SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠPUSTIZZJA (it-Tielet Awla)

29 ta’ Ġunju 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Akkordji – Artikolu 101 TFUE – Ftehimiet vertikali – Prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid imposti minn fornitur fuq id-distributuri tiegħu – Kunċett ta’ “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan” – Kunċett ta’ “ftehim” – Prova li kien hemm konkordanza bejn ir-rieda tal-fornitur u r-rieda tad-distributuri tiegħu – Prattika li tkopri kważi t-territorju kollu ta’ Stat Membru – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Regolament (KE) Nru 2790/1999 u Regolament (UE) Nru 330/2010 – Restrizzjoni fundamentali”

Fil‑Kawża C‑211/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal da Relação de Lisboa (il-Qorti tal-Appell ta’ Lisbona, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Marzu 2022, fil-proċedura

Super Bock Bebidas SA,

AN,

BQ

vs

Autoridade da Concorrência,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, M. Safjan, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukata Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall Super Bock Bebidas SA, AN u BQ, minn J. Caimoto Duarte, R. da Silva, F. Espregueira Mendes, R. Mesquita Guimarães, A. Navarro de Noronha, R. Sarabando Pereira, A. Veloso Pedrosa u J. Whyte, advogados,

għall-Autoridade da Concorrência, minn S. Assis Ferreira u A. Cruz Nogueira, advogadas,

għall-Gvern Portugiż, minn C. Alves u P. Barros da Costa, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, par M. K. Boskovits, bħala aġent,

għall-Gvern Spanjol, par M. L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

għall-Gvern Awstrijak, par MM. A. Posch u G. Eberhard, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Baches Opi, P. Berghe u P. Caro de Sousa, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 4(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal‑20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) [TFUE] għal kategoriji ta’ akkordji [ftehimiet] vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU 2010, L 102, p. 1), kif ukoll tal-Linji Gwida dwar restrizzjonijiet vertikali (ĠU 2010, C 130, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Super Bock Bebidas SA (iktar ’il quddiem “Super Bock”), AN u BQ, u, min-naħa l-oħra, l-Autoridade da Concorrência (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni, Il-Portugall) dwar il-legalità tad-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tikkonstata li Super Bock, AN u BQ kienu wettqu ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u li, għal din ir-raġuni, imponitilhom multa.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Ir-Regolament Nru 330/2010 huwa s-suċċessur, b’effett mill‑1 ta’ Ġunju 2010, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999 tat‑22 ta’ Diċembru 1999, dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(3) [KE] għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 364). Konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 tiegħu, ir-Regolament Nru 330/2010 skada fil‑31 ta’ Mejju 2022.

4

Il-premessi 5 u 10 tar-Regolament Nru 330/2010, li jikkorrispondu, essenzjalment, għall-premessi 5 u 10 tar-Regolament Nru 2790/1999, kienu fformulati kif ġej:

“(5)

Il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija stabbilita b’dan ir-Regolament għandu jkun limitat għall-akkordji [ftehimiet] vertikali li fir-rigward tagħhom wieħed jista’ jassumi b’ċertezza suffiċjenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) [TFUE].

[…]

(10)

Dan ir-Regolament ma għandux jeżenta akkordji vertikali li jkunu jinkludu restrizzjonijiet li x’aktarx iwasslu għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni u jikkawżaw dannu lill-konsumaturi jew mhumiex indispensabbli biex jinkisbu l-effetti li jsaħħu l-effiċjenza. B’mod partikolari, akkordji vertikali li jinkludu ċerti tipi ta’ restrizzjonijiet severi tal-kompetizzjoni bħalma huma prezzijiet minimi jew fissi għall-bejgħ mill-ġdid, kif ukoll ċerti tipi ta’ protezzjoni territorjali, għandhom ikunu esklużi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija stabbilita b’dan ir-Regolament irrispettivament mis-sehem mis-suq tal-impriżi kkonċernati.”

5

L-Artikolu 1(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 330/2010 jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

‘akkordju [ftehim] vertikali’, tfisser akkordju jew prattika miftiehma konkluż bejn żewġ impriżi jew aktar li kull waħda minnhom topera, għall-iskopijiet tal-akkordju jew tal-prattika miftiehma, f’livell differenti tal-katina ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni, u li jirrigwarda l-kondizzjonijiet li taħthom il-partijiet jistgħu jixtru, ibiegħu jew ibiegħu mill-ġdid ċerti oġġetti jew servizzi;

b)

‘restrizzjoni vertikali’ tfisser restrizzjoni tal-kompetizzjoni f’akkordju vertikali li taqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 10[1](1) [TFUE]”.

6

Definizzjonijiet, essenzjalment, identiċi kienu jinsabu fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2790/1999.

7

L-Artikoli 2 tar-Regolamenti Nri 2790/1999 u 330/2010 kienu jistipulaw regola ta’ eċċezzjoni. Skont kliem l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 330/2010, li jikkorrispondi, essenzjalment, għall-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2790/1999:

“Skont l-Artikolu 101(3) [TFUE] u suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, qed jiġi ddikjarat li l-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma għandux japplika għal akkordji [ftehimiet] vertikali.

Din l-eżenzjoni għandha tapplika sa fejn tali akkordji jkunu jinkludu restrizzjonijiet vertikali.”

