprovdu tali servizzi. Fil-fatt, fid-dawl tal-vantaġġi li l-operaturi kollha tas-settur postali jisiltu mill-attività globali ta’ tali ARN, għandu jiġi kkunsidrat li dawn jinstabu, bħala prinċipju, f’sitwazzjonijiet paragunabbli, indipendentement min-natura tas-servizzi li kull operatur jipprovdi.

56

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li l-paragunabbiltà taż-żewġ sitwazzjonijiet għandha tiġi evalwata fid-dawl, b’mod partikolari, tal-għan tal-miżura li tistabbilixxi distinzjoni bejniethom jew, għall-kuntrarju, li tittrattahom b’mod identiku (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2011, Association belge des Consommateurs Test-Achats et, C‑236/09, EU:C:2011:100, punt 29).

57

Issa, fid-dawl tal-għan imfittex mill-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif identifikat fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, l-operaturi li ma jipprovdux servizzi li jaqgħu taħt servizz universali u dawk li jipprovdu tali servizzi għandhom jitqiesu bħala li jinstabu f’sitwazzjoni paragunabbli.

58

Għaldaqstant, u bla ħsara għall-evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti, li għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju, regolamentazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax titqies bħala li tmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda tkun li d-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex jiġi ggarantit, lill-ARN inkarigata mis-settur postali, finanzjament li jista’ jippermettilha twettaq il-kompiti tagħha marbuta mar-regolamentazzjoni ta’ dan is-settur f’indipendenza sħiħa, timponi, b’mod uniformi, fuq l-operaturi kollha tal-imsemmi settur obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-finanzjament tal-ispejjeż tal-funzjonament ta’ din l-ARN mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-intensità tal-kompiti ta’ regolamentazzjoni u ta’ akkompanjament eżerċitati skont id-diversi tipi ta’ servizzi postali u mingħajr ma ssir distinzjoni, għal dan il-għan, bejn il-fornituri tas-servizz postali universali u l-operaturi ta’ posta espressa, dejjem sakemm l-obbligu impost minn din ir-regolamentazzjoni fuq dawn l-operaturi jkun, barra minn hekk, trasparenti, aċċessibbli, preċiż u mhux ambigwu, ikun ippubblikat minn qabel u bbażat fuq kriterji oġġettivi.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ ħlas lura.

 

Għal dawn ir-raġunijiet, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2), u l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Frar 2008, moqri flimkien mal-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/67, kif emendata,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix li Stat Membru jagħżel mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-awtorità regolatorja nazzjonali inkarigata mis-settur postali alimentat esklużivament permezz tal-kontribuzzjonijiet imposti fuq l-operaturi ta’ dan is-settur, abbażi tar-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva, kif emendata, bl-esklużjoni ta’ kull finanzjament mill-baġit tal-Istat, sakemm din is-sistema tiggarantixxi li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji kkonċernata effettivament ikollha r-riżorsi indispensabbli sabiex tiżgura l-funzjonament tajjeb tagħha u t-twettiq, b’indipendenza sħiħa, tal-kompiti tagħha ta’ regolamentazzjoni tas-settur postali jew il-mezzi legali li jippermettulha tikseb dawn ir-riżorsi.

 

2)

Ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67, kif emendata bid-Direttiva 2008/6, moqri flimkien mal-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/67, kif emendata,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-kunċett ta’ “spejjeż tal-funzjonament”, li jinsab fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, jinkludi, fl-ewwel lok, l-ispejjeż sostnuti mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji tas-settur postali għall-finijiet tal-attivitajiet tagħhom ta’ regolamentazzjoni relatati mas-servizzi postali li ma jaqgħux taħt is-servizz universali u, fit-tieni lok, l-ispejjeż iġġenerati mill-attivitajiet ta’ dawn l-awtoritajiet li, filwaqt li ma humiex direttament marbuta mal-kompitu ta’ regolamentazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, huma intiżi għat-twettiq tal-funzjonijiet regolatorji tagħhom tas-settur postali.

 

3)

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll ir-raba’ inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67/KE, kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex jiġi ggarantit, lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji inkarigata mis-settur postali, finanzjament li jista’ jippermettilha twettaq il-kompiti tagħha marbuta mar-regolamentazzjoni ta’ dan is-settur f’indipendenza sħiħa, timponi, b’mod uniformi, fuq l-operaturi kollha tal-imsemmi settur obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-finanzjament tal-ispejjeż tal-funzjonament ta’ din l-awtorità mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-intensità tal-kompiti ta’ regolamentazzjoni u ta’ akkompanjament eżerċitati skont id-diversi tipi ta’ servizzi postali u mingħajr ma ssir distinzjoni, għal dan il-għan, bejn il-fornituri tas-servizz postali universali u l-operaturi ta’ posta espressa, dejjem sakemm l-obbligu impost minn din ir-regolamentazzjoni fuq dawn l-operaturi jkun, barra minn hekk, trasparenti, aċċessibbli, preċiż u mhux ambigwu, ikun ippubblikat minn qabel u bbażat fuq kriterji oġġettivi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.