Kawżi magħquda C‑184/22 u C‑185/22
IK
vs
KfH Kuratorium für Dialyse und Nierentransplantation eV
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad‑29 ta’ Lulju 2024
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Artikolu 157 TFUE – Ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2006/54/KE – Artikolu 2(1)(b) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess – Xogħol part-time – Direttiva 97/81/KE – Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time – Klawżola 4 – Projbizzjoni li l-ħaddiema part-time jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema full-time tal-istess tip – Ħlas ta’ żieda fis-salarju biss għas-sahra maħduma mill-ħaddiema part‑time lil hinn mis-sigħat ta’ xogħol normali stabbiliti għall-ħaddiema full-time”
Politika soċjali – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol part-time – Direttiva 97/81 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni tal-ħaddiema part-time – Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Aċċess għall-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol – Ugwaljanza fit-trattament – Direttiva 2006/54 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ħlas ta’ żieda fis-salarju għall-ħaddiema part-time biss għas-sahra maħduma lil hinn mis-sigħat ta’ xogħol normali stabbiliti għall-ħaddiema full-time – Trattament inqas favorevoli tal-ħaddiema part-time – Ġustifikazzjoni – Assenza
(Artikolu 157 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 97/81, Anness, punt (1) tal-klawżola 4)
(ara l-punti 30 sa 38, 40, 42 sa 45, 47, 49 sa 53, u d-dispożittiv 1)
Politika soċjali – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol part-time – Direttiva 97/81 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni tal-ħaddiema part-time – Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Aċċess għall-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol – Ugwaljanza fit-trattament – Direttiva 2006/54 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ħlas ta’ żieda fis-salarju għall-ħaddiema part-time biss għas-sahra maħduma lil hinn mis-sigħat ta’ xogħol normali stabbiliti għall-ħaddiema full-time – Ħaddiema part-time, essenzjalment ta’ sess femminili – Diskriminazzjoni indiretta – Ġustifikazzjoni – Assenza
(Artikolu 157 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/54, Artikolu 2(1)(b) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4)
(ara l-punti 56 sa 61, 63 sa 65, 67, 70 sa 73, u d-dispożittiv 2)
Sunt
Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-kundizzjonijiet li fihom il-ħlas ta’ żieda fis-salarju għas-sahra, previst biss, fir-rigward tal-ħaddiema part-time, għas-sigħat ta’ xogħol maħduma lil hinn mis-sigħat normali ta’ xogħol stabbiliti għall-ħaddiema full-time li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, jikkostitwixxi trattament “inqas favorevoli” u diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess.
IK (Kawża C‑184/22) u CM (Kawża C‑185/22) kienu impjegati bħala carers part-time minn KfH Kuratorium für Dialyse und Nierentransplantation eV, fornitur ta’ servizzi ta’ dijalisi outpatient li topera fit-territorju kollu tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Skont il-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, huma kellhom iwettqu 40 % u 80 %, rispettivament, tas-sigħat ta’ xogħol normali fil-ġimgħa mwettqa minn impjegat full-time, li kienu stabbiliti għal 38.5 sigħat mill-ftehim kollettiv ġenerali applikabbli fis-settur ikkonċernat.
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors quddiem l-Arbeitsgericht (il-Qorti Industrijali, il-Ġermanja), sabiex jiksbu kreditu ta’ ħin li jikkorrispondi għaż-żieda fis-salarju dovut għas-sahra maħduma lil hinn mis-sigħat ta’ xogħol miftiehma fil-kuntratt ta’ xogħol tagħhom kif ukoll kumpens. Huma sostnew li kienu ġew ittrattati b’mod inqas favorevoli mill-impjegati full-time minħabba li kienu huma jaħdmu part-time u sofrew diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess sa fejn il-konvenuta fil-kawża prinċipali kienet timpjega fil-parti l-kbira nisa bħala part-time.
Peress li dawn ir-rikorsi ġew miċħuda, IK u CM appellaw quddiem il-Landesarbeitsgericht Hessen (il-Qorti Industrijali Superjuri ta’ Hessen, il-Ġermanja), li kkundannat lill-persuna li timpjega sabiex tikkredita l-kontijiet ta’ tfaddil tal-ħin tagħhom, iżda ċaħdet it-talba għall-ħlas ta’ kumpens.
Adita b’appell għal reviżjoni, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni jekk IK u CM kinux suġġetti għal trattament “inqas favorevoli” bħala ħaddiema part-time, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time ( 1 ), kif ukoll ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, fis-sens tad-Direttiva 2006/54 ( 2 ).
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-ħlas ta’ żieda fis-salarju għas-sahra jkun previst, għall-ħaddiema part-time, biss għas-sigħat ta’ xogħol maħduma lil hinn mis-sigħat normali ta’ xogħol iffissati għall-ħaddiema full-time li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, tikkostitwixxi trattament “inqas favorevoli” tal-ħaddiema part-time, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas.
F’dan ir-rigward, hija enfasizzat qabel kollox li din il-klawżola ma għandhiex tiġi interpretata b’mod restrittiv u li hija intiża li tapplika l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni għall-ħaddiema part-time.
Peress li l-fatt li s-servizzi pprovduti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu komparabbli ma’ dawk imwettqa mill-ħaddiema full-time ma kienx jidher li kien ikkontestat fil-każ ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement eżaminat il-kwistjoni dwar jekk kinitx teżisti differenza fit-trattament bejn il-persuni li kienu jaħdmu bħala carers part-time u dawk li kienu jaħdmu bħala carers full-time.