8

L-Artikoli 4 tar-Regolamenti Nri 2790/1999 u 330/2010 kienu jirrigwardaw ir-“restrizzjonijiet fundamentali” li ma setgħux jibbenefikaw minn eżenzjoni ta’ kategorija. L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 330/2010, li jikkorrispondi, essenzjalment, għall-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2790/1999, kien jipprevedi:

“L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 ma għandhiex tapplika għal akkordji [ftehimiet] vertikali li, direttament jew indirettament, waħedhom jew flimkien ma’ fatturi oħra taħt il-kontroll tal-partijiet, ikollhom bħala għan:

a)

ir-restrizzjoni tal-ħila tax-xerrej li jiddetermina l-prezz tal-bejgħ tiegħu, bla ħsara għall-possibbiltà tal-fornitur li jimponi prezz ta’ bejgħ massimu jew li jirrakkommanda prezz ta’ bejgħ, sakemm dawn ma jammontawx għal prezz tal-bejgħ iffissat jew minimu b’riżultat ta’ pressjoni minn, jew inċentivi offruti minn, xi waħda mill-partijiet;

[…]”.

Id‑dritt Portugiż

9

L-Artikolu 9(1)(a) tal-lei no.19/2012 - Aprova o novo regime jurídico da concorrência, revogando as leis nos.18/2003, de 11 de junho, e 39/2006, de 25 de agosto, e procede à segunda alteração à lei no 2/99, de 13 de janeiro (il-Liġi Nru 19/2012 li tapprova s-sistema ġuridika l-ġdida tal-kompetizzjoni, li tħassar il-Liġijiet nos18/2003, tal‑11 ta’ Ġunju, u 39/2006, tal‑25 ta’ Awwissu, u li temenda għat-tieni darba l-Liġi Nru 2/99, tat‑13 ta’ Jannar), tat‑8 ta’ Mejju 2012 (Diário da República, l-ewwel serja, Nru 89/2012, tat‑8 ta’ Mejju 2012, iktar ’il quddiem is-“SĠĠK”), jipprevedi:

“Huma pprojbiti l-ftehimiet bejn impriżi, il-prattiki miftiehma bejn impriżi u d-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li għandhom l-għan jew l-effett li jostakolaw, jikkawżaw distorsjoni jew li jirrestrinġu totalment jew parzjalment il-kompetizzjoni fi ħdan is-suq nazzjonali, u b’mod partikolari dawk li jikkonsistu:

a)

fl-iffissar b’mod dirett jew indirett tal-prezzijiet tax-xiri jew ta’ bejgħ u ta’ kundizzjonijiet oħra ta’ tranżazzjoni […]”.

It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

10

Super Bock hija kumpannija stabbilita fil-Portugall, li tipproduċi u tikkummerċjalizza birer, ilma fil-fliexken, xarbiet rinfreskanti, te kiesaħ, inbejjed, sangrias u sidru. L-attività prinċipali hija msejsa fuq is-swieq tal-birra u tal-ilma fil-fliexken.

11

AN u BQ huma, rispettivament, membru tal-Bord tad-Diretturi ta’ Super Bock u direttur tas-servizz kummerċjali tagħha għall-bejgħ fil-kanal ta’ distribuzzjoni “HoReCa”, imsejjaħ ukoll kanal “on-trade”.

12

Dan il-kanal, li huwa s-suġġett tal-aġir inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkorrispondi għax-xiri ta’ xarbiet imwettaq fil-lukandi, fir-restoranti u fil-kafetteriji, jiġifieri għal konsum barra mill-post ta’ abitazzjoni. Għall-finijiet tad-distribuzzjoni tax-xarbiet permezz tal-imsemmi kanal fil-Portugall, Super Bock ikkonkludiet ftehimiet ta’ distribuzzjoni esklużiva ma’ distributuri indipendenti. Dawn ibiegħu mill-ġdid ix-xarbiet mixtrija mingħand Super Bock kważi fit-territorju Portugiż kollu. Huma biss ċerti żoni li jiġu fornuti permezz ta’ bejgħ dirett imwettaq minn Super Bock. Dawn huma Lisbona, Porto, Madeira, Coimbra (il-Portugall) (sal‑2013) kif ukoll, mis-sena 2014, il-gżejjer ta’ Pico u ta’ Faial (il-Portugall).

13

Skont il-fatti meqjusa bħala stabbiliti mill-qorti tar-rinviju, Super Bock, minn tal-inqas matul il-perijodu ta’ bejn il‑15 ta’ Mejju 2006 u t‑23 ta’ Jannar 2017, iffissat u imponiet b’mod regolari, iġġeneralizzat u mingħajr ebda bidla, fuq l-imsemmija distributuri kollha l-kundizzjonijiet kummerċjali li dawn kellhom josservaw waqt il-bejgħ mill-ġdid tal-prodotti li hija kienet tbiegħ lilhom. B’mod partikolari, Super Bock iffissat prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid bil-għan li tiżgura ż-żamma ta’ livell ta’ prezz minimu stabbli u allinjat fis-suq nazzjonali kollu.

14

B’mod konkret, id-direttorat tal-bejgħ ta’ Super Bock kien japprova, bħala regola ġenerali kull xahar, lista ta’ prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid, li huwa kien jitrażmetti lid-distributuri. Ir-responsabbli għan-network jew għas-suq fi ħdan Super Bock kienu jitrażmettu, verbalment jew bil-miktub (b’posta elettronika), il-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid lid-distributuri. Dawn il-prezzijiet kienu, ġeneralment, jiġu applikati mid-distributuri. Min-naħa tagħhom, dawn tal-aħħar, fil-kuntest ta’ sistema ta’ kontroll u ta’ sorveljanza stabbilita minn Super Bock, kellhom l-obbligu li jikkomunikaw lil din tal-aħħar id-data dwar il-bejgħ mill-ġdid, pereżempju f’termini ta’ kwantitajiet u ta’ ammonti. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-prezzijiet, id-distributuri kienu jesponu ruħhom, konformement mal-kundizzjonijiet kummerċjali stabbiliti minn Super Bock, għal “ritaljazzjoni”, bħat-tneħħija tal-inċentivi finanzjarji, li jikkonsistu fi tnaqqis kummerċjali fuq ix-xiri tal-prodotti u tar-rimborsi tat-tnaqqis mogħti minnhom fuq il-bejgħ mill-ġdid, kif ukoll it-twaqqif tal-forniment u tal-forniment mill-ġdid tal-istokk. Huma għalhekk kienu jirriskjaw li jitilfu l-garanzija ta’ marġni ta’ distribuzzjoni pożittivi li kienet mogħtija lilhom fil-kuntest tal-imsemmija kundizzjonijiet kummerċjali.

15

L-Awtorità tal-Kompetizzjoni qieset li din il-prattika ta’ ffissar, b’mezzi diretti jew indiretti, tal-prezzijiet u ta’ kundizzjonijiet oħra applikabbli għall-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti min-network ta’ distributuri indipendenti fil-kanal HoReCa kważi fit-territorju Portugiż kollu kienet tikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) tas-SĠĠK u tal-Artikolu 101(1)(a) TFUE. Hija għalhekk imponiet multi fuq Super Bock, fuq AN u fuq BQ.

16

Fil-kuntest ta’ rikors imressaq minn dawn tal-aħħar, it-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, ta’ Regolamentazzjoni u ta’ Superviżjoni, il-Portugall) ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni.

17

Huwa fil-konfront ta’ dik is-sentenza tal-imsemmija qorti li Super Bock, AN u BQ appellaw quddiem it-Tribunal da Relação de Lisboa (il-Qorti tal-Appell ta’ Lisbona, il-Portugall), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

18

Fid-dawl tal-argumenti mqajma quddiemha u tad-domandi preliminari proposti mill-partijiet fit-tilwima mressqa quddiemha, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li tikseb kjarifiki dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE. Essenzjalment, hija għandha dubji, l-ewwel, dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-kunċett ta’ “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan” jistax ikopri, u jekk ikun il-każ taħt liema kundizzjonijiet, ftehim vertikali ta’ ffissar ta’ prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid. It-tieni, id-dubji tagħha jirrigwardaw ukoll il-kunċett ta’ “ftehim” fil-każ fejn prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid huma imposti minn fornitur fuq id-distributuri tiegħu. It-tielet, hija tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri” jistax ikopri l-konsegwenzi ta’ ftehim ta’ distribuzzjoni li japplika, biss, għall-kważi t-territorju kollu ta’ Stat Membru.

19

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal da Relação de Lisboa (il-Qorti tal-Appell ta’ Lisbona) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-iffissar vertikali tal-prezzijiet minimi huwa, fih innifsu, ksur minħabba l-għan, li ma jirrikjedix analiżi minn qabel tal-livell suffiċjenti ta’ noċività tal-akkordju [ftehim]?

2)

It-turija tal-element ta’ ‘akkordju’ tal-ksur minħabba l-iffissar (taċitu) ta’ prezzijiet minimi għad-distributuri timplika t-turija konkreta li d-distributuri segwew, fil-prattika, il-prezzijiet iffissati, b’mod speċifiku, permezz ta’ prova diretta?

3)

Huma elementi suffiċjenti biex jiġi kkunsidrat li kien jeżisti ksur minħabba l-iffissar (taċitu) ta’ prezzijiet minimi lid-distributur [l-ewwel] il-komunikazzjoni ta’ tabelli bl-indikazzjoni ta’ prezzijiet minimi u ta’ marġnijiet ta’ distribuzzjoni [it-tieni] it-talba ta’ prezzijiet tal-bejgħ għad-distributuri [it-tielet] is-sottomissjoni ta’ lmenti mid-distributuri – meta jkunu qiesu li l-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid imposti lilhom ma kinux kompetittivi jew meta jkun vverifikaw li d-distributuri kompetituri ma kinux allinjati – [ir—raba’] l-eżistenza ta’ mekkaniżmi ta’ monitorizzazzjoni ta’ prezzijiet (medji minimi) u [il-ħames] miżuri ta’ ritaljazzjoni (mingħajr turija tal-applikazzjoni konkreta tagħhom)?

4)

Fid-dawl tal-Artikolu 101(1)(a) TFUE, tal-Artikolu 4(a) tar-Regolament [Nru 330/2010] u tal-Linji Gwida [dwar restrizzjonijiet vertikali] u tal-ġurisprudenza tal-Unjoni, jista’ jiġi preżunt li l-akkordju bejn il-fornitur u d-distributuri, ta’ ffissar (vertikali) ta’ prezzijiet minimi u ta’ kundizzjonijiet kummerċjali oħra applikabbli għall-bejgħ mill-ġdid jirrappreżenta livell suffiċjenti ta’ noċività għall-kompetizzjoni, bla ħsara għall-analiżi ta’ effetti ekonomiċi pożittivi eventwali li jirriżultaw mill-imsemmija prattika, skont l-Artikolu 101(3) TFUE?

5)

Deċiżjoni ġudizzjarja li tqis li ġiet ikkonstatata l-eżistenza tal-element ta’ natura oġġettiva ta’ ‘akkordju’ bejn fornitur u distributuri bbażat:

[a)]

fuq l-iffissar u l-impożizzjoni, mill-ewwel lit-tieni, b’mod regolari, iġġeneralizzat u mingħajr ebda bidliet matul il-perijodu tal-prattika, tal-kundizzjonijiet kummerċjali li dawn għandhom jissodisfaw meta jbigħu mill-ġdid il-prodotti li jixtru mingħand il-fornitur, b’mod speċifiku l-prezzijiet li jitolbu lill-klijenti tagħhom, prinċipalment f’termini ta’ prezzijiet minimi jew ta’ prezzijiet minimi medji;

[b])

fuq it-trażmissjoni tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid imposti b’mod orali jew bil-miktub (permezz ta’ messaġġi bil-posta elettronika);