F’dan ir-rigward, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju rriżulta li persuna li taħdem bħala carer part‑time kellha twettaq l-istess numru ta’ sigħat ta’ xogħol bħal persuna li kienet taħdem bħala carer full-time sabiex tibbenefika miż-żieda fis-salarju għas-sahra, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sigħat ta’ xogħol normali miftiehma individwalment fil-kuntratt ta’ xogħol ta’ din il-persuna. B’hekk, il-persuni li kienu jaħdmu bħala carers full-time kienu jirċievu żieda għas-sahra sa mill-ewwel siegħa ta’ xogħol imwettqa lil hinn mis-sigħat normali ta’ xogħol li jikkonċernawhom, jiġifieri 38.5 sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa, filwaqt li l-persuni li kienu jaħdmu bħala carers part-time ma kinux jirċievu żieda għas-sigħat ta’ xogħol li kienu jaħdmu lil hinn mis-sigħat normali ta’ xogħol miftehma fil-kuntratti ta’ xogħol tagħhom iżda sas-sigħat ta’ xogħol normali stabbiliti għall-persuni li kienu jaħdmu bħala carers full-time.
Konsegwentement, deher li l-persuni li kienu jaħdmu bħala carers part-time kienu suġġetti għal trattament “inqas favorevoli” meta mqabbla ma’ persuni li kienu jaħdmu bħala carers full-time.
Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet lill-qorti tar-rinviju l-indikazzjonijiet neċessarji sabiex hija tkun tista’ tevalwa jekk din id-differenza fit-trattament setgħetx titqies li kienet iġġustifikata minn “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas.
F’dan ir-rigward, hija fakkret li l-kunċett ta’ “raġuni oġġettiva” jeżiġi li d-differenza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata mill-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni ta’ xogħol ikkonċernata, fil-kuntest partikolari li minnu tkun tagħmel parti, u abbażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex wieħed ikun jista’ jiżgura ruħu li din id-differenza tissodisfa bżonn ġenwin, tkun xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u tkun neċessarja għal dan l-għan.
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-għan li l-persuna li timpjega tiġi dissważa milli timponi fuq il-ħaddiema li jagħmlu s-sahra lil hinn mis-sigħat ta’ xogħol miftiehma individwalment għal dawn il-ħaddiema jistax jikkostitwixxi “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, l-iffissar ta’ limitu uniformi għall-ħaddiema part-time u għall-ħaddiema full-time, fir-rigward tal-għoti ta’ żieda fis-salarju għas-sahra, ma huwiex, fir-rigward ta’ ħaddiema part-time, tali li jilħaq dan l-għan.
Barra minn hekk, għal dak li kien jikkonċerna l-għan li jiġi evitat li l-ħaddiema full-time jiġu ttrattati b’mod sfavorevoli meta mqabbla mal-ħaddiema part-time, f’dak li jirrigwarda s-sahra, il-ħaddiema full-time kienu jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-ħaddiema part-time, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ pro rata temporis. Għaldaqstant, dan it-tieni għan lanqas ma seta’ jiġġustifika d-differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema part-time u l-ħaddiema full-time.
Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet tikkostitwixxi wkoll diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 2(1)(b) u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54.
Fil-fatt, minkejja li fil-każ ineżami din kienet miżura apparentement newtrali, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju rriżulta li din il-miżura kienet tqiegħed fi żvantaġġ proporzjon sinjifikattivament ikbar ta’ persuni ta’ sess femminili meta mqabbla ma’ persuni ta’ sess maskili mingħajr ma lanqas kien neċessarju li l-grupp ta’ ħaddiema li ma kienx żvantaġġjat mill-imsemmija leġiżlazzjoni, jiġifieri l-ħaddiema full-time, kien ikun ikkostitwit minn numru kunsiderevolment ogħla ta’ rġiel milli nisa. Kienet il-qorti tar-rinviju li kellha tevalwa sa fejn l-informazzjoni li hija kellha dwar is-sitwazzjoni tal-ħaddiema kienet valida u jekk din setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni. Il-qorti nazzjonali kellha teżamina wkoll l-elementi rilevanti kollha ta’ natura kwalitattiva sabiex tiddetermina jekk tali żvantaġġ kienx jeżisti billi tieħu inkunsiderazzjoni l-ħaddiema kollha suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li fuqha kienet ibbażata d-differenza fit-trattament ikkonċernata.
Barra minn hekk, din id-diskriminazzjoni indiretta ma setgħetx, l-istess bħal trattament “inqas favorevoli” tal-ħaddiema part-time meta mqabbla mal-ħaddiema full-time, u dan għall-istess raġunijiet, tiġi ġġustifikata mit-tfittxija, minn naħa, tal-għan li l-persuna li timpjega tiġi dissważa milli timponi fuq il-ħaddiema li jagħmlu s-sahra lil hinn mis-sigħat ta’ xogħol miftiehma individwalment fil-kuntratti ta’ xogħol tagħhom, u, min-naħa l-oħra, tal-għan li jiġi evitat li l-ħaddiema full-time jingħataw trattament inqas favorevoli meta mqabbla mal-ħaddiema part-time.
( 1 ) Ftehim Qafas dwar xogħol part‑time, konkluż fis‑6 ta’ Ġunju 1997 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal‑15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267)
( 2 ) Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23)