[ċ])

fuq in-nuqqas ta’ kapaċità tad-distributuri li jiddeterminaw huma stess l-iffissar tal-prezzijiet tagħhom ta’ bejgħ mill-ġdid;

[d])

fuq il-prattika abitwali u ġeneralizzata (permezz ta’ konverżazzjoni telefonika jew fiżika) fejn il-kollaboraturi tal-fornitur jiġbdu l-attenzjoni lid-distributuri biex josservaw il-prezzijiet indikati;

[e])

fl-osservanza ġeneralizzata, mid-distributuri, tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid iffissati mill-fornitur (bl-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil speċifiku) u fil-konstatazzjoni li l-aġir tad-distributuri fis-suq ikun jikkorrispondi b’mod ġenerali għat-termini indikati mill-fornitur;

[f])

fuq iċ-ċirkustanza li, sabiex ma jispiċċawx f’sitwazzjoni ta’ inosservanza, ħafna drabi jkunu d-distributuri nnifishom li jitolbu indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid lill-fornitur;

[g])

fuq il-verifika tal-fatt li ta’ spiss id-distributuri jilmentaw lill-fornitur dwar il-prezzijiet li għandhom jintalbu, minflok ma jitolbu prezzijiet oħra sempliċement;

[ħ])

fuq l-iffissar, mill-fornitur, ta’ marġnijiet ta’ distribuzzjoni (imnaqqsa) u fuq il-fatt li d-distributuri jassumu li dawn il-marġnijiet jikkorrispondu għal-livell ta’ remunerazzjoni tan-negozju tagħhom;

[i])

fuq il-konstatazzjoni tal-fatt li, permezz tal-impożizzjoni ta’ marġnijiet żgħar, il-fornitur impona prezz minimu ta’ bejgħ mill-ġdid bir-riżultat li l-marġnijiet tad-distributuri huma fin-negattiv;

[j])

fuq politika ta’ tnaqqis tal-prezzijiet mogħtija mill-fornitur lid-distributuri fuq il-bażi tal-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid li jkunu pprattikaw b’mod effettiv – fejn il-prezz minimu li jkun ġie ffissat minn qabel mill-fornitur huwa l-limitu ta’ adattamenti biż-żieda fil-prezzijiet li huwa wettaq fir-rigward tal-bejgħ lill-klijenti finali;

[k])

fuq il-ħtieġa li d-distributuri – attenti, f’ħafna mill-każijiet, għall-marġni ta’ distribuzzjoni fin-negattiv – josservaw il-livelli tal-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid imposti mill-fornitur, fejn il-prattika ta’ prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid inferjuri seħħet biss f’sitwazzjonijiet speċifiċi ħafna u permezz ta’ talba mid-distributuri lill-fornitur għal tnaqqis ġdid fuq il-bejgħ lill-klijenti finali;

[l])

fuq l-iffissar, mill-fornitur, u l-osservanza, mid-distributuri, ta’ tnaqqis massimu li għandu jiġi applikat lill-klijenti rispettivi, li jagħtu lok għal prezz minimu ta’ bejgħ mill-ġdid taħt piena ta’ marġni ta’ distribuzzjoni fin-negattiv;

[m])

fuq l-approċċ dirett tal-fornitur mal-klijenti tad-distributuri u fuq l-iffissar tal-kundizzjonijiet ta’ bejgħ mill-ġdid imposti sussegwentement għal dan;

[n])

fuq l-intervent tal-fornitur, permezz ta’ inizzjattiva tad-distributuri, fis-sens li huwa dan li jiddeċiedi li jiġi applikat tnaqqis kummerċjali partikolari jew li jinnegozja l-kundizzjonijiet kummerċjali ta’ bejgħ mill-ġdid[,] u

[o])

fuq it-talba mid-distributuri ta’ awtorizzazzjoni, mingħand il-fornitur, għat-twettiq ta’ ċertu negozju taħt kundizzjonijiet speċifiċi sabiex tiġi żgurata l-marġni ta’ distribuzzjoni tiegħu

hija kompatibbli mal-Artikolu 101(1)(a) TFUE u mal-ġurisprudenza tal-Unjoni Ewropea?

6)

Akkordju ta’ ffissar ta’ prezzijiet minimi ta’ bejgħ mill-ġdid, bil-karatteristiċi indikati u li jkopru kważi t-territorju nazzjonali kollu, jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri?”

Fuq id‑domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

20

Mingħajr ma eċċepew l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari u mingħajr ma kkontestaw formalment l-ammissibbiltà ta’ ċerti domandi, Super Bock u l-Kummissjoni esprimew id-dubji tagħhom, rispettivament, dwar kemm tista’ tinftiehem il-ħames domanda u dwar il-ħtieġa tat-tieni domanda sabiex tinstab soluzzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

21

Għandu jitfakkar li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li huwa strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, huwa msejjes fuq djalogu bejn qorti u oħra. Għalkemm hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni hijiex neċessarja sabiex tkun tista’ ssolvi t-tilwima li titressaq quddiemha, fid-dawl tal-mekkaniżmu tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, hija wkoll l-istess qorti li għandha tiddeċiedi b’liema mod għandhom jiġu fformulati dawn id-domandi. Għalkemm l-istess qorti hija libera li tistieden lill-partijiet fil-kawża mressqa quddiemha sabiex jissuġġerixxu l-formulazzjoni li tista’ tiġi adottata għad-domandi preliminari, madankollu hija l-istess qorti li, waħedha, għandha tiddeċiedi fl-aħħar mill-aħħar kemm il-forma kif ukoll il-kontenut tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Kelly, C‑104/10, EU:C:2011:506, punti 63 sa 65).

22

Id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija għandha r-responsabbiltà li tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et, C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

23

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, li issa hija riflessa fl-Artikolu 94(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li minnu jifformaw parti d-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega s-sitwazzjonijiet fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Dawn ir-rekwiżiti japplikaw b’mod partikolari fil-qasam tal-kompetizzjoni, li huwa kkaratterizzat minn sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et, C‑320/90 sa C‑322/90, EU:C:1993:26, punti 67, kif ukoll tad‑19 ta’ Jannar 2023, Unilever Italia Mkt. Operations, C‑680/20, EU:C:2023:33, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Barra minn hekk, huwa indispensabbli, hekk kif jistipula l-Artikolu 94(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, li t-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi espożizzjoni fil-qosor tar-raġunijiet li wasslu sabiex il-qorti tar-rinviju jkollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll tar-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

25

F’dan il-każ, fl-ispirtu ta’ kooperazzjoni inerenti għad-djalogu minn qorti għall-oħra u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti l-iktar deċiżjoni utli possibbli, kien ikun preferibbli li l-qorti tar-rinviju tesponi b’mod iktar fil-qosor u ċar, il-perspettiva rispettiva tagħha kemm tat-tilwima mressqa quddiemha kif ukoll tal-kwistjonijiet ta’ liġi li fuqhom hija msejsa t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari iktar milli tirriproduċi, b’mod eċċessivament twil, diversi siltiet tal-annessi tal-proċess li jinsab quddiemha. Bl-istess mod, għalkemm, ċertament, il-qorti tar-rinviju esponiet ir-raġunijiet li wassluha sabiex tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, kien ikun fl-interess ta’ kooperazzjoni utli li hija twettaq ukoll formulazzjoni mill-ġdid tad-domandi ssuġġeriti lilha mill-partijiet fil-kawża prinċipali, sabiex jiġu evitati sovrappożizzjonijiet inutli bejn dawn id-domandi. Kien ikun ukoll utli li jiġu ċċarati l-bażijiet legali u fattwali li fuqhom huma msejsa dawn id-domandi b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti risposti iktar preċiżi u mmirati.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm dan ir-rinviju għal deċiżjoni huwa ammissibbli sa fejn josserva r-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja hija f’pożizzjoni li tipprovdi lill-qorti tar-rinviju biss indikazzjonijiet minimi u ġenerali, sabiex tipprovdilha gwida fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE fiċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

Fuq l‑ewwel u r‑raba’ domanda, dwar il‑kunċett ta’ “restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l‑għan”, fis‑sens tal‑Artikolu 101(1) TFUE

27

Permezz tal-ewwel u r-raba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni li ftehim vertikali ta’ ffissar ta’ prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid jikkostitwixxi “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan” tista’ titwettaq mingħajr eżami minn qabel ta’ jekk dan il-ftehim għandux grad suffiċjenti ta’ noċività għall-kompetizzjoni jew jekk jistax jiġi preżunt li tali ftehim għandu, fih innifsu, tali grad ta’ noċività.

28

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, li hija bbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rwol ta’ din tal-aħħar huwa limitat għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ssirilha domanda dwarhom, f’dan il-każ dwar l-Artikolu 101(1) TFUE. Għalhekk, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja iżda l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa b’mod definittiv jekk, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih din taqa’, il-ftehim inkwistjoni għandux l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni (sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise, C‑306/20, EU:C:2021:935, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tkun qiegħda tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’, abbażi tal-elementi tal-proċess li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti tar-rinviju fl-interpretazzjoni tagħha sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tiddeċiedi t-tilwima (sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise, C‑306/20, EU:C:2021:935, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Prinċipalment, għandu jitfakkar li, abbażi tal-Artikolu 101(1) TFUE, huma inkompatibbli mas-suq intern u pprojbiti l-ftehimiet kollha konklużi bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiki miftiehma kollha li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri u li għandhom bħala għan jew riżultat il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern.

31

Sabiex jaqa’ taħt il-projbizzjoni stipulata f’din id-dispożizzjoni, ftehim għandu jkollu “bħala għan jew bħala riżultat” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja sa mis-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 1966, LTM (56/65, EU:C:1966:38), in-natura alternattiva ta’ din il-kundizzjoni, indikata bil-konġunzjoni “jew”, twassal qabel xejn għall-bżonn li jiġi kkunsidrat l-għan stess tal-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija, C‑345/14, EU:C:2015:784, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise, C‑306/20, EU:C:2021:935, punti 5455 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, ladarba jiġi stabbilit li l-ftehim għandu għan antikompetittiv, ma hemmx lok li jiġu mfittxija l-effetti tiegħu fuq il-kompetizzjoni (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni, C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Il-kunċett ta’ “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan” għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Fil-fatt, dan il-kunċett jista’ jiġi applikat biss għal ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li għandhom grad suffiċjenti ta’ noċività għall-kompetizzjoni sabiex ikun jista’ jitqies li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija, C‑345/14, EU:C:2015:784, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise, C‑306/20, EU:C:2021:935, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Dan espost, il-fatt li ftehim jikkostitwixxi ftehim vertikali ma jeskludix il-possibbiltà li dan jinvolvi “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”. Fil-fatt, għalkemm il-ftehimiet vertikali huma, min-natura tagħhom stess, ħafna drabi inqas dannużi għall-kompetizzjoni milli l-ftehimiet orizzontali, madankollu anki dawn jista’, f’ċerti ċirkustanzi, ikollhom potenzjal restrittiv partikolarment għoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 43, kif ukoll tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise, C‑306/20, EU:C:2021:935, punt 61).

34

Il-kriterju ġuridiku essenzjali sabiex jiġi ddeterminat jekk ftehim, kemm jekk orizzontali kif ukoll jekk vertikali, jinvolvix “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan” jinsab għalhekk fil-konstatazzjoni li tali ftehim għandu, fih innifsu, grad suffiċjenti ta’ noċività għall-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 57, u tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise, C‑306/20, EU:C:2021:935, punt 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

Sabiex jiġi evalwat jekk dan il-kriterju huwiex sodisfatt, għandu jsir riferiment għall-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, għall-għanijiet li huwa jfittex li jilħaq kif ukoll għall-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jinsab fih. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-imsemmi kuntest, hemm lok ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Barra minn hekk, meta l-partijiet għall-ftehim jinvokaw il-punt li l-imsemmi ftehim għandu effetti favur il-kompetizzjoni, dawn l-elementi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala elementi tal-kuntest ta’ dan il-ftehim. Fil-fatt, kemm-il darba dawn ikunu pprovati, rilevanti, speċifiċi għall-ftehim ikkonċernat, u suffiċjentement sinjifikattivi, tali effetti jistgħu jippermettu li jkun hemm dubji raġonevoli dwar in-natura suffiċjentement noċiva ta’ dan il-ftehim għall-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et, C‑307/18, EU:C:2020:52, punti 103, 105107).

37

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat jekk ftehim vertikali ta’ ffissar ta’ prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid jinvolvix “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk dan il-ftehim għandux grad suffiċjenti ta’ noċività għall-kompetizzjoni, fid-dawl tal-kriterji mfakkra fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza.

38

Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni li għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar għandha tieħu wkoll inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza, li hija nnifisha enfasizzat, li ftehim vertikali ta’ ffissar ta’ prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid jista’ jaqa’ taħt il-kategorija tar-“restrizzjonijiet fundamentali”, fis-sens tal-Artikolu 4(a) tar-Regolamenti Nri 2790/1999 u 330/2010, bħala element tal-kuntest legali.

39

Min-naħa l-oħra, din iċ-ċirkustanza ma hijiex ta’ natura li teżenta lill-qorti tar-rinviju mit-twettiq tal-evalwazzjoni msemmija fil-punt 37 ta’ din is-sentenza.

40

Fil-fatt, l-uniku għan kemm tal-Artikolu 4(a) tar-Regolament Nru 2790/1999, moqri fid-dawl tal-premessa 10 tiegħu, kif ukoll tal-Artikolu 4(a) tar-Regolament Nru 330/2010, moqri fid-dawl tal-premessa 10 tiegħu, huwa dak huwa li ċerti restrizzjonijiet vertikali jiġu esklużi mill-kamp tal-eżenzjoni ta’ kategorija. Din l-eżenzjoni, stipulata fl-Artikolu 2 ta’ kull wieħed minn dawn ir-regolamenti, moqrija fid-dawl tal-premessi 5 rispettivi tagħhom, hija ta’ benefiċċju għall-ftehimiet vertikali li ma humiex preżunti bħala noċivi għall-kompetizzjoni.

41

Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 2790/1999 u 330/2010 ma jinkludu ebda indikazzjoni dwar il-klassifikazzjoni tal-imsemmija restrizzjonijiet bħala “restrizzjoni minħabba l-għan” jew “minħabba l-effett”. Barra minn hekk, hekk kif osservat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub li hija ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċetti ta’ “restrizzjoni fundamentali” u ta’ “restrizzjoni minħabba l-għan” ma humiex kunċettwalment interkambjabbli u ma huwiex neċessarjament minnu li jikkoinċidu. Hemm għalhekk lok li jitwettaq eżami, każ b’każ, tar-restrizzjonijiet esklużi mill-imsemmija eżenzjoni, fid-dawl tal-Artikolu 101(1) TFUE.

42

Minn dan isegwi li l-qorti tar-rinviju ma tistax tevita li twettaq l-evalwazzjoni msemmija fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, għar-raġuni li ftehim vertikali ta’ ffissar ta’ prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid f’kull każ jikkostitwixxi jew għandu jitqies li jikkostitwixxi tali restrizzjoni minħabba l-għan.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni li ftehim vertikali ta’ ffissar ta’ prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid jinvolvi “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan” tista’ titwettaq biss wara li jkun ġie ddeterminat li dan il-ftehim jiżvela grad suffiċjenti ta’ noċività għall-kompetizzjoni, meqjusa l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, l-għanijiet li jrid jilħaq kif ukoll l-elementi kollha li jikkaratterizzaw il-kuntest ekonomiku u legali li minnu dan jifforma parti.

Fuq it‑tielet u l‑ħames domanda, dwar il‑kunċett ta’ “ftehim”, fis‑sens tal‑Artikolu 101 TFUE

44

Permezz tat-tielet u tal-ħames domanda, li għandhom jiġu eżaminati fit-tieni lok u flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jeżisti “ftehim”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, meta fornitur jimponi fuq id-distributuri tiegħu prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid tal-prodotti li huwa jikkummerċjalizza.

45

Il-qorti tar-rinviju titlob, għalhekk, kjarifika dwar il-kunċett ta’ “ftehim”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, sabiex tkun tista’ tiddetermina jekk, fiċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jeżistix tali ftehim bejn Super Bock u d-distributuri tagħha. Peress li d-dubju li hija għandha huwa bbażat fuq diversi ipoteżi fattwali elenkati fit-tielet u fil-ħames domanda magħmula, li huma parzjalment diverġenti u li wħud minnhom huma kkontestati minn Super Bock, għandu jitfakkar li, konformement mas-separazzjoni tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar il-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

46

Dan espost, jista’ jitqies, wara qari tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt imwettqa mill-qorti tar-rinviju, li dawn id-domandi saru f’kuntest fejn Super Bock tittrasmetti, regolarment, lid-distributuri tagħha listi ta’ prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid u ta’ marġni ta’ distribuzzjoni. Minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li l-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid hekk indikati jiġu, fil-prattika, segwiti mid-distributuri li, xi drabi, jitolbu tali indikazzjoni u ma jeżitawx li jilmentaw ma Super Bock dwar il-prezzijiet trażmessi minflok ma japplikaw prezzijiet oħra. Fl-aħħar, skont l-imsemmija konstatazzjonijiet, l-indikazzjoni tal-prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid hija akkumpanjata minn mekkaniżmi ta’ sorveljanza tal-prezzijiet u n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-prezzijiet jista’ jagħti lok għal miżuri ta’ ritaljazzjoni u jwassal għall-applikazzjoni ta’ marġni ta’ distribuzzjoni negattivi.

47

Din il-preċiżazzjoni preliminari esposta, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ikun hemm “ftehim” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, huwa biżżejjed li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew ir-rieda komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod speċifiku (sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise, C‑306/20, EU:C:2021:935, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Għalhekk ftehim ma jistax ikun ibbażat fuq l-espressjoni ta’ politika purament unilaterali ta’ parti għal kuntratt ta’ distribuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Jannar 2004, BAI u Il-Kummissjoni vs Bayer, C‑2/01 P u C‑3/01 P, EU:C:2004:2, punti 101102).

49

Madankollu, att, jew imġiba, apparentement unilaterali jikkostitwixxi ftehim, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, meta dan ikun l-espressjoni tar-rieda konkordanti ta’ minn tal-inqas żewġ partijiet, peress li l-forma li fiha tiġi espressa din ir-rieda ma hijiex, fiha nfisha, determinanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Volkswagen, C‑74/04 P, EU:C:2006:460, punt 37).

50

Din ir-rieda konkordanti tal-partijiet tista’ tirriżulta kemm minn klawżoli tal-kuntratt ta’ distribuzzjoni inkwistjoni, meta dan ikun jinkludi stedina espliċita għall-osservanza tal-prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid jew jawtorizza, minn tal-inqas, lill-fornitur jimponi tali prezzijiet, kif ukoll mill-imġieba tal-partijiet u, b’mod partikolari, mill-eventwali eżistenza ta’ kunsens, espliċitu jew taċitu, min-naħa tad-distributuri għal stedina biex josservaw prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Jannar 2004, BAI u Il-Kummissjoni vs Bayer, C‑2/01 P u C‑3/01 P, EU:C:2004:2, punti 100102, kif ukoll tat‑13 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Volkswagen, C‑74/04 P, EU:C:2006:460, punti 39, 4046).

51

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa ċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza.

52

F’dan il-kuntest, il-fatt li fornitur jitrażmetti regolarment lid-distributuri listi li jindikaw il-prezzijiet minimi ddeterminati minnu u l-marġni ta’ distribuzzjoni kif ukoll il-fatt li huwa jitlobhom josservaw l-imsemmija prezzijiet, taħt is-sorveljanza tiegħu, taħt piena ta’ miżuri ta’ ritaljazzjoni u bir-riskju, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-miżuri, li jiġu applikati marġni ta’ distribuzzjoni negattivi, huma elementi li jistgħu jwasslu għall-konklużjoni li dan il-fornitur qiegħed jipprova jimponi fuq id-distributuri tiegħu prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid. Għalkemm, waħedhom, dawn il-fatti jidhru li jirriflettu aġir apparentement unilaterali min-naħa tal-imsemmi fornitur, ikun mod ieħor jekk id-distributuri osservaw dawn il-prezzijiet. Fid-dawl ta’ dan kollu, iċ-ċirkustanzi li d-distributuri, fil-prattika, isegwu l-prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid jew jitolbu l-indikazzjoni tagħhom filwaqt li, għalkemm jilmentaw mal-fornitur fir-rigward tal-prezzijiet indikati, ma japplikawx prezzijiet oħra deċiżi minnhom stess jistgħu jkunu ta’ natura li jirriflettu l-kunsens tad-distributuri għall-iffissar, mill-fornitur, tal-prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid.

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet u għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżisti “ftehim”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, meta fornitur jimponi fuq id-distributuri tiegħu prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid tal-prodotti li huwa jikkummerċjalizza, sa fejn l-impożizzjoni ta’ dawn il-prezzijiet mill-fornitur u l-osservanza tagħhom mid-distributuri jirriflettu l-espressjoni tar-rieda konkordanti ta’ dawn il-partijiet. Din ir-rieda konkordanti tista’ tirriżulta kemm mill-klawżoli tal-kuntratt ta’ distribuzzjoni inkwistjoni, meta dan ikun jinkludi stedina espliċita għall-osservanza tal-prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid jew jawtorizza, minn tal-inqas, lill-fornitur jimponi tali prezzijiet, kif ukoll mill-imġieba tal-partijiet u, b’mod partikolari, mill-eventwali eżistenza ta’ kunsens, espliċitu jew taċitu, min-naħa tad-distributuri għal stedina biex josservaw prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid.

Fuq it‑tieni domanda, dwar il‑prova tal‑eżistenza ta’ “ftehim”, fis‑sens tal‑Artikolu 101 TFUE

54

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ “ftehim”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, bejn fornitur u d-distributuri tiegħu tista’ tiġi stabbilita biss permezz ta’ provi diretti.

55

Skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni dwar il-prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni tal-provi u l-livell ta’ prova meħtieġ fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi tali regoli, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, madankollu taħt il-kundizzjoni li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Eturas et, C‑74/14, EU:C:2016:42, punti 30 sa 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56

Issa, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-prinċipju ta’ effettività jeħtieġ li l-prova ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni tkun tista’ tiġi prodotta mhux biss permezz ta’ provi diretti, iżda wkoll permezz ta’ indizji, dejjem sakemm dawn ikunu oġġettivi u konkordanti. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ prattika miftiehma jew ta’ ftehim għandha, fil-parti l-kbira tal-każijiet, tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, meta kkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni eżistenza (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Eturas et, C‑74/14, EU:C:2016:42, punti 3637 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57

Minn dan isegwi li l-eżistenza ta’ “ftehim”, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, li jirrigwarda prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid tista’ tiġi stabbilita, mhux biss permezz ta’ provi diretti, iżda wkoll abbażi ta’ koinċidenzi u indizji konkordanti, dejjem sakemm minnhom jista’ jiġi inferit li fornitur stieden lid-distributuri tiegħu sabiex isegwu tali prezzijiet u sakemm dawn tal-aħħar osservaw, fil-prattika, il-prezzijiet indikati mill-fornitur.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ “ftehim”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, bejn fornitur u d-distributuri tiegħu tista’ tiġi stabbilita mhux biss permezz ta’ provi diretti, iżda wkoll permezz ta’ indizji oġġettivi u konkordanti, li minnhom tista’ tiġi inferita l-eżistenza ta’ tali ftehim.

Fuq is‑sitt domanda, dwar il‑kunċett ta’ “effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri”, fis‑sens tal‑Artikolu 101(1) TFUE

59

Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li ftehim vertikali ta’ ffissar ta’ prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid ikun ikopri kważi t-territorju kollu, iżda mhux it-territorju sħiħ, ta’ Stat Membru, jipprekludi li dan il-ftehim jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

60

Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni li tgħid li ftehim, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, huwa neċessarju li dan il-ftehim jippermetti li jiġi previst b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti, abbażi ta’ numru ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatt, li dan jista’ jeżerċita influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, u dan b’mod li jagħti x’jifhem li jista’ jostakola r-realizzazzjoni ta’ suq uniku bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, jeħtieġ, li din l-influwenza ma tkunx insinjifikattiva (sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2015, ING Pensii, C‑172/14, EU:C:2015:484, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri jirriżulta b’mod ġenerali mill-preżenza simultanja ta’ diversi fatturi li, meta kkunsidrati waħedhom, ma jkunux neċessarjament determinanti. Sabiex jiġi vverifikat jekk akkordju għandux effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri huwa meħtieġ li dan jiġi eżaminat fil-kuntest ekonomiku u legali tiegħu (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-għan ta’ akkordju jkun biss il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti fi Stat Membru wieħed biss ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi eskluż li l-kummerċ bejn Stati Membri jista’ jiġi affettwat. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li akkordju li jkun mifrux fuq it-territorju kollu ta’ Stat Membru għandu, min-natura tiegħu stess, l-effett li jikkonsolida d-diviżjonijiet ta’ natura nazzjonali, u b’hekk jostakola l-interpenetrazzjoni ekonomika mixtieqa mit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 1975, Groupement des fabricants de papiers peints de Belgique et vs Il-Kummissjoni, 73/74, EU:C:1975:160, punti 2526, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2015, ING Pensii, C‑172/14, EU:C:2015:484, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li akkordju li jkopri biss parti mit-territorju ta’ Stat Membru jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 1987, Aubert, 136/86, EU:C:1987:524, punt 18).

64

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u legali tal-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan tal-aħħar jistax jaffettwa b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn Stati Membri.

65

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, id-domanda li għandha tingħata għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li ftehim vertikali ta’ ffissar ta’ prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid ikun ikopri kważi t-territorju kollu, iżda mhux it-territorju sħiħ, ta’ Stat Membru, ma jipprekludix li dan il-ftehim jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

Fuq l‑ispejjeż

66

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 101(1) TFUE

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-konstatazzjoni li ftehim vertikali ta’ ffissar ta’ prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid jinvolvi “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan” tista’ titwettaq biss wara li jkun ġie ddeterminat li dan il-ftehim jiżvela grad suffiċjenti ta’ noċività għall-kompetizzjoni, meqjusa l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, l-għanijiet li jrid jilħaq kif ukoll l-elementi kollha li jikkaratterizzaw il-kuntest ekonomiku u legali li minnu dan jifforma parti.

 

2)

L-Artikolu 101(1) TFUE

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jeżisti “ftehim”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, meta fornitur jimponi fuq id-distributuri tiegħu prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid tal-prodotti li huwa jikkummerċjalizza, sa fejn l-impożizzjoni ta’ dawn il-prezzijiet mill-fornitur u l-osservanza tagħhom mid-distributuri jirriflettu l-espressjoni tar-rieda konkordanti ta’ dawn il-partijiet. Din ir-rieda konkordanti tista’ tirriżulta kemm mill-klawżoli tal-kuntratt ta’ distribuzzjoni inkwistjoni, meta dan ikun jinkludi stedina espliċita għall-osservanza tal-prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid jew jawtorizza, minn tal-inqas, lill-fornitur jimponi tali prezzijiet, kif ukoll mill-imġieba tal-partijiet u, b’mod partikolari, mill-eventwali eżistenza ta’ kunsens, espliċitu jew taċitu, min-naħa tad-distributuri għal stedina biex josservaw prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid.

 

3)

L-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ effettività,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-eżistenza ta’ “ftehim”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, bejn fornitur u d-distributuri tiegħu tista’ tiġi stabbilita mhux biss permezz ta’ provi diretti, iżda wkoll permezz ta’ indizji oġġettivi u konkordanti, li minnhom tista’ tiġi inferita l-eżistenza ta’ tali ftehim.

 

4)

L-Artikolu 101(1) TFUE

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-fatt li ftehim vertikali ta’ ffissar ta’ prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid ikun ikopri kważi t-territorju kollu, iżda mhux it-territorju sħiħ, ta’ Stat Membru, ma jipprekludix li dan il-ftehim jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